IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 25.10.2016
COM(2016) 711 final
2016/0347(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tikkostitwixxi Rakkomandazzjoni għall-estenżjoni ta' kontroll temporanju fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha
Introduzzjoni
Fit-12 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta, fuq proposta mill-Kummissjoni, Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni li tfassal Rakkomandazzjoni għal kontroll temporanju fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju. Kienet l-ewwel darba li l-proċedura ta' salvagwardja tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen ġiet użata. L-ikkumbinar ta' nuqqasijiet serji fil-maniġment tal-fruntiera esterna tal-Greċja dak iż-żmien u n-numru importanti ta' migranti mhux reġistrati preżenti fil-Greċja li setgħu ppruvaw jiċċaqilqu b'mod irregolari lejn Stati Membri oħra ħalqu ċirkustanzi eċċezzjonali li jikkostitwixxu theddida serja għall-politika pubblika u s-sigurtà interna u li jipperikolaw il-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen.
Din ir-Rakkomandazzjoni kienet indirizzata lill ħames Stati ta' Schengen (l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja) u kkonċernat numru limitat ta' sezzjonijiet interni tal-fruntieri f'dawn l-Istati.
Ir-Rakkomandazzjoni ppermettiet għaż-żamma ta' kontrolli mmirati u proporzjonali għal perjodu ta' sitt xhur, jiġifieri sat-12 ta' Novembru 2016.
Skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, dan il-perjodu jista' jiġi mtawwal f'konformità mal-kundizzjonijiet u l-proċedura stabbilita fl-istess Artikolu.
Sitwazzjoni attwali
Wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju, il-ħames Stati ta' Schengen ikkonċernati nnotifikaw lill-Kummissjoni li huma kienu se jwettqu l-kontrolli temporanji rakkomandati fil-fruntieri interni.
Fir-rapport tagħha tat-28 ta' Settembru 2016, li bena fuq informazzjoni riċevuta mill-Istati ta' Schengen ikkonċernati, kif previst mir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni sabet li l-kontrolli fil-fruntieri setgħu baqgħu fil-limiti tar-Rakkomandazzjoni: il-kontrolli kienu limitati għar-rotot migratorji identifikati u t-theddid, kienu immirati u limitati fl-iskop, il-frekwenza, il-post u l-ħin, għal dak li kien strettament meħtieġ biex tiġi indirizzata t-theddida identifikata, u filwaqt li impatt ekonomiku ċert ma setax jiġi eskluż, dawn affettwaw ftit kemm jista' ikun possibbli l-qsim tal-fruntieri interni mill-pubbliku inġenerali. Barra minn dan, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha f'dak iż-żmien, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma rat ebda bżonn li tipproponi emendi għar-Rakkomandazzjoni.
Fit-18 u l-21 ta' Ottubru 2016, l-Istati ta' Schengen ikkonċernati rraportaw għat-tieni darba lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. L-informazzjoni pprovduta ssegwi xejra simili għad-dejta pprovduta għall-ewwel rapport (tnaqqis fin-numru ta' persuni li jiġu miċħuda dħul, kif ukoll fin-numru ta' applikazzjonijiet ta' ażil riċevuti) u għalhekk turi stabbilizzazzjoni progressiv tas-sitwazzjoni. Fl-20 ta' Ottubru, il-ħames Stati ta' Schengen kitbu lill-Kummissjoni b'mod li enfasizzaw il-bżonn tal-kontinwament tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri. Is-Slovenja kitbet ukoll lill-Kummissjoni fis-6 ta' Ottubru biex tesprimi tħassib dwar il-kontinwament possibbli ta' kontrolli fil-fruntieri fuq il-fruntiera Awstrijaka-Slovena.
L-iskattar tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u l-adozzjoni ta' approċċ koordinat fuq livell tal-UE għal kontrolli temporanji fil-fruntieri kienu fost l-inizjattivi kkunsidrati mill-Pjan Direzzjonali "Lura lejn Schengen" u li kienu mmirati sabiex joħolqu kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni u sabiex ikun hemm ritorn għal żona ta' Schengen li tiffunzjona b'mod normali sal-aħħar tal-2016.
Minkejja t-tnaqqis qawwi fin-numru ta' wasliet ta' migranti irregolari u applikanti għall-ażil fl-Unjoni Ewropea prinċipalment minħabba l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, xorta hemm numru sinifikanti ta' migranti irregolari (madwar 60 000) li nqabdu fil-Greċja li jistgħu raġonevolment jiġu mistennija li jippruvaw jiċċaqilqu lejn Stati Membri oħrajn.
Barra minn dan, in-numru totali ta' applikazzjonijiet għall-ażil riċevuti mill-Istati ta' Schengen ikkonċernati mir-Rakkomandazzjoni jibqa' fattur rilevanti, anki jekk mhuwiex komparabbli man-numru ta' applikazzjonijiet riċevuti fl-istess waqt matul l-aħħar sena. In-numri kbar ta' wasliet ta' migranti irregolari u applikanti għall-ażil fl-Unjoni Ewropea sa mill-ħarifa tal-2015 qajmu sfidi sostanzjali għall-Istati Membri kollha tal-UE li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Dawn l-isfidi kkonċernaw l-iżgurar ta' akkomodazzjoni xierqa u aċċess għal sistemi ta' edukazzjoni u ta' saħħa lil dawk li waslu fl-aħħar sena. Barra minn dan, l-ipproċessar tal-akkumulazzjoni rimanenti u l-wasliet ulterjuri u t-talbiet għal protezzjoni jagħmlu pressjoni kontinwa fuq il-funzjonament tal-amministrazzjonijiet ta' dawk l-Istati.
Barra minn dan, azzjonijiet oħra previsti mill-Pjan Direzzjonali "Lura lejn Schengen", minkejja progress sinifikanti, xorta jeħtieġu ż-żmien biex jiġu implimentati bis-sħiħ u biex r-riżultati korrispondenti jiġu kkonfermati.
F'dan ir-rigward, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ġiet adottata u daħlet fis-seħħ fi żmien rekord. Madankollu, il-gruppi ta' reazzjoni rapida (riżorsi umani u tagħmir tekniku) u l-gruppi ta' ritorn rapidu jeħtieġu li jkunu stabbiliti u operazzjonali sas-7 ta' Diċembru 2016 u sas-7 ta' Jannar 2017 rispettivament. Jenħtieġ li l-ewwel valutazzjonijiet ta' vulnerabbiltà jiġu konklużi fl-ewwel tliet xhur tal-2017.
L-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija tkompli tagħti r-riżultati. Madankollu, medja ta' 107 persuna tkompli tasal kuljum fuq il-gżejjer Griegi. Huwa importanti li jkompli jiġi żgurat li d-Dikjarazzjoni tiffunzjona fuq bażi sostenibbli. Barra minn dan, jibqa' bżonn kontinwu għall-kooperazzjoni miftehma fil-laqgħa tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent, kif intwera min-numru kontinwu ta' wasliet fis-Serbja.
Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna u li jpoġġu f'riskju l-funzjonament taż-żona Schengen kollha għalhekk għadhom hemm.
It-triq 'il quddiem
Fid-dawl tal-fatti msemmija hawn fuq, jidher li l-kundizzjonijiet li l-Pjan Direzzjonali "Lura lejn Schengen" kellu l-għan li joħloq sabiex jippermetti t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni kollha u r-ritorn għal funzjonament normali taż-żona Schengen għadhom mhumiex sodisfatti b'mod sħiħ. Madankollu kien hemm kisbiet kontinwi u importanti fit-triq lura lejn żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ. Madankollu, f'dan l-istadju, is-sitwazzjoni fil-Greċja u tul ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent tibqa' waħda fraġli u hemm pressjoni importanti fl-Istati Membri l-aktar affettwati mill-movimenti sekondarji ta' migranti irregolari li ġejjin mill-Greċja. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li ssaħħaħ ulterjorment il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, se tiġi mwettqa sa Jannar 2017. L-implimentazzjoni ulterjuri tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija se tgħin fit-tnaqqis ulterjuri tan-numru ta' wasliet fl-UE u se tipprovdi spazju għas-sistemi nazzjonali biex jipproċessaw u jassorbu ulterjorment l-akkumulazzjoni ta' applikazzjonijiet għall-ażil u biex isaħħu l-kapaċitajiet ta' akkoljenza tagħhom.
L-applikazzjoni sħiħa tar-regoli ta' Dublin eżistenti trid tiġi stabbilita mill-ġdid b'mod progressiv, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-Greċja, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, filwaqt li jiġu mtejba dawn ir-regoli għall-futur ibbażati fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà. Barra minn dan, l-iskemi ta' rilokazzjoni ta’ emerġenza diġà fis-seħħ sa minn Settembru 2015 għandhom ikomplu jagħtu riżultati konkreti f'termini ta' numri ta' persuni rilokati. Fl-aħħar, ir-ritorni ta' persuni li ma għandhomx id-dritt ta' soġġorn fl-Unjoni Ewropea jridu jkomplu jiġu intensifikati.
Huwa għalhekk iġġustifikat li l-Istati Membri kkonċernati jitħallew jestendu l-kontrolli attwali fil-fruntieri interni bħala miżura eċċezzjonali għal perjodu proporzjonali ulterjuri. Abbażi tal-indikaturi fattwali disponibbli f'dan l-istadju, jeħtieġ li l-estensjoni ma taqbiżx tliet xhur.
Kamp ta' applikazzjoni tal-proposta
Jeħtieġ li l-Istati ta' Schengen li attwalment qegħdin iwettqu kontroll temporanju fil-fruntieri interni skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 jitħallew ikomplu jagħmlu dan.
Madankollu, minħabba s-sitwazzjoni tal-istabbilizzazzjoni progressiva, jeħtieġ li l-kontrolli fil-fruntieri jiġu adottati biss bħala miżura aħħarija meta miżuri oħra, anqas restrittivi minn traffiku transfruntier, bħal kontrolli mill-pulizija konsistenti mal-Artikolu 23 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, ma jistgħux jindirizzaw biżżejjed it-theddid identifikat. Għalhekk, l-Istati Membri li jiddeċiedu li jżommu l-kontroll fuq il-fruntiera skont din ir-Rakkomandazzjoni jeħtieġu, qabel ma jagħżlu għal kontinwazzjoni, jeżaminaw il-miżuri alternattivi disponibbli kollha għal kontrolli fuq il-fruntiera. L-Istati Membri kkonċernata jeħtieġu li jinformaw bl-eżitu ta' dan l-eżami fin-notifika tagħhom dwar iż-żamma tal-kontrolli fil-fruntieri interni lill-Istati Membri l-oħra, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.
Kif ddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-migrazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2016, il-proċess ta' "lura lejn Schengen" jinkludi l-aġġustament tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni biex jiġu riflessi l-bżonnijiet attwali. Il-kontrolli fil-fruntiera interna jeħtieġu li jitwettqu abbażi ta' analiżi tar-riskju u intelliġenza, u li jkunu limitati fl-ambitu, fil-frekwenza, fil-post u fil-ħin, għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-indirizzar tat-theddid serju u s-salvagwardja tal-ordni pubbliku u s-sigurtà interna. L-Istat Membru li jwettaq kontrolli fil-fruntieri interni skont din ir-Rakkomandazzjoni għandu jirreżamina kull ġimgħa il-bżonn, il-frekwenza, il-post u l-ħin tal-kontrolli, jaġġusta l-kontrolli għal-livell tat-theddida indirizzata, u jneħħihom b'mod progressiv kull fejn xieraq. L-Istat Membru li jwettaq il-kontrolli fil-fruntieri interni skont din ir-Rakkomandazzjoni jeħtieġ ukoll jikkonsulta regolarment mal-Istat(i) Membru(i) rilevanti bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru biss f'dawk il-partijiet tal-fruntiera interna fejn huwa meqjus meħtieġ u proporzjonat, f'konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.
Obbligu ta' rapportar aktar dettaljat għandu wkoll jiġi introdott. Wara kull xahar ta' implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri kkonċernati jeħtieġu jirraportaw lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tal-kontrolli mwettqa u dwar il-valutazzjoni dwar il-bżonn kontinwu tat-tali kontrolli, fejn applikabbli. Dan ir-rapport jeħtieġ tal-inqas jinkludi n-numru totali ta' persuni kkontrollati, in-numru totali ta' rifjuti ta' dħul wara l-kontrolli, in-numru totali ta' deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa wara l-kontrolli u n-numru totali ta' applikazzjonijiet għall-ażil riċevuti fil-fruntieri interni fejn il-kontrolli jkunu saru.
Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u s-sitwazzjoni eżistenti.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din ir-Rakkomandazzjoni sservi biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika.
•Il-konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni
Din ir-Rakkomandazzjoni għandha rabtiet mas-suq intern tal-Unjoni u mal-politika tal-migrazzjoni u tal-ażil.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen).
•Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 2016/399 jispeċifika li l-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjoni għal kontroll fil-fruntieri interni abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni.
Hija meħtieġa l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni fejn il-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni jitqiegħed f’riskju.
•Proporzjonalità
Din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi segwiti.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT.
•Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Minħabba l-urġenza tal-proposta, konsultazzjoni mal-parti kkonċernata ma kinitx fattibbli.
•Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba l-perjodu ta' żmien limitat imsemmi u kont meħud tad-dejta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati u dawk disponibbli dwar is-sitwazzjoni fil-Greċja, ma kinitx saret valutazzjoni tal-impatt kompluta.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ġiet ikkunsidrata waqt it-tfassil tal-proposta.
4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżura proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-UE.
2016/0347 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li tikkostitwixxi Rakkomandazzjoni għall-estenżjoni ta' kontroll temporanju fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), u b’mod partikolaru l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)F'konformità mal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, fit-12 ta' Mejju 2016 il-Kunsill adotta Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni li tfassal Rakkomandazzjoni għal kontroll temporanju fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju.
(2)Il-Kunsill irrakkomanda lil ħames Stati ta' Schengen (l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja) sabiex iżommu kontrolli proporzjonali temporanji fil-fruntieri għal massimu ta' sitt xhur mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, biex jindirizzaw it-theddida serja għall-ordni pubblika jew għas-sigurtà interna li tqum f'dawn l-Istati permezz tal-ikkombinar ta' nuqqasijiet f'kontroll fil-fruntiera esterna fil-Greċja u l-movimenti sekondarji ta' migranti irregolari li deħlin mill-Greċja u li beħsiebhom jiċċaqilqu lejn Stati ta' Schengen oħra.
(3)Fit-28 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni ħarġet it-Rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni. Hija kkonkludiet li l-kontrolli fil-fruntieri interni mwettqa mill-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja kienu proporzjonali u f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni kkonkludiet ulterjorment li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli u r-rapporti riċevuti mill-Istati kkonċernati, hija ma rat ebda bżonn li tipproponi emendi għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni fiż-żmien ta' rapportar.
(4)Fit-18 u l-21 ta' Ottubru 2016, l-Istati ta' Schengen ikkonċernati rraportaw għat-tieni darba lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. L-informazzjoni pprovduta ssegwi xejra simili għad-dejta pprovduta għall-ewwel rapport (tnaqqis fin-numru ta' persuni li jiġu miċħuda dħul, kif ukoll fin-numru ta' applikazzjonijiet għall-ażil riċevuti) u għalhekk turi stabbilizzazzjoni progressiva tas-sitwazzjoni.
(5)Madankollu, minkejja tnaqqis qawwi fin-numru ta' wasliet ta' migranti irregolari u applikanti għall-ażil fl-Unjoni Ewropea, numru importanti ta' migranti irregolari jibqa' xorta waħda fil-Greċja kif ukoll fl-Istati Membri l-aktar affettwati mill-movimenti sekondarji ta' migranti irregolari li joriġinaw mill-Greċja. Abbażi tax-xejriet osservati fil-passat, huwa ġġustifikat li jkun mistenni li dawn il-persuni jistgħu jridu jiċċaqilqu irregolarment lejn Stati Membri oħra meta l-kontrolli fil-fruntiera, li jipprekludu l-moviment sekondarju tagħhom, jiġu mneħħija.
(6)In-numru akkumulat ta' applikazzjonijiet għall-ażil riċevuti sa mill-bidu tal-kriżi migratorja u l-applikazzjonijiet li għadhom deħlin għamel pressjoni sinifikanti fuq l-amministrazzjonijiet u s-servizzi nazzjonali kollha tal-UE u speċifikament fl-Istati ta' Schengen ikkonċernati bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.
(7)Il-kontrolli fil-fruntieri interni ma jistgħux jiġu meqjusa f'iżolament minn fatturi importanti oħra. Fil-Komunikazzjoni tagħha "Lura lejn Schengen - Pjan Direzzjonali", il-Kummissjoni identifikat id-diversi politiki li għandhom jiġu implimentati għal Żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ.
(8)Il-Pjan Direzzjonali inkluda notevolment l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Gwardja tal-Kosta. Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li daħal fis-seħħ fis-6 ta' Ottubru 2016, f'perjodu ta' żmien ta' disa' xhur mill-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, u wera l-impenn tal-atturi kollha involuti. Huwa mistenni li l-gruppi ta' reazzjoni rapida, li jkopru kemm ir-riżorsi umani u t-tagħmir tekniku, u l-gruppi ta' ritorn rapidu se jkunu stabbiliti u operazzjonali sas-7 ta' Diċembru 2016 u sas-7 ta' Jannar 2017 rispettivament.
(9)Element ieħor mhux identifikat fil-Pjan Direzzjonali "Lura lejn Schengen" hija l-implimentazzjoni b’suċċess tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. Filwaqt li l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni, kif stabbilita fit-tielet rapport ta' progress, tkompli tagħti r-riżultati, huwa importanti li jitkompla li jiġi żgurat li d-Dikjarazzjoni tiffunżjona fuq bażi sostenibbli. Barra minn dan, jibqa' bżonn kontinwu għall-kooperazzjoni miftehma fil-laqgħa tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent.
(10)Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li minkejja l-progress kontinwu u importanti fl-oqsma identifikati mill-Pjan Direzzjonali "Lura lejn Schengen" u stabbilizzazzjoni progressiva tas-sitwazzjoni, dawn l-azzjonijiet xorta jridu jiġu implimentati fis-sħiħ u r-riżultati korrispettivi jiġu kkonfermati.
(11)Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jikkostitwixxu theddida serja għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna u li jpoġġu f'riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen kollha għalhekk għadhom hemm.
(12)Minħabba s-sitwazzjoni fraġli attwali fil-Greċja u r-residwu ta' pressjoni li għad hemm fl-Istati Membri l-aktar affettwati bil-movimenti sekondarji ta' migranti irregolari li ġejjin mill-Greċja, jidher għalhekk iġġustifikat li titħalla estenżjoni proporzjonali tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni mill-Istati ta' Schengen li attwalment qegħdin iwettqu dawn il-kontrolli bħala miżura aħħarija f'rispons għal theddida serja għall-ordni pubblika jew għas-sigurtà interna, b'mod partikolari l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u l-Istat assoċjat tan-Norveġja, f'konformità mal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.
(13)Abbażi tal-indikaturi fattwali disponibbli f'dan l-istadju, jeħtieġ li din l-estenżjoni ma teċċedix tliet xhur mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.
(14)L-Istati Membri li jiddeċiedu li jwettqu kontroll fil-fruntieri interni wara din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni jeħtieġu li jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni kif xieraq.
(15)Qabel ma jagħżlu t-tali kontrolli, l-Istati Membri kkonċernati jeħtieġu li jeżaminaw jekk miżuri alternattivi oħra għal kontroll fil-fruntieri jistgħux jintużaw effettivament biex tiġi rrimedjata t-theddida identifikata. L-Istati Membri kkonċernati jeħtieġu jinformaw bl-eżitu ta' din ir-riflessjoni u r-raġunijiet għaliex għażlu l-kontrolli fil-fruntieri fin-notifiki tagħhom.
(16)Kif ddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-migrazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2016, il-proċess ta' "lura lejn Schengen" jinkludi l-aġġustament tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni biex jiġu riflessi l-bżonnijiet attwali. Il-kontrolli taħt din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni jeħtieġu jiġu mwettqa biss sal-limitu meħtieġ, b'mod ristrett fl-intensifikar tagħhom għal minimu assolut meħtieġ. Pereżempju, meta matul perjodu partikolari jkun hemm fluss insinifikanti, il-kontrolli f'xi sezzjonijiet tal-fruntieri jistgħu għalhekk lanqas ikunu meħtieġa. Sabiex jiġi prekluż kemm jista' ikun il-qsim tal-fruntieri interni rilevanti għall-pubbliku inġenerali, biss il-kontrolli mmirati, il-kontrolli ta' analiżi tar-riskju u dawk bbażati fuq l-intelliġenza jistgħu jkollhom lok. Barra minn dan, il-bżonn ta' dawn il-kontrolli fis-sezzjonijiet tal-fruntieri rilevanti jeħtieġ li jiġi eżaminat u evalwat mill-ġdid b'mod regolari f'kooperazzjoni mal-Istati Membri kollha affettwati bl-għan li dawn il-kontrolli jiġu mnaqqsa.
(17)Fl-aħħar ta' kull xahar ta' implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, rapport komplut dwar ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa jeħtieġ li jintbagħat lill-Kummissjoni, flimkien ma' valutazzjoni tal-bżonn kontinwu tagħhom fejn applikabbli. Dan ir-rapport jeħtieġ jinkludi n-numru totali ta' persuni kkontrollati, in-numru totali ta' rifjuti ta' dħul wara l-kontrolli, in-numru totali ta' deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa wara l-kontrolli u n-numru totali ta' applikazzjonijiet għall-ażil riċevuti fil-fruntieri interni fejn il-kontrolli jkunu saru.
(18)Il-Kunsill jieħu nota li l-Kummissjoni ddikjarat li hija se tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.
B'DAN JIRRAKKOMANDA LI:
1. L-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja jestendu l-kontrolli proporzjonali u temporanji fil-fruntieri għal perjodu massimu ta' tliet xhur, li jibda mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, fil-fruntieri interni li ġejjin
- l-Awstrija fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u l-Ungerija u fil-fruntiera fuq l-art bejn l-Awstrija u s-Slovenja;
- il-Ġermanja fil-fruntiera fuq l-art bejn il-Ġermanja u l-Awstrija;
- id-Danimarka fil-portijiet Daniżi b'konnessjonijiet bil-lanċa lejn il-Ġermanja u fil-fruntiera fuq l-art bejn id-Danimarka u l-Ġermanja;
- l-Iżvezja fil-portijiet Żvediżi fir-Reġjun tal-Pulizija tan-Nofsinhar u tal-Punent u fuq il-pont Öresund;
- in-Norveġja fil-portijiet Norveġiżi b'konnessjonijiet bil-lanċa lejn id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Iżvezja.
2. Qabel jiġu estiżi dawn il-kontrolli, l-Istati Membri kkonċernati jeħtieġu jagħmlu skambju ta' fehmiet mal-Istat(i) Membru/i rilevanti bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kontrolli fil-fruntieri interni jsiru biss fejn huwa meqjus neċessarju u proporzjonat. Barra minn dan, l-Istati Membri kkonċernati jeħtieġu li jiżguraw li l-kontrolli fil-fruntieri interni huma mwettqa biss bħala miżura aħħarija meta miżuri alternattivi oħra ma jistgħux jiksbu l-istess effett, u biss f'dawk il-partijiet tal-fruntiera interna fejn huwa meqjus neċessarju u proporzjonat, f'konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. L-Istati Membri kkonċernati jeħtieġu li jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni kif xieraq.
3. Il-kontroll fil-fruntiera jeħtieġ jibqa' immirat, ikun ibbażat fuq analiżi tar-riskju u intelliġenza u jkun limitat fl-iskop, fil-frekwenza, fil-post u fil-ħin, għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-indirizzar tat-theddid serju u s-salvagwardja tal-ordni pubbliku u s-sigurtà interna. L-Istat Membru li jwettaq kontrolli fil-fruntieri interni skont din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni jeħtieġ li jirrevedi regolarment il-ħtieġa, il-frekwenza, il-post u l-ħin tal-kontrolli, jaġġusta l-intensifikar tal-kontrolli għal-livell tat-theddida indirizzata, filwaqt li jneħħihom b'mod progressiv kull fejn xieraq, u jirrapporta lill-Kummissjoni kull xahar.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Kunsill
Il-President