IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.7.2016
COM(2016) 294 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabilixxi li ma ttieħdet ebda azzjoni effettiva minn Spanja b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013
{SWD(2016) 241 final}
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabilixxi li ma ttieħdet ebda azzjoni effettiva minn Spanja b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.
(2)Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv, li kien adottat sabiex jgħin il-korrezzjoni fil-pront tad-defiċits eċċessivi tal-amministrazzjoni pubblika.
(3)Il-Kunsill, waqt li aġixxa fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, fis-27 ta’ April 2009 iddeċieda, f’konformità mal-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li kien jeżisti defiċit eċċessiv fi Spanja u ħareġ rakkomandazzjoni biex dan id-defiċit eċċessiv jiġi kkoreġut sa mhux aktar tard mill-2012, skont l-Artikolu 104(7) ta’ dak it-Trattat. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-Kunsill ħareġ tliet rakkomandazzjonijiet ġodda lil Spanja (fit-2 ta’ Diċembru 2009, fl-10 ta’ Lulju 2012 u fil-21 ta’ Ġunju 2013) fuq il-bażi tal-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li estendew l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2013, l-2014 u l-2016 rispettivament. F'kull waħda mit-tliet rakkomandazzjonijiet il-Kunsill ikkunsidra li Spanja kienet ħadet azzjoni effettiva iżda li kienu seħħew eventi ekonomiċi negattivi mhux mistennija b’konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi tal-gvern.
(4)L-aħħar Rakkomandazzjoni tal-Kunsill lil Spanja abbażi tal-Artikolu 126(7) tat-Trattat inħarġet fil-21 ta’ Ġunju 2013. Din irrakkomandat lil Spanja biex tilħaq mira tad-defiċit nominali ta' 6.5 % tal-PDG fl-2013, 5.8 % tal-PDG fl-2014, 4.2 % tal-PDG fl-2015, u 2.8 % tal-PDG fl-2016, li kien konsistenti ma' titjib fil-bilanċ strutturali ta' 1.1 %, 0.8 %, 0.8 %, u 1.2 % tal-PDG fis-snin 2013-2016 rispettivament fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni 2013 estiż sal-2016. Biex tikseb dan it-titjib Spanja ntalbet timplimenta miżuri addizzjonali li jammontaw għal 2 %, 1 % u 1.5 % tal-PDG fl-2014, 2015 u 2016 rispettivament. Barra minn hekk, Spanja ntalbet (i) isaħħaħ l-effettività tal-qafas istituzzjonali billi żżid iktar it-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-Liġi tal-Istabbiltà Baġitarja kif ukoll billi tistabbilixxu kunsill fiskali indipendenti biex jipprovdi analiżi, pariri u jimmonitorja l-konformità tal-politika fiskali mar-regoli nazzjonali u tal-UE, (ii) tieħu passi konkreti biex trażżan iż-żieda fid-defiċit strutturali fis-sistema tas-sigurtà soċjali, u (iii) tagħmel enfasi akbar biex il-konsolidazzjoni tkun tiffavorixxi t-tkabbir, inkluż billi twettaq rieżamijiet sistematiċi tas-sistema tan-nefqa u t-taxxa. Finalment, sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija tal-konsolidazzjoni fiskali, ir-rakkomandazzjoni indikat li kien importanti li l-konsolidazzjoni fiskali tiġi appoġġata minn riformi strutturali kumplessivi, f'konformità mar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lil Spanja fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u tal-Proċedura tal-Iżbilanċi Makroekonomiċi.
(5)It-tbassir tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2013, estiż sal-2016, li fuqu kienet imsejsa r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013, ipprojetta li l-ekonomija Spanjola se tiċkien b’1.5 % fl-2013 qabel ma tikber b’0.9 %, 1.4 % u 1.9 % rispettivament fit-tliet snin ta' wara. It-tkabbir fil-PDG nominali kien previst għal 0.1 % u 2.0 % fl-2013 u fl-2014 rispettivament, u għal 2.6 % u 3.2 % fis-sentejn ta’ wara.
(6)Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill stabbilixxa l-1 ta' Ottubru 2013 bħala d-data ta' skadenza biex tittieħed azzjoni effettiva skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. Fil-15 ta’ Novembru 2013, fuq il-bażi tat-tbassir tal-Ħarifa tal-Kummissjoni tal-2013, il-Kummissjoni kkonkludiet li Spanja kienet ħadet azzjoni effettiva f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2013, għalkemm enfasizzat ir-riskji ta’ nuqqas ta’ konformità fl-2014. Fuq dik il-bażi l-Kummissjoni kkunsidrat li ma kinux meħtieġa passi oħra fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv f'dak il-mument. Sussegwentement, il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv inżammet sospiża.
(7)Ir-riskji ta’ nuqqas ta’ konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013 reġgħu ġew enfasizzati f’valutazzjonijiet sussegwenti. F’Lulju 2014, il-Kunsill ikkonkluda li l-miżuri li jirfdu l-istrateġija baġitarja stipulata fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2014 kien jeħtieġ li jiġu speċifikati ulterjorment u li sforzi addizzjonali kienu meħtieġa biex ikunu konformi b’mod sħiħ mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2013. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2015, il-Kunsill ikkonkluda f’Lulju 2015 li kien hemm ir-riskju li Spanja ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Bl-istess mod, l-Opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji ta’ Spanja għall-2014, l-2015 u l-2016 kollha kkonkludew li Spanja kienet f’riskju li ma tikkonformax mar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, il-Kummissjoni indikat ir-riskji marbuta ma' sforz strutturali fil-pjanijiet iżgħar minn dak irrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat ir-riskji biex jintlaħqu l-miri tad-defiċit nominali.
(8)Fid-9 ta’ Marzu 2016, abbażi tat-tbassir tax-xitwa tal-Kummissjoni 2016, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li kien hemm riskju ta’ nonkonformità mal-iskadenza biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv, peress li għadu mistenni li jkun hemm eċċess sinifikanti ta' aktar minn 4,2 % tal-mira tal-bilanċ nominali intermedju tal-PDG għall-2015 u l-fatt li l-isforz fiskali milħuq sa dakinhar kien ħafna inqas minn dak li kien irrakkomandat. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjoni lil Spanja biex iżżid l-isforzi biex tiżgura l-konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2013. Għal dan l-għan, Spanja kienet rakkomandata (i) biex tieħu miżuri li jiżguraw korrezzjoni f’waqtha u dejjiema tad-defiċit eċċessiv, inkluż bl-użu sħiħ kif xieraq tal-għodod preventivi u korrettivi stipulati fil-Liġi tal-Istabbiltà ta’ Spanja biex jikkontrollaw l-iżvijar fil-livell governattiv subċentrali mill-miri rispettivi tar-regola tad-defiċit, id-dejn u n-nefqa; u (ii) li tirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-miżuri b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fl-abbozz aġġornat tagħha tal-Pjan Baġitarju tal-2016 jew l-aktar tard f’sezzjoni dedikata tal-Programm ta’ Stabbiltà 2016 tagħha li jmiss.
(9)Valutazzjoni ġdida tal-azzjoni meħuda minn Spanja biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2016 b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013 twassal għal dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:
–Fuq il-bażi tad-dejta nnotifikata minn Spanja fir-Rebbiegħa 2016 u validata mill-Kummissjoni (Eurostat) fil-21 ta’ April 2016, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika kien ta’ 5.9 % tal-PDG fl-2014 u 5.1 % tal-PDG fl-2015, ogħla mill-miri intermedji stabbiliti mill-Kunsill ta’ 5.8 % u 4.2 % tal-PDG rispettivament. Ir-riżultat tad-defiċit tal-2014 sofra minn reviżjoni ‘l isfel tal-PDG nominali mwettqa fi żmien it-tieni notifika tal-PDE f’Ottubru 2015 kif ukoll minn operazzjonijiet tas-settur finanzjarju li jżidu d-defiċit li ammontaw għal 0,1 % tal-PDG. Ir-rilassament tal-politika fiskali fl-2015 kellu impatt kbir fuq l-eżitu fiskali.
–Fuq il-bażi tat-tbassir tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016, il-bidla fil-bilanċ strutturali fl-2015 hija stmata għal -1.0 % tal-PDG, sinifikattivament inqas minn 0.8 % tal-PDG kif irrakkomandat mill-Kunsill. Il-bidla kumulattiva fil-bilanċ strutturali matul il-perjodu 2013–2015 ammontat għal 0.6 % tal-PDG u b’hekk hija sinifikattivament anqas mill-isforz ta’ 2.7 % tal-PDG kif irrakkomandat mill-Kunsill. Barra minn hekk meta aġġustat għall-effetti tat-tkabbir potenzjali rivedut fil-produzzjoni u d-dħul imprevist jew in-nuqqas fid-dħul meta mqabbel max-xenarju bażi li fuqu tibbaża r-Rakkomandazzjoni, l-isforz strutturali jammonta għal -0,7 % tal-PDG fl-2015 u għal -0,2 % tal-PDG matul l-2013–2015, li huwa inqas sew mill-isforz rakkomandat. Meta mkejjel skont il-metodu minn isfel għal fuq, l-isforz fiskali jammonta -0,5 % tal-PDG fl-2015 u ma jidhirx li kien hemm xi sforz matul il-perjodu 2013–2015, bil-kontra għall-isforzi rakkomandati ta’ 1 % u 3 % tal-PDG rispettivament. Il-miżuri ta’ konsolidazzjoni, pereżempju fil-kuntest tar-riformi tal-amministrazzjoni pubblika u s-sistema tal-pensjonijiet ma kinux biżżejjed biex ipaċu l-impatt ta’ xi miżuri espansjonarji implimentati fl-2015, bħat-tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu personali u korporattiv u ħlas lura parzjali ta' bonus tal-Milied li ma kienx ingħata preċedentiment, u x-xejra ta’ żieda fl-infiq marbuta ma’ popolazzjoni li qed tixjieħ.
–Matul l-2013–2015, l-inflazzjoni Spanjola (kif imkejjel mid-deflattur tal-PDG) kienet ferm inqas minn dak ix-xenarju makroekonomiku ta’ bażi li fuqu hija bbażata r-rakkomandazzjoni (li kienet negattiva fl-2014 ukoll, -0.4 %), u b’hekk kien aktar diffiċli li jintlaħqu l-miri fiskali. Madankollu, l-impatt negattiv ta’ inflazzjoni baxxa jew saħansitra negattiva fuq ir-riżultati fiskali ta’ Spanja kien fil-biċċa l-kbira paċut minn tkabbir reali tal-PDG ogħla milli mistenni. Minkejja evoluzzjoni inqas dinamika tad-deflatur tal-PDG, il-livell tal-PDG nominali fl-2015 kien biss ta’ 1 % inqas milli previst fix-xenarju bażiku għax il-PDG reali kiber b’pass ħafna aktar mgħaġġel tul l-istess perjodu. Barra minn hekk, ħolqien veloċi tal-impjiegi u ta’ kompożizzjoni ta’ tkabbir abbażi ta' rendiment mit-taxxi kienu ta’ benefiċċju ulterjuri għat-tnaqqis tad-defiċit.
–Kumplessivament, matul l-2014 u l-2015 ambjent b’rata ta’ interessi baxxa u l-irkupru ekonomiku aktar b’saħħtu milli mistenni, anki grazzi għar-riformi li saru b’reazzjoni għall-kriżi, it-tlestija b’suċċess tal-programm ta’ assistenza finanzjarja u l-iżviluppi favorevoli fis-suq tax-xogħol, għenu lil Spanja biex tnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tagħha. Fl-istess ħin il-proċess ta’ konsolidazzjoni fiskali kien imxekkel minn inflazzjoni negattiva mhux mistennija meta mqabbla max-xenarju makroekonomiku li jirfed ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2013. Madankollu, il-qligħ mhux mistenni, speċjalment fl-2015 ma ntużax biex jitħaffef it-tnaqqis tad-defiċit. Minflok, il-politika fiskali kienet inqas stretta, b’mod partikolari permezz tar-riforma tat-taxxa u tkabbir dinamiku tan-nefqa.
(10)It-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016 jipprojjetta defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta' 3,9 % tal-PDG fl-2016 u 3,1 % tal-PDG fl-2017. Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 għandu fil-mira defiċit ta’ 3,6 % u 2,9 % tal-PDG fl-2016 u l-2017 rispettivament. Għalhekk Spanja x'aktarx li mhux se tikseb korrezzjoni f’waqtha u dejjiema tad-defiċit eċċessiv tagħha fl-2016. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku mal-PDG naqas bi ftit minn 99.3 % fl-2014 għal 99.2 % fl-2015, bis-saħħa ta’ bejgħ nett ta’ assi finanzjarji aktar milli bis-saħħa ta' tpaċija tal-impatt tad-defiċit li qed jikber b’rata aktar mgħaġġla milli qed jikber il-PDG nominali. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jerġa’ jiżdied għal 100.3 % fl-2016 u li jonqos minn hemm ’il quddiem.
(11)Sa mill-2012, Spanja saħħet il-qafas fiskali sabiex, fost affarijiet oħra, jiġu evitati devjazzjonijiet u jiżguraw il-konformità mil-livelli kollha tal-gvern mal-miri rispettivi tagħhom għad-defiċit, id-dejn u r-regola dwar in-nefqa. Mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju tal-2013, Spanja ħadet miżuri biex issaħħaħ il-qafas fiskali domestiku tagħha, billi emendat il-Liġi ta’ Stabbiltà tal-2012 biex tipprovdi inċentivi biex l-amministrazzjonijiet pubbliċi jnaqqsu l-arretrati tas-settur pubbliku lill-fornituri kummerċjali u billi ħolqot f’Novembru 2013 istituzzjoni fiskali indipendenti (AIReF). Madankollu, filwaqt li l-Liġi ta’ Stabbiltà ta’ Spanja tinkludi għodod li jipprevjenu u jikkoreġu d-devjazzjonijiet mill-miri fiskali nazzjonali, l-esperjenza matul l-2014 u l-2015 uriet li dawn setgħu ntużaw b’mod aktar estiż. Wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2016, il-gvern Spanjol beda jinforza d-dispożizzjonijiet korrettivi fil-Liġi ta' Stabbiltà li ma kinux implimentati qabel.
(12)F’Diċembru 2013, Spanja adottat riforma li rrevediet l-indiċjar tal-pensjonijiet u daħħlet mill-2019 aġġustament awtomatiku tal-pensjonijiet ġodda tal-pensjonanti futuri sabiex jitqiesu l-bidliet fl-istennija tal-ħajja. Barra minn hekk, minn Ġunju 2013, bdiet timplimentata riforma fl-amministrazzjoni pubblika, bil-ħsieb li tikseb żidiet fl-effiċjenza. Fl-istess ħin, fl-2014 Spanja adottat riforma tat-taxxa fuq l-introjtu personali u korporattiv, li kellha xi karatteristiċi pożittivi iżda li ma kinitx iffinanzjata bis-sħiħ.
(13)Dan iwassal għall-konklużjoni li r-reazzjoni ta' Spanja għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013 kienet insuffiċjenti. Spanja ma laħqitx il-mira intermedja tad-defiċit nominali fl-2015 u mhuwiex imbassar li se ttemm id-defiċit eċċessiv tagħha sal-2016. L-isforz fiskali huwa sostanzjalment inqas minn dak li kien ġie rrakkomandat mill-Kunsill, u l-pożizzjoni fiskali saħansitra ġiet illaxkata fl-2015,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Spanja ma ħaditx azzjoni effettiva b’rispons għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 2013.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President