IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.9.2016
COM(2016) 596 final
2016/0278(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
Id-Direttiva proposta se tallinja l-liġi tal-Unjoni mal-obbligi internazzjonali tal-UE skont it-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet pubblikati għal Persuni Għomja, b’Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (“it-Trattat ta’ Marrakexx”).
It-Trattat ta’ Marrakexx ġie adottat fl-2013 fl-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (id-WIPO) bil-għan li jiffaċilita d-disponibbiltà u l-iskambju transfruntier tal-kotba u ta’ materjal stampat ieħor b’formati aċċessibbli madwar id-dinja. Dan it-Trattat, l-Unjoni ffirmatu f’April 2014. It-Trattat jeżiġi li l-partijiet jipprovdu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, u jippermetti l-iskambju transfruntier ta’ kopji b’format speċjali tal-kotba, fosthom il-kotba awdjo, u materjal stampat ieħor bejn il-pajjiżi li huma partijiet għat-Trattat. B’hekk l-Unjoni għamlet impenn politiku li timplimenta t-Trattat, li kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament Ewropew minn dakinhar komplew isaħħu. B’mod separat, f’Ottubru 2014 il-Kummissjoni ressqet proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill biex l-Unjoni tirratifika t-Trattat ta’ Marrakexx. F’Mejju 2015, il-Kunsill ippreżenta talba lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 241 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE), li fiha jisħaq l-impenn sħiħ tiegħu li t-Trattat ta’ Marrakexx jidħol fis-seħħ malajr, filwaqt li jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva mingħajr dewmien biex jiġi emendat il-qafas ġuridiku tal-Unjoni f’konformità mat-Trattat.
Il-benefiċjarji tat-Trattat ta’ Marrakexx, jiġifieri l-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew b’diżabbiltà biex jaqraw (“il-persuni benefiċjarji”), isibu bosta xkiel biex jaċċessaw il-kotba u materjal stampat ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. Id-disponibbiltà ta’ kotba b’formati aċċessibbli għall-persuni li għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat hija stmata bejn is-7% u l-20%, u dan minkejja li t-teknoloġija diġitali tiffaċilita ħafna l-pubblikazzjonijiet aċċessibbli. Fost il-formati aċċessibbli hemm pereżempju l-kitbiet bil-Braille jew b’tipa kbira, il-kotba diġitali u l-kotba awdjo b’navigazzjoni speċjali, id-deskrizzjonijiet awdjo u x-xandiriet tar-radju.
Id-Direttiva proposta għandha l-għan li żżid id-disponibbiltà tax-xogħol u materjal protett ieħor, bħall-kotba, ir-rivisti, il-gazzetti, il-megezins u kitbiet oħrajn, il-folji tal-mużika u materjal stampat ieħor, inkluż b’format awdjo, b’formati aċċessibbli għall-persuni benefiċjarji. Dan tagħmlu billi tiżgura li kull persuna benefiċjarja u organizzazzjoni li taqdi l-ħtiġijiet ta’ dawn il-persuni mingħajr skop ta’ profitt, tkun tista’ tgawdi minn eċċezzjoni obbligatorja u armonizzata għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fi ħdan l-Unjoni. B’hekk ikunu jistgħu jsiru kopji b’format aċċessibbli ta’ xogħlijiet u materjal ieħor li ma jkunux aċċessibbli u li jkunu diġà ġew ippubblikati jew saru disponibbli. Id-Direttiva proposta temenda l-qafas leġiżlattiv eżistenti tal-Unjoni kif xieraq u tiżgura li l-kopji b’format aċċessibbli li jsiru f’xi wieħed mill-Istati Membri jkunu jistgħu jitqassmu u jiġu aċċessati madwar l-Unjoni kollha. Fejn jidħlu l-obbligi li jimponi t-Trattat ta’ Marrakexx dwar l-iskambju transfruntier tal-kopji b’format aċċessibbli bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat, din id-Direttiva għandha tinqara flimkien mar-Regolament [...].
Id-Direttiva proposta hi konformi wkoll mal-obbligi tal-Unjoni li joħorġu mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (“il-UNCRPD”). L-UE ilha marbuta bil-UNCRPD sa minn Jannar 2011, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE. B’hekk, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-UNCRPD saru parti integrali tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni. Id-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni u d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jieħdu sehem fil-ħajja kulturali bħal ħaddieħor huma mnaqqxin fil-UNCRPD. L-Artiklu 30 tal-Konvenzjoni jeżiġi li l-partijiet għaliha għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha, skont il-liġi internazzjonali, biex jiżguraw li l-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jkunux jikkostitwixxu ostaklu diskriminatorju jew mhux raġonevoli għall-aċċess tal-persuni b’diżabbiltà għall-materjali kulturali. Fl-osservazzjonijiet konklużivi tiegħu fuq ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea, adottati fl-4 ta’ Settembru 2015, il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà ħeġġeġ lill-Unjoni biex tieħu l-miżuri xierqa kollha ħalli t-Trattat ta’ Marrakexx jiġi implimentat malajr kemm jista’ jkun.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-Unjoni adottat għadd ta’ Direttivi fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati li jipprovdu ċertezza legali u livell għoli ta’ protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet. Bħalissa, id-drittijiet rilevanti għad-Direttiva proposta huma armonizzati fid-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (“id-Direttiva 2001/29/KE”), fid-Direttiva 2006/115/KE dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, fid-Direttiva 96/9/KE dwar il-protezzjoni legali ta’ databases u fid-Direttiva 2009/24/KE dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter.
Il-liġi tal-Unjoni tipprevedi wkoll għadd ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet li, f’ċerti kundizzjonijiet u sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet ta’ politika, jippermettu l-użu tal-kontenut mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt. Il-ħtiġijiet tal-aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà ġew rikonoxxuti f’dan il-kuntest, u ġew previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jdaħħlu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni b’diżabbiltà, inkluż biex jaqraw materjal stampat, fejn jidħlu l-użi li huma relatati direttament mad-diżabbiltà u li għandhom natura mhux kummerċjali, sa kemm hu meħtieġ mid-diżabbiltà speċifika. B’konformità mar-rekwiżiti tat-Trattat ta’ Marrakexx, l-eċċezzjoni li daħħlet id-Direttiva proposta se tkun obbligatorja għall-Istati Membri, u se tapplika għad-drittijiet li ġew armonizzati fil-livell tal-Unjoni u li huma rilevanti għall-produzzjoni u t-tixrid ta’ kopji b’format aċċessibbli kif jiddefinixxi t-Trattat ta’ Marrakexx. L-eċċezzjoni tikkumplimenta s-sistema eżistenti ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni fakultattiva prevista fl-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE billi ddaħħal eċċezzjoni obbligatorja għall-ġid tal-persuni benefiċjarji li jkollha effett fuq is-suq intern kollu.
•Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni
Bl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Unjoni għandha l-għan li tiżgura li persuni benefiċjarji kollha jkollhom aċċess għall-kotba, ir-rivisiti, il-gazzetti, il-megezins jew kitbiet oħrajn, il-folji tal-mużika u materjal stampat ieħor sal-istess grad sostanzjalment bħal persuna mingħajr din id-diffikultà jew id-diżabbiltà, u biex dan jinkiseb jista’ jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tas-suq intern. F’dan ir-rigward, id-Direttiva proposta tikkumplimenta u hi konsistenti mal-leġiżlazzjoni u inizjattivi oħrajn li ttieħdu fil-livell tal-Unjoni biex “tibni fuq is-saħħa tas-suq uniku tagħna u tisfrutta għalkollox il-potenzjal tiegħu fl-aspetti kollha tiegħu”. Dawn jinkludu proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti web tal-kopri tas-settur pubbliku, u proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (“il-proposta għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà”). B’mod partikolari, il-proposta għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità fiha obbligi biex ikun żgurat li s-servizzi tal-kotba elettroniċi provduti fis-suq intern minn meta jibda japplika, jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti funzjonali ħalli dawn ikunu aċċessibbli malli jitqiegħdu fis-suq.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
•Il-bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika tal-proposta hi l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE).
•Is-sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklussiva)
L-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TFUE. Din id-Direttiva proposta għandha l-għan li tiffaċilita l-aċċess għal ċertu kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-persuni benefiċjarji tat-Trattat ta’ Marrakexx fi ħdan is-suq intern f’qasam li diġà hu armonizzat bil-liġi tal-Unjoni, u għalhekk jistgħu jiġu emendati biss bil-liġi tal-Unjoni. Mingħajr intervent tal-Unjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jilħqu dan l-għan. Barra minn hekk, minħabba l-iskala u l-effetti, dan l-għan jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.
•Il-proporzjonalità
Il-proporzjonalità tal-miżura proposta hi żgurata għax din ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jiġu implimentati l-obbligi tal-Unjoni skont it-Trattat ta’ Marrakexx fl-Unjoni.
•L-għażla tal-istrument
L-għażla ta’ Direttiva hi konsistenti ma’ miżuri preċedenti f’dan il-qasam, b’mod partikolari d-Direttiva 2001/29/KE li tarmonizza d-drittijiet tal-awturi u detenturi oħra tad-drittijiet u ddaħħal eċċezzjoni jew limitazzjoni fakultattiva għall-ġid tal-persuni b’diżabbiltà. Id-Direttiva proposta temenda l-qafas leġiżlattiv eżistenti tal-Unjoni billi tipprovdi għal eċċezzjoni obbligatorja ġdida għad-drittijiet armonizzati rilevanti u tiżgura li b’din l-eċċezzjoni, il-kopji b’format aċċessibbli li jsiru f’xi wieħed mill-Istati Membri jkunu jistgħu jitqassmu u jiġu aċċessati madwar l-Unjoni kollha. B’dan il-mod u billi tagħti definizzjonijiet ċari, din iddaħħal approċċ uniformi għall-obbligi tal-Unjoni skont it-Trattat, inkluż iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ kopji b’format aċċessibbli fis-suq intern, filwaqt li lill-benefiċjarji tagħtihom l-eċċezzjoni biċ-ċertezza legali meħtieġa biex iwettqu l-użi li din tkopri. Fl-istess ħin, din tippermetti ċertu marġni ta’ manuvrar għall-Istati Membri biex jadattaw leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika li jaf tintlaqat direttament jew indirettament bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, bħal pereżempju fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa jew politiki soċjali oħrajn.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET KONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•L-evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Id-Direttiva proposta għandha l-għan li tissodisfa obbligi internazzjonali ġodda fejn tidħol il-liġi tal-Unjoni. Għalhekk f’dan il-kuntest la hu rilevanti u lanqas meħtieġ li ssir evalwazzjoni retrospettiva tal-liġi Ewropea eżistenti f’dan il-qasam. Madankollu tqieset l-informazzjoni disponibbli dwar il-leġiżlazzjoni Ewropea relatata, b’mod partikolari l-eżiti tal-konsultazzjonijiet pubbliċi u l-kontribut tal-esperti eżistenti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati
Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet konċernati għall-finijiet tad-Direttiva proposta li timplimenta d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-livell internazzjonali. Il-konsultazzjoni pubblika estensiva fuq ir-rieżami tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur, li għamlet il-Kummissjoni bejn Diċembru 2013 u Marzu 2014, kienet tinkludi wkoll sezzjoni dwar il-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet għall-ġid tal-persuni b’diżabbiltà u dwar l-aċċess u ċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet b’formati aċċessibbli, u li rreferiet ukoll għat-Trattat ta’ Marrakexx. Fost aspetti oħra, il-fehmiet li esprimew l-utenti finali, il-konsumaturi u l-utenti istituzzjonali (inkluż l-organizzazzjonijiet li jaqdu l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà u l-libreriji) isemmu d-diverġenżi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet nazzjonali, u dawn jagħmluha diffiċli li jkun hemm ċertezza legali waqt l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ kopji b’format aċċessibbli li jsiru skont l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur. L-utenti istituzzjonali li wieġbu qalu b’mod konsistenti li t-Trattat ta’ Marrakexx se jindirizza dawn il-kwistjonijiet b’mod sodisfaċenti. B’mod ġenerali, id-detenturi tad-drittijiet u l-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv jidhrilhom li m’hemmx problemi bl-implimentazzjoni nazzjonali tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni fakultattivi previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Ikkummentaw ukoll li l-mekkaniżmi tas-suq eżistenti kienu jindirizzaw b’mod effettiv il-problema tal-persuni b’diżabbiltà fejn jidħol l-aċċess għax-xogħlijiet. L-utenti finali, il-konsumaturi u l-utenti istituzzjonali mhumiex tal-istess fehma.
•Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert
Għat-tħejjija ta’ din il-proposta ma nġabar l-ebda għarfien espert b’mod speċifiku. Il-Kummissjoni qieset studju tal-2013 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE, li fost l-oħrajn jivvaluta l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni fakultattivi għall-persuni b’diżabbiltà fi 11-il Stat Membru previsti fl-Artikolu 5(3)(b) ta’ dik id-Direttiva.
•Il-valutazzjoni tal-impatt
Id-Direttiva proposta se timplimenta t-Trattat ta’ Marrakexx fis-suq intern u għandha l-għan li ġġib il-liġi tal-Unjoni f’konformità mat-Trattat. Il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar ma jeżiġux li għandha ssir valutazzjoni tal-impatt meta l-Kummissjoni ma jkollhiex diskrezzjoni fuq il-kontenut tal-politika.
•Id-drittijiet fundamentali
Id-Direttiva proposta tappoġġa d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jgawdu minn miżuri mfassla biex tkun żgurata l-indipendenza tagħhom, l-integrazzjoni soċjali u okkupazzjonali tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità, kif inhu mnaqqax fl-Artikolu 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). Barra minn hekk, id-Direttiva tirrifletti l-impenji tal-Unjoni fil-UNCRPD. Il-UNCRPD tiżgura d-dritt tal-aċċess tal-persuni b’diżabbiltà għall-informazzjoni u d-dritt li jieħdu sehem fil-ħajja kulturali, ekonomika u soċjali bħal ħaddieħor. Fid-dawl ta’ dan, hu ġġustifikat li jiġu restritti d-drittijiet tal-proprjetà tad-detenturi tad-drittijiet bi qbil mal-obbligi tal-Unjoni skont il-Karta. Id-Direttiva proposta hija l-ewwel pass essenzjali biex ikunu żgurati l-aċċess għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali, kulturali u ekonomika.
Il-proposta se jkollha impatt limitat fuq id-drittijiet tal-awtur bħala dritt tal-proprjetà kif stipulat fil-Karta (l-Artikolu 17(2)). Għandu jiġi nnutat li bħalissa l-Istati Membri kollha sa ċertu punt għamlu użu tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni fakultattivi tad-drittijiet tal-awtur previsti fl-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE. B’hekk, l-impatt tad-Direttiva proposta dwar id-drittijiet tal-awtur bħala dritt tal-proprjetà se jkun limitat għal armonizzazzjoni sħiħa tad-diverġenzi għandhom l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet tal-awtur għall-persuni li għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat li hemm fis-seħħ fl-Istati Membri.
4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI OĦRAJN
Iż-Żona Ekonomika Ewropea
L-Att propost għandu x’jaqsam ma’ kwistjoni taż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE), u għandu jestendi għaż-ŻEE.
•Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u l-arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
L-Istati Membri se jkunu obbligati jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 12-il xahar minn wara l-adozzjoni tagħha. L-Istati Membri se jintalbu jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet li daħħlu biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, u dispożizzjonijiet leġiżlattivi ewlenin oħrajn li adottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva. Il-Kummissjoni se ssegwi l-implimentazzjoni tad-Direttiva proposta, u b’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar u sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tat-traspożizzjoni, din għandha tagħmel evalwazzjoni tad-Direttiva u tippreżenta s-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u magħha meta jkun xieraq tippreżenta proposti għal emendi f’din id-Direttiva. Bl-istess mod, din se tevalwa wkoll ir-Regolament […]. Il-Kummissjoni se tissorvelja wkoll id-disponibbiltà ta’ xogħlijiet u materjal ieħor b’formati aċċessibbli minbarra dawk koperti b’din id-Direttiva, u d-disponibbiltà ta’ xogħlijiet u materjal ieħor b’formati aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltajiet oħrajn, fi ħdan l-Unjoni. Sa sentejn mid-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva proposta, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar din il-kwistjoni. Dak ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni dwar jekk għandux jitqies li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skont ir-riżultati tar-rapport.
•Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni
Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, l-Istati Membri qablu li meta jinnotifikaw dwar il-miżuri li ħadu biex jittrasponu Direttiva, dawn jipprovdu lill-Kummissjoni b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-miżuri nazzjonali tagħhom, meta jkun ġustifikat li tintalab din l-informazzjoni addizzjonali. Id-dokumentazzjoni ta’ spjegazzjoni se tgħin biex ikun żgurat li kull sistema legali nazzjonali tistabbilixxi eċċezzjoni obbligatorja b’konformità ma’ din id-Direttiva u bi qbil tal-obbligi tal-Unjoni skont it-Trattat ta’ Marrakexx.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jispeċifika l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta. Id-Direttiva proposta se tiffaċilita l-użu ta’ ċertu kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat.
L-Artikolu 2 jelenka d-definizzjonijiet tat-termini “xogħol u materjal ieħor”, “persuna benefiċjarja”, “kopja b’format aċċessibbli” u “entità awtorizzata” li japplikaw għall-finijiet tad-Direttiva proposta.
L-Artikolu 3 jipprovdi għal eċċezzjoni obbligatorja u jsemmi l-użi permessi speċifiċi mill-persuni benefiċjarji u l-entitajiet awtorizzati.
L-Artikolu 4 jikkonċerna ċ-ċirkolazzjoni ta’ kopji b’format aċċessibbli fis-suq intern. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura li kopji b’format aċċessibbli li jsiru skont l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3 jistgħu jiċċirkolaw jew jiġu aċċessati f’kull Stat Membru.
L-Artikolu 5 jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-protezzjoni tad-dejta personali.
L-Artikolu 6 jiddikjara l-emendi li għandhom isiru fid-Direttiva 2001/29/KE biex tiżgura koerenza ma’ din id-Direttiva.
L-Artikolu 7 jistipula li l-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar id-disponibbiltà fis-suq intern ta’ xogħlijiet u materjal ieħor b’formati aċċessibbli u għall-persuni b’diżabbiltajiet oħra għajr dawk koperti b’din id-Direttiva.
L-Artikolu 8 jistabbilixxi l-arranġamenti għall-evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva, skont ir-regoli għal Regolamentazzjoni Aħjar.
L-Artikolu 9 jistabbilixxi l-perjodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva proposta mill-Istati Membri u jispeċifika għadd ta’ obbligi li għandhom jilħqu l-Istati Membri, pereżempju li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali tagħhom li jimplimentaw id-Direttiva.
L-Artikolu 10 jispeċifika d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u l-Artikolu 11 jistipula li d-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
2016/0278 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Id-Direttivi tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jipprovdu ċertezza legali u livell għoli ta’ protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet. Dan il-qafas legali armonizzat jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jistimula l-innovazzjoni, il-kreazzjoni, l-investiment u l-produzzjoni ta’ kontenut ġdid, inkluż fil-qasam diġitali. Dan għandu l-għan ukoll li jippromwovi l-aċċess għall-għarfien u l-kultura billi jipproteġi x-xogħolijiet u materjal ieħor u billi jippermetti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li huma fl-interess pubbliku. Għandu jkun żgurat li jsir bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u d-drittijiet u l-interessi tal-utenti.
(2)Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jarmonizzaw id-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet. Dawk id-Direttivi jipprovdu għal lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet, li jippermettu l-użu tal-kontenut mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet b’ċerti kundizzjonijiet biex jintlaħqu ċerti għanijiet ta’ politika.
(3)Il-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat għadhom qed isibu bosta xkiel biex jaċċessaw il-kotba u materjal stampat ieħor li huma protetti bid-drittijiet tal-awtur u bi drittijiet relatati. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex tiżdied id-disponibbiltà ta’ xogħlijiet b’formati aċċessibbli u biex titjieb iċ-ċirkolazzjoni tagħhom fis-suq intern.
(4)It-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, li għandhom Diżabbiltà fil-Vista jew li b’xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (“it-Trattat ta’ Marrakexx”) ġie adottat fit-30 ta’ April 2014. L-għan tiegħu hu li titjieb id-disponibbiltà tax-xogħlijiet u materjal protett ieħor b’formati aċċessibbli għall-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat. It-Trattat ta’ Marrakexx jeżiġi li l-partijiet kontraenti jipprovdu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-produzzjoni u t-tixrid ta’ kopji b’formati aċċessibbli ta’ ċerti xogħlijiet u materjal ieħor u għall-iskambju transfruntier ta’ dawk il-kopji. Il-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx mill-Unjoni teħtieġ l-adattament tal-liġi tal-Unjoni billi tistabbilixxi eċċezzjoni obbligatorja għall-użi, ix-xogħlijiet u l-persuni benefiċjarji koperti bit-Trattat. Din id-Direttiva timplimenta l-obbligi li l-Unjoni trid tissodisfa skont it-Trattat ta’ Marrakexx b’mod armonizzat, ħalli jkun żgurat li dawk il-miżuri jiġu applikati b’mod konsistenti fis-suq intern kollu.
(5)Din id-Direttiva tfasslet għall-ġid tal-persuni għomja, tal-persuni b’diżabbiltà fil-vista li ma tistax titjieb sal-punt li l-persuna tingħata funzjoni viżiva sostanzjalment ekwivalenti għal dik ta’ persuna li ma jkollhiex din id-diffikultà, jew tal-persuni b’diżabbiltà fil-perċezzjoni jew biex jaqraw, inkluż id-dislessija, li żżommhom milli jaqraw materjal stampat sal-istess grad sostanzjalment bħal persuna mingħajr din id-diżabbiltà, jew li ma jkunux jistgħu jżommu jew jużaw ktieb jew jiffokaw jew iċaqalqu għajnejhom kif normalment ikun meħtieġ għall-qari, minħabba diżabbiltà fiżika. L-għan tal-miżuri introdotti b’din id-Direttiva hu li titjieb id-disponibbiltà tal-kotba, ir-rivisti, il-gazzetti, il-megezins u kitbiet oħrajn, il-folji tal-mużika u materjal stampat ieħor, inkluż f’forma awdjo, kemm analoga jew diġitali, b’formati li dawk ix-xogħlijiet jew il-materjal l-ieħor jagħmluhom aċċessibbli għall-persuni sal-istess grad sostanzjalment bħall-persuna mingħajr diffikultà jew diżabbiltà. Fost il-formati aċċessibbli hemm il-kitbiet bil-Braille jew b’tipa kbira, il-kotba diġitali adattati, il-kotba awdjo u x-xandiriet tar-radju.
(6)Għaldaqstant, din id-Direttiva għandha tipprovdi għal eċċezzjonijiet obbligatorji għad-drittijiet li huma armonizzati bil-liġi tal-Unjoni u li huma rilevanti għall-użi u x-xogħlijiet li jkopri t-Trattat ta’ Marrakexx. Dawn jinkludu b’mod partikolari d-drittijiet tar-riproduzzjoni, tal-komunikazzjoni lill-pubbliku, tad-dispożizzjoni, tad-distribuzzjoni u tas-self, kif previst bid-Direttiva 2001/29/KE, bid-Direttiva 2006/115/KE, u bid-Direttiva 2009/24/KE, kif ukoll id-drittijiet korrispondenti fid-Direttiva 96/9/KE. Minħabba li l-ambitu tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet meħtieġa skont it-Trattat ta’ Marrakexx jinkludi wkoll ix-xogħlijiet f’forma awdjo, bħall-kotba awdjo, hemm bżonn li dawn l-eċċezzjonijiet ikunu japplikaw ukoll għad-drittijiet relatati.
(7)L-użi stipulati f’din id-Direttiva jinkludu l-produzzjoni ta’ kopji b’format aċċessibbli mill-persuni benefiċjarji jew mill-entitajiet awtorizzati li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom: kemm organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, b’mod partikolari l-libreriji, l-istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet oħra mingħajr skop ta’ profitt li jaqdu lill-persuni li għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat bħala l-attività ewlenija tagħhom jew waħda mill-attivitajiet ewlenin tagħhom jew missjonijiet ta’ interess pubbliku. Dawn l-użi għandhom jinkludu wkoll il-produzzjoni ta’ kopji b’format aċċessibbli, għall-użu esklussiv tal-persuni benefiċjarji, minn persuna fiżika li tagħmel dan f’isem persuna benefiċjarja jew li tassisti persuna benefiċjarja b’dan il-mod.
(8)L-eċċezzjoni obbligatorja għandha wkoll tillimita d-dritt tar-riproduzzjoni biex tippermetti kull att li jkun meħtieġ biex isiru xi bidliet jew adattamenti f’xogħol jew f’materjal ieħor b’tali mod li tinħoloq kopja b’format aċċessibbli. Din tinkludi li jiġu provduti l-mezzi meħtieġa biex wieħed ifittex l-informazzjoni permezz ta’ kopja b’format aċċessibbli.
(9)L-eċċezzjoni għandha tippermetti lill-entitajiet awtorizzati biex joħolqu u jxerrdu kopji b’format aċċessibbli ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor online u offline fl-Unjoni li jkunu koperti b’din id-Direttiva.
(10)Għandu jkun possibbli li l-kopji b’format aċċessibbli li jsiru fi Stat Membru wieħed, ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha ħalli tkun żgurata disponibbiltà akbar tagħhom fis-suq intern. Dan inaqqas id-domanda għal xogħol doppju fil-produzzjoni ta’ kopji b’format aċċessibbli tal-istess xogħol jew materjal ieħor madwar l-Unjoni, u b’hekk isir tfaddil u titjieb l-effiċjenza. Għalhekk din id-Direttiva għandha tiżgura li kopji b’format aċċessibbli li jsiru fi Stat Membru wieħed ikunu jistgħu jiġu ċċirkolati u aċċessibbli fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, entità awtorizzata għandha tkun tista’ xxerred dawk il-kopji offline u online fost il-persuni benefiċjarji u l-entitajiet awtorizzati fi kwalunkwe Stat Membru. Barra minn hekk, l-entitajiet awtorizzati u l-persuni benefiċjarji għandhom jitħallew jiksbu jew jaċċessaw dawn il-kopji mingħand kull entità awtorizzata fi kwalunkwe Stat Membru.
(11)Billi din l-eċċezzjoni għandha natura speċifika u ambitu mmirat, u billi teħtieġ iċ-ċertezza legali għall-benefiċjarji tagħha, l-Istati Membri ma għandhomx jitħallew jimponu rekwiżiti addizzjonali għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, bħal skemi ta’ kumpens jew ta’ verifika minn qabel tad-disponibbiltà kummerċjali tal-kopji b’format aċċessibbli.
(12)Kull ipproċessar tad-dejta personali li jsir skont din id-Direttiva għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u l-ħajja tal-familja u d-dritt tal-protezzjoni tad-dejta personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u għandu jsir b’konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali li jistgħu jagħmlu l-entitajiet awtorizzati fil-qafas ta’ din id-Direttiva u bis-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet indipendenti pubbliċi maħturin mill-Istati Membri.
(13)Il-UNCPRD, li l-UE hi parti kontraenti għaliha, tiżgura li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom dritt għall-aċċess għall-informazzjoni u d-dritt li jieħdu sehem fil-ħajja kulturali, ekonomika u soċjali bħal ħaddieħor. Il-Konvenzjoni teżiġi li l-partijiet għaliha għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha, skont il-liġi internazzjonali, biex jiżguraw li l-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jkunux jikkostitwixxu ostaklu diskriminatorju jew mhux raġonevoli għall-aċċess tal-persuni b’diżabbiltà għall-materjali kulturali.
(14)Skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà li jgawdu minn miżuri mfassla biex tkun żgurata l-indipendenza tagħhom, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità.
(15)Bl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Unjoni għandha l-għan li tiżgura li l-persuni benefiċjarji jkollhom aċċess għall-kotba u materjal ieħor stampat b’formati aċċessibbli. Għaldaqstant din id-Direttiva hija l-ewwel pass essenzjali biex jitjieb l-aċċess tal-persuni b’diżabbiltà għax-xogħlijiet.
(16)Il-Kummissjoni se tara x’se jkun l-effett ta’ din id-Direttiva. Bħala parti minn dan l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni se tivvaluta s-sitwazzjoni fejn jidħlu d-disponibbiltà ta’ xogħlijiet u materjal ieħor b’formati aċċessibbli minbarra dawk koperti b’din id-Direttiva, u kif ukoll id-disponibbiltà ta’ xogħlijiet u materjal ieħor b’formati aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltajiet oħrajn. Il-Kummissjoni se teżamina s-sitwazzjoni mill-qrib. Skont il-bżonn, jaf jitqies ukoll li jsiru xi bidliet fl-ambitu ta’ din id-Direttiva.
(17)Skont id-Direttiva 2001/29/KE, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-ġid tal-persuni b’diżabbiltà fil-każijiet li ma tkoprix din id-Direttiva.
(18)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant din id-Direttiva għandha tiġi interpretata u applikata bi qbil ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.
(19)It-Trattat ta’ Marrakexx jimponi ċerti obbligi rigward l-iskambju tal-kopji b’format aċċessibbli bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat. Il-miżuri li ħadet l-Unjoni biex tissodisfa dawk l-obbligi jinsabu fir-Regolament [...] li għandu jinqara flimkien ma’ din id-Direttiva.
(20)L-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li timplimenta l-obbligi tal-Unjoni skont it-Trattat ta’ Marrakexx biex ittejjeb l-aċċess għal xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat fl-Unjoni, ma jistax jintlaħaq mill-Istati Membri li jaġixxu b’mod indipendenti għax hemm bżonn l-adattament tal-liġi tal-Unjoni. Barra minn hekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, dan l-għan jista’ jintlaħaq aħjar b’azzjoni fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.
(21)B’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, f’każijiet ġustifikati l-Istati Membri għandhom jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Rigward din id-Direttiva, il-leġiżlatur jidhirlu li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġustifikata.
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni
Id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar l-użu ta’ ċerti xogħlijiet u materjal ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, għall-ġid tal-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:
(1)“xogħol u materjal ieħor” tfisser xogħol fil-forma ta’ ktieb, rivista, gazzetta, megezin jew kitba oħra, inkluż folji tal-mużika u illustrazzjonijiet relatati, bi kwalunkwe mezz, inkluż b’format awdjo bħall-kotba awdjo, li jkun protett bid-dritt tal-awtur jew bi drittijiet relatati u li jkun ippubblikat jew magħmul disponibbli għall-pubbliku b’xi mod ieħor legali;
(2)“persuna benefiċjarja” tfisser:
(a)persuna għamja;
(b)persuna b’diżabbiltà fil-vista li ma tistax titjieb biex tagħti funzjoni viżiva sostanzjalment ekwivalenti għal dik ta’ persuna li ma jkollhiex din id-diffikultà;
(c)persuna b’diżabbiltà fil-perċezzjoni jew biex taqra, inkluż id-dislessija, u li minħabba f’hekk ma tistax taqra xogħlijiet stampati sal-istess grad sostanzjalment bħal persuna mingħajr din id-diffikultà jew id-diżabbiltà; jew
(d)persuna li b’xi mod ieħor ma tkunx tista’ żżomm jew tuża ktieb jew tiffoka jew iċċaqlaq għajnejha kif normalment ikun meħtieġ għall-qari, minħabba diżabbiltà fiżika.
(3)“kopja b’format aċċessibbli” tfisser kopja ta’ xogħol jew materjal ieħor f’mod jew għamla alternattiva li lill-persuna benefiċjarja tagħtiha aċċess għax-xogħol jew għall-materjal l-ieħor, inkluż li l-persuna benefiċjarja ikun jista’ jkollha aċċess b’mod fattibbli u komdu daq persuna mingħajr diżabbiltà fil-vista jew xi diżabbiltà msemmija fil-paragrafu 2;
(4)“entità awtorizzata” tfisser organizzazzjoni li tipprovdi edukazzjoni, taħriġ ta’ struzzjoni, qari adattiv jew aċċess għall-informazzjoni lill-persuni benefiċjarji mingħajr skop ta’ profitt, bħala l-attività ewlenija tagħha jew bħala waħda mill-attivitajiet ewlenin tagħha jew bħala waħda mill-missjonijiet tagħha ta’ interess pubbliku.
Artikolu 3
L-użi permessi
1.L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kull azzjoni meħtieġa biex:
(a)persuna benefiċjarja, jew persuna li taġixxi f’isimha, tkun tista’ tagħmel kopja b’format aċċessibbli ta’ xogħol jew materjal ieħor għall-użu esklussiv tal-persuni benefiċjarji; u
(b)entità awtorizzata tkun tista’ tagħmel kopja b’format aċċessibbli u tikkomunika, tagħmel disponibbli, tqassam u tislef kopja b’format aċċessibbli lil persuna benefiċjarja jew lil entità awtorizzata għall-finijiet ta’ użu esklussiv minn persuna benefiċjarja;
mingħajr il-bżonn li tikseb l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet ta’ xi dritt tal-awtur jew ta’ xi dritt relatat għal xogħol jew materjal protett skont l-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/115/KE, l-Artikolu 8(2) u (3) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/115/KE, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/24/KE u l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 96/9/KE.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopja b’format aċċessibbli tkun tirrispetta l-integrità tax-xogħol jew materjal ieħor, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-bidliet meħtieġa biex ix-xogħol isir aċċessibbli bil-format alternattiv.
3.L-Artikolu 5(5) u l-ewwel, it-tielet u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/29/KE għandhom japplikaw għall-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 4
Kopji b’format aċċessibbli fis-suq intern
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li entità awtorizzata stabbilita fit-territorju tagħhom tista’ twettaq l-atti msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) għal persuna benefiċjarja jew għal entità awtorizzata stabbilita fi Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuna benefiċjarja jew entità awtorizzata stabbiliti fit-territorju tagħhom jistgħu jiksbu kopja jew ikollhom aċċess għal kopja b’format aċċessibbli mingħand entità awtorizzata stabbilita f’kull Stat Membru.
Artikolu 5
Il-protezzjoni tad-dejta personali
L-ipproċessar tad-dejta personali li jsir fil-qafas ta’ din id-Direttiva għandu jkun b’konformità mad-Direttiva 95/46/KE.
Artikolu 6
Emendi għad-Direttiva 2001/29/KE
Fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29/KE, il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:
“(b) l-użi, għall-ġid tal-persuna b’diżabbiltà, li huma relatati direttament mad-diżabbiltà u li għandhom natura mhux kummerċjali, sa kemm teħtieġ id-diżabilità speċifika, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva [...];”
Artikolu 7
Rapport
Sa [enter two years after the date of transposition], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar id-disponibbiltà, b’formati aċċessibbli, ta’ xogħlijiet u materjal ieħor għajr dawk definiti fl-Artikolu 2(1) għall-persuni benefiċjarji, u ta’ xogħlijiet u materjal ieħor għall-persuni b’diżabbiltajiet oħra għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2), fis-suq intern. Ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni dwar jekk għandhiex titqies emenda għall-ambitu ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 8
Rieżami
Sa mhux aktar tard minn [enter five years after the date of transposition], il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva u tippreżenta s-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u magħha meta jkun xieraq tippreżenta proposti għal emendi f’din id-Direttiva.
Għat-tħejjija tar-rapport ta’ evalwazzjoni u għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni.
Artikolu 9
It-traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [enter 12 month after entry into force]. Dawn għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
Artikolu 10
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 11
Id-destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President