IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.8.2016
COM(2016) 544 final
2013/0141(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti
2013/0141 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti
1.Sfond
|
Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(dokument COM (2013) 267 final – 2013/0141 COD):
|
Is-6 ta’ Mejju 2013.
|
|
Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:
|
L-10 ta’ Diċembru 2013
|
|
Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:
|
Il-15 ta’ April 2014
|
|
Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata:
|
*
|
|
Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:
|
It-18 ta’ Lulju 2016
|
*Wara li kkunsidrat l-iżviluppi fid-diskussjonijiet informali bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew wara l-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni ma ħejjiet ebda proposta emendata, iżda esprimiet il-fehmiet tagħha dwar l-emendi tal-Parlament fil-"Communication de la Commission sur les suites données aux avis et résolutions adoptés par le Parlement européen lors de la session d'avril 2014" (dokument SP (2014)471) li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fis-7 ta' Lulju 2014.
2.L-objettiv tal-proposta mill-Kummissjoni
Il-proposta tħassar u tissostitwixxi l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni mill-pesti tal-pjanti, li tikkonsisti fid-Direttiva 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti mill-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità, u sitt Direttivi oħrajn li jikkonċernaw il-miżuri għas-saħħa tal-pjanti u l-pesti. Il-qafas leġiżlattiv attwali ilu fis-seħħ mill-1977 u kellu jiġi adattat minħabba l-isfidi ġodda taż-żieda fil-kummerċ u t-tibdil fil-klima. Il-proposta kienet parti minn pakkett ta' reviżjonijiet relatati mas-saħħa tal-pjanti, is-saħħa tal-annimali, il-kontrolli uffiċjali li jikkonċernaw il-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u l-infiq tal-Unjoni b'rabta ma' dawk il-politiki.
Il-proposta tkopri l-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji tal-pesti tal-pjanti. Dawk il-pesti huma kklassifikati bħala pesti ta' kwarantina u pesti mhux ta' kwarantina rregolati skont il-kriterji tal-istandards internazzjonali. Il-pesti ta' kwarantina minnhom infushom huma kklassifikati bejn pesti ta' kwarantina fl-Unjoni (applikabbli għat-territorju kollu tal-Unjoni) u pesti ta' kwarantina f'żona protetta (applikabbli biss għal żoni protetti partikolari). Dawk il-pesti kollha għandhom jiġu elenkati biss fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskji skont l-istandards internazzjonali. Ġie propost li 10 fil-mija tal-pesti ta' kwarantina fl-Unjoni bl-aktar impatti severi fuq l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent jiġu kklassifikati bħala pesti ta' prijorità, li fuqhom japplikaw rekwiżiti aktar stretti fir-rigward tal-istħarriġ u l-pjanijiet ta' azzjoni għall-eradikazzjoni.
Il-proposta tintroduċi obbligi ġodda u aktar speċifiċi fir-rigward tan-notifika tal-pesti min-naħat kollha (l-awtoritajiet kompetenti, l-operaturi professjonali, kif ukoll persuni privati). Hija tistabbilixxi wkoll regoli ġodda u aktar speċifiċi rigward l-eradikazzjoni tal-pesti; stħarriġ; pjanijiet ta' sorveljanza multiannwali; pjanijiet ta' kontinġenza u eżerċizzji ta' simulazzjoni li jikkonċernaw il-pesti ta' prijorità; miżuri provviżorji li jridu jittieħdu b'rabta mal-pesti li għadhom mhumiex elenkati bħala pesti ta' kwarantina fl-Unjoni; miżuri nazzjonali aktar stretti għall-finijiet tal-eradikazzjoni; u eċċezzjonijiet għall-finijiet ta' xjenza, provi, selezzjonijiet ta' varjetà u trobbija jew esibizzjonijiet.
Il-proposta tistabbilixxi wkoll sistema aktar proattiva għall-introduzzjoni fl-Unjoni, u l-moviment fi ħdanha, ta' pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn li jista' jkollhom tali pesti fuqhom u li jistgħu jikkawżaw riskju fitosanitarju inaċċettabbli. Hija tissimplifika r-regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni billi tirrikjedi passaport tal-pjanti uniformi għall-pjanti kollha għat-tħawwil. Barra minn hekk, hija tistabbilixxi ċ-ċertifikat ta' qabel l-esportazzjoni li jiżgura koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri f'każ ta' ċaqliq ta' pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġetti oħrajn bejniethom qabel l-esportazzjoni tagħhom lejn pajjiż terz.
Il-proposta ssegwi l-objettivi ta' regolamentazzjoni aħjar, minħabba li tissimplifika r-regoli dwar l-elenkar tal-pesti kollha (kemm dawk ta' kwarantina, kif ukoll dawk mhux ta' kwarantina rregolati) taħt qafas legali wieħed, tistabbilixxi regoli aktar ċari u dettaljati dwar kif wieħed għandu jirreaġixxi għal tifqigħat ta' pesti u tarmonizza u tikkjarifika r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni tal-komoditajiet regolati għall-introduzzjoni tagħhom fit-territorju tal-Unjoni u għall-moviment tagħhom fi ħdanu. Barra minn hekk, hija tistabbilixxi regoli aktar trasparenti dwar il-valutazzjoni u l-ġestjoni ta' riskju fitosanitarju.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
3.1Kummenti ġenerali
Il-proposta tal-Kummissjoni ntbagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fis-6 ta' Mejju 2013. Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-15 ta' April 2014 u appoġġa l-miri ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni. B'mod partikolari, il-Parlament Ewropew qabel fuq il-klassifikazzjoni tal-pesti, il-miżuri relatati man-notifiki, l-eradikazzjoni, l-istħarriġ, il-pjanijiet ta' kontinġenza, l-eżerċizzji ta' simulazzjoni, il-ħtieġa għal sistema ta' importazzjoni aktar proattiva u l-approċċ ġdid f'dak li għandu x'jaqsam maċ-ċertifikazzjoni tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew ta' oġġetti oħrajn. Il-Parlament Ewropew ippropona li jitneħħa l-limitu massimu ta' 10 fil-mija għall-pesti ta' prijorità, introduċa diversi emendi għal rekwiżiti aktar stretti fuq l-importazzjonijiet u t-tranżitu ta' pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħrajn, kif ukoll ta bidu għal obbligi ta' rapportar li jikkonċernaw l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-passaporti tal-pjanti u l-effett tal-miżuri ta' importazzjoni. Il-Parlament Ewropew ippropona wkoll l-inklużjoni tal-pesti regolati kollha fl-Annessi tar-Regolament.
Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew kienet tinkludi 136 emenda għall-proposta oriġinali tal-Kummissjoni.
Ma nħarġet ebda proposta modifikata mill-Kummissjoni. Fil-"Communication de la Commission sur les suites données aux avis et résolutions adoptés par le Parlement européen lors de la session d'avril 2014" (dokument SP (2014)471) li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fis-7 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni indikat li hija tista' taċċetta bis-sħiħ, b'mod parzjali, fil-prinċipju jew soġġett li jinkitbu mill-ġdid 50 minn fost il-136 emenda, billi hija kienet tal-fehma li dawn l-emendi jistgħu jiċċaraw jew itejbu l-proposta tal-Kummissjoni u kienu konsistenti mal-għanijiet ġenerali tagħha.
Wara l-adozzjoni tal-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, issoktaw id-diskussjonijiet informali bejn id-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, tal-Presidenza tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, bil-għan li jiġi konkluż ftehim fl-istadju tal-pożizzjoni komuni ('ftehim bikri fit-tieni qari').
Dawn id-diskussjonijiet kienu ta' suċċess u huma riflessi fil-pożizzjoni komuni tal-Kunsill, li ġiet adottata b'maġġoranza kkwalifikata. Il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tirrifletti l-għanijiet oriġinali tal-proposta tal-Kummissjoni u tqis ħafna mit-tħassibiet tal-Parlament Ewropew. Għalkemm il-pożizzjoni komuni tvarja mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni rigward ċerti elementi, il-Kummissjoni tqis li hija tirrappreżenta kompromess ibbilanċjat bir-reqqa u tinsab sodisfatta li din tkopri l-kwistjonijiet kollha meqjusa bħala essenzjali mill-Kummissjoni meta tadotta l-proposta tagħha.
3.2Emendi tal-Parlament Ewropew aċċettati mill-Kummissjoni u inkorporati bis-sħiħ, b'mod parzjali jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
Informazzjoni tal-operaturi professjonali rilevanti dwar il-pjanijiet ta' kontinġenza. Il-Parlament Ewropew introduċa emenda (56) li tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-pjanijiet ta' kontinġenza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn fuq talba, 'u għandhom jinformaw lill-operaturi rilevanti kollha'. L-informazzjoni tal-operaturi rilevanti kollha hija addizzjoni utli li ġiet aċċettata mill-Kummissjoni u mill-Kunsill u li ġiet inkluża fit-test tar-Regolament.
L-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-eżerċizzji ta' simulazzjoni. Il-Parlament Ewropew introduċa emenda (57) li tistabbilixxi li dawk l-eżerċizzji għandhom isiru fir-rigward tal-pesti ta' prijorità kollha kkonċernati f'perjodu ta' żmien raġonevoli 'u bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti'. L-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti huwa addizzjoni utli li ġiet aċċettata mill-Kummissjoni u mill-Kunsill.
3.3Emendi tal-Parlament Ewropew irrifjutati mill-Kummissjoni u inkorporati bis-sħiħ, b'mod parzjali jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
Abolizzjoni tal-livell limitu ta' 10% għall-pesti ta' prijorità. Il-Parlament Ewropew ikkunsidra l-limitu massimu ta' 10% minn fost l-għadd totali ta' pesti ta' kwarantina fl-Unjoni bħala arbitrarju u, b'hekk, ippropona l-abolizzjoni tiegħu (emenda 40). Il-Kummissjoni rrifjutat dik l-emenda sabiex tiżgura li l-prinċipju ta' prijoritizzazzjoni jiġi rrispettat meta tiġi adottata l-lista ta' pesti ta' prijorità. Il-Kunsill aċċetta l-emenda u l-livell limitu ta' 10% tneħħa mir-Regolament. Il-Kummissjoni tista' taċċetta dik il-pożizzjoni fl-ispirtu ta' kompromess u minħabba li se jkun għadu possibbli li l-ispirtu ta' prijoritizzazzjoni jiġi rrispettat mingħajr ma jiġi stabbilit limitu speċifiku permezz tal-leġiżlazzjoni.
Ir-rapportar dwar il-passaporti tal-pjanti. Il-Parlament Ewropew introduċa emenda li tistabbilixxi obbligu għall-Kummissjoni li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-esperjenza miksuba mill-estensjoni tas-sistema ta' passaport tal-pjanti għaċ-ċaqliq kollu ta' pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħrajn fi ħdan it-territorju tal-Unjoni. Dak ir-rapport għandu jinkludi analiżi ċara tal-ispejjeż u l-benefiċċji għall-operaturi (l-emendi 108 u 109). Il-Kummissjoni rrifjutat dik l-emenda minħabba li ġie vvalutat mill-valutazzjoni tal-impatt li l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-passaport tal-pjanti għall-pjanti kollha għat-tħawwil mhi se jkollha ebda impatt sinifikanti fuq l-operaturi u fuq il-kummerċ tal-pjanti. Il-Kunsill aċċetta l-emenda.Il-Kummissjoni tista' taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ispirtu ta' kompromess.
Ir-rapportar dwar il-miżuri ta' importazzjoni. Il-Parlament Ewropew ippropona obbligu għall-Kummissjoni li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, inkluża analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, dwar l-infurzar u l-effettività tal-miżuri marbuta mal-importazzjonijiet fit-territorju tal-Unjoni (emenda 98). Il-Kunsill aċċetta dik l-emenda. Filwaqt li l-Kummissjoni oriġinarjament kienet irrifjutat l-emenda mill-Parlament Ewropew minħabba li kienet meqjusa bħala li kellha wisq piż, hija tista' taċċetta t-test kif ittrasferit fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ispirtu li tinstab soluzzjoni ta' kompromess.
3.4Emendi tal-Parlament Ewropew aċċettati mill-Kummissjoni bis-sħiħ, b'mod parzjali jew fil-prinċipju, iżda mhux inkorporati fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
Xi emendi żgħar ġew aċċettati b'mod parzjali mill-Kummissjoni, iżda ma ġewx inklużi speċifikament fil-pożizzjoni finali tal-Kunsill minħabba li, matul il-kors tan-negozjati, huma sfaw żejda jew diġà kienu ġew spjegati xi mkien ieħor jew ġew inklużi impliċitament fil-proposta (pereżempju, l-emendi 43, 44, 45, 46, 51, 52, 53).
3.5Emendi tal-Parlament Ewropew irrifjutati mill-Kummissjoni u mhux inkorporati fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
L-inklużjoni ta' speċijiet aljeni invażivi fid-definizzjoni ta' pest. Il-Parlament Ewropew ippropona l-inklużjoni ta' speċijiet aljeni invażivi fid-definizzjoni ta' pesti (emenda 19). Il-Kummissjoni rrifjutat dik l-emenda minħabba li tali twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni joħloq duplikazzjonijiet mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi u jestendi żżejjed ir-riżorsi disponibbli fir-rigward tal-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-pesti. Il-Kunsill irrifjuta wkoll tali twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni, iżda madankollu qabel li jinkludi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' 'pesti' u, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-pjanti mhux parassiti (ara l-punt 3.6).
L-elenkar tal-pesti fl-Anness tar-Regolament minflok taħt Att ta' Implimentazzjoni. Il-Parlament Ewropew ippropona emenda għall-elenkar tal-pesti kollha taħt l-Annessi tar-Regolament (pereżempju l-emendi 14, 30 u 31). Il-Kummissjoni rrifjutat dik l-emenda. Hija tqis li l-kriterji li jintużaw sabiex wieħed jiddeċiedi fuq l-elenkar tal-pesti huma element essenzjali tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament, mhux l-elenkar innifsu li huwa temporanju. L-istatus tal-pesti fil-listi jinbidel ta' spiss u huwa relatat ma' miżuri kontra dawk il-pesti u l-pajjiżi terzi speċifiċi / l-Istati Membri kkonċernati. Għalhekk, il-pesti għandhom jiġu elenkati fl-atti ta' implimentazzjoni, mhux fl-Annessi tar-Regolament.Il-Kunsill irrifjuta wkoll dik l-emenda skont l-istess raġunament.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom id-dritt li japplikaw konteniment minflok eradikazzjoni. Fl-emenda tiegħu l-Parlament Ewropew ippropona li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-possibbiltà li japplikaw, fuq deċiżjoni tagħhom stess, konteniment, minflok eradikazzjoni, tal-pesti ta' kwarantina fl-Unjoni, meta huma jqisu li l-eradikazzjoni ma tkunx possibbli (emenda 47). Il-Kummissjoni rrifjutat dik l-emenda minħabba li huwa importanti għall-protezzjoni fitosanitarja tat-territorju tal-Unjoni li l-eradikazzjoni tibqa' l-unika għażla għall-awtoritajiet kompetenti. Il-konteniment għandu jkun permess biss jekk jiġi deċiż hekk fil-livell tal-Unjoni permezz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.Il-Kunsill irrifjuta wkoll dik l-emenda abbażi tal-istess raġunament.
Il-koordinazzjoni tal-kumpens tal-operaturi professjonali. Il-Parlament Ewropew introduċa emenda li tindika li meta l-Istati Membri jikkumpensaw lill-operaturi professjonali għall-valur tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti jew ta' oġġetti oħrajn meqruda bħala parti mill-miżuri ta' eradikazzjoni u implimentati f'żona transkonfinali, huma għandhom jiżguraw li jiġi kkoordinat kumpens adegwat bejn l-Istati Membri kkonċernati sabiex tiġi evitata d-distorsjoni fis-suq (emenda 48). Il-Kummissjoni rrifjutat dik l-emenda minħabba li din l-addizzjoni ma tikkonċernax is-suġġett ta' din il-proposta, iżda r-regolament finanzjarju għall-miżuri tal-Kummissjoni u, minħabba n-natura dikjaratorja tagħha, hija tmur kontra r-regoli dwar it-teknika leġiżlattiva. Il-Kunsill irrifjuta wkoll dik l-emenda abbażi tal-istess raġunament.
Rekwiżiti stretti għal tranżitu fitosanitarju. Fil-każ ta' pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħrajn li jiċċaqilqu madwar l-Unjoni fi tranżitu, il-Parlament Ewropew ippropona rekwiżiti aktar stretti, inkluż l-użu ta' siġill fitosanitarju approvat uffiċjalment u s-superviżjoni mill-qrib ta' dak iċ-ċaqliq (emendi 91, 92). Il-Kummissjoni rrifjutat dawk l-emendi minħabba li huma ta' piż u sproporzjonati għar-riskju fitosanitarju potenzjali ta' dawk il-komoditajiet. Il-Kunsill irrifjuta wkoll dik l-emenda abbażi tal-istess raġunament, kif ukoll minħabba li dawk id-dispożizzjonijiet dwar it-tranżitu se jiġu koperti b'mod orizzontali skont ir-Regolament il-ġdid dwar il-Kontrolli Uffiċjali (COM (2013) 265 finali – 2013/0140 COD).
Konsultazzjoni tal-Grupp Konsultattiv. Il-Parlament Ewropew introduċa emenda li tistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Grupp Konsultattiv dwar il-katina alimentari u s-saħħa tal-annimali u tal-pjanti stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/613/KE u li l-Grupp għandu jipprovdi kontribuzzjonijiet matul it-tħejjija tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni (emenda 113). Il-Kummissjoni rrifjutat dik l-emenda minħabba li tali prattika għandha titħalla għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni minflok tiġi stabbilita f'att leġiżlattiv. Il-Kummissjoni tikkonsulta mal-Grupp Konsultattiv fuq bażi regolari dwar kwistjonijiet relatati mas-saħħa tal-pjanti u, għal dan il-għan, fl-2013, ġie stabbilit Grupp ta' Ħidma permanenti dwar il-Pjanti taħt il-Grupp Konsultattiv.Il-Kunsill irrifjuta wkoll dik l-emenda abbażi tal-istess raġunament.
3.6Dispożizzjonijiet ġodda introdotti mill-Kunsill
Il-Kunsill introduċa ħafna emendi fl-Artikoli kważi kollha tal-proposta. Ħafna minn dawk l-emendi jikkostitwixxu żvilupp ulterjuri tad-dispożizzjonijiet tal-proposta u ma jintroduċu ebda approċċ ġdid jew approċċ emendat b'mod fundamentali. Madankollu, id-dispożizzjonijiet li ġejjin iżidu mal-kamp ta' applikazzjoni jew mar-rekwiżiti tal-proposta.
L-inklużjoni ta' pjanti mhux parassiti fid-definizzjoni ta' pesti. Il-proposta eskludiet il-pjanti mhux parassiti mid-definizzjoni ta' pest. Il-Kunsill żied dispożizzjoni li permezz tagħha kull meta jkun hemm provi li pjanti mhux parassiti (bl-esklużjoni ta' speċijiet aljeni invażivi) jikkawżaw riskji fitosanitarji li jkollhom impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali sever għat-territorju tal-Unjoni, dawk il-pjanti mhux parassiti jistgħu jitqiesu bħala pjanti li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti mill-pjanti (pesti). Il-Kummissjoni aċċettat dik l-emenda fl-ispirtu ta' kompromess.
Żoni protetti temporanji. Il-Kunsill żied dispożizzjoni li l-Kummissjoni tista' tirrikonoxxi żona protetta temporanja li għaliha għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet ta' żoni protetti ordinarji. Madankollu, biex tiġi stabbilita żona temporanja, għandu jkun meħtieġ biss stħarriġ mifrux fuq sena waħda, minflok stħarriġ mifrux fuq tliet snin li huwa meħtieġ għaż-żoni protetti ordinarji. Ir-rikonoxximent ta' żona protetta temporanja għandu jdum għal mhux aktar minn tliet snin wara r-rikonoxximent u għandu jiskadi awtomatikament wara tliet snin.Il-Kummissjoni aċċettat dik id-dispożizzjoni minħabba li tista' tiżgura approċċ aktar flessibbli fir-rigward tal-istabbiliment ta' żoni protetti.
L-importazzjoni ta' pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħrajn b'riskju għoli. Il-Kunsill ippropona li meta valutazzjoni preliminari tiżvela li pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħrajn li joriġinaw minn pajjiż terz u li mhumiex soġġetti għal rekwiżiti oħrajn jippreżentaw riskju ta' pesti ta' livell inaċċettabbli għat-territorju tal-Unjoni, dawn għandha ssir referenza għalihom bħala 'pjanta b'riskju għoli', 'prodott b'riskju għoli' jew 'oġġett ieħor b'riskju għoli' u l-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni għandha tkun ipprojbita. Dik il-valutazzjoni preliminari għandha tqis, kif xieraq għall-pjanta, għall-prodott mill-pjanti jew għal kwalunkwe oġġett ieħor ikkonċernat, ċerti kriterji preskritti. Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni, li jelenka b'mod provviżorju l-livell tassonomiku xieraq, il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħrajn b'riskju għoli u, fejn xieraq, il-pajjiżi terzi, grupp ta' pajjiżi terzi jew żoni speċifiċi ta' pajjiż terz ikkonċernat. Dak l-elenkar jista' jiġi emendat jekk valutazzjoni tar-riskju sħiħa turi li dawk il-pjanti, prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħrajn għandhom jiġu deregolati jew ikunu soġġetti għal projbizzjonijiet jew miżuri speċjali skont dan ir-Regolament.Il-Kummissjoni aċċettat dik l-emenda fl-ispirtu ta' kompromess u minħabba li tista' tiżgura politika proattiva dwar l-importazzjoni skont il-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Applikazzjoni ta' Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji.
Regoli dwar materjal tal-ippakkjar magħmul mill-injam. Il-Kunsill żied regoli aktar speċifiċi dwar l-introduzzjoni fl-Unjoni, iċ-ċaqliq fi ħdanha u ċ-ċaqliq barra minnha ta' materjal tal-ippakkjar magħmul mill-injam. Tali introduzzjoni u ċaqliq għandhom ikunu espliċitament konformi mal-istandard internazzjonali rispettiv (l-istandard ISPM 15 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (IPPC)). Il-Kummissjoni aċċettat dik l-emenda minħabba li tipprovdi aktar ċarezza f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli dwar materjal tal-ippakkjar magħmul mill-injam.
Faċilitajiet ta' iżolament. Sabiex jikkumplimenta d-dispożizzjonijiet tal-proposta dwar l-istazzjonijiet ta' kwarantina, il-Kunsill żied ukoll sett ta' dispożizzjonijiet għall-faċilitajiet ta' iżolament, minħabba li diversi Stati Membri jistgħu ma jkunux f'pożizzjoni li jistabbilixxu u jiġġestixxu stazzjonijiet ta' kwarantina. Il-Kummissjoni aċċettat dik l-emenda minħabba li toffri aktar flessibbiltà lil ċerti Stati Membri.
Ċertifikati fitosanitarji għall-importazzjoni tal-pjanti kollha. Skont il-proposta tal-Kummissjoni, il-pjanti ħajjin (inklużi pjanti sħaħ, frott, ħxejjex, fjuri maqtugħin, eċċ.) li huma soġġetti għar-rekwiżiti speċifiċi tal-importazzjoni jistgħu jiġu introdotti biss fl-Unjoni jekk ikunu akkumpanjati minn ċertifikat fitosanitarju. Il-Kunsill estenda l-kamp ta' applikazzjoni ta' dak l-obbligu. Huwa żied id-dispożizzjoni li l-Kummissjoni għandha, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi li tali obbligu għandu japplika għall-pjanti kollha (u mhux biss għall-pjanti li għalihom ġew stabbiliti rekwiżiti tal-importazzjoni). Madankollu, dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jistabbilixxi li mhuwiex meħtieġ ċertifikat fitosanitarju għal dawk il-pjanti fejn valutazzjoni li tkun ibbażata fuq provi dwar ir-riskji tal-pesti u l-esperjenza fil-kummerċ turi li tali ċertifikat mhuwiex neċessarju. Dik il-valutazzjoni għandha tqis ċerti kriterji preskritti.Il-Kummissjoni aċċettat dik l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni taċ-ċertifikat fitosanitarju minħabba li dan joffri ħarsa ġenerali aħjar lejn il-pjanti importati u joffri wkoll garanziji fitosanitarji aħjar.
4.Konklużjoni
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill b'maġġoranza kkwalifikata tirrifletti l-miri oriġinali tal-proposta tal-Kummissjoni filwaqt li tqis il-ħafna tħassibiet tal-Parlament Ewropew. Għalkemm il-pożizzjoni komuni tvarja mill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni rigward ċerti elementi, il-Kummissjoni tqis li hija tirrappreżenta kompromess ibbilanċjat bir-reqqa u tinsab sodisfatta li din tkopri l-kwistjonijiet kollha meqjusa bħala essenzjali mill-Kummissjoni meta tadotta l-proposta tagħha.
Għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, il-Kummissjoni tappoġġa l-pożizzjoni komuni adottata fit-18 ta' Lulju 2016.