Brussell, 30.5.2016

COM(2016) 363 final

2013/0027(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli ta' sigurtà tas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


2013/0027 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli ta' sigurtà tas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.Sfond

Id-data meta l-proposta ġiet trażmessa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013) 48 – 2013/0027/COD):


07.02.2013

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:


22.05.2013

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

13.03.2014

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

17.05.2016

2.L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni

L-ewwel, il-proposta tirrikjedi li l-Istati Membri kollha jiżguraw li għandhom fis-seħħ livell minimu ta’ kapaċitajiet nazzjonali billi:

jistabbilixxu awtoritajiet kompetenti għas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni (NIS);

iwaqqfu Skwadri ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (CSIRTs);

jadottaw strateġiji nazzjonali tal-NIS u pjani nazzjonali ta’ kooperazzjoni tal-NIS.

It-tieni, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jikkooperaw fi ħdan netwerk li jippermetti l-koordinazzjoni sigura u effettiva, inkluż l-iskambju kkoordinat tal-informazzjoni kif ukoll id-detezzjoni u r-rispons fil-livell tal-UE. Permezz ta’ dan in-netwerk, l-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u jikkooperaw sabiex jilqgħu għat-theddid u l-inċidenti tal-NIS fuq abbażi ta' pjan ta’ kooperazzjoni Ewropew dwar l-NIS. Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet rilevanti kollha jkunu involuti b’mod xieraq u f’waqtu, il-proposta tirrikjedi wkoll li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jiġu notifikati dwar inċidenti ta’ natura kriminali u li Europol ikun involut f’mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni madwar l-UE kollha.

It-tielet, abbażi tal-mudell tad-Direttiva Qafas għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-proposta għandha l-għan li tiżgura l-iżvilupp ta’ kultura ta’ ġestjoni tar-riskju u li l-informazzjoni tkun kondiviża bejn is-settur privat u dak pubbliku. Il-kumpaniji f'setturi kruċjali speċifiċi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jkunu meħtieġa jivvalutaw ir-riskji li jiffaċċjaw u jadottaw miżuri xierqa u proporzjonati biex jassiguraw l-NIS. Dawn l-entitajiet se jkunu meħtieġa jirrappurtaw lill-awtoritajiet kompetenti kull inċident li jikkomprometti serjament is-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni tagħhom u li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kontinwità tas-servizzi kritiċi u l-forniment tal-oġġetti.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

B’mod ġenerali, il-pożizzjoni tal-Kunsill tapprova l-għanijiet ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri li jkun żgurat livell għoli komuni ta’ sigurtà tas-sistemi tan-netwerks u tal-informazzjoni. Madankollu, il-Kunsill jagħmel għadd ta’ tibdiliet dwar kif għandu jintlaħaq dan l-għan.

Il-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà nazzjonali

Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa li jadotta strateġija nazzjonali tal-NIS li tistabbilixxi l-għanijiet strateġiċi u miżuri regolatorji u ta’ politika xierqa għaċ-ċibersigurtà. L-Istati Membri se jkunu rikjesti wkoll li jaħtru awtorità nazzjonali kompetenti għall-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ din id-Direttiva, kif ukoll l-Iskwadri ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters (CSIRTs) li jkun responsabbli għall-indirizzar tal-inċidenti u tar-riskji.

Għalkemm il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tirrikjedix lill-Istati Membri jadottaw pjan nazzjonali ta’ kooperazzjoni tal-NIS, kif previst fil-proposta oriġinali, il-pożizzjoni tista’ tiġi appoġġata hekk kif xi aspetti tal-pjan ta’ kooperazzjoni nżammu fid-dispożizzjoni dwar strateġija tal-NIS.

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill, id-Direttiva se toħloq ‘Grupp ta’ Kooperazzjoni’ magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (‘ENISA’), biex jappoġġa u jiffaċilita l-kooperazzjoni strateġika u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva se toħloq ukoll netwerk ta’ Skwadri ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters, magħrufa bħala CSIRTs, biex jippromwovi il-kooperazzjoni operattiva rapida u effettiva dwar inċidenti speċifiċi ta’ ċibersigurtà u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar ir-riskji.

Għalkemm sostantivament differenti mill-approċċ meħud fil-proposta oriġinali, il-pożizzjoni tal-Kunsill tista’ tiġi appoġġata minħabba li tikkorrispondi b’mod ġenerali mal-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

Ir-rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ notifika għall-operaturi ta’ servizzi essenzjali

Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill, ‘operaturi ta’ servizzi essenzjali’ (ekwivalenti għal ‘operaturi tal-infrastruttura kritika’ fil-proposta oriġinali) se jkunu rikjesti li jieħdu miżuri xierqa ta’ sigurtà u li jinnotifikaw inċidenti serji lill-awtorità nazzjonali rilevanti. Madankollu, il-Kunsill ma appoġġax l-obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jinnotifikaw inċidenti ta’ natura kriminali lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

Skont il-proposta oriġinali, il-pożizzjoni tal-Kunsill tkopri operaturi bħal dawn fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, il-banek, l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji u s-saħħa. Madankollu, il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi wkoll lis-setturi tal-ilma u tal-infrastruttura diġitali.

L-Istati Membri se jkunu meħtieġa jidentifikaw dawn l-operaturi abbażi ta’ ċerti kriterji, bħal jekk is-servizz huwiex essenzjali għaż-żamma ta’ attivitajiet ekonomiċi u soċjetali essenzjali. Għalkemm dan il-proċess ta’ identifikazzjoni oriġinali ma kienx parti mill-proposta oriġinali, jista’ jiġi aċċettat minħabba l-obbligu tal-Istati Membri li jippreżentaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li din teħtieġ biex tevalwa jekk l-Istati Membri humiex qed jużaw approċċi konsistenti biex jiġu identifikati operaturi ta’ servizzi essenzjali.

L-amministrazzjonijiet pubbliċi bħala tali mhumiex inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill. Madankollu, jekk dawn jissodisfaw il-kriterji previsti fl-Artikolu 5, se jkun jeħtieġ li jiġu identifikati mill-Istati Membri bħala operatur ta’ servizzi essenzjali, minħabba li operaturi ta’ servizzi essenzjali jistgħu jkunu entitajiet pubbliċi jew privati.

Ir-rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ notifika għall-fornituri tas-servizz diġitali

Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill, l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li fornituri ta' servizz diġitali (DSPs) jieħdu miżuri xierqa ta’ sigurtà u li jinnotifikaw l-inċidenti lill-awtoritajiet kompetenti. Il-pożizzjoni tal-Kunsill tkopri swieq online (ekwivalenti għal pjattaformi tal-kummerċ elettroniku fil-proposta oriġinali), is-servizzi tal-cloud computing u magni tat-tiftix. Meta mqabbla mal-proposta oriġinali, il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix:

portali ta’ ħlas fuq l-internet – dawn issa huma koperti permezz tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas;

ħwienet ta’ applikazzjoni – dawn għandhom jinftiehmu bħala tip ta’ suq online;

netwerks soċjali – skont il-ftehim politiku tal-Kunsill mal-Parlament Ewropew.

Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni ngħatat setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-arranġamenti proċedurali meħtieġa għall-funzjonament tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni kif ukoll biex tkompli tispeċifika ċerti elementi li jikkonċernaw id-DSPs, inklużi l-formati u l-proċeduri li japplikaw għar-rekwiżiti tan-notifika tad-DSPs.

Il-Kummissjoni tappoġġa l-eżiti msemmija hawn fuq.

Wara diskussjonijiet tripartiti informali fl-14 ta’ Ottubru 2014, fil-11 ta’ Novembru 2014, fit-30 ta’ April 2015, fid-29 ta’ Ġunju 2015, fis-17 ta’ Novembru 2015 u fis-7 ta’ Diċembru 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu qbil politiku proviżorju dwar it-test.

Dan il-ftehim politiku kkonfermah il-Kunsill fit-18 ta’ Diċembru 2015. Fis-17 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista' taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.