Brussell, 17.3.2016

SWD(2016) 65 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta' prodotti fertilizzanti bit-tikketta CE, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (EC) Nru 1107/2009

{COM(2016) 157 final}
{SWD(2016) 64 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta' prodotti fertilizzanti

A. Ħtieġa għal azzjoni

Għaliex? X'inhi l-problema li qiegħda tiġi indirizzata?

Il-kundizzjonijiet għal aċċess għas-suq ta' prodotti fertilizzanti huma biss parzjalment armonizzati fil-livell tal-UE. Il-frammentazzjoni tal-parti mhux armonizzata tas-suq qiegħda ixxekkel serjament l-opportunitajiet kummerċjali. Apparti, il-leġiżlazzjoni armonizzata ma tindirizzax b'mod suffiċjenti l-kwistjonijiet ambjentali u dawk tas-saħħa tal-bniedem. B'mod aktar speċifiku, qed jiġu identifikati l-problemi operattivi li ġejjin:

1) Kumpaniji li joperaw f'diversi Stati Membri fis-suq mhux armonizzat qegħdin jaffaċċaw il-kostijiet ta' regoli nazzjonali diverġenti, li spiss jinkludu awtorizzazzjoni minn qabel li hija diffiċli biex tiġi akkwistata.

2) Ġie identifikat tħassib serju marbut mas-saħħa u mal-ambjent, b'mod partikolari l-preżenza ta' kontaminanti tossiċi f'ċerti fertilizzanti użati ħafna. Il-leġiżlazzjoni preżenti dwar l-armonizzazzjoni tipprovdi protezzjoni insuffiċjenti tas-saħħa u tal-ambjent.

3) Il-leġiżlazzjoni preżenti dwar l-armonizzazzjoni tiggarantixxi aċċess għas-suq permezz ta' proċedura li ġiet ippruvata li hija bil-mod wisq meta mqabbla maċ-ċiklu ta' innovazzjoni tal-industrija.

X'inhu mistenni li jinkiseb minn din l-inizjattiva?

L-inizjattiva hija mistennija li:

1.Toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-prodotti fertilizzanti kollha fil-livell tal-UE, biex b'hekk jiżdiedu l-opportunitajiet tal-industrija sabiex ikollhom aċċess għas-Suq Intern filwaqt li jinżammu r-regolamenti nazzjonali fis-seħħ għal prodotti limitati għas-swieq nazzjonali, għaldaqstant jiġi evitat it-tfixkil fis-suq.

0.Iżżid il-livell ta' protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent billi tillimita l-preżenza ta' kontaminanti f'materjali u addittivi fertilizzanti fl-UE kollha.

Tiffaċilita l-aċċess għas-suq armonizzat billi tintroduċi qafas regolatorju proporzjonat, kosteffiċjenti, trasparenti u flessibbli, biex b'hekk twieġeb għall-ħtiġijiet tal-bdiewa tal-UE għal prodotti innovattivi.

X'inhu l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE? 

Il-problemi identifikati fis-suq armonizzat (jiġifieri, il-protezzjoni insuffiċjenti tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, u rekwiżiti inflessibbli li jipprovdu aċċess għas-suq bil-mod wisq), huma inerenti għal-livell preżenti tal-UE u jistgħu għalhekk jiġu kkoreġuti biss b'azzjoni fil-livell tal-UE. Suq effettiv mal-UE kollha għall-prodotti fertilizzanti kollha se joħloq opportunitajiet ġodda tas-suq u jnaqqas il-piżijiet amministrattivi.

Madankollu, fid-dawl tan-natura verament lokali tas-suq ta' ċerti prodotti fertilizzanti, din l-azzjoni armonizzata tal-UE sejra tkun fakultattiva u sejra teżisti flimkien ma' leġiżlazzjonijiet nazzjonali miżmuma jew introdotti mill-Istati Membri u mir-rikonoxximent reċiproku.

B. Soluzzjonijiet

Liema għażliet ta' politiki leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm xi għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

Għażla 1: Xenarju bażi - Il-leġiżlazzjoni preżenti tal-UE ma tinbidilx.

Għażla 2: It-teknika regolatorja tar-Regolament dwar il-Fertilizzanti, jiġifieri l-approvazzjoni tat-tip, ma tinbidilx, u tiġi estiża għall-armonizzazzjoni ta' fertilizzanti minn materja prima organika u minn prodotti oħrajn relatati mal-fertilizzant, bħall-'bijostimulaturi tal-pjanti'.

Għażla 3: Armonizzazzjoni permezz tal-approvazzjoni ta' ingredjenti, li twassal għal lista eżawrjenti pożittiva ta' materjali eliġibbli għal inkorporazzjoni intenzjonata fi prodott fertilizzanti.

Għażla 4: Armonizzazzjoni permezz tal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (NLF), li jibni fuq rekwiżiti obbligatorji, ta' kwalità u ta' sikurezza, u standards tekniċi volontarji u armonizzati.

Għażla 5: Bħal taħt l-għażla 4, l-armonizzazzjoni tinkiseb permezz tal-'Qafas Leġiżlattiv Ġdid' bir-rekwiżiti u bl-istandards. Madankollu, l-involviment ta' partijiet terzi fil-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti jvarja bejn il-kategoriji materjali, u huwa l-ogħla għall-iskart u materjali sekondarji oħrajn b'kompożizzjoni potenzjalment varjabbli. L-Għażla 5 tirriżulta li hija l-għażla ppreferuta mill-analiżi.

Għall-għażliet 2 sa 5, hemm introdotti l-valuri limitu għall-kontaminanti (inkluż metalli tqal) għall-prodotti fertilizzanti kollha. Ġew ivvalutati żewġ varjanti: armonizzazzjoni sħiħa u armonizzazzjoni fakultattiva kif deskritt hawn fuq.

Min jappoġġa liema għażla? 

L-Għażla 1 mhix appoġġata minn l-ebda Stat Membru, industrija jew NGO.

L-Għażla 2 u 3, kull waħda minnhom hija appoġġata minn xi Stati Membri u minn xi federazzjonijiet nazzjonali tal-industrija, li huma mdorrija jirregolaw is-suq tal-fertilizzanti billi jżommu listi ta' tipi jew ingredjenti awtorizzati.

L-Għażla 4 mhix appoġġata mill-Istati Membri kollha, għaliex in-NLF huwa kkunsidrat bħala bidla radikali meta mqabbel mal-approċċi magħrufin sew tal-Għażla 2 u l-Għażla 3.

L-Għażla 5, speċjalment bil-varjant ta' armonizzazzjoni fakultattiva, hija ġeneralment aċċettata sew mill-industrija (b'mod partikolari l-SMEs) u minn għadd kbir ta' Stati Membri (inkluż xi wħud mill-kbar nett) bħala l-aħjar għażla.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X'inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? 

Sejjer jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq għal prodotti fertilizzanti rregolati skont in-NLF, u l-konformità ta' prodotti bħal dawn mar-rekwiżiti tal-kwalità u tas-sikurezza sejra tiżgura livell ogħla ta' sikurezza fil-katina alimentari. Il-benefiċċji fit-termini ta' aċċess għas-suq intern u l-flessibbiltà tas-suq tal-għażla ppreferuta (l-għażla 5) huma simili ħafna għal dawk tal-għażla 4. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tistma li din l-għażla sejra tipprovdi kostijiet amministrattivi orħos kemm għall-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi minn l-istatus quo, u kostijiet amministrattivi orħos b'mod sinifikanti għall-awtoritajiet pubbliċi mill-għażla tal-approvazzjoni tat-tip li żżid b'mod sinifikanti l-flessibbiltà tas-suq u għaldaqstant tistimula l-innovazzjoni.

Il-varjant ta' armonizzazzjoni fakultattiva jkollu l-vantaġġ addizzjonali li jaffettwa biss lill-operaturi ekonomiċi b'interess ġenwin li jiksbu aċċess għas-suq f'diversi Stati Membri, f'konformità mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u regolamentazzjoni aħjar.

X'inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? 

Il-kostijiet tal-għażla ppreferuta huma proporzjonati għall-benefiċċji mistennija għan-negozji u għas-soċjetà. Il-kostijiet għall-awtoritajiet pubbliċi huma pjuttost newtrali. Sejjer ikun meħtieġ xi xogħol ta' standardizzazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-metodi tal-ittestjar għal prodotti li huma soġġetti għan-NLF.

L-Għażla 5 timplika kostijiet amministrattivi orħos mill-għażla tal-approvazzjoni tat-tip għall-operaturi ekonomiċi. Madankollu, wieħed jista' jistenna li l-kostijiet amministrattivi f'ċerti każijiet sejrin ikunu ogħla minn taħt status quo fil-livell ta' kumpaniji individwali. Dan ikun minnu b'mod partikolari għal produtturi ta' materjali relattivament varjabbli li jeħtieġu livell għoli ta' involviment ta' partijiet terzi fil-valutazzjoni tal-konformità. L-SMEs involuti fil-produzzjoni ta' prodotti fertilizzanti li huma soġġetti għal ċertifikazzjoni ta' partijiet terzi sejrin ikollhom iħallsu tariffi lil korp innotifikat biex jivverifikaw il-konformità tal-prodotti tagħhom mar-rekwiżiti. Il-varjant ta' armonizzazzjoni fakultattiva jista' jimplika kostijiet ogħla għall-amministrazzjonijiet nazzjonali milli għall-armonizzazzjoni sħiħa, għaliex jistgħu jkunu mistennija li sa ċertu punt iżommu l-proċeduri nazzjonali. Il-kostijiet ta' tranżizzjoni se jkunu minimi għall-prodotti fertilizzanti li għadhom koperti mir-Regolament preżenti għaliex l-awtoċertifikazzjoni tal-prodotti se tibqa. L-Istati Membri se jkunu meħtieġa wkoll jiżguraw il-kwalità tal-korpi nnotifikati.

Kif sejrin jiġu affettwati n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Il-kumpaniji li jagħżlu r-rotta armonizzata sejrin jibbenefikaw minn aċċess iffaċilitat għas-suq kollu tal-UE. Il-kostijiet amministrattivi sejrin jonqsu wkoll, għaliex sejjer ikun hemm inqas ħtieġa għar-reġistrazzjoni ta' prodotti individwali skont ir-regoli nazzjonali diverġenti. Produtturi li mhumiex soġġetti għal proċeduri ta' ċertifikazzjoni ta' partijiet terzi sejrin ikunu inqas affettwati meta mqabbla ma' dawk li jappoġġaw il-kostijiet taċ-ċertifikazzjoni ta' partijiet terzi (eż. l-SMEs). Dawk il-kostijiet sejrin jittaffu mit-tnaqqis tal-kontrolli tal-frekwenza skont il-volum tal-produzzjoni u t-tnaqqis tal-għadd ta' kampjunar estern wara s-sena ta' rikonoxximent. F'dan is-sens l-armonizzazzjoni fakultattiva tiffaċilita t-tranżizzjoni bla xkiel għall-qafas regolatorju ġdid li jħalli lill-produtturi bl-għażla li jikkummerċjalizzaw prodott għas-swieq lokali jew għal dawk tal-UE.

Sejjer ikun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali ?

Il-kostijiet sejrin ikunu pjuttost newtrali għal baġits nazzjonali. Il-kostijiet ta' governanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali sejrin jibqgħu l-istess iżda maż-żmien sejrin jonqsu jekk aktar u aktar kumpaniji jagħżlu r-rotta armonizzata offruta mir-Regolament dwar il-Fertilizzanti, filwaqt li l-kostijiet tas-sorveljanza tas-suq sejrin jibqgħu l-istess jew jistgħu jiżdiedu ftit.

Sejjer ikun hemm impatti sinifikanti oħrajn? 

Il-proposta hija mistennija li tnaqqas id-dipendenza tal-materja prima mhux domestika, billi toffri opportunità għal aċċess aktar faċli għas-suq kollu tal-UE għal prodotti innovattivi magħmula, eż., minn materjali organiċi jew riċiklati. Il-flussi tal-importazzjoni tal-UE jistgħu jiġu affettwati, kif ġie analizzat fid-dettall f'valutazzjoni tal-impatt separata tal-2011 dwar limiti massimi possibbli għal kadmju.

D. Segwitu

Meta sejra tiġi riveduta l-politika?

5 snin wara l-implimentazzjoni tar-Regolament hija prevista evalwazzjoni ex-post tiegħu u din sejra tkun ibbażata fuq il-feedback riċevut minn mekkaniżmi ta' kooperazzjoni diversi diġà stabbiliti skont ir-Regolament dwar il-Fertilizzanti preżenti (gruppi ta' esperti). Il-lista ta' kontaminanti u l-valuri limitu rispettivi tagħhom jistgħu jiġu rieżaminati fi kwalunkwe ħin, jekk evidenza xjentifika ġdida turi l-inputs ta' kontaminanti tal-ħamrija mill-fertilizzanti jridu jonqsu.