Brussell,7.9.2016

COM(2016) 491 final

2016/0236(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment ta' sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni

{SWD(2016) 259 final}
{SWD(2016) 261 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Objettiv tal-proposta

L-objettiv tal-proposta huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-UE u biex tiżdied l-kompetittività globali tal-industrija tal-UE billi tiġi stabbilita sistema ta’ ċertifikazzjoni Ewropea għall-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

Industrija tas-sigurtà tal-UE aktar kompetittiva se tkun kapaċi toffri soluzzjonijiet tekniċi li b'mod attiv se jżidu s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej u se jikkontribwixxu biex is-soċjetà Ewropea tkun kapaċi tipprevjeni u twieġeb għat-theddid tas-sigurtà.

Is-sistema ta’ ċertifikazzjoni stabbilita minn din il-proposta tibni fuq il-Proċess ta’ Evalwazzjoni Komuni (Common Evaluation Process - CEP), elaborat fil-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (European Civil Aviation Conference - ECAC) biex tivvaluta l-konformità tal-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni mar-rekwiżiti ta' prestazzjoni eżistenti stabbiliti fil-livell tal-UE, u tgħaqqadha ma’ proċedura ta’ akkreditazzjoni għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità. L-għan huwa li tiġi stabbilita sistema unika ta’ ċertifikazzjoni tal-UE abbażi ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE u l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ konformità mill-manifatturi, li tkun valida fl-Istati Membri kollha tal-UE, skont il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

Kuntest Ġenerali

Apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni jirrigwarda l-apparat tas-sigurtà li jintuża għall-iskrinjar ta’ persuni, bagalji tal-kabina, bagalji tal-istiva, provvisti, merkanzija u posta bl-ajru. L-apparat ta' kontroll fis-settur tas-sigurtà tal-avjazzjoni jirrappreżenta suq konsiderevoli, b’fatturat annwali globali ta’ EUR 14-il biljun, b'EUR 4,2 biljuni minnhom fl-UE biss. L-ajruporti u ċ-ċentri tat-trasport bl-ajru huma wkoll fost is-setturi bl-ogħla potenzjal ta’ tkabbir globali, b’enfasi qawwija fuq is-swieq Asjatiċi.

Ir-Regolament tal-UE (KE) Nru 300/2008 jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u rekwiżiti ta’ prestazzjoni għal apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni li jintuża fl-ajruporti tal-UE. Din il-leġiżlazzjoni hija bbażata fuq l-istandards żviluppati mill-Kummissjoni, li jiġu kontinwament adattati għax-xenarji ta’ theddid u valutazzjonijiet tar-riskju li qed jevolvu. Meta jitqiesu l-konsegwenzi possibbli fuq is-sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE jekk ikunu magħrufa, dawn l-istandards huma kklassifikati u huma disponibbli biss għal dawk (persuni, kumpaniji, organizzazzjonijiet, eċċ.) li għandhom awtorizzazzjoni ta’ sigurtà adegwata kif ukoll ġustifikazzjoni valida (“neċessità ta' għarfien”).

Il-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq, madankollu, mhijiex akkumpanjata minn xi skema ta’ valutazzjoni tal-konformità li hija vinkolanti madwar l-UE kollha biex ikun żgurat li jintlaħqu l-istandards meħtieġa fl-ajruporti kollha tal-UE. Għalhekk, apparat iċċertifikat fi Stat Membru tal-UE jista’ jitqiegħed fis-suq f’dak l-Istat Membru biss. Kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-UE huwa liberu li jirrikonoxxi din iċ-ċertifikazzjoni jew li jirrikjedi li l-apparat jiġi ttestjat mill-ġdid sabiex jivverifika jekk jissodisfax ir-rekwiżiti preskritti mil-leġiżlazzjoni tal-UE, jew saħansitra biex jimpedixxi l-użu tiegħu fit-territorju tiegħu. Fi kwalunkwe każ, ma teżisti l-ebda proċedura li twassal għal rikonoxximent awtomatiku ta’ ċertifikazzjoni maħruġa mill-ewwel Stat Membru.

L-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, indirizzaw parzjalment din il-frammentazzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ metodoloġiji komuni tal-ittestjar għal diversi kategoriji ta’ apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni li għandhom jiġu applikati fil-qafas tal-ECAC. Fl-2008, l-ECAC stabbiliet proċess ta’ evalwazzjoni komuni (CEP) għall-ittestjar ta’ apparat ta' kontroll użat fis-settur tal-avjazzjoni. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-proċess ta’ evalwazzjoni komuni ġie rieżaminat u mtejjeb f’dik li hija effettività iżda għad ma għandux karattru legalment vinkolanti biex il-potenzjal tiegħu jkun jista' jiġi sfruttat għal kollox.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (COM(2015) 185 final) adottata mill-Kummissjoni Ewropea f'April 2015, tenfasizza l-ħtieġa għal industrija tas-sigurtà tal-UE kompetittiva li tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-awtonomija tal-UE biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-sigurtà. Barra minn hekk, l-Unjoni tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ sigurtà, pereżempju permezz ta’ standards u ċertifikati komuni. L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tiddikjara wkoll li l-Kummissjoni qed tikkunsidra aktar azzjoni, bħal fuq is-sistemi ta’ twissija u l-apparat tal-iskrinjar fl-ajruporti biex jitneħħew l-ostakoli għas-Suq Uniku u biex tittejjeb il-kompetittività tal-industrija tas-sigurtà tal-UE fis-swieq tal-esportazzjoni.

Il-proposta se tikkontribwixxi biex tittejjeb il-kompetittività tal-Industrija tas-Sigurtà Ewropea. B'riżultat ta' dan, industrija tas-sigurtà aktar kompetittiva bbażata fl-UE se tkun tista' toffri soluzzjonijiet aktar innovattivi u effikaċi biex tittejjeb is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej u tagħti kontribut sostanzjali għar-reżiljenza tas-soċjetà Ewropea fil-konfront tat-theddid għas-sigurtà.

Fir-rigward speċifiku tal-għan ta’ din il-proposta, għandha tissemma l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Politika tal-Industrija tas-Sigurtà – Pjan ta’ Azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva (COM (2012) 417)”. B'mod partikolari, l-Azzjoni 2 tal-pjan imsemmi jiddikjara li: "Soġġetti għal analiżi dettaljata tal-valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni tressaq żewġ proposti leġiżlattivi: waħda li tistabbilixxi sistema armonizzata ta' ċertifikazzjoni fl-UE kollha għall-apparat tal-iskrinjar (l-intraċċar) fl-ajruporti; u oħra li tistabbilixxi sistema armonizzata ta' ċertifikazzjoni fl-UE kollha għas-sistemi tal-alarms. L-għan huwa li jinkiseb ir-rikonoxximent reċiproku tas-sistemi ta' ċertifikazzjoni.”

L-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni huwa inkluż fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u l-atti tal-implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010, li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

Peress li diġà hemm rekwiżiti dettaljati rigward il-prestazzjoni u l-metodi għall-ittestjar ta’ apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni, il-proposta ma għandhiex l-għan li żżid aktar leġiżlazzjoni teknika. Għall-kuntrarju, huwa ċar li hija tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ politika msemmija hawn fuq billi tistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-UE għall-apparat ta’ kontroll. Din tal-aħħar għandha tistipula li l-konformità mar-rekwiżiti ta' prestazzjoni trid tintwera permezz ta’ laboratorji tal-ittestjar akkreditati li japplikaw metodoloġija komuni tal-ittestjar, bħal dik żviluppata fl-ECAC. Il-ħolqien ta’ sistema effettiva ta’ ċertifikazzjoni tkun teħtieġ l-adozzjoni ta’ att legali li jistabbilixxi l-qafas għaliha.

Il-konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti ma’ politiki ewlenin tal-UE fil-qasam tas-suq uniku u l-moviment liberu tal-merkanzija. B’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u d-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ġew ikkunsidrati fl-abbozzar ta’ din il-proposta.

Barra minn dawn ta' hawn fuq, il-proposta hija konsistenti mal-prijorità tal-Kummissjoni Ewropea li tiżdied il-kompetittività ta’ kumpaniji tal-UE billi tingħeleb il-frammentazzjoni tas-swieq tas-sigurtà tal-UE kif deskritt mill-President Juncker, fil-linji gwida politiċi tiegħu("Suq Intern Aktar Profond u Aktar Ġust b'Bażi Industrijali Msaħħa").

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi għal azzjoni tal-UE hija l-Artikolu 114 tat-TFUE, li jittratta l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 26 tat-TFUE, jiġifieri l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

Sussidjarjetà

L-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli dwar ħtiġiet amministrattivi u proċedurali għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’ apparat ta’ kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri tal-UE. Tabilħaqq, jekk l-Istati Membri kellhom l-intenzjoni li jniedu tali inizjattiva waħedhom, kienu kienu diġà għamlu dan meta kienet qed tiġi stabbilita s-sistema tal-Proċess ta’ Evalwazzjoni Komuni tal-ECAC. Minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, l-azzjoni li titwaqqaf sistema ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE li tinvolvi rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikazzjoni ta’ konformità fost l-Istati Membri tista’ ssir biss fil-livell tal-UE.

Il-proposta b’hekk hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal- proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi li jkun iggarantit il-funzjonament tajjeb tas-Suq Intern filwaqt li, fl-istess ħin, jittejjeb il-livell tal-kompetittività tal-industrija tal-UE attiva fis-settur tal-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

Barra minn hekk, minħabba l-ħtieġa li jiġu pprovduti kundizzjonijiet ekwi għall-manifatturi ta’ apparat ta’ kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom kemm fis-swieq tal-UE kif ukoll dawk barra mill-UE, it-twaqqif ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni komuni meħtieġa biex jinbiegħ jew jibda jintuża tali apparat fl-UE tidher li hija proporzjonali mal-għan tal-proposta.

Għażla tal-istrument

Il-bażi ġuridika rilevanti, l-Artikolu 114 TFUE, ma tippreskrivix forma ta’ strument legali partikolari.

Madankollu, b’kunsiderazzjoni tal-għanijiet tal-proposta, il-kuntest speċifiku u l-kontenut, regolament jidher aktar adatt minn direttiva biex jiġi stabbilit qafas ċar għal sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-UE, abbażi tar-Regolamenti KE/300/2008 u UE/185/2010 li jeżistu diġà.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati

Il-proposta tistrieħ fuq konsultazzjoni wiesgħa ma' partijiet ikkonċernati rilevanti li twettqet permezz ta’:

Konsultazzjoni Pubblika miftuħa dwar iċ-Ċertifikazzjoni ta’ Apparat ta' Kontroll tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni li damet mill-5 ta’ Marzu 2013 sal-10 ta’ Ġunju 2013. Il-konsultazzjoni ġiet ippubblikata fuq Il-Vuċi Tiegħek fl-Ewropa u rċeviet 37 kontribuzzjoni. Minkejja din ir-rata pjuttost baxxa ta’ tweġibiet, ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika jistgħu jitqiesu bħala rappreżentattivi minħabba li l-gruppi ewlenin kollha tal-partijiet ikkonċernati (l-amministrazzjonijiet nazzjonali, it-tipi kollha ta’ intrapriżi (inklużi l-SMEs), il-laboratorji tat-testijiet, l-operaturi tal-ajruporti, eċċ.) wieġbu. Barra minn hekk, l-assoċjazzjonijiet ewlenin tas-settur, bħall-assoċjazzjoni ta-linji tal-ajru ewlenija, li tirrappreżenta madwar 240 linja tal-ajru jew 84% tat-traffiku totali tal-ajru, l-assoċjazzjoni ewlenija tal-impriżi, li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-manifatturi tal-UE, u ħafna laboratorji tal-ittestjar ikkontribwew għall-konsultazzjoni, u b'hekk effettivament irrappreżentaw diversi mijiet ta' partijiet ikkonċernati.
Il-konklużjonijiet ewlenin tal-konsultazzjoni pubblika, imqassra fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta qed jagħtu appoġġ sħiħ lill-approċċ leġiżlattiv integrat fiha

Bħala segwitu għall-konsultazzjoni pubblika ġie organizzat workshop fil-25 ta’ Settembru 2013. Għall-workshop attendew rappreżentanti mill-gruppi ta' partijiet ikkonċernati kollha, inklużi rappreżentanti tal-Istati Membri, tal-industrija, tal-ECAC u tal-utenti finali (Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti - Ewropa).
Il-konklużjoni ewlenija tal-workshop kienet il-konverġenza tar-riżultati tal-istudji ppreżentati matul l-ewwel sessjoni (ara l-paragrafu li jmiss), f'dak li jirrigwarda ż-żewġ kwistjonijiet problematiċi u s-soluzzjonijiet potenzjali.

Minkejja li għadda ċertu ammont ta' żmien bejn il-konsultazzjoni pubblika, il-workshop u meta ġiet ippreżentata l-Valutazzjoni tal-Impatt, il-konklużjonijiet minn dawn il-konsultazzjonijiet dwar in-nuqqas ta' proċeduri komuni li huma legalment vinkolanti għaċ-ċertifikazzjoni tal-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Istati Membri tal-UE għadhom validi. Dan ikkonfermawh il-kuntatti li saru mal-partijiet ikkonċernati relevanti kollha matul l-2015.

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Meta kienet qed tabbozza l-valutazzjoni tal-impatt għall-proposta, il-Kummissjoni ibbażat ukoll fuq studju li twettaq minn kuntrattur estern bit-titlu: “Study on security R&D in major 3rd countries” (Studju dwar ir-riċerka u l-iżvilupp fis-sigurtà f'pajjiżi terzi ewlenin). L-istudju analizza fid-dettall iċ-ċertifikazzjoni u l-iskemi tal-valutazzjoni tal-konformità fl-UE u fid-dinja. Huwa kien jinkludi wkoll valutazzjoni tal-impatti tal-opzjonijiet ta’ politika identifikati mill-Kummissjoni. Il-konklużjonijiet kollha applikabbli ta’ dan l-istudju ġew inklużi fil-valutazzjoni tal-impatt u dovutament meqjusa fl-abbozzar tal-proposta.

Għat-tħejjija tal-valutazzjoni tal-impatt ingħatat kunsiderazzjoni xierqa lil stħarriġ ulterjuri dwar “Ir-Rekwiżiti tad-Detezzjoni u l-Metodoloġiji għal Apparat tal-Kontroll tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni fl-UE u l-EFTA” mwettaq mid-DĠ JRC (l-Istitut tal-Materjali u l-Kejl ta’ Referenza, f’Geel), u ppubblikat fir-rebbiegħa 2013.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt hija mehmuża ma’ din il-proposta (għandha tiżdied ir-referenza).

Din ġiet evalwata b’mod pożittiv mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni fit-3 ta’ Lulju 2015.

Fil-kuntest ta' din il-valutazzjoni tal-impatt ġew żviluppati ħames opzjonijiet ta’ politika, inkluża l-linja bażi:

1. “Xenarju bażi”, il-Kummissjoni ma tniedi l-ebda inizjattiva ta’ politika ddedikata.

2. Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri biex jaċċettaw b’mod reċiproku s-sistemi ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali tagħhom u / jew biex jutilizzaw il-proċess ta’ evalwazzjoni komuni tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili.

3. “Leġiżlazzjoni” - il-Kummissjoni tħejji proposta leġiżlattiva li tkun tippermetti li l-produtturi jikkummerċjalizzaw u jbigħu l-prodotti tagħhom madwar l-Unjoni, ladarba dawn jiġu ċċertifikati fi Stat Membru wieħed.

3.1. L-“approċċ l-antik”, jew “armonizzazzjoni sħiħa”, ikkaratterizzati minn sistema ta’ ċertifikazzjoni biex jiġu implimentati minn awtoritajiet nazzjonali ta’ approvazzjoni u bbażati fuq speċifikazzjonijiet dettaljati stabbiliti f’leġiżlazzjoni: 1) rekwiżiti ta' prestazzjoni applikabbli għall-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni; 2) metodoloġiji komuni tal-ittestjar 3) akkreditazzjoni tal-laboratorji tal-ittestjar.

3.2. L-“approċċ il-ġdid”, mhuwiex ibbażat fuq speċifikazzjonijiet dettaljati iżda fuq l-istandards disponibbli pubblikament. Is-sistema ta’ ċertifikazzjoni stabbilita tkun limitata għar-rekwiżiti essenzjali għall-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni, miktubin f’termini ġenerali. Din l-opzjoni ġiet skartata billi r-rekwiżiti ta' prestazzjoni eżistenti tal-UE li fuqhom għandu jkun ibbażat dan l-approċċ huma klassifikati u ma jistgħux isiru pubbliċi.

3.3. It-tielet opzjoni, “l-approċċ ċentralizzat”, skont liema s-sistema ta’ ċertifikazzjoni stabbilita tkun pjuttost simili għall-opzjoni 3.1 iżda tkun applikata ċentralment minn aġenzija tal-UE.

L-opzjoni preferuta hija n-numru 3.1 “l-approċċ l-antik”, li jkollu impatti pożittivi sinifikanti, filwaqt li jiżgura l-aktar appoġġ wiesa’ fost il-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-Istati Membri.

Skont din l-għażla, iċ-ċertifikazzjoni tal-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni tkun trid issir fi Stat Membru wieħed biss, peress li ċ-ċertifikat maħruġ ikun immedjatament validu f'kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE. Dan għandu jgħolli l-effiċjenza kumplessiva tas-suq tal-UE fis-settur tal-kontroll tas-sigurtà avjazzjoni u jkollu impatt pożittiv fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. L-għażla tal-klijenti (eż. l-operaturi tal-ajruporti) għandha tittejjeb ukoll, billi dawn ikunu jistgħu jagħżlu li jiksbu kwalunkwe apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni “ċċertifikat mill-UE”, u mhux biss dak li ġie ċċertifikat f’pajjiżhom. Proċeduri ta’ ċertifikazzjoni uniċi għandhom inaqqsu il-piż amministrattiv tal-manifatturi u jtejbu t-tul ta’ żmien sal-ħruġ fis-suq. Dan għandu jkollu wkoll impatt pożittiv fuq il-kompetittività globali tal-manifatturi Ewropej, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompetituri tagħhom fl-Istati Uniti (benefiċċju tal-bejgħ stmat ta’ EUR 22 miljun bħala medja għal kull sena). Iż-żieda mistennija fil-kompetittività għandha twassal għal żieda kumplessiva fil-bejgħ tal-manifatturi tal-UE f’pajjiżi terzi, li min-naħa tiegħu għandu jkollu impatt soċjali pożittiv fuq iċ-ċifri kumplessivi tal-impjiegi fis-settur.

It-tnaqqis tal-bżonn li tip wieħed jew konfigurazzjoni ta' apparat jiġi ttestjat diversi drabi għandu jwassal għal tnaqqis fl-għadd ta’ testijiet li laboratorju wieħed iwettaq kull sena. Dan it-tnaqqis ta’ testijiet għandu jwassal għal tnaqqis fl-introjtu tal-laboratorji. Dan it-tnaqqis fl-introjtu għandu jkun aktar baxx mill-iffrankar ta’ spejjeż tal-produtturi msemmija hawn fuq, peress li mhux l-ispejjeż kollha huma direttament relatati mal-prezz taċ-ċertifikazzjoni bħala tali (eż. it-trasport bil-baħar tal-apparat) 1 . L-ebda waħda mill-opzjonijiet ma għandha twassal għal impatti ambjentali miżurabbli. L-impatti ambjentali attwali tal-iżvilupp, il-produzzjoni, l-ittestjar jew it-trasport ma jkunux affettwati minn armonizzazzjoni possibbli tal-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni.L-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni

Kif diġà ntqal hawn fuq, wieħed miż-żewġ objettivi ġenerali tal-proposta huwa li tiżdied il-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE li joperaw fil-qasam tal-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

B’mod partikolari, il-proposta għandha l-għan li tnaqqas l-ispejjeż regolatorji u ż-żmien sal-ħruġ fis-suq billi tneħħi l-ħtieġa għal ittestjar multiplu u għal modifiki speċifiċi għall-Istati Membri kif ukoll billi toħloq ambjent li jiffavorixxi l-investiment f'teknoloġiji tas-sigurtà.

Barra minn hekk, l-għan tal-proposta hu li tissaħħaħ l-immaġni ta’ prodotti tal-UE fis-suq globali bl-introduzzjoni ta' tikketta li turi l-konformità mar-rekwiżiti regolatorji tal-UE u jinħolqu kondizzjonijiet ugwali ma’ kumpaniji tal-Istati Uniti.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-pjanijiet tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-arranġamenti tar-rappurtar

Ġiet maħluqa u inkluża fil-proposta sistema soda ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

Fid-dettall, din tipprevedi li kull ħames snin, il-Kummissjoni tippubblika rapport ġenerali dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-rapport se jkun ibbażat fuq stħarriġ immirat bil-għan li l-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti jivvalutaw l-effiċjenza u l-effettività tal-implimentazzjoni tar-Regolament fir-rigward tal-objettivi operazzjonali.

Dan l-istħarriġ se jindirizza l-indikaturi li ġejjin bil-ħsieb li ssir valutazzjoni ta' jekk l-implimentazzjoni tar-Regolament wasslitx għal: tnaqqis fil-kost tar-riċerka u l-iżvilupp; tnaqqis fil-kost tal-kummerċjalizzazzjoni; tnaqqis fiż-żmien sal-ħruġ fis-suq tal-apparat; titjib fil-kompetizzjoni ma’ fornituri mhux tal-UE.



2016/0236 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment ta' sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 3 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni.

(2)L-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, bħal apparat għad-detezzjoni tal-metall, skeners tal-persuna u sistemi ta' detezzjoni tal-isplussivi, irid jissodisfa għadd ta' rekwiżiti ta' prestazzjoni qabel ma jsir disponibbli jew jibda jitħaddem. Il-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti bħalissa hija vvalutata mill-Istati Membri individwalment u apparat iċċertifikat fi Stat Membru wieħed jista' jkun disponibbli f'dak l-Istat Membru biss. Huwa meħtieġ li apparat bħal dan ikun jista' jiċċirkola liberament fis-suq intern sabiex tittejjeb il-kompetittività tal-industrija tas-sigurtà Ewropea.

(3)Industrija tas-sigurtà tal-UE aktar kompetittiva se toffri soluzzjonijiet biex tittejjeb is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej u tagħti kontribut sostanzjali għar-reżiljenza tas-soċjetà Ewropea fil-konfront tat-theddid għas-sigurtà. L-azzjoni tal-Unjoni se tagħti kontribut għal dawn l-għanijiet billi tneħħi l-ostakli għas-suq intern u billi ttejjeb il-kompetittività tal-industrija tas-sigurtà tal-Unjoni f’oqsma bħall-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni permezz tal-promozzjoni ta’ proċessi ta’ ċertifikazzjoni komuni.

(4)Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Politika tal-Industrija tas-Sigurtà - Pjan ta’ Azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva” ta’ Lulju 2012 4 , il-Kummissjoni identifikat l-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni bħala qasam fejn jagħmel l-iżjed sens jekk tinħoloq sistema ta’ ċertifikazzjoni fl-Unjoni kollha biex tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq u biex tingħata spinta lill-kompetittività u l-impjiegi fl-Unjoni u kollox ma' kollox tiżdied is-sigurtà tas-soċjetà Ewropea.

(5)L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà 5 tenfasizza l-ħtieġa għal kompetittiva tal-industrija tas-sigurtà tal-UE li tista’ tikkontribwixxi għall-awtonomija tal-UE biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-sigurtà. Għaldaqstant bażi teknoloġika u industrijali solida u kompetittiva għall-UE hija essenzjali biex ikun hemm impatt pożittiv fuq is-sigurtà taċ-ċittadini tagħha.

(6)Dan ir-Regolament għandu jippermetti li l-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni jiċċirkola liberament fis-suq intern billi titwaqqaf sistema ta’ ċertifikazzjoni unika bbażata fuq iċ-ċertifikati ta’ konformità validi fl-Istati Membri kollha. Meta l-apparat ikun akkumpanjat minn tali ċertifikat, għandu jkun possibbli li jitqiegħed għad-dispożizzjoni jew jitħaddem fl-Unjoni kollha mingħajr restrizzjoni.

(7)Kull Stat Membru għandu jinnomina entità b'responsabbiltà għall-approvazzjoni tal-konformità tal-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni billi toħroġ ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE li jkun validu madwar l-Unjoni. Il-manifatturi tal-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni għandhom ikunu liberi li jagħżlu entità responsabbli fi kwalunkwe Stat Membru.

(8)Biex l-aċċess għas-sistema ta' ċertifikazzjoni tiġi ssimplifikata u sabiex din issir aktar trasparenti, kull Stat Membru għandu jinnomina entità waħda - l-awtorità nazzjonali ta' approvazzjoni - anke jekk ikun hemm żewġ entitajiet jew aktar involuti fis-sigurtà tal-avjazzjoni fi Stat Membru wieħed.

(9)Ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jikkonferma li tip u konfigurazzjoni speċifiċi tal-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni jikkonformaw mar-regoli u l-istandards komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 .

(10)Sabiex l-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni jkun jista' jiċċirkola madwar l-Unjoni, il-manifatturi għandu jkollhom il-faċilità li joħorġu ċertifikati ta' konformità biex jakkumpanjaw kull biċċa apparat li tkun maħduma b'konformità ma' tip u konfigurazzjoni koperti minn ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE.

(11)Apparat ta' kontroll tal-avjazzjoni kopert minn ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE ma għandux ikun jeħtieġ li jiġi vvalutat ulterjorment fi Stati Membri oħra. Għaldaqstant huwa importanti li l-valutazzjoni u l-ittestjar ikunu uniformi madwar l-Unjoni. Dan ir-Regolament għandu għalhekk iqis b'mod adegwat ix-xogħol, biex ikun hemm definizzjoni tal-metodoloġiji komuni ta' ttestjar, li sar fil-qafas tal-Proċess ta' Evalwazzjoni Komuni tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili.

(12)L-ittestjar tal-apparat għall-valutazzjoni tal-konformità mal-istandards huwa essenzjali għal sistema ta' ċertifikazzjoni. L-ittestjar għandu għalhekk jitwettaq minn servizzi tekniċi li jkollhom il-ħiliet u l-għarfien tekniku neċessarji biex iwettqu l-valutazzjonijiet ta' konformità billi japplikaw il-metodoloġiji komuni tal-ittestjar rilevanti.

(13)Sabiex ikun żgurat li s-sistema ta' ċertifikazzjoni tkun effettiva u sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka fost l-awtoritajiet ta' approvazzjoni nazzjonali, dan ir-Regolament għandu jiddetermina r-rekwiżiti għall-akkreditament ta' dawk is-servizzi tekniċi.

(14)Il-konformità tal-produzzjoni hija l-ġebla tax-xewka tas-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE. Sabiex isir monitoraġġ tal-konformità tal-produzzjoni, il-manifatturi għandhom jiġu mmonitorjati regolarment mill-awtorità ta' approvazzjoni jew minn servizz tekniku kkwalifikat kif xieraq maħtura għal dak l-iskop.

(15)Huwa importanti li tkun żgurata applikazzjoni armonizzata tal-metodoloġiji komuni tal-ittestjar mis-servizzi tekniċi. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tmexxi grupp settorjali ta' servizzi tekniċi bil-għan li jiżgura l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni neċessarji fost is-servizzi tekniċi maħtura kif ukoll li jipprovdi taħriġ għall-persunal rispettiv u l-koordinazzjoni ma' pajjiżi terzi.

(16)Meta jinstab li apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni kopert minn ċertifikat tat-tip tal-UE ikun jippreżenta riskju serju għall-utenti jew għall-ambjent li ma ġiex identifikat mill-awtorità tal-approvazzjoni, Stat Membru għandu jkun jista' jwaqqaf l-apparat milli jsir disponibbli jew jitqiegħed għas-servizz fit-territorju tiegħu, għal perjodu ta' żmien limitat u suġġett għal valutazzjoni mill-Kummissjoni dwar jekk il-miżura tal-Istat Membru hijiex konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(17)Meta jinstab li l-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni akkumpanjat minn ċertifikat ta' konformità ma jkunx konformi mat-tip u l-konfigurazzjoni koperti minn ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE, l-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li l-manifattur irendih konformi u għandu jinforma lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu.

(18)Jekk jinstab li apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni akkumpanjat minn ċertifikat ta’ konformità ma jkunx konformi mat-tip u l-konfigurazzjoni koperti minn ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE maħruġ minn awtorità tal-approvazzjoni oħra, l-Istat Membru għandu temporanjament iwaqqaf l-apparat milli jsir disponibbli jew jitqiegħed għas-servizz fit-territorju tiegħu u għandu jitlob l-awtorità tal-approvazzjoni li tkun ħarġet iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip biex tivverifika li l-apparat li jkun qed jiġi prodott ikompli jkun konformi mat-tip u l-konfigurazzjoni approvati. L-awtorità tal-approvazzjoni kkonċernata għandu jkollha skadenza massima ta' tliet xhur mid-data tat-talba sabiex tieħu l-azzjoni meħtieġa. Jekk l-awtorità tal-approvazzjoni kkonċernata tiskopri li l-apparat ikun konformi mat-tip u l-konfigurazzjoni approvati, din għandha tagħmel sforz biex issolvi t-tilwima. Sadanittant il-miżuri temporanji jibqgħu fis-seħħ.

(19)Għall-finijiet ta’ regolamentazzjoni u simplifikazzjoni aħjar u sabiex ma jkunx jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar kwistjonijiet ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi tiġi aġġornata b’mod kostanti, għandu jkun possibbli għal dan ir-Regolament li jagħmel referenzi għal standards u regolamenti internazzjonali eżistenti, mingħajr ma jitniżżlu fil-qafas legali tal-Unjoni.

(20)Bil-għan li l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tiġi ssimplifikata u mħaffa, iddaħħal approċċ regolatorju ġdid, fejn il-leġiżlatur fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja jistipula biss ir-regoli u l-prinċipji fundamentali u jiddelega t-tfassil tad-dettalji tekniċi l-oħra lill-Kummissjoni. Fir-rigward tar-rekwiżiti sostantivi, dan ir-Regolament għandu għalhekk jistipula biss id-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti proċedurali ġenerali. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi inkluż il-metodoloġiji komuni tal-ittestjar u r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni tas-servizzi tekniċi meħtieġa taħt is-sistema ta' ċertifikazzjoni stabbilita minn dan ir-Regolament.

(21)Sabiex dan ir-Regolament jiġi ssupplimentat b’aktar dettalji tekniċi, is-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni sabiex f'dan ir-Regolament tkun riflessa l-possibbiltà tal-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta' prestazzjoni ġodda għal apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni kif ukoll l-iżvilupp tal-għarfien xjentifiku u tekniku. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(22)L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn ikunu implimentati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(23)Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, abbażi tal-informazzjoni li jipprovdu l-Istati Membri.

(24)F’ġieħ iċ-ċarezza, il-prevedibbiltà, ir-razzjonalità u s-semplifikazzjoni u biex jitnaqqas il-piż għall-manifatturi tal-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni, dan ir-Regolament għandu jinkludi biss għadd limitat ta’ stadji implimentattivi għall-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet amministrattivi u rekwiżiti tekniċi ġenerali. L-industrija għandha tingħata biżżejjed żmien biex tadatta għad-dispożizzjonijiet il-ġodda stipulati f’dan ir-Regolament u għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi stipulati fl-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament. Id-definizzjoni f’waqtha tar-rekwiżiti hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien bil-quddiem biex jiżviluppaw, jittestjaw u jimplimentaw soluzzjonijiet tekniċi għall-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni prodott f’serje, kif ukoll sabiex il-manifatturi u l-awtoritajiet tal-approvazzjoni fl-Istati Membri jkunu jistgħu jdaħħlu fis-seħħ is-sistemi amministrattivi neċessarji.

(25)Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli armonizzati dwar ir-rekwiżiti amministrattivi u proċedurali għall-approvazzjoni tat-tip ta' apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għal sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għal apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament japplika għal kull apparat ta’ kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni għall-użu fl-avjazzjoni ċivili, magħmul disponibbli jew imħaddem fl-Unjoni.

2. Dan ir-Regolament ma japplikax għal klieb li jintużaw għad-detezzjoni tal-isplussivi meta jintużaw bħala mezzi alternattivi ta' kontroll.

Artikolu 3
Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament:

(1)"apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni" jew "apparat" tfisser mezzi ta' natura speċjalizzata li jintużaw waħedhom jew bħala parti minn sistema, biex jinstabu artikoli pprojbiti kif imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 300/2008 jew l-atti ta' suppliment jew ta' implimentazzjoni tiegħu.

(1)"avjazzjoni ċivili" tfisser kwalunkwe operazzjoni fl-ajru mwettqa b’inġenji ta’ l-ajru ċivili, ħlief operazzjonijiet imwettqin minn inġenji tal-ajru tal-Istat li huma msemmijin fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali;

(2)"tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq" tfisser kwalunkwe forniment ta' prodott għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni matul attività kummerċjali, sew jekk bi ħlas kif ukoll jekk bħal ħlas;

(3)"tqegħid fis-suq" tfisser l-ewwel darba li prodott isir disponibbli fis-suq tal-Unjoni;

(4)“imħaddem” tfisser l-ewwel użu, għall-iskop intenzjonat, fl-Unjoni, ta’ apparat;

(5)“approvazzjoni tat-tip tal-UE” tfisser il-proċedura li biha Stat Membru jiċċertifika li t-tip u l-konfigurazzjoni ta' apparat huma konformi mar-rekwiżiti ta' prestazzjoni msemmija fl-Anness I kif ukoll li r-rekwiżiti proċedurali ta’ dan ir-Regolament ġew rispettati;

(6)“metodu ta’ ttestjar virtwali” tfisser simulazzjonijiet bil-kompjuter, sew jekk jeħtieġu intervent mill-bniedem sew jew le, li juru jekk l-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni jissodisfax ir-rekwiżiti ta' prestazzjoni msemmija fl-Anness I;

(7)"ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE" tfisser id-dokument li bih l-awtorità tal-approvazzjoni tiċċertifika li t-tip u l-konfigurazzjoni tal-apparat huma approvati;

(8)"ċertifikat ta’ konformità" tfisser dokument li jiċċertifika li biċċa apparat ġiet manifatturata f’konformità mat-tip u l-konfigurazzjoni koperti minn ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE.

Artikolu 4

Bejgħ u tqegħid għas-servizz ta' apparat

L-Istati Membri ma għandhom jimpedixxu ebda apparat milli jsir disponibbli u / jew jitqiegħed għas-servizz meta jkun akkumpanjat b'ċertifikat validu ta' konformità maħruġ skont l-Artikolu 5. Huma m’għandhomx jimponu rekwiżiti addizzjonali fir-rigward ta’ dan l-apparat.

Artikolu 5

Obbligi tal-manifatturi

1. Il-manifattur joħroġ ċertifikat ta’ konformità li jakkumpanja kull biċċa apparat li hija mmanifatturata f’konformità mat-tip u l-konfigurazzjoni koperti b'ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE.

2. Iċ-ċertifikat ta' konformità għandu jkun kif stabbilit fl-Anness II u jinħareġ f'lingwa li tista' faċilment tinftiehem mill-konsumaturi u utenti finali oħrajn, kif determinat mill-Istat Membru kkonċernat. Kwalunkwe awtorità ta’ approvazzjoni tista’ titlob li l-manifattur jittraduċi ċ-ċertifikat ta’ konformità fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ta’ dik l-awtorità tal-approvazzjoni.

3. Il-manifattur għandu jimla ċ-ċertifikat tal-konformità fl-intier tiegħu. Iċ-ċertifikat ta’ konformità ma għandux ikun fih restrizzjonijiet fir-rigward tal-użu tal-apparat.

4. Il-manifattur għandu jipproduċi ċ-ċertifikat ta' konformità b'tali mod li jevita l-falsifikazzjoni.

Duplikat taċ-ċertifikat ta’ konformità jista’ jinħareġ meta mitlub minn awtorità tal-approvazzjoni. Il-manifattur biss jista’ joħroġ duplikat taċ-ċertifikat.

Il-kelma “duplikat” għandha tidher ċar fuq il-wiċċ ta’ kwalunkwe duplikat taċ-ċertifikat.

5. Meta joħroġ ċertifikat ta' konformità, il-manifattur jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tal-apparat mat-tip u l-konfigurazzjoni approvati.

6. Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika u ċ-ċertifikat ta' konformità għal mill-inqas għaxar snin wara li l-apparat ikun tqiegħed fis-suq.

7. Il-manifattur għandu jwaħħal b'mod li jidher, li jinqara u li ma jitħassarx il-marka u n-numru tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE fuq l-apparat manifatturat f’konformità mat-tip u l-konfigurazzjoni approvati.

8. Il-marka u n-numru tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tkun kif stabbilit fl-Anness III.

9. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkollhom fis-seħħ proċeduri għall-konformità tal-produzzjoni. Għandu jittieħed kont xieraq tat-tibdil fid-disinn jew fil-karatteristiċi tal-apparat u ta' tibdil fir-rekwiżiti tal-prestazzjoni li b'referenza għalihom kien ħareġ ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip.

10. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li fuq l-apparat tagħhom ikun hemm in-numru tat-tip, tal-lott jew tas-serje jew ta' element ieħor li jippermetti li jiġi identifikat, jew, fejn id-daqs jew in-natura tal-apparat ma jippermettux dan, jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa tkun fuq l-imballaġġ jew fuq dokument li jakkumpanja l-apparat.

11. Il-manifatturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew il-marka kummerċjali rreġistrata tagħhom u l-indirizz fejn jistgħu jiġu kkuntattjati dwar l-apparat jew, meta dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ jew f'dokument li jakkumpanja l-apparat separat mid-dokument ta' konformità. L-indirizz irid jindika punt uniku fejn il-manifattur jista' jiġi kkuntattjat.

12. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-prodott ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sikurezza f'lingwa li tista' faċilment tinftiehem mill-konsumaturi u utenti finali oħrajn, kif determinat mill-Istat Membru kkonċernat.

13. Il-manifatturi li jikkunsidraw jew li għandhom raġuni għalxiex jemmnu li l-apparat li jkunu qiegħdu fis-suq ma jkunx konformi mat-tip u l-konfigurazzjoni approvati għandhom immedjatament jieħdu l-miżuri meħtieġa biex irendu l-apparat konformi, u jirtirawh jew isejħuħ lura, jekk xieraq. Barra minn hekk, fejn l-apparat jippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinfurmaw immedjatament b'dan lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn ikun inħadem l-apparat disponibbli, u jagħtu d-dettalji, b'mod partikolari, tan-nuqqas ta' konformità u ta' kwalunkwe miżura korrettiva li tkun ittieħdet.

14. B'segwitu għal talba motivata minn awtorità tal-approvazzjoni, il-manifatturi għandhom jipprovdulha kull informazzjoni u dokumentazzjoni neċessarja biex juru l-konformità tal-apparat, f'lingwa li tista' faċilment tinftiehem minn dik l-awtorità. Dawn għandhom jikkooperaw ma' dik l-awtorità, meta din titlob, dwar kwalunkwe azzjoni li tkun ittieħdet biex jiġu eliminati r-riskji imposti mill-apparat li jkunu qiegħdu fis-suq.

Artikolu 6

Awtoritajiet tal-approvazzjoni

1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jaħtar awtorità tal-approvazzjoni.

L-awtorità tal-approvazzjoni għandu jkollha kompetenza għall-aspetti kollha tal-approvazzjoni tal-apparat kif ukoll għall-ħruġ, l-emendar u l-irtirar ta’ ċertifikati tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE.

Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-isem, l-indirizz, inkluż l-indirizz elettroniku, u l-qasam ta’ responsabbiltà tal-awtorità tal-approvazzjoni.

2. Awtorità tal-approvazzjoni għandu jkollha l-approvazzjoni tas-sigurtà għal faċilità meħtieġa biex tittratta informazzjoni klassifikata tal-UE fuq livell ta’ CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew bħal hawn fuq kif iddefinit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2015/444/KE 7 .

Artikolu 7
Applikazzjonijiet għal ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE

1. Il-manifattur għandu jippreżenta applikazzjoni lill-awtorità tal-approvazzjoni.

2. Applikazzjoni waħda biss għandha tiġi ppreżentata fir-rigward ta’ kwalunkwe tip u konfigurazzjoni ta’ apparat. L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata fi Stat Membru wieħed biss.

3. Għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni separata għal kull tip li jrid jiġi approvat.

4. Applikazzjoni għandha tikkonsisti fil-fowlder ta' informazzjoni li jkun jinkludi l-kunċett ta' kif jopera l-apparat u dokument rilevanti oħra, dejta, disinji u ritratti. Il-manifattur jista’ jipprovdi l-folder ta’ informazzjoni f'forma stampata jew fil-forma ta’ fajl elettroniku.

5. Manifattur stabbilit barra l-Unjoni li jixtieq japplika għal approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jaħtar rappreżentant stabbilit fl-Unjoni biex jirrappreżentah quddiem l-awtorità tal-approvazzjoni.

Artikolu 8

Testijiet

1. Ladarba tirċievi applikazzjoni, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tiżgura li servizz tekniku jwettaq it-testijiet xierqa biex jiġi ddeterminat jekk it-tip u l-konfigurazzjoni tal-apparat ikkonċernat jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-prestazzjoni msemmija fl-Anness I.

2. It-testijiet jitwettqu minn servizz tekniku nnotifikat taħt l-Artikolu 21 u jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-metodoloġiji komuni tal-ittestjar imsemmija fl-Anness IV.

3. L-awtorità tal-approvazzjoni tista’, b’talba motivata, titlob lill-manifattur jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jsiru dawn it-testijiet. Il-manifattur għandu jipprovdi din l-informazzjoni fl-iskadenza stipulata mill-awtorità tal-approvazzjoni.

4. It-testijiet għandhom jitwettqu fuq apparat tat-tip u l-konfigurazzjoni li għandu jiġi approvat.

Il-manifattur għandu jagħmel disponibbli għall-awtorità tal-approvazzjoni kemm biċċiet ta' apparat huma meħtieġa biex l-awtorità tal-approvazzjoni tkun tista’ titwettaq il-proċedura ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE.

5. Metodi virtwali ta’ ttestjar jistgħu jintużaw għal testjar mill-ġdid ta’ apparat li jkun għadda minn modifiki fis-softwer ta’ detezzjoni biss.

Dawn il-metodi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ metodoloġiji komuni ta’ ttestjar imsemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 9

Approvazzjoni tat-tip u l-konfigurazzjoni tal-apparat

1. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tapprova t-tip u l-konfigurazzjoni tal-apparat ikkonċernat jekk dan ikun jikkonforma mal-prestazzjoni msemmija fl-Anness I.

2. Jekk awtorità tal-approvazzjoni ssib li tip u konfigurazzjoni ta’ apparat jippreżentaw riskju serju għas-sikurezza jew riskju serju ta’ dannu għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika, hija tista’ tirrifjuta li tapprova dak l-apparat anki jekk ikun jikkonforma mar-rekwiżiti ta' prestazzjoni rilevanti.

3. Jekk awtorità tal-approvazzjoni ma tapprovax xi apparat, hija għandha tinforma b'dan lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħra kif ukoll lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien, u għandha tinfurmahom bir-raġunijiet għar-rifjut.

4. F'każ ta' rifjut taħt il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mingħajr dewmien mal-partijiet konċernati u, b’mod partikolari, mal-awtorità tal-approvazzjoni li rrifjutat li toħroġ iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE sabiex tivvaluta jekk r-rekwiżiti rilevanti tal-paragrafu 2 ġewx applikati b’mod korrett.

5. Fejn il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti rilevanti tal-paragrafu 2 ma ġewx applikati b’mod korrett, din għandha tirrikjedi li l-awtorità tal-approvazzjoni tieħu l-miżuri xierqa biex tikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 10

Relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-entità responsabbli għall-elaborazzjoni tal-metodoloġiji komuni tal-ittestjar

1. L-Unjoni Ewropea [irrappreżentata mill-Kummissjoni] għandha ssir membru sħiħ tal-entità responsabbli għall-elaborazzjoni tal-metodoloġiji komuni tal-ittestjar imsemmijin fl-Anness IV.

Artikolu 11
Ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE

1. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha toħroġ ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE fir-rigward ta’ kwalunkwe apparat li tapprova.

2. Iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu jitfasslu skont il-mudell fl-Anness V.

Fir-rigward ta’ kull tip ta’ apparat, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha:

(a)timla t-taqsimiet rilevanti kollha taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE;

(b)tikkompila pakkett ta’ informazzjoni li jinkludi: l-indiċi, il-fowlder ta’ informazzjoni flimkien mar-riżultat tat-test u d-dokumenti l-oħra kollha miżjuda mis-servizz tekniku jew mill-awtorità tal-approvazzjoni;

(c)tipprovdi ċ-ċertifikat komplut lill-applikant mingħajr dewmien f'forma stampata jew f'forma elettronika.

3. Għal kull tip u konfigurazzjoni tat-tagħmir li tkun approvat, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha, fi żmien 20 jum ta' xogħol minn meta toħroġ iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip, tibgħat kopja taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni, flimkien mal-annessi. Il-kopja tista' tkun stampata jew f'forma elettronika.

4. Jekk jintalab hekk minn Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li jkun ta approvazzjoni tat-tip tal-KE għandu, fi żmien 20 jum ta’ xogħol minn meta jirċievi dik it-talba, jibgħat kopja taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE inkwistjoni, flimkien mal-annessi. Il-kopja tista' tkun stampata jew f'forma elettronika.

Artikolu 12
Konformità mal-arranġamenti għall-produzzjoni

1. Awtorità tal-approvazzjoni li tkun approvat it-tip u l-konfigurazzjoni ta' apparat għandha tieħu l-miżuri neċessarji skont l-Anness VI biex tivverifika, jekk ikun hemm bżonn f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet tal-approvazzjoni oħra, li jkunu saru arranġamenti adegwati biex jiġi żgurat li l-apparat manifatturat jikkonforma mat-tip u l-konfigurazzjoni approvat.

2. Awtorità tal-approvazzjoni li tkun approvat it-tip u l-konfigurazzjoni ta' apparat għandha tieħu l-miżuri meħtieġa skont l-Anness VI fir-rigward ta’ dik l-approvazzjoni biex tivverifika, jekk ikun hemm bżonn f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet tal-approvazzjoni oħra, li l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 jibqgħu jkunu adegwati u li l-apparat prodott jibqa' jikkonforma mat-tip u l-konfigurazzjoni approvati. Il-verifikazzjoni biex jiġi assigurat li l-prodotti jikkonformaw mat-tip approvat tista' tkun limitata għal proċedura waħda jew aktar stipulati fl-Anness VI.

3. Meta awtorità tal-approvazzjoni li tkun approvat it-tip u l-konfigurazzjoni ta' apparat tistabbilixxi li l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 mhumiex qed jiġu applikati, qed jitbiegħdu sostanzjalment mill-arranġamenti miftiehma, jew ma baqgħux jiġu applikati, għalkemm il-produzzjoni ma twaqqfitx, dik l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li l-konformità tal-proċedura ta’ produzzjoni tiġi segwita kif suppost. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-irtirar taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni l-oħrajn u lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkunu ttieħdu.

Artikolu 13

Applikazzjonijiet għal emendi fiċ-ċertifikati ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE

1. Fejn hemm bżonn li jinbidlu d-dettalji rreġistrati fil-pakkett ta’ informazzjoni bħala riżultat ta' tibdil fl-apparat ikkonċernat, il-manifattur għandu japplika għal emenda fiċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE mingħajr dewmien.

2. Applikazzjoni għall-emenda ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tiġi ppreżentata biss lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun ħarġet iċ-ċertifikat oriġinali tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE.

Artikolu 14
Tipi ta' emendi

1. Jekk l-awtorità tal-approvazzjoni ssib li hemm bżonn isiru testijiet addizzjonali qabel issir l-emenda, hija għandha tinforma lill-manifattur b'dan. L-emendi għandhom isiru biss wara li jitwettqu t-testijiet addizzjonali.

2. Emenda għandha tissejjaħ "estensjoni taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE" jekk japplikaw wieħed jew aktar mill-punti li ġejjin:

(a)hemm bżonn ta' ttestjar addizzjonali;

(b)tkun inbidlet xi informazzjoni fiċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE, ħlief għall-annessi tiegħu;

(c)jidħlu fis-seħħ rekwiżiti ta' prestazzjoni ġodda relatati mal-apparat approvat.

F’każijiet bħal dawn, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha toħroġ ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE aġġornat, denotat b’numru ta' estensjoni. Iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu juri b’mod ċar ir-raġuni għall-estensjoni u d-data tal-ħruġ.

3. Meta l-paragrafu 2 ma jkunx japplika l-emenda għandha tissejjaħ "reviżjoni ta' ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE".

Artikolu 15
Il-ħruġ u n-notifikazzjoni tal-emendi

1. Fil-każ ta’ estensjoni, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha taġġorna t-taqsimiet kollha rilevanti taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-KE, l-annessi tiegħu, u l-indiċi għall-pakkett ta’ informazzjoni. Iċ-ċertifikat aġġornat u l-annessi tiegħu għandhom jinħarġu lill-applikant mingħajr dewmien.

2. Fil-każ ta’ reviżjoni, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha toħroġ id-dokumenti aġġornati jew il-verżjoni aġġornata u kkonsolidata tal-pakket tal-informazzjoni, kif xieraq, lill-manifattur mingħajr dewmien. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha timmarka kull paġna aġġornata tal-pakkett tal-informazzjoni biex turi b’mod ċar in-natura tal-bidla u d-data tal-ħruġ mill-ġdid.

3. Kull meta jinħarġu dokumenti aġġornati jew verżjoni aġġornata u kkonsolidata tal-pakkett tal-informazzjoni, l-indiċi tal-pakkett tal-informazzjoni mehmuż maċ-ċertifikat ta' approvazzjoni għandu jiġi emendat kif xieraq biex juri d-data tal-aktar estensjoni jew reviżjoni reċenti jew id-data tal-aktar konsolidazzjoni reċenti tal-verżjoni aġġornata.

4. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tinnotifika kwalunkwe emenda magħmula fiċ-ċertifikati ta' approvazzjonijiet tat-tip tal-UE lill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(3).

Artikolu 16
Terminazzjoni ta' validità ta' ċertifikati ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE

1. Approvazzjoni tat-tip tal-UE ma tibqax valida meta waħda jew it-tnejn minn dawn li ġejjin isseħħ:

(a)rekwiżiti ta' prestazzjoni ġodda applikabbli għall-apparat approvat isiru mandatorji għall-bejgħ jew it-tħaddim ta’ apparat ġdid, u ma jkunx possibbli li l-approvazzjoni tiġi aġġornata skont dan;

(b)il-produzzjoni tal-apparat approvat titwaqqaf definittivament b’mod volontarju;

2. Meta l-produzzjoni ta’ apparat approvat titwaqqaf definittivament b’mod volontarju, il-manifattur għandu jinnotifika lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun approvat dak l-apparat. Wara li tirċievi tali notifikazzjoni, din l-awtorità għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'dan fi żmien 20 jum ta' xogħol.

Artikolu 17
Proċedura fil-livell nazzjonali biex jiġi indirizzat apparat li jippreżenta riskju

1. Meta l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq fi Stat Membru jkunu ħadu azzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, jew meta jkollhom biżżejjed raġuni biex jemmnu li apparat kopert minn dan ir-Regolament ikun jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tan-nies jew ta' aspetti oħra tal-protezzjoni tal-interess pubbliku koperti minn dan ir-Regolament, huma għandhom iwettqu evalwazzjoni fir-rigward tal-apparat ikkonċernat li tkun tkopri r-rekwiżiti kollha stipulati f'dan ir-Regolament. Il-manifatturi għandhom jikkooperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

Meta, filwaqt li tkun qed issir l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jiskopru li l-apparat ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament, huma għandhom mingħajr dewmien jeżiġu li l-manifattur jieħu kull azzjoni korrettiva xierqa biex irendi l-apparat konformi ma' dawn ir-rekwiżiti, biex jirtira l-apparat mis-suq, jew biex isejjaħlu lura fi żmien raġonevoli, li jkun jikkorrispondi man-natura tar-riskju, skont kif jistgħu jistabbilixxu huma.

L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jinfurmaw lill-entità notifikata rilevanti skont dan.

L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 765/2008 għandu japplika għall-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu.

2. Meta l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jikkunsidraw li n-nuqas ta' konformità mhix ristretta għat-territorju nazzjonali tagħhom, huma għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-riżultati tal-evalwazzjoni u bl-azzjonijiet li talbu lill-manifattur biex jieħu.

3. Il-manifattur għandu jiżgura li tittieħed kull azzjoni korrettiva xierqa fir-rigward tal-apparat ikkonċernat li jkun għamel disponibbli fis-suq madwar l-Unjoni.

4. Meta l-manifattur ma jiħux azzjoni korrettiva adegwata fiż-żmien imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu kull miżura proviżorja xierqa sabiex jipprojbixxu jew jillimitaw l-apparat milli jsir disponibbli fis-suq nazzjonali tagħhom, jirtiraw il-prodott minn dak is-suq jew isejħulu lura.

Huma għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien, b'dawn il-miżuri.

5. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha, b'mod partikolari d-dejta neċessarja għall-identifikazzjoni tal-apparat li ma jkunx konformi, l-oriġini tal-apparat, in-natura tal-allegat nuqqas ta' konformità u r-riskju involut, in-natura u d-durata tal-miżuri nazzjonali lil ttieħdu u l-argumenti mressqa mill-manifattur rilevanti.

6. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għajr l-awtorità tal-approvazzjoni tal-Istat Membru li jkun beda l-proċedura għandhom mingħajr dewmien jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe miżura adottata u dwar kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun għad-dispożizzjoni tagħhom rigward in-nuqqas ta' konformità tal-apparat ikkonċernat u, fil-każ ta' nuqqas ta' qbil mal-miżura nazzjonali nnotifikata, dwar l-oġġezzjonijiet tagħhom.

7. Meta, fi żmien tliet (3) xhur minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, ma titqajjem l-ebda oġġezzjoni la minn awtorità tal-approvazzjoni oħra u lanqas mill-Kummissjoni fir-rigward tal-miżura proviżorja li tkun ħadet l-awtorità tal-approvazzjoni ta' Stat Membru, din il-miżura għandha titqies ġustifikata.

8. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri restrittivi xierqa rigward l-apparat ikkonċernat, bħall-irtirar tal-apparat mis-suq, mingħajr dewmien.

Artikolu 18
Proċedura ta’ salvagwardja tal-Unjoni

1. Meta, wara li titlesta l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3) u (4), jitqajmu oġġezzjonijiet kontra l-miżura li tkun ħadet l-awtorità tal-approvazzjoni ta' Stat Membru, jew meta l-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura nazzjonali tmur kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tidħol f'konsultazzjoni mal-awtorità tal-approvazzjoni tal-Istati Membri u mal-manifattur rilevanti u għandha tevalwa l-miżura nazzjonali. Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le.

Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri kollha u għandha immedjatament tikkomunikaha lilhom u lill-manifattur rilevanti.

2. Jekk il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata, l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-apparat li ma jkunx konformi jiġi rtirat mis-suq tagħhom, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni skont dan. Jekk il-miżura nazzjonali hija kkunsidrata mhux ġustifikata, l-awtorità tal-approvazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat għandha tirtira l-miżura.

Artikolu 19
Apparat mhux konformi mat-tip approvat

1. Awtorità tal-approvazzjoni tista’ tivverifika fi kwalunkwe ħin li l-apparat ikun akkumpanjat minn ċertifikat ta’ konformità jew li jkollu marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE li tikkonforma mat-tip u l-konfigurazzjoni li tkun approvat.

Dik il-verifikazzjoni għandha titwettaq skont l-Anness VI. Madankollu, tista' tkun limitata għal proċedura waħda jew aktar stipulati fih.

2. Jekk l-awtorità tal-approvazzjoni ssib li l-apparat imsemmi fil-paragrafu 1 ma jikkonformax mat-tip u l-konfigurazzjoni li jkun approvat għalihom, hija għandha tiżgura li l-manifattur irendi l-apparat konformi mat-tip u l-konfigurazzjoni approvati billi jieħu l-miżuri neċessarji. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-irtirar taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE.

L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn bil-miżuri li ttieħdu.

3. Jekk awtorità tal-approvazzjoni tirtira ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE, hija għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha u r-raġunijiet għaliha fi żmien 20 jum ta’ xogħol.

4. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, id-devjazzjonijiet mid-dettalji fiċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE jew fil-pakkett tal-informazzjoni għandhom jitqiesu li huma nuqqas ta’ konformità mit-tip u l-konfigurazzjoni approvati.

5. Jekk awtorità tal-approvazzjoni ssib li l-apparat li jkun akkumpanjat minn ċertifikat ta’ konformità jew li jkollu marka ta’ approvazzjoni tat-tip tal-UE ma jkunx jikkonforma mat-tip u l-konfigurazzjoni approvati minn awtorità tal-approvazzjoni oħra, hija għandha twaqqaf temporanjament id-disponibbiltà jew it-tħaddim ta’ dak l-apparat f'dak l-Istat Membru u titlob, mingħajr dewmien, lill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun ħarġet iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE biex tivverifika li l-apparat fil-produzzjoni għadu konformi mat-tip u l-konfigurazzjoni approvati.

Malli tirċievi tali talba, l-awtorità tal-approvazzjoni kkonċernata għandha tieħu l-azzjoni neċessarja malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, fi żmien tliet xhur mid-data tat-talba. Hija għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni l-oħrajn u lill-Kummissjoni b'dan.

6. Jekk l-awtorità tal-approvazzjoni li tkun ħarġet iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE tqis li l-apparat ikkonċernat fil-fatt jikkonforma mat-tip u l-konfigurazzjoni approvati, hija għandha tagħmel sforz biex issolvi dik it-tilwima. Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata u, fejn meħtieġ, għandha tagħmel konsultazzjonijiet xierqa bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni. Sakemm ma tinstabx soluzzjoni, il-miżuri temporanji msemmija fil-paragrafu 5 jibqgħu fis-seħħ.

Artikolu 20
Notifika ta’ deċiżjonijiet u rimedji disponibbli

Id-deċiżjonijiet kollha meħuda skont l-Artikoli 17, 18 u 19 għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedju għal kwlaunkwe deċiżjoni li tittieħed skont dawn l-artikoli.

L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tinnotifika kwalunkwe tali deċiżjoni lill-partijiet ikkonċernati kollha u, fl-istess ħin, tinformahom dwar ir-rimedji disponibbli għalihom skont il-liġi nazzjonali u dwar il-limiti biex jitħaddmu dawn ir-rimedji.

Artikolu 21

notifika tas-servizzi tekniċi

1. Mill-inqas awtorità tal-approvazzjoni waħda għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bl-isem, l-indirizz, inkluż l-indirizz elettroniku, il-persuni responsabbli u l-kategorija tal-attivitajiet ta’ kull servizz tekniku għall-fini tal-Artikolu 8. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b'kull modifika sussegwenti għalihom.

2. Servizz tekniku għandu jwettaq il-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament biss jekk dan ikun ġie nnotifikata lill-Kummissjoni.

3. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni jistgħu jaħtru kwalunkwe servizz tekniku għall-fini tal-Artikolu 8.

4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista u d-dettalji tal-awtoritajiet tal-approvazzjoni u s-servizzi tekniċi fuq is-sit elettroniku tagħha.

Artikolu 22
Rekwiżiti tas-servizzi tekniċi

 

1. Is-servizz tekniku għandu jwettaq it-testijiet meħtieġa jew is-superviżjoni tagħhom skont l-Artikolu 8. Huwa ma għandux iwettaq testijiet jew verifikazzjonijiet f'kategorija ta' attivitajiet li għalihom ma jkunx innotifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 21.

2. Għandu jkun hemm erba’ kategoriji ta’ servizzi tekniċi:

(a)il-kategorija A, servizz tekniku li jwettaq it-testijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) fil-faċilitajiet tiegħu stess;

(b)il-kategorija B, servizz tekniku li jwettaq superviżjoni tat-testijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1), liema testijiet jitwettqu fil-faċilitajiet tal-manifattur jew fil-faċilitajiet ta’ parti terza;

(c)il-kategorija C, servizz tekniku li jivvaluta u jimmonitorja, fuq bażi regolari, il-proċeduri tal-manifattur biex tiġi vverifikata l-konformità tal-produzzjoni;

(d)il-kategorija D, servizz tekniku li jagħmel superviżjoni jew iwettaq testijiet jew verifikazzjonijiet fil-qafas tal-konformità tal-arranġamenti tal-produzzjoni.

3. Is-servizz tekniku għandu joffri ħiliet xierqa, għarfien tekniku speċifiku u xhieda ta’ esperjenza fil-qasam ta’ attività tiegħu. Is-servizzi tekniċi għandhom ikunu kapaċi li jipprokuraw jew jiksbu l-materjali kollha neċessarji biex jitwettqu t-testijiet b'konformità mal-Artikolu 8(2).

Barra minn hekk, is-servizzi tekniċi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Anness VII.

4. Is-servizzi tekniċi għandhom jiżguraw li ż-żmien medju li jittieħed bejn meta ssir it-talba biex l-apparat jiġi ttestjat u meta r-riżultati tat-test isiru disponibbli għall-awtorità tal-approvazzjoni jkun ta' massimu ta' sitt xhur. Dan jista' jittawwal f'każi eċċezzjonali jew jekk il-manifattur jagħmel talba formali.

5. Awtorità tal-approvazzjoni tista’ taġixxi bħala servizz tekniku.

6. Servizz tekniku jew awtorità tal-approvazzjoni li taġixxi bħala servizz tekniku għandu jkollha l-Approvazzjoni tas-Sigurtà għal Faċilità neċessarja biex jittrattaw Informazzjoni Klassifikata tal-UE fuq livell ta’ CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL jew ogħla kif definit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2015/444/KE 8 .

7. Awtorità tal-approvazzjoni tista’ tinnomina servizz tekniku bbażata f’pajjiż terz biss fil-qafas ta’ ftehim bilaterali bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz.

Artikolu 23
Evalwazzjoni tal-ħiliet tas-servizzi tekniċi

1. Il-ħiliet imsemmija fl-Artikolu 22(3) għandhom jiġu evidenzjati permezz ta' ċertifikat ta' akkreditazzjoni maħruġ minn entità nazzjonali tal-akkreditazzjoni.

2. Iċ-ċertifikat ta' akkreditazzjoni għandu jintbagħat lill-Kummissjoni fuq talba.

3. Awtorità tal-approvazzjoni li taġixxi bħala servizz tekniku għandha turi konformità mal-ħiliet imsemmija fl-Artikolu 22(3) permezz ta’ evidenza dokumentarja, inkluża valutazzjoni mwettqa minn awdituri indipendenti tal-attività li tkun qed tiġi vvalutata. Dawn l-awdituri jistgħu jkunu mill-istess organizzazzjoni sakemm ikunu ġestiti b’mod awtonomu mill-persunal li jwettaq l-attività vvalutata. Il-Kummissjoni tista’ tibgħat awdituri biex jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(3).

.

Artikolu 24
Koordinazzjoni tas-servizzi tekniċi

1. Is-servizzi tekniċi għandhom jorganizzaw żjarat reċiproċi fl-uffiċċji rispettivi tagħhom sabiex jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki fl-eżekuzzjoni tat-testijiet meħtieġa skont l-Artikolu 8(1).

2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp settorjali tas-servizzi tekniċi biex tiżgura li tinkiseb koordinazzjoni u kooperazzjoni xierqa bejn is-servizzi tekniċi. L-awtoritajiet tal-approvazzjoni għandhom jiżguraw li servizzi tekniċi maħtura minnhom jieħdu sehem fix-xogħol ta’ dak il-grupp, b’mod dirett jew permezz ta’ rappreżentanti nominati.

3. Il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala l-President tal-grupp settorjali.

4. Il-kompiti tal-grupp settorjali għandhom ikunu b'mod partikolari li:

(a)jistabbilixxi linji gwida ta’ kwalità għall-applikazzjoni ta’ metodoloġiji komuni ta’ ttestjar imsemmija fl-Artikolu 8(2);

(b)jikkoordina u jiżviluppa miżuri mmirati biex jiżguraw li s-servizzi tekniċi jimplimentaw Metodoloġiji Komuni ta’ Ttestjar b'mod armonizzat, inklużi materjali tat-test minn sors wieħed, formati komuni ta’ dokumenti kondiviżi u kampanji ta’ ttestjar komparattivi;

(c)jiddisinja u jorganizza taħriġ għall-persunal tas-servizzi tekniċi;

(d)jikkoordina l-armonizzazzjoni teknika ma’ pajjiżi terzi rigward il-valutazzjoni tal-konformità ta’ apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

Artikolu 25
Tibdil fil-ħatriet

1. Meta awtorità tal-approvazzjoni tkun aċċertat li servizz tekniku nnominat minnha ma għadux jissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, jew li qiegħed jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tirrestrinġi, tissospendi jew tirtira n-nomina kif xieraq. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet l-oħra tal-approvazzjoni. Il-Kummissjoni għandha timmodifika l-lista msemmija fl-Artikolu 21(4) skont dan.

2. Fil-każ ta' restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar tan-nomina ta' servizz tekniku, jew jekk is-servizz tekniku jwaqqaf l-attività tiegħu, l-awtorità tal-approvazzjoni li tkun innominat is-servizz tekniku għandha tieħu passi xierqa sabiex tiżgura li l-fajls ta’ dak is-servizz tekniku jew jiġu pproċessati minn servizz tekniku ieħor jew inkella jinżammu disponibbli għall-awtorità tal-approvazzjoni nazzjonali meta din titlobhom.

Artikolu 26
Sfida għall-kompetenza tas-servizzi tekniċi

1. Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-każijiet kollha fejn ikollha dubji jew tinġibdilha l-attenzjoni għal dubji rigward il-kompetenza ta’ servizz tekniku jew rigward il-kapaċità ta’ servizz tekniku li jkompli jissodisfa r-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet applikabbli għalih.

2. L-awtorità tal-approvazzjoni tal-Istat Membru li jkun innotifika s-servizz tekniku għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, fuq talba, l-informazzjoni kollha rilevanti.

3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni sensittiva kollha li tinkiseb matul l-investigazzjoni tagħha tiġi trattata bħala kunfidenzjali

4. Meta l-Kummissjoni taċċerta ruħha li s-servizz tekniku notifikat ma għadux jissodisfa r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni tiegħu, hija għandha tinforma lill-awtorità tal-approvazzjoni tal-Istat Membru li jkun innotifika s-servizz tekniku skont dan u titolbu biex jieħu l-miżuri korrettivi neċessarji, inkluż l-irtirar tan-notifikazzjoni jekk hemm bżonn.

Artikolu 27
Emendi għall-Annessi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 28 sabiex temenda l-annessi kif ġej:

(a)hija tista’ temenda l-Anness I biex ikun jirrifletti l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti tal-prestazzjoni ġodda għall-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni;

(b)hija tista’ temenda l-annessi fejn meħtieġ biex jiġu adattati għall-iżvilupp tal-għarfien xjentifiku u tekniku;

Artikolu 28
L-eżerċitar tad-delega

1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa li jkunu adottati atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 27 hija kkonferita fuq il-Kummissjoni għal perjodu ta' 10 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 27 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 27 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 29
Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament, b'mod partikolari tal-Artikoli 5, 7 u 8 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 30
Dispożizzjonijiet tranżitorji

Sa [tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-Istati Membri jistgħu jkomplu japprovaw l-apparat taħt ir-regoli nazzjonali tagħhom.

Fuq talba tal-manifattur, awtorità tal-approvazzjoni li tkun approvat tip u konfigurazzjoni ta' apparat taħt ir-regoli nazzjonali qabel dik id-data, għandha toħroġ ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE fir-rigward tat-tip u l-konfigurazzjoni ta' dak l-apparat jekk ikun ġie ttestjat b'konformità mal-Artikolu 8(2).

Artikolu 31
Valutazzjoni

1. Sa [erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] l-aktar tard, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2. Sa [ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposti leġiżlattivi.

Artikolu 32
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika minn [sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament]

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

[...]    [...]

(1) Ara l-istudju SER3Co, kapitolu 3.2.4
(2) ĠU C , , p. .
(3) ĠU C , , p. .
(4) 4.COM(2012) 417 final
(5) 5.COM(2015) 185 final
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72)
(7) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p.53)
(8) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p.53)

Brussell, 7.9.2016

COM(2016) 491 final

ANNESSI

tal-proposta għal

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

dwar l-istabbiliment ta' sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għal apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni

{SWD(2016) 259 final}
{SWD(2016) 261 final}


ANNESSI

tal-proposta għal

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

dwar l-istabbiliment ta' sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għal apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni

LISTA TAL-ANNESSI

Anness I    Rekwiżiti tal-prestazzjoni

Anness II    Ċertifikat ta' konformità tal-UE

Anness III    Marka ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE;

Anness IV    Metodoloġiji komuni tal-ittestjar għall-iskop ta' approvazzjoni tat-tip rigward apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni

Anness V    Marka ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE

Anness VI    Konformità tal-proċeduri tal-produzzjoni

Anness VII    Standards li jridu jikkonformaw magħhom is-servizzi tekniċi



Anness I

REKWIŻITI TAL-PRESTAZZJONI

Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni li jridu jiġu ssodisfati huma dawn li ġejjin:

ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 u l-atti ta' suppliment u ta' implimentazzjoni.



Anness II

ĊERTIFIKAT TA' KONFORMITÀ TAL-UE

1. DESKRIZZJONI ĠENERALI

Iċ-ċertifikat ta’ konformità għandu jitfassal f’format massimu A4 (210 x 297 mm) jew f’folder ta’ format massimu A4. Il-kopja stampata tista’ tiġi sostitwita b’fajl elettroniku.

 

ĊERTIFIKAT TA' KONFORMITÀ TAL-UE

Is-sottoskritt [ ........................................................ (Isem sħiħ u kariga)]

b’dan jiċċertifika li l-apparat:

0.1. Marka kummerċjali (Denominazzjoni kummerċjali tal-manifattur): ................................................. .........

0.2. Tip: ................................................................... ...........................................

0.3 Konfigurazzjoni: ................................................................................ .....................

0.4 Isem kummerċjali: ................................................................... .....................

0.5. Kategorija tal-apparat: ............................................................................. ..............

0.6. L-isem u l-indirizz tal-manifattur: ............................................................

0.7. Fejn jinsab in-numru ta’ identifikazzjoni tal-apparat: ...........................................

0.8. L-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-manifattur (jekk hemm): .............

0.9. Numru ta’ identifikazzjoni tal-apparat: ......................................................................

jikkonforma f’kull rigward mat-tip deskritt fl-approvazzjoni (............. Numru taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, jekk hemm inkluż in-numru ta’ estensjoni) maħruġ fil-( ................... data tal-ħruġ) u jista' jsir disponibbli jew jitħaddem b'mod permanenti fl-Istati Membri

(Post) (Data): ….………………….. (Firma):....................................................



Anness III

MARKA TA' APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-UE

1. In-numru ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE jkun jikkonsisti f’ħames taqsimiet, kif ġej: Fil-każi kollha, it-taqsimiet ikunu separati bil-karattru “*”.

Taqsima 1 L-ittra żgħira “e” segwita bin-numru distintiv tal-Istat Membru li joħroġ l-approvazzjoni tat-tip tal-UE:

1 għall-Ġermanja; 2 għal Franza; 3 għall-Italja; 4 għan-Netherlands; 5 għall-Iżvezja; 6 għall-Belġju; 7 għall-Ungerija; 8 għar-Repubblika Ċeka; 9 għal Spanja; 11 għar-Renju Unit; 12 għall-Awstrija; 13 għal-Lussemburgu; 17 għall-Finlandja; 18 għad-Danimarka; 19 għar-Rumanija; 20 għall-Polonja; 21 għall-Portugall; 23 għall-Greċja; 24 għall-Irlanda; 25 għall-Kroazja; 26 għas-Slovenja; 27 għas-Slovakkja; 29 għall-Estonja; 32 għal-Latvja; 34 għall-Bulgarija; 36 għal-Litwanja; 49 għal Ċipru; 50 għal Malta;

Taqsima 2 In-numru tad-direttiva jew regolament ta' bażi.

Taqsima 3 In-numru jew ittra ta' identifikazzjoni tar-rekwiżit tal-prestazzjoni l-aktar reċenti applikabbli għal dak l-apparat u li b'referenza għalih tingħata l-approvazzjoni

Taqsima 4: Numru sekwenzjali b'erba' ċifri (b'żerijiet fil-bidu kif applikabbli) biex jindika n-numru tal-approvazzjoni bażi tat-tip tal-UE. Is-sekwenza għandha tibda minn 0001.

Taqsima 5: Numru sekwenzjali b'żewġ ċifri (b'żerijiet fil-bidu jekk applikabbli) biex jindika l-estensjoni. Is-sekwenza għandha tibda minn 00 għal kull numru tal-approvazzjoni bażi.

2. Eżempju tat-tielet tip ta' approvazzjoni (sa issa b'ebda estensjoni) maħruġa minn Franza għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 185/2010:

e2*185/2010*ETD1*0003*00



Anness IV

METODOLOĠIJI KOMUNI TAL-ITTESTJAR GĦALL-ISKOP TA' APPROVAZZJONI TAT-TIP RIGWARD APPARAT TA' KONTROLL TAS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI

Il-metodoloġiji komuni tal-ittestjar li għandhom jiġu applikati għat-testijiet imsemmijin fl-Artikolu 8 huma l-Metodoloġiji Komuni tal-Ittestjar (Common Testing Methodologies - CTMs) żviluppati fil-qafas tal-Proċess ta' Evalwazzjoni Komuni (Common Evaluation Process - CEP) approvat mill-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (European Civil Aviation Conference - ECAC)



Anness V

MUDELL

[ESTENSJONI TA'] [RIFJUT TA'] [RTIRAR TA']

ĊERTIFIKAT TA' APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-UE

Format massimu: A4 (210 × 297 mm))

APPARAT TA' KONTROLL TAS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI TAL-UE

Timbru tal-awtorità tal-approvazzjoni

Fir-rigward tar-Regolament…

[Numru tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE:]

[Raġuni għall-estensjoni][Raġuni għar-rifjut][Raġuni għall-irtirar]:

[Numru tal-estensjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE]

TAQSIMA I

0.1. Marka kummerċjali (denominazzjoni kummerċjali tal-manifattur)

0.2. Tip:

0.2.1. Konfigurazzjoni:

0.2.2. Isem/Ismijiet kummerċjali 2 :

0.3. Mezzi ta’ identifikazzjoni tat-tip u l-konfigurazzjoni, jekk immarkat fuq l-apparat ta' investigazzjoni tal-avjazzjoni:

0.3.1. Fejn tinsab/jinsabu l-marka/i:

0.4. Kategorija tal-apparat 3 :

0.5. L-isem u l-indirizz tal-manifattur

0.6. L-isem/ismijiet u l-indirizz(i) tal-impjant(i) tal-immuntar:

0.7. L-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-manifattur (jekk hemm):

TAQSIMA II

Jien, hawn taħt iffirmat(a), b'dan niċċertifika l-preċiżjoni tad-deskrizzjoni tal-manifattur fid-dokument ta' informazzjoni mehmuż tal-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni deskritt hawn fuq ((a) kampjun(i) ġew magħżula mill-awtorità ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE u ppreżentat(i) mill-manifattur bħala prototip(i) tat-tip ta' apparat) u li r-riżultati tal-ittestjar mehmuża huma applikabbli għat-tip u l-konfigurazzjoni tal-apparat.

[it-taqsima li jmiss ma tapplikax fil-każ ta' estensjoni jew reviżjoni taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE:

1. It-tip ta’ apparat jissodisfa/ma jissodisfax (1) ir-rekwiżiti ta' prestazzjoni tal-[atti regolatorji rilevanti kollha fl-Anness I ta' dan ir-Regolament]

2. L-approvazzjoni hija mogħtija/rrifjutata/irtirata ( 1 )].

(Post) (Firma) (Data)

Dokumenti mehmużin

Pakkett ta’ informazzjoni.

Ir-riżultati tat-test

L-isem/L-ismijiet u l-kampjun(i) tal-firma/firem tal-persuna/i awtorizzata/i li tiffirma/jiffirmaw iċ-ċertifikati ta' konformità u d-dikjarazzjoni tal-kariga tagħhom fl-awtorità ta' approvazzjoni.



ANNESS VI

KONFORMITÀ TAL-PROĊEDURI TAL-PRODUZZJONI

Il-proċeduri ta' konformità tal-produzzjoni jinkludu, b'mod inseparabbli l-valutazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità, imsemmija hawn taħt bħala “il-valutazzjoni inizjali” u l-verifika mill-awtorità ta' approvazzjoni u l-kontrolli relatati mal-prodott, imsejħa “l-arranġamenti ta' konformità tal-produzzjoni”.

1. Il-valutazzjoni inizjali

1.1. L-awtorità tal-approvazzjoni ta’ Stat Membru għandha tivverifika l-eżistenza ta’ arranġamenti u proċeduri sodisfaċenti biex jiġi żgurat il-kontroll effettiv biex hekk l-apparat prodott ikun jikkonforma mat-tip approvat.

1.2. Gwida dwar kif jitwettqu l-valutazzjonijiet tinsab fil-Linji Gwida tal-istandards armonizzati relevanti għall-awditjar tas-sistemi ta' ġestjoni tal-kwalità u / jew dawk ambjentali.

1.3. L-awtorità ta' approvazzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tivverifika l-arranġamenti u l-proċeduri imsemmija fil-punt 1.1

1.3.1. Il-valutazzjoni inizjali u / jew il-verifika tal-arranġamenti ta’ konformità tal-produzzjoni għandhom jitwettqu mill-awtorità tal-approvazzjoni li tkun qed tagħti l-approvazzjoni jew entità maħtura li taġixxi f’isem l-awtorità tal-approvazzjoni.

1.3.1.1. Meta tkun qed tikkunsidra l-limitu tal-valutazzjoni inizjali li trid tiġi mwettqa, l-awtorità tal-approvazzjoni tista’ tqis l-informazzjoni disponibbli relatata maċ-ċertifikazzjoni tal-manifattur deskritta fil-punt 1.3.3, li ma tkunx ġiet ikkunsidrata jew rikonoxxuta taħt dak il-punt.

1.3.2. Il-valutazzjoni inizjali u / jew il-verifika tal-arranġamenti ta’ konformità tal-produzzjoni jistgħu jitwettqu wkoll mill-awtorità tal-approvazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew mill-entità maħtura nominata għal dan il-għan mill-awtorità tal-approvazzjoni.

1.3.2.1. F’dan il-każ, l-awtorità tal-approvazzjoni tal-Istat Membru l-ieħor għandha tħejji dikjarazzjoni ta’ konformità li fiha tispjega l-oqsma u l-faċilitajiet ta’ produzzjoni li hi tkun kopriet bħala relevanti għall-apparat li jrid jiġi approvat għat-tip u għall-atti regolatorji li skonthom irid jiġi approvat dan l-apparat.

1.3.2.2. Meta tirċievi applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ konformità mill-awtorità tal-approvazzjoni ta’ Stat Membru li tkun ħarġet ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip, l-awtorità tal-approvazzjoni ta’ Stat Membru ieħor għandha tibgħat minnufih id-dikjarazzjoni ta’ konformità jew tavża li mhix f’pożizzjoni li tipprovdi tali dikjarazzjoni.

1.3.2.3. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità għandha tinkludi tal-inqas dan li ġej:

(a) Il-grupp jew il-kumpanija

(b) L-organizzazzjoni partikulari

(c) L-impjanti/Is-siti (eż. Impjant tat-Tagħmir 1 (Ir-Renju Unit))

(d) L-apparat (eż. Individwazzjoni ta’ Traċċi ta’ Splussivi (Explosive Trace Detection - ETD)

(e) Id-dokumenti eżaminati (eż. Il-manwal u l-proċeduri tal-kwalità tal-kumpanija u tas-sit)

(f) Data tal-valutazzjoni (eż. L-awditjar twettaq mit-18 sat-30 ta’ Mejju 2009)

(g) Żjara ta’ monitoraġġ ppjanata (eż. Ottubru 2010)

1.3.3. L-awtorità tal-approvazzjoni għandha taċċetta wkoll iċ-ċertifikazzjoni mill-manifattur għall-istandard armonizzat EN ISO 9001:2008 jew standard armonizzat ekwivalenti bħala li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni inizjali tal-punt 1. Il-manifattur irid jipprovdi d-dettalji taċ-ċertifikazzjoni u jimpenja ruħu li jipprovdi lill-awtorità tal-approvazzjoni b’kull reviżjoni tal-validità jew l-ambitu li ssirilha.

2. Arranġamenti ta’ konformità tal-produzzjoni

2.1. L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip ta’ Stat Membru għandha tivverifika l-eżistenza ta’ arranġamenti adegwati u pjanijiet ta’ kontroll dokumentati, li jridu jiġu miftiehma mal-manifattur għal kull approvazzjoni, biex f’intervalli speċifikati jitwettqu dawk it-testijiet jew il-kontrolli assoċjati meħtieġa għall-verifika ta’ konformità kontinwa mat-tip approvat inkluż, kwalunkwe test fiżiku relevanti speċifikati fl-atti regolatorji.

2.2. Id-detentur tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandu, b’mod partikolari:

2.2.1. jiżgura l-eżistenza u l-applikazzjoni tal-proċeduri għall-kontroll effettiv tal-konformità tal-prodotti mat-tip u l-konfigurazzjoni approvati;

2.2.2. ikollu aċċess għall-ittestjar jew apparat adatt ieħor meħtieġ għall-kontroll tal-konformità ma’ kull tip u konfigurazzjoni approvati;

2.2.3. jiżgura li d-dejta tar-riżultati tal-ittestjar jew tal-kontrolli jkunu rreġistrati u li kwalunkwe dokument anness relatat mar-riżultati tat-test jibqa' disponibbli għal perjodu li jiġi ddeterminat bi ftehim mal-awtorità tal-approvazzjoni. Dan il-perjodu ma jistax jaqbeż l-10 snin;

2.2.4. janalizza r-riżultati ta' kull tip ta' test jew kontroll, sabiex jivverifika u jiżgura l-istabbiltà tal-karatteristiċi tal-prodott, filwaqt li jippermetti tolleranza għall-varjazzjoni tal-produzzjoni industrijali;

2.2.5. jiżgura li, għal kull tip u konfigurazzjoni tal-apparat ta' kontroll tas-sigurtà tal-avjazzjoni, għall-inqas jiġu vverifikati l-speċifikazzjonijiet mibnija b'mod korrett b’rabta mal-approvazzjoni u l-informazzjoni meħtieġa għaċ-ċertifikati tal-konformità fl-Anness II.

2.2.6. jiżgura li kwalunkwe sett ta’ kampjuni jew partijiet għall-ittestjat li jipprovdu evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità fit-tip ta’ test jew kontroll inkwistjoni jwassal għal kampjunar u test jew kontroll ulterjuri. Għandhom jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex tiġi restawrata l-konformità tal-produzzjoni korrispondenti.

3. Arranġamenti ta’ verifika kontinwi

3.1. L-awtorità li tkun ħarġet iċ-ċertifikat tat-tip tal-UE tista’ fi kwalunkwe ħin tivverifika l-metodi ta’ kontroll tal-konformità applikati f’kull faċilità ta’ produzzjoni.

3.1.1. L-arranġamenti normali jkunu biex tiġi mmonitorjata l-effettività kontinwa tal-proċeduri stabbiliti fit-Taqsimiet 1 u 2 (valutazzjoni inizjali u arranġamenti għall-konformità tal-prodott).

3.1.1.1. Attivitajiet ta’ sorveljanza mwettqa mis-servizzi tekniċi notifikati għandhom ikun aċċettati bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 3.1.1 fir-rigward tal-proċeduri stabbiliti fil-valutazzjoni inizjali.

3.1.1.2. Il-frekwenza normali tal-verifiki mill-awtorità tal-approvazzjoni (minbarra dawk li hemm referenza għalihom fil-punt 3.1.1.1) għandha tkun tali li tiżgura li l-kontrolli relevanti applikati skont it-Taqsimiet 1 u 2 ikunu rieżaminati matul perjodu konsistenti mal-klima ta’ fiduċja stabbilita mill-awtorità tal-approvazzjoni.

3.2. F’kull rieżami, ir-rekords tat-testijiet jew il-kontrolli jew ir-rekords ta’ produzzjoni għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-ispettur; b’mod partikolari, ir-rekords ta’ dawk it-testijiet jew kontrolli dokumentati kif mitlub mill-punt 2.2.

3.3. L-ispettur jista’ jagħżel kampjuni b'mod aleatorju biex jiġu ttestjati fil-laboratorju tal-manifattur jew fil-faċilitajiet tas-servizz tekniku. F’dak il-każ għandhom jitwettqu biss testijiet fiżiċi. L-għadd minimu ta’ kampjuni jista’ jiġi determinat skont ir-riżultati tal-verifika tal-manifattur stess.

3.4. Fejn il-livell ta’ kontroll jidher li mhux sodisfaċenti, jew jkun jidher li jeħtieġ tiġi verifikata l-validità tat-testijiet imwettqa b’applikazzjoni tal-punt 3.2, l-ispettur irid jagħżel kampjuni li jridu jintbagħtu lis-servizz tekniku biex iwettaq it-testijiet fiżiċi.

3.5. F’każijiet fejn, matul spezzjoni jew rieżami ta’ monitoraġġ, joħorġu riżultati mhux sodisfaċenti, l-awtorità tal-approvazzjoni għandha tiżgura li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex tiġi restawrata l-konformità ta’ produzzjoni kemm jista’ jkun malajr.



Anness VII

STANDARDS LI JRIDU JIKKONFORMAW MAGĦHOM IS-SERVIZZI TEKNIĊI

1. L-istandards li jridu jikkonformaw magħhom is-servizzi tekniċi relatati mal-ittestjar tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE huma dawn:

1.1. Il-Kategorija A (testijiet imwettqa fil-faċilitajiet tagħhom): l-istandards armonizzati relevanti dwar ir-rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza tal-laboratorji tal-ittestjar u tal-ikkalibrar. Servizz tekniku magħżul għal attivitajiet tal-Kategorija A jista’ jwettaq jew jagħmel superviżjoni tat-testijiet fil-faċilitajiet ta' manifattur jew ta’ parti terza.

1.2. Il-Kategorija B (superviżjoni ta’ testijiet imwettqa fil-faċilitajiet tal-manifattur jew fil-faċilitajiet ta’ parti terza): l-istandards armonizzati relevanti dwar il-kriterji ġenerali għall-operazzjoni ta’ tipi varji ta’ entitajiet li jwettqu spezzjoni. Qabel iwettqu jew jagħmlu superviżjoni għal kwalunkwe test fil-faċilitajiet ta’ manifattur jew ta’ parti terza, is-servizz tekniku għandu jiċċekkja li l-faċilitajiet tat-test u t-tagħmir tal-kejl jikkonformaw mar-rekwiżiti xierqa tal-istandard imsemmi fil-punt 1.1.

2. L-istandards li jridu jikkonformaw magħhom is-servizzi tekniċi għal attivitajiet relatati mal-verifika tal-Konformità tal-Produzzjoni huma dawn:

2.1. Il-Kategorija C (proċedura għall-Valutazzjoni Inizjali u awditjar tas-sorveljanza tas-sistema tal-ġestjoni tal-kwalità tal-manifattur): l-istandards armonizzati relevanti dwar ir-rekwiżiti tal-entitajiet li jipprovdu l-awditjar u ċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni.

2.2. Il-Kategorija D (spezzjoni jew ittestjar ta’ kampjuni ta’ produzzjoni jew is-superviżjoni tagħhom): l-istandards armonizzati relevanti dwar il-kriterji ġenerali għall-operazzjoni ta’ tipi varji ta’ entitajiet li jwettqu spezzjoni.

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72)
(2) Jekk mhux disponibbli dakinhar tal-għoti tal-approvazzjoni tat-tip, din l-entrata għandha timtela mhux aktar tard minn meta l-apparat jiddaħħal fis-suq.
(3) Kif definit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 tal-4 ta’ Marzu 2010 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni