IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.8.2016
COM(2016) 508 final
2016/0248(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti annessi mal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta għandha l-għan li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti annessi mal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN), kif applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2017.
L-Annessi u r-Regolamenti msemmija hawn fuq, ta' spiss magħrufa bħala l-Annessi tal-ADR u r-Regolamenti annessi mal-ADN, jirregolaw it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u bil-passaġġi tal-ilma interni bejn il-membri tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) li huma wkoll Partijiet Kontraenti tal-ADR u l-ADN.
L-iżvilupp tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, kemm fl-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, huwa komponent ewlieni tal-politika komuni tat-trasport Ewropew u jiżgura t-tħaddim tajjeb tal-oqsma industrijali kollha li jipproduċu jew li jużaw prodotti kklassifikati bħala perikolużi skont l-ADR u l-ADN. L-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku ta’ dawn il-ftehimiet għalhekk huwa essenzjali biex jippermetti l-iżvilupp tat-trasport u l-oqsma industrijali relatati fil-katina ekonomika. L-emendi għandhom l-għan li jallinjaw l-ADR u l-ADN mar-Regolamenti Mudell tan-NU, inklużi d-definizzjonijiet il-ġodda, il-kriterji ta’ klassifikazzjoni u numri NU, rekwiżiti tal-ippakkjar / tat-tikkettar, aġġornament ta’ standards applikabbli u d-dispożizzjonijiet tekniċi kif ukoll korrezzjonijiet editorjali.
2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Id-dispożizzjonijiet internazzjonali relatati mat-trasport ta’ oġġetti perikolużi huma stabbiliti f’diversi organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN-ECE), diversi aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) u l-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Rhine (CCNR). Minħabba li r-regoli jridu jkunu kompatibbli ma’ xulxin, ġiet żviluppata sistema internazzjonali kumplessa għall-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet involuti f’dan ix-xogħol. Id-dispożizzjonijiet jiġu adattati wara ċiklu ta’ sentejn.
Matul il-preparazzjoni ta’ dawn l-emendi ġew ikkonsultati firxa kbira ta’ esperti mis-settur pubbliku u privat. Matul l-iżvilupp ta’ dawn l-emendi saru l-laqgħat tekniċi li ġejjin:
fis-Sottokumitat ta’ Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi
(1) fit-43 sessjoni f'Ġinevra, mill-24 sat-28 ta' Ġunju 2013,
(2) fl-44 sessjoni f'Ġinevra, mill-25 ta' Novembru sal-4 ta' Diċembru 2013,
(3) fil-45 sessjoni f'Ġinevra, mit-23 ta' Ġunju sat-2 ta' Lulju 2014, u
(4) fis-46 sessjoni f’Ġinevra, mill-1 sad-9 ta’ Diċembru 2014,
fil-Laqgħa Konġunta tal-Kumitat ta' Esperti tal-RID tal-OTIF– UN-ECE u l-Grupp ta' Ħidma dwar it-Trasport ta' Oġġetti Perikolużi fis-
(1) sessjoni tal-ħarifa tal-2014 f'Ġinevra, mill-15 sad-19 ta' Settembru 2014
(2) sessjoni tar-rebbiegħa tal-2015 f'Bern, mit-23 sas-27 ta' Marzu 2015
(3) sessjoni tal-ħarifa tal-2015 f'Ġinevra, mill-15 sal-25 ta' Settembru 2015, u
(4) sessjoni tar-rebbiegħa tal-2016 f'Bern, mill-14 sat-18 ta' Marzu 2016
fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi — WP.15, kif ġej:
(1) sessjoni tar-rebbiegħa tal-2014 f'Ginevra, mis-6 sad-9 ta' Mejju 2014,
(2) sessjoni tal-ħarifa tal-2014 f'Ġinevra, mit-3 sas-7 ta' Novembru 2014,
(3) sessjoni tar-rebbiegħa tal-2015 f'Ginevra, mill-4 sas-7 ta' Mejju 2015,
(4) sessjoni tal-ħarifa tal-2015 f'Ġinevra, mid-9 sat-13 ta' Novembru 2015, u
(5) sessjoni tar-rebbiegħa tal-2016 f'Ginevra, mid-9 sat-13 ta' Mejju 2016,
fis-sessjoni tal-Kumitat Amministrattiv tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN) fuq il-bażi ta’ dawk proposti mill-kumitat għas-sikurezza, kif ġej:
(1) sessjoni tas-sajf tal-2014 f'Ġinevra, mill-25 sad-29 ta' Awwissu 2014
(2) sessjoni tax-xitwa tal-2015 f'Ġinevra, mis-27 sat-30 ta' Jannar 2015
(3) sessjoni tas-sajf tal-2015 f'Ġinevra, mill-24 sat-28 ta' Awwissu 2015
(4) sessjoni tax-xitwa tal-2016 f'Ġinevra, mill-25 sad-29 ta' Jannar 2016
F’dawn il-laqgħat il-proposti individwali għall-emendi ġew analizzati u pproċessati mill-kumitati ta' esperti. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet intlaħaq qbil unanimu rigward l-azzjoni rakkomandata. Ċerti proposti ġew rakkomandati mill-maġġoranza tal-esperti. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi — WP.15 ħa d-deċiżjoni dwar dawn il-proposti f’kull waħda minn dawn is-sessjonijiet imsemmija hawn fuq.
Proċedura għall-emendi tal-Annessi tal-ADR u l-ADN
Skont il-Kapitolu VII — “Votazzjoni” tat-Termini ta’ Referenza u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15), huma biss dawk li jipparteċipaw bis-sħiħ li jkollhom vot wieħed kull wieħed fid-WP.15 u d-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp għandhom prinċipalment jittieħdu b’kunsens. Id-WP.15 jivvota b’turija tal-idejn.
Skont l-Artikolu 14 tal-ADR, ladarba tiġi deċiża mill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi — WP.15, kwalunkwe emenda proposta għall-Annessi tal-ADR għandha titqies bħala aċċettata sakemm, fi żmien tliet xhur mid-data li fiha s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jiċċirkolaha, mill-inqas terz tal-Partijiet Kontraenti jew ħamsa minnhom jekk terz jaqbeż dik iċ-ċifra, ma jkunux taw notifika bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali bl-oġġezzjoni tagħhom għall-emenda proposta.
L-emendi li qed jiġu adottati bħalissa permezz tad-WP.15, kif ippreżentati fid-dokumenti li jinsabu fl-Anness ta’ din il-proposta, ser jintbagħtu lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex ikunu jistgħu jiġu kkomunikati lill-Partijiet Kontraenti tal-ADR fl-1 ta’ Lulju 2016 għall-aċċettazzjoni skont il-proċedura stipulata f’Artikolu 14 tal-ADR u huma disponibbli online.
Skont l-Artikolu 20 tal-ADN, ladarba tiġi deċiża mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN, kwalunkwe emenda proposta għall-Annessi tal-ADR għandha titqies bħala aċċettata sakemm, fi żmien tliet xhur mid-data li fiha s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jiċċirkolaha, mill-inqas terz tal-Partijiet Kontraenti jew ħamsa minnhom jekk terz jaqbeż dik iċ-ċifra, ma jkunux taw notifika bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali bl-oġġezzjoni tagħhom għall-emenda proposta.
L-emendi li qed jiġu adottati bħalissa mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN, kif ippreżentati fid-dokumenti li jinsabu fl-Anness ta’ din il-proposta, ser jintbagħtu lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex ikunu jistgħu jiġu kkomunikati lill-Partijiet Kontraenti tal-ADN fl-1 ta’ Lulju 2016 għall-aċċettazzjoni skont il-proċedura stipulata f’Artikolu 20 tal-ADN u huma disponibbli online.
3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA
L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti tal-ADR u l-ADN. Madankollu, il-fatt li l-Unjoni Ewropea ma tiħux sehem fi ftehim internazzjonali ma jipprekludihiex milli teżerċita l-kompetenza tagħha billi tistabbilixxi, permezz tal-istituzzjonijiet tagħha, pożizzjoni li għandha tittieħed f’isimha fil-korp stabbilit permezz ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari permezz tal-Istati Membri li huma partijiet kontraenti tal-imsemmi ftehim li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tagħha (ara s-sentenza l-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12 (“OIV”), paragrafu 52 u l-każistika msemmija).
Bħalissa hemm 48 Parti Kontraenti għall-ADR, u l-Istati Membri kollha tal-UE huma partijiet kontraenti għal dan il-Ftehim. Bħalissa hemm 18-il Parti Kontraenti għall-ADN, u 13-il Stat Membru tal-UE huma partijiet kontraenti għal dan il-Ftehim.
Mill-1 ta’ Jannar 1997 l-Unjoni Ewropea applikat id-dispożizzjonijiet tal-ADR għat-trasport bit-triq ta' oġġetti perikolużi fit-territorju tal-UE, inizjalment skont id-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal-21 ta' Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq. Fl-2008 id-Direttiva 94/55/KE ġiet sostitwita mid-Direttiva 2008/68/KE li ssegwi l-prinċipji tal-predeċessur tagħha. Mill-1 ta’ Jannar 2009, l-Unjoni Ewropea applikat id-dispożizzjonijiet tal-ADN għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi mill-passaġġi fuq l-ilma interni.
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE, rigward pajjiżi terzi jistabbilixxi li "It-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, l-RID jew l-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi". Barra minn hekk, il-Premessa 12 tad-Direttiva tistabbilixxi li "Huwa meħtieġ li jkun permess l-użu ta’ mezzi ta’ trasport reġistrati f’pajjiżi terzi għat-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi fit-territorji tal-Istati Membri, suġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ADR, l-RID jew l-ADN u ta’ din id-Direttiva".
Sakemm ma jitqajmux għadd suffiċjenti ta’ oġġezzjonijiet mill-Partijiet, l-emendi kkonċernati skont din il-proposta huma mistennija li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017 u jsiru vinkolanti.
Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
L-abbozz tal-proposta jipprevedi fl-Artikolu 1a lista dettaljata tal-emendi previsti, li tispeċifika li jistgħu jiġu aċċettati mill-Unjoni. L-emendi previsti jitqiesu xierqa għat-trasport bla periklu ta’ oġġetti perikolużi b’mod kosteffettiv, meta jitqies il-progress teknoloġiku, u għalhekk jistgħu jiġu appoġġjati.
4.
L-IMPLIMENTAZZJONI FL-UNJONI EWROPEA
L-emendi msemmija hawn fuq, sal-punt li dawn isiru vinkolanti, se jkunu jeħtieġu li jiġu inkorporati fid-Direttiva 2008/68/KE dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, li tapplika regoli uniformi għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma navigabbli intern fi ħdan l-Istati Membri jew bejniethom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadatta l-Anness I, it-Taqsima I.1 u l-Anness III, it-Taqsima III.1 tad-Direttiva 2008/68/KE għall-progress xjentifiku u tekniku. Ladarba l-perjodu ta’ oġġezzjoni fir-rigward tan-notifika mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jkun skada, il-Kummissjoni se tniedi l-proċess tal-adattament.
2016/0248 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti annessi mal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tat-trasport tal-oġġeti perikolużi għandha timmira lejn titjib fis-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport, il-protezzjoni tal-ambjent u l-faċilitazzjoni tat-trasport internazzjonali.
(2)L-Unjoni mhijiex parti kontraenti tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali tal-Oġġetti Perikolużi bit-triq (minn hawn 'il quddiem “ADR”) u l-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (minn hawn ’il quddiem “ADN”). Madankollu, dan il-fatt ma jipprekludihiex milli teżerċita l-kompetenza tagħha billi tistabbilixxi, permezz tal-istituzzjonijiet tagħha, pożizzjoni li għandha tittieħed f’isimha fil-korp stabbilit permezz ta’ dak il-ftehim, b’mod partikolari permezz tal-Istati Membri li huma partijiet kontraenti tal-imsemmi ftehim li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tagħha.
(3)L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti għal u japplikaw l-ADR, u 13-il Stat Membru huma partijiet kontraenti u japplikaw l-ADN.
(4)Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tistabbilixxi rekwiżiti għat-trasport ta' oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilmijiet navigabbli interni fl-Istati Membri jew bejniethom, billi tirreferi għall-ADR u l-ADN. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva jistipula li "It-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, l-RID jew l-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi."
(5)Il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi — WP.15 u l-Kumitat Amministrattiv tal-ADN, skont il-proċeduri stipulati fl-Artikolu 14 tal-ADR u l-Artikolu 20 tal-ADN, rispettivament, adottaw, matul il-perjodu ta’ sentejn 2014–2016, ċerti emendi li huma mistennija li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017.
(6)Dawn l-emendi, li jikkonċernaw l-istandards tekniċi jew il-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi, għandhom l-għan li jiżguraw it-trasport effiċjenti u sikur ta' oġġetti perikolużi filwaqt li jieħdu inkonsiderazzjoni l-progress xjentifiku u tekniku fis-settur u l-iżvilupp ta' sustanzi ġodda u oġġetti li jippreżentaw periklu matul it-trasport tagħhom. L-iżvilupp tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, kemm fl-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, huwa komponent ewlieni tal-politika komuni tat-trasport u jiżgura t-tħaddim tajjeb tal-oqsma industrijali kollha li jipproduċu jew li jużaw prodotti kklassifikati bħala perikolużi skont l-ADR u l-ADN.
(7)Il-parti l-kbira tal-emendi proposti jkunu ġġustifikati u huma ta' benefiċċju, u għalhekk għandhom jiġu appoġġjati mill-Unjoni.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea dwar l-emendi proposti għall-Annessi tal-ADR u r-Regolamenti annessi tal-ADN, għandha tkun skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Bidliet minuri għal din il-pożizzjoni jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stipulata fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma partijiet kontraenti tal-ADR u l-ADN, li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Id-deċiżjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) u tal-Kumitat tas-Sikurezza tal-ADN għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jissemma meta jidħlu fis-seħħ.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.8.2016
COM(2016) 508 final
ANNESSI
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti annessi mal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)
ANNESSI
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti annessi mal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)
|
Proposta
|
Dokument ta’ referenza
|
In-Notifika
|
Ħruġ
|
Kummenti
|
Il-pożizzjoni tal-UE
|
|
1.
|
ECE/TRANS/WP.15/231
|
C.N.443.2016.TREATIES-XI.B.14
|
Abbozz ta’ emendi għall-Annessi A u B tal-ADR
|
Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi — WP.15.
|
Taqbel mal-emendi
|
|
2.
|
ECE/TRANS/WP.15/231/Corr.1
|
C.N.443.2016.TREATIES-XI.B.14
|
Abbozz ta’ emendi għall-Annessi A u B tal-ADR
|
Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi — WP.15.
|
Taqbel mal-emendi
|
|
3.
|
ECE/TRANS/WP.15/231/Add.1
|
C.N.443.2016.TREATIES-XI.B.14
|
Abbozz ta’ emendi għall-Annessi A u B tal-ADR
|
Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi — WP.15.
|
Taqbel mal-emendi
|
|
4.
|
ECE/ADN/36
|
C.N.444.2016.TREATIES-XI.D.6
|
Abbozzi ta’ emendi għar-Regolamenti annessi mal-ADN
|
Kunsens tekniku fil-Kumitat Amministrattiv
|
Taqbel mal-emendi
|