Brussell, 7.10.2016

COM(2016) 645 final

2016/0315(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru sabiex japplika miżuri speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijet ta’dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jippreveni ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-14 ta’ Marzu 2016, ir-Renju Unit talab l-awtorizzazzjoni biex ikompli japplika miżura ta' deroga li tirrigwarda d-dritt ta' tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq il-kiri jew il-lokazzjoni ta' vetturi bil-mutur użati wkoll għal skopijiet personali u mogħtija, għall-aħħar darba, mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/681/UE 1 . Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra rigward it-talba li saret mir-Renju Unit b'ittra tat-28 ta' Ġunju 2016. Permezz ta' ittra tat-28 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva dwar il-VAT jistipulaw li persuna taxxabbli hija intitolata li tnaqqas il-VAT dovuta minn fuq ix-xiri li jsir għall-għanijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. Fl-istess ħin, l-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT jistipula li l-użu ta’ oġġetti, li jagħmlu parti mill-assi kummerċjali ta’ negozju, għal għanijiet privati għandu jitqies bħala forniment ta’ servizzi għal kunsiderazzjoni jekk il-VAT fuq dawk l-oġġetti tkun tnaqqset bis-sħiħ jew b’mod parzjali. B'riżultat ta' dan, is-sistema tiżgura li l-konsum finali jkun intaxxat meta l-VAT korrispondenti fuq ix-xiri tkun tnaqqset fil-bidu.

Fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur, xi drabi huwa diffiċili u ta' piż amministrattiv biex il-persuna taxxabbli tidentifika u tirreġistra d-differenza bejn użu kummerċjali u użu privat u biex l-amministrazzjoni tat-taxxa tivverifika t-tqassim effettiv tal-użu. Dan ikun il-każ anki jekk ir-Renju Unit jagħmel użu mill-għażla stipulata fl-Artikolu 168a(2) tad-Direttiva dwar il-VAT biex tillimita t-tnaqqis fuq in-nefqa relatata ma’ vetturi tal-kumpaniji għall-proporzjon tal-użu effettiv kummerċjali tal-persuna taxxabbli. Barra minn hekk, minħabba l-għadd kbir ta’ vetturi b’użu differenti, l-evażjoni tat-taxxa tista’ ssir konsiderevoli.

Sabiex il-ġbir tal-VAT jiġi ssimplifikat u biex ikompli fil-ġlieda tiegħu kontra l-evażjoni tat-taxxa, ir-Renju Unit ġie awtorizzat fl-1995 2 u għall-aħħar darba fl-2013 3 , li sal-31 ta’ Diċembru 2016 jirrestrinġi għal 50 % d-dritt tal-kerrej jew tal-lokatarju li jnaqqas it-taxxa fuq ix-xiri b’rabta mal-prezz imħallas għall-kiri jew il-lokazzjoni ta’ karozza f’każ li l-karozza ma tintużax b’mod esklussiv għal finijiet kummerċjali. Sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja, ir-Renju Unit huwa awtorizzat ukoll li ma jqisx l-użu privat ta’ karozzi ta’ negozji mikrija jew meħuda b’lokazzjoni minn persuna taxxabbli bħala provvista ta’ servizzi li għandha tiġi kkunsidrata.

Din id-deroga telimina l-ħtieġa li l-kerrej iżomm reġistru privat dettaljat tal-kilometri li tkun għamlet kull karozza, u li jdaħħal fil-kontabilità tiegħu l-VAT fuq l-użu privat. L-għażla stipulata fl-Artikolu 168a(2) tad-Direttiva dwar il-VAT ma tipprevedix tnaqqis parzjali b’rata fissa u tista' tkun applikabbli biss għall-VAT fuq ix-xiri b’rabta mal-karozzi li jiffurmaw parti mill-assi tan-negozju tal-persuna taxxabbli; għalhekk, deroga hija miżura xierqa sabiex tinkiseb is-simplifikazzjoni mitluba.

F’konformità mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/884/KE 4 , kif emendata, ir-Renju Unit ippreżenta rapport li jkopri l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni li jinkludi rieżami tal-persentaġġ ta’ restrizzjoni applikat fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT dovut fuq il-kiri jew il-lokazzjoni ta’ vetturi li ma jintużawx esklussivament għal għanijiet kummerċjali. Ir-rapport jistipula li, skont is-sett tad-dejta użat, il-proporzjon proprju stmat bejn l-użu għal għanijiet professjonali u għanijiet privati ma jvarjax minn 50 % b’mod sinifikanti.

Normalment, id-derogi jingħataw għal żmien limitat bil-għan li jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali tkunx xierqa u effettiva. Ir-rapport ipprovdut mir-Renju Unit jissuġġerixxi li t-tqassim ta' 50% bejn l-użu għal finijiet kummerċjali u dak privat (jew kwalunkwe użu ieħor mhux għal finijiet kummerċjali skont l-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE) attwalment għadu jirrifletti l-użu privat u kummerċjali globali tal-karozzi mikrija minn persuni taxxabbli fir-Renju Unit. Għalhekk, huwa xieraq li l-miżura ta’ deroga tiġi estiża.

Madankollu, kwalunkwe estensjoni għandha tkun limitata fiż-żmien sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet, li fuqhom hija msejsa d-deroga, ikunux għadhom validi. Għalhekk, qed jiġi propost li d-deroga tiġi estiża sal-aħħar tal-2019 u qed issir talba lir-Renju Unit biex jippreżenta rapport ġdid fil-każ li tkun prevista talba ta' estensjoni ġdida wara dik id-data aħħarija.

 Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Skont l-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kunsill għandu jistabbilixxi n-nefqa li minnha ma tistax titnaqqas il-VAT. Sakemm dan iseħħ, huwa jawtorizza lill-Istati Membri jkomplu japplikaw l-esklużjonijiet, li ddaħħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1979. Għaldaqstant, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ "status quo" li jillimitaw id-dritt għal tnaqqis marbut mal-vetturi bil-mutur.

Minkejja l-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti regoli li skonthom il-kategoriji tan-nefqa jistgħu jkunu soġġetti għal restrizzjoni tad-dritt għal tnaqqis 5 , din id-deroga hija xierqa fl-istennija tal-armonizzazzjoni ta’ dawn ir-regoli fil-livell tal-UE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva dwar il-VAT.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Meta wieħed iqis il-kamp limitat ta’ applikazzjoni tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq. B’mod partikolari, meta jitqies il-potenzjal li n-negozji jonqsu milli jiddikjaraw bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħhom u li jwettqu l-verifiki ta’ piż tad-dejta dwar il-kilometraġġ għall-awtoritajiet tat-taxxa, ir-restrizzjoni ta’ 50 % twassal għal evitar ta’ dikjarazzjoni eċċessiva ta’ kilometraġġ kummerċjali u tikkontribwixxi lejn il-protezzjoni kontra telf ta’ dħul minħabba żbalji u evażjoni u lejn is-simplifikazzjoni tal-ġbir tal-VAT f’settur speċifiku.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. Mezzi oħra ma jkunux xierqa għar-raġuni li ġejja, billi skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, id-deroga mir-regoli komuni tal-VAT tista’ ssir biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jkun qed jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. L-aktar strument xieraq huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għax din tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta hija bbażata fuq talba li saret mir-Renju Unit u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Ma kienx hemm bżonn ta’ kompetenzi esterni.

Il-valutazzjoni tal-impatt

Id-Deċiżjoni għandha l-għan li tipproroga miżura ta’ simplifikazzjoni li hija mfassla biex tiġġieled l-evażjoni tal-VAT u tissimplifika l-proċedura għall-impożizzjoni tat-taxxa. Ir-restrizzjoni ta’ 50 % fuq it-taxxa fuq ix-xiri hija indikatur għall-ammont proprju ta’ taxxa dovuta fuq l-użu ta’ karozzi rilevanti għas-sewqan privat. Tneħħi l-ħtieġa għall-kerrej/lokatarju li jżomm reġistrazzjonijiet dwar il-kilometraġġ privat li jkun twettaq bil-karozzi tan-negozju u li jiddikkjara t-taxxa fuq l-użu privat proprja ta' kull vettura u b’hekk inaqqas b’mod sinifikanti l-piż amministrattiv għall-kontribwenti u għall-awtoritajiet tat-taxxa. Negozji li jużaw il-karozzi tagħhom għal għanijiet professjonali għal aktar minn 50 % iżda għal inqas minn 100 % għandhom jerfgħu spejjeż addizzjonali.

Barra minn hekk, minħabba li l-ambitu tad-deroga huwa ristrett u li l-applikazzjoni tagħha hija limitata fiż-żmien, fi kwalunkwe każ l-impatt għandu jkun limitat.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta mhu se jkollha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni; terminu preskrittiv awtomatiku li huwa stabbilit għall-31 ta’ Diċembru 2019.

Fil-każ li r-Renju Unit jikkunsidra estensjoni oħra tal-miżura ta’ deroga lil hinn mill-2019, għandu jitressaq rapport ta’ evalwazzjoni lill-Kummissjoni flimkien mat-talba għall-estensjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2019.

2016/0315 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 6 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/884/KE 7 , li ġiet emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/681/UE 8 , awtorizzat lir-Renju Unit jirrestrinġi sal-50% id-dritt tal-kerrej jew tal-lokatarju biex inaqqas il-VAT fuq il-kiri jew il-lokazzjoni ta' karozza għall-passiġġieri f'każ li l-karozza ma kenitx tintuża esklussivament għal għanijiet kummerċjali. Ir-Renju Unit kien awtorizzat ukoll biex ma jqisx bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas l-użu privat ta’ karozza mikrija jew mikrija b’lokazzjoni minn persuna taxxabbli għall-finijiet kummerċjali tiegħu stess. Dik il-miżura ta’ simplifikazzjoni eliminat il-ħtieġa li l-kerrej iżomm rekords tal-kilometri li kull karozza tal-impriża tkun għamlet għal skop privat u li jagħti kont għal skopijiet ta’ taxxa dwar il-kilometri reali magħmula minn kull vettura għal skop privat.

(2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Marzu 2016, ir-Renju Unit talab l-awtorizzazzjoni biex tiġi estiża miżura ta’ deroga sabiex jibqa’ jkun hemm restrizzjoni fuq id-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-VAT mill-kerrej jew mil-lokatarju fuq il-prezz imħallas għall-kiri jew il-lokazzjoni ta' vettura, meta l-vettura ma tintużax esklussivament għal għanijiet kummerċjali.

(3)Il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Renju Unit permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 2016. Permezz ta' ittra tat-28 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

(4)Skont ir-rapport ipprovdut mir-Renju Unit, ir-restrizzjoni ta’ 50 % għadha tikkorrispondi għaċ-ċirkostanzi attwali f’dak li jirrigwarda l-użu tal-vetturi kkonċernati mill-kerrej jew il-lokatarju għal għanijiet kummerċjali u għal għanijiet mhux kummerċjali. Għalhekk, jixraq li r-Renju Unit jiġi awtorizzat japplika l-miżura sal-31 ta' Diċembru 2019.

(5)Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/884/KE, kif emendata, ir-Renju Unit issottometta rapport lill-Kummissjoni li jkopri l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni u li jinkludi rieżami tal-perċentwal tar-restrizzjoni. L-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit għadha turi li r-restrizzjoni tad-dritt għal tnaqqis għal 50 % tikkorrispondi għaċ-ċirkostanzi attwali fir-rigward tal-proporzjon ta' użu kummerċjali u użu mhux kummerċjali tal-vetturi kkonċernati. Għalhekk ir-Renju Unit għandu jkun awtorizzat japplika l-miżura għal perjodu limitat ieħor, sal-31 ta’ Diċembru 2019.

(6)Fil-każ li r-Renju Unit jikkunsidra li tkun meħtieġa estensjoni ulterjuri lil hinn mill-2019, għandu jissottometti rapport li jinkludi rieżami tal-persentaġġ applikat flimkien ma’ talba ta’ estensjoni lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2019.

(7)Id-deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett fuq ir-riżorsi proprji tal-UE li jinġabru mill-VAT.

(8)Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2007/884/KE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2007/884/KE jinbidel b’dan li ġej:

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2019.

Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata minn rapport, imressaq lill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2019, li jinkludi rieżami tal-persentaġġ ta’ restrizzjoni applikat fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT dovut fuq il-kiri jew il-lokazzjoni ta’ vetturi li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u lill-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/681/UE tal-15 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 41).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/252/KE tad-29 ta'Ġunju 1995 li tawtorizza lir-Renju Unit japplika miżura ta' deroga għall-Artikoli 6 u 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (ĠU L 159, 11.7.1995, p. 19).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/884/KE tal-20 ta’ Diċembru 2007 li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 21) ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2013 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/37/UE tat-18 ta’ Jannar 2011 (ĠU L 19, 22.1.2011, p. 11) u sal-31 ta’ Diċembru 2016 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/681/UE tal-15 ta’ Novembru 2013 (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 41).
(4) ĠU L 346, 29.12.2007, p. 21–22. 
(5) COM (2004) 728 final - Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU C 24, 29.1.2005, p. 10) irtirata fil-21 ta’ Mejju 2014 (ĠU C 153, 21. 05. 2014, p. 3).
(6) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/884/KE tal-20 ta’ Diċembru 2007 li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 21).
(8) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/681/UE tal-15 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 41).