Brussell, 19.7.2016

COM(2016) 477 final

2016/0229(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fir-rigward ta’ merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) 1 għandu l-għan li jiffaċilita l-kummerċ leġittimu filwaqt li jiżgura s-superviżjoni doganali xierqa u l-ġlieda kontra l-frodi.

Il-KDU daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2013, iżda huwa japplika fl-intier tiegħu mill-1 ta’ Mejju 2016.

Din il-proposta għandha l-għan li timmodifika l-Artikolu 136 tal-KDU sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-KDU, b'mod partikolari dawk dwar is-superviżjoni doganali. Din l-emenda għandha tidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun sabiex tikkontribwixxi għas-superviżjoni doganali effettiva.

Bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-flussi tal-kummerċ, l-Artikolu 136 tal-KDU jiddikjara li ċerti dispożizzjonijiet (b’mod partikolari dawk li jirregolaw l-obbligi li tiġi ddepożitata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, li tiġi nnotifikata l-wasla ta’ bastiment jew inġenju tal-ajru, li titwassal u tiġi ppreżentata l-merkanzija lid-dwana mal-ħatt jew mat-trażbord u li wieħed jistenna l-awtorizzazzjoni qabel il-ħatt jew it-trażbord ta’ prodotti, u dawk li jirregolaw il-ħażna temporanja) ma għandhomx japplikaw għall-merkanzija li telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni waqt li għaddiet minn rotta diretta bejn żewġ punti f’dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru mingħajr waqfa barra l-Unjoni. Madankollu, in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet jista' jipperikola s-superviżjoni doganali effettiva ta’ din il-merkanzija.

L-Artikolu 136 tal-KDU ma jeliminax ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 134 tal-KDU biex il-merkanzija li tinġieb fit-territorju doganali tal-Unjoni tkun soġġetta għas-superviżjoni doganali u, fejn xieraq, għall-kontrolli doganali. Madankollu, it-test attwali tal-Artikolu 136 għandu l-konsegwenza li ma hemm l-ebda bażi legali ċara li teħtieġ l-preżentazzjoni ta’ din il-merkanzija lill-awtoritajiet doganali. Fin-nuqqas ta’ din il-preżentazzjoni, is-superviżjoni mill-awtoritajiet doganali tal-merkanzija mhux tal-Unjoni u tal-merkanzija tal-Unjoni li l-istatus tagħhom għandu jiġi ppruvat tista’ ssir aktar diffiċli.

L-awtoritajiet doganali f’dawn il-portijiet jew l-ajruporti sussegwenti għandu jkollhom l-opportunità li jiżguraw l-impożizzjoni kompleta u korretta tad-dazju tal-importazzjoni u ta' ħlasijiet oħra, jew l-applikazzjoni korretta ta’ miżuri mhux fiskali (eż. kontrolli veterinarji jew fitosanitarji) kif ukoll l-identifikazzjoni ta' riskji marbuta ma' merkanzija li tasal fil-portijiet jew l-ajruporti tagħhom.

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adatta ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-KDU, b'mod partikolari dawk dwar is-superviżjoni doganali, huwa għalhekk indispensabbli li tiġi proposta modifika għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 136 tal-KDU, li tiddistingwi bejn merkanzija tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni, kif ġej:

(1)L-ewwel, l-uniċi dispożizzjonijiet li ma japplikawx meta l-merkanzija mhux tal-Unjoni tidħol mill-ġdid fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet temporanjament minnu b'rotta diretta bil-baħar jew bl-ajru, għandhom ikunu:

(1)Ir-regoli dwar l-obbligu li tiġi ddepożitata d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul (Artikoli 127 sa 130 tal-KDU) u

(2)Ir-regoli dwar l-obbligu li tiġi nnotifikata l-wasla ta’ bastiment jew inġenju tal-ajru lill-uffiċċju doganali tal-ewwel dħul fit-territorju doganali tal-Unjoni (Artikolu 133 tal-KDU).

(3)Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-obbligu li l-merkanzija titwassal sa ċertu post, li tiġi ppreżentata lid-dwana mal-ħatt jew mat-trażbord, li wieħed jistenna l-awtorizzazzjoni qabel il-ħatt jew it-trażbord, u d-dispożizzjonijiet dwar il-ħażna temporanja għandhom japplikaw f’dawn is-sitwazzjonijiet, u b’hekk dan jippermetti is-superviżjoni doganali xierqa.

(2)It-tieni, is-sitwazzjoni għandha tkun simili għall-merkanzija tal-Unjoni li l-istatus tagħha jeħtieġlu jkun ippruvat skont l-Artikolu 153(2) tal-KDU, sal-punt li l-awtoritajiet doganali għandhom ikunu jistgħu jikkontrollaw il-prova tal-istatus tal-Unjoni tagħhom.

(3)It-tielet, ir-regoli li ma japplikawx għall-merkanzija tal-Unjoni li żammet l-istatus tagħha bis-saħħa tal-Artiklu 155(2) tal-KDU jistgħu, b'żieda ma' dan, jinkludu r-regoli dwar l-obbligu li l-merkanzija tiġi ppreżentata lid-dwana mal-ħatt jew trażbord, u l-obbligu li wieħed jistenna l-awtorizzazzjoni qabel il-ħatt jew it-trażbord tal-merkanzija (139 sa 140 tal-KDU). Dan huwa dovut għall-fatt li, anki jekk il-merkanzija telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni, l-istatus tagħha ma nbidilx u ma għandux għalfejn jiġi ppruvat.

(4)Fl-aħħar nett, ċerti referenzi għandhom jitħassru mill-Artikolu 136 tal-KDU, kif ġej:

(1)Ir-referenza għall-Artikoli 135(1) u 137 tal-KDU għandha titħassar għaliex l-merkanzija għandha titwassal f'ċerti postijiet indikati mill-awtoritajiet doganali fi kwalunkwe każ;

(2)Ir-referenza għall-Artikolu 141 tal-KDU għandha titħassar għaliex l-Artikolu 141(1) għandu jkompli jkun applikabbli għal merkanzija trasportata taħt il-proċedura ta’ tranżitu meta jerġgħu jidħlu fl-Unjoni doganali.

(3)Ir-referenza għall-Artikoli 144 sa 149 tal-KDU għandha titħassar għaliex id-dispożizzjonijiet dwar il-ħażna temporanja ma japplikawx għall-merkanzija tal-Unjoni fi kwalunkwe każ u l-applikazzjoni tagħhom għall-merkanzija mhux tal-Unjoni ġiet eskluża bi żball.

Il-konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta għandha l-għan li tiżgura l-applikazzjoni korretta tar-Regolament (KE) Nru 952/2013, li hija kompletament konformi mal-politiki u l-objettivi eżistenti rilevanti għall-kummerċ ta' merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni jew li tinħareġ minnu.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Il-bażi legali

Il-bażi legali hija l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

 

Is-sussidjarjetà

Il-proposta hija fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni skont l-Atikolu 3(1)(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

 

Il-proporzjonalità

Il-proposta ma tinvolvi l-ebda żvilupp ta’ politika ġodda meta mqabbla mal-att leġiżlattiv li għandha l-għan li temenda; hija sempliċement timmodifika dispożizzjoni unika waħda sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-istess Regolament. Billi r-Regolament (KE) Nru 952/2013 huwa att legali tal-UE, jista’ jiġi emendat biss permezz ta’ att legali ekwivalenti. L-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu individwalment.

 

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

Din l-emenda ma tbiddilx is-sustanza tar-Regolament (KE) Nru 952/2013 u għalhekk il-konsultazzjoni preċedenti mal-partijiet ikkonċernati li saret qabel l-adozzjoni ta' dak ir-Regolament għadha rilevanti.

L-emenda rilevanti ġiet diskussa wkoll mal-Istati Membri u mar-rappreżentanti tal-kummerċ f’diversi laqgħat konġunti tal-Grupp ta’ Esperti Doganali u tal-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ, fejn intlaħaq qbil dwar is-sustanza tal-verżjoni proposta.

Il-valutazzjoni tal-impatt

M’hemm ebda bżonn ta’ Valutazzjoni tal-Impatt addizzjonali. Din il-proposta temenda biss dispożizzjoni waħda sabiex tagħmilha koerenti ma’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, li huwa riformulazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 u li għalih il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-emenda proposta ma għandu jkollha l-ebda implikazzjoni baġitarja diretta iżda se tiffaċilita l-ġbir tar-riżorsi proprji.

2016/0229 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fir-rigward ta’ merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-flussi tal-kummerċ, l-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 jeskludi l-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament għall-merkanzija li telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni waqt li għaddiet bejn żewġ portijiet jew ajruporti tal-Unjoni mingħajr waqfien barra l-Unjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet huma r-regoli dwar l-obbligu li tiġi ddepożitata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, ir-regoli dwar l-obbligu li tiġi nnotifikata l-wasla ta’ bastiment tal-baħar jew inġenju tal-ajru, ir-regoli dwar l-obbligu li l-merkanzija titwassal f'ċerti postijiet u li tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali fil-punt fejn tinħatt jew tiġi trażbordata, u r-regoli dwar il-ħażna temporanja.

(2)Bħala riżultat ta’ dan, ma hemm l-ebda bażi legali għall-ħtieġa ta' preżentazzjoni tal-merkanzija li tinħatt jew tiġi trażbordata fil-punt fejn il-merkanzija tidħol mill-ġdid fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet b’mod temporanju minnu. Mingħajr il-preżentazzjoni, jista’ jkun aktar diffiċli li l-awtoritajiet doganali jiżguraw is-superviżjoni ta’ dik il-merkanzija, u hemm riskju li d-dazju tal-importazzjoni u ħlasijiet oħra ma jiġux imposti korrettament u li l-miżuri mhux fiskali bħal kontrolli veterinarji u fitosanitarji ma jiġux applikati b’mod korrett.

(3)L-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti ta’ merkanzija tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni.

(4)Sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni doganali effettiva tal-merkanzija mhux tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-obbligu li l-merkanzija titwassal f'ċerti postijiet, li tiġi ppreżentata lid-dwana mal-ħatt jew it-trażbord, li wieħed jistenna l-awtorizzazzjoni qabel il-ħatt jew it-trażbord, kif ukoll id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħażna temporanja, għandhom ikomplu japplikaw għal merkanzija mhux tal-Unjoni. Għalhekk l-Artikolu 136 għandu jistipula li fir-rigward tal-merkanzija mhux tal-Unjoni huma esklużi biss ir-regoli dwar l-obbligu li tiġi ddepożitata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul u l-obbligu li tiġi nnotifikata l-wasla ta’ bastiment tal-baħar jew ta’ inġenju tal-ajru.

(5)Sabiex tkun żgurata s-superviżjoni effettiva tal-merkanzija tal-Unjoni, l-Artikolu 136 għandu jagħmel distinzjoni bejn is-sitwazzjoni tal-merkanzija tal-Unjoni li l-istatus tagħha jenħtieġ li jiġi ppruvat skont l-Artikolu 153(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u l-merkanzija tal-Unjoni li tkun żammet l-istatus tagħha skont l-Artikolu 155(2) ta’ dak ir-Regolament.

(6)Rigward il-merkanzija li l-istatus tagħha jenħtieġ li jiġi ppruvat skont l-Artikolu 153(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, għandha tiġi eskluża biss l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-obbligu li tiġi ddepożitata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul u l-obbligu li tiġi nnotifikata l-wasla ta’ bastiment tal-baħar jew ta’ inġenju tal-ajru, u b’hekk dan jippermetti s-superviżjoni doganali xierqa.

(7)Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 139 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 dwar l-obbligu li tiġi ppreżentata l-merkanzija lid-dwana mal-ħatt jew mat-trażbord u l-obbligu li wieħed jistenna l-awtorizzazzjoni qabel il-ħatt jew it-trasbord ta’ merkanzija stipulata fl-Artikolu 140 ta’ dak ir-Regolament ma għandhiex tapplika wkoll għal merkanzija tal-Unjoni li jkunu żammew l-istatus tagħhom skont l-Artikolu 155(2) ta’ dan ir-Regolament filwaqt li jitqies il-fatt li, anke kieku l-merkanzija telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni, l-istatus tagħhom ma nbidilx u ma għandhomx għalfejn jiġu ppruvati.

(8)Ir-referenzi fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għall-Artikolu 135(1) u l-Artikolu 137 ta’ dak ir-Regolament għandhom jitħassru sabiex il-persuna li qed iġġib il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Unjoni tiġi obbligata li twassalhom sal-post indikat mill-awtoritajiet doganali, b’mod li dawn ikollhom il-possibbiltà li jekk meħtieġ jivverifikaw jekk il-merkanzija hix merkanzija tal-Unjoni jew merkanzija mhux tal-Unjoni.

(9)Ir-referenza fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għall-Artikolu 141 ta’ dak ir-Regolament għandha titħassar sabiex ikun ċar li l-Artikolu 141(1) li jeskludi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet għal merkanzija trasportata taħt il-proċedura ta’ tranżitu, japplika wkoll meta l-merkanzija tidħol mill-ġdid fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun telqet temporanjament minnu b'rotta bil-baħar jew bl-ajru.

(10)Ir-referenza fl-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għall-Artikoli 144 sa 149 ta’ dan ir-Regolament dwar il-ħażna temporanja għanda titħassar ukoll. Dawn ir-regoli ma japplikawx għall-merkanzija tal-Unjoni fi kwalunkwe każ u l-esklużjoni tagħhom għall-merkanzija mhux tal-Unjoni hija żball li għandu jiġi kkorreġut.

(11)Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni effettiva tal-merkanzija mingħajr aktar dewmien,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

 Fir-Regolament (UE) Nru 952/2013, l-Artikolu 136 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 136

Merkanzija li tkun telqet temporanjament mit-territorju doganali tal-Unjoni bil-baħar jew bl-ajru 

1.    L-Artikoli 127 sa 130 u l-Artikolu 133 ma għandhomx japplikaw meta l-merkanzija mhux tal-Unjoni tinġieb fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun temporanjament telqet minn dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru u tkun inġarret b’rotta diretta mingħajr waqfien barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

2.    L-Artikoli 127 sa 130 u l-Artikolu 133 ma għandhomx japplikaw meta l-merkanzija mhux tal-Unjoni li l-istatus doganali tagħha jenħtieġlu jiġi ppruvat skont l-Artikolu 153(2) tinġieb fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun temporanjament telqet minn dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru u tkun inġarret b’rotta diretta mingħajr waqfien barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

3.    L-Artikoli 127 sa 130 u l-Artikoli 133, 139 u 140 ma għandhomx japplikaw meta l-merkanzija mhux tal-Unjoni li l-istatus doganali tagħha jenħtieġlu jiġi ppruvat skont l-Artikolu 155(2), tinġieb fit-territorju doganali tal-Unjoni wara li tkun temporanjament telqet minn dak it-territorju bil-baħar jew bl-ajru u tkun inġarret b’rotta diretta mingħajr waqfien barra mit-territorju doganali tal-Unjoni. "

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).