Strasburgu, 8.3.2016

SWD(2016) 53 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li temenda d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi

{COM(2016) 128 final}
{SWD(2016) 52 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt tal-Proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi

A. Ħtieġa ta' azzjoni

Għalxiex? X'inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

Fl-istazzjonar tal-ħaddiema kienu involuti1,9 miljun ħaddiem Ewropew fl-2014. Għalkemm dan jirrappreżenta 0,7 % tal-impjiegi totali fl-UE, l-istazzjonar tal-ħaddiema jappoġġa l-provvediment transkonfinali ta' servizzi fis-Suq Intern, partikolarment fis-settur tal-kostruzzjoni u xi setturi tas-servizzi personali u tan-negozju. Skont ir-regoli ta' bħalissa, il-kumpaniji li jistazzjonaw jeħtiġilhom jikkonformaw ma' sett ewlieni ta' drittijiet tal-pajjiż ospitanti, inklużi rati minimi ta' ħlas. Din id-dispożizzjoni ssarraf f'differenzi sinifkanti, li huma stmati li jlaħħqu bejn l-10 % u l-50 % skont il-pajjiż u s-settur, fil-pagi bejn ħaddiema stazzjonati u dawk lokali f'pajjżi ospitanti. Ir-regoli dwar il-ħlas differenzjat ifixklu l-kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji billi jagħtu vantaġġ tal-kostijiet tax-xogħol lil kumpaniji li jibagħtu l-ħaddiema fuq kumpaniji lokali fi Stati Membri ospitanti. Id-diskrepanzi bejn id-Direttiva u leġiżlazzoni oħra tal-UE toħloq inċertezza ġuridika fir-rigward tat-trattament indaqs ta' ħaddiema stazzjonati fil-qafas regolatorju tal-UE fil-każ ta' stazzjonar fuq terminu twil. Mill-banda l-oħra, ir-regoli ġenerali dwar l-istazzjonar jista' jkun li mhumiex xierqa biex jindirizzaw sitwazzjonijiet speċifiċi bħall-istazzjonar fil-kuntest tas-sottokuntrattar, ix-xogħol temporanju b'aġenzija u l-istazzjonar fl-istess grupp.

X'mistennija tikseb din l-inizjattiva?

Ir-rieżami tad-Direttiva tal-1996 għandu l-għan li jsaħħaħ l-għanijiet oriġinali li jitħeġġeġ l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu fornuti servizzi bejn il-fruntieri f'ambjent ta' kompetizzjoni ġusta u rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema billi jkun hemm adattament għall-kundizzjonijiet ġodda ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol. B'mod partikolari, l-inizjattiva għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet tal-pagi ġusti għall-ħaddiema stazzjonati u kundizzjonijiet ekwi bejn kumpaniji li jistazzjonaw u dawk lokali fil-pajjiż ospitanti; u li ttejjeb iċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

X'inhu l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE? 

Qafas regolatorju għall-istazzjonar tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri jista' jkun stabbilit biss fil-livell tal-UE. L-Istati Membri u l-imsieħba soċjali fil-livell xieraq jibqgħu responsabbli biex jistabbilixxu l-leġiżlazzjoni tagħhom u jiffissaw il-pagi, f'konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.

B. Soluzzjonijiet

X'għażliet ta' politiki leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Teżisti għażla preferuta? Għalxiex? 

Il-Kummissjoni tqis l-introduzzjoni ta' regoli ugwali dwar ir-remunerazzjoni u l-estensjoni għas-setturi kollha tar-referenza għal ftehimiet kollettivi vinkolanti universali, li tkun għażla aktar effettiva biex jinkisbu l-għanijiet ta' politika ta' kundizzjonijiet tal-paga ġusti għall-ħaddiema stazzjonati, kundizzjonijiet aktar ekwi għall-kumpaniji, u ċarezza ġuridika mtejba min-nuqqas ta' azzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis bħala effiċjenti f'termini taċ-ċarezza ġuridika mtejba l-għażliet li l-liġi tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti tkun applikata għal stazzjonar fuq terminu twil li jaqbeż l-24 xahar, f'konformità mar-regoli ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali; l-istabbiliment ta' remunerazzjoni indaqs bejn ħaddiema stazzjonati fi ktajjen ta' sottokuntrattar u ħaddiema mal-kuntrattur ewlieni permezz tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn tal-aħħar, inkluż minn ftehimiet fil-livell tal-kumpanija, jekk ikunu jeżistu; l-applikazzjoni obbligatorja tat-termini u l-kundizzjonijiet ugwali għal ħaddiema tal-aġenzija temporanji stazzjonati bħala ħaddiema tal-aġenzija ingaġġati lokalment.

Min jappoġġa liem għażla? 

L-għażliet tal-introduzzjoni tal-prinċipju ta' "regoli ugwali dwar il-ħlas għall-istess xogħol" u l-applikazzjoni tal-liġijiet tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti għall-istazzjonar fuq terminu twil jaqblu mad-direzzjoni preferuta minn seba' Stati Membri (AT, BE, FR, DE, LU, NL, SE), il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins u l-Konfederazzjoni Ewropea tal-Bennejja. Eurociett tappoġġa r-rieżami tad-Direttiva dwar ħaddiema temporanji stazzjonati tal-aġenzija biex ikun żgurat it-trattament ugwali bejn ħaddiema temporanji ta' aġenzija transkonfinali u nazzjonali. Disa' Stati Membri (BG, CZ, EE, HU, LT, LV, PL, SK, RO), Business Europe, UEAPME u CEEMET esprimew pożizzjoni favur stennija għal perjodu twil biżżejjed ta' implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar qabel tittieħed azzjoni.



C. Impatti tal-għażla preferuta

X'inhuma l-benefiċċji tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? 

Regoli ugwali dwar ir-remunerazzjoni se jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-pagi tal-ħaddiema stazzjonati, jitnaqqsu d-differenzjali tal-paga ma' ħaddiema lokali, u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji fil-pajjiżi ospitanti. Billi jitnaqqas l-ambitu tal-kompetizzjoni fil-kostijiet tax-xogħol, l-istazzjonar tal-ħaddiema se jrawwem il-forniment ta' servizzi transkonfinali bbażati fuq l-ispeċjalizzazzjoni, l-innovazzjoni u l-ħiliet. L-irfinar ta' elementi ta' diskrepanza bejn id-Direttiva u leġiżlazzjoni oħra tal-UE se jtejjeb iċ-ċarezza ġuridika għan-negozji, il-ħaddiema, u l-awtoritajiet, kif ukoll inaqqas il-kostijiet tal-litigazzjoni ġudizzjarja potenzjali. Fil-każ tal-ktajjen ta' sottokuntrattar u stazzjonamenti fuq terminu twil, l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali mistennija li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħlas tal-ħaddiema stazzjonati, u b'hekk tqawwi l-ħarsien soċjali.

X'inhuma l-kostijiet tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)? 

Regoli ugwali dwar il-paga jistgħu jżidu l-kostijiet tal-pagi għal impriżi li jkunu qed jibagħtu l-ħaddiema li jinsabu fit-taqsima tal-pagi baxxi (terz tal-każi), anki jekk il-kostijiet totali tax-xogħol jistgħu xorta jkunu inqas minn dawk tal-kumpaniji lokali fi Stati Membri ospitanti minħabba differenzjali transnazzjonali fl-ispejjeż tas-sigurtà soċjali u t-taxxi tal-korporazzjonijiet. Ir-rwol imnaqqas tal-kostijiet tax-xogħol bħala l-fattur ewlieni tal-kompetizzjoni jista' jnaqqas il-kompetittività tal-kumpaniji li jinsabu fi Stati Membri b'kundizzjonijiet tal-pagi inqas tajbin, speċjalment f'setturi intensivi fix-xogħol, bħall-kostruzzjoni. Ir-regoli dwar it-trattament ugwali dwar stazzjonamenti fuq terminu twil li jaqbżu l-24 xahar u dawk dwar ktajjen ta' sottokuntrattar jistgħu wkoll inaqqsu r-irwol tal-kostijiet tax-xogħol bħala fattur tal-kompetizzjoni b'effetti simili bħal ta' hawn fuq, għalkemm l-istazzjonar fuq terminu twil jidher li għandu sehem żgħir mit-total tal-istazzjonari. L-applikazzjoni tat-trattament ugwali għall-ħaddiema temporanji tal-aġenzija stazzjonati tista' twassal ukoll għal żieda fil-kostijiet għall-kumpaniji, anki jekk l-għażla ma tipprevedix kundizzjonijiet addizzjonali ma' dawk li huma diġà fis-seħħ għall-ħaddiema tal-aġenzija ingaġġati lokalment.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi? Massimu ta' tmien linji

Mhi pjanata l-ebda sistema speċjali għall-SMEs L-ewwel nett, l-SMEs se jibbenefikaw minn ċarezza ġuridika mtejba u tnaqqis fil-piż amministrattiv li joriġina mir-riskji ta' litigazzjoni ġuridika. Regoli ugwali dwar il-ħlas, kif ukoll trattament ugwali fi stazzjonari fuq terminu twil u fi ktajjen tas-sottokuntrattar jistgħu jaffettwaw b'mod partikulari SMEs li jfornu servizzi transkonfinali permezz tal-istazzjonar ta' ħaddiema f'oqsma tas-suq b'pagi baxxi bħala konsegwenza taż-żieda possibbli fil-kostijiet tal-pagi. Madanakollu, id-differenxjali transnazzjonali fl-ispejjeż tas-sigurtà soċjali u taxxi oħra, inklużi reġimi speċjali għall-SMEs f'xi Stati Membri, jistgħu jtaffu dan l-impatt. Imbagħad, l-SMEs li joperaw f'oqsma tas-suq b'pagi għolja permezz tal-istazzjonar tal-ħaddiema se jibbenefikaw minn ambjent ta' kompetizzjoni ġusta bbażata fuq kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tar-regoli tal-ħlas. L-effett tal-għażliet proposti jista' jżid l-opportunitajiet ta' negozju u l-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi tagħhom.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Mhu mistenni l-ebda kost għall-baġits u l-amministrazzjoni nazzjonali. Il-kostijiet tal-informazzjoni u l-infurzar huma diġà previsti mid-Direttiva tal-Infurzar tal-2014, li bħalissa qed tiġi trasposta.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

It-titjib tal-informazzjoni li tinsab fid-Dokumenti Portabbli A1, kif ukoll it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar se ttejjeb l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar id-dinamiki tal-istazzjonar tal-ħaddiema.

D. Segwitu

Meta se tiġi riveduta l-politika?

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-impatt tad-Direttiva ħames snin wara d-data ta' skadenza tat-traspożizzjoni. Ir-rapport ta' evalwazzjoni se jkun żviluppat mill-Kummissjoni bl-għajnuna ta' esperti esterni u f'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra.