Brussell, 10.10.2016

COM(2016) 649 final

2016/0317(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali tal-Unjoni sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata għan-nom tagħha f'korp imwaqqaf permezz ta' ftehim ta' assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u pajjiż terz. B'mod partikolari, hija tirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra ("il-Ftehim"), rigward l-adozzjoni ta' lista ta' arbitri għas-soluzzjoni ta' tilwim fuq kwistjonijiet relatati mal-kummerċ.

Il-Ftehim ġie ffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014, u beda jiġi applikat b'mod proviżorju u parzjali, sakemm issir ir-ratifika mill-Istati Membri, mill-1 ta' Settembru 2014. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/839 tat-23 ta’ Mejju 2016 1 li approvat il-konklużjoni tal-Ftehim u skont l-Artikolu 464(2) tal-Ftehim, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

Il-Ftehim stabbilixxa l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, li jwettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-Titolu V (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) ta' dan il-Ftehim u jsolvi kwistjonijiet relatati. Dan il-Kumitat għandu jistabbilixxi lista ta' arbitri sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, kif stipulat fl-Artikolu 404 tal-Ftehim.

Din il-proposta tissostitwixxi l-proposta tal-Kummissjoni COM(2015)390 final 2 . Is-sostituzzjoni hija meħtieġa minħabba li tnejn mill-arbitri proposti mir-Repubblika tal-Moldova m’għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 404(2) tal-Ftehim. Ir-Repubblika tal-Moldova proponiet u l-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat lill-Kunsill biex jaċċetta żewġ kandidati oħra li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 404(2) tal-Ftehim. Barra minn hekk, din il-proposta tirrifletti l-fatt li l-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta timplimenta l-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni lejn pajjiż Sieħeb tal-Lvant, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni msemmi hawn fuq. Hija għandha l-għan li tistabbilixxi l-istrumenti istituzzjonali meħtieġa sabiex l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova jindirizzaw b'mod effettiv it-tilwim bilaterali dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim. Dan huwa konsistenti mal-approċċ tal-Unjoni għal dixxiplini tas-soluzzjoni tat-tilwim innegozjati jew implimentati fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' sħab kummerċjali oħra.

Konsistenza mal-politiki l-oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija konsistenti u tikkumplementa l-politiki esterni l-oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fir-rigward tar-Repubblika tal-Moldova.

2.Bażi ġuridika, sussidjarjetà u proporzjonalità

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-kumitati stabbiliti permezz tal-Ftehim hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-"TFUE"), u b'mod partikolari l-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu.

Sussidjaretà (għal kompetenza mhux esklussiva)

Il-politika kummerċjali komuni, f'konformità mal-Artikolu 3 TFUE, hija definita bħala kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Il-proporzjonalità

Din il-proposta hi meħtieġa sabiex jiġu implimentati l-impenji internazzjonali tal-Unjoni stipulati fil-Ftehim mar-Repubblika tal-Moldova.

L-għażla tal-istrument

Din il-proposta hi skont l-Artikolu 218(9) TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta' Deċiżjonijiet mill-Kunsill. Ma jeżisti ebda strument ġuridiku ieħor li jista' jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f'din il-proposta.

3. RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati mhumiex applikabbli għal din il-proposta.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni ħadet kont tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri f'dawn l-aħħar snin fir-rigward ta' ċittadini tal-Unjoni li huma adatti u kkwalifikati li jwettqu arbitraġġ f'tilwim imressaq skont il-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta tikkonċerna l-implimentazzjoni ta' aspetti istituzzjonali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova, u b'mod partikolari t-Titolu V tiegħu dwar il-Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ. Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-politika ekonomika, soċjali jew ambjentali tal-Unjoni. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016 u l-implimentazzjoni tiegħu tinsab fi stadju bikri ħafna.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova mhuwiex soġġett għal proċeduri ta' REFIT; dan ma jimplikax spejjeż għall-SMEs; u ma jqajjem ebda kwistjoni mil-lat tal-ambjent diġitali.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni hija rieżaminata regolarment mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Repubblika tal-Moldova. Il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha wkoll li tirrapporta lill-Parlament Ewropew kull sena dwar l-implimentazzjoni tat-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) ta' dan il-Ftehim, inkluż dwar l-elementi inklużi f'din il-proposta.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta għandha l-għan li tadotta pożizzjoni tal-Unjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni tal-parti kummerċjali tal-Ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova. It-Titolu V (Kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ) ta' dak il-Ftehim, li jinkludi l-Kapitolu 14 (Soluzzjoni tat-Tilwim) li jistipula mekkaniżmu għas-soluzzjoni ta' tilwim relatat mal-kummerċ bejn il-partijiet tal-Ftehim, rigward l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-parti kummerċjali ta' dak il-Ftehim. Il-proċedura ta' arbitraġġ stabbilita fil-Kapitolu 14 tistipula li l-Parti li tkun qed tagħmel l-ilment tista' titlob it-twaqqif ta' bord ta' arbitraġġ biex isolvi tilwima bilaterali. L-Artikolu 404 tal-Ftehim jistabbilixxi r-regoli għall-kompożizzjoni tal-bord. Il-Ftehim jipprevedi l-istabbiliment ta' lista ta' persuni kkwalifikati li jistgħu jservu bħala arbitri. Għaldaqstant, abbozz ta' lista ta' arbitri li huma lesti u kapaċi biex iservu fuq il-bord tal-arbitraġġ ġie diskuss mal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova, li jipprovdi għal ħames arbitri kandidati mill-Unjoni, ħames arbitri kandidati mir-Repubblika tal-Moldova u ħames ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jservu bħala presidenti ta' bord tal-arbitraġġ. Il-lista għandha tintuża f'każijiet meta jkun meħtieġ li jiġi stabbilit bord tal-arbitraġġ.

2016/0317 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra 3 ("il-Ftehim") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.

(2)L-Artikolu 404(1) tal-Ftehim jistabbilixxi li l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stabbilit fl-Artikolu 438(4) tal-Ftehim, għandu jaqbel dwar lista ta' individwi sabiex iservu bħala arbitri fil-proċeduri ta' soluzzjoni tat-tilwim fi żmien sitt xhur mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim.

(3)Skont l-Artikolu 404(1) tal-Ftehim, abbozz ta' lista ta' arbitri biex iservu fuq il-bord tal-arbitraġġ ġie diskuss mal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova, li jipprovdi għal ħames arbitri kandidati proposti mill-Unjoni, ħames arbitri kandidati proposti mir-Repubblika tal-Moldova u ħames ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jservu bħala presidenti ta' bord tal-arbitraġġ.

(4)Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-kummerċ f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' individwi biex iservu bħala arbitri fis-soluzzjoni tat-tilwim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-kummerċ fir-rigward tal-adozzjoni tal-lista ta' individwi sabiex iservu bħala arbitri fil-proċeduri tas-soluzzjoni tat-tilwim tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' dak il-Kumitat mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Bidliet żgħar fl-abbozz ta' Deċiżjoni jistgħu jiġu maqbula mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-Konfigurazzjoni tal-kummerċ mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħhom, id-Deċiżjoni tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 141 28.5.2016, p. 28.
(2) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1469533573883&uri=CELEX:52015PC0390  
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1).

Brussell, 10.10.2016

COM(2016) 649 final

ANNESSI

ta' [...]

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra


Abbozz

Id-Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni tal-UE-ir-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

tal-…2016

dwar l-istabbiliment tal-lista ta' arbitri msemmija fl-Artikolu 404(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra

IL-KUMITAT TA' Assoċjazzjoni FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ,    

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-27 ta' Ġunju 2014, u b'mod partikolari l-Artikolu 404(1) tiegħu,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra ("il-Ftehim") daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.

(2)Skont l-Artikolu 404(1) tal-Ftehim, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stabbilit fl-Artikolu 438(4) tal-Ftehim, għandu jistabbilixxi lista ta' 15-il individwu sabiex iservu bħala arbitri fil-proċeduri ta' soluzzjoni tat-tilwim fi żmien ta' mhux aktar minn sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-listi tal-individwi li jistgħu jservu ta' arbitri għall-finijiet tal-Artikolu 404(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, huma stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat ta' Assoċjazzjoni

Fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

Il-President

ANNESS

IL-LISTA TA' ARBITRI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 404(1) TAL-FTEHIM

L-arbitri proposti mir-Repubblika tal-Moldova

1.Mihail BURUIANĂ

2.Procop BURUIANA

3.Octavian CAZAC

4.Lilia GRIBINCEA

5.Viorel RUSU

L-arbitri proposti mill-Unjoni Ewropea

1.Jacques BOURGEOIS

2.Claus–Dieter EHLERMANN

3.Pieter Jan KUIJPER

4.Giorgio SACERDOTI

5.Ramon TORRENT

Il-Presidenti

1.Leora BLUMBERG (L-Afrika t'Isfel)

2.William DAVEY (L-Istati Uniti)

3.Merit JANOW (L-Istati Uniti)

4.Helge SELAND (In-Norveġja)

5.David UNTERHALTER (L-Afrika t'Isfel)