Brussell, 30.6.2016

COM(2016) 313 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità għall-finanzjament ta' miżuri baġitarji immedjati biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 1 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Istrument tal-Flessibbiltà sabiex ikun possibbli l-finanzjament ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti massimi disponibbli għal intestatura waħda jew aktar tal-qafas finanzjarju pluriennnali.

F’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 u l-punt 12 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 2 , wara li ġew eżaminati l-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet u ġie eżawrit kull marġini mhux allokat taħt l-intestatura tan-nefqa Sigurtà u Ċittadinanza (l-intestatura 3), il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi mmobilizzat l-Istrument tal-Flessibilità fl-2017, li għalih il-limitu massimu fuq l-ammont annwali disponibbli huwa EUR 471 miljun (prezzijiet tal-2011) li jikkorispondi għal EUR 530 miljun f'prezzijiet attwali.

Din il-mobilizzazzjoni tikkonċerna ammont ta’ EUR 530,0 miljun lil hinn mil-limitu massimu tal-intestatura 3 tal-qafas finanzjarju pluriennali, u hija maħsuba biex tiffinanzja appoġġ għal miżuri għall-immaniġġjar ta’ kriżijiet tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà.

L-approprjazzjonijiet ta' pagamenti li jikkorrispondu għall-mobilizzazzjoni proposta tal-Istrument ta’ Flessibbiltà ġew ikkalkulati fuq il-bażi tar-regoli applikabbli għal prefinanzjament, l-approvazzjoni ta’ prefinanzjament u l-pagamenti finali għad-diversi tipi ta’ miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati, u huma ppreżentati fit-tabella ta’ hawn taħt:

(f’miljuni ta’ EUR, skont il-prezzijiet attwali)

Sena

L-approprjazzjonijiet ta’ pagamenti relatati mal-mobilizzazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà għal miżuri għall-immaniġġar ta’ kriżijiet tar-refuġjati fl-2017

2017

238,3

2018

91,0

2019

141,9

2020

58,8

Totali

530,0

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità għall-finanzjament ta' miżuri baġitarji immedjati biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 3 , u b’mod partikolari l-punt 12 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Istrument ta' Flessibbiltà huwa maħsub biex jippermetti l-finanzjament ta' nefqa identifikata b'mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti disponibbli ta' intestatura jew intestaturi oħra.

(2)Kif stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 4 , jkun hemm limitu massimu fuq l-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà ta’ EUR 471 miljun (prezzijiet tal-2011).

(3)Minħabba l-ħtiġijiet urġenti, huwa meħtieġ li jiġu mmobilizzati ammonti addizzjonali importanti għall-finanzjament ta' miżuri biex itaffu l-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà.

(4)Wara li eżaminaw il-possibilitajiet kollha għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet taħt il-limiti massimi tan-nefqa għall-intestatura 3 (Sigurtà u Ċittadinanza), jidher li huwa meħtieġ li jiġi mmobilizzat l-Istrument ta' Flessibbiltà biex jikkomplementa l-finanzjament fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, lil hinn mill-limiti massimi tal-intestatura 3 b'EUR 530,0 miljun mill-miżuri ta' finanzjament biex jiġu ffinanzjati miżuri fil-qasam tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà.

(5)Abbażi tal-profil tal-pagament mistenni, l-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà għandhom jitqassmu fuq diversi snin finanzjarji u huma stmati għal EUR 238,3 miljun fl-2017, EUR 91,0 miljun fl-2018, EUR 141,9 miljun fl-2019, u EUR 58,8 miljun fl-2020,

(6)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed biex jiġi mmobilizzat l-Istrument ta’ Flessibilità, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2017.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, l-Istrument ta' Flessibbiltà għandu jintuża biex jipprovdi s-somma ta' EUR 530,0 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn fl-intestatura 3 (Sigurtà u Ċittadinanza).

Dak l-ammont jintuża biex jiffinanzja miżuri għall-immaniġġar tal-kriżi tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà.

(2)Abbażi tal-profil tal-pagament mistenni, l-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu għall-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà se jkunu kif ġej:

(a)EUR 238,3 miljun fl-2017;

(b)EUR 91,0 miljun fl-2018;

(c)EUR 141,9 miljun fl-2019;

(d)EUR 58,8 miljun fl-2020;

L-ammonti speċifiċi għal kull sena finanzjarja għandhom jiġu awtorizzati f'konformità mal-proċedura baġitarja annwali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2017.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).