IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.8.2016
COM(2016) 549 final
2016/0263(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul is-70 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u fis-97 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta’ emendi tal-Annex VI tal-MARPOL, tar-Regolamenti SOLAS II-1, tar-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37, tar-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10, tar-Regolament SOLAS II-1/3-12, tal-Konvenzjoni u tal-Kodiċi tal-STCW, tal-Kodiċi tas-Sikurezza tas-Sistemi tat-Tifi tan-Nar u tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ tal-2011
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.INTRODUZZJONI
Din il-proposta attwali tal-Kummissjoni tikkonċerna l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fis-70 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC 70) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u s-97 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC 97) tal-OMI fir-rigward tal-emendi stabbiliti b’mod individwali fis-subintestaturi li ġejjin.
1.1Emendi tal-Kapitolu 4 tal-Anness VI tal-MARPOL
Wara tliet snin ta’ diskussjoni waqt is-sessjonijiet tal-MEPC u b’mod intersessjonali, l-MEPC 69 approva l-abbozz ta’ emendi għall-Kapitolu 4 tal-Anness VI tal-MARPOL fir-rigward ta’ sistema għall-ġbir ta’ data għall-konsum tal-fjuwil. L-emendi jistabbilixxu sistema tal-ġbir tad-data globali bl-elementi ewlenin li ġejjin:
Id-data li għandha tinġabar u tiġi rrapportata kull sena mill-bastimenti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-emenda (≥ 5 000 GT) tinkludi: id-distanza vvjaġġata, is-sigħat ta’ servizz u (għal bastimenti li jġorru l-merkanzija) l-kapaċità ta’ ġarr tal-merkanzija. L-OMI se toħroġ linji gwida dwar il-metodoloġiji ta’ ġbir.
Id-data aggregata li għandha tiġi rrapportata lill-Amministrazzjoni tal-Bandiera jew lill-organizzazzjoni rikonoxxuta (OR) awtorizzata mill-Amministrazzjoni tal-Bandiera. Linji gwida dwar il-metodoloġiji ta’ rapportar għandhom jinħarġu mill-OMI.
L-Amministrazzjonijiet tal-Bandiera (jew OR awtorizzati), wara li jirċievu u jivverifikaw id-data rrapportata, għandhom joħorġu dikjarazzjoni ta’ konformità għall-bastiment li trid tinżamm abbord u tkun soġġetta għall-kontroll mill-Istat tal-port.
Fil-każ ta’ trasferiment tal-proprjetà li jseħħ matul sena kalendarja, ir-responsabbiltà tar-rappurtar tinqasam bejn is-sid preċedenti u s-sid il-ġdid; fil-każ ta’ tibdil tal-bandiera, l-Amministrazzjonijiet l-antiki u l-ġodda għandhom joħorġu dikjarazzjonijiet ta’ konformità għall-perjodi ta’ żmien li jikkorrispondu għall-Amministrazzjonijiet rispettivi.
Il-verifika tad-data rrapportata mill-Amministrazzjonijiet tal-bandiera għandha titwettaq skont linji gwida armonizzati li għandhom jiġu żviluppati mill-OMI.
L-Amministrazzjonijiet tal-Bandiera (jew OR awtorizzati) jippreżentaw id-data rrapportata lid-“Database tal-Konsum tal-Fjuwil tal-Bastimenti tal-OMI” permezz ta’ formati elettroniċi standardizzati li għandhom jiġu żviluppati mill-OMI.
Id-data rrapportata tiġi anonimizzata skont metodoloġija li għandha tiġi speċifikata fil-Linji Gwida tal-OMI.
L-aċċess għad-data anonimizzata jingħata lill-partijiet fir-rigward tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL.
Proċeduri biex tiġi kkonfermata l-konformità tal-bastimenti li jtajru bnadar ta’ min Mhux Parti għall-Anness VI tal-MARPOL għandhom jiġu stabbiliti f’Ittra Ċirkolari żviluppata mill-OMI.
Dawn il-bidliet huma stipulati fl-Anness 7 fl-MEPC 69/21/Add.1. Il-Paragrafu 6.20 tar-rapport tal-MEPC 69 (MEPC 69/21) jindika li l-bidliet huma previsti li jiġu adottati fl-MEPC 70.
1.2Emendi tar-Regolamenti SOLAS II-1/1, II-1/2, II-1/3, II-1/4, II-1/5, II-1/6, II-1/7, II-1/8-1, II-1/9, II-1/10, II-1/12, II-1/13, II-1/15 – 17, II-1/19, II-1/21 - 22 u II-1/35
Il-95 u s-96 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC 95 u MSC 96) tal-OMI approvaw għadd ta’ abbozzi ta’ emendi tar-Regolament SOLAS II-1, li ġew raggruppati flimkien:
- Ir-Regolament II-1/1 (applikazzjoni) li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni u d-dispożizzjonijiet biex tinbidel l-istruttura tad-dati tal-applikazzjoni;
- Ir-Regolament II-1/2 (definizzjonijiet) li jikkonċerna l-allinjament ta’ ċerti definizzjonijiet għal strumenti oħrajn tal-OMI;
- Ir-Regolament II-1/5 u 5-1 (l-istabbiltà intatta u l-informazzjoni dwar l-istabbiltà li għandha tiġi pprovduta lill-kaptan) li jikkonċerna l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kalkolu tal-istabbiltà intatta, il-kjarifika tad-definizzjoni tal-piż u l-estensjoni ta’ informazzjoni li għandha tkun disponibbli għall-kaptan;
- Ir-Regolament II-1/6 (Indiċi ta’ suddiviżjoni R meħtieġ) relatat mas-sopravivenza tal-bastimenti tal-passiġġieri;
- Ir-Regolament II-1/7 (indiċi ta’ suddiviżjoni A miksub) li jikkonċerna r-reviżjoni tal-formulazzjoni tal-indiċi ta’ suddiviżjoni miksuba sabiex jiġu kkunsidrati aħjar l-effetti bħall-akkumulazzjoni ta’ ilma fuq il-gverta;
- Ir-Regolament II-1/8 (rekwiżiti speċjali dwar l-istabbiltà ta’ bastiment tal-passiġġieri) li jikkonċerna kjarifika dwar il-kundizzjonijiet ta’ tagħbija għall-kalkolu tal-indiċi miksub skont in-numru ta’ persuni abbord;
- Ir-Regolament II-1/9 (qigħan doppji fil-bastimenti tal-passiġġieri u fil-bastimenti tal-merkanzija oħrajn minbarra tankers) jintroduċi rekwiżiti għad-daqs tal-qiegħ doppju għall-bastimenti tal-passiġġieri żgħar u għall-bastimenti tal-merkanzija;
- Ir-Regolament II-1/10 (kostruzzjoni tal-paratiji impermeabbli) li jikkonċerna kjarifika dwar il-kamp ta’ applikazzjoni f’bastimenti tal-passiġġieri bil-gverta tal-paratija u l-bastimenti tal-merkanzija bil-gverta tal-bord;
- Ir-Regolament II-1/12 (paratiji tal-ponta u tal-ispazju tal-makkinarju, mini bix-xaft, eċċ.) li jikkonċerna kjarifika dwar il-kamp ta’ applikazzjoni f’bastimenti tal-passiġġieri bil-gverta tal-paratija u l-bastimenti tal-merkanzija bil-gverta tal-bord;
- Ir-Regolament II-1/13 (fetħiet f’paratiji impermeabbli taħt il-gverta tal-paratija fil-bastimenti tal-passiġġieri) li jikkonċerna d-definizzjoni ta’ spazji li fihom il-makkinarju;
-Ir-Regolament II-1/15 (fetħiet fil-kisi tal-qoxra taħt il-gverta tal-paratija tal-bastimenti tal-passiġġieri u l-gverta tal-bord tal-bastimenti tal-merkanzija) li jikkonċerna l-kjarifika tal-ispazji li għalihom huwa applikabbli dan ir-regolament u tal-kamp ta’applikazzjoni fil-bastimenti tal-passiġġieri bil-gverta tal-paratija u l-bastimenti tal-merkanzija bil-gverta tal-bord;
-ir-Regolamenti II-1/16 u 16-1 (il-kostruzzjoni u t-testijiet inizjali ta’ għeluq impermeabbli) li jikkonċernaw il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ għeluq impermeabbli u l-kamp ta’ applikazzjoni għal bastimenti tal-passiġġieri u bastimenti ro-ro;
- ir-Regolament II-1/20 (it-tagħbija tal-bastimenti tal-passiġġieri) li jikkonċerna l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għall-bastimenti kollha u jintroduċi l-kunċett ta’ informazzjoni dwar l-istabbiltà approvata;
- Ir-Regolament II-1/21 (it-tħaddim perjodiku u l-ispezzjoni tal-bibien impermeabbli, eċċ., fil-bastimenti tal-passiġġieri), li jikkonċerna l-allinjament lingwistiku ta’ ċerti definizzjonijiet.
- Ir-Regolamenti II-1/22 u II-1/22-1 (informazzjoni tal-kontroll tal-ħsara, il-prevenzjoni u l-kontroll tad-dħul tal-ilma) li jikkonċernaw emendi editorjali u konsegwenzjali;
- ir-Regolament II-1/35-1 (arranġamenti tal-ippumpjar tas-sentina) li jikkonċerna l-kjarifika dwar l-ispazji li għalihom japplikaw ċerti definizzjonijiet ta’ volum fir-rigward tal-kalkolu tal-arranġamenti tal-ippumpjar u l-emendi konsegwenzjali.
Ta’ interess partikolari għall-UE, l-emendi tal-Kapitolu II-1 ta’ SOLAS, ir-Regolamenti 6, 7, 8 u 9 jikkonċernaw rekwiżiti ta’ suddiviżjoni u ta’ stabbiltà f’kundizzjonijiet ta’ ħsara għat-titjib tas-sopravivenza ta’ bastimenti tal-passiġġieri fil-każ ta’ ħsara, li jridu jiġu żviluppati mid-disinjaturi għall-bastimenti ġodda, u mingħajr ma jkun meħtieġ tibdil fil-mudell tan-negozju sottostanti tal-operaturi. Modifiki possibbli fid-disinn kienu soġġetti għal valutazzjonijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji li wasslu għal rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw it-titjib fil-livell attwali tas-sikurezza meħtieġa.
Meta tiġi applikata l-formulazzjoni għall-indiċi ta’ suddiviżjoni R kif miftiehem fit-tielet sessjoni tas-Sottokumitat tal-OMI dwar id-Disinn u l-Kostruzzjoni ta’ Bastimenti (SDC 3) fir-rigward tal-Kapitolu II-1/6 ta’ SOLAS, il-kapaċità tal-bastimenti tal-passiġġieri fir-rigward tas-sopravivenza minn inċident kbir bħal ħabta jew inkaljar titjieb b’mod sinifikanti u jonqos b’mod sinifikanti r-riskju espress fit-telf potenzjali tal-ħajja.
Ġie espress tħassib fl-SDC 3 u fl-MSC 96 minn xi membri tal-OMI li mhumiex fl-UE li l-formula ta’ kompromess għall-indiċi ta’ sottodiviżjoni R meħtieġ għall-bastimenti żgħar (<400 passiġġier) ma ġietx ivverifikata abbażi ta’ Valutazzjoni tas-Sikurezza Formali. Skont l-opinjoni ta’ dawn il-membri tal-OMI, il-formula ħolqot il-possibbiltà għall-introduzzjoni ta’ rekwiżiti li ma jistgħux jiġu implimentati għall-vapuri eżistenti b’mod kosteffiċjenti. Kien argumentat li kien hemm il-ħtieġa ta’ aktar evalwazzjoni teknika fir-rigward ta' bastimenti iżgħar. Jistgħu jerġgħu jitqajmu diskussjonijiet dwar dan l-aspett fl-MSC 97 u dan għandu jiġi kkunsidrat fil-formulazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-MSC 97 fir-rigward ta’ dan il-punt.
Dawn il-bidliet huma stipulati fl-Anness 1 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta’ Mejju 2016. Il-Paragrafu 11.4 tar-rapport tal-MSC 96 (MSC 96/25) jindika li l-bidliet huma previsti li jiġu adottati fl-MSC 97.
1.3 Emendi tar-Regolament SOLAS II-1/1.2, ir-Regolament ġdid II-1/19-1, u emendi tar-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37
L-emendi tar-Regolament SOLAS II-1/1.2, ir-Regolament ġdid II-1/19-1 u l-emendi relatati tar-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37 fir-rigward ta’ provi tal-kontroll tal-ħsarat jiffurmaw parti minn approċċ komprensiv għat-titjib tas-sopravivenza f’każ ta’ għargħar, flimkien mal-pakkett ta’ emendi tar-Regolament SOLAS II-1 stipulati fil-Punt 1.2 hawn fuq, bl-intenzjoni li tiġi mtejba s-sikurezza fuq il-bastimenti tal-passiġġieri ġodda u eżistenti.
L-emendi tar-Regolament SOLAS II-1/1.2, ir-Regolament ġdid II-1/19-1 u r-Regolamenti III/1.4, III/30 u III/37 jinkorporaw ir-rekwiżiti dwar provi tal-kontroll tal-ħsarat għall-bastimenti tal-passiġġieri, inkluż il-frekwenza, il-parteċipazzjoni tal-membri tal-ekwipaġġ li għandhom ir-responsabbiltà tal-kontroll tal-ħsarat u l-elementi meħtieġa ta’ kull prova kif ukoll l-attivazzjoni ta’ appoġġ mill-art.
L-emendi għal SOLAS II-1/1.2 u r-Regolament ġdid SOLAS II-1/19-1 huma stipulati fl-Anness 16 fl-MSC 96/25/Add.1. Il-Paragrafu 11.17 tar-rapport tal-MSC 96 (MSC 96/25) jindika li dawn l-emendi huma previsti li jiġu adottati fl-MSC 97.
L-emendi tar-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37 huma stipulati fl-Anness 1 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta’ Mejju 2016. Il-Paragrafu 11.19 tar-rapport tal-MSC 96 (MSC 96/25) jindika li l-bidliet se jiġu adottati fl-MSC 97.
1.4 Emendi tar-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10
Bl-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10, apparat tat-tifi tan-nar bir-ragħwa li għandu tal-anqas kapaċità ta’ 135 l ma jkunx iżjed meħtieġ fil-kmamar tal-kaldarun imħarsa minn sistemi fissi tat-tifi tan-nar b’applikazzjoni lokali bbażata fuq l-ilma. L-emendi għandhom japplikaw kemm għall-bastimenti ġodda kif ukoll għal dawk eżistenti.
L-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10 huma stipulati fl-Anness 1 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta’ Mejju 2016. Il-Paragrafu 8.2 tar-rapport tal-MSC 96 (MSC 96/25) jindika li dawn l-emendi huma previsti li jiġu adottati fl-MSC 97.
1.5 Emendi tar-Regolament SOLAS II-1/3-12
Il-Kodiċi dwar il-livelli ta’ Storbju abbord bastimenti ġie adottat fl-2012 (Riżoluzzjoni MSC.337(91)), flimkien ma’ emendi assoċjati għal SOLAS, li jagħmlu l-Kodiċi obbligatorju taħt ir-regolament II-1/3-12 bid-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2014. Madankollu, analiżi sussegwenti wriet li xi bastimenti ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament SOLAS II-1/3-12. Bastimenti li għalihom il-kuntratt tal-bini ġie stabbilit qabel l-1 ta’ Lulju 2014 u li l-primi tagħhom jiġu mqiegħda jew li qegħdin fi stadju simili ta’ bini fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara u li l-kunsinna tagħhom mhux se ssir qabel l-1 ta’ Lulju 2018, ma jaqgħux taħt il-Paragrafi 1 jew 2 tar-Regolament II-1/3-12. L-emendi tar-Regolament II-1/3-12 jindirizzaw dan in-nuqqas fir-regolament attwali.
Dawn l-emendi huma stipulati fl-Anness 1 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta’ Mejju 2016. Il-Paragrafu 20.10 tar-rapport tal-MSC 96 (MSC 96/25) jindika li l-emendi huma previsti li jiġu adottati fl-MSC 97.
1. 6 Emendi għall-Konvenzjoni u għall-Kodiċi tal-STCW relatati ma’ taħriġ speċifiku għall-bastimenti tal-passiġġieri u għall-partijiet A u B tal-Kodiċi STCW
Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, fil-wieħed u disgħin sessjoni tiegħu, l-ewwel ikkunsidra proposti għall-emenda tar-rekwiżiti eżistenti tal-Konvenzjoni u tal-Kodiċi tal-STCW relatati mal-bastimenti tal-passiġġieri biex jiġu indirizzati sfidi ġodda imposti mid-daqs akbar tal-bastimenti tal-passiġġieri moderni u min-numru akbar ta’ passiġġieri abbord, b’mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti tal-kruċiera.
Emendi tar-regolamenti I/14 u V/2 tal-Konvenzjoni STCW u għas-Sezzjoni A-V/2 tal-Kodiċi STCW sabiex tiġi mtejba s-sikurezza tal-bastimenti tal-passiġġieri (ro-ro u mhux ro-ro) ġew promossi b’mod attiv mill-UE, b’mod partikolari wara l-inċident tal-Costa Concordia f’Jannar 2012.
L-emendi jinkludu erba’ livelli distinti ta’ taħriġ u ta’ familjarizzazzjoni: familjarizzazzjoni mal-emerġenza fuq bastiment tal-passiġġieri, taħriġ dwar il-ġestjoni tal-folla fuq bastiment tal-passiġġieri, taħriġ dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-imġiba tal-bniedem fuq bastiment tal-passiġġieri, u taħriġ fir-rigward ta’ bastiment tal-passiġġieri ro-ro.
Dawn l-emendi huma stipulati fl-Anness[ ] fl-MSC 96/25/Add.1. Il-Paragrafu 12.6 tar-rapport tal-MSC 96 (MSC 96/25) jindika li l-emendi aktarx li jiġu adottati fl-MSC 97.
1.7 Emendi għall-Kapitolu 13 tal-Kodiċi tas-Sikurezza tas-Sistemi tat-Tifi tan-Nar
Skont il-Kodiċi tas-Sikurezza tas-Sistemi tat-Tifi tan-Nar, il-Paragrafu 2.1.2.2.2.1 tal-Kapitolu 13, dwar id-distribuzzjoni ta’ persuni, id-dimensjonijiet tal-mezzi ta’ salvataġġ għandhom jiġu kkalkolati abbażi tan-numru totali ta’ persuni mistennija li jaħarbu mit-taraġ u permezz ta’ bibien, kurituri u indani. Il-kalkoli għandhom isiru b’mod separat għal żewġ każijiet differenti ta’ okkupanza tal-ispazji speċifikati. It-test eżistenti nstab li kien qarrieqi fir-rigward tar-referenza għall-membri tal-ekwipaġġ imqassma fi spazji pubbliċi fuq bastiment u għalhekk ġie emendat.
Dawn l-emendi huma stipulati fl-Anness 2 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta’ Mejju 2016. Il-Paragrafu 11.15 tar-rapport tal-MSC 96 (MSC 96/25) jindika li l-emendi huma previsti li jiġu adottati fl-MSC 97.
1.8Emendi għall-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ (ESP) tal-2011
L-Iskema ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjoni (CAS) tal-OMI tistabbilixxi l-qafas għal spezzjoni intensifikata ta’ bastimenti li għandhom iżjed minn 15-il sena. Il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet matul kontrolli ta’ Trasportaturi ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u ta’ Tankers taż-Żejt jew il-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ (ESP) jispeċifikaw kif issir din il-valutazzjoni intensifikata. Peress li l-CAS tuża l-ESP biex tikseb l-għan tagħha, il-CAS tirreferi għall-ESP bħala għodda biex tagħmel dan.
Dawn l-emendi għall-Kodiċi tal-ESP jipprovdu allinjament mas-serje Z10 aġġornata tal-IACS UR (ir-Rekwiżiti Unifikati tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet ta’ Klassifikazzjoni). Is-serje Z10 tal-IACS UR tikkonċerna rekwiżiti dwar l-istħarriġ u ċ-ċertifikazzjoni. Ir-Rekwiżiti Unifikati huma riżoluzzjonijiet tal-IACS dwar kwistjonijiet direttament marbuta jew koperti bir-rekwiżiti ta’ Regoli u prattiki speċifiċi tas-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni u mill-filosofija ġenerali li fuqha jkunu stabbiliti r-regoli u l-prattiki tas-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni.
Dawn il-bidliet huma stipulati fl-Anness 4 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta’ Mejju 2016. Il-Para. 11.21 tar-rapport tal-MSC 96 (MSC 96/25) jindika li dawn l-emendi huma previsti li jiġu adottati fl-MSC 97.
2.ADOZZJONI TAL-EMENDI TAL-OMI
2.1Adozzjoni tal-emendi
L-emendi stipulati fil-punti 1.1 - 1.8 hawn fuq imsemmija ġew approvati fid-69 sessjoni tal-laqgħa tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar bejn it-18 u t-22 ta’ April 2016 u fil-95 u s-96 sessjoni tal-laqgħa tal-Kumitat għas-Sikurezza Marittima bejn it-3 u t-12 ta’ Ġunju 2015 u l-11 u l-20 ta’ Mejju 2016, u għandhom jiġu ppreżentati għall-adozzjoni fis-70 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar bejn l-24 u t-28 ta’ Ottubru 2016 u fis-97 sessjoni tal-Kumitat għas-Sikurezza Marittima bejn il-21 u l-25 ta’ Novembru 2016.
2.2Aċċettazzjoni
Ladarba jkunu approvati u adottati miż-żewġ Kumitati, l-emendi stabbiliti fil-punti 1.1 sa 1.8 hawn fuq jiġu kkomunikati għall-aċċettazzjoni lill-Partijiet Kontraenti rispettivi.
3.LEĠIŻLAZZJONI RILEVANTI TAL-UE U KOMPETENZA TAL-UE
3.1Emendi tal-Kapitolu 4 tal-Anness VI tal-MARPOL
Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE jistabbilixxi sistema tal-UE għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika (is-sistema MRV) tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mit-trasport marittimu.
Ir-Regolament dwar is-sistema MRV tal-UE japplika għall-bastimenti l-kbar kollha (b’aktar minn 5 000 tunnellaġġ gross) li jaslu f’portijiet, ikunu fihom, jew jitilqu minnhom, taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru mill-1 ta’ Jannar 2018 ’il quddiem, irrispettivament minn fejn huma rreġistrati l-bastimenti. Dan jippermetti għażla fost erba’ metodoloġiji ta’ monitoraġġ li jibdew minn dawk sempliċi ħafna bbażati fuq data diġà disponibbli abbord il-bastimenti. Ikun jeħtieġ li d-data tiġi verifikata b’mod indipendenti u mbagħad tiġi rrappurtata kull sena b’mod aggregat lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku d-data aggregata annwali vverifikata abbażi “ta’ kull bastiment”, inklużi l-parametri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
Fl-Artikolu 22(3), ir-Regolament jinkludi klawżola ta’ reviżjoni fil-każ ta’ ftehim internazzjonali f’dan il-qasam. Bl-adozzjoni tal-emendi għall-Kapitolu 4 tal-Anness VI tal-MARPOL, jiġi attivat il-proċess ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 22(3). Dan jista’ jwassal għal proposta għall-emenda tar-Regolament sabiex jiġi żgurat l-allinjament mas-sistema tal-ġbir tad-data globali miftiehma fl-OMI.
Għalhekk, l-emendi għall-Kapitolu 4 tal-Anness VI tal-MARPOL jaffettwaw il-liġi tal-UE permezz tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/757.
3.2 Emendi tar-Regolamenti SOLAS II-1/1, II-1/2, II-1/3, II-1/4, II-1/5, II-1/6, II-1/7, II-1/8-1, II-1/9, II-1/10, II-1/12, II-1/13, II-1/15 – 17, II-1/19, II-1/21 - 22 u II-1/35
Ir-Regolament SOLAS II-1 jirregola l-kostruzzjoni tal-istruttura, is-suddiviżjoni u l-istabbiltà, il-makkinarju u l-installazzjonijiet elettriċi. L-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-1 li għandhom jiġu adottati fl-MSC 97 ikopru kemm il-bastimenti tal-passiġġieri kif ukoll il-bastimenti tal-merkanzija, l-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri jistabbilixxi li l-vapuri tal-passiġġieri l-ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendati.
Għaldaqstant, l-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-1/1, II-1/2, II-1/3, II-1/4, II-1/5, II-1/6, II-1/7, II-1/8-1, II-1/9, II-1/10, II-1/12, II-1/13, 15 – 17, II-1/19, II-1/21 - 22 u II-1/35 jaffettwaw il-liġi tal-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE.
3.3 Emendi tar-Regolament SOLAS II-1/1.2, ir-Regolament ġdid II-1/19-1, u l-emendi tar-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37
Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (il-Konvenzjoni STCW) ġiet inkorporata fil-liġi tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara.
Ir-Regolament V/2 tal-Konvenzjoni STCW jinkludi standards minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifiki ta’ kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor fuq bastimenti tal-passiġġieri.
B’mod partikolari, skont it-Tabella A-V/2 tas-Sezzjoni A-V/2 tal-Kodiċi tal-STCW dwar l-ispeċifikazzjoni ta’ standard minimu ta’ kompetenza fil-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-imġiba tal-bniedem, li tissupplimenta r-Regolament V/2, il-baħħara għandhom ikunu jistgħu, fost l-oħrajn, jorganizzaw provi realistiċi. Barra minn hekk, il-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Amministrazzjoni tas-Sikurezza għat-Tħaddim Sikur ta’ Vapuri u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis (Kodiċi ISM), li huwa obbligatorju skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IX tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), ġie inkorporat fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 336/2006. B’mod partikolari, fir-rigward tat-tħejjija għal emerġenzi, il-kodiċi ISM jirrikjedi li l-kumpanija tistabbilixxi programmi għal provi u eżerċizzji sabiex tħejji għal azzjonijiet ta’ emerġenza.
Għaldaqstant, l-emendi tar-Regolament SOLAS II-1/1.2, ir-Regolament il-ġdid II-1/19-1 u l-emendi tar-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37 fir-rigward ta’ provi relatati mal-istabbiltà f’kundizzjonijiet ta’ ħsara jaffettwaw il-liġi tal-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/106/KE u r-Regolament (KE) Nru 336/2006.
3.4 Emendi tar-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10
L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE jistabbilixxi li l-vapuri tal-passiġġieri ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendati. Barra minn hekk, ir-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10 huma applikabbli għall-Klassijiet ġodda B, C u D u l-Klassi eżistenti B skont l-Anness I, il-Kapitolu II-2 il-Parti A, 6 Arranġamenti fit-tifi tan-nar fi spazji tal-makkinarju punt 7 tad-Direttiva 2009/45/KE, fejn huwa stabbilit li l-ispazji tal-makkinarju u l-kmamar tal-kaldaruni għandhom ikunu mgħammra b’sistemi li jistgħu jinġarru.
Għaldaqstant, l-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10 li għandhom x’jaqsmu mal-arranġamenti fit-tifi tan-nar fi spazji tal-makkinarju jaffettwaw il-liġi tal-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE.
3. 5 Emendi tar-Regolament SOLAS II-1/3-12
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/10/KE dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sikurezza li jirrigwardaw l-esposizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss) jistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema u jistipula valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni u valuri ta’ azzjoni ta’ espożizzjoni. Barra minn hekk, bħala leġiżlazzjoni rilevanti sekondarja, l-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE jagħmel l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata, applikabbli għall-bastimenti ġodda tal-Klassi A u l-Anness I, il-Parti C, ir-Regolament 18, ta’ din id-Direttiva jistabbilixxi miżuri għat-tnaqqis tal-ħoss fl-ispazji tal-makkinarju għall-bastimenti ġodda tal-Klassi B, C u D.
Għaldaqstant, l-emendi tar-Regolament SOLAS II-1/3-12 jaffettwaw il-liġi tal-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/10/KE u d-Direttiva 2009/45/KE.
3. 6 Emendi għall-Konvenzjoni u l-Kodiċi tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (STCW) relatati ma’ taħriġ speċifiku għall-bastimenti tal-passiġġieri u għall-partijiet A u B tal-Kodiċi STCW
Id-Direttiva 2008/106/KE, b’mod partikolari r-Regolament V/2 tal-Kapitolu V tal-Anness I tinkludi standards minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifika ta’ kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor fuq bastimenti tal-passiġġieri.
Għaldaqstant, l-emendi għall-Konvenzjoni u l-Kodiċi relatati ma’ taħriġ speċifiku għall-bastimenti tal-passiġġieri jaffettwaw il-liġi tal-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/106/KE.
3.7Abbozz ta’ emenda għall-Kapitolu 13 tal-Kodiċi tas-Sikurezza tas-Sistemi tat-Tifi tan-Nar fir-rigward ta’ kjarifika dwar id-distribuzzjoni tal-ekwipaġġ fil-postijiet pubbliċi
L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE jistabbilixxi li l-vapuri tal-passiġġieri ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendati. Barra minn hekk, il-Kapitolu II-2, il-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2009/45/KE japplika l-Kodiċi Sikurezza tas-Sistemi tat-Tifi tan-Nar adottat bir-Riżoluzzjoni MSC.98(73), għal bastimenti tal-Klassi B, C u D mibnija fl-1 ta’ Jannar 2003 jew wara.
Għalhekk, l-emendi għall-Kapitolu 13 tal-Kodiċi tas-Sikurezza tas-Sistemi tat-Tifi tan-Nar jaffettwaw il-liġi tal-UE permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE.
3.8Emendi għall-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ (ESP) tal-2011
Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed għandu l-għan li jistabbilixxi skema aċċellerata għall-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti tal-MARPOL 73/78, kif definiti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, għat-tankers taż-żejt li għandhom buq wieħed, u li jiġi pprojbit it-trasport lejn u minn portijiet tal-Istati Membri ta’ żejt tqil f’tankers taż-żejt b’buq wieħed.
Dan ir-Regolament jagħmel obbligatorju l-applikazzjoni tal-Iskema ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjoni (CAS) tal-OMI għat-tankers taż-żejt b’buq wieħed li għandhom aktar minn 15-il sena. L-Artikolu 5 jirrikjedi li dawn it-tankers jikkonformaw mal-CAS, li mbagħad hija ddefinita fl-Artikolu 6 bħala l-Iskema ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjoni adottata permezz tar-Riżoluzzjoni MEPC 94(46) tas-27 ta’ April 2001 kif emendata bir-Riżoluzzjoni MEPC 99(48) tal-11 ta’ Ottubru 2002 u bir-Riżoluzzjoni MEPC 112(50) tal-4 ta’ Diċembru 2003. Il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet matul kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u ta’ Tankers taż-Żejt jew il-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ (ESP) jispeċifika kif issir din il-valutazzjoni intensifikata. Billi l-CAS tuża l-ESP bħala l-għodda biex tilħaq l-għan tagħha, kull bidla fl-ispezzjonijiet tal-ESP tkun applikabbli direttament u b’mod awtomatiku permezz tar-Regolament (UE) Nru 530/2012. Għaldaqstant, l-emendi li sejrin jiġu adottati fl-MSC 97, li jintroduċu bidliet fil-Kodiċi tal-ESP, jaffettwaw il-liġi tal-UE, permezz tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 530/2012.
3.7Sommarju
Fid-dawl tar-rabta bejn l-emendi proposti u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE kif stabbiliti hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-adozzjoni tal-emendi msemmija hawn fuq u li mistennija jiġu adottati fl-MEPC 70 u fl-MSC 97 jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-UE, li l-Unjoni kisbet permezz tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE, sakemm l-adozzjoni tal-istrumenti internazzjonali kkonċernati taffettwa r-regoli komuni jew tibdel l-iskop tagħhom.
B’konsistenza ma’ każistika kkonsolidata tajjeb, anke jekk l-Unjoni mhijiex membru tal-OMI u lanqas ma hi parti kontraenti għall-istrumenti internazzjonali kkonċernati, l-Istati Membri mhumiex awtorizzati li jassumu obbligi li x’aktarx jaffettwaw ir-regoli tal-UE promulgati biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati, sakemm dawn ma jkunux awtorizzati li jagħmlu dan permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni.
4.Konklużjoni
Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea għall-emendi msemmija fil-Paragrafi minn 1.1 sa 1.8 ta’ hawn fuq li għandhom jiġu adottati fis-70 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u fis-97 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima rispettivament.
2016/0263 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul is-70 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u fis-97 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta’ emendi tal-Annex VI tal-MARPOL, tar-Regolamenti SOLAS II-1, tar-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37, tar-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10, tar-Regolament SOLAS II-1/3-12, tal-Konvenzjoni u tal-Kodiċi tal-STCW, tal-Kodiċi tas-Sikurezza tas-Sistemi tat-Tifi tan-Nar u tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ tal-2011
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-azzjoni mill-Unjoni Ewropea fis-settur tat-trasport marittimu għandu jkollha l-għan li ttejjeb is-sikurezza marittima u tipproteġi l-ambjent tal-baħar.
(2)Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-laqgħa tal-OMI fid-69 sessjoni tiegħu qabel dwar l-istabbiliment ta’ sistema ta’ ġbir ta’ data obbligatorja għall-konsum tal-fjuwil u l-emendi meħtieġa għall-Kapitolu 4 tal-Anness VI tal-MARPOL. Dawn l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fis-70 sessjoni tal-MEPC, li għandha ssir f’Ottubru 2016.
(3)Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-laqgħa tal-OMI fil-95 u fis-96 sessjoni tiegħu approva l-emendi tar-Regolament SOLAS II-1, tar-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37, tar-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10, tar-Regolament SOLAS II-1/3-12, tal-Konvenzjoni u l-Kodiċi tal-STCW, tal-Kodiċi tas-Sikurezza tas-Sistemi tat-Tifi tan-Nar u tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ tal-2011. Dawn l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fis-97 sessjoni tal-MSC, li għandha tinżamm f’Novembru 2016.
(4)L-emendi tal-Kapitolu 4 tal-Anness VI tal-MARPOL għandhom jistabbilixxu sistema globali u obbligatorja għall-ġbir tad-data għad-data li għandha tinġabar u tiġi rrapportata kull sena minn ċerti bastimenti, il-proċessi ta’ verifika relatati mad-dejta rrappurtata, l-istabbiliment ta’ dikjarazzjonijiet ta’ konformità, sitwazzjonijiet li jikkonċernaw it-trasferiment tas-sjieda, il-preżentazzjoni tad-data lill-OMI, l-anonimizzazzjoni tad-data u l-aċċess għaliha, kif ukoll proċeduri biex tiġi kkonfermata l-konformità tal-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ dawk li mhumiex parti mill-Anness VI tal-MARPOL. Ir-Regolament (UE) Nru 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi sistema tal-UE għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika (MRV) tal-emissjonijiet ta’ CO2 u l-effiċjenza enerġetika tat-trasport marittimu. Dan japplika għall-bastimenti kollha b’aktar minn 5 000 tunnellaġġ gross li jaslu f'portijiet, ikunu fihom, jew jitilqu minnhom taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru mill-1 ta’ Jannar 2018 ’il quddiem, irrispettivament minn fejn huma rreġistrati il-bastimenti.
(5)L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jinkludi klawżola ta’ reviżjoni fil-każ ta’ ftehim internazzjonali f’dan il-qasam. L-adozzjoni tal-emendi għall-Kapitolu 4 tal-Anness VI tal-MARPOL għandha tibda proċess ta’ reviżjoni bħal dan, li jista’ jwassal għal proposta biex jiġi emendat ir-Regolament sabiex ikun żgurat l-allinjament, safejn ikun xieraq, mas-sistema tal-ġbir tad-data globali maqbula fl-OMI.
(6)L-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-1/1, II-1/2, II-1/3, II-1/4, II-1/5, II-1/6, II-1/7, II-1/8-1, II-1/9, II-1/10, II-1/12, II-1/13, 15 – 17, 19, 21, 22 u 35 għandhom jintroduċu bidliet editorjali u konsegwenzjali, kif ukoll bidliet li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta’ suddiviżjoni u ta’ stabbiltà f’kundizzjonijiet ta’ ħsara għat-titjib tas-sopravivenza tal-bastiment tal-passiġġieri f’każ ta’ ħsara. L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi li l-vapuri tal-passiġġieri l-ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata.
(7)L-emendi tar-Regolament SOLA II-1/1.2, ir-Regolament il-ġdid II-1/19-1, u l-emendi tar-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37 fir-rigward ta’ provi tal-kontroll tal-ħsara jiffurmaw parti minn approċċ komprensiv għat-titjib tas-sopravivenza f’każ ta’ għargħar bl-intenzjoni li tiġi mtejba s-sikurezza fuq il-bastimenti tal-passiġġieri ġodda u eżistenti. Id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b’mod partikolari r-Regolament V/2 tal-Kapitolu V tal-Anness I, tinkludi standards minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifiki ta’ kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor fuq bastimenti tal-passiġġieri. Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (il-Konvenzjoni STCW), li ġiet inkorporata fil-liġi tal-Unjoni permezz tad-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tinkludi rekwiżiti ta’ taħriġ dwar l-istabbiltà tal-bastiment fit-tabelli ta’ kompetenzi rilevanti tal-Kodiċi STCW.
(8)L-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10, iwasslu biex apparat tat-tifi tan-nar bir-ragħwa li għandu tal-anqas kapaċità ta’ 135 l ma jkunx iżjed meħtieġ fil-kmamar tal-kaldarun imħarsa minn sistemi fissi tat-tifi tan-nar b’applikazzjoni lokali bbażata fuq l-ilma. L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi li l-vapuri tal-passiġġieri l-ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata. Barra minn hekk, ir-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10 huma applikabbli għall-Klassi ġdida B, C u D u għall-Klassi eżistenti B skont l-Anness I, il-Kapitolu II-2 il-Parti A, il-punt 6.7 (“Arranġamenti fit-tifi tan-nar fi spazji tal-makkinarju”) tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fejn huwa stabbilit li l-ispazji tal-makkinarju u l-kmamar tal-kaldaruni għandhom ikunu mgħammra b’sistemi li jistgħu jinġarru.
(9)L-emendi tar-Regolament SOLAS II-1/3-12 għandhom jindirizzaw in-nuqqas fir-Regolament attwali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Livelli ta’ Storbju Abbord Bastimenti għal bastimenti li għalihom il-kuntratt tal-bini kien stabbilit qabel l-1 ta’ Lulju 2014 u li l-primi tagħhom huma stabbiliti jew qegħdin fi stadju simili ta’ bini fl-1 ta’ Jannar 2015 jew wara u li l-kunsinna tagħhom ma għandhiex issir qabel l-1 ta’ Lulju 2018. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema u jistipula valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni u valuri ta’ azzjoni ta’ espożizzjoni. Barra minn hekk, bħala leġiżlazzjoni rilevanti sekondarja, l-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jagħmel l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata, applikabbli għall-bastimenti ġodda tal-Klassi A u l-PARTI C tal-Anness I, tar-Regolament 18, ta’ dik id-Direttiva jistabbilixxi miżuri għat-tnaqqis tal-ħoss fl-ispazji tal-makkinarju għall-bastimenti ġodda tal-Klassi B, C u D.
(10)L-emendi għall-Konvenzjoni u l-Kodiċi tal-STCW li għandhom x’jaqsmu mat-taħriġ speċifiku għall-bastimenti tal-passiġġieri u għall-Partijiet A u B tal-Kodiċi STCW għandhom jindirizzaw sfidi ġodda imposti mid-daqs akbar ta’ bastimenti tal-kruċiera moderni u n-numru kbir ta’ passiġġieri abbord u jinkludu erba’ livelli distinti ta’ taħriġ u familjarizzazzjoni: familjarizzazzjoni dwar emerġenza fuq bastiment tal-passiġġieri, taħriġ dwar il-ġestjoni tal-folla fuq bastiment tal-passiġġieri, taħriġ dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-imġiba tal-bniedem fuq bastiment tal-passiġġieri, u taħriġ fir-rigward ta’ bastiment tal-passiġġieri ro-ro. Id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b’mod partikolari r-Regolament V/2 tal-Kapitolu V tal-Anness I, tinkludi standards minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifiki ta’ kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor fuq bastimenti tal-passiġġieri.
(11)L-emendi għall-Kapitolu 13 tal-Kodiċi tas-Sikurezza tas-Sistemi tat-Tifi tan-Nar għandhom jiċċaraw li l-kalkoli tad-dimensjonijiet tal-mezzi tas-salvataġġ, li huma magħmula abbażi tan-numru totali ta’ persuni mistennija li jaħarbu mit-taraġ u permezz ta’ bibien, kurituri u indani, għandhom isiru b’mod separat għal żewġ każijiet differenti ta’ okkupanza tal-ispazji speċifikati. L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi li l-vapuri tal-passiġġieri l-ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata. Barra minn hekk, il-Kapitolu II-2, Parti A, tal-Anness I tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplika l-Kodiċi tas-Sikurezza tas-Sistemi tat-Tifi tan-Nar adottat bir-Riżoluzzjoni MSC.98(73), għal bastimenti tal-Klassi B, C u D mibnija fl-1 ta’ Jannar 2003 jew wara.
(12)L-emendi għall-Kodiċi ESP 2011 għandhom jipprovdu allinjament mas-serje Z10 aġġornata tar-Rekwiżiti Unifikati fi ħdan ir-Rekwiżiti Uniformi tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet ta’ Klassifikazzjoni (is-serje Z10 IACS UR), li jikkonċernaw rekwiżiti ta’ stħarriġ u ta’ ċertifikazzjoni. L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jagħmlu l-applikazzjoni tal-Iskema ta’ Valutazzjoni tal-Kundizzjoni (CAS) tal-OMI obbligatorja għat-tankers taż-żejt b’buq wieħed li jkollhom aktar minn 15-il sena. Il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet matul il-kontrolli ta’ Trasportaturi ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u ta’ Tankers taż-Żejt jew il-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ (ESP) jispeċifika kif issir din il-valutazzjoni intensifikata. Billi l-CAS tuża l-ESP bħala l-istrument biex tikseb l-għan tagħha, kull bidla fl-ispezzjonijiet tal-ESP tkun applikabbli awtomatikament permezz tar-Regolament (UE) Nru 530/2012.
(13)L-Unjoni la hija Membru tal-OMI u lanqas hija parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċi kkonċernati. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni u jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b’dawn l-emendi.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Sabiex jiġu mtejba r-rekwiżiti attwali tal-protezzjoni ambjentali stipulati fil-MARPOL, il-pożizzjoni tal-Unjoni fis-70 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi għall-Kapitolu 4 tal-Anness VI tal-MARPOL, kif stipulat fl-Anness 7 fid-dokument tal-OMI l-MEPC 69/21/Add.1.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni tal-Unjoni fis-97 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI għandha tkun waħda li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi li ġejjin:
(a)ir-Regolamenti SOLAS II-1/1, II-1/2, II-1/3, II-1/4, II-1/5, II-1/6, II-1/7, II-1/8-1, II-1/9, II-1/10, II-1/12, II-1/13, II-1/15 – 17, II-1/19, II-1/21 - 22 u II-1/35 kif stabbiliti fl-Anness 1 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta’ Mejju 2016;
(b)ir-Regolament SOLAS II-1/1.2, ir-regolament ġdid II-1/19-1, u l-emendi tar-Regolamenti SOLAS III/1.4, III/30 u III/37 kif stabbilit fl-Anness 1 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta’ Mejju 2016;
(c)ir-Regolamenti SOLAS II-2/1 u II-2/10 kif stabbilit fl-Anness 1 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta’ Mejju 2016;
(d)ir-Regolament SOLAS III-1/3-12 kif stabbilit fl-Anness 1 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta’ Mejju 2016;
(e)il-Konvenzjoni u l-Kodiċi tal-STCW li għandhom x’jaqsmu mat-taħriġ speċifiku għall-bastimenti tal-passiġġieri u għall-Partijiet A u B tal-Kodiċi STCW kif stabbilit fl-Anness [ ] tad-Dokument tal-OMI MSC 96/25/Add.1;
(f)il-Kapitolu 13 tal-Kodiċi tas-Sikurezza tas-Sistemi tat-Tifi tan-Nar kif stabbilit fl-Anness 2 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta’ Mejju 2016;
(g)il-Kodiċi tal-Programm ta’ Stħarriġ Imtejjeb tal-2011 kif stabbilit fl-Anness 4 tal-Ittra Ċirkolari tal-OMI Nru 3644 tal-20 ta’ Mejju 2016.
Artikolu 3
1.Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stipulata fl-Artikoli 1 u 2 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-OMI billi jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
2.Bidliet żgħar għall-pożizzjoni msemmija fl-Artikoli 1 u 2 jistgħu jiġu miftiehma mingħajr ma jkun meħtieġ li l-pożizzjoni tiġi emendata, u bidliet għall-pożizzjoni stipulata fl-Artikolu 2 a) fir-rigward ta’ emendi tar-Regolament SOLAS II-1/6 jistgħu jiġu miftiehma bil-għan li jittejbu l-livelli attwali tas-sikurezza.
Artikolu 4
L-Istati Membri huma hawnhekk awtorizzati jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President