Brussell, 17.6.2016

COM(2016) 400 final

2016/0186(COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fil-każ tat-titli minn 2020 sa 2033, l-azzjoni "Kapitali Ewropej tal-Kultura" (ECOC) hija rregolata mid-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE 1 . Fl-Anness tagħha, id-Deċiżjoni fiha lista kronoloġika li tagħti indikazzjoni ta' meta kull Stat Membru huwa intitolat li jospita l-azzjoni (żewġ Stati Membri kull sena). Il-kompetizzjonijiet għall-għoti tat-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura jibdew sitt snin qabel is-sena tat-titlu bil-pubblikazzjoni tas-sejħiet għall-applikazzjonijiet mill-awtorità nazzjonali rilevanti.

Id-differenza bejn din id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE u d-Deċiżjoni preċedenti, id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE 2 hija li d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE twessa' l-azzjoni biex jistgħu jieħdu sehem il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi li huma kandidati potenzjali għas-sħubija mal-UE, sakemm dawn jieħdu sehem fil-Programm Ewropa Kreattiva jew fi programmi sussegwenti tal-Unjoni li jappoġġaw il-kultura fid-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-applikazzjonijiet. B'hekk, kull tliet snin, li jibdew mill-2021 (jiġifieri fl-2021, fl-2024, fl-2027, fl-2030 u fl-2033), jistgħu jieħdu t-titlu bliet ta' pajjiżi kandidati jew ta' pajjiżi li huma kandidati potenzjali. Dawn il-kompetizzjonijiet ukoll jibdew mhux aktar tard minn sitt snin qabel is-sena tat-titlu, bil-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta' sejħa għall-applikazzjonijiet.

Iżda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE ma tinkludix pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, li huma partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ("il-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE") (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein). Għaldaqstant mhuwiex possibbli li l-bliet ta' dawn il-pajjiżi jieħdu t-titlu tal-ECOC tul il-perjodu tal-2020 sal-2033.

Biex jissaħħu r-rabtiet kulturali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, ġie propost li d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tiġi emendata biex il-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-Programm Ewropa Kreattiva jew fil-programmi sussegwenti tal-Unjoni li jappoġġaw il-kultura, ħalli japplikaw għat-titlu tal-ECOC.

Dan ikun jaqbel mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fejn jgħid li "L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi […] fil-qasam tal-kultura […]".

Barra minn hekk, l-inklużjoni tal-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE tkun taqbel ukoll mal-Artikolu 81 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Artikolu 13 tal-Protokoll 31 tiegħu dwar il-kooperazzjoni f'oqsma partikolari barra l-erba' libertajiet.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Din il-proposta temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 u li għaldaqstant għandha l-istess bażi legali, l-Artikolu 167(5) tat-TFUE.

Is-sussidjarjetà

Billi d-Deċiżjoni Nru 445/2014 hija att legali tal-Unjoni, tista’ tiġi emendata biss permezz ta’ att legali ekwivalenti. L-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu individwalment.

Il-proporzjonalità

Ara aktar ’il fuq; Mhemmx għażliet oħra għall-azzjoni ECOC għall-bliet fil-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE.

L-għażla tal-istrument

Ara aktar ’il fuq; l-istrument propost: Deċiżjoni.

Konsultazzjoni pubblika

Waqt li kienet qiegħda tħejji l-proposta tagħha dwar Deċiżjoni dwar l-azzjoni ECOC għat-titli ta' bejn l-2020 u l-2033, il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika bejn is-27/10/10 u t-12/01/11, u waslulha 212-il tweġiba. Mistoqsija fost l-oħrajn kienet dwar il-possibbiltà li tinfetaħ l-azzjoni ECOC għal pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE 3 . Din l-idea qanqlet opinjonijiet differenti, u dak iż-żmien il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproponi ftuħ parzjali għall-pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE billi tillimita din l-opportunità għal dawk il-pajjiżi li kienu qed jippruvaw isiru membri sħaħ tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li ma hemmx bżonn ta' aktar konsultazzjoni, billi l-proposta li ssir Deċiżjoni ġdida għandha biss l-għan li twessa' (kemmxejn) l-aċċess għall-azzjoni tal-ECOC biex ikunu jistgħu jieħdu sehem il-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE.

3.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Kif kien diġà l-każ skont id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE, il-proposta tal-Kummissjoni ma għandhiex implikazzjoni baġitarja diretta, billi l-Premju Melina Mercouri u l-ispejjeż tal-bord tal-esperti magħżulin mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jitħallsu mir-riżorsi eżistenti tal-programm Ewropa Kreattiva fil-qafas finanzjarju għall-2014 sal-2020, jew jitħallsu minn programmi sossegwenti tal-Unjoni li jappoġġaw il-kultura fis-snin ta' wara l-2020. Barra minn hekk, il-proposta mhijiex se tagħti lok li jkun hemm żieda ta' Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-perjodu 2020 sa 2033 billi l-bliet tal-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE se jikkompetu ma' bliet tal-pajjiżi kandidati jew kandidati potenzjali li diġà kienu qed jieħdu sehem fil-kompetizzjoni.

4.ELEMENTI OĦRA

Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni tipproponi:

Li l-azzjoni tal-ECOC tinfetaħ biex ikunu jistgħu jieħdu sehem bliet mill-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE sakemm dawn il-pajjiżi jieħdu sehem fil-Programm Ewropa Kreattiva jew fil-programmi sussegwenti tal-Unjoni li jappoġġaw il-kultura fid-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-applikazzjonijiet;

Għal dan l-għan, li l-kompetizzjoni għall-bliet ta' pajjiżi kandidati/kandidati potenzjali tinfetaħ ukoll għall-bliet tal-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE;

Li jkun hemm titlu tal-ECOC f'belt ta' pajjiż kandidat/kandidat potenzjali jew ta' pajjiż tal-EFTA/ŻEE fl-2028 minflok fl-2027, biex dawn il-pajjiżi jkunu jistgħu jinnegozjaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm tal-Unjoni li jappoġġa l-kultura li jkun se jsir wara l-Ewropa Kreattiva tal-perjodu 2021 sa 2027, qabel ma tippubblika s-sejħa rilevanti għall-applikazzjonijiet il-Kummissjoni, mhux aktar tard minn sitt snin qabel is-sena tat-titlu;

Li tbiddel il-kalendarju fl-Anness tad-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE skont dan.

2016/0186 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 167(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 4 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)Id-Deċiżjoni Nru 445/2014.UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 għandha l-għan li tipproteġi u tippromwovi d-diversità tal-kulturi li jeżistu fl-Ewropa u li tenfasizza l-karatteristiki komuni ta' bejniethom filwaqt li tħeġġeġ is-sens taċ-ċittadini li jħossu li jiffurmaw parti minn żona kulturali komuni. Dik id-Deċiżjoni għandha wkoll l-għan li trawwem il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp fit-tul tal-bliet skont l-istrateġiji u l-prijoritajiet rispettivi tagħhom.

(2)L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE jistipula li jkollhom aċċess għall-azzjoni tal-Unjoni "Kapitali Ewropea tal-Kultura" biss il-bliet tal-Istati Membri, ta' pajjiżi kandidati u ta' pajjiżi kandidati potenzjali, jew bliet ta' pajjiżi li jidħlu fl-Unjoni fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fl-Artikolu 3(5) ta' dik id-Deċiżjoni.

(3)L-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun miftuħa wkoll, bl-istess kundizzjonijiet, għall-bliet ta' pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ("pajjiżi tal-EFTA/EEA") biex jissaħħu r-rabtiet kulturali bejn dawk il-pajjiżi u l-Unjoni Ewropea, bi qbil mal-Artikolu 81 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

(4)Madankollu, matul il-perjodu kopert b'din id-Deċiżjoni, jiġifieri mill-2020 sal-2033, għal raġunijiet ta' ekwità mal-bliet fl-Istati Membri, il-bliet fil-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE għandhom jitħallew jikkompetu għat-titlu f'kompetizzjoni waħda biss. Bl-istess mod, kull pajjiż tal-EFTA/ŻEE għandu jingħata t-titlu darba biss tul dak il-perjodu.

(5)Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura għandha tiġi ospitata minn pajjiż kandidat, pajjiż kandidat potenzjali jew pajjiż tal-EFTA/ŻEE fl-2028 minflok fl-2027, biex dawn il-pajjiżi jkunu jistgħu jinnegozjaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm tal-Unjoni li jappoġġa l-kultura li jkun se jsir wara l-Ewropa Kreattiva tal-perjodu 2021 sa 2027, qabel ma tiġi ppubblikata s-sejħa rilevanti għall-applikazzjonijiet mhux aktar tard minn sitt snin qabel is-sena tat-titlu.

(6)Għalhekk, id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE hija emendata kif ġej:

(1) L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-għadd ta' bliet detenturi tat-titlu f'sena partikolari (“is-sena tat-titlu”) ma għandux ikun aktar minn tlieta.

It-titlu għandu jingħata kull sena lil mhux iktar minn belt waħda f'kull wieħed miż-żewġ Stati Membri li jidhru fil-kalendarju li jinsab fl-Anness (“il-kalendarju”) u, fis-snin rilevanti, lil belt waħda f'pajjiż kandidat jew f'pajjiż kandidat potenzjali, jew lil belt waħda f'pajjiż li jaderixxi mal-Unjoni fiċ-ċirkostanzi li jinsabu fil-paragrafu 5.";

(b) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Il-bliet fil-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali li jipparteċipaw fil-Programm Ewropa Kreattiva jew fil-programmi sussegwenti tal-Unjoni li jappoġġaw il-kultura fid-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2) jistgħu japplikaw għat-titlu għal sena waħda fil-qafas ta' kompetizzjoni miftuħa organizzata kull tielet sena skont il-kalendarju.

Il-bliet fil-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw biss f'kompetizzjoni waħda matul il-perjodu mill-2020 sal-2033.

Kull pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali għandu jkun jista' jospita t-titlu darba biss matul il-perjodu mill-2020 sal-2033.";

(2) L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a) It-Titolu jinbidel b'dan li ġej:

"L-għażla minn qabel u l-għażla f'pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, f'pajjiżi kandidati jew f'pajjiżi kandidati potenzjali";

(b) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mill-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-bliet fil-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi kandidati potenzjali.";

(c) fil-paragrafu 6, l-ewwel sottoparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“6. Il-bord għandu joħroġ rapport tal-għażla dwar l-applikazzjonijiet tal-bliet kandidati fil-lista mqassra flimkien ma' rakkomandazzjoni għan-nomina ta' mhux aktar minn belt waħda f'pajjiż tal-EFTA/ŻEE, f'pajjiż kandidat jew f'pajjiż kandidat potenzjali wieħed.";

(3) Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Fil-każ ta' pajjiżi tal-EFTA/ŻEE, ta' pajjiżi kandidati u ta' pajjiżi kandidati potenzjali, il-Kummissjoni għandha tinnomina belt waħda biex iżżomm it-titlu fis-snin rilevanti, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-għażla tal-bord, u għandha tavża, mhux aktar tard minn erba' snin qabel is-sena tat-titlu, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni b'dik in-nomina.";

(4) L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 2, it-tieni sottoparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"L-Istat Membru jew il-pajjiż tal-EFTA/ŻEE, jew il-pajjiż kandidat jew kandidat potenzjali kkonċernat jista' jinnomina osservatur biex jattendi dawk il-laqgħat.";

(b) fil-paragrafu 3, it-tieni sottoparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Il-bord għandu jibgħat ir-rapporti ta' monitoraġġ lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-bliet nominati u lill-Istat Membru jew lill-pajjiż tal-EFTA/ŻEE jew lill-pajjiż kandidat jew lill-pajjiż kandidat potenzjali kkonċernat.";

(5) L-Anness jinbidel bit-test fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE (ĠU L 132, 3.5.2014, p.1).
(2) Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin mill-2007 sal-2019 (ĠU L 304, 3.11.2006, p. 1).
(3) Analiżi tar-riżultati ta' din il-konsultazzjoni: http://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/actions/documents/ecoc/consultation-analysis-results_en.pdf
(4) ĠU C , , p. .
(5) Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE (ĠU L 132, 3.5. 2014, p.1)

Brussell, 17.6.2016

COM(2016) 400 final

ANNESS

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033


ANNESS

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033

SKEDA

2020

Il-Kroazja

L-Irlanda

2021

Ir-Rumanija

Il-Greċja

Pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

2022

Il-Litwanja

Il-Lussemburgu

2023

L-Ungerija

Ir-Renju Unit

2024

L-Estonja

L-Awstrija

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali 1

2025

Is-Slovenja

Il-Ġermanja

2026

Is-Slovakkja

Il-Finlandja

2027

Il-Latvja

Il-Portugall

2028

Ir-Repubblika Ċeka

Franza

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

2029

Il-Polonja

L-Iżvezja

2030

Ċipru

Il-Belġju

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

2031

Malta

Spanja

2032

Il-Bulgarija

Id-Danimarka

2033

In-Netherlands

L-Italja

Pajjiż tal-EFTA/ŻEE, pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali

(1) Dejjem jekk din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel ma tkun waslet biex tiġi ppubblikata s-sejħa għall-applikazzjonijiet tal-kompetizzjoni tal-2024, jiġifieri sitt snin qabel is-sena tat-titlu.