Brussell, 1.12.2016

COM(2016) 756 final

2016/0372(NLE)

L-immodernizzar tal-VAT għall-kummerċ elettroniku B2C transfruntier

Proposta għal

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

{SWD(2016) 379}
{SWD(2016) 382}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Din il-proposta hija parti mill-pakkett leġiżlattiv dwar l-immodernizzar tal-VAT għall-kummerċ elettroniku B2C transfruntier. Il-kuntest għall-pakkett huwa spjegat fid-dettal fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-fornimenti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti - COM(2016) 757. Fit-tħejjija ta’ dan il-pakkett ta’ proposti, il-Kummissjoni, bħala parti mill-aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, wettqet kontroll tal-idoneità regolatorja tal-MOSS (Mini One Stop Shop) eżistenti li japplika għall-fornimenti B2C ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u tas-servizzi fornuti b’mod elettroniku kif ukoll tal-bidliet tal-2015 fir-regoli tal-post tal-forniment għal servizzi bħal dawn. Il-kontroll tal-idoneità regolatorja identifika li r-rekwiżit bħala parti mir-regoli tal-2015 biex jintużaw żewġ elementi ta’ evidenzaa għall-identifikazzjoni tal-post fejn jinsabu l-klijenti huwa partikolarment diffiċli għall-SMEs u n-negozji mikro.

Il-proposta għal emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 hija mfassla biex tindirizza dan in-nuqqas b’effett mill-2018 billi tipprevedi li negozju li għandu bejgħ transfruntier intra-Komunitarju ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u tas-servizzi fornuti b’mod elettroniku sa EUR 100 000 se jkun jeħtieġ biss element wieħed ta’ evidenza.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 397 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 2 (id-“Direttiva tal-VAT”). Dan l-artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)

Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għaliex il-problema li ġiet identifikata (piż amministrattiv għoli, b’mod partikolari għall-SMEs) hija skattata minn rekwiżit stabbilit fir-Regolament eżistenti. Il-proposta tissimplifika dan ir-rekwiżit u għalhekk b’mod ċar se toffri valur ħafna ogħla minn dak li jista’ jinkiseb fil-livell tal-Istat Membru.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità jiġifieri ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex tissodisfa l-għanijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku. Bħat-test tas-sussidjarjetà, mhux possibbli għall-Istati Membri li jindirizzaw il-problemi u l-ixprunaturi tal-problema mingħajr proposta għal emenda tad-Direttiva tal-VAT u l-atti assoċjati. L-introduzzjoni ta’ din il-proposta hija proporzjonata fil-fatt li toffri simplifikazzjoni sinifikanti għall-SMEs u n-negozji mikro. Madankollu, din is-simplifikazzjoni ma tpoġġix f’riskju mhux meħtieġ id-dħul mill-VAT għall-Istati Membri ladarba l-bejgħ totali għan-negozji li se jibbenefikaw minn din is-simplifikazzjoni huwa stmat li jsarraf biss f’0,3% tal-bejgħ transfruntier totali tas-servizzi kkonċernati.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta temenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONI EX POST, TAL-KONSULTAZZJONI TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Din il-proposta hija parti mill-pakkett leġiżlattiv dwar l-immodernizzar tal-VAT għall-kummerċ elettroniku B2C transfruntier. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni ex-post, il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u l-valutazzjoni tal-impatt huma spjegati fid-dettall fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-fornimenti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti - COM(2016) 757.

Il-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati identifikat li r-rekwiżit tal-bidliet tal-2015 fir-regoli tal-post tal-forniment għal servizzi elettroniċi li jkollhom żewġ elementi ta’ evidenza għall-identifikazzjoni tas-sejba tal-klijenti huwa partikolarment diffiċli għall-SMEs u n-negozji mikro. Jirrikjedi żvilupp tas-sistemi u investiment f’software tal-bejjiegħa tal-konsumaturi li huwa sproporzjonat mal-livell tal-bejgħ transfruntier. Ir-rekwiżiti simplifikati tal-evidenza jikkumplimentaw l-introduzzjoni tal-livell limitu tal-bejgħ transfruntier ta’ EUR 10 000 fil-proposta fi ħdan dan il-pakkett biex tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE. F’termini kwantitattivi, l-introduzzjoni ta’ livell limitu transfruntier intra-UE fl-2018 se jneħħi 6 500 negozju mis-sistema preżenti tal-MOSS u se jwassal għal tfaddil potenzjali tal-ispiża regolatorja għal dawn in-negozji ta’ EUR 13-il miljun. L-introduzzjoni fl-2018 ta’ rekwiżiti simplifikati tal-evidenza se jibbenefikaw 1 000 negozju addizzjonali. L-istudju li jappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt qed jistma li r-rekwiżit għal element wieħed ta’ eevidenza ma jippreżentax riskju mhux meħtieġ fuq id-dħul mill-VAT għall-Istati Membri.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta hija parti mill-pakkett leġiżlattiv għall-proposta dwar l-immodernizzar tal-VAT għall-kummerċ elettroniku B2C transfruntier. L-implikazzjonijiet baġitarji għall-pakkett globali huma spjegati fid-dettall fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta għal emenda tad-Direttiva tal-VAT - COM(2016) 757. Din l-emenda ma għandhiex tiġġenera spejjeż għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jaġġustaw għal-livell limitu ġdid u tista’ tissimplifika l-kumplessità tal-awditjar ta’ negozji bħal dawn. Kif spjegat hawn fuq, ma għandux ikun hemm riskju mhux meħtieġ għad-dħul globali mill-VAT bħala riżultat ta’ din il-bidla ladarba jirrappreżentaw 0,3 % tal-bejgħ transfruntier totali.

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 24b(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 li l-fornitur ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u tas-servizzi fornuti b’mod elettroniku fornuti lil persuni mhux taxxabbli jrid ikollu żewġ elementi ta’ evidenza mhux kontradittorji tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti tiegħu huwa estremament diffiċli għan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs. Dan għaliex il-fluss tan-negozju tagħhom u l-volum mhux importanti biżżejjed biex jinvestu f’soluzzjonijiet teknoloġiċi li jippermettulhom li jiġbru żewġ forom ta’ prova tal-post fejn jinsab il-klijent. Din il-proposta, għalhekk, tipprevedi li element wieħed ta’ evidenza huwa biżżejjed fejn il-valur annwali totali tal-fornimenti, esklużi mill-VAT, koperti mill-Artikolu 24b(d) ma jaqbiżx l-EUR 100 000. Din is-simplifikazzjoni għandha diġà tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2018 għaliex ma teħtieġx xi bidliet fis-sistema tal-IT għar-reġistrazzjoni u d-dikjarazzjoni u l-pagament tal-VAT (il-MOSS).

2016/0372 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 3 , u b’mod partikolari l-Artikolu 397 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 4 jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati għall-preżunzjoni tal-post fejn jinsab il-klijent għad-determinazzjoni tal-post tal-forniment ta’ servizzi tat-telekomunikazzjon, tax-xandir jew tas-servizzi fornuti b’mod elettroniku mogħtija lil persuni mhux taxxabbli.

(2)L-evalwazzjoni tar-rekwiżiti għall-applikazzjoni ta’ dawk il-preżunjonijiet uriet li għall-persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru u li tissupplixxi servizzi bħal dawn lil persuna mhux taxxabbli fi Stati Membri oħra, biex tikseb, taħt ċerti ċirkostanzi, żewġ elementi ta’ evidenza mhux kontradittorji tal-post fejn il-klijent tiegħu huwa stabbilit jew għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment jgħix, huwa estremament diffiċli.

(3)Il-piż huwa partikolarment għoli għal kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju. Ir-rekwiżit għal element wieħed ta’ evidenza għandu jissimplifika l-obbligi għal kumpaniji bħal dawn li l-fornimenti intra-Komunitarji tagħhom għall-konsumaturi fi Stati Membri oħra huma taħt ċertu livell limitu.

(4)Is-simplifikazzjoni tar-rekwiżit għal prova tal-post fejn jinsab il-klijent hija komplementarja għall-emendi introdotti permezz tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill […]/UE 5 fl-iskemi speċjali stabbiliti fil-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE u għalhekk għandha tapplika mill-istess data.

(5)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 jiġi emendat skont dan.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 24b tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011, jiżdiedu t-tieni u t-tielet paragrafi li ġejjin:

“Għall-fornimenti ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-punt (d) tal-ewwel paragrafu fejn il-valur totali ta’ servizzi bħal dawn, esklużi mill-VAT, fornuti minn persuna taxxabli mill-istabbiliment tan-negozju tiegħu jew stabbiliment fiss li jinsab fi Stat Membru lil persuni stabbiliti, li għandhom l-indirizz permanenti tagħhom jew normalment jgħixu fi Stati Membri oħra, li ma jaqbżux l-EUR 100 000, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, fis-sena kalendarja preżenti u preċedenti, il-preżunzjoni għandha tkun li l-klijent huwa stabbilit, għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew normalment jgħix fil-post identifikat bħala tali mill-fornitur abbażi ta’ element wieħed ta’ evidenza kif elenkat fl-Artikolu 24f.

Fejn, matul sena kalendarja, ikun intlaħaq il-livell limitu previst fit-tieni paragrafu, dak il-paragrafu ma għandux japplika minn dak il-mument u sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’dak il-paragrafu jerġgħu jkunu ssodisfati.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1.
(2) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(3) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill […]/UE ta’ […] li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-fornimenti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti.