IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.11.2016
COM(2016) 854 final
2016/0364(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta’ entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, ir-rimunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta’ konservazzjoni kapitali
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
|
L-emenda proposta għad-Direttiva 2013/36/UE (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital jew id-DRK) hija parti minn pakkett leġiżlattiv li jinkludi wkoll emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital jew is-CRR), għad-Direttiva 2014/59/UE (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek jew il-BRRD), u għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni jew l-SRMR).
|
Tul l-aħħar snin, l-UE implimentat riforma sostanzjali tal-qafas regolatorju tas-servizzi finanzjarji sabiex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet (jiġifieri l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment) li joperaw fis-settur finanzjarju tal-UE, primarjament fuq il-bażi ta’ standards globali maqbula mas-sħab internazzjonali tal-UE. B’mod partikolari, il-pakkett ta’ riforma inkluda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital jew is-CRR) u d-Direttiva 2013/36/UE (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital jew id-DRK), dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet u s-superviżjoni tagħhom, id-Direttiva 2014/59/UE (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek jew il-BRRD), dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM).
Dawn il-miżuri ttieħdu bħala tweġiba għall-kriżi finanzjarja li faqqgħet fl-2007-2008 u rriflettew standards maqbula f’livell internazzjonali. Filwaqt li r-riformi għamlu s-sistema finanzjarja aktar stabbli u reżiljenti kontra ħafna tipi ta’ xokkijiet u ta’ kriżijiet futuri possibbli, dawn ma jindirizzawx b’mod komprensiv il-problemi kollha identifikati. Għaldaqstant, dawn il-proposti għandhom l-għan li jwettqu l-aġenda ta’ riforma billi jindirizzaw id-dgħjufijiet li fadal u jimplimentaw xi elementi pendenti tar-riforma li huma essenzjali sabiex tiġi żgurata r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet iżda kien biss dal-aħħar li ġew iffinalizzati minn dawk li jistabbilixxu l-istandards f’livell globali (jiġifieri l-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) u l-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB)):
proporzjon ta’ ingranaġġ vinkolanti li ma jħallux lill-istituzzjonijiet iżidu l-ingranaġġ b’mod eċċessiv, eż. sabiex jikkumpensaw għal profittabilità baxxa;
proporzjon ta’ ffinanzjar stabbli nett (NSFR) vinkolanti li ser jibni fuq il-profili ta’ finanzjament imtejba tal-istituzzjonijiet u jistabbilixxi standard armonizzat għal kemm is-sorsi ta’ finanzjament stabbli u fit-tul teħtieġ istituzzjoni sabiex tkampa f’perjodi ta’ diffikultà fis-suq u fil-finanzjament;
rekwiżiti ta’ fondi proprji aktar sensittivi għar-riskju (kapital) għal istituzzjonijiet li jinnegozjaw f’livell importanti titoli u derivattivi li ser jipprevjenu wisq diverġenza f’dawk ir-rekwiżiti li mhijiex ibbażata fuq il-profili tar-riskju tal-istituzzjonijiet;
l-aħħar iżda mhux l-anqas, standards ġodda fuq il-kapaċità totali ta’ assorbiment tat-telf (TLAC) ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs) li ser jeħtieġu li dawk l-istituzzjonijiet ikollhom aktar kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni, jindirizzaw interkonnessjonijiet fis-swieq finanzjarji globali u jkomplu jsaħħu l-ħila tal-UE li ssolvi G-SIIs li jkunu qegħdin ifallu filwaqt li jimminimizzaw ir-riskji għall-kontribwenti.
Il-Kummissjoni għarfet il-bżonn ta’ aktar tnaqqis tar-riskju fil-Komunikazzjoni tagħha tal-24 ta’ Novembru 2015 u ħadet impenn li tmexxi ’l quddiem proposta leġiżlattiva li tibni fuq il-ftehimiet internazzjonali elenkati hawn fuq. Miżuri tat-tnaqqis tar-riskji bħal dawn mhux talli ser isaħħu r-reżiljenza tas-sistema bankarja Ewropea u l-fiduċja tas-swieq fiha, iżda ser jipprovdu wkoll il-bażi għal aktar progress fl-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja. Il-ħtieġa li jittieħdu aktar passi leġiżlattivi konkreti f’termini ta’ tnaqqis tar-riskji fis-settur finanzjarju ġiet rikonoxxuta anki mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN mis-17 ta’ Ġunju 2016. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2016 dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2015 tindika wkoll xi oqsma fil-qafas regolatorju attwali li jistgħu jiġu indirizzati aktar.
Fl-istess ħin, il-Kummissjoni kienet teħtieġ li tieħu kont tal-qafas regolatorju eżistenti u tal-iżviluppi regolatorji l-ġodda f’livell internazzjonali u li twieġeb għall-isfidi li qegħdin jaffettwaw l-ekonomija tal-UE, speċjalment il-bżonn li jiġu promossi t-tkabbir u l-impjiegi fi żmien ta’ prospettiva ekonomika inċerta. Diversi inizjattivi ta’ politika importanti, bħall-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (EFSI) u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tnedew sabiex isaħħu l-ekonomija tal-Unjoni. Il-ħila tal-istituzzjonijiet li jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ekonomija trid tissaħħaħ bla ma tixxekkel l-istabbiltà tal-qafas regolatorju. Sabiex jiġi żgurat li r-riformi riċenti fis-settur finanzjarju jinteraġixxu b’mod korrett flimkien u ma’ inizjattivi ta’ politika ġodda, iżda anki ma’ riformi riċenti aktar ġeneriċi fis-settur finanzjarju, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni olistika dettaljata tal-qafas eżistenti tas-servizzi finanzjarji (inklużi s-CRR, id-DRK, il-BRRD u l-SRMR), fuq il-bażi ta’ sejħa għal evidenza. Ir-reviżjoni li ser issir tal-istandards globali ġiet ivvalutata wkoll minn perspettiva usa’ tal-impatt ekonomiku.
L-emendi bbażati fuq l-iżviluppi internazzjonali jirrappreżentaw implimentazzjoni leali tal-istandards internazzjonali fid-dritt tal-Unjoni, soġġetti għal aġġustamenti mmirati sabiex jiġu riflessi l-ispeċifiċitajiet tal-UE u kunsiderazzjonijiet ta’ politiki usa’. Pereżempju, id-dipendenza predominanti fuq il-finanzjament mill-banek ta’ intrapriżi żgħar u medji (SMEs) tal-UE jew għal proġetti infrastrutturali tesiġi aġġustamenti regolatorji speċifiċi li jiżguraw li l-istituzzjonijiet jibqgħu kapaċi jiffinanzjawhom peress li jikkostitwixxu l-pedament tas-suq uniku. Interazzjoni kif suppost mar-rekwiżiti eżistenti, bħal għall-ikklerjar ċentrali u għall-kollateralizzazzjoni tal-iskoperturi tad-derivattivi, jew tranżizzjoni gradwali għal uħud mir-rekwiżiti l-ġodda huma neċessarji. Għalhekk, aġġustamenti bħal dawn, limitati f’termini ta’ ambitu jew żmien, ma jtaffux is-solidità ġenerali tal-proposti, li huma allinjati mal-livell bażiku ta’ ambizzjoni tal-istandards internazzjonali.
Barra minn hekk, fuq il-bażi tas-sejħa għal evidenza, il-proposti għandhom l-għan li jtejbu r-regoli eżistenti. L-analiżi tal-Kummissjoni wriet li l-qafas attwali jista’ jiġi applikat b’mod aktar proporzjonat, filwaqt li titqes b’mod partikolari s-sitwazzjoni ta’ istituzzjonijiet iżgħar u anqas kumplessi fejn uħud mill-obbligi attwali ta’ divulgazzjoni, ta’ rapportar u dawk kumplessi relatati mal-portafoll tan-negozjar jidhru li mhumiex iġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet prudenzjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li r-riskju marbut mas-self lil SMEs u għall-finanzjament ta’ proġetti infrastrutturali u sabet li għal uħud minn dawn is-selfiet, ikun iġġustifikat li jiġu applikati rekwiżiti ta’ fondi proprji inferjuri minn dawk li huma applikati bħalissa. Kif xieraq, dawn il-proposti ser jagħmlu korrezzjonijiet għal dawn ir-rekwiżiti u ser isaħħu l-proporzjonalità tal-qafas prudenzjali għall-istituzzjonijiet. B’hekk, il-ħila tal-istituzzjonijiet sabiex jiffinanzjaw l-ekonomija ser tissaħħaħ bla ma tixxekkel l-istabbiltà tal-qafas regolatorju.
Finalment, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Ibbankjar, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni vvalutat l-applikazzjoni tal-għażliet u tad-diskrezzjonijiet stabbiliti fid-DRK u fis-CRR. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, din il-proposta biħsiebha telimina ċerti għażliet u diskrezzjonijiet li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet dwar il-proporzjon ta’ ingranaġġ, fuq l-iskoperturi kbar u fuq il-fondi proprji. Huwa propost li tintemm il-possibbiltà li jinħolqu assi ta’ taxxa differita ġodda ggarantiti mill-Istat li mhumiex ibbażati fuq il-profittabilità futura li jkunu eżentati mit-tnaqqis mill-kapital regolatorju.
•Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika
Diversi elementi tal-proposti tad-DRK u tas-CRR isegwu reviżjonijiet inerenti, filwaqt li adattamenti oħrajn tal-qafas regolatorju finanzjarju saru neċessarji fid-dawl ta’ żviluppi sussegwenti, bħall-adozzjoni tal-BRRD, l-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-ħidma mwettqa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u f’livell internazzjonali.
Il-proposta tintroduċi emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti u trendiha kompletament konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tar-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet, is-superviżjoni u l-irkupru u l-qafas ta’ riżoluzzjoni tagħhom.
•Il-konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni
Erba’ snin wara li l-Kapijiet ta’ Stat u l-Gvernijiet Ewropej qablu li joħolqu Unjoni Bankarja, żewġ pilastri tal-Unjoni Bankarja – superviżjoni u riżoluzzjoni waħda – huma fis-seħħ, ibbażati fuq il-pedament solidu ta’ ġabra unika tar-regoli għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE. Filwaqt li sar progress importanti, hemm bżonn li jittieħdu passi ulterjuri sabiex tiġi kkompletata l-Unjoni Bankarja, inkluż il-ħolqien ta’ skema unika ta’ garanzija tad-depożiti.
Ir-reviżjoni tas-CRR u tad-DRK hija parti minn miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju li huma meħtieġa sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur bankarju u li huma paralleli għall-introduzzjoni gradwali tal-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS). Ir-reviżjoni għandha l-għan li fl-istess ħin tiżgura ġabra unika tar-regoli ssoktata għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, kemm għal dawk ġewwa kif ukoll għal dawk barra l-Unjoni Bankarja. L-objettivi ġenerali ta’ din l-inizjattiva, kif deskritti hawn fuq, huma konsistenti u koerenti għalkollox mal-għanijiet fundamentali tal-UE ta’ promozzjoni tal-istabbiltà finanzjarja, ta’ tnaqqis tal-probabbiltà u tal-firxa tal-appoġġ mill-kontribwenti f’każ li istituzzjoni tiġi riżoluta kif ukoll ta’ kontribuzzjoni għal finanzjament armonjuż u sostenibbli tal-attività ekonomika, li twassal għal livell għoli ta’ kompetittività u ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
Dawn l-objettivi ġenerali huma konformi wkoll mal-objettivi stabbiliti minn inizjattivi kbar oħrajn tal-UE, kif deskritti hawn fuq.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Il-bażi ġuridika
L-emendi proposti huma mibnija fuq l-istess bażi ġuridika bħall-atti leġiżlattivi li qegħdin jiġu emendati, jiġifieri l-Artikolu 114 tat-TFUE għall-proposta għal regolament li jemenda s-CRR u l-Artikolu 53(1) tat-TFUE għall-proposta għal direttiva li temenda d-DRK IV.
•Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)
L-objettivi fil-mira tal-miżuri proposti għandhom l-għan li jissupplimentaw il-leġiżlazzjoni diġà eżistenti tal-UE u, għalhekk, jistgħu jinkisbu l-aħjar fil-livell tal-UE milli minn inizjattivi nazzjonali differenti. Miżuri nazzjonali li, pereżempju, għandhom l-għan li jnaqqsu l-ingranaġġ tal-istituzzjonijiet, isaħħu l-finanzjament stabbli tagħhom u r-rekwiżiti kapitali tal-portafoll tan-negozjar ma jkunux effettivi fl-iżgurar ta’ stabbiltà finanzjarja daqs ir-regoli tal-UE, fid-dawl tal-libertà tal-istituzzjonijiet li jistabbilixxu u jipprovdu servizzi fi Stati Membri oħrajn u l-grad li jirriżulta minn dan ta’ forniment ta’ servizzi transfruntiera, ta’ flussi ta’ kapital u ta’ integrazzjoni tas-suq. Għall-kuntrarju ta’ dan, il-miżuri nazzjonali jistgħu joħolqu distorsjoni għall-kompetizzjoni u jaffettwaw il-flussi ta’ kapital. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali toħloq sfidi legali, peress li s-CRR diġà jirregola kwistjonijiet bankarji, inklużi r-rekwiżiti ta’ ingranaġġ (rapportar), ta’ likwidità (speċifikament il-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità jew l-LCR) u r-rekwiżiti tal-portafoll tan-negozjar.
Għalhekk, l-emenda tas-CRR u tad-DRK hija meqjusa bħala l-aħjar għażla. Issib il-bilanċ it-tajjeb bejn l-armonizzazzjoni tar-regoli u ż-żamma ta’ flessibbiltà finanzjarja fejn hemm bżonn, bla ma xxekkel il-ġabra unika tar-regoli. L-emendi jippromwovu aktar applikazzjoni uniformi tar-rekwiżiti prudenzjali, il-konverġenza ta’ prattiki superviżorji u jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fi ħdan is-suq uniku għas-servizzi bankarji. Dawn l-objettivi ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom. Dan huwa partikolarment importanti fis-settur bankarju fejn ħafna istituzzjonijiet ta’ kreditu joperaw madwar is-suq uniku tal-UE. Kooperazzjoni u fiduċja sħaħ fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku (SSM) u fi ħdan il-kulleġġi tas-superviżuri u l-awtoritajiet kompetenti barra l-SSM huma essenzjali sabiex l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu ssorveljati b’mod effettiv fuq bażi konsolidata. Ir-regoli nazzjonali ma jistgħux jiksbu dawn l-objettivi.
•Il-proporzjonalità
Il-proporzjonalità kienet parti integrali mill-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta. Mhux talli l-għażliet proposti kollha fl-oqsma regolatorji differenti ġew ivvalutati b’mod individwali kontra l-objettiv tal-proporzjonalità, iżda anki n-nuqqas ta’ proporzjonalità tar-regoli eżistenti ġie ppreżentat bħala problema separata u ġew analizzati għażliet speċifiċi bl-għan li jitnaqqsu l-kostijiet amministrattivi u tal-konformità għal istituzzjonijiet iżgħar (ara t-taqsimiet 2.9 u 4.9 tal-valutazzjoni tal-impatt).
•L-għażla tal-istrument
Il-miżuri huma proposti sabiex jiġu implimentati bl-emendar tas-CRR u tad-DRK permezz ta’ Regolament u ta’ Direttiva, rispettivament. Tabilħaqq, il-miżuri proposti jirreferu għal dispożizzjonijiet li diġà jeżistu f’dawk l-istrumenti legali (likwidità, ingranaġġ, rimunerazzjoni, proporzjonalità) jew ikomplu jiżviluppawhom.
Fir-rigward tal-istandard maqbul ġdid tal-FSB dwar it-TLAC, huwa ssuġġerit li l-parti l-kbira tal-istandard tiġi inkorporata fis-CRR, peress li regolament biss jista’ jikseb l-applikazzjoni uniformi neċessarja, bl-istess mod bħar-rekwiżiti ta’ fondi proprji eżistenti bbażati fuq ir-riskju. It-tiswir tar-rekwiżiti prudenzjali fil-forma ta’ emenda għas-CRR jiżgura li dawk ir-rekwiżiti fil-fatt ser ikunu direttament applikabbli għall-G-SIIs. Dan ma jħallix l-Istati Membri jimplimentaw rekwiżiti nazzjonali diverġenti f’qasam fejn hija mixtieqa armonizzazzjoni sħiħa sabiex jiġu evitati kundizzjonijiet mhux ekwi. Minkejja dan, l-irfinar tad-dispożizzjonijiet legali attwali fi ħdan il-BRRD ser ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżit tat-TLAC u r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) huma kompletament koerenti u konsistenti ma’ xulxin.
Uħud mill-emendi proposti tad-DRK li jaffettwaw il-proporzjonalità jħallu lill-Istati Membri ċertu grad ta’ flessibbiltà sabiex iżommu regoli differenti fl-istadju tat-traspożizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali. Dan jagħti lill-Istati Membri l-għażla li jimponu regoli aktar stretti fuq ċerti kwistjonijiet bħar-rimunerazzjoni u r-rapportar.
3.RIŻULTATI TA’ EVALWAZZJONIJIET EX POST, TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TA’ VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni wettqet diversi inizjattivi sabiex tivvaluta jekk il-qafas prudenzjali eżistenti u r-reviżjonijiet li ser isiru tal-istandards globali kinux l-aktar strumenti adegwati sabiex tiżgura l-objettivi prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-UE u anki jekk dawn ikomplux jipprovdu l-finanzjament neċessarju għall-ekonomija tal-UE.
F’Lulju tal-2015, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar l-impatt possibbli tas-CRR u tad-DRK fuq il-finanzjament mill-banek tal-ekonomija tal-UE b’enfasi partikolari fuq il-finanzjament tal-SMEs u tal-infrastruttura u f’Settembru 2015 Sejħa għal Evidenza (CfE) li tkopri l-leġiżlazzjoni finanzjarja sħiħa tal-UE. Iż-żewġ inizjattivi kellhom l-għan li jsibu evidenza empirika u feedback konkret dwar i) ir-regoli li jaffettwaw il-ħila tal-ekonomija li tiffinanzja lilha nfisha u t-tkabbir, ii) piżijiet regolatorji bla bżonn, iii) interazzjonijiet, inkonsistenzi u diskrepanzi fir-regoli, u iv) ir-regoli li jġibu magħhom konsegwenzi mhux mixtieqa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġabret il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati fil-kuntest ta’ analiżijiet speċifiċi mwettqa fuq id-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-rimunerazzjoni u fuq il-proporzjonalità tar-regoli li jinsabu fis-CRR u fid-DRK. Finalment, tnediet konsultazzjoni pubblika fil-kuntest tal-istudju mogħti b’kuntratt mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-impatt tas-CRR fuq il-finanzjament mill-banek tal-ekonomija.
L-inizjattivi kollha msemmija hawn fuq ipprovdew evidenza ċara tal-bżonn li jiġu aġġornati u kompletati r-regoli attwali sabiex i) ikomplu jnaqqsu r-riskji fis-settur bankarju u b’hekk inaqqsu d-dipendenza fuq l-għajnuna mill-Istat u flus il-kontribwenti f’każ ta’ kriżi, u ii) isaħħu l-ħila tal-istituzzjonijiet li jipprovdu finanzjament adegwat lill-ekonomija.
L-Annessi 1 u 2 tal-valutazzjoni tal-impatt jipprovdu sommarju tal-konsultazzjonijiet, tar-reviżjonijiet u tar-rapporti.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet diskussa mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u ġiet miċħuda fis-7 ta’ Settembru 2016. Wara ċ-ċaħda, il-valutazzjoni tal-impatt issaħħet biż-żieda ta' i) spjegazzjoni aħjar dwar il-kontenut ta' politika tal-proposta (jiġifieri f'rabta mal-iżviluppi ta' politika kemm internazzjonali kif ukoll tal-UE), ii) aktar dettalji dwar l-opinjonijiet tal-partijiet interessati u iii) aktar eveidenza dwar l-impatti (kemm f'termini ta' benefiċċji kif ukoll ta' kosti) tad-diversi opzjonijiet ta' politika li huma mistħarrġa fil-valutazzjoni tal-impatt. Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ħareġ opinjoni pożittiva fis-27 ta’ Settembru 2016 fuq il-valutazzjoni tal-impatt sottomessa mill-ġdid. Il-proposta hija akkumpanjata mill-valutazzjoni tal-impatt. Il-proposta tibqa’ konsistenti mal-valutazzjoni tal-impatt.
Kif muri mill-analiżi ta’ simulazzjoni u mill-immudellar makroekonomiku żviluppati fil-valutazzjoni tal-impatt, hemm kostijiet limitati xi jkunu mistennija mill-introduzzjoni tar-rekwiżiti l-ġodda, b’mod partikolari l-istandards il-ġodda ta’ Basel bħall-proporzjon ta’ ingranaġġ u l-portafoll tan-negozjar. L-impatt stmat fit-tul fuq il-prodott domestiku gross (PDG) ivarja bejn -0.03% u -0.06% filwaqt li ż-żieda fil-kostijiet ta’ finanzjament għas-settur bankarju hija stmata li hija anqas minn 3 punti bażi fl-aktar xenarju estrem. Mil-lat tal-benefiċċji, l-eżerċizzju ta’ simulazzjoni wera li r-riżorsi pubbliċi meħtieġa sabiex isostnu s-sistema bankarja f’każ ta’ kriżi finanzjarja ta’ daqs simili għal dik tal-2007 – 2008 jonqsu bi 32% – tnaqqis minn EUR 51 biljun għal EUR 34 biljun.
•Idoneità u simplifikazzjoni regolatorja
Iż-żamma ta’ approċċi ssimplifikati għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji hija mistennija tiżgura l-proporzjonalità ssoktata tar-regoli għal istituzzjonijiet iżgħar. Barra minn hekk, il-miżuri addizzjonali sabiex tiżdied il-proporzjonalità ta’ wħud mir-rekwiżiti (relatati mar-rapportar, mad-divulgazzjoni u mar-rimunerazzjoni) għandhom inaqqsu l-piż amministrattiv u tal-konformità għal dawk l-istituzzjonijiet.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-SMEs, ir-rikalibrar propost tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għall-iskoperturi tal-istituzzjonijiet għall-SMEs huwa mistenni li jkollu effett pożittiv fuq il-finanzjament tal-SMEs. Dan ikun jaffettwa primarjament lil SMEs li bħalissa għandhom skoperturi ta’ aktar minn EUR 1,5 miljun peress li dawn l-iskoperturi ma jibbenefikawx mill-Fattur ta’ Sostenn lill-SMEs skont ir-regoli eżistenti.
Elementi oħrajn tal-proposta, b’mod partikolari dawk immirati sabiex itejbu r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet għal kriżijiet futuri, huma mistennija jżidu s-sostenibbiltà tas-self lill-SMEs.
Finalment, il-miżuri mmirati sabiex inaqqsu l-kostijiet ta’ konformità għall-istituzzjonijiet, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet iżgħar u anqas kumplessi, huma mistennija inaqqsu l-kostijiet tas-self għall-SMEs.
Fid-dimensjoni tal-pajjiżi terzi, il-proposta ser issaħħaħ l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-UE u b’hekk tnaqqas il-probabbiltà u l-kostijiet ta’ effetti mifruxa negattivi potenzjali għas-swieq finanzjarji globali. Barra minn hekk, l-emendi proposti ser ikomplu jarmonizzaw il-qafas regolatorju madwar l-Unjoni kollha u b'hekk inaqqsu sostanzjalment il-kostijiet amministrattivi għall-istituzzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li joperaw fl-UE.
Il-proposta hija konsistenti mal-prijorità tal-Kummissjoni għas-Suq Uniku Diġitali.
•Id-drittijiet fundamentali
L-UE ħadet impenn ta’ standards għoljin ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u hija firmatarja għal sett wiesa’ ta’ konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem. F’dan il-kuntest, il-proposta aktarx li mhuwiex ser ikollha impatt dirett fuq dawn id-drittijiet, kif elenkati fil-konvenzjonijiet ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li hija parti integrali mit-Trattati tal-UE u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB).
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Huwa mistenni li l-emendi proposti ser jibdew jidħlu fis-seħħ mhux qabel l-2019. L-emendi huma marbuta ferm mill-qrib ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tas-CRR u tad-DRK li diġà huma fis-seħħ u li ilhom jiġu ssorveljati mill-2014.
Il-BCBS u l-EBA ser ikomplu jiġbru d-data neċessarja għall-monitoraġġ tal-proporzjon ta’ ingranaġġ u l-miżuri ta’ likwidità l-ġodda sabiex jippermettu evalwazzjoni futura tal-impatt tal-għodod ta’ politika l-ġodda. Il-Proċess Superviżorju Regolari ta’ Reviżjoni u ta’ Evalwazzjoni (SREPs) u l-eżerċizzji ta’ simulazzjoni ta’ kriżi ser jgħinu wkoll fil-monitoraġġ tal-impatt tal-miżuri proposti l-ġodda fuq l-istituzzjonijiet affettwati u fil-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-flessibbiltà u tal-proporzjonalità pprovduti sabiex ikunu koperti l-ispeċifiċitajiet tal-istituzzjonijiet iżgħar. Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni ser ikomplu jieħdu sehem fil-gruppi ta’ ħidma tal-BCBS u fit-task force konġunta stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u mill-EBA, li jissorveljaw id-dinamika tal-fondi proprji u tal-pożizzjonijiet tal-likwidità tal-istituzzjonijiet, f’livell globali u fl-UE, rispettivamenet.
Is-sett ta’ indikaturi għas-sorveljanza tal-progress tar-riżultati li joħorġu mill-implimentazzjoni tal-għażliet ippreferuti jikkonsisti f’dawn li ġejjin:
Fuq il-Proporzjon ta’ Ffinanzjar Stabbli Nett (NSFR):
|
Indikatur
|
NSFR għall-istituzzjonijiet tal-UE
|
|
Mira
|
Sad-data tal-applikazzjoni, 99% tal-istituzzjonijiet li jieħdu sehem fl-eżerċizzju ta’ monitoraġġ tal-EBA Basel III kienu jissodisfaw l-NSFR 100% (65% mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-grupp 1 u 89% tal-grupp 2 kienu jissodisfaw l-NSFR sa tmiem Diċembru 2015)
|
|
Sors tad-data
|
Rapporti ta’ monitoraġġ semiannwali tal-EBA dwar Basel III
|
Fuq il-proporzjon ta’ ingranaġġ:
|
Indikatur
|
Proporzjon ta’ ingranaġġ għall-istituzzjonijiet tal-UE
|
|
Mira
|
Sad-data tal-applikazzjoni, 99% mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-grupp 1 u tal-grupp 2 kellhom proporzjon ta’ ingranaġġ ta’ mill-anqas 3% (93,4% mill-istituzzjonijiet tal-grupp 1 laħqu l-livell mira sa Ġunju tal-2015)
|
|
Sors tad-data
|
Rapporti ta’ monitoraġġ semiannwali tal-EBA dwar Basel III
|
Fuq l-SMEs
|
Indikatur
|
Id-diskrepanza fil-finanzjament lill-SMEs fl-UE, jiġifieri d-differenza bejn il-bżonn ta’ fondi esterni u d-disponibbiltà ta’ fondi
|
|
Mira
|
Wara sentejn mid-data tal-applikazzjoni, < 13% (l-aħħar ċifra magħrufa – 13% sa tmiem 2014)
|
|
Sors tad-data
|
Stħarriġ SAFE tal-Kummissjoni Ewropea / tal-Bank Ċentrali Ewropew (kopertura tad-data limitata għaż-żona tal-euro)
|
Fuq it-TLAC:
|
Indikatur
|
TLAC f’G-SIIs
|
|
Mira
|
Il-Banek Globali kollha tal-UE Sistemikament Importanti (G-SIBs) jilħqu l-mira (>16% tal-assi mwieżna għar-riskju (RWA)/6% tal-Miżura ta’ Skopertura tal-Proporzjon ta’ Inranaġġ (LREM) sal-2019, > 18% tal-Assi Mwieżna għar-Riskju (RWA)/6.75% LREM sal-2022)
|
|
Sors tad-data
|
Rapporti ta’ monitoraġġ semiannwali tal-EBA dwar Basel III
|
Fuq il-portafoll tan-negozjar:
|
Indikatur
|
L-RWA għar-riskji tas-suq għall-istituzzjonijiet tal-UE
Il-varjabbiltà osservata tal-assi mwieżna għar-riskju tal-portafolli aggregati li japplikaw l-approċċ tal-mudelli interni.
|
|
Mira
|
- Sal-2023, l-istituzzjonijiet tal-UE jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskji tas-suq skont il-kalibrar finali adottat fl-UE.
- Sal-2021, varjabbiltà mhux ġustifikabbli (jiġifieri varjabbiltà mhux xprunata minn differenzi fir-riskji sottostanti) tal-eżiti tal-mudelli interni madwar l-istituzzjonijiet tal-UE hija anqas mill-varjabbiltà attwali* tal-mudelli interni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE.
_______________
*Il-valuri ta’ referenza għall-“varjabbiltà attwali” tar-rekwiżiti tal-valur fir-riskju (VaR) u tal-addebitament inkrimentali għar-riskju (IRC) għandhom ikunu dawk stmati mill-aħħar rapport tal-EBA intitolat “Rapport dwar il-varjabbiltà tal-Assi Mwieżna għar-Riskji għall-Portafolli tar-Riskju tas-Suq”, ikkalkolati għall-portafolli aggregati, ippubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tal-qafas ta’ riskju tas-suq il-ġdid.
|
|
Sors tad-data
|
Rapporti ta’ monitoraġġ semiannwali tal-EBA dwar Basel III
Ir-Rapport tal-EBA dwar il-varjabbiltà tal-Assi Mwieżna għar-Riskji għall-Portafolli tar-Riskju tas-Suq. Il-valuri l-ġodda għandhom jiġu kkalkolati skont l-istess metodoloġija.
|
Fuq ir-rimunerazzjoni:
|
Indikatur
|
L-użu tad-diferiment u tal-iżborż fl-istrumenti mill-istituzzjonijiet
|
|
Mira
|
99% tal-istituzzjonijiet li mhumiex żgħar u li mhumiex kumplessi, b’konformità mar-rekwiżiti tad-DRK, jiddiferixxu tal-anqas 40% tar-rimunerazzjoni varjabbli tul 3 sa 5 snin u jiżborżaw tal-anqas 50% tar-rimunerazzjoni varjabbli fi strumenti fir-rigward tal-persunal identifikat tagħhom b’livelli materjali ta’ rimunerazzjoni varjabbli.
|
|
Sors tad-data
|
Ir-rapporti ta’ benchmarking tar-rimunerazzjoni tal-EBA
|
Fuq il-proporzjonalità:
|
Indikatur
|
Piż imnaqqas mir-rapportar superviżorju u mid-divulgazzjoni
|
|
Mira
|
80% tal-istituzzjonijiet iżgħar u anqas kumplessi jirrapportaw anqas piżijiet
|
|
Sors tad-data
|
Stħarriġ li jrid jiġi żviluppat u li jrid isir mill-EBA sal-2022 - 2023
|
L-evalwazzjoni tal-impatti ta’ din il-proposta ser issir ħames snin wara d-data ta’ applikazzjoni tal-miżuri proposti fuq il-bażi tal-metodoloġija li ser tkun miftiehma mill-EBA ftit wara l-adozzjoni. L-EBA ser ikollha l-mandat li tiddefinixxi u tiġbor id-data meħtieġa għall-monitoraġġ tal-indikaturi msemmija hawn fuq kif ukoll indikaturi oħrajn meħtieġa għall-evalwazzjoni tas-CRR u tad-DRK emendati. Il-metodoloġija tista’ tiġi żviluppata għal għażliet individwali jew sett ta’ għażliet marbuta ma’ xulxin skont iċ-ċirkustanzi preżenti qabel it-tnedija tal-evalwazzjoni u skont l-eżitu tal-indikaturi ta’ monitoraġġ.
Il-konformità u l-infurzar ser jiġu żgurati fuq bażi kontinwa fejn ikun hemm bżonn permezz tat-tnedija mill-Kummissjoni ta’ proċedimenti ta’ ksur għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni jew għat-traspożizzjoni jew l-applikazzjoni mhux korretta tal-miżuri leġiżlattivi. Ir-rapportar ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jingħadda mis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (ESFS), inklużi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-EBA, kif ukoll permezz tal-BĊE. L-EBA ser tkompli tippubblika wkoll ir-rapporti regolari tagħha tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ ta’ Basel III fuq is-sistema bankarja tal-UE. Dan l-eżerċizzju jissorvelja l-impatt tar-rekwiżiti ta’ Basel III (kif implimentat permezz tas-CRR u d-DRK) fuq l-istituzzjonijiet tal-UE, speċjalment fir-rigward tal-proporzjonijiet kapitali tal-istituzzjonijiet (ibbażati fuq ir-riskju u mhux ibbażati fuq ir-riskju) u l-proporzjonijiet ta’ likwidità (LCR, NSFR). Huwa mħaddem b’mod parallel ma’ dak imwettaq mill-BCBS.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
l-entitajiet eżentati
L-Artikolu 2(5) tad-DRK huwa emendat sabiex iżid istituzzjonijiet fil-Kroazja li kienu eżentati mill-applikazzjoni tad-DRK u tas-CRR permezz tat-Trattat tal-Adeżjoni.
Il-banek ta’ żvilupp u l-unjonijiet ta’ kreditu pubbliċi f’ċerti Stati Membri diġà huma eżentati mill-qafas regolatorju tad-DRK-CRR. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, l-Istati Membri kollha għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-possibbiltà li jippermettu lit-tali tipi ta’ entitajiet joperaw biss permezz ta’ salvagwardji regolatorji nazzjonali proporzjonati mar-riskji li jġarrbu. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni ħadet impenn fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar il-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali tat-30 ta’ Settembru 2015, sabiex tesplora l-possibbiltà għall-Istati Membri li jawtorizzaw unjonijiet tal-kreditu li joperaw barra mill-qafas tar-rekwiżiti kapitali tal-UE għall-banek. B’konformità mat-tali impenji u, fuq it-talba tan-Netherlands, l-unjonijiet tal-kreditu fin-Netherlands huma inklużi wkoll fil-lista ta’ istituzzjonijiet fl-Artikolu 2(5) tad-DRK. Barra minn hekk, sabiex tiġi ffaċilitata l-eżenzjoni mill-qafas regolatorju tad-DRK-CRR tal-istituzzjonijiet fi Stati Membri oħrajn li huma simili għal dawk diġà inklużi fil-lista, żdiedu l-Artikoli 2(5a) u 2(5b) fid-DRK. Dawn l-Artikoli jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex teżenta lil istituzzjonijiet speċifiċi jew lil kategoriji speċifiċi ta’ istituzzjonijiet mid-DRK, diment li jikkonformaw ma’ kriterji ddefiniti biċ-ċar. Tali eżenzjonijiet ġodda jistgħu jsiru biss fuq bażi ta’ każ b’każ għat-tip ta’ banek pubbliċi tal-iżvilupp jew għas-settur sħiħ tal-unjonijiet tal-kreditu ta’ Stat Membru.
Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 9 huwa emendat sabiex jiġbor aħjar f’qafas l-eċċezzjonijiet għall-projbizzjonijiet li l-persuni jew l-impriżi għajr l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jwettqu n-negozju ta’ teħid ta’ depożiti jew ta’ fondi ripagabbli oħrajn mill-pubbliku. Huwa ċċarat li l-projbizzjoni ma tapplikax għal persuni jew għal intrapriżi li l-bidu u t-twettiq tan-negozju tagħhom huma soġġetti għad-dritt tal-Unjoni għajr id-DRK, sal-punt li l-attivitajiet tagħhom soġġetti għat-tali dritt ieħor tal-Unjoni jistgħu jkunu kkwalifikati bħala teħid ta’ depożiti jew ta’ fondi ripagabbli oħrajn mingħand il-pubbliku. Dan ma għandux jipprevjeni lil entità milli tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni skont id-DRK u leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni bħal din. Barra minn hekk, huwa ċċarat li huma biss l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 2(5) tad-DRK li huma eżentati mill-projbizzjoni fl-Artikolu 9(1) tad-DRK minħabba l-fatt li huma koperti minn oqfsa legali nazzjonali speċifiċi, u b’hekk titneħħa l-ambigwità fit-test attwali.
Rekwiżiti tal-kapital tal-Pilastru 2 u gwida
It-test attwali tar-regoli rigward ir-rekwiżiti kapitali addizzjonali stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 104 jippermetti li jinħarġu interpretazzjonijiet differenti tal-każijiet li fihom jistgħu jiġu imposti dawk ir-rekwiżiti u l-mod li bih it-tali rekwiżiti jqiegħdu lilhom infushom fir-rigward tar-rekwiżiti kapitali minimi stabbiliti fl-Artikolu 92 tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR) u r-rekwiżit ta’ bafer kombinat (Artikolu 128). Dawn l-interpretazzjonijiet differenti rriżultaw f’ammonti sostanzjalment differneti ta’ kapital imposti fuq istituzzjonijiet individwali madwar l-Istati Membri u f’punti ta’ skattar differenti għar-restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjoni pprovduti fl-Artikolu 141. Barra minn hekk, it-test attwali huwa sieket rigward il-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti jikkomunikaw l-aspettattivi tagħhom għall-istituzzjonijiet sabiex ikollhom fondi proprji li jisbqu r-rekwiżiti kapitali minimi, ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali u r-rekwiżit ta’ bafer kombinat. L-Artikolu 104 emendat jelenka l-possibbiltà li jiġu imposti rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali fost setgħat oħrajn tal-awtoritajiet kompetenti. Artikolu 104a ġdid jiċċara l-kundizzjonijiet għat-twaqqif ta’ rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali u jisħaq fuq in-natura speċifika għall-istituzzjonijiet ta’ dawk ir-rekwiżiti. Jiżdied Artikolu 104b ġdid sabiex jiġu stipulati l-karatteristiċi ewlenin tal-gwida kapitali u l-Artikolu 113 huwa emendat sabiex jipprovdi li l-gwida kapitali għandha tiġi indirizzata fil-qafas tal-kulleġġi tas-superviżuri. Jiddaħħal Artikolu 141a ġdid sabiex tiġi ċċarata aħjar, għall-fini ta’ restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjonijiet, ir-relazzjoni bejn ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali, ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji minimi, ir-rekwiżit ta’ fondi proprji u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli, l-MREL, u r-rekwiżit ta’ bafer kombinat (l-hekk imsejħa “ordni ta’ akkumulazzjoni”). Finalment, l-Artikolu 141 huwa emendat sabiex jirrifletti l-ordni ta’ akkumulazzjoni fil-kalkolu tal-ammont massimu distribwibbli.
Rapportar u divulgazzjoni tal-Pilastru 2
Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġi pprovdut għal skema aktar proporzjonata ta’ rapportar u ta’ divulgazzjoni tal-Pilastru 2, il-proposta temenda l-Artikolu 104(1) tad-DRK sabiex tillimita d-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti meta jimponu obbligi ta’ rapportar jew ta’ divulgazzjoni addizzjonali fuq l-istituzzjonijiet. L-awtoritajiet kompetenti ser ikunu intitolati jużaw dawn is-setgħat superviżorji biss meta jiġu ssodisfati r-raġunijiet legali ddefiniti fil-paragrafu (2) tal-Artikolu 104.
Restrizzjoni tal-proċess ta’ reviżjoni u ta’ evalwazzjoni superviżorji (SREP) u l-Pilastru 2 għall-finijiet mikroprudenzjali
L-esperjenza ta' dan l-aħħar uriet li jkun utli li ssir delineazzjoni aktar ċara tal-oqsma ta' responsabbiltà bejn l-awtoritajiet kompetenti u dawk innominati. Dan japplika b’mod partikolari għall-proċess ta’ reviżjoni u ta’ evalwazzjoni superviżorji (SREP) u r-rekwiżiti superviżorji korrispondenti. L-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli għall-SREP u għall-impożizzjoni ta’ rekwiżiti superviżorji korrispondenti speċifiċi għall-istituzzjoni (l-hekk imsejħa rekwiżiti tal-Pilastru 2). F’dan il-kuntest, jistgħu jevalwaw ukoll ir-riskju sistemiku li jirriżulta minn istituzzjoni speċifika u jistgħu jindirizzaw it-tali riskju billi jimponu rekwiżiti superviżorji għal din l-istituzzjoni. F’dan il-kuntest, l-użu ta’ miżuri tal-Pilastru 2 jista’ jxekkel l-effikaċja u l-effiċjenza ta’ strumenti makroprudenzjali oħrajn. F’dan l-isfond, il-proposta tipprovdi li l-SREP u r-rekwiżiti superviżorji korrispondenti għandhom ikunu ristretti għal perspettiva purament mikroprudenzjali. L-Artikoli 97, 98, 99 u 105 huma emendati kif xieraq. L-Artikolu 103 huwa mħassar u hija inkluża kjarifika fl-Artikolu 104a(1) il-ġdid li tipprovdi li r-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 104 ma għandhomx ikunu imposti sabiex ikopru riskju makroprudenzjali jew sistemiku.
L-introduzzjoni ta’ qafas immodifikat għal riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax
Wara l-iżviluppi f’livell internazzjonali fuq il-kejl tar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax, l-Artikoli 84 u 98 ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 448 tas-CRR huma emendati sabiex jintroduċu qafas rivedut sabiex ikunu koperti r-riskji taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax għall-pożizzjonijiet tal-portafoll bankarju. L-emendi jinkludu l-introduzzjoni ta’ approċċ standardizzat komuni li l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw sabiex ikopru dawn ir-riskji jew li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeħtieġu li tuża l-istituzzjoni meta s-sistemi żviluppati mill-istituzzjoni sabiex ikopru dawn ir-riskji ma jkunux sodisfaċenti, test aħjar tal-outliers u rekwiżiti ta’ divulgazzjoni mtejbin. Barra minn hekk, fl-Artikolu 84 tad-DRK l-EBA ngħatat il-mandat li telabora d-dettalji tal-metodoloġija standardizzata fir-rigward tal-kriterji u tal-kundizzjonijiet li l-istituzzjonijiet għandhom isegwu sabiex jidentifikaw, jevalwaw, jiġġestixxu u jimmitigaw ir-riskji taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax. Fl-Artikolu 98 tad-DRK, l-EBA ngħatat ukoll il-mandat li tiddefinixxi sitt xenarji ta’ xokk superviżorju applikati għar-rati tal-imgħax u s-suppożizzjoni komuni li l-istituzzjonijiet iridu jimplimentaw għat-test tal-outliers.
Kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta
Jiddaħħlu dispożizzjonijiet ġodda u jsiru aġġustamenti f’diversi Artikoli fid-DRK-CRR sabiex il-kumpaniji azzjonarji finanzjarji u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jiġu jaqgħu direttament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas prudenzjali tal-UE. Jiddaħħal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni flimkien ma’ setgħat superviżorji diretti fuq kumpaniji azzjonarji finanzjarji u kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta (Artikolu 21a tad-DRK). L-Artikolu 11 tas-CRR huwa emendat sabiex jiċċara li - meta jiġu applikati rekwiżiti fuq bażi konsolidata fil-livell tat-tali kumpaniji azzjonarji- ser tkun il-kumpanija azzjonarja li tkun direttament responsabbli għall-konformità, u mhux l-istituzzjonijiet li huma sussidjarji tat-tali parteċipazzjonijiet azzjonarji. L-Artikoli 13 u 18 tas-CRR huma aġġustati sabiex jirriflettu r-responsabbiltà diretta tal-kumpaniji azzjonarji finanzjarji jew il-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta.
Impriża prinċipali intermedja tal-UE
Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-istandards maqbula f’livell internazzjonali fuq il-kapaċità interna ta' assorbiment tat-telf għal G-SIIs mhux tal-UE fid-dritt tal-Unjoni u, b’mod ġenerali, sabiex jiġi ssimplifikat u jissaħħaħ il-proċess ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi ta’ pajjiżi terzi b’attivitajiet sinifikanti fl-UE, l-Artikolu 21b tad-DRK jintroduċi rekwiżit ġdid għall-istabiliment ta’ intrapriża prinċipali intermedja tal-UE fejn żewġ istituzzjonijiet jew aktar stabbiliti fl-UE jkollhom l-istess impriża prinċipali aħħarija f’pajjiż terz. L-impriża prinċipali intermedja tal-UE tista’ tkun kumpanija azzjonarja soġġetta għar-rekwiżiti tas-CRR u d-DRK jew istituzzjoni tal-UE. Ir-rekwiżit ser japplika biss għal gruppi ta’ pajjiżi terzi li huma identifikati bħala G-SIIs mhux tal-UE jew li għandhom entitajiet fit-territorju tal-UE b'assi totali ta’ mill-anqas EUR 30 biljun (l-assi taż-żewġ sussidjarji u tal-fergħat ta’ dawk il-gruppi ta’ pajjiżi terzi ser jittieħdu f’kunsiderazzjoni fil-kalkolu).
Rimunerazzjoni
Kif meħtieġ mill-Artikolu 161(2) tad-DRK, il-Kummissjoni rrevediet l-effiċjenza, l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli dwar ir-rimunerazzjoni tad-DRK. Is-sejbiet ta’ din ir-reviżjoni, riflessi fir-Rapport tal-Kummissjoni COM(2016) 510, kienu ġeneralment pożittivi.
Madankollu, ir-reviżjoni wriet li wħud mir-regoli, jiġifieri r-regoli dwar id-diferiment u l-iżborż fl-istrumenti, ma jaħdmux għall-iżgħar istituzzjonijiet u għal dawk l-anqas kumplessi u għal persunal b’rimunerazzjoni varjabbli baxxa. Ir-reviżjoni wriet ukoll li l-proporzjonalità rigward l-iżgħar istituzzjonijiet u dawk l-anqas kumplessi kif riflessa fl-Artikolu 92(2) tad-DRK ġiet interprata b’modi differenti, u wasslet għal implimentazzjoni inkonsistenti tar-regoli fl-Istati Membri. Għaldaqstant hija proposta emenda mmirata sabiex tkopri l-problemi affaċċjati fl-applikazzjoni tar-regoli dwar id-diferiment u l-iżborż fl-istrumenti f’istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi u favur membri tal-persunal b’rimunerazzjoni varjabbli baxxa. Għal dan l-għan, l-Artikolu 94 huwa emendat sabiex jiċċara li r-regoli japplikaw għall-istituzzjonijiet kollha u għall-persunal identifikat tagħhom, ħlief għal dawk li huma anqas mil-limiti stabbiliti għad-derogi. Fl-istess ħin, hija offruta ċerta flessibbiltà lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottaw approċċ aktar strett.
L-emendi rigward id-dispożizzjonijiet fuq ir-rimunerazzjoni għandhom ukoll l-għan li jindirizzaw ħtieġa oħra għal regoli aktar proporzjonali identifikati mir-reviżjoni tal-Kummissjoni billi jippermettu lill-istituzzjonijiet elenkati jużaw strumenti marbuta mal-azzjonijiet għall-issodisfar tar-rekwiżiti tad-DRK.
2016/0364 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward ta’ entitajiet eżentati, kumpaniji azzjonarji finanzjarji, kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta, ir-rimunerazzjoni, miżuri u setgħat superviżorji u miżuri ta’ konservazzjoni kapitali
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,
Billi:
(1)Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ġew adottati bħala tweġiba għall-kriżijiet finanzjarji li faqqgħu fl-2007-2008. Dawn il-miżuri leġiżlattivi kkontribwew b’mod sostanzjali għat-tisħiħ tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u għamlu l-istituzzjonijiet aktar reżiljenti għal xokkijiet futuri possibbli. Minkejja li huma estremament komprensivi, dawn il-miżuri ma indirizzawx id-dgħjufijiet kollha identifikati li jaffettwaw l-istituzzjonijiet. Barra minn dan, xi wħud mill-miżuri proposti inizjalment kienu suġġett għal klawżoli ta' reviżjoni jew ma ġewx speċifikati b'mod suffiċjenti sabiex tkun tista' ssir interpreazzjoni bla skossi tagħhom.
(2)Din id-Direttiva għandha l-għan li tindirizza l-kwistjonijiet imqajma b’rabta mad-dispożizzjonijiet li wrew li mhumiex ċari biżżejjed u li, għalhekk, kienu soġġetti għal interpretazzjonijiet differenti jew li nstab li kienu joħolqu piżijiet eċċessivi għal ċerti istituzzjonijiet. Fiha wkoll aġġustamenti għad-Direttiva 2013/36/UE li huma neċessarji skont l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew skont it-tibdiliet proposti b’mod parallel għar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Finalment, l-emendi proposti jallinjaw il-qafas regolatorju attwali aħjar mal-iżviluppi internazzjonali sabiex jippromwovu konsistenza u komparabilità fost il-ġuriżdizzjonijiet.
(3)Il-kumpaniji azzjonarji finanzjarji u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jistgħu jkunu impriżi prinċipali ta’ gruppi bankarji u l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti prudenzjali hija prevista fuq il-bażi tas-sitwazzjoni konsolidata tat-tali kumpaniji azzjonarji. Peress li l-istituzzjoni kkontrollata mit-tali kumpaniji azzjonarji mhux dejjem bilfors li tkun konformi mar-rekwiżiti fuq bażi konsolidata, hija konsistenti mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-konsolidazzjoni li l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jinġiebu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni dirett tad-Direttiva 2013/36/UE u tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għalhekk, proċedura ta’ awtorizzazzjoni speċifika għall-kumpaniji azzjonarji finanzjarji u għall-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta hija neċessarja, kif ukoll is-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti. Dan jiżgura wkoll li r-rekwiżiti prudenzjali kkonsolidati jkunu rrispettati direttament mill-kumpanija azzjonarja, li mhijiex ser tkun soġġetta għal rekwiżiti prudenzjali applikati fuq livell individwali.
(4)Is-superviżur konsolidanti huwa fdat bir-responsabbiltajiet ewlenin f'dak li għandu x'jaqsam mas-superviżjoni fuq bażi konsolidata. Huwa għalhekk neċessarju li l-awtorizzazzjoni prudenzjali u s-superviżjoni tal-kumpaniji azzjonarji finanzjarji u tal-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jingħataw ukoll lis-superviżur konsolidanti. Il-Bank Ċentrali Ewropew, meta jwettaq dmiru ta’ superviżjoni fuq bażi konsolidata fuq il-kumpaniji prinċipali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 4(1)(g) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 għandu jkun responsabbli wkoll għall-awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni tal-kumpaniji azzjonarji finanzjarji u tal-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta.
(5)Ir-rapport tal-Kummissjoni COM(2016)510 tat-28 ta’ Lulju 2016 wera li, meta applikati għal istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi, uħud mill-prinċipji, jiġifieri r-rekwiżiti dwar id-diferiment u l-iżborż fl-istrumenti stabbiliti fil-punti (l) u (m) tal-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, joħolqu wisq piżijiet u mhumiex proporzjonati għall-benefiċċji prudenzjali tagħhom. B’mod simili, instab li l-kost ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti jisboq il-benefiċċji prudenzjali tagħhom fil-każ ta’ persunal b’livelli baxxi ta’ rimunerazzjoni varjabbli, peress li t-tali livelli ta’ rimunerazzjoni varjabbli jipproduċu ftit jew ebda inċentiv għall-persunal sabiex jieħu riskju eċċessiv. Konsegwentement, filwaqt li, b’mod ġenerali, l-istituzzjonijiet kollha għandhom ikunu meħtieġa japplikaw il-prinċipji kollha lejn il-persunal kollu tagħhom li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tagħhom, hemm bżonn li fid-Direttiva jiġu eżentati istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi u persunal b’livelli baxxi ta’ rimunerazzjoni varjabbli mill-prinċipji dwar id-diferiment u l-iżborż fl-istrumenti.
(6)Kriterji ċari, konsistenti u armonizzati għall-identifikazzjoni ta’ istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi kif ukoll ta’ livelli baxxi ta’ rimunerazzjoni huma neċessarji sabiex tiġi żgurata konverġenza superviżorja u sabiex jitrawmu kundizzjonijiet ekwi għall-istituzzjonijiet u protezzjoni adegwata tad-depożitanti, tal-investituri u tal-konsumaturi madwar l-Unjoni. Fl-istess ħin, tajjeb li tkun offruta ċerta flessibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jadottaw approċċ aktar strett meta jqisu li dan ikun neċessarju.
(7)Id-Direttiva 2013/36/UE tirrekjedi li sehem sostanzjali, u fi kwalunkwe każ tal-anqas 50% ta’ kwalunkwe rimunerazzjoni varjabbli, ikun jikkonsisti f’bilanċ ta’ azzjonijiet jew interessi proprjetarji ekwivalenti, soġġetti għall-istruttura legali tal-istituzzjoni kkonċernata, jew strumenti marbuta mal-azzjonijiet jew strumenti ekwivalenti mhux fi flus, fil-każ ta’ istituzzjoni mhux elenkata; u, fejn possibbli, ta’ strumenti alternattivi tal-grad 1 jew tal-grad 2 li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Dan il-prinċipju jillimita l-użu ta’ strumenti marbuta mal-azzjonijiet għal istituzzjonijiet mhux elenkati u jeħtieġ li l-istituzzjonijiet elenkati jużaw l-azzjonijiet. Ir-rapport tal-Kummissjoni COM(2016) 510 tat-28 ta’ Lulju 2016 sab li l-użu tal-azzjonijiet jista’ jwassal għal piżijiet u kostijiet amministrattivi konsiderevoli għall-istituzzjonijiet elenkati. Fl-istess ħin, benefiċċji prudenzjali ekwivalenti jistgħu jinkisbu billi l-istituzzjonijiet elenkati jitħallew jużaw strumenti marbuta mal-azzjonijiet li jintraċċaw il-valur tal-azzjonijiet. Għaldaqstant, il-possibbiltà li jintużaw strumenti marbuta mal-azzjonijiet għandha tiġi estiża għall-istituzzjonijiet elenkati.
(8)Is-supplimentazzjonijiet tal-fondi proprji imposti mill-awtoritajiet kompetenti huma mutur importanti tal-livell kumplessiv ta' fondi proprji ta' istituzzjoni u huma relevanti għall-parteċipanti fis-suq peress li l-livell ta' fondi proprji addizzjonali imposti għandu impatt fuq il-punt ta' skattar għar-restrizzjonijiet fuq il-pagamenti ta' dividenti, il-pagamenti ta' bonusijiet u l-pagamenti fuq strumenti ta' Grad 1 Addizzjonali. Definizzjoni ċara tal-kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu imposti supplimentazzjonijiet kapitali għandha tiġi pprovduta sabiex jiġi żgurat li r-regoli jkunu applikati b’mod konsistenti bejn l-Istati Membri u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq.
(9)Is-supplimentazzjonijiet tal-fondi proprji imposti mill-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu stabbiliti b’rabta mas-sitwazzjoni speċifika ta’ istituzzjoni u għandhom jiġu ġġustifikati kif xieraq. Dawn ir-rekwiżiti ma għandhomx jintużaw sabiex jindirizzaw ir-riskji makroprudenzjali u għandhom jiġu pożizzjonati, fl-ordni ta’ akkumulzzjoni tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji, f’livell ogħla mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji minimi u f’livell anqas mir-rekwiżit ta’ bafer kombinat.
(10)Ir-rekwiżit ta’ proporzjon ta' ingranaġġ huwa rekwiżit parallel għar-rekwiżiti ta’ fondi proprji bbażati fuq ir-riskji. Għaldaqstant, kwalunkwe supplimentazzjoni ta’ fondi proprji imposta mill-awtoritajiet kompetenti għall-indirizzar tar-riskju ta’ ingranaġġ eċċessiv għandha tiżdied mar-rekwiżit ta’ proporzjon ta' ingranaġġ mnimu u mhux mar-rekwiżit ta’ fondi proprji minimi bbażat fuq ir-riskju. Barra minn hekk, kwalunkwe kapital tal-Grad 1 li l-istituzzjonijiet jużaw sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħhom relatati mal-ingranaġġ jista’ jintuża sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji bbażati fuq ir-riskju wkoll, inklużi r-rekwiżiti ta’ bafer kombinat.
(11)L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkomunikaw lil istituzzjoni kwalunkwe aġġustament ulterjuri fl-ammont ta’ kapital li jisboq ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji minimi, ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali u r-rekwiżit ta’ bafers kombinati li jistennew li jkollha t-tali istituzzjoni sabiex tkampa f’sitwazzjonijiet futuri u remoti. Peress li din il-gwida tikkostitwixxi mira kapitali, għandha titqies bħala f’pożizzjoni ogħla mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji u r-rekwiżit ta’ bafer kombinat fis-sens li falliment ta’ lħiq tat-tali mira ma jiskattax ir-restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 141 ta’ din id-Direttiva u din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma għandhomx jistabbilixxu obbligi ta’ divulgazzjoni obbligatorji għall-gwida. Meta istituzzjoni tonqos milli tilħaq il-mira ta’ kapital b’mod ripetut, l-awtorità kompetenti għandha tkun intitolata tieħu miżuri superviżorji u, fejn xieraq, timponi rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali.
(12)Dawk li wieġbu għas-Sejħa għal Evidenza tal-Kummissjoni dwar il-qafas regolatorju tal-UE għas-servizzi finanzjarji indikaw li l-piż ta’ rapportar żdied minħabba r-rapportar sistematiku meħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti lil hinn mill-obbligi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport li jidentifika dawk l-obbligi addizzjonali ta’ rapportar sistematiku u tivvaluta jekk dawn humiex konformi mal-ġabra unika tar-regoli dwar ir-rapportar superviżorju.
(13)Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva 2013/36/UE dwar ir-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax li jirriżulta minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar huma marbuta mad-dispożizzjonijiet relevanti fir-[ir-Regolament XX li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013, li jeħtieġu perjodu ta’ implimentazzjoni itwal għall-istituzzjonijiet. Sabiex l-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax li jirriżulta mill-attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar tiġi allinjata, id-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Direttiva għandhom jibdew japplikaw mill-istess data bħad-dispożizzjonijiet relevanti fir-Regolament (UE) Nru [XX].
(14)Sabiex jiġi armonizzat il-kalkolu tar-riskju tar-rata tal-imgħax tal-attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar meta s-sistemi interni tal-istituzzjonijiet għall-kejl ta' dan ir-riskju ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni għandha tingħata l-poter li tadotta standards tekniċi regolatorji għar-rigward tal-iżvilupp tad-dettalji ta' approċċ standardizzat permezz tal-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fl-Artikolu 84(4) ta' din id-Direttiva permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE u skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
(15)Sabiex titjieb l-identifikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' dawk l-istituzzjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għal telf eċċessiv fl-attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar tagħhom bħala riżultat ta' tibdil potenzjali fir-rati tal-imgħax, il-Kummissjoni għandha tingħata l-poter li tadotta standards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-ispeċifikar tas-sitt xenarji ta' xokk superviżorju li l-istituzzjonijiet kollha jkollhom japplikaw sabiex jikkalkulaw tibdil fil-valur ekonomiku tal-ekwità kif imsemmi fl-Artikolu 98(5), is-suppożizzjonijiet komuni li l-istituzzjonijiet ikollhom jimplimentaw fis-sistemi interni tagħhom għall-iskop tal-istess kalkolu u għar-rigward tad-determinazzjoni tal-ħtieġa potenzjali għal kriterji speċifiċi biex ikunu identifikati l-istituzzjonijiet li għalihom jista' jkun opportun li jittieħdu miżuri superviżorji wara tnaqqis fid-dħul nett mill-imgħax attribwit għal tibdil fir-rati tal-imgħax permezz ta' atti delegati konformi mal-Artikolu 290 TFUE u skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
(16)Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jiġu ggwidati fl-identifikazzjoni ta' sitwazzjonijiet fejn għandhom jiġu imposti supplimentazzjonijiet kapitali speċifiċi għall-istituzzjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata l-poter li tadotta standards tekniċi regolatorji fir-rispett ta' kif ir-riskji, jew xi elementi tar-riskji mhux koperti jew mhux biżżejjed koperti mir-rekwiżiti ta' fondi proprji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom jitkejlu permezz ta' atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE u skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
(17)Il-banek ta’ żvilupp u l-unjonijiet ta’ kreditu pubbliċi f’ċerti Stati Membri storikament kienu eżentati mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi, għandu jkun possibbli wkoll li anki banek ta’ żvilupp u unjonijiet tal-kreditu pubbliċi oħrajn ikunu eżentati mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li joperaw biss skont salvagwardji regolatorji nazzjonali proporzjonati għar-riskji li jġarrbu. Sabiex jiġi pprovdut għal ċertezza tad-dritt, hemm bżonn li jiġu stabbiliti kriterji ċari għat-tali eżenzjonijiet addizzjonali u li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ jekk istituzzjonijiet speċifiċi jew kategoriji speċifiċi ta’ istituzzjonijiet jissodisfawx dawk il-kriterji ddefiniti.
(18)Qabel l-adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 TFUE, huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom jingħataw aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.
(19)Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li ssaħħaħ u tirfina l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni sabiex tiżgura rekwiżiti prudenzjali uniformi li japplikaw għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment madwar l-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.
(20)B’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. F'dak li għandu x’jaqsam ma’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġustifikata.
(21)Id-Direttiva 2013/36/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2013/36/UE
Id-Direttiva 2013/36/UE hija emendata kif ġej:
(1)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:
(1)flok il-punt (16) jidħol dan li ġej:
“(16) fin-Netherlands, in-“Nederlandse Investeringsbank voor Ontwikkelingslanden NV”, l-“NV Noordelijke Ontwikkelingsmaatschappij”, l-“NV Industriebank Limburgs Instituut voor Ontwikkeling en Financiering”, l-“Overijsselse Ontwikkelingsmaatschappij NV” u “kredietunies;”.
(2)jiżdied il-punt (24) li ġej:
“ (24) fil-Kroazja, il-“kreditne unije” u l-“Hrvatska banka za obnovu i razvitak”,”
(b)jiddaħħlu l-paragrafi 5a u 5b li ġejjin:
“5a.
Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal istituzzjoni fejn il-Kummissjoni tistabbilixxi f’att delegat adottat skont l-Artikolu 148, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha li l-istituzzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin, bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat:
(a)tkun ġiet stabbilita skont id-dritt pubbliku mill-gvern ċentrali, mill-gvern reġjonali jew mill-awtorità lokali ta’ Stat Membru;
(b)il-liġijiet u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjoni jikkonfermaw li l-attività tagħha hija limitata għall-avvanzar ta’ objettivi speċifikati ta’ politika pubblika finanzjarja, soċjali jew ekonomika skont il-liġijiet u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw dik l-istituzzjoni, fuq bażi mhux kompetittiva, mhux għall-profitt. Għal dawn il-finijiet, l-objettivi tal-politika pubblika jistgħu jinkludu l-forniment ta’ finanzjament għal skopijiet promozzjonali jew ta’ żvilupp għal attivitajiet ekonomiċi speċifiċi, jew għal żoni ġeografiċi tal-Istat Membru rilevanti;
(c)hija soġġetta għal rekwiżiti prudenzjali adegwati u effettivi, inklużi rekwiżiti ta’ fondi proprji minimi, u għal qafas superviżorju adegwat li għandu effett simili bħall-qafas stabbilit skont id-dritt tal-Unjoni;
(d)il-gvern ċentrali, il-gvern reġjonali jew awtorita lokali, skont kif ikun applikabbl, ikollu obbligu li jipproteġi l-vijabbiltà tal-istituzzjoni jew inkella li jiggarantixxi b’mod dirett jew indirett tal-anqas 90 % mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji, mir-rekwiżiti ta’ finanzjament jew mill-iskoperturi tal-istituzzjoni;
(e)hija prekluża milli taċċetta depożiti kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(f)l-attivitajiet tagħha huma limitati għall-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħha;
(g)il-valur totali tal-assi tal-istituzzjoni huwa ta’ anqas minn EUR 30 biljun;
(h)il-proporzjon tal-assi totali tal-istituzzjoni fuq il-PDG tal-Istat Membru kkonċernat huwa ta’ anqas minn 20%;
(i)l-istituzzjoni mhijiex ta’ rilevanza sinifikanti fir-rigward tal-ekonomija domestika tal-Istat Membru kkonċernat.
Il-Kummissjoni għandha tara b’mod regolari jekk istituzzjoni soġġetta għal att delegat adottat skont l-Artikolu 148 tkunx għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.
5b.
Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kategoriji ta’ istituzzjonijiet fi Stat Membru, fejn il-Kummissjoni tistabbilixxi f’att delegat adottat skont l-Artikolu 148, fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli għaliha, li l-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt dik il-kategorija jikkwalifikaw bħala unjonijiet tal-kreditu skont il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru u jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)huma istituzzjonijiet finanzjarji ta’ natura kooperattiva;
(b)is-sħubija tagħhom hija ristretta għal sett ta’ membri li jaqsmu ċerti karatteristiċi jew interessi personali komuni predefiniti;
(c)huma permessi li jipprovdu servizzi ta’ kreditu u finanzjarji lill-membri tagħhom biss;
(d)huma permessi jaċċettaw depożiti jew fondi ripagabbli mingħand il-membri tagħhom u tali depożiti jikkwalifikaw bħala depożiti koperti skont il-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/49/UE;
(e)huma permessi jwettqu l-attivitajiet elenkati fil-punti 1 sa 6 u 15 tal-Anness I għal din id-Direttiva biss;
(f)huma soġġetti għal rekwiżiti prudenzjali adegwati u effettivi, inklużi rekwiżiti kapitali minimi, u qafas superviżorju li għandu effett simili bħall-qafas stabbilit skont id-dritt tal-Unjoni;
(g)il-valur aggregat tal-assi ta’ din il-kategorija ta’ istituzzjonijiet ma jaqbiżx it-3% tal-PDG tal-Istat Membru kkonċernat u l-valur totali tal-assi tal-istituzzjonijiet individwali ma jaqbiżx il-EUR 100 miljun;
(h)l-attivitajiet tagħhom huma limitati għall-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħhom.
Il-Kummissjoni għandha tara b’mod regolari jekk xi kategorija ta' istituzzjonijiet soġġetta għal att delegat adottat skont l-Artikolu 148 tkunx għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.".
(c)Il-paragrafu 6 jinbidel b’dan li ġej:
“6. L-entitajiet imsemmija fil-punt (1) u fil-punti (3) sa (24) tal-paragrafu 5 u fl-atti delegati adottati skont il-paragrafi 5a u 5b ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu ttrattati bħala istituzzjonijiet finanzjarji għall-finijiet tal-Artikolu 34 u tat-Titolu VII, Kapitolu 3.”.
(d)jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:
"Qabel ma jgħaddu [ħames (5) snin wara d-dħul fis-seħħ], il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-lista fl-Artikolu 2(5) billi tikkunsidra jekk ir-raġunijiet li wasslu għall-inklużjoni tal-entitajiet fil-lista għadhomx validi, il-qafas legali nazzjonali u s-superviżjoni applikabbli għall-entitajiet fil-lista, it-tip u l-kwalità tal-kopertura tad-depożiti tal-entitajiet fil-lista u, għal entitajiet tat-tip speċifikat fil-paragrafi 2(5a) u 2(5b) filwaqt li jiġu kkunsidrati wkoll il-kriterji deskritti fihom.”.
(2)L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:
"(60) “awtorità ta’ riżoluzzjoni” tfisser awtorità ta' riżoluzzjoni kif definita fil-punt (18) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;
(61) “istituzzjoni globali sistemikament importanti” (G-SII) tfisser G-SII kif definita fil-punt (132) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(62) “istituzzjoni globali sistemikament importanti mhux fl-UE” (G-SII mhux fl-UE) tfisser G-SII mhux fl-UE kif definita fil-punt (133) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013
(63) “grupp” tfisser grupp kif definit fil-punt (137) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
(64) “grupp ta’ pajjiż terz” tfisser grupp li l-impriża prinċipali tiegħu hija stabbilita f’pajjiż terz.
(b)jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:
“3. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi konsolidata u għall-finijiet ta’ eżerċitar tas-superviżjoni fuq bażi konsolidata skont din id-Direttiva u r-Regolament (UE) 575/2013, it-termini “istituzzjoni”, “istituzzjoni prinċipali fi Stat Membru”, “istituzzjoni prinċipali tal-UE” u “impriża prinċipali” għandhom japplikaw ukoll għal kumpaniji azzjonarji finanzjarji u kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta li huma soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva u fir-Regolament 575/2013 fuq bażi konsolidata u huma awtorizzati skont l-Artikolu 21a.”.
(3)Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta awtoritajiet għajr l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa ta’ riżoluzzjoni, dawk l-awtoritajiet l-oħrajn jikkooperaw mill-qrib u jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tat-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ rioluzzjoni u f’kull waqt ieħor fejn dan ikun meħtieġ f’din id-Direttiva, fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew fir-Regolament (UE) Nru 575/2013.”.
(4)L-Artikolu 8(2) huwa emendat kif ġej:
(a)Flok il-punt (a) jidħol dan li ġej:
“(a) l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, inkluż il-programm ta’ operazzjonijiet ipprovdut fl-Artikolu 10 u l-informazzjoni neċessarja għar-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri u nnotifikati lill-EBA skont il-paragrafu 1”;
(b)Flok il-punt (b) jidħol dan li ġej:
“(b) ir-rekwiżiti applikabbli għall-azzjonisti u għall-membri b’parteċipazzjonijiet kwalifikattivi, jew, fejn ma jkun hemm ebda parteċipazzjoni kwalifikattiva, tal-akbar 20 azzjonist jew membru, skont l-Artikolu 14; u”.
(5)Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:
“2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għat-teħid ta’ depożiti jew ta’ fondi ripagabbli oħrajn minn kwalunkwe wieħed/waħda minn dawn li ġejjin:
(a)Stat Membru;
(b)awtorità reġjonali jew lokali ta’ Stat Membru;
(c)korpi internazzjonali pubbliċi li fihom huwa membru Stat Membru wieħed jew aktar;
(d)persuni jew impriżi li jibdew u jwettqu negozju li huwa kopert b’mod espliċitu mid-dritt tal-Unjoni, għajr din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(e)entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(5), li l-attività tagħhom hija rregolata mid-dritt nazzjonali.”.
(6)L-Artikolu 10 jinbidel b’dan li ġej:
“Artikolu 10
Programm tal-operazzjonijiet u organizzazzjoni strutturali
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni jkunu akkumpanjati minn programm ta’ operazzjonijiet li jistabbilixxi t-tipi ta’ negozju previsti u l-organizzazzjoni strutturali tal-istituzzjoni ta’ kreditu, inkluża indikazzjoni tal-impriżi prinċipali, tal-kumpaniji azzjonarji finnzjarji u tal-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta fi ħdan il-grupp.”.
(7)Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:
“2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiċħdu l-awtorizzazzjoni sabiex jibdew l-attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jekk, fid-dawl tal-bżonn li jiżguraw il-ġestjoni solida u prudenti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, ma jkunux issodisfati dwar l-idoneità tal-azzjonisti jew tal-membri skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 23(1). L-Artikolu 23(2) u (3) u l-Artikolu 24 għandhom japplikaw.”.
(8)Fl-Artikolu 18, il-punt (d) huwa mibdul b’dan li ġej:
“(d) ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa jew Sitta, ħlief għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 92a u 92b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew imposti skont l-Artikolu 104(1)(a) jew l-Artikolu 105 ta’ din id-Direttiva jew ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi fdata li ser tissodisfa l-obbligi li għandha mal-kredituri tagħha, u, b’mod partikolari, ma għadhiex tipprovdi garanzija għall-assi fdalti lilha mid-depożitanti tagħha.”.
(9)Jiddaħħlu l-Artikoli 21a u 21b li ġejjin:
“Artikolu 21a
Awtorizzazzjoni ta’ kumpaniji azzjonarji finanzjarji u ta’ kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta
1.L-Istati Membri għandhom jesiġu li kumpaniji azzjonarji finanzjarji u kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jiksbu awtorizzazzjoni mingħand is-superviżur tal-konsolidazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 111.
Meta s-superviżur tal-konsolidazzjoni jkun differenti mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn twaqqfet il-kumpanija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta, is-superviżur tal-konsolidazzjoni għandu jikkonsulta lill-awtorità kompetenti.
2.L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha jkun fiha tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:
(a)l-organizzazzjoni strutturali tal-grupp li hija parti minnha l-kumpanija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta, fejn ikunu indikati biċ-ċar is-sussidjarji u, fejn applikabbli, l-impriżi prinċipali;
(b)il-konformità mar-rekwiżiti effettivi dwar id-direzzjoni tan-negozju u tal-uffiċċju prinċipali stabbiliti fl-Artikolu 13;
(c)il-konformità mar-rekwiżiti dwar l-azzjonisti u l-membri stabbiliti fl-Artikolu 14.
3.Is-superviżur tal-konsolidazzjoni jista’ jagħti awtorizzazzjoni biss fejn ikun sodisfatt li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)il-kumpanija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li hija soġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 hija kapaċi tiżgura konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti;
(b)il-kumpanija azzjonarja finanzjarja jew il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta ma tostakolax is-superviżjoni effettiva tal-istituzzjonijiet sussidjarji jew tal-istituzzjonijiet prinċipali.
4.Is-superviżuri tal-konsolidazzjoni għandhom jeħtieġu li l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta jipprovdulhom l-informazzjoni li jeħtieġu sabiex jissorveljaw l-organizzazzjoni strutturali tal-grupp u l-konformità mar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu.
5.Is-superviżuri tal-konsolidazzjoni jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni mogħtija lil kumpanija azzjonarja finanzjarja jew lil kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta biss meta t-tali kumpanija azzjonarja finanzjarja jew it-tali kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta:
(a)ma tużax l-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, tiċħad b’mod espliċitu l-awtorizzazzjoni jew tbigħ is-sussidjarji kollha tagħha li huma istituzzjonijiet;
(b)tkun kisbet l-awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew b’xi mezz irregolari ieħor;
(c)ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet li fihom ingħatat l-awtorizzazzjoni;
(d)hija soġġetta għar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 fuq bażi konsolidata u ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa jew Sitta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew imposti skont l-Artikolu 104(1)(a) jew l-Artikolu 105 ta’ din id-Direttiva jew ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi fdata li ser tissodisfa l-obbligi li għandha mal-kredituri tagħha;
(e)taqa’ taħt wieħed mill-każijiet l-oħrajn fejn id-dritt nazzjonali jipprovdi għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni; jew
(f)twettaq xi ksur imsemmi fl-Artikolu 67(1).
Artikolu 21b
Impriża prinċipali intermedja tal-UE
1.L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li żewġ istituzzjonijiet jew aktar fl-Unjoni, li huma parti mill-istess grupp ta’ pajjiż terz, ikollhom impriża prinċipali intermedja tal-UE li hija stabbilita fl-Unjoni.
2.L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li impriża prinċipali intermedja tal-UE fl-Unjoni tikseb awtorizzazzjoni bħala istituzzjoni skont l-Artikolu 8 jew bħala kumpanija azzjonarja finanzjarja jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta skont l-Artikolu 21a.
3.Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw meta l-valur totali tal-assi fl-Unjoni tal-grupp ta’ pajjiż terz ikun anqas minn EUR 30 biljun, sakemm il-grupp ta’ pajjiż terz ma jkunx G-SII mhux tal-UE.
4.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-valur totali tal-assi fl-Unjoni tal-grupp ta’ pajjiż terz għandu jinkludi dawn li ġejjin:
(a)l-assi totali ta’ kull istituzzjoni fl-Unjoni tal-grupp ta’ pajjiż terz, kif jirriżultaw mill-karta bilanċjali konsolidata tagħhom; u
(b)l-assi totali ta’ kull fergħa tal-grupp ta’ pajjiż terz awtorizzata fl-Unjoni.
5.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-EBA kull awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 2.
6.L-EBA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-lista tal-impriżi prinċipali intermedji kollha tal-UE li ngħataw awtorizzazzjoni fl-Unjoni.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jkun hemm impriża prinċipali intermedja waħda fl-UE għall-istituzzjonijiet kollha li huma parti mill-istess grupp ta’ pajjiż terz.”.
(10)Fl-Artikolu 23(1), il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:
“(b) ir-reputazzjoni, l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza, kif stipulati fl-Artikolu 91(1), ta’ kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali li ser imexxi n-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu bħala riżultat tal-akkwiżizzjoni proposta;”.
(11)Fl-Artikolu 47, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:
“2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-EBA dwar dawn li ġejjin:
(a)l-awtorizzazzjonijiet kollha għall-fergħat mogħtija lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f’pajjiż terz;
(b)l-assi u l-obbligazzjonijiet totali tal-fergħat awtorizzati tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f’pajjiż terz, kif irrapportati b’mod perjodiku.
L-EBA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-lista tal-fergħat kollha f’pajjiżi terzi awtorizzati sabiex joperaw fl-Istati Membri, filwaqt li tindika l-Istat Membru u l-assi totali ta’ kull fergħa.”.
(12)Fl-Artikolu 75, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:
“1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġbru l-informazzjoni ddivulgata skont il-kriterji għad-divulgazzjoni stabbiliti fil-punti (g), (h), (i) u (k) tal-Artikolu 450(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u għandhom jużawha għall-benchmarking ta’ xejriet u prattiki ta’ rimunerazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-EBA.”
(13)L-Artikolu 84 jinbidel b’dan li ġej:
“Artikolu 84
Ir-riskju taċ-ċaqliq fl-imgħax minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar
1.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet jimplimentaw sistemi interni jew jużaw il-metodoloġija standardizzata sabiex jidentifikaw, jevalwaw, jimmaniġġjaw u jimmitigaw ir-riskji li jirriżultaw minn tibdiliet potenzjali fir-rati tal-imgħax li jaffettwaw kemm il-valur ekonomiku tal-ekwità kif ukoll l-introjtu mill-imgħax nett tal-attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar ta’ istituzzjoni.
2.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet jimplimentaw sistemi sabiex jivvalutaw u jissorveljaw ir-riskji li jirriżultaw minn tibdiliet potenzjali fil-firxiet tal-kreditu li jaffettwaw kemm il-valur ekonomiku tal-ekwità kif ukoll l-introjtu mill-imgħax nett tal-attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar ta’ istituzzjoni.
3.L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jesiġu li l-istituzzjonijiet jużaw il-metodoloġija standardizzata msemmija fil-paragrafu 1 fejn is-sistemi interni implimentati mill-istituzzjonijiet għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tar-riskji msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux sodisfaċenti.
4.L-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika, għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, id-dettalji ta’ metodoloġija standardizzata li l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw għall-fini ta’ evalwazzjoni tar-riskji msemmija fil-paragrafu 1.
L-EBA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [sena wara d-dħul fis-seħħ].
Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
5.L-EBA għandha toħroġ linji gwida sabiex tispeċifika:
(a)il-kriterji għall-evalwazzjoni tar-riskji msemmija fil-paragrafu 1 mis-sistema interna ta’ istituzzjoni;
(b)il-kriterji għall-identifikazzjoni, għall-ġestjoni u għall-mitigazzjoni tar-riskji msemmija fil-paragrafu 1 mill-istituzzjonijiet;
(c)il-kriterji għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskji msemmija fil-paragrafu 2 mill-istituzzjonijiet;
(d)il-kriterji għad-determinazzjoni ta’ liema mis-sistemi interni implimentati mill-istituzzjonijiet għall-finijiet tal-paragrafu 1 mhumiex sodisfaċenti msemmija fil-paragrafu 3;
L-EBA għandha toħroġ dawk il-linji gwida sa [sena wara d-dħul fis-seħħ].”
(14)Fl-Artikolu 85, il-paragrafu (1) jinbidel b’dan li ġej:
“1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaraw li l-istituzzjonijiet jimplimentaw politiki u proċessi sabiex jevalwaw u jikkontrollaw l-iskopertura għar-riskju operazzjonali, inklużi riskju u riskji mudell li jirriżultaw mill-esternalizzazzjoni, u sabiex ikopru avvenimenti severi ħafna mhux frekwenti. L-istituzzjonijiet għandhom jartikolaw x’jikkostitwixxi riskju operazzjonali għall-finijiet ta’ dawk il-politiki u l-proċeduri.”.
(15)L-Artikolu 92 huwa emendat kif ġej:
(a)jitħassar il-paragrafu 1.
(b)fil-paragrafu 2, il-frażi introduttorja tinbidel b’din li ġejja:
“L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li, meta jistabbilixxu u japplikaw il-politiki ta’ rimunerazzjoni totali, inklużi s-salarji u l-benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni, għal kategoriji ta’ persunal inklużi l-maniġment superjuri, min jieħu r-riskju, il-persunal involut fil-funzjonijiet ta’ kontroll u kwalunkwe impjegat li jirċievi rimunerazzjoni totali li tpoġġih fl-istess kategorija ta’ rimunerazzjoni bħall-maniġment superjuri u min jieħu r-riskju, li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tagħhom, l-istituzzjonijiet jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin b’mod li jkun xieraq għad-daqs tagħhom, għall-organizzazzjoni interna tagħhom, u għan-natura, għall-kamp ta’ applikazzjoni u għall-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom.”.
(16)L-Artikolu 94 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1(l), il-punt (i) jinbidel b’dan li ġej:
“(i) azzjonijiet jew, soġġetti għall-istruttura legali tal-istituzzjoni kkonċernata, interessi proprjetarju ekwivalenti; jew strumenti marbuta mal-azzjonijiet jew, soġġetti għall-istruttura legali tal-istituzzjoni kkonċernata, strumenti ekwivalenti mhux fi flus;”.
(b)jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:
“3. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, il-prinċipji stabbiliti fil-punti (l), (m) u fit-tieni subparagrafu tal-punt (o) ma għandhomx japplikaw għal:
(a)istituzzjoni li l-valur tal-assi tagħha huwa bħala medja daqs jew anqas minn EUR 5 biljun tul il-perjodu ta’ erba’ snin li jiġu bl-eżatt qabel is-sena finanzjarja kurrenti;
(b)membru tal-persunal li r-rimunerazzjoni varjabbli annwali tiegħu ma taqbiżx EUR 50.000 u ma tirrappreżentax aktar minn kwart mir-rimunerazzjoni totali annwali tal-membru tal-persunal.
Permezz ta’ deroga mill-punt (a), awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li l-istituzzjonijiet li l-valur tal-assi totali tagħhom huwa anqas mil-limitu msemmi fil-punt (a) mhumiex soġġetti għad-deroga minħabba n-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tagħhom, l-organizzazzjoni interna tagħhom jew, jekk applikabbli, il-karatteristiċi tal-grupp li jappartjenu għalih.
Permezz ta’ deroga mill-punt (b), awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li l-membri tal-persunal li r-rimunerazzjoni varjabbli annwali tagħhom hija anqas mil-limitu u mis-sehem imsemmi fil-punt (b) mhumiex soġġetti għad-deroga minħabba l-ispeċifiċitajiet tas-suq nazzjonali f’termini tal-prattiki ta’ rimunerazzjoni jew minħabba n-natura tar-responsabbiltajiet u l-profil tax-xogħol ta’ dawk il-membri tal-persunal.
4. Sa [erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, għandha tirrevedi u tirrapporta dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 3, u għandha tissottometti dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma’ proposta leġiżlattiva, jekk xieraq.
5. L-EBA għandha tadotta linji gwida li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-paragrafu 3 u li jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tiegħu.”
(17)Fl-Artikolu 97(1) jitħassar il-punt (b):
(18)L-Artikolu 98 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1 jitħassar il-punt (j);
(b)Il-paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:
“5. Ir-rieżami u l-evalwazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu l-iskopertura tal-istituzzjonijiet għar-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax minn attivitajiet tal-portafoll mhux tan-negozjar. Miżuri superviżorji għandhom ikunu meħtieġa tal-anqas fil-każ ta’ istituzzjonijiet li l-valur ekonomiku tal-ekwità tagħhom imsemmi fl-Artikolu 84(1) jonqos b’aktar minn 15 % tal-kapital tal-Grad 1 tagħhom bħala riżultat ta’ xi tibdil f'daqqa u mhux mistenni fir-rati tal-imgħax kif stabbilit fi kwalunkwe wieħed mis-sitt xenarji superviżorji ta’ xokk applikati għar-rati tal-imgħax.”.
(c)jiddaħħal il-paragrafu 5a li ġej:
“5a. L-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex għall-fini tal-paragrafu 5 tispeċifika:
(a)sitt xenarji superviżorji ta’ xokk li għandhom jiġu applikati għar-rati tal-imgħax għal kull munita;
(b)is-suppożizzjonijiet komuni ta’ mmudellar u tal-parametri li l-istituzzjonijiet għandhom jirriflettu fil-kalkolu tagħhom tal-valur ekonomiku tal-ekwità skont il-paragrafu 5;
(c)jekk il-miżuri superviżorji għandhomx ikunu meħtieġa wkoll fil-każ ta’ tnaqqis fl-introjtu mill-imgħax nett tal-istituzzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 84(1) minħabba tibdiliet potenzjali fir-rati tal-imgħax.
L-EBA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [sena wara d-dħul fis-seħħ].
Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”.
(19)Fl-Artikolu 99(2), jitħassar il-punt (b).
(20)Jitħassar l-Artikolu 103.
(21)L-Artikolu 104 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b' dawn li ġejjin
“1. Għall-finijiet tal-Artikolu 97, tal-Artikolu 98(4), tal-Artikolu 101(4) u tal-Artikolu 102 u għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtoritajiet kompetenti għandu tal-anqas ikollhom il-poteri li ġejjin:
(a)li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet ikollhom fondi proprji addizzjonali li jisbqu r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 104a;
(b)li jeħtieġu t-tisħiħ tal-arranġamenti, tal-proċessi, tal-mekkaniżmi u tal-istrateġiji implimentati skont l-Artikoli 73 u 74;
(c)li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jippreżentaw pjan għar-restawr tal-konformità mar-rekwiżiti superviżorji skont din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u jistabbilixxu skadenza għall-implimentazzjoni tiegħu, inkluż it-titjib għal dak il-pjan rigward il-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskadenza;
(d)li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet japplikaw politika ta’ proviżjonament speċifika jew trattament ta’ assi speċifiku f’termini tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji;
(e)li jirrestrinġu jew jillimitaw in-negozju, l-operazzjonijiet jew in-netwerk ta’ istituzzjonijiet jew li jitolbu l-iżvestiment tal-attivitajiet li jimponu riskji eċċessivi għas-solidità ta’ istituzzjoni;
(f)li jeħtieġu t-tnaqqis tar-riskju inerenti fl-attivitajiet, fil-prodotti u fis-sistemi tal-istituzzjonijiet, inklużi attivitajiet esternalizzati;
(g)li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jillimitaw ir-rimunerazzjoni varjabbli bħala perċentwal tad-dħul nett fejn ma tkunx konsistenti maż-żamma ta’ bażi kapitali solida;
(h)li jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jużaw il-profitti netti sabiex isaħħu l-fondi proprji;
(i)li jirrestrinġu jew jipprojbixxu d-distribuzzjonijiet ta’ pagamenti tal-imgħax minn istituzzjoni lill-azzjonisti, lill-membri jew lid-detenturi ta’ strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali fejn il-projbizzjoni ma tikkostitwixxix event ta’ inadempjenza tal-istituzzjoni;
(j)li jimponu obbligi ta’ rapportar addizzjonali jew aktar spissi, inkluż ir-rapportar fuq il-pożizzjonijiet kapitali u tal-likwidità;
(k)li jimponu rekwiżiti speċifiċi ta’ likwidità, inklużi restrizzjonijiet fuq id-diskrepanzi fil-maturità bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet;
(l)li jeħtieġu divulgazzjonijiet addizzjonali fuq bażi ad hoc biss
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1(j), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jimponu obbligi ta’ rapportar addizzjonali jew aktar spissi fuq istituzzjonijiet biss meta l-informazzjoni li trid tiġi rrapportata ma tkunx duplikata u tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)tkun ġiet issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 102(1);
(b)l-awtorità kompetenti tqis li huwa raġonevoli li timponi dawk l-obbligi sabiex tiġbor l-evidenza msemmija fl-Artikolu 102(1)(b):
(c)l-informazzjoni addizzjonali tkun meħtieġa għad-durata tal-programm ta’ eżaminazzjoni superviżorja tal-istituzzjoni skont l-Artikolu 99.
L-informazzjoni li tista’ tkun meħtieġa mingħand l-istituzzjonijiet għandha titqies duplikata kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu meta l-istess jew sostanzjalment l-istess informazzjoni diġà tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti, tista’ tiġi prodotta mill-awtorità kompetenti jew tinkiseb permezz ta’ mezzi oħrajn apparti obbligu fuq l-istituzzjoni li tirrapportaha. Meta l-informazzjoni tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti f’format jew f’livell ta’ granularità differenti mill-informazzjoni addizzjonali li trid tiġi rrapportata, l-awtorità kompetenti ma għandhiex teħtieġ l-informazzjoni addizzjonali fejn dak il-format jew il-granularità differenti ma jżommuhiex milli tipproduċi informazzjoni sostanzjalment simili.”;
(b)jitħassar il-paragrafu 3.
(22)Jiddaħħlu l-Artikoli 104a, 104b u 104c li ġejjin:
“Artikolu 104 a
Rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali
1.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimponu r-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali msemmija fl-Artikolu 104(1)(a) biss fejn, fuq il-bażi tar-reviżjonijiet imwettqa skont l-Artikoli 97 u 101, dawn jiżguraw kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin għal istituzzjoni individwali:
(a)l-istituzzjoni tkun esposta għal riskji jew għal elementi tar-riskji li mhumiex koperti jew li mhumiex koperti biżżejjed mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa, Ħamsa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif speċifikati fil-paragrafu 2;
(b)l-istituzzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 73 u 74 ta’ din id-Direttiva jew fl-Artikolu 393 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-applikazzjoni ta’ miżuri amministrattivi oħrajn biss aktarx li ma tkunx ser ittejjeb l-arranġamenti, il-proċessi, il-mekkaniżmi u l-istrateġiji fi ħdan perjodu ta’ żmien xieraq;
(c)l-aġġustamenti msemmija fl-Artikolu 98(4) huma meqjusa bħala insuffiċjenti sabiex l-istituzzjoni tkun tista’ tbigħ jew tiħħeġġja l-pożizzjonijiet tagħha f’perjodu qasir bla ma ġġarrab telf materjali f’kundizzjonijiet normali tas-suq;
(d)l-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 101(4) turi li n-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-approċċ permess aktarx li ser iwassal għal rekwiżiti ta’ fondi proprji inadegwati;
(e)l-istituzzjoni kemm-il darba tonqos milli tistabbilixxi jew iżżomm livell adegwat ta’ fondi proprji addizzjonali kif stipulat fl-Artikolu 104b(1).
L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jimponu r-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali msemmi fl-Artikolu 104(1)(a) sabiex ikopru r-riskji makroprudenzjali jew sistemiċi.
2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1(a), ir-riskji jew l-elementi ta’ riskju għandhom jiġu kkunsidrati mhux koperti jew mhux koperti biżżejjed mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji stipulati fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa, Ħamsa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 biss meta l-ammonti, it-tipi u d-distribuzzjoni tal-kapital meqjusa adegwati mill-awtorità kompetenti wara r-rieżami superviżorju tal-valutazzjoni mwettqa mill-istituzzjonijiet skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 73 ikunu ogħla mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji tal-istituzzjoni stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa, Ħamsa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-kapital meqjus adegwat għandu jkopri r-riskji materjali kollha jew l-elementi kollha tat-tali riskji li mhumiex soġġetti għal rekwiżit speċifiku ta’ fondi proprji. Dan jista’ jinkludi riskji jew għal elementi tar-riskji li huma esklużi b’mod espliċitu mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa, Ħamsa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
Ir-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax minn pożizzjonijiet mhux tan-negozjar għandu jiġi kkunsidrat materjali biss meta l-valur ekonomiku tal-ekwità jonqos b’aktar minn 15 % tal-kapital tal-Grad 1 tal-istituzzjoni bħala riżultat ta’ xi wieħed mis-sitt xenarji superviżorji ta’ xokk imsemmija fl-Artikolu 98(5) li huma applikati għal rati tal-imgħax jew għal kwalunkwe każ ieħor identifikat mill-EBA skont l-Artikolu 98(5)(c).
Ir-riskji msemmija fil-paragrafu 1(a) ma għandhomx jinkludu riskji li għalihom din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jipprovdu trattament transnazzjonali, jew riskji li huma soġġetti għal dispożizzjonijiet ta’ anterjorità.
3.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-livell tal-fondi proprji addizzjonali meħtieġa skont l-Artikolu 104(1)(a) bħala d-differenza bejn il-kapital meqjus adegwat skont il-paragrafu 2 u r-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa, Ħamsa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
4.L-istituzzjoni għandha tissodisfa r-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali msemmi fl-Artikolu 104(1)(a) mal-istrumenti ta’ fondi proprji soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)tal-anqas tliet kwarti mir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali għandhom jissodisfaw il-kapital tal-Grad 1;
(b)tal-anqas tliet kwarti mill-kapital tal-Grad 1 għandhom ikunu komposti mill-kapital tal-Grad 1.
Fondi proprji użati sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali msemmi fl-Artikolu 104(1)(a) ma għandhomx jintużaw għall-issodisfar ta’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew ir-rekwiżit ta’ bafer kombinat iddefinit fl-Artikolu 128(6) ta’ din id-Direttiva.
Permezz ta’ deroga mit-tieni subparagrafu, fondi proprji użati sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali msemmi fl-Artikolu 104(1)(a) impost mill-awtoritajiet kompetenti għall-indirizzar tar-riskji jew tal-elementi tar-riskji mhux koperti biżżejjed mill-Artikolu 92(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistgħu jintużaw sabiex jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ bafer kombinat imsemmi fl-Artikolu 128(6) ta’ din id-Direttiva.
5.L-awtorità kompetenti għandha tiġġustifika kif xieraq bil-miktub lil kull istituzzjoni d-deċiżjoni li timponi rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali skont l-Artikolu 104(1)(a), tal-anqas billi tagħti rendikont ċar tal-valutazzjoni sħiħa tal-elementi msemmija fil-paragrafi 1 sa 4. Dan jinkludi, fil-każ stabbilit fil-paragrafu 1(d), dikjarazzjoni speċifika tar-raġunijiet li għalihom l-impożizzjoni ta’ gwida ta’ kapital ma għadhiex meqjusa bħala suffiċjenti.
6.L-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifika kif għandhom jitkejlu r-riskji u l-elementi tar-riskji msemmija fil-paragrafu 2.
L-EBA għandha tiżgura li l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji huwa proporzjonat fid-dawl ta’:
(a)il-piż tal-implimentazzjoni fuq l-istituzzjonijiet u fuq l-awtoritajiet kompetenti; u
(b)il-possibbiltà li l-livell ġenerali ogħla tar-rekwiżiti kapitali li japplika meta l-istituzzjonijiet ma jużawx mudelli intern jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti kapitali inferjuri meta jiġu vvalutati r-riskji u l-elementi tar-riskji skont il-paragrafu 2.
L-EBA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [sena wara d-dħul fis-seħħ].
Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa biex tadotta standards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 6 f’konformità mal-Artikoli 10-14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.
Artikolu 104b
Gwida dwar il-fondi proprji addizzjonali
1.Skont l-istrateġiji u l-proċessi msemmija fl-Artikolu 73 u wara li jikkonsultaw lill-awtorità kompetenti, l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu livell adegwat ta’ fondi proprji li huwa ogħla biżżejjed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa, Ħamsa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u f’din id-Direttiva, inklużi r-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali imposti mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 104(1)(a), sabiex jiġi żgurat li:
(a)il-fluttwazzjonijiet ekonomiċi ċikliċi ma jwasslux għal ksur ta’ dawk ir-rekwiżiti; u
(b)il-fondi proprji tal-istituzzjoni jistgħu jassorbu, mingħajr ma jiksru r-rekwiżiti ta’ fondi proprji stabbiliti fil-Partijiet Tlieta, Erbgħa, Ħamsa u Sebgħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżiti ta’ fondi proprji addizzjonali imposti mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 104(1)(a), it-telf potenzjali identifikat skont is-simulazzjoni ta’ kriżi superviżorja msemmija fl-Artikolu 100.
2.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirrevedu b’mod regolari l-livell ta’ fondi proprji stabbilit minn kull istituzzjoni skont il-paragrafu 1 filwaqt li jqisu l-eżitu tar-rieżamijiet u tal-evalwazzjonijiet imwettqa skont l-Artikoli 97 u 101, inklużi r-riżultati tas-simulazzjonijiet ta’ kriżi msemmija fl-Artikolu 100.
3.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw lill-istituzzjonijiet l-eżitu tar-rieżami msemmi fil-paragrafu 2. Meta xieraq, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkomunikaw lill-istituzzjonijiet kwalunkwe aspettattiva għall-aġġustamenti fil-livell ta’ fondi proprji stabbilit skont il-paragrafu 1.
4.L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jikkomunikaw lill-istituzzjonijiet kwalunkwe aspettattiva għall-aġġustamenti fil-livell tal-fondi proprji skont il-paragrafu 3 f’każijiet li fihom ir-rekwiżit ta’ fondi proprji għandu jkun impost skont l-Artikolu 104a.
5.Istituzzjoni li tonqos milli tissodisfa l-aspettattivi stabbiliti fil-paragrafu 3 ma għandhiex tkun soġġetta għar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 141.
Artikolu 104c
Kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni
1.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonsultaw lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni qabel ma jiddeterminaw kwalunkwe rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali msemmi fl-Artikolu 104(1)(a) u qabel ma jikkomunikaw lill-istituzzjonijiet kwalunkwe aspettattiva ta’ aġġustament fil-livell ta’ fondi proprji skont l-Artikolu 104b. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni bl-informazzjoni kollha disponibbli.
2.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni rilevanti dwar ir-rekwiżit ta’ fondi proprji addizzjonali impost fuq l-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 104(1)(a) u dwar kwalunkwe aspettattiva ta’ aġġustamenti fil-livell ta’ fondi proprji kkomunikata lill-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 104b.”.
(23)Fl-Artikolu 105 jitħassar il-punt (d).
(24)Fl-Artikolu 108 jitħassar il-paragrafu 3.
(25)fl-Artikolu 109, il-paragrafi 2 u 3 jinbidlu ma’ dawn li ġejjin
“2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeħtieġu li l-impriża prinċipali u s-sussidjarji soġġetti għal din id-Direttiva jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fit-Taqsima II ta’ dan il-Kapitolu fuq bażi konsolidata jew subkonsolidata, sabiex jiżguraw li l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi meħtieġa mit-Taqsima II ta’ dan il-Kapitolu huma konsistenti u integrati sew u li jistgħu jiġu prodotti kwalunkwe data u informazzjoni rilevanti għall-fini ta’ superviżjoni. B’mod partikolari, għandhom jiżguraw li l-impriżi prinċipali u s-sussidjarji soġġetti għal din id-Direttiva jimplimentaw dawn l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi fis-sussidjarji tagħhom mhux soġġetti għal din id-Direttiva, inklużi dawk stabbiliti f’ċentri finanzjarji offshore. Dawk l-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi għandhom ikunu wkoll konsistenti u integrati sew u dawk is-sussidjarji għandhom ikunu wkoll kapaċi jipproduċu kwalunkwe data u informazzjoni rilevanti għall-fini ta’ superviżjoni.
3. L-obbligi li jirriżultaw mit-Taqsima II ta’ dan il-Kapitolu rigward l-impriżi sussidjarji, li ma jkunux huma stess soġġetti għal din id-Direttiva, ma għandhomx japplikaw jekk l-istituzzjoni prinċipali tal-UE tista’ turi lill-awtoritajiet kompetenti li l-applikazzjoni tat-Taqsima II hija illegali skont il-liġijiet tal-pajiż terz fejn hija stabbilita s-sussidjarja.”
(26)L-Artikolu 113 jinbidel b’dan li ġej:
“Artikolu 113
Deċiżjonijiet konġunti dwar rekwiżiti prudenzjali speċifiċi għall-istituzzjonijiet
1.Is-superviżur tal-konsolidazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tas-sussidjarji ta’ istituzzjoni prinċipali tal-UE jew kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE fi Stat Membru għandhom jagħmlu kull ma jistgħu sabiex jaslu għal deċiżjoni konġunta:
(a)dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 73 u 97 sabiex jistabbilixxu l-adegwatezza tal-livell konsolidat ta’ fondi proprji miżmum mill-grupp ta’ istituzzjonijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja u l-profil tar-riskju tiegħu u l-livell meħtieġ ta’ fondi proprji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 104(1)(a) għal kull entità fi ħdan il-grupp ta’ istituzzjonijiet u fuq bażi konsolidata;
(b)dwar il-miżuri sabiex jiġu indirizzati kwalunkwe kwistjoni sinifikanti u sejba materjali relatati mas-superviżjoni tal-likwidità inklużi dawk relatati mal-adegwatezza tal-organizzazzjoni u mat-trattament tar-riskji kif meħtieġ skont l-Artikolu 86 u relatati mal-bżonn ta’ rekwiżiti tal-likwidità speċifiċi għall-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 105 ta’ din id-Direttiva;
(c)dwar kwalunkwe aspettattiva ta’ aġġustamenti fil-livell konsolidat ta’ fondi proprji skont l-Artikolu 104b(3).
2.Għandhom jintlaħqu d-deċiżjonijiet konġunti msemmija fil-paragrafu 1:
(a)għall-finijiet tal-paragrafu 1(a), fi żmien erba’ xhur wara s-sottomissjoni mis-superviżur tal-konsolidazzjoni ta’ rapport li fih il-valutazzjoni tar-riskju tal-grupp ta’ istituzzjonijiet skont l-Artikolu 104a lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti l-oħrajn;
(b)għall-finijiet tal-paragrafu 1(b), fi żmien erba’ xhur wara s-sottomissjoni mis-superviżur tal-konsolidazzjoni ta’ rapport li fih il-valutazzjoni tal-profil tar-riskju ta’ likwidità tal-grupp ta’ istituzzjonijiet skont l-Artikoli 86 u 105;
(c)għall-finijiet tal-paragrafu 1(c), fi żmien erba’ xhur wara s-sottomissjoni mis-superviżur tal-konsolidazzjoni ta’ rapport li fih il-valutazzjoni tar-riskju tal-grupp ta’ istituzzjonijiet skont l-Artikolu 104b.
Id-deċiżjonijiet konġunti għandhom jikkunsidraw kif xieraq ukoll il-valutazzjoni tar-riskju tas-sussidjarji mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti skont l-Artikoli 73, 97, 104a u 104b.
Id-deċiżjonijiet konġunti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu stabbiliti f’dokumenti li fihom ir-raġunijiet sħaħ li għandhom jiġu pprovduti lill-istituzzjoni prinċipali tal-UE mis-superviżur tal-konsolidazzjoni. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, fuq it-talba ta’ kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kkonċernata, is-superviżur tal-konsolidazzjoni għandu jikkonsulta lill-EBA. Is-superviżur tal-konsolidazzjoni jista’ jikkonsulta lill-EBA fuq inizjattiva tiegħu stess.
3.Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni konġunta bħal din bejn l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan il-perjodi ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 2, deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 73, 86 u 97, tal-Artikolu 104(1)(a), tal-Artikolu 104b u tal-Artikolu 105 għandha tittieħed fuq bażi konsolidata mis-superviżur tal-konsolidazzjoni wara kunsiderazzjoni xierqa tal-valutazzjoni tar-riskju tas-sussidjarji mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti. Jekk, fi tmiem il-perjodi ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 2, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati tkun irriferiet il-kwistjoni lill-EBA skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, is-superviżur tal-konsolidazzjoni għandu jiddiferixxi d-deċiżjoni tiegħu u jistenna kwalunkwe deċiżjoni li tista’ tieħu l-EBA skont l-Artikolu 19(3) ta’ dak ir-Regolament, u għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu f’konformità mad-deċiżjoni tal-EBA. Il-perjodi ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitqiesu l-perjodi ta’ konċiljazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. L-EBA għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar wieħed (1). Il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferita lill-EBA wara tmiem il-perjodu ta’ erba’ xhur jew wara li tkun intlaħqet deċiżjoni konġunta.
Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 73, 86 u 97, tal-Artikolu 104(1)(a), tal-Artikolu 104b u tal-Artikolu 105 għandha tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti rispettivi responsabbli għas-superviżjoni tas-sussidjarji ta’ istituzzjoni ta’ kreditu prinċipali tal-UE jew ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE fuq bażi individwali jew subkonsolidata wara kunsiderazzjoni xierqa tal-fehmiet u tar-riservi espressi mis-superviżur tal-konsolidazzjoni. Jekk, fi tmiem il-perjodi ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 2, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati tkun irriferiet il-kwistjoni lill-EBA skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddiferixxu d-deċiżjoni tagħhom u jistennew kwalunkwe deċiżjoni li tista’ tieħu l-EBA skont l-Artikolu 19(3) ta’ dak ir-Regolament, u għandhom jieħdu d-deċiżjoni tagħhom f’konformità mad-deċiżjoni tal-EBA. Il-perjodi ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitqiesu l-perjodi ta’ konċiljazzjoni skont it-tifsira ta’ dak ir-Regolament. L-EBA għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar wieħed (1). Il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferita lill-EBA wara tmiem l-erba’ xhur jew wara li tkun intlaħqet deċiżjoni konġunta.
Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu stabbiliti f’dokument li jkun fih ir-raġunijiet kollha u għandhom iqisu l-valutazzjoni tar-riskju, il-fehmiet u r-riservi tal-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn espressi matul il-perjodi ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 2. Id-dokument għandu jkun ipprovdut mis-superviżur tal-konsolidazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kollha kkonċernati u lill-istituzzjoni prinċipali tal-UE.
Meta tkun ġiet ikkonsultata l-EBA, l-awtoritajiet kompetenti kollha għandhom jikkunsidraw l-opinjoni tagħha, u jispjegaw kwalunkwe devjazzjoni sinifikanti minnha.
4.Id-deċiżjonijiet konġunti msemmija fil-paragrafu 1 u d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fin-nuqqas ta’ deċiżjoni konġunta msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu rikonoxxuti bħala determinattivi u applikati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonċernati.
Id-deċiżjonijiet konġunti msemmija fil-paragrafu 1 u kwalunkwe deċiżjoni meħuda fin-nuqqas ta’ deċiżjoni konġunta skont il-paragrafu 3, għandhom jiġu aġġornati fuq bażi annwali jew, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, meta awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tas-sussidjarji ta’ istituzzjoni prinċipali tal-UE jew, kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE tagħmel talba bil-miktub u mmotivata bis-sħiħ lis-superviżur tal-konsolidazzjoni sabiex jaġġorna d-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 104(1)(a), tal-Artikolu 104b u tal-Artikolu 105. F’dan il-każ imsemmi l-aħħar, l-aġġornament jista’ jkun indirizzat fuq bażi bilaterali bejn is-superviżur tal-konsolidazzjoni u l-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba.
5.L-EBA għandha tiżviluppa abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tiżgura kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni uniformi tal-proċess ta’ deċiżjoni konġunta msemmi f’dan l-Artikolu, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 73, 86 u 97, tal-Artikolu 104(1)(a), tal-Artikolu 104b u tal-Artikolu 105 bl-għan li tiffaċilita d-deċiżjonijiet konġunti.
L-EBA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Lulju 2014.
Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa biex tadotta standards tekniċi implimentattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.”.
(27)Fl-ewwel subparagarfu tal-Artikolu 116, tiżdied is-sentenza li ġejja:
“Il-kulleġġi tas-superviżuri għandu jkun stabbilit ukoll fejn is-sussidjarji kollha ta’ istituzzjoni prinċipali tal-UE, ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew ta’ kumpanija sussidjarja mħallta prinċipali tal-UE jkunu jinsabu f’pajjiż terz.”
(28)Fl-Artikolu 119, jidħol dan li ġej flok il-paragrafu 1:
“1. Soġġetti għall-Artikolu 21a, l-Istati Membri għandhom jadottaw kwalunkwe miżura neċessarja sabiex jinkludu lil kumpaniji azzjonarji finanzjarji u lil kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta fis-superviżjoni konsolidata.”
(29)Fl-Artikolu 120, jidħol dan li ġej flok il-paragrafu 2:
“2. Meta kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta tkun soġġetta għal dispożizzjonijiet ekwivalenti skont din id-Direttiva u skont id-Direttiva 2009/138/KE b’mod partikolari f’termini tas-superviżjoni bbażata fuq ir-riskji, is-superviżur tal-konsolidazzjoni jista’, bi qbil mas-superviżur tal-grupp fis-settur tal-assigurazzjoni, japplika biss għal dik il-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva relatati mal-aktar settur finanzjarju sinifikanti kif iddefinit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2002/87/KE.”.
(30)Fl-Artikolu 131, jidħol dan li ġej flok il-paragrafu 1:
“1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtorità inkarigata mill-identifikazzjoni, fuq bażi konsolidata, ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs) u, fuq bażi individwali, subkonsolidata jew konsolidata, kif applikabbli, istituzzjonijiet oħrajn sistemikament importanti (O-SIIs), li ġew awtorizzati fi ħdan il-ġuriżdizzjoni tagħhom. Dik l-awtorità għandha tkun l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nnominata. L-Istati Membri jistgħu jinnominaw aktar minn awtorità waħda.
Il-G-SIIs għandhom ikunu kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn li ġejjin:
(a)grupp immexxi minn istituzzjoni prinċipali tal-UE, kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE, jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE; jew
(b)istituzzjoni li mhijiex sussidjarja ta’ istituzzjoni prinċipali tal-UE, ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE jew ta’ kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE.
O-SIIs jistgħu jkunu grupp immexxi minn istituzzjoni prinċipali tal-UE, kumpanija azzjonarja finanzjarja prinċipali tal-UE, jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta prinċipali tal-UE jew inkella istituzzjoni.”.
(31)Fl-Artikolu 141, jidħol dan li ġej flok il-paragrafi 1 sa 6:
“1. Istituzzjoni li tissodisfa r-rekwiżit ta’ bafer kombinat ma għandhiex tagħmel distribuzzjoni b’rabta mal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tant li tnaqqas il-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tagħha sa livell li fih ma jibqax issodisfat ir-rekwiżit ta’ bafer kombinat.
2. Istituzzjoni li tonqos milli tissodisfa r-rekwiżit ta’ bafer kombinat għandha tikkalkola l-Ammont Massimu Distribwibbli (“AMD”) skont il-paragrafu 4 u għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar dak l-AMD.
Meta jkun japplika l-ewwel subparagrafu, l-istituzzjoni ma għandhiex twettaq xi waħda mill-azzjonijiet li ġejjin qabel ma tkun ikkalkolat l-AMD:
(a)tagħmel distribuzzjoni b’rabta mal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni;
(b)toħloq obbligu li titħallas rimunerazzjoni varjabbli jew benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni jew li titħallas rimunerazzjoni varjabbli jekk l-obbligu ta’ ħlas ikun inħoloq fi żmien meta l-istituzzjoni tkun naqset milli tissodisfa r-rekwiżit ta’ bafer kombinat;
(c)tagħmel pagamenti fuq strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali.
3. Meta istituzzjoni tonqos milli tissodisfa jew taqbeż ir-rekwiżit ta’ bafer kombinat tagħha, ma għandhiex tiddistribwixxi aktar mill-AMD ikkalkolat skont il-paragrafu 4 permezz ta’ xi azzjoni msemmija fil-punt (a), (b) u (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2. Istituzzjoni ma għandhiex tieħu xi waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 qabel ma tkun għamlet il-pagamenti dovuti għall-istrumenti tal-Grad 1 Addizzjonali.
4. L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw l-AMD billi jimmultiplikaw is-somma kkalkolata skont il-paragrafu 5 bil-fattur iddeterminat skont il-paragrafu 6. L-AMD għandu jitnaqqas bi kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2.
5. Is-somma li trid tiġi multiplikata skont il-paragrafu 4 għandha tikkonsisti f’dawn:
(a)il-profitti interim mhux inklużi fil-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li ġew iġġenerati mill-aktar deċiżjoni riċenti fuq id-distribuzzjoni tal-profitti jew kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;
biż-żieda ta’
(a)il-profitti ta’ tmiem is-sena mhux inklużi fil-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li ġew iġġenerati mill-aktar deċiżjoni riċenti fuq id-distribuzzjoni tal-profitti jew kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet imsemmija fil-punt (a), (b) jew (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;
li minnhom jitnaqqsu
(b)(l-ammonti li jkunu pagabbli f’taxxa li kieku kellhom jinżammu l-attributi speċifikati fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu.
6. Il-fattur għandu jiġi ddeterminat kif ġej:
(a)meta l-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni miżmum mill-istituzzjoni li ma jintużax għall-issodisfar ta’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji skont l-Artikolu 92a u l-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, skont l-Artikoli 45c u 45d tad-Direttiva 2014/59/UE u skont l-Artikolu 104(1)(a) ta’ din id-Direttiva espress bħala perċentwal tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju kkalkolat skont l-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ikun jaqa’ fi ħdan l-ewwel (jiġifieri l-anqas) wieħed minn erbgħa tar-rekwiżit ta’ bafer kombinat, il-fattur għandu jkun ta’ 0;
(b)meta l-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni miżmum mill-istituzzjoni li ma jintużax għall-issodisfar ta’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti ta’ fondi proprji skont l-Artikolu 92a u l-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, skont l-Artikoli 45c u 45d tad-Direttiva 2014/59/UE u skont l-Artikolu 104(1)(a) ta’ din id-Direttiva espress bħala perċentwal tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju kkalkolat skont l-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ikun jaqa’ fi ħdan it-tieni wieħed minn erbgħa tar-rekwiżit ta’ bafer kombinat, il-fattur għandu jkun ta’ 0,2;
(c)meta l-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni miżmum mill-istituzzjoni li ma jintużax għall-issodisfar tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji skont l-Artikolu 92a u l-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, skont l-Artikoli 45c u 45d tad-Direttiva 2014/59/UE u skont l-Artikolu 104(1)(a) ta’ din id-Direttiva espress bħala perċentwal tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju kkalkolat skont l-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ikun jaqa’ fi ħdan it-tielet wieħed minn erbgħa tar-rekwiżit ta’ bafer kombinat, il-fattur għandu jkun ta’ 0,4;
(d)meta l-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni miżmum mill-istituzzjoni li ma jintużax għall-issodisfar tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji skont l-Artikolu 92a u l-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, skont l-Artikoli 45c u 45d tad-Direttiva 2014/59/UE u skont l-Artikolu 104(1)(a) ta’ din id-Direttiva espress bħala perċentwal tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju kkalkolat skont l-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ikun jaqa’ fi ħdan ir-raba’ (jiġifieri l-ogħla) wieħed minn erbgħa tar-rekwiżit ta’ bafer kombinat, il-fattur għandu jkun ta’ 0,6;
Il-livelli inferjuri u superjuri ta’ kull wieħed minn erbgħa tar-rekwiżit ta’ bafer kombinat għandhom jiġu kkalkolati kif ġej:
“Qn” tindika n-numru ordinat tal-wieħed minn erbgħa kkonċernat.”
(32)Jiddaħħal l-Artikolu 141a li ġej:
“Artikolu 141 a
Nuqqas ta’ ssodisfar tar-rekwiżit ta’ bafer kombinat
1.Istituzzjoni għandha titqies li mhijiex qed tissodisfa r-rekwiżit ta’ bafer kombinat għall-finijiet tal-Artikolu 141 meta ma jkollhiex fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli f’ammont u tal-kwalità meħtieġa sabiex fl-istess ħin tissodisfa r-rekwiżit iddefinit fl-Artikolu 128(6) u kull wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin fi:
(a)l-Artikolu 92(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit fl-Artikolu 104(1)(a) ta’ din id-Direttiva;
(b)l-Artikolu 92(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit fl-Artikolu 104(1)(a) ta’ din id-Direttiva;
(c)l-Artikolu 92(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-rekwiżit fl-Artikolu 104(1)(a) ta’ din id-Direttiva;
(d)l-Artikolu 92a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fl-Artikoli 45c u 45d tad-Direttiva 2014/59/UE.
2.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, istituzzjoni ma għandhiex titqies li qiegħda tonqos milli tissodisfa r-rekwiżit ta’ bafer kombinat għall-finijiet tal-Artikolu 141 meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)l-istituzzjoni tissodisfa r-rekwiżit ta’ bafer kombinat iddefinit fl-Artikolu 128(6) u kull wieħed mir-rekwiżiti msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1;
(b)in-nuqqas ta’ ssodisfar tar-rekwiżiti msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 huwa dovut b’mod esklussiv għan-nuqqas ta’ ħila tal-istituzzjoni li tbiddel l-obbligazzjonijiet li ma għadhomx jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ maturità stabbiliti fl-Artikoli 72b u 72c tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(c)in-nuqqas ta’ ssodisfar tar-rekwiżiti msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1 ma jdumx aktar minn 6 xhur.”.
(33)Fl-Artikolu 145, jiżdiedu l-punti (j) u (k) li ġejjin:
“(j) tissupplimenta l-Artikoli 2(5a) u 2(5b) billi, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha, tistabbilixxi
(i)jekk l-istituzzjonijiet jew il-kategoriji ta’ istituzzjonijiet jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk l-Artikoli; jew
(ii)jekk l-istituzzjonijiet jew il-kategoriji ta’ istituzzjonijiet waqfux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk;
(k) l-emendi għal-lista stabbilita fl-Artikolu 2(5):
(i)billi jitħassru istituzzjonijiet jew kategoriji ta’ istituzzjonijiet, fejn l-istituzzjoni jew il-kategorija ta’ istituzzjonijiet rilevanti ma tkunx għadha teżisti;
(ii)billi jsiru t-tibdiliet neċessarji fejn inbidel l-isem tal-istituzzjoni rilevanti jew tal-kategorija rilevanti ta’ istituzzjonijiet.”.
(34)Fl-Artikolu 146, jitħassar il-punt (a).
(35)Fl-Artikolu 161, jiżdied il-paragrafu 10 li ġej:
“10. Sal-31 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni għandha tirrevedi u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tas-setgħat superviżorji msemmija fil-punt (j) u (l) tal-Artikolu 104(1) u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. ”.
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [sena mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [sena + jum (1) wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva]. Madankollu, id-dispożizzjonijiet neċessarji għall-konformità mal-emendi stabbiliti fil-punti (13) u (18) tal-Artikolu 1 li fihom emendi għall-Artikoli 84 u 98 tad-Direttiva 2013/36/UE għandhom japplikaw minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Id-destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President