IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.12.2016
COM(2016) 758 final
2016/0374(CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi
{SWD(2016) 392 final}
{SWD(2016) 393 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
Skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-VAT”) is-servizzi pprovduti elettronikament, fosthom il-pubblikazzjonijiet ipprovduti elettronikament (minn hawn ’il quddiem “pubblikazzjonijiet-e”) għandhom jiġu intaxxati bir-rata standard tal-VAT (minimu ta’ 15%). Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jintaxxaw il-pubblikazzjonijiet li jkollhom kwalunkwe mezz ta’ appoġġ fiżiku b’rata tal-VAT imnaqqsa (minimu ta’ 5%) u xi Stati Membri ngħataw il-possibbiltà li jkomplu japplikaw rati tal-VAT li huma aktar baxxi mill-minimu attwali ta’ 5% (rati mnaqqsin ħafna) li jinkludu l-eżenzjonijiet bil-possibbiltà tat-tnaqqis tal-VAT li tkun tħallset fl-istadju preċedenti (l-hekk imsejħa rati żero) għal ċerti pubblikazzjonijiet stampati.
Id-Direttiva dwar il-VAT ma tippermettix li l-Istati Membri japplikaw l-istess rati ta’ VAT għall-
pubblikazzjonijiet-e li attwalment japplikaw għall-pubblikazzjonijiet stampati u r-riżultat ta’ dan huwa trattament tal-VAT li huwa ħafna inqas favorevoli għall-pubblikazzjonijiet-e fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Filwaqt li wieħed jirrikonoxxi d-differenzi bejn il-pubblikazzjonijiet stampati u l-pubblikazzjonijiet-e fir-rigward tal-format, iż-żewġ formati t-tnejn joffru l-istess kontenut ta’ qari lill-konsumaturi.
Mill-1 ta’ Jannar 2015, bid-dħul fis-seħħ ta’ regoli ġodda dwar “il-post tal-provvista”, ma għadhiex rekwiżit l-armonizzazzjoni tar-rati tal-VAT għas-servizzi pprovduti elettronikament, u b’mod partikolari għall-pubblikazzjonijiet pprovduti elettronikament. Minn dak iż-żmien, il-VAT ġiet imposta fil-post fejn ikun ibbażat il-konsumatur, u l-fornituri ma għadhomx jistgħu jieħdu vantaġġ mill-fatt li jkunu kkollokati fl-Istati Membri li jkollhom l-aktar rati ta’ VAT baxxi.
Kif inhu ddikjarat fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT tal-Kummissjoni, ir-regoli attwali dwar ir-rati tal-VAT ma jqisux bis-sħiħ l-iżviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi fir-rigward tal-kotba-e u tal-gazzetti elettroniċi. Il-modernizzazzjoni tal-VAT għall-ekonomija diġitali hija għan ewlieni tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali.
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Mejju 2016 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva li tintegra d-dispożizzjonijiet dwar ir-rati tal-VAT għall-pubblikazzjonijiet-e fil-kuntest tal-inizjattivi dwar is-Suq Uniku Diġitali sa tmiem l-2016 u tinkludi fiha valutazzjoni tal-impatt.
B'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill u mal-impenn fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2016 tagħha dwar il-VAT, il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri kollha jingħataw il-possibbiltà li japplikaw l-istess rati ta’ VAT fuq il-pubblikazzjonijiet pprovduti elettronikament bħal dawk li l-Istati Membri japplikaw attwalment fuq il-pubblikazzjonijiet stampati, li jinkludu rati mnaqqsa, rati mnaqqsa ħafna u rati żero.
•Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti f’dan il-qasam ta’ politika
Il-proposta hija konsistenti mat-tħabbira fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT li permezz ta’ proposta leġiżlattiva fl-2017, l-Istati Membri se jingħataw aktar libertà biex jiffissaw ir-rati tal-VAT f’reġim tal-VAT definittiv ibbażat fuq id-destinazzjoni.
•Il-Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija konsistenti mal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Il-Bażi legali
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan l-artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.
•Is-Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkonformaw mad-Direttiva dwar il-VAT, li ma tippermettilhomx li jagħtu l-istess rati ta’ VAT lill-pubblikazzjonijiet-e li attwalment japplikaw għall-pubblikazzjonijiet stampati. Biex din il-problema tiġi megħluba hija indispensabbli inizjattiva leġiżlattiva fil-livell tal-UE. Dan kien ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) fis-sentenzi tiegħu C-479/13 u C-502/13 tal-5 ta’ Marzu 2015, fejn il-QtĠ-UE ddikjara biċ-ċar li l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT fuq il-kotba-e skont id-Direttiva dwar il-VAT attwali.
•Il-Proporzjonalità
Il-proposta titqies li hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri ma tmurx oltre minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati, b’mod partikolari l-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku. L-iffissar u r-restrizzjoni tar-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet-e huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. L-inizjattiva ma tobbligax lill-Istati Membri jbiddlu ebda rati tal-VAT li huma fis-seħħ fil-preżent; kull ma tagħmel hu li tneħħi r-restrizzjonijiet li jista’ jkun hemm fuq l-Istati Membri dwar l-iffissar tar-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet.
•L-għażla tal-istrument
Tinħtieġ Direttiva biex id-Direttiva attwali tiġi emendata.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNĊATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Il-Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Saret konsultazzjoni pubblika tul tmien ġimgħat bejn il-25 ta’ Lulju u d-19 ta’ Settembru 2016. Il-konsultazzjoni kellha żewġ għanijiet ewlenin. L-ewwel għan kien li jinġabru l-fehmiet ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati dwar l-impenn tal-Kummissjoni li l-Istati Membri jingħataw il-fakultà li japplikaw rati mnaqqsin ta’ VAT fuq il-pubblikazzjonijiet-e, u t-tieni għan kien li dawn jingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-aktar definizzjonijiet xierqa għall-pubblikazzjonijiet-e li jistgħu jibbenefikaw minn rata ta’ VAT imnaqqsa.
Il-Kummissjoni rċeviet 858 risposti mingħand il-qarrejja (50%), mingħand in-negozji (16%), mingħand l-organizzazzjonijiet (14%), mingħand l-awturi (12%) u mingħand l-awtoritajiet pubbliċi, ir-riċerkaturi u l-libreriji (8%) permezz tal-għodda tal-Istħarriġ tal-UE, u erba’ kontribuzzjonijiet oħra bil-posta elettronika. L-idea ewlenija fir-risposti ma kinitx wisq differenti bejn grupp u ieħor ta’ rispondenti, u lanqas ma kien hemm differenzi skont l-Istat Membru fejn kienu jinsabu l-parteċipanti. Maġġoranza kbira ta’ 94% tar-rispondenti qablu li l-Istati Membri għandhom jingħataw il-fakultà li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT fuq il-kotba-e, filwaqt li 88% minnhom qablu li l-Istati Membri għandhom jingħataw il-fakultà li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT fuq il-gazzetti-e u fuq il-perjodiċi-e wkoll. Kien hemm diversità ta’ rispondenti (45%) li kienu tal-fehma li r-rati mnaqqsin ħafna eżistenti (ta’ inqas minn 5%) u r-rati żero fuq il-pubblikazzjonijiet stampati ma għanhomx jitneħħew, u 90% minn dawn ir-rispondenti qablu li l-Istati Membri jingħataw il-fakultà li japplikaw dawn ir-rati mnaqqsin ħafna jew ir-rati żero ta’ VAT fuq il-pubblikazzjonijiet stampati wkoll, mhux biss fuq il-pubblikazzjonijiet-e. Ir-rispondenti kienu bejn wieħed u ieħor maqsumin nofs u nofs fil-valutazzjoni tagħhom dwar l-effett tat-tnaqqis tar-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet-e, u xi wħud minnhom urew l-istennija li kull tnaqqis ta’ VAT jintiret bis-sħiħ mill-konsumaturi, filwaqt li oħrajn jistennew li parti minn dan it-tnaqqis jgħaddi għall-konsumaturi. F’dan l-aħħar każ, il-marġni tal-profitti għall-pubblikaturi jiżdied, u l-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati assumew li f’dan il-każ, l-industrija tal-pubblikazzjonijiet tinvesti f’kontenut ġdid fejn jikkonċerna l-kotba, u fir-rigward tal-gazzetti u l-perjodiċi tinvesti f’kontenut ġdid ukoll, iżda tkun ukoll inqas tiddependi mid-dħul mir-reklami.
Il-konsultazzjoni kkonfermat ukoll li d-definizzjoni ta’ pubblikazzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tkun wiesgħa u robusta biżżejjed biex tkopri l-iżviluppi teknoloġiċi tal-futur. Parti minn dawn ir-rispondenti (59%) ma jħossux il-bżonn li t-termini ktieb, gazzetta u perjodiku jiġu ddefiniti b’mod uniformi fil-livell tal-Unjoni.
•Il-valutazzjoni tal-impatt
Il-valutazzjoni tal-impatt mehmuża ma’ din il-proposta ġiet eżaminata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. Wara li ta opinjoni negattiva, u wara li rreveda l-valutazzjoni tal-impatt oriġinali, il-Bord fl-aħħar ta’ opinjoni pożittiva bir-riżervazzjonijiet tiegħu fil-11 ta’ Novembru 2016. Il-verżjoni finali tal-valutazzjoni tal-impatt tqis ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Bord, u fl-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar il-valutazzjoni tal-impatt tinsab ħarsa ġenerali ddettaljata dwar kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet.
Il-valutazzjoni tal-impatt teżamina x-xenarju bażiku, żewġ alternattivi ta’ politika u l-impatti tagħhom. L-ewwel alternattiva tagħti l-fakultà lill-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT fuq il-forniment tal-pubblikazzjonijiet, kemm dawk li għandhom xi mezz ta’ appoġġ fiżiku, kif ukoll dawk ipprovduti elettronikament. Barra mill-ewwel alternattiva, it-tieni alternattiva tippermetti lill-Istati Membri japplikaw rati ta’ VAT imnaqqsin li jkunu aktar baxxi mill-minimu attwali ta’ 5%, jew li jagħtu l-eżenzjonijiet bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT li tkun tħallset fl-istadju ta’ qabel il-forniment tal-pubblikazzjonijiet, kemm għal dawk b’xi mezz ta’ appoġġ fiżiku, kif ukoll dawk li jkunu pprovduti elettronikament.
Iż-żewġ alternattivi t-tnejn huma preferibbli mix-xenarju bażiku (ma jsir ebda tibdil fir-regoli attwali), għaliex jilħqu l-għan ta’ din l-inizjattiva mmirata. L-ewwel alternattiva tippermetti 19-il Stat Membru jallinja r-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet-e mar-rati attwali fuq il-pubblikazzjonijiet stampati, u t-tieni alternattiva tippermetti li t-28 Stati Membri kollha jallinjaw ir-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet-e mar-rati attwali tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet stampati.
It-tieni alternattiva għandha l-vantaġġ miżjud li taqbel perfettament mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT, jiġifieri li d-derogi (rati mnaqqsin ħafna u rati żero) li fil-preżent huma disponibbli biss għal għadd żgħir ta’ Stati Membri, jingħataw lill-Istati Membri kollha f’reġim ta’ VAT definittiv. Għalhekk intgħażlet it-tieni alternattiva għal din il-proposta. Huwa stmat li din l-alternattiva tista’ twassal għal tnaqqis massimu ta’ EUR 4,7 biljun dħul mill-VAT kull sena għall-Istati Membri sal-2021 kieku kollha kemm huma kellhom jiddeċiedu li japplikaw ir-rati tal-VAT attwali ta’ fuq il-pubblikazzjonijiet stampati għall-pubblikazzjonijiet-e wkoll.
Il-proposta ma tnaqqasx il-piż amministrattiv għan-negozji u l-ispejjeż tal-ġbir għall-Istati Membri. Jistgħu jiġġarrbu spejjeż amministrattivi żejda waqt it-tranżizzjoni mill-qafas standard tar-rati aktar sempliċi fuq il-pubblikazzjonijiet-e għal sistema fejn ikun hemm aktar diversità fir-rati. Min-naħa l-oħra, it-tassazzjoni tat-tranżazzjonijiet li jikkonsistu mill-forniment ta’ ġabra flimkien ta’ pubblikazzjoni stampata u pubblikazzjoni-e tista’ tiġi ffaċilitata.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE; għaliex ir-rati tal-VAT applikati fl-Istati Membri ma għandhomx impatt fuq il-kalkoli tar-riżorsi proprji tal-VAT.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Jinħtieġ il-monitoraġġ fir-rigward tal-applikazzjoni korretta tad-Direttiva dwar il-VAT. Barra minn hekk, il-monitoraġġ fil-livell tal-UE jsir permezz ta’ reviżjoni kontinwa tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rata mnaqqsa bi qbil mal-Artikolu 100 tad-Direttiva dwar il-VAT u ġabra ta’ informazzjoni dwar ir-rati ta’ VAT li japplika kull Stat Membru, li attwalment hija ppubblikata mill-Kummissjoni fid-dokument "VAT rates applied in the Member States of the European Union".
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Il-proposta ma għandhiex bżonn ta’ Dokumenti ta’ Spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jarmonizzaw it-trattament tar-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet-e ma’ dak tal-pubblikazzjonijiet stampati u tal-pubblikazzjonijiet bi kwalunkwe mezz ta’ appoġġ fiżiku, jinħtieġu tliet emendi fid-Direttiva dwar il-VAT:
1. Emenda fl-Anness III
Taħt il-punt 6 tal-Anness III, ir-referenzi għall-“mezzi fiżiċi kollha ta’ appoġġ” u għal formati speċifiċi tal-pubblikazzjonijiet stampati “(inklużi opuskoli, fuljetti u oġġetti simili stampati, kotba għat-tfal bl-istampi, tat-tpinġija jew tat-tpinġija bil-kulur, mużika stampata jew f’forma ta’ manuskritt, mapep u mapep idrografiċi jew mapep simili)” se jitħassru, u tiddaħħal il-kundizzjoni “minbarra l-pubblikazzjonijiet li jikkonsistu kompletament jew b’mod predominanti mill-mużika u minn kontenut vidjo”.
2. Emenda tal-Artikolu 98
Skont id-Direttiva attwali, is-servizzi kollha li jingħataw b’mod elettroniku jridu jiġu ntaxxati skont ir-rata standard tal-VAT li fiha trid tiddaħħal eċċezzjoni għall-pubblikazzjonijiet li jinħarġu b’mod elettroniku.
3. Emenda tal-Artikolu 99
Jinżied paragrafu 3 fl-Artikolu 99 biex l-Istati Membri jingħataw il-fakultà li japplikaw rati mnaqqsin li jkunu aktar baxxi mir-rata minima stabbilita f’dan l-Artikolu, jew li jagħtu eżenzjonijiet bil-possibbiltà tat-tnaqqis tal-VAT li tkun tħallset fl-istadju preċedenti għall-forniment tal-oġġetti u tas-servizzi msemmijin taħt il-punt 6 emendat tal-Anness III.
It-tħassir tar-referenzi għall-format u referenza ġenerali għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi huma meħtieġa biex ikopru l-pubblikazzjonijiet-e wkoll, u l-Istati Membri jkunu jistgħu jibqgħu jirrestrinġu l-applikazzjoni tar-rati mnaqqsin għal ċerti kotba, gazzetti u perjodiċi, pereżempju billi jinkludu formati jew kontenut speċifiċi.
Il-forniment ta’ kontenut li hu purament magħmul minn mużika jew minn vidjo jibqa’ jiġi ntaxxat bir-rata standard tal-VAT, u l-istess fil-każ ta’ pubblikazzjonijiet li jikkonsistu b’mod predominanti minn kontenut ta’ mużika u ta’ vidjo. L-Istati Membri jkollhom id-diskrezzjoni li jispeċifikaw it-terminu “b’mod predominanti” fil-leġiżlazzjoni dwar il-VAT nazzjonali tagħhom. Din is-soluzzjoni tippermetti wkoll li l-Istati Membri jibqgħu japplikaw rata mnaqqsa għall-kotba awdjo u għall-gazzetti u l-perjodiċi awdjo għan-nies li għandhom nuqqas ta’ vista.
Din il-proposta ma tissuġġerixxi ebda definizzjoni tat-termini ktieb, gazzetta u perjodiku fil-livell tal-UE. Il-pubblikazzjonijiet-e qegħdin dejjem jevolvu u hemm ir-riskju li definizzjoni speċifika, tkun xi tkun, ta’ x’inhu ktieb jew x’inhi gazzetta jew x’inhu perjodiku, tiskadi fi żmien qasir. Minħabba r-rekwiżit tal-unanimità fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE fi kwistjonijiet ta’ taxxi, ġeneralment l-Istati Membri jkunu jistgħu jaddattaw ir-regoli għall-ħtiġijiet tal-futur aktar malajr milli tkun tista’ l-UE.
It-tielet emenda fid-Direttiva dwar il-VAT tirrikonoxxi l-fatt li ħafna Stati Membri ngħataw id-derogi u japplikaw rati aktar baxxi mir-rati mnaqqsin (anki mir-rati żero) għal ċerti pubblikazzjonijiet stampati. Il-possibbiltà li japplikaw rati mnaqqsin addizzjonali li jkunu aktar baxxi mir-rata minima attwali ta’ 5% jew l-għotja ta’ eżenzjonijiet bil-possibbiltà li titnaqqas il-VAT li tkun tħallset fl-istadju li jippreċedi l-forniment ta’ kotba, gazzetti u perjodiċi, se tingħata lill-Istati Membri kollha, biex dawn ikunu jistgħu jallinjaw ir-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet-e mar-rata tal-VAT li hija fis-seħħ attwalment fuq il-pubblikazzjonijiet stampati.
2016/0374 (CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,
Billi:
(1)Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tistipula li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsin tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-pubblikazzjonijiet li għandhom kwalunkwe tip ta’ appoġġ fiżiku. Madankollu, rata mnaqqsa tal-VAT ma tistax tiġi applikata għall-pubblikazzjonijiet pprovduti elettronikament, li għandhom jiġu ntaxxati bir-rata ta’ VAT standard.
(2)Bi qbil mal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni, u biex jibqgħu aġġornati mal-progress teknoloġiku fl-ekonomija diġitali, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-fakultà li jallinjaw ir-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet pprovduti elettronikament mar-rati tal-VAT aktar baxxi fuq il-pubblikazzjonijiet fuq kwalunkwe mezz ta’ appoġġ fiżiku.
(3)Fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT, il-Kummissjoni qalet li l-pubblikazzjonijiet ipprovduti elettronikament għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess rata ta’ VAT preferenzjali bħall-pubblikazzjonijiet li jkollhom xi mezz ta’ appoġġ fiżiku. Biex dan l-għan jintlaħaq, jeħtieġ li tkun prevista l-possibbiltà għal kull Stat Membru li japplika rata mnaqqsa ta’ VAT, jew rati mnaqqsin ħafna għall-forniment tal-kotba, tal-gazzetti u tal-perjodiċi, dan jinkludi l-possibbiltà li jingħataw l-eżenzjonijiet bil-possibbiltà tat-tnaqqis tal-VAT li tkun tħallset fl-istadju preċedenti.
(4)Mill-1 ta’ Jannar 2015, il-VAT fuq kull servizz ipprovdut elettronikament ġiet imposta fl-Istat Membru fejn ikun ibbażat il-klijent. Bl-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-ibbażar fid-destinazzjoni, ma għadx hemm il-bżonn li tiġi applikata r-rata standard għall-pubblikazzjonijiet ipprovduti elettronikament biex jiġi żgurat l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.
(5)Biex jevitaw l-użu estensiv ta’ rati tal-VAT imnaqqsin għall-kontenut awdjoviżiv, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-fakultà li japplikaw rata mnaqqsa għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi biss jekk dawn il-pubblikazzjonijiet, kemm li għandhom mezz ta’ appoġġ fiżiku, kif ukoll li huma pprovduti elettronikament, ma jikkonsistux kompletament jew b’mod predominanti minn kontenut ta’ mużika jew ta’ vidjo.
(6)L-Istati Membri għandhom iżommu d-diskrezzjoni li jiffissaw ir-rati tal-VAT għall-pubblikazzjonijiet u jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rati mnaqqsa tal-VAT.
(7)Għalhekk id-Direttiva 2006/112/KE għandha tiġi emendata skont dan,
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:
(1)fl-Artikolu 98(2), it-tieni sottoparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
Ir-rati mnaqqsin ma għandhomx japplikaw għas-servizzi pprovduti elettronikament bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jidħlu taħt il-punt (6) tal-Anness III.”
(2)fl-Artikolu 99, jinżied il-paragrafu 3 li ġej:
“3.
B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsin li jkunu aktar baxxi mir-rata minima stabbilita f’dan l-Artikolu, jew jistgħu jagħtu eżenzjonijiet bil-possibbiltà tat-tnaqqis tal-VAT li tkun tħallset fl-istadju preċedenti għall-oġġetti u s-servizzi msemmijin fil-punt (6) tal-Anness III.”
(3)fl-Anness III, il-punt (6) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(6)il-forniment, li jinkludi s-self mil-libreriji, ta’ kotba, gazzetti u perjodiċi li mhumiex pubblikazzjonijiet kompletament jew b’mod predominanti ddedikati għar-reklamar u minbarra l-pubblikazzjonijiet li kompletament jew b’mod predominanti jikkonsistu minn kontenut ta’mużika jew ta’ vidjo;”
Artikolu 2
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President