IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.5.2016
COM(2016) 286 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għall-Kummerċ u għall-Iżvilupp CARIFORUM-UE tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward it-twaqqif ta’ Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u għas-Sajd
ABBOZZ
ID-DEĊIŻJONI NRU…/2016 TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ U GĦALL-IŻVILUPP CARIFORUM-UE
stabbilit fi ħdan il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward it-twaqqif ta' Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u għas-Sajd
IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ U GĦALL-IŻVILUPP CARIFORUM-UE
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 230(4)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ u għall-Iżvilupp CARIFORUM-UE, stabbilit mill-Kunsill Konġunt CARIFORUM-UE fis-17 ta’ Mejju 2010 permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2010, u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,
Billi:
Huwa xieraq li jiġi stabbilit Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u għas-Sajd sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-agrikoltura u s-sajd,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
1.Il-Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u għas-Sajd CARIFORUM-UE qiegħed b’dan jiġi stabbilit sabiex iwettaq il-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2.
2.Il-Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u għas-Sajd CARIFORUM-UE għandu jkun ukoll forum għall-Partijiet sabiex jiskambjaw esperjenzi, informazzjoni u l-aħjar prattiki, u sabiex isseħħ konsultazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-objettivi stabbiliti fil-Kapitolu 5 tat-Titolu I tal-Parti II tal-Ftehim u li huma rilevanti għall-kummerċ bejn il-Partijiet.
Artikolu 2
Il-Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u għas-Sajd għandu:
(a)b'mod ġenerali janalizza mill-qrib l-aspetti kollha tal-Kapitolu 5 - Agrikoltura u Sajd - tat-Titolu I tal-Parti II, tal-Ftehim;
(b)b'mod ġenerali janalizza mill-qrib l-aspetti l-oħra kollha tal-Ftehim li jirrigwardaw l-agrikoltura u s-sajd, inklużi l-oqsma li ġejjin tat-Titolu I tal-Parti II – il-Kummerċ tal-merkanzija:
(i)Kapitolu 1 - Il-kwistjonijiet kollha marbutin mal-kummerċ ta’ prodotti agrikoli u tas-sajd, inklużi t-tariffi;
(ii)Kapitolu 3 - L-Artikolu 28 - Is-sussidji fuq l-esportazzjonijiet agrikoli;
(iii)Kapitolu 6 - L-ostakli tekniċi għall-kummerċ, f'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti agrikoli u tas-sajd; kif ukoll
(iv)Kapitolu 7 - Il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, f'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti agrikoli u tas-sajd;
(c)b'mod ġenerali janalizza mill-qrib l-aspetti kollha tat-Titolu IV, il-Kapitolu 2 – L-Innovazzjoni u l-Proprjetà Intelletwali, peress li huma marbutin mal-prodotti agrikoli u tas-sajd, inkluż l-Artikolu 145 - L-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-Artikolu 149 - Il-varjetajiet tal-pjanti;
(d)jimpenja ruħu fi djalogu dwar kwistjonijiet marbutin mal-agrikoltura u mas-sajd, inkluż fl-oqsma li ġejjin:
(i)il-produzzjoni, il-konsum u l-kummerċ agrikolu kif ukoll dwar l-iżviluppi rispettivi fis-suq tal-prodotti agrikoli u tas-sajd;
(ii)il-promozzjoni tal-investiment fis-setturi agrikoli, alimentari u tas-sajd inklużi l-attivitajiet fuq skala żgħira, u t-trasferiment tal-għarfien għal dawn is-setturi;
(iii)il-politiki, il-liġijiet u r-regolamenti dwar l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u s-sajd;
(iv)il-bidliet istituzzjonali u fil-politika meħtieġa sabiex ikunu sostnuti t-trasformazzjoni tas-setturi agrikoli u tas-sajd kif ukoll il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki reġjonali dwar l-agrikoltura, l-ikel, l-iżvilupp rurali u s-sajd sabiex ikun hemm integrazzjoni reġjonali;
(v)it-teknoloġiji ġodda, ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll il-politiki u l-miżuri relatati mal-kwalità; kif ukoll
(vi)l-iżviluppi fil-politika kummerċjali dwar komoditajiet u prodotti agrikoli tradizzjonali, inklużi l-banana, ir-rum, ir-ross u z-zokkor;
(e)jassisti lill-Kumitat għall-Kummerċ u għall-Iżvilupp CARIFORUM-UE rigward il-funzjonijiet li ġejjin:
(i)biex jissorvelja u jkun responsabbli mill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-agrikoltura u s-sajd u għall-applikazzjoni xierqa tagħhom, kif ukoll biex jiddiskuti u jirrakkomanda l-prijoritajiet ta’ kooperazzjoni f’dan ir-rigward;
(ii)biex jissorvelja l-elaborazzjoni ulterjuri tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura u s-Sajd, u biex jevalwa r-riżultati miksuba mill-applikazzjoni tiegħu;
(iii)jieħu azzjoni sabiex jevita tilwim u jsolvi tilwim li jista’ jinqala’ rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-agrikoltura u s-sajd, skont id-dispożizzjonijiet tal-Parti III tiegħu;
(iv)biex jiddiskuti u jieħu azzjoni li tista' tiffaċilita l-kummerċ, l-investiment u l-opportunitajiet ta’ negozju fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd bejn il-Partijiet; kif ukoll
(v)biex jiddiskuti kwistjonijiet marbutin mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-agrikoltura u s-sajd u kull kwistjoni li tista’ taffettwa biex l-għanijiet tiegħu jintlaħqu;
(f)jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat għall-Kummerċ u għall-Iżvilupp CARIFORUM-UE bl-għan li tittejjeb l-implimentazzjoni u l-operat tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-agrikoltura u s-sajd.
Artikolu 3
Il-Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura u għas-Sajd jkun magħmula minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, minn naħa, u rappreżentanti tad-Direttorat tal-CARIFORUM u tal-Istati Firmatarji tal-CARIFORUM, min-naħa l-oħra.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-(…)
Magħmul fi (…), fi (…) 2016.