Brussell, 29.4.2016

SWD(2016) 143 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li timplimenta l-Ftehim konkluż bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), u l-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche) tal-21 ta' Mejju 2012 kif emendat fit-8 ta' Mejju 2013 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol

{COM(2016) 235 final}
{SWD(2016) 144 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt proporzjonata dwar il-Ftehim tal-Imsieħba Soċjali tal-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-ILO, 2007.

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għalfejn? X’inhi l-problema li qiegħda tiġi indirizzata?

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd (C188) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) kienet adottata fl-2007 bil-għan li tissupplimenta u taġġorna l-istandards tal-kundizzjonijiet tax-xogħol internazzjonali għal dan is-settur. F'dik is-sena, il-Kummissjoni nediet l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali tal-UE skont l-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE). L-imsieħba soċjali tal-UE ġew mistiedna “jeżaminaw il-possibilitajiet ta’ inizjattiva konġunta biex tippromwovi l-applikazzjoni fl-UE tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni riċenti dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-ILO, 2007”. Il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l-Assoċjazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd (Europêche) u l-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-UE (COGECA), ikkonkludew ftehim fit-8 ta’ Mejju 2013 u fl-10 ta’ Mejju 2013 u talbu lill-Kummissjoni biex tittrasponi l-ftehim fil-leġiżlazzjoni tal-UE (permezz ta’ Direttiva). Fil-ftehim tagħhom, l-imsieħba soċjali tal-UE xtaqu jgħaqqdu d-dispożizzjonijiet mill-acquis tal-UE mal-Konvenzjoni C188 tal-ILO.

Il-problemi ewlenin identifikati huma li r-riskji u l-gravità ta’ aċċidenti u tal-mard okkupazzjonali huma għoljin u l-inċidenza tagħhom hija ferm ogħla milli f’setturi ekonomiċi oħra. Dan iwassal għal assenza mix-xogħol u għal tluq bikri mis-settur, kif ukoll żieda fl-ispejjeż għal min iħaddem u għas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Il-kawżi ewlenin huma: 1. Fatturi relatati max-xogħol: l-aċċidenti ħafna drabi jkunu kkawżati mill-għeja minħabba ħinijiet twal tax-xogħol, u minħabba kundizzjonijiet inadegwati tas-saħħa u tas-sikurezza jew tax-xogħol. 2. Ratifika bilmod: it-trattati internazzjonali eżistenti dwar is-sikurezza abbord tal-bastimenti għadhom ma daħlux fis-seħħ minħabba r-ratifika bilmod. Franza hija l-uniku Stat Membru tal-UE li rratifikat il-Konvenzjoni C188. 3. Frammentazzjoni Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ix-xogħol u dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, li tipprovdi regoli applikabbli għall-ħaddiema kollha, toffri qafas frammentat li mhux kompletament adatt għall-kundizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol fis-setturi partikolari. Fi kwistjonijiet li mhux koperti mill-acquis tal-UE, l-Istati Membri tal-UE introduċew regoli nazzjonali diverġenti ħafna.

X’inhu mistenni li tikseb din l-inizjattiva?

Objettiv ġenerali: Li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien għas-sajjieda li jaħdmu abbord bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-UE. Għanijiet speċifiċi: (1) li ttejjeb is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għas-sajjieda fl-UE; u (2) li tistabbilixxi qafas ġuridiku konsolidat adatt għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tas-sajd fuq il-baħar.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Azzjoni fil-livell tal-UE twassal għal qafas ġuridiku konsolidat tal-UE għas-settur tas-sajd fuq il-baħar, konformi mal-istandards internazzjonali, li jkun jinkludi elementi li bħalissa għadhom mhumiex irregolati fil-livell tal-UE, bħal pereżempju ċ-ċertifikat mediku għas-sajjieda jew id-dritt għall-kura medika abbord. Tibni fuq l-istandards eżistenti internazzjonali u tal-UE fl-applikazzjoni tat-Trattati tal-UE. Qafas tal-UE kieku jwassal għal kondizzjonijiet ekwi fis-settur tas-sajd fil-baħar fost l-Istati Membri tal-UE. Il-Ftehim se jgħin biex iħaffef ir-ratifika tat-trattati internazzjonali. Se jsaħħaħ ukoll it-tmexxija tal-UE fir-rigward ta’ pajjiżi terzi u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex titjieb il-konformità mal-miżuri internazzjonali, inkluż il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għalfejn?

Il-Kummissjoni tista’ biss taċċetta jew tirrifjuta t-talba tal-partijiet firmatarji għal leġiżlazzjoni li timplimenta l-Ftehim. Ma tistax temenda t-test tal-ftehim. Għalhekk, approċċ politiku wieħed biss ġie analizzat, (jiġifieri l-miżuri ddefiniti fil-ftehim), u mqabbel max-xenarju bażiku (jiġifieri l-għażla ta’ ebda azzjoni ulterjuri mill-UE). Fit-tqabbil tal-għażliet, wieħed jista’ jikkonkludi li l-ftehim jissodisfa l-objettivi stabbiliti ta’ spejjeż ġenerali raġonevoli u li l-implimentazzjoni tal-Ftehim permezz ta’ Direttiva tkun xierqa.

Liema għażla u min jappoġġaha?

Il-ftehim ġie konkluż mill-imsieħba soċjali tal-UE fis-settur tas-sajd fil-baħar.

Il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF): tirrappreżenta l-ħaddiema fis-settur tas-sajd fil-baħar bi sħubija fi 11-il Stat Membru (BE, BG, DE, DK, ES, FR, IT, NL, PL, PT u UK).

L-Europêche: tiġbor flimkien lill-impjegaturi fis-settur, kemm dawk artiġjanali u kif ukoll dawk fuq skala kbira, fi 11-il Stat Membru (BE, DE, DK, ES, FR, EL, IT, NL, PL, SE u UK) u 2 oħra bi status ta’ osservatur (LV u LT).

COGECA: tirrappreżenta l-interessi ġenerali u speċifiċi tal-kooperattivi agrikoli, forestali, tas-sajd u agroalimentari bi sħubija minn 11-il organizzazzjoni nazzjonali (CY, DE, EE, ES, FR, EL, IE, IT, MT, NL u SI).

B’kollox, hemm rappreżentati 16-il Stat Membru involuti fis-sajd fil-baħar. Barra minn hekk, 8 Stati Membri (ES, IT, PT, EL, FR, NL, PL u UK) li jirrappreżentaw 84 % tas-settur f’termini tal-impjiegi totali u 87 % f’termini ta’ ekwivalenti full-time huma rappreżentati fi ħdan il-Kumitat tad-Djalogu Soċjali tal-UE. Għalhekk, wieħed jista’ jikkonkludi li l-imsieħba soċjali li ffirmaw il-ftehim huma rappreżentattivi tas-settur u ġustament jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni għal-leġiżlazzjoni biex jimplimentaw il-ftehim skont l-Artikolu 155 TFUE. L-Istati Membri kollha tal-UE vvutaw favur il-Konvenzjoni C188 tal-ILO meta ġiet adottata fl-2007. Franza hija l-uniku Stat Membru tal-UE li rratifikatha. Uħud mill-Istati Membri tal-UE (UK, NL, EE u DK) qed iħejju biex jirratifikaw il-Konvenzjoni.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk prinċipali)?

Il-ftehim se jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fis-settur tas-sajd fil-baħar f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħinijiet tax-xogħol, mal-età minima, maċ-ċertifikazzjoni medika, mal-valutazzjoni tar-riskju u mat-trattament mediku abbord. Se joħloq ukoll kundizzjonijiet ekwi għas-settur billi jistabbilixxi standards minimi madwar l-UE. Il-benefiċċji prinċipali għall-grupp tal-partijiet ikkonċernati huma kif ġej.

Għall-impjegaturi l-ftehim se jnaqqas l-inċidenza tal-aċċidenti, tal-korrimenti u tal-mard okkupazzjonali u l-ispejjeż assoċjati ta’ kumpens, ta' telf ta’ produzzjoni u ta' bdil tal-persunal. It-tnaqqis fin-numru ta’ mard okkupazzjonali huwa stmat li jipprovdi benefiċċju annwali għall-impjegaturi ta’ EUR 200 000. Il-bidla fl-inċidenza tal-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol tista’ tiffranka lill-impjegaturi aktar minn EUR 400 000. L-analiżi turi li t-tnaqqis tal-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u tal-mard okkupazzjonali għandu jippersisti fuq tul ta’ żmien u, fuq perjodu ta’ ħames snin, bejn 200 u 2 000 aċċident fuq il-post tax-xogħol u bejn 300 u 1 300 episodju ta’ mard okkupazzjonali jistgħu jiġu evitati, b’benefiċċju totali għall-impjegaturi ta’ bejn EUR 0,2 u EUR 1,6 miljun għall-mard okkupazzjonali u EUR 0,4 u EUR 3,8 miljun għall-aċċidenti.

Għall-ħaddiema se twassal għal riskju aktar baxx ta’ aċċidenti jew ta’ mard u għaldaqstant, riskju aktar baxx ta’ telf tal-kapaċità tal-qligħ, li jippermettulhom li jibqgħu fis-settur u li tiżdied l-attraenza tas-settur għaż-żgħażagħ u għall-ħaddiema tas-sengħa.

Għall-awtoritajiet nazzjonali se twassal għal inqas spejjeż fis-servizzi soċjali u fil-kura tas-saħħa. Il-benefiċċji għall-awtoritajiet nazzjonali se jippersistu lill hinn mill-perjodu sħiħ ta’ ħames snin analizzat, u l-benefiċċju totali f’rabta mal-iffrankar tal-ispejjeż għall-kura fl-isptarijiet huma stmati għal madwar EUR 0,2 u EUR 1,5 miljun fuq perjodu ta’ ħames snin.

X'inhuma l-ispejjeż tal-għażliet ippreferuti (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)?

B’mod ġenerali, l-ebda żieda sinifikanti fl-ispejjeż bl-implimentazzjoni tal-Ftehim ma hija mistennija. Xi spejjeż se jseħħu darba biss (jiġifieri l-ispejjeż marbuta mal-implimentazzjoni tal-ftehim fil-leġiżlazzjoni nazzjonali) u xi spejjeż jkunu ta’ natura ripetittiva (jiġifieri l-ispejjeż marbuta maċ-ċertifikat mediku, li perjodikament jeħtieġ jiġi mġedded, l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni, eċċ.). L-ispejjeż ivarjaw bejn l-Istati Membri skont il-grad li fih il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom diġà hija konformi mal-ftehim.

Franza hija l-uniku Stat Membru tal-UE li rratifikat il-Konvenzjoni. Xi Stati Membri (BE, DE, DK, EE, EL, FI, HR, LT, LV, NL, u PL) jikkonformaw mal-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, u għalhekk l-ispejjeż għal dawn l-Istati Membri se jkunu limitati. Spanja, il-Portugall, l-Italja u r-Renju Unit se jkollhom jadattaw ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni tagħhom (jiġifieri ċ-ċertifikazzjoni medika, id-dritt tar-ripatrijazzjoni). Madankollu, għall-Istati Membri li se jkollhom ibiddlu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-ispiża għal kull ħaddiem jew għal kull intrapriża se tibqa’ globalment proporzjonali għall-objettiv li jrid jinkiseb. L-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni huma stmati għal EUR 10 000 għal kull ripatrijazzjoni, u dan iwassal għal total ta’ EUR 0.1 miljun kull sena. L-ispejjeż taċ-ċertifikat mediku huma stmati għal total ta’ EUR 0.5 miljun fis-sena.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Kważi 90 % tal-intrapriżi f’dan is-settur huma mikrointrapriżi b’bastiment wieħed biss. Għalkemm ma tantx hemm dejta, jista’ jiġi preżunt li hemm sehem sinifikanti ta' bastimenti mħaddma mis-sidien (u għalhekk id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ma japplikawx għalihom) jew li jitħaddmu minn kaptan b’persuna waħda jew tnejn oħra abbord li jkunu jaħdmu għal rashom jew ikunu impjegati.

L-impatt fuq in-negozji ż-żgħar għandu jkun limitat għal dawk fejn impjegati jew dawk li jaħdmu għal rashom jaħdmu flimkien mal-impjegati. Minħabba li l-impatt kwantitattiv u kwalitattiv ġenerali tal-ftehim fuq in-negozji għandu sinifikat limitat (għalkemm inevitabbilment hemm impatt akbar fuq l-SMEs), aktarx li mhux se jnaqqas il-kompetittività tagħhom. Barra minn hekk, il-ftehim jagħti lill-Istati Membri l-għażla li progressivament jimplimentaw il-ftehim fuq perjodu ta’ ħames snin għal ċerti kategoriji ta’ sajjieda jew ta' bastimenti.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Għall-awtoritajiet nazzjonali, it-tnaqqis fl-inċidenza tal-aċċidenti, tal-mard u tal-korrimenti okkupazzjonali se jwassal għal spejjeż aktar baxxi għas-sigurtà soċjali u għall-kura tas-saħħa. Minbarra l-iffrankar tal-ispejjeż tal-kura fl-isptar (imsemmija hawn fuq), huwa diffiċli biex wieħed jikkwantifika l-iffrankar relatat mat-trattament tal-aċċidenti, tal-korrimenti u tal-mard okkupazzjonali.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Peress li l-impatt kwantitattiv ġenerali tal-ftehim fuq in-negozji huwa ta’ sinifikat limitat, mhu mistenni l-ebda impatt fuq il-konsumaturi f'dak li għandu x'jaqsam mal-prezz tal-ħut. Mhu mistenni l-ebda effett ta’ spostament, jiġifieri l-bidla minn status ta' impjegat għal wieħed ta’ ħaddiem għal rasu.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Wara li tikkonsulta mal-maniġment u mal-ħaddiema fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea se timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva li timplimenta l-ftehim. Il-Kummissjoni Ewropea se tevalwa d-Direttiva li timplimenta l-ftehim ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha.