Brussell, 30.6.2016

COM(2016) 434 final

2016/0198(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-għamla preżenti tal-permess ta' residenza toriġina minn Azzjoni Konġunta tal-Kunsill (97/11/JHA) adottata fl-1997. Diġà fl-2009, l-Istati Membri kienu kkunsidraw li l-eżistenza ta' sistemi ta' falsifikazzjonijiet aktar sofistikati ifisser li kien neċessarju li ssir ħidma fuq għamla ġdida għall-permessi ta’ residenza u ddeċidew li jintroduċu elementi ta' sigurtà aktar moderni biex itejbu l-elementi ta' sigurtà tal-permessi ta' residenza.

Ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 380/2008 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Minħabba l-introduzzjoni tal-elementi biometriċi (xbieha tal-wiċċ u marki tas-swaba') il-verżjoni bħala stiker tal-permess ta' residenza twarrbet u mill-20 ta’ Mejju 2011 huma biss permessi l-verżjoni bħala kard. Waqt in-negozjati dwar l-emenda tal-2008 għar-Regolament, li introduċiet l-identifikaturi biometriċi permezz ta' ċippa tat-tip ta' bla kuntatt fil-permess ta’ residenza, xi Stati Membri esprimew ix-xewqa li jinkludu ċippa ta' kuntatt fakultattiva għal użu nazzjonali fis-servizzi tal-gvern elettroniċi tagħhom. Dan ġie aċċettat, kif kien aċċettat l-użu fakultattiv ta' elementi addizzjonali (nazzjonali) ta' sigurtà.

Din il-kard tal-permess ta' residenza tintuża wkoll għall-permess tat-traffiku lokali tal-fruntiera u għall-permessi speċifiċi maħruġa skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali 1 .

L-uniformità fil-konfront tal-elementi nazzjonali ta' sigurtà

Il-Kummissjoni hija favur li jkun hemm format uniformi għall-permessi ta' residenza, kif huwa l-każ fejn jidħol l-istiker tal-viża. Dan ikun ifisser li l-Istati Membri jkollhom l-istess mudell ta' kard, disinn u karatteristiċi ta’ sigurtà. Madankollu, meta jittieħed kont tal-iżviluppi tekniċi miksuba f'xi Stati Membri fil-qasam tas-servizzi elettroniċi tal-gvern, kien ikkunsidrat xieraq li tiġi aċċettata l-inkorporazzjoni ta’ ċippa ta’ kuntatt għal skopijiet ta' servizzi elettroniċi tal-gvern fil-każ ta' dawk l-Istati Membri li jixtiequ jagħtu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi l-istess vantaġġi li għandhom iċ-ċittadini tagħhom stess, filwaqt li jiġi aċċettat li dan ikun iwassal għal ċertu nuqqas fl-uniformità tal-format.

F'dak il-kuntest, is-sentenza li ġejja ġiet miżjuda taħt l-Anness I, 2 (h) tar-Regolament:

"L-Istati Membri jistgħu jżidu wkoll karatteristiċi nazzjonali addizzjonali ta’ sigurtà, dment li dawn jiġu inklużi fil-lista stabbilita taħt l-Artikolu 2(1)(f) ta’ dan ir-Regolament u dment li jkunu konformi mad-dehra armonizzata tal-mudelli li ġejjin u li ma titnaqqasx l-effiċjenza tal-karatteristiċi uniformi tas-sigurtà.”.

Din il-lista ġiet sussegwentement stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 3770 tal-20 ta’ Mejju 2009. Hija elenkat l-elementi ta' sigurtà addizzjonali li l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għalihom jekk jagħżlu hekk.

L-għażla u l-implimentazzjoni ta' elementi ta' sigurtà fakultattivi addizzjonali u l-ambitu għall-interpretazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, li ma għadhomx biżżejjed speċifiċi minħabba l-iżviluppi tekniċi, kien ifisser li l-kwalità u d-dehra tal-permessi ta' residenza fost l-Istati Membri kienu differenti bil-bosta.

Il-ħidma dwar għamla u elementi ta' sigurtà ġodda bdiet fl-2010, meta sottogrupp tal-kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1683/95 ("il-Kumitat tal-Artikolu 6") ġie stabbilit biex jaħdem fuq din il-kwistjoni.

Mill-perspettiva tal-Kummissjoni, dan il-"bidu ġdid" kien ukoll opportunità biex tiġi esplorata l-possibilità li jiddaħħal format uniformi u armonizzati u biex jiġi żgurat li l-permessi ta' residenza kollha jkollhom l-ogħla livell possibbli ta' sigurtà. Dan ikun ta' għajnuna għall-gwardji tal-fruntiera u uffiċjali oħra biex ikun jistgħu jagħrfu l-permessi ta' residenza mal-ewwel daqqa ta' għajn.

Madankollu, kif spjegat fil-punt 3 hawn taħt, irriżulta matul il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati li approċċ totalment armonizzat ikun jinvolvi kosti kbar ħafna għal xi Stati Membri. Il-kompromess kien li tinżamm lista ta' karatteristiċi addizzjonali ta’ sigurtà avvanzati li jistgħu jiżdiedu ma’ format uniformi komuni jekk ikun mixtieq.

Waħda mir-raġunijiet prinċipali għal dan l-approċċ hija li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati fl-2009 jirrekjedu li l-kard tkun magħmula minn materjal tal-plastik (tat-tip tal-karti ta’ kreditu). Madankollu, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma jidentifikawx b'mod preċiż liema materjal tal-plastik għandu jintuża. Hemm tipi differenti ta’ plastik fis-suq, li fosthom l-aktar wieħed adatt huwa l-polikarbonat. Bħalissa, il-kards kollha għandhom struttura magħmula minn saffi differenti bl-użu ta' materjali differenti tal-plastik, anke jekk il-biċċa l-kbira jużaw il-polikarbonat. It-teknoloġiji ta' produzzjoni għall-materjali speċifiċi tal-plastik disponibbli f’kull Stat Membru huma wkoll differenti. Il-firxa ta' tekniki użati fil-produzzjoni tal-kards ifisser li mhux il-karatteristiċi ta' sigurtà kollha proposti jistgħu jiġu użati. Peress li l-permess ta' residenza l-ġdid għandu jkun newtrali mil-lat ta' kosti, ma kienx fattibbli li l-armonizzazzjoni sħiħa tinżamm bħal għan aħħari.

L-Istati Membri li jixtiequ jkomplu b'karattersitiċi ta' sigurtà fakultattivi kienu lesti li jillimitawhom għall-minimu u li jispeċifikaw it-teknoloġiji li jintużaw, il-post u d-daqs fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Dawn għandhom jiġu stabbiliti f'deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni 'l quddiem.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Il-Bażi ġuridika

Japplika l-Artikolu 79 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt 2(a), peress li jipprovdi għal "il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza, kif ukoll l-istandards dwar il-ħruġ minn Stati Membri ta' viżi u permessi ta' residenza għal żmien twil..." (dak li kien l-Artikolu 63(3)(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea).

Għaliex ma hemmx proposta ta' riformulazzjoni?

Fil-prinċipju, meta ssir it-tielet emenda sostanzjali, dan għandu jwassal għal riformulazzjoni.

Madankollu, f'dan il-każ, hemm argumenti li jiġġustifikaw devjazzjoni minn din ir-regola. Il-bidliet ewlenin se japplikaw fid-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi sigrieti għall-produzzjoni tal-permess ta' residenza l-ġdid. Ma hemmx tibdil sostanzjali fid-dispożizzjonijiet ta' promulgazzjoni ta' dan ir-regolament propost; huwa biss l-Anness li qiegħed jinbidel biex juri l-għamla l-ġdida. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni leġiżlattiva malajr peress li l-frodisti jinsabu f'vantaġġ, u l-permess ta' residenza jeħtieġ li jsir aktar reżistenti għall-frodi. Barra minn hekk, dan ir-regolament huwa ta' interess limitat għal pubbliku ġenerali, mhux bħal fil-każ ta' regolamenti oħrajn fil-qasam tal-politika tal-viża, bħal ma hu l-Kodiċi dwar il-Viżi.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

L-Artikolu 79(2)(a) TFUE jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jadottaw miżuri rigward "istandards dwar il-ħruġ minn Stati Membri ta' viżi u permessi ta' residenza għal żmien twil".

Il-proposta attwali hija fil-limiti stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u ma tbiddilx il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li l-format uniformi għall-permessi ta' residenza jsir aktar sigur u jittejjeb fid-dawl ta’ żviluppi fil-prattiki tal-frodisti. Dan l-objettiv ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri jekk jaġixxu waħedhom, minħabba li l-format jeħtieġ li jkun uniformi u hija biss l-Unjoni li tista' temenda att eżistenti tal-Unjoni.

Proporzjonalità

L-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati. Il-forma magħżula għal din l-azzjoni trid tkun tippermetti li l-proposta tilħaq l-għan tagħha u li tiġi implimentata bl-iktar mod effettiv possibbli.

Il-format uniformi tal-permessi ta' residenza ġie stabbilit f'regolament sabiex jiġi żgurat li jkun applikat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Din il-proposta temenda dak ir-regolament u għalhekk trid tieħu l-forma ta’ regolament. Fir-rigward tal-kontenut, din l-inizjattiva hija limitata għal titjib tar-regolament eżistenti. Hija għandha l-għan li tilħaq l-objettiv ta' politika li tiġi miġġielda l-migrazzjoni irregolari billi jsir aktar diffiċli li d-dokumenti jiġu ffalsifikati. Il-proposta, għalhekk, hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-ġbir u l-użu ta' għarfien espert

Is-sottogrupp tal-kumitat tal-Artikolu 6 żviluppa dokument bir-rekwiżiti li stabbilixxa t-titjib mixtieq kollu li jista' jiġi introdott f'format ġdid. L-Istati Membri qablu li jikkuntattjaw lill-fornituri tagħhom biex iressqu proposti. Huma mbagħad għażlu l-għamla u l-karattersitiċi ta' sigurtà preferuti tagħhom, li kellhom jiġu ntegrati fil-permess ta' residenza l-ġdid. Wieħed mir-rekwiżiti kien li l-format il-ġdid ikun newtrali mil-lat ta' spejjeż.

Matul id-diskussjonijiet, kien jidher ċar li l-Istati Membri ma kinux favur dokument kompletament armonizzat. Huma insistew li jżommu l-lista ta' karatteristiċi addizzjonali ta’ sigurtà "aġġornati", li jistgħu jiżdiedu ma' format uniformi komuni jekk ikun mixtieq. Minħabba l-iskemi differenti ta' produzzjoni li jeżistu, l-Istati Membri ma xtaqux ibiddlu s-sistemi tagħhom iżda ppreferew li jkomplu b'kard komuni "uniformi" b'livell imtejjeb ta' sigurtà u lista aġġornata ta' karatteristiċi ta' sigurtà fakultattivi (nazzjonali). L-"uniformità" tfisser biss li jkun hemm għamla unifomi u xi karatteristiċi ta' sigurtà standard, li magħhom ikunu jistgħu jiżdiedu xi karatteristiċi nazzjonali fakultattivi ta' sigurtà.

Minħabba l-implikazzjonijiet tal-ispejjeż għal xi Stati Membri kellha tintlaħaq soluzzjoni ta' kompromess. Dan kien jinvolvi li tinżamm il-possibbiltà ta' karatteristiċi fakultattivi ta' sigurtà addizzjonali iżda li titnaqqas il-lista għall-minimu possibbli, skont l-impatt tal-karatteristiċi ta' sigurtà fuq id-dehra uniformi, speċjalment fuq in-naħa ta' quddiem. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (il-materjali u t-teknoloġiji li għandhom jintużaw, il-post u d-daqs tagħhom, eċċ.) se jsiru aktar stretti, sabiex ma jkunx aktar possibbli li jkun hemm interpretazzjonijiet diverġenti. Dan għandu jarmonizza d-dehra tal-kard, ħaġa li hija importanti għall-uniformità u l-għarfien mill-gwardji tal-fruntiera.

Il-lista komprensiva ta' karatteristiċi fakultattivi ta' sigurtà tkun stabbilita fl-Anness li jkun fih l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament. L-istampa fl-Anness ta' dan ir-Regolament tista' għalhekk tvarja xi ftit fuq in-naħa ta' wara tal-permess ta' residenza, skont liema karatteristiċi fakultattivi jiġu użati minn Stati Membri individwali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-emenda proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Dispożizzjonijiet dettaljati

Ir-Regolament ta' emenda huwa bbażat fuq l-Artikolu 79(2)(a) tat-TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 63(3)(a) TKE.

1. Il-parteċipazzjoni tad-Danimarka

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih u lanqas ma hija soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Billi dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk tkunx se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

2. Il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4a tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja anness mat-Trattati, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll japplikaw ukoll għall-miżuri proposti jew adottati skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE li jemendaw miżura eżistenti li biha huma marbuta. Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament (KE) Nru 1030/2002, li tiġi emendata taħt din il-proposta. Minn dan isegwi li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 21. Dan ifisser li r-Renju Unit u l-Irlanda ma humiex obbligati jieħdu sehem fl-adozzjoni tar-Regolament propost (l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 21). Madankollu, skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21, dawn jistgħu jinnotifikaw lill-Kunsill, fi żmien tliet xhur wara li l-proposta tkun ġiet ippreżentata li huma jkunu jixtiequ jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-miżura.

L-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 japplika wkoll, u jagħti lir-Renju Unit u lill-Irlanda l-fakultà li jaċċettaw il-miżura ladarba dan ikun ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Sabiex jittieħed kont tal-għażliet li għandhom isiru mill-Irlanda u r-Renju Unit fit-tliet xhur wara l-adozzjoni tal-proposta, hemm sitt testi possibbli tal-premessi,li huma ppreżentati f'parentesi kwadri. Waħda jew tnejn minn dawn tingħażel bħala dik/dawk xierqa mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, abbażi tal-għażliet li jkunu saru mir-Renju Unit u l-Irlanda fit-tliet xhur wara l-adozzjoni tal-proposta.

3. L-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 huwa parti mill-acquis ta’ Schengen applikabbli għan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein abbażi tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni rispettivi tagħhom. L-emenda proposta għandha għalhekk tapplika wkoll għal dawn il-pajjiżi assoċjati.

4. Termini normattivi

Artikolu 1

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Anness tar- Regolament (KE) Nru 1030/2002 għandu jiġi sostitwit bl-Anness il-ġdid, li jkun fih l-immaġni u deskrizzjoni ġenerali tal-permess ta' residenza il-ġdid.

Artikolu 2

Biex isir possibbli li jintużaw il-ħażniet eżistenti, isir provvediment għal perjodu tranżitorju ta' sitt xhur li matulu l-Istati Membri jkunu jistgħu jibqgħu jużaw il-permessi ta' residenza qodma.

Artikolu 3

L-ewwel nett hemm id-dispożizzjoni tas-soltu għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

It-tieni, huwa pprovdut li l-Istati Membri jkollhom jintroduċu l-permessi ta' residenza l-ġodda disa' xhur wara li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi supplimentari.

2016/0198 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 79(2)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz

(2)Il-format uniformi preżenti għall-permessi ta' residenza, li ilu fiċ-ċirkolazzjoni fl-għamla preżenti tiegħu sa mill-1997, għandu jitqies bħala li ma għadux joffri sigurtà fid-dawl ta' inċidenti serji ta' falsifikazzjoni u frodi.

(3)Għalhekk għandha tiġi preskritta għamla ġdida komuni għall-permessi ta' residenza ta' ċittadini ta' pajjizi terzi, b'karatteristiċi ta' sigurtà aktar moderni sabiex il-permessi ta' residenza jsiru aktar siguri u tiġi evitata l-falsifikazzjoni.

(4)Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Billi dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, skont l-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu adottaw dan ir-Regolament, jekk tkunx se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(5)[B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dan il-Protokoll, dawn l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhumiex marbutin bih jew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.]

(6)[B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.]

(7)[B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dan il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.]

(8)[B'konformita mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawn l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.]

(9)[B’konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika (permezz tal-ittra ta' ...,) ix-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.]

(10)[B'konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.]

(11)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew li b'xi mod ieħor huwa relatat, mal-acquis ta' Schengen, rispettivament fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011..

(12)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn it-tnejn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 2 , li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 3 .

(13)Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 4 , li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/UE 5 .

(14)Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostittwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Protokoll ffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen 6 , li jaqa’ fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/KE 7 .

(15)Biex ikunu jistgħu jintużaw il-ħażniet eżistenti ta' permessi ta' residenza, jeħtieġ li jkun hemm perjodu tranżitorju li matulu l-Istati Membri jkunu jistgħu jibqgħu jużaw il-permessi ta' residenza l-antiki.

(16)Ir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 għandu għalhekk jiġi emendat kif ġej,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 jiġi sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-permessi ta' residenza li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 li huma applikabbli sad-data msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 jistgħu jintużaw għal permessi ta' residenza maħruġa sa sitt xhur wara dik id-data.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika minn tnax-il xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ulterjuri msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002.

Dan ir-Regolament ikun vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Schengen ( ĠU L 405, 30.12.2006, p.1); Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja (ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12). Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44). Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU L 375, 23.12.2004, p. 12); Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat-12 ta' Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka xjentifika (ĠU L 289, 3.11.2005, p. 15). Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta' Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17). Id-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar proċedura ta' applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru u dwar ġabra komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta' pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU L 343, 23.12.2011, p. 1). Id-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bħala ħaddiema staġonali (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375); Id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiż terz fil-qafas ta' trasferiment intra-azjendali (ĠU L 157, 27.5.2014, p. 1).
(2) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(4) ĠU L 53, 27.02.2008, p. 52.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2008/903/KE tas-27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1);
(6) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/EU tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

Brussell, 30.6.2016

COM(2016) 434 final

ANNESS

tal-Proposta

għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz


ANNESS

tal-Proposta

għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz

Xbieha ta' quddiem u ta' wara tal-kard:

(a) Deskrizzjoni

Il-permess ta' residenza inklużi l-elementi bijometriċi jiġu prodotti bħala dokument separat fil-format ID 1. Għandu jkun ibbażat fuq l-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti fid-dokumenti ICAO dwar dokumenti tal-ivjaġġar li jinqraw bil-magna (kards) (Dokument 9303, parti 7). Għandu jkollu l-annotazzjonijiet li ġejjin: 1 2

Quddiem:

1.    Din il-kaxxa jkun fiha l-kodiċi tal-pajjiż bi tliet ittri tal-Istat Membru li joħroġ id-dokument kif stabbilit fid-Dokument ICAO 9303 dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar li jinqraw minn magna, integrata fl-istampar tal-isfond.

2.    Is-simbolu ICAO għal dokument tal-ivvjaġġar li jinqara bil-magna b'mikroċippa ta' bla kuntatt (simbolu e-MRTD), b'kuluri li jvarjaw ottikament. L-ilwien jidhru differenti skont mil-liema naħa wieħed iħares lejhom.

3.1.    It-titolu tad-dokument (Permess ta' Residenza) jidher fil-lingwa(i) tal-Istat Membru emittenti.

3.2.    It-titolu tad-dokument, li jsir referenza għalih fin-numru 3.1 jiġi ripetut f'din il-kaxxa f'mill-inqas lingwa waħda oħra (massimu ta' tnejn) uffiċjali tal-UE sabiex jiġi ffaċilitat li l-kard tingħaraf bħala permess ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi

4.1.    In-numru tad-dokument.

4.2.    In-numru tad-dokument jiġi ripetut (b'karatteristiċi ta' siġurtà speċjali) f'din il-kaxxa.

5.    In-Numru tal-Kard ta' Aċċess (CAN) ikun indikat f'din il-kaxxa.

L-intestaturi msemmija fin-numri 6 sa 12 għandhom ikunu indikati fil-lingwa(i) tal-Istat Membru emittenti. L-Istat Membru emittenti jista’ jżid xi lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, fl-istess linja għal total ta' mhux aktar minn żewġ lingwi.

6.    Isem: kunjom/ijiet u l-ewwel isem(ismijiet) f'dik l-ordni 3 .

7.    Sess.

8.    Nazzjonalità.

9.    Data tat-twelid.

10 4 .    Tip ta' permess: it-tip speċifiku ta' permess ta' residenza maħruġ mill-Istat Membru liċ-ċittadin ta' pajjiz terz. Il-permess ta' residenza ta' membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni Ewropea li ma jkunx ezerċita d-dritt ta' moviment liberu għandu jkollu d-diċitura "membru tal-familja". Fil-każ ta’ benefiċjarji skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu "benefiċjarji taħt l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE".

11.    Din il-kaxxa tindika d-data relevanti tal-iskadenza tad-dokument 6 .

12 7 .    Rimarki: L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu d-dettalji u l-indikazzjonijiet għall-użu nazzjonali meħtieġ fid-dawl tad-disposizzjonijiet nazzjonali tagħhom fuq ċittadini ta' pajjiz terz, inkluz indikazzjonijiet dwar kull permess għax-xogħol jew validità illimitata tal-permess għal soġġorn 8 .

13.    Ritratt tal-identità ikun integrat b'mod sigur fl-istruttura tal-kard u ssiġillat permezz ta' Element Difrattiv ta' Immaġni Ottikament Varjabbli (DOVID).

14.    Firma tad-detentur

15.    DOVID għall-protezzjoni tar-ritratt.

In-naħa ta' wara:

16.    Rimarki: L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu d-dettalji u l-indikazzjonijiet għall-użu nazzjonali meħtieġa fid-dawl tad-disposizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ċittadini ta' pajjiz terz, inkluz indikazzjonijiet dwar kull permess għax-xogħol 9 , segwiti mill-kaxxi mandatorji:

16.1.    Id-data tal-ħruġ, il-post tal-ħruġ/l-awtorità emittenti: Id-data u l-post tal-ħruġ tal-permess ta' residenza. Fejn ikun xieraq, il-post tal-ħruġ jista' jiġi sostitwit b’referenza għall-awtorità emittenti.

16.2.    Post tat-twelid,

segwit minn kaxex falultattivi bħal ma huma l-"Indirizz tad-detentur".

16.3.    Informazzjoni relatata mal-produzzjoni tal-kard, bħall-isem tal-produttur, in-numru tal-verżjoni eċċ..

17.    Il-parti li tista' tinqara mill-magna. Il-parti li tinqara bil-magna tkun konformi mal-linji-gwida relevanti tal-ICAO stabbiliti fid-Dokument 9303.

18.    Il-parti stampata għandu jkollha l-emblema nazzjonali tal-Istat Membru biex jintgħaraf il-permess ta' residenza u tiġi pprovduta salvagwardja ta' l-oriġini nazzjonali tagħha.

19.    Il-parti li tista’ tinqara bil-magna ser ikollha test stampat fl-isfond tal-istampar li jindika l-Istat Membru emitenti. Dan it-test jista' ma jaffettwax il-karatterisitċi tekniċi tal-parti li tinqara bil-magna.

Karatteristiċi ta' sigurtà viżibbli nazzjonali (mingħajr preġudizzju għall-anness tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi):

20 10 .    Ċippa RF għandha tiġi użata bħala mezz ta' ħażna skont l-Artikolu 4a. L-Istati Membri jistgħu wkoll jinkorporaw fil-permess ta' residenza interfaċċa doppja jew ċippa ta' kuntatt separata għall-użu nazzjonali li għandha titpoġġa fuq in-naħa ta' wara tal-kard li tkun konformi mal-istandards ISO u li bl-ebda mod ma għandha tinterferixxi maċ-ċippa RF.

21.    Tieqa trasparenti

22.    Bordura trasparenti

(b) Kulur, proċess tal-istampar

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kulur u l-proċess tal-istampar skont il-format uniformi provdut f'dan l-Anness u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom ikunu stabbiliti skont l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament.

(c) Materjali

Il-kard hija magħmula kollha kemm hi minn polikarbonat jew xi polimeru sintetiku ekwivalenti (li jibqa' tajjeb għall-perjodu ta' validità ta' mill-anqas 10 snin).

(d) Tekniki ta' stampar

It-tekniki li ġejjin tal-istampar għandhom ikunu użati:

- Stampar offset tal-isfond, b'sigurtà qawwija

- Stampar fluworexxenti taħt l-UV

- Stampar qawsalla

Id-diżinn ta' sigurtà fuq in-naħa ta' quddiem tal-kard ikun distingwibbli minn dak fuq in-naħa ta' wara tal-kard.

- Enumerazzjoni

In-numru tad-dokument għandu jidher f'aktar minn pożizzjoni waħda fuq id-dokument (esklużi l-MRZ),

(e) Protezzjoni kontra l-ikkuppjar

DOVID imtejba li tipprovdi kwalità ta' identifikazzjoni u livell ta' sigurtà mhux anqas mill-element użat fil-format uniformi kurrenti għall-viżi għandha tintuża fuq in-naħa ta' quddiem tal-permess ta' residenza b'għamla u elementi avvanzat inkluż element diffrattiv imtejjeb għal verifikazzjoni avvanzata bil-magna.

(f) Teknika ta' personalizzazjoni

Biex ikun żgurat li d-dejta tal-permess ta' residenza tkun imħarsa kif imiss minn tentattivi ta' falsifikazzjoni, id-dejta bijografika inkluż ir-ritratt, il-firma tad-detentur u d-dejta l-oħra prinċipali għandhom ikunu integrati fil-materjal bażiku tad-dokument.

Għall-personalizzazzjoni tintuża teknoloġija tal-inċiżjoni bil-lejżer, jew xi teknoloġija ekwivalenti oħra b'integrazzjoni fi ħdan l-istruttura tal-kard.

(g) L-Istati Membri jistgħu jżidu wkoll karatteristiċi addizzjonali ta’ sigurtà nazzjonali, dment li dawn jiġu inklużi fil-lista stabbilita taħt l-Artikolu 2(1)(f) ta’ dan ir-Regolament u dment li jkunu konformi mad-dehra armonizzata tal-mudelli hawn fuq u li l-effiċjenza tal-karatteristiċi uniformi tas-sigurtà ma titnaqqasx

(1) Fejn issir referenza speċifika għal numru f'xi att legali ieħor tal-UE, ir-referenza korrispondenti preċedenti tiddaħħal f'nota f'qiegħ il-paġna.
(2) L-intestaturi li jridu jiġu stampati huma speċifikati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.
(3) Għall-kunjom u l-isem hija assenjata kaxxa waħda. Il-KUNJOM b'ittri kbar; l-isem b'ittri żgħar iżda l-ewwel ittra tkun kbira. Ma għandu jkun hemm l-ebda simbolu li jissepara l-KUNJOMIJIET u l-ismijiet. Jekk ikun neċessarju, l-ewwel u t-tieni kunjomijiet jistgħu jiġu kkombinati fl-istess linja, kif ukoll il-KUNJOMIJIET u l-ismijiet, sabiex jiġi ffrankat l-ispazju.
(4) qabel kien Nru 6.4.
(5) Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri.
(6) L-annotazzjoni għandha tindika biss f'format ta' data (jj/xx/ssss) u mhux bi kliem bħal ma huma "temporanju" jew "illimitat".
(7) qabel kien No 7.5-9.
(8) Ir-rimarki jistgħu jiddaħħlu fil-linja 1 fuq in-naħa ta' quddiem (bejn wieħed u ieħor 40 karattru) u 5 linji fuq in-naħa ta' wara.
(9) L-ispazju kollu disponibbli fuq in-naħa ta' wara tal-kard (ħlief għal MRZ) jiġi riżervat għall-kaxx tar-Rimarki. Ikun fih ir-rimarki attwali, segwit mill-kaxex bl-informazzjoni obbligatorja (id-data tal-ħruġ, il-post tal-ħruġ/l-awtorità tal-ħruġ, il-post tat-twelid), u segwiti mill-kaxex fakultattivi li kull SM jeħtieġ. Il-kaxex fakultattivi għandhom ikunu preċeduti minn sottotitoli.
(10) qabel kien Nru 16.