Brussell, 13.5.2016

COM(2016) 248 final

2016/0130(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2004/37/KE tal-parlament ewropew u l-kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2016) 152 final}
{SWD(2016) 153 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Din il-proposta għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema billi tnaqqas l-espożizzjoni okkupazzjonali għall-aġenti kimiċi karċinoġeniċi, iżżid l-effettività tal-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam u tipprovdi aktar ċarezza u kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni aħjar għall-operaturi ekonomiċi. Hija fost l-azzjonijiet ta’ prijorità identifikati fil-Programm Leġislattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016. B’din l-inizjattiva, il-Kummissjoni qed twettaq l-impenn tagħha li ttejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja ta’ qafas tal-UE għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Hemm ukoll l-intenzjoni li tkompli din il-ħidma importanti u li twettaq aktar valutazzjonijiet tal-impatt bil-ħsieb li tipproponi valuri limitu għal aktar karċinoġeni.

Stimi tal-piż reċenti u futur tal-mard okkupazzjonali jindikaw li, b'riżultat tal-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-karċinoġeni, il-kanċer relatat max-xogħol hu problema u ser jibqa’ hekk fil-futur. Fl-UE, il-kanċer huwa l-ewwel kawża ta’ mwiet marbuta max-xogħol. Kull sena, 53 % tal-imwiet okkupazzjonali huma attribwiti għall-kanċer, imqabbla mat-28 % għall-mard ċirkulatorju u s-6 % għall-mard respiratorju 1 .

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tirrevedi jew li tintroduċi valuri limitu tal-espożizzjoni għal 13-il aġent kimiku. Skont il-valutazzjoni tal-impatt, huwa stmat li dan ser isalva 100.000 ħajja umana sal-2069. Qed jiġi propost li l-valuri limitu jiġu introdotti fid-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (‘id-Direttiva’) 2 . Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva, il-Kunsill għandu jistabbilixxi dawn il-valuri limitu abbażi tal-informazzjoni disponibbli li tinkludi dejta teknika u xjentifika, fir-rigward ta' dawk il-karċinoġeni jew il-mutaġeni kollha li għalihom dan huwa possibbli.

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva japplikaw għal kull aġent kimiku li jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenu tal-kategorija 1A jew 1B stabbilit fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 (CLP) 3 . Dan ir-Regolament jelenka l-klassifikazzjonijiet “armonizzati” (obbligatorji) għal 1017-il sustanza kimika bħala karċinoġeni tal-Kategorija 1 (“Karċinoġeni umani magħrufa jew preżunti”) abbażi tal-informazzjoni epidemjoloġika u/jew dwar l-annimali 4 . Proċess ieħor ta’ klassifikazzjoni importanti, mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC), identifika madwar 500 aġent li huma karċinoġeniċi għall-bniedem (Grupp 1; 118-il aġent), aktarx karċinoġeniċi għall-bniedem (Grupp 2a; 75) jew possibbilment karċinoġeniċi għall-bniedem (Grupp 2B; 288) 5 .

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva japplikaw ukoll għal kwalunkwe sustanza, taħlita jew proċess imsemmi fl-Anness I ta’ din id-Direttiva kif ukoll sustanza jew taħlita rilaxxata minn proċess imsemmi f’dak l-Anness. Attwalment, l-Anness I tad-Direttiva jinkludi lista ta’ proċessi identifikati u sustanzi ġġenerati minn proċess. L-għan huwa li jkun ċar għall-ħaddiema, għall-impjegaturi u għall-infurzaturi jekk aġent kimiku jew proċess partikolari jaqax taħt l-ambitu tad-Direttiva jekk ma jkunx ġie kklassifikat skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Attwalment, l-Anness I fih ħames entrati.

Id-Direttiva tistipula għadd ta’ rekwiżiti minimi ġenerali biex tiġi eliminata jew titnaqqas l-espożizzjoni għall-karċinoġeni u l-mutaġeni kollha li jaqgħu taħt l-ambitu tagħha. L-impjegaturi għandhom jidentifikaw u jevalwaw ir-riskji għall-ħaddiema marbuta mal-espożizzjoni għall-karċinoġeni (u l-mutaġeni) speċifiċi, u għandha tiġi evitata l-espożizzjoni fejn ikun hemm ir-riskji. Fejn hu teknikament possibbli, hija rikjesta s-sostituzzjoni ta' proċess mhux perikoluż jew inqas perikoluż. Fejn is-sostituzzjoni mhix teknikament possibbli, il-karċinoġeni kimiċi għandhom, sa fejn ikun teknikament possibbli, jiġu mmanifatturati u użati f’sistema magħluqa biex tiġi evitata l-espożizzjoni. Fejn dan mhux teknikament possibbli, l-espożizzjoni tal-ħaddiem għandha titnaqqas għal livell baxx kemm jista’ jkun teknikament possibbli. Dan huwa l-obbligu tal-minimizzazzjoni skont l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva.

Flimkien ma’ dawn ir-rekwiżiti minimi ġenerali, id-Direttiva tindika b’mod ċar li l-iffissar tal-valuri limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali għar-rotta tal-inalazzjoni tal-espożizzjoni għall-karċinoġeni u l-mutaġeni partikolari kienet parti integrali tal-mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-ħaddiema 6 . Dawk il-valuri għad iridu jiġu stabbiliti għall-aġenti kimiċi li għalihom ma jeżistu ebda valuri bħalhom u jridu jiġu riveduti kull meta dan isir possibbli fid-dawl ta’ informazzjoni xjentifika iktar riċenti 7 . Il-valuri limitu ta’ espożizzjoni għal aġenti kimiċi speċifiċi huma stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva. Bħalissa, l-Anness III għandu tliet entrati.

Il-valuri limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali stabbiliti skont id-Direttiva għandhom, fejn hu xieraq, jiġu riveduti sabiex titqies id-dejta xjentifika l-ġdida, it-titjib fit-tekniki tal-kejl, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju, u fatturi oħra rilevanti.

Abbażi ta' dan, huwa propost li jittieħdu tliet miżuri speċifiċi:

a. Jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva dak ix-xogħol li jinvolvi espożizzjoni għal trab respirabbli tas-silika kristallina ġġenerat minn proċess ta’ xogħol u jiġi stabbilit valur limitu korrispondenti fl-Anness III.

Fil-Monografija 100C 8 , l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, abbażi ta' evidenza xjentifika riċenti, iddikjarat li “s-silika kristallina fil-forma ta’ kwarz jew ta' trab kristobalit” hija karċinoġenika għall-bniedem (Grupp 1). Il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol (SCOEL) evalwa l-effetti fuq is-saħħa tas-silika kristallina (trab respirabbli) fuq il-ħaddiema fuq ix-xogħol. Il-valur limitu li jrid jiddaħħal fl-Anness III propost f’din l-inizjattiva u bi qbil mal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH) jirrifletti fatturi soċjoekonomiċi ta' fattibbiltà, filwaqt li jinżamm l-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema.

Is-silika kristallina mqiegħda fis-suq hija suġġett għall-obbligu tal-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008, filwaqt li t-trab tas-silika kristallina ġġenerat minn proċess ta’ xogħol ma jitqegħidx fis-suq u għalhekk ma jkunx ikklassifikat skont dak ir-Regolament. Madankollu, id-Direttiva tagħmel provvedimenti għall-inklużjoni fl-Anness I ta’ sustanzi jew taħlitiet rilaxxati minn proċess imsemmi f’dak l-Anness li, għalkemm mhux soġġetti għall-obbligu ta’ klassifikazzjoni skont l-imsemmi Regolament, jissodisfa l-kriterji biex jiġi kklassifikata bħala karċinoġenu. It-trab respirabbli tas-silika kristallina jaqa’ f’din il-kategorija.

b. Fl-Anness III jiġu stabbiliti l-valuri limitu għal 10 karċinoġeni oħra.

L-evidenza xjentifika disponibbli tikkonferma l-ħtieġa li l-Anness III jitlesta bil-valuri limitu għal 10 aġenti karċinoġeni addizzjonali. L-SCOEL ippreżenta r-rakkomandazzjonijiet għal kollha għajr għal tnejn minn dawn l-aġenti, (o-toluwidina u 2-nitropropan). Għal dawn, il-Kummissjoni rreferiet prinċipalment għall-informazzjoni xjentifika disponibbli fid-dominju pubbliku, kif ukoll għall-konklużjonijiet ta’ kumitati xjentifiċi nazzjonali li jistabbilixxu l-valuri limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali. L-ACSH ġie kkonsultat fuq l-aspetti kollha ta’ din il-proposta, f’konformità mal-Artikolu 2(2)(f) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 9 . Fir-rigward tal-valuri proposti, barra l-konsultazzjoni mal-ACSH, tqiesu wkoll il-fatturi soċjoekonomiċi ta' fattibbiltà.

c. Jiġu riveduti l-valuri limitu eżistenti għat-trab tal-injam iebes u l-monomer tal-klorur tal-vinil fid-dawl tad-dejta xjentifika disponibbli.

Għal tnejn mit-tliet valuri limitu eżistenti stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva, jiġifieri fuq xogħol li jinvolvi espożizzjoni għat-trab tal-injam iebes u l-monomer tal-klorur tal-vinil, l-SCOEL adotta rakkomandazzjonijiet riveduti, fl-2003 u fl-2004 rispettivament. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet indikaw il-ħtieġa li jitqies li jiġu riveduti l-valuri limiti eżistenti għat-trab tal-injam iebes u l-monomer tal-klorur tal-vinil, li kienu stmati li huma għoljin wisq biex jipproteġu lill-ħaddiema b'mod xieraq. Għalhekk huwa xieraq li jiġu riveduti l-valuri limitu eżistenti għat-trab tal-injam iebes u l-monomer tal-klorur tal-vinil fid-dawl tad-dejta xjentifika disponibbli.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Skont il-Komunikazzjoni reċenti dwar il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020, il-Kummissjoni għandha mira strateġika li tiżgura ambjent tax-xogħol sikur u san għall-217-il miljun ħaddiem fl-UE 10 . Waħda mill-isfidi ewlenin identifikati fl-istrateġija huwa li tittejjeb il-prevenzjoni tal-mard relatat max-xogħol billi jiġu indirizzati riskji eżistenti, ġodda u emerġenti.

Din l-inizjattiva taqbel mal-prijorità tal-Kummissjoni għal suq uniku aktar fil-fond u aktar ġust, b’mod partikolari d-dimensjoni soċjali tagħha. Din hija konformi mal-ħidma tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit suq tax-xogħol ġust u tassew pan-Ewropew li jipprovdi lill-ħaddiema protezzjoni deċenti u impjiegi sostenibbli 11 . Dan jinkludi l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali, u d-drittijiet marbuta mal-kuntratt tal-impjieg.

Id-Direttiva Qafas 89/391/KEE 12 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u d-Direttiva 98/24/KE 13 dwar ir-riskji marbuta mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol japplikaw bħala liġi ġenerali mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi li hemm f’din id-Direttiva.

Fl-2006, l-imsieħba soċjali, li jirrappreżentaw 18-il settur tal-industrija Ewropea, iffirmaw il-Ftehim dwar il-Protezzjoni tas-Saħħa tal-Ħaddiema Permezz tat-Trattament u l-Użu Tajjeb tas-Silika Kristallina u Prodotti li fihom is-Silika Kristallina tad-Djalogu Soċjali Multi-Settorjali Ewropew (NEPSi). Huwa ftehim awtonomu, konkluż skont l-Artikolu 155(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u implimentati mas-sħab soċjali f’konformità mal-Artikolu155 (2) tat-TFUE 14 . Dan il-ftehim jikkumplimenta l-proposta attwali peress li jipprovdi gwida lill-impjegaturi biex inaqqsu l-espożizzjoni u jistimula miżuri preventivi li jittieħdu minnhom. Madankollu, peress li ma ġiex ittrasformat f'liġi tal-UE u ma jkoprix is-settur tal-kostruzzjoni fejn l-espożizzjoni hija predominanti, il-ftehim ma jistax jibdel limitu ta’ espożizzjoni vinkolanti stabbilit fid-Direttiva.

Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-prevenzjoni tal-ħaddiema milli jsofru minn aċċidenti serji jew minn mard okkupazzjonali u l-promozzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema matul il-ħajja kollha tax-xogħol tagħhom, huma l-prinċipju ewlieni f’konformità mal-ambizzjoni għal klassifikazzjoni soċjali "AAA" għall-Ewropa stabbilit mill-President Juncker fil-linji gwida politiċi tiegħu. Dan għandu wkoll impatt pożittiv fuq il-produttività u l-kompetittività u huwa essenzjali biex jiġu promossi ħajjiet ta’ xogħol itwal skont l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv 15 .

Mit-13-il aġent kimiku meqjusin f’din il-proposta, tlieta żdiedu mal-lista ta’ kandidati ta’ "sustanzi ta' tħassib serju ħafna” (SVHCs) identifikati, stabbilita skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (“REACH”) 16 : l-idrazina, l-o-toluwidina, u l-fibri taċ-ċeramika rifrattarji. Barra minn hekk, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi rrakkomandat li l-fibri taċ-ċeramika refrattarji jiġu inklużi fl-Anness XIV tar-REACH. Ċerti komposti tal-kromju (VI) ġew identifikati bħala SVHCs u żdiedu mal-lista tal-kandidati, kif ukoll, wara r-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija, żdiedu fl-Anness XIV tar-REACH.

Id-Direttiva u r-REACH huma legalment komplimentari. Id-Direttiva Qafas 89/391/KEE, li tapplika bħala liġi ġenerali għall-qasam kopert minn din id-Direttiva, tipprovdi li din tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet eżistenti jew futuri nazzjonali u tal-UE, li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Ir-REACH, min-naħa tiegħu, jiddikjara li japplika mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema, inkluża d-Direttiva.

Fil-kuntest tat-tħaddim kumplimentari tad-Direttiva u r-REACH, jagħmel sens li jiġu proposti valuri limitu skont id-Direttiva għar-raġunijiet li ġejjin:

it-trab tal-injam iebes u s-silika kristallina respirabbli, li huma proċessi li jiġu ġġenerati fuq il-post tax-xogħol, huma barra l-ambitu tar-REACH;

Il-valuri limitu huma parti importanti tad-Direttiva u tal-approċċ usa’ tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-ġestjoni tar-riskji kimiċi. Min-naħa l-oħra, ir-REACH mhux intiż biex jistabbilixxi l-valuri limitu tal-espożizzjoni okkupazzjonali;

id-Direttiva tkopri kull użu ta’ aġent kimiku fuq il-post tax-xogħol fiċ-ċiklu kollu tiegħu, u jkopri l-espożizzjoni tal-ħaddiema għal aġenti karċinoġeniċi rilaxxati minn kull attività ta’ xogħol, sewwa jekk prodott intenzjonalment jew le, u sewwa jekk disponibbli fis-suq jew le;

Ir-REACH jixħet l-onus tal-valutazzjoni tar-riskju fuq il-katina ta’ provvista, u huwa “Speċifiku għall-aġent kimiku”. Il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-impjegaturi skont id-Direttiva 2004/37/KE hija marbuta mal-post tax-xogħol u hija speċifika għall-proċess u għandha tqis ukoll l-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-karċinoġeni kollha preżenti fuq il-post tax-xogħol. Mil-lat tal-prevenzjoni tal-espożizzjoni għall-karċinoġeni, id-Direttiva toffri approċċ olistiku għar-riskji fuq il-post tax-xogħol.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jipprovdi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill “jistgħu jadottaw fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i), permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament, meħud qies tal-kondizzjonijiet tekniċi li jkunu jinsabu f’kull wieħed mill-Istati Membri. Direttivi bħal dawn għandhom jevitaw li jdaħħlu rabtiet amministrattivi finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji.” L-Artikolu 153(1)(a) tat-TFUE jiddikjara li l-Unjoni għandha tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tat-“titjib in partikolari tal-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-siġurtà tal-ħaddiema”.

Id-Direttiva 2004/37/KE ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 153(2)(b) bl-għan li jittejbu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Abbażi ta' dik, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/37/KE jistipula l-adozzjoni ta’ valuri limitu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 153(2) tat-TFUE fir-rigward ta’ dawk il-karċinoġeni jew il-mutaġeni li għalihom dan huwa possibbli.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li jissaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiem skont l-Artikolu 153(1)(a) tat-TFUE, billi jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE xogħol li jinvolvi espożizzjoni għat-trab respirabbli tas-silika kristallina (frazzjoni respirabbli) iġġenerat minn proċess ta’ xogħol. Dan jinkiseb permezz tal-iffissar ta’ rekwiżiti minimi addizzjonali dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema permezz ta’ valuri limitu fl-Anness III tad-Direttiva, u r-reviżjoni tal-valuri limitu attwali fl-Anness III għal żewġ karċinoġeni fid-dawl ta’ dejta xjentifika iktar riċenti. Għaldaqstant l-Artikolu 153(2) tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-proposta tal-Kummissjoni.

Skont l-Artikolu 153(2) tat-TFUE, b'mod partikolari t-titjib tal-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-siġurtà tal-ħaddiema huwa aspett tal-politika soċjali fejn l-UE tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Peress li r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema huma ġeneralment simili fl-UE kollha, hemm rwol ċar għall-Unjoni Ewropea fl-appoġġ għall-Istati Membri biex jindirizzaw dawn ir-riskji.

Id-dejta miġbura fix-xogħol preparatorju jindika differenzi kbar fl-Istati Membri rigward l-iffissar tal-valuri limitu għall-karċinoġeni skont din il-proposta 17 . Xi Stati Membri diġà stabbilixxew valuri limitu vinkolanti li huma tal-istess valur jew inqas mill-valur irrakkomandat mill-ACSH. Dan juri li huwa possibbli li tittieħed azzjoni nazzjonali unilaterali fir-rigward l-iffissar ta’ valur limitu għal dawn l-aġenti kimiċi. Madankollu, hemm bosta każijiet fejn l-Istati Membri ma għandhom l-ebda valuri limitu jew dawk li għandhom huma ta' inqas protezzjoni għal saħħet il-ħaddiema mill-valur imressaq f’din il-proposta 18 . Barra minn hekk, meta hemm il-valuri limitu nazzjonali, dawn ivarjaw b’mod konsiderevoli u jwasslu għal livelli differenti ta’ protezzjoni 19 . Xi wħud minn dawn il-limiti huma konsiderevolment ogħla minn dawk irakkomandati mill-evidenza xjentifika.

Taħt ċirkostanzi bħal dawn l-istandards minimi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema kontra r-riskji li jirriżultaw mill-espożizzjoni għal dawn il-karċinoġeni ma jistgħux jiġu żgurati għall-ħaddiema kollha tal-UE fl-Istati Membri kollha b’azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri waħedhom. Meta saret l-analiżi tal-impatti tal-introduzzjoni ta’ valur limitu għal kull wieħed mill-karċinoġeni kkunsidrati, ġie kkunsidrat il-proporzjon ta’ ħaddiema potenzjalment esposti li ma għandhomx protezzjoni legali. F’dan il-qafas, twettaq kontroll ta' sussidjarjetà u proporzjonalità għal kull aġent speċifiku, li indika li, meta kien hemm id-dejta rilevanti disponibbli, l-introduzzjoni tal-valuri limitu proposti se tkun qed ittejjeb il-protezzjoni legali għal bjen it-33 % u t-98 % tal-ħaddiema esposti 20 .

Minn dan isegwi li l-azzjoni meħuda fil-livell tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din il-proposta tidher li hija neċessarja u f’konformità mal-Artikolu 5(3) tat-TUE.

Valuri limitu għoljin wisq jew in-nuqqas tagħhom jipprovdi wkoll l-inċentiv potenzjali lill-kumpaniji li jċaqalqu l-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħhom fi Stati Membri bi standards aktar baxxi, u b’hekk jitgħawweġ il-prezz tal-produzzjoni. Fil-każijiet kollha, id-differenzi fl-istandards tax-xogħol għandhom impatt fuq il-kompetittività peress li jimponu spejjeż differenti fuq l-operaturi. Dan it-tgħawwiġ tas-suq uniku jista’ jitnaqqas billi jinħolqu opportunitajiet indaqs permezz tal-iffissar ta’ standards minimi ċari u speċifiċi għall-protezzjoni tal-ħaddiema fl-Istati Membri.

Barra minn hekk, din il-proposta se tħeġġeġ aktar flessibilità fl-impjiegi transfruntiera, minħabba li l-ħaddiema jistgħu jiġu żgurati li ser jgawdu minn standards minimi u livelli ta’ protezzjoni tas-saħħa tagħhom fl-Istati Membri kollha.

Id-Direttiva tista' tiġi emendata biss fil-livell tal-UE u wara konsultazzjoni f'żewġ stadji tal-imsieħba soċjali (il-maniġment u l-ħaddiema) f’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE.

Proporzjonalità

Din il-proposta tagħmel pass ’il quddiem biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ modifika tad-Direttiva.

Fir-rigward tal-valuri proposti, tqiesu l-fatturi soċjoekonomiċi ta' fattibbiltà wara diskussjonijiet twal u intensivi mal-partijiet ikkonċernati kollha (ir-rappreżentanti mill-assoċjazzjonijiet tal-impjegati, ir-rappreżentanti mill-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi, u r-rappreżentanti tal-gvernijiet).

Din il-proposta tħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jżommu jew jistabbilixxu standards aktar favorevoli għall-ħaddiema u tħallilhom il-flessibbiltà biex jittieħed kont tal-karatteristiċi speċifiċi tas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom. Skont l-Artikolu 153(4) tat-TFUE, id-dispożizzjonijiet f’din il-proposta ma għandhomx jimpedixxu lil xi Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi iktar stretti kompatibbli mat-Trattati, fil-forma ta’, pereżempju, valuri limitu aktar baxxi. L-Artikolu 153(3) tat-TFUE jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jinkarigaw lill-maniġment u lill-ħaddiema, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni tad-direttivi adottati skont l-Artikolu 153(2) tat-TFUE, biex b’hekk jiġu rispettati tajjeb l-arranġamenti nazzjonali stabbiliti għar-regolamentazzjoni f’dan il-qasam.

Dan isegwi li skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-TUE, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

L-għażla tal-istrument

L-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jispeċifika li r-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema jistgħu jiġu adottati “permezz ta’ direttivi”.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Dan l-aħħar ġiet konkluża evalwazzjoni indipendenti ex post tad-Direttiva (bħala parti mill-acquis dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol). Minbarra l-interfaċċa bejn ir-Regolament REACH u d-Direttiva, il-kwistjonijiet ewlenin identifikati f’din l-evalwazzjoni huma barra mill-ambitu tal-proposta li tindirizza b'mod speċifiku l-emenda teknika tal-Annessi tad-Direttiva aktar milli kwistjonijiet ta’ politika usa’ dwar it-tħaddim jew r-rilevanza tagħha

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Konsultazzjoni f’żewġ stadji tal-imsieħba soċjali Ewropej skont l-Artikolu 154 tat-TFUE

Għal din il-proposta leġiżlattiva fil-qasam tal-politika soċjali, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f'żewġ stadji mal-imsieħba soċjali Ewropej skont l-Artikolu 154 tat-TFUE.

Fis-6 ta’ April 2004 ġie varat l-ewwel stadju ta’ konsultazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għall-karċinoġeni, il-mutaġeni u l-aġenti kimiċi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq ix-xogħol.

L-imsieħba soċjali ntalbu jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar id-direzzjoni possibbli tal-azzjoni min-naħa tal-UE f’dan il-qasam f’konformità mal-Artikolu 154(2) tat-TFUE. Din l-ewwel fażi kkonfermat li hemm bżonn tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġu introdotti standards aħjar fl-UE kollha, u biex jiġu ttrattati sitwazzjonijiet li jinvolvu l-espożizzjoni tal-ħaddiema. L-imsieħba soċjali Ewropej kollha li wieġbu għall-konsultazzjoni 21 enfasizzaw l-importanza li huma jagħtu lill-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji għas-saħħa f’dan il-qasam.

Madankollu, filwaqt li dawk li wieġbu għarfu r-rilevanza tal-leġiżlazzjoni eżistenti, fosthom kien hemm opinjonijiet differenti dwar l-istrateġija u d-direzzjoni ta’ azzjoni futura u liema fatturi għandhom jiġu kkunsidrati 22 .

It-tieni stadju ta' konsultazzjoni tnieda fis-16 ta’ April 2007 skont l-Artikolu 154(3) tat-TFUE dwar il-kontenut tal-proposta.

Il-punti speċifiċi għall-konsultazzjoni kienu:

l-inklużjoni tal-aġenti kimiċi tossiċi għar-riproduzzjoni (il-kategoriji 1A u 1B) fl-ambitu tad-Direttiva 2004/37/KE;

l-aġġornament tal-valuri limitu tal-aġenti kimiċi fl-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE;

l-inklużjoni tal-valuri limitu għal aktar aġenti kimiċi fl-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE;

il-kriterji ta' introduzzjoni biex jiġu ffissati l-valuri limitu għall-karċinoġeni u l-mutaġeni;

issir enfasi fuq it-taħriġ u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni.

Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet mingħand seba’ organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali Ewropej 23 . Fit-tweġibiet tagħhom, dawn l-organizzazzjonijiet affermaw mill-ġdid l-approċċ tagħhom għall-prevenzjoni tar-riskji okkupazzjonali li ġejjin mill-karċinoġeni u mill-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, kif ġie spjegat fit-tweġibiet tagħhom għall-konsultazzjoni tal-ewwel stadju.

Fil-qosor, ir-risposti miġbura kienu dawn:

ma kienx hemm diverġenzi sinifikanti fuq il-metodoloġiji li għandhom jintużaw u l-kriterji li għandhom jiġu ffissati għad-derivazzjoni tal-valuri limitu. L-introduzzjoni tal-kriterji biex jiġu ffissati l-valuri limitu stabbiliti tqieset b'mod ġenerali pożittiva. Madanakollu, il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjoekonomiku u l-kunsiderazzjoni tal-fatturi ta' fattibbiltà għandhom ikunu parti mill-kriterji. L-imsieħba soċjali esprimew il-fehma li l-ACSH għandu jkollu sehem importanti fl-iffissar tal-valuri limitu.

kien hemm qbil ġenerali dwar il-ħtieġa ta’ implimentazzjoni effettiva ta' taħriġ u rekwiżiti ta’ informazzjoni, kwistjoni meqjusa bħala aspett ewlieni tal-politika ta’ prevenzjoni.

ir-reviżjoni tal-valuri limitu vinkolanti għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-implimentazzjoni tar-REACH u tar-relazzjoni u l-interazzjoni bejn il-valuri limitu u d-DNELs (il-Livelli Derivati ta' Bla Effett) derivati skont ir-REACH għall-kimiċi perikolużi.

Filwaqt li l-proċess formali ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali tlesta fl-2007, il-konsultazzjoni tal-ACSH li segwiet, deskritta hawn taħt, fejn l-imsieħba soċjali kienu preżenti flimkien mar-rappreżentanti tal-Istati Membri, żgurat li l-imsieħba soċjali ġew infurmati b'mod xieraq dwar l-opzjonijiet għall-valuri limitu u li pparteċipaw b’mod attiv fl-identifikazzjoni ta’ dawk preferuti.

Fi tmiem il-proċess ta’ tħejjija, fl-21 ta’ April 2016 il-Kummissjoni organizzat laqgħa mal-imsieħba soċjali biex tippreżenta l-ambitu u l-approċċ previsti għall-abbozz tad-Direttiva. Din inbniet fuq żewġ stadji ta' konsultazzjonijiet u diskussjonijiet dettaljati li saru fil-kuntest tal-ACSH dwar sustanzi speċifiċi u valuri limitu biex jiddaħħlu fl-Annessi tad-Direttiva.

Il-Konsultazzjoni tal-ACSH — permezz tal-Grupp ta' Ħidma tripartitiku "Kimiċi fuq il-post tax-xogħol” (WPCs)

Wara l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, il-Kummissjoni informat lill-membri tad-WPCs fil-laqgħa tiegħu f'April 2008 dwar l-intenzjoni tagħha li tipproponi reviżjoni tad-Direttiva. Fil-laqgħa ta' Marzu 2011, saret diskussjoni fil-fond tar-riżultati tal-istudju kkummissjonat mill-Kummissjoni (“l-Istudju tal-IOM” 24 ) bbażata fuq abbozz tar-rapporti għall-aġenti kimiċi individwali. Id-diskussjonijiet dwar l-aġenti kimiċi individwali seħħu f'laqgħat varji tad-WPCs fl-2011 25 , 2012 26 u 2013 27 li rriżultaw f'opinjoni waħda u f'żewġ opinjonijiet supplimentari adottati mil-laqgħa plenarja tal-ACSH fl-2012 28 u fl-2013 29 ., 30 .

Ir-riżultati tal-proċess ta’ konsultazzjoni kienu jinkludu appoġġ għal dan li ġej 31 :

biex għadd limitat ta' sustanzi ġġenerati minn proċess jinġiebu taħt l-ambitu tad-Direttiva billi jiġu inklużi fl-Anness I;

biex il-valuri limitu eżistenti fl-Anness III jiġi riveduti fid-dawl tad-dejta xjentifika l-aktar reċenti, u biex jiżdiedu valuri limitu addizzjonali għal għadd limitat ta’ sustanzi fl-Anness III meta l-informazzjoni disponibbli li tkun tinkludi dejta xjentifika u teknika, issostni dan.

Il-valuri limitu maqbulin mill-ACSH tqiesu f’din il-proposta.

Laqgħat mar-rappreżentanti tal-industrija u l-ħaddiema

Mill-2013 sal-2015, kien hemm għadd ta’ laqgħat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u rappreżentanti tal-industrija u l-ħaddiema kkonċernati dwar aġenti kimiċi speċifiċi soġġetti għall-inizjattiva 32 . L-iskop ewlieni tal-laqgħat mitluba mill-industrija kien li tinkiseb informazzjoni dwar il-proċess biex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni b’mod ġenerali u dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-valur propost għal aġenti kimiċi partikolari, bħalma huma s-silika kristallina respirabbli, it-trab tal-injam iebes, jew il-fibri taċ-ċeramika rifrattarji.

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

Fl-eżami mill-ġdid tal-valuri limitu jew l-iffissar tagħhom skont id-Direttiva, tiġi segwita proċedura speċifika. Din tinvolvi t-tiftix tal-parir xjentifiku prinċipalment mill-SCOEL u l-konsultazzjoni mal-ACSH. Il-Kummissjoni tista’ tirreferi wkoll għal informazzjoni xjentifika miksuba minn sorsi oħra sakemm id-dejta hija robusta biżżejjed u hija fid-dominju pubbliku (pereżempju l-monografi tal-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer jew konklużjonijiet minn kumitati xjentifiċi li jiffissaw il-valuri limitu nazzjonali).

L-SCOEL twaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE 33 biex jevalwa l-effetti tas-saħħa tal-aġenti kimiċi fuq il-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Il-ħidma tal-SCOEL tappoġġa direttament l-attività regolatorja tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Huwa jiżviluppa għarfien analitiku komparattiv ta’ kwalità għolja u jiżgura li l-proposti, id-deċiżjonijiet u l-politika tal-Kummissjoni marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika soda. L-SCOEL jassisti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, fl-evalwazzjoni tal-aħħar dejta xjentifika disponibbli u jgħinha tipproponi limiti ta’ espożizzjoni okkupazzjonali għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji kimiċi li għandhom li jiġu ffissati fil-livell tal-UE skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE u d-Direttiva.

Għall-iskop ta’ din l-inizjattiva, fejn disponibbli, is-servizzi tal-Kummissjoni użaw ir-rakkomandazzjoni rilevanti tal-SCOEL li għandha x'taqsam mal-agenti kimiċi. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-SCOEL huma ppubblikati fuq l-internet 34 .

Wara konsultazzjoni f'żewġ stadji tal-imsieħba soċjali Ewropej, fil-25 ta’ Lulju 2008 d-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali ppubblika proċedura miftuħa. L-għan kien li titwettaq valutazzjoni tal-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta’ għadd ta' opzjonijiet ta’ politika dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema mir-riskji li ġejjin mill-espożizzjoni possibbli għal aġenti kimiċi karċinoġeniċi fuq il-post tax-xogħol. L-istudju tal-IOM li ħareġ minnu kien fih rapporti sħaħ dwar 25 aġent kimiku karċinoġeniku u żewġ kwistjonijiet oħra ta' politika marbutin mal-effettività tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju u l-kriterji bbażati fuq ir-riskju għall-iffissar tal-valuri limitu tal-espożizzjoni okkupazzjonali. Ir-riżultat ta’ dan l-istudju (rapport ta’ sinteżi u rapporti individwali dwar l-aġenti kimiċi) jipprovdi l-bażi ewlenija għall-valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta 35 .

Il-valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija sostnuta minn valutazzjoni tal-impatt 36 .

Ġew eżaminati l-opzjonijiet li ġejjin għal valuri limiti differenti għal kull wieħed mit-13-il aġent kimiku:

Xenarju bażi ta’ ebda azzjoni ulterjuri mill-UE għal kull aġent kimiku f’din l-inizjattiva (l-Opzjoni1).

L-adozzjoni tal-valuri maqbula mill-ACSH (l-Opzjoni 2). Kif diġà ġie indikat, għal kull wieħed mit-13-il aġent kimiku, fl-ACSH, tqieset id-dejta xjentifika u teknika inkluza fir-rakkomandazzjonijiet tal-SCOEL (fejn disponibbli) bir-riżultat li ġew proposti l-opinjonijiet tal-ACSH dwar il-valuri limitu.

Fejn kien xieraq u skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-aġenti, għal kull aġent kimiku, ġew eżaminati wkoll bħala opzjoni 3 u/jew 4 rispettivament, opzjonijiet ta’ appoġġ li jew jipproponu valur limitu li, meta jitqabbel mal-valur tal-ACSH, hu aktar baxx (teoretikament aktar protettiv għal saħħet il-ħaddiem) jew hu ogħla (teoretikament inqas protettiv għal saħħet il-ħaddiem). Dawn il-valuri ta’ appoġġ tħejjew fuq l-istudju tal-IOM, li għalihom kienu stabbiliti permezz ta’ preferenza:

i) minn rakkomandazzjoni tal-SCOEL fejn disponibbli;

ii), bħala valuri li jirriflettu d-dejta disponibbli (pereżempju, billi tqiesu l-valuri limiti eżistenti fl-Istat Membru) jew;

iii) abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-kuntrattur (pereżempju, billi tqiesu l-valuri limitu mhux tal-UE). Meta d-dejta disponibbli ma kinitx tappoġġa l-iffissar ta’ valur limitu aktar baxx jew ogħla mill-valur tal-ACSH, dawn l-opzjonijiet twarrbu.

Fir-rigward tat-trab respirabbli tas-silika kristallina, l-opzjonijiet 2, 3 u 4 inkludew l-possibbiltà li jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva flimkien mal-iffissar tal-valur limitu għat-trab respirabbli tas-silika kristallina (frazzjoni respirabbli) fl-Anness III.

Ġew ikkonsidrati wkoll opzjonijiet oħra ta’ politika bħalma huma l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni fuq l-użu tal-aġenti kimiċi, awtoregolamentazzjoni, strumenti bbażati fuq is-suq, regolamentazzjoni skont ir-REACH, gwida u appoġġ ieħor għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva . Fir-rigward tal-interfaċċa bejn ir-REACH u d-Direttiva, dan l-aħħar, f’kawża li bħaliss tinsab taħt appell 37 , il-Qorti Ġenerali tal-UE ċċarat it-tifsira tal-ewwel sett ta’ kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 58(2) tar-REACH għall-għoti ta' eżenzjoni lil użi jew lil kategoriji ta’ użi mir-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni, jiġifieri, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika eżistenti, li timponi rekwiżiti minimi f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem jew tal-ambjent fil-każ ta’ użu tas-sustanza kif applikat fuq għadd ta’ Direttivi tal-UE, inkluża d-Direttiva 2004/37/KE. Il-Qorti Ġenerali sostniet li sakemm id-Direttiva 2004/37/KE ma tirreferix għal xi sustanza għajr għall-benżen, għall-monomer tal-klorur tal-vinil jew għat-trab tal-injam iebes, li għalihom tistipula valuri massimi għall-espożizzjoni okkupazzjonali, ma tistax titqies bħala jew “speċifika” jew li timponi “rekwiżiti minimi” fis-sens tal-Artikolu 58(2) tar-REACH.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tikkollabora ma’ sħab fl-oqsma tekniċi u ta’ politika rilevanti tagħhom fir-rigward ir-relazzjoni bejn ir-REACH u d-direttivi dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol għas-sustanzi kimiċi u, b’mod partikolari, ir-relazzjoni bejn il-valur limitu u l-kunċetti tal-
livell derivat ta' bla effett (DNEL), u se tiżviluppa gwida dwar dan. Is-servizzi tal-Kummissjoni, l-Istati Membri, u l-imsieħba soċjali kollha esprimew il-fehma tagħhom li d-direttivi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma l-qafas leġiżlattiv xieraq tal-UE biex jiġu stabbiliti valuri limitu armonizzati għall-protezzjoni tal-ħaddiema.

Twettqet analiżi tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-opzjonijiet differenti ta' politka għal kull aġent kimiku 38 . L-analiżi twettqet abbażi tal-Istudju ta’ evalwazzjoni tal-IOM dwar is-saħħa, l-aspetti soċjoekonomiċi u ambjentali tal-emendi proposti fid-Direttiva. It-tqabbil tal-opzjonijiet ta’ politika u l-għażla tal-opzjoni preferuta saret abbażi tal-kriterji li ġejjin: il-parir xjentifiku (b’mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet tal-SCOEL, fejn disponibbli), l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza. L-ispejjeż u l-benefiċċji ġew ikkalkulati fuq perjodu ta’ 60 snin, skont il-piż futur tal-kanċer stmat matul l-istess perjodu biex jittieħed kont sewwa tal-perjodu ta' latenza tal-kanċer.

Għal xi karċinoġeni (eż. il-komposti tal-kromju (VI), it-trab tal-injam iebes u t-trab respirabbli tas-silika kristallina) ħareġ il-valur preferut u ċar. Għal oħrajn (eż. 2-nitropropan u l-akrilammid) identifika l-ispejjeż/il-benefiċċji tal-linja bażi (l-ebda azzjoni) u l-iffissar ta’ valur limitu tal-UE tqabblu mill-qrib.

Il-valuri maqbula mill-ACSH inżammu bħala għażla ta’ politika fir-rispett tat-13-il aġent kimiku kollha f’din il-proposta.

Fir-rigward tal-impatt fuq il-ħaddiema, din il-proposta għandha twassal għall-benefiċċji billi ma tħallix lill-ħaddiema jsofru minn kanċer relatat max-xogħol li hu evitabbli, u b’hekk jiġu evitati sofferenza u mard. Barra minn hekk, din il-proposta wkoll se tipprevjeni kostijiet tas-saħħa, kif ġej:

it-trab respirabbli tas-silika kristallina: il-valur limitu propost ta’ 0,1 mg/m³ se jipprovdi għal 99 000 każ ta' kanċer evitat sal-2069 għal total kwantifikat ta' benefiċċji monetarji relatati mas-saħħa ta’ bejn EUR 34 u 89 biljun;

it-trab tal-injam iebes; il-valur limitu ta’ 3 mg/m³ ser jipprovdi benefiċċju totali monetarji tas-saħħa ta’ bejn EUR 12 u 54 miljun;

hemm ukoll mistennija benefiċċji marbutin mal-introduzzjoni ta’ valur limitu ta’ espożizzjoni f’livell ta’ 0,025 mg/m3 għall-komposti tal-kromju (VI).

L-introduzzjoni tal-opzjoni preferuta tkun qed tnaqqas il-piż ekonomiku derivat mill-espożizzjoni tal-ħaddiema għal sustanzi perikolużi.

Rigward l-impatt fuq l-impjegaturi, huwa importanti, mill-perspettiva ekonomika, li ssir distinzjoni bejn il-kostijiet li joħolqu jew ma joħolqux inċentivi għal titjib fis-saħħa u s-sigurtà. Il-vantaġġ għan-negozji li jintroduċu valuri limitu fl-UE kollha huwa dak li l-proposta se tgħin lill-impriżi li jindirizzaw il-kostijiet li, b’xi mod, jaffettwaw b’mod negattiv il-prospetti tan-negozju tagħhom għaż-żmien fit-tul fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

Għall-maġġoranza tal-karċinoġeni, l-impatt fuq l-ispejjeż operatorji tan-negozju (inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju) ser ikunu minimi minħabba li hemm bżonn biss ta' aġġustamenti żgħar biex jiżguraw il-konformità sħiħa.

Il-proposta ma twassal għall-ebda obbligu ta’ informazzjoni addizzjonali u mhux ser twassal għal żieda fil-piżijiet amministrattivi fuq il-kumpaniji.

Fir-rigward tal-impatt fuq l-Istati Membri/l-awtoritajiet nazzjonali, magħrufa l-ispejjeż ekonomiċi sostanzjali imposti fuq il-ħaddiema minħabba l-espożizzjoni tagħhom għal sustanzi perikolużi, din il-proposta tgħin ukoll biex jittaffa t-telf finanzjarju mġarrab mis-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru. Mill-perspettiva ekonomika, il-kopertura u l-adegwatezza tal-valuri limitu fl-UE kollha huma l-fattur uniku determinati ta’ min jerfa’ l-piż tal-kostijiet għall-mard okkupazzjonali.

L-ispejjeż amministrattivi u ta’ eżekuzzjoni jvarjaw skont l-istatus attwali ta’ kull aġent kimiku f’kull Stat Membru, iżda ma għandux ikun sinifikanti. Barra minn hekk, l-iffissar tal-valuri limitu fil-livell tal-UE jelimina l-ħtieġa għall-awtoritajiet nazzjonali li jevalwaw b’mod indipendenti kull karċinoġenu biex b’hekk titneħħa ineffiċjenza ta’ repetizzjoni ta’ kompiti identiċi.

Abbażi tal-esperjenza miġbura mill-ħidma tal-Kumitat tal-Kumitat tal-Ispetturi Anzjani tax-Xogħol (SLIC) u wara li ġie kkunsidrat il-mod kif l-attivitajiet ta’ eżekuzzjoni huma organizzati fi Stati Membri differenti, mhux probabbli li l-introduzzjoni ta’ valuri limitu ġodda fid-Direttiva se jkollha xi impatt fuq l-ispejjeż globali taż-żjarat ta’ spezzjoni. Dawn huma ippjanati l-aktar b’mod indipendenti mill-proposta, ibbażati prinċipalment fuq ilmenti mressqa matul sena partikolari u skont l-istrateġiji definiti ta’ spezzjoni minn xi awtorità partikolari. Għandu jingħad ukoll li l-eżistenza ta’ valur limitu, billi ġġib ċarezza dwar il-livelli aċċettabbli ta’ espożizzjoni, tiffaċilita x-xogħol tal-ispetturi billi tipprovdi għodda utli għall-kontroll tal-konformità.

Għandu mnejn jiġġarrbu xi kostijiet amministrattivi addizzjonali mill-awtoritajiet rigward il-ħtieġa li jipprovdu lill-persunal informazzjoni u taħriġ dwar ir-reviżjoni, kif ukoll biex issir reviżjoni tal-listi ta’ kontroll tal-konformità. Madankollu, dawn il-kostijiet huma minuri meta mqabbla mal-kostijiet globali tat-tħaddim imġarrba mill-awtoritajiet nazzjonali tal-eżekuzzjoni.

Mit-tqabbil tal-opzjonijiet u l-analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji, jista’ jiġi konkluż li l-proposta tilħaq l-għanijiet stabbiliti f'livell globali ta’ kostijiet raġonevoli u li l-proposta hija xierqa.

Il-proposta ma għandhiex impatti ambjentali sinifikanti.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-impatt fuq l-SMEs

Din il-proposta ma fihiex reġimi eħfef għall-mikrointrapriżi u għall-SMEs. Ir-raġuni hi li skont id-Direttiva, l-SMEs mhumiex eżonerati mill-obbligu li jeliminaw jew inaqqsu għal minimu r-riskji li jirriżultaw mill-espożizzjoni okkupazzjonali għall-karċinoġeni jew l-mutaġeni.

Għal ħafna mill-aġenti koperti b’din l-inizjattiva, diġà jeżistu valuri limitu fil-livell nazzjonali, anki jekk il-livell bħala tali jvarja fost l-Istati Membri. L-iffissar tal-valuri limitu previsti f’din il-proposta ma għandu jkollu l-ebda impatt fuq dawk l-SMEs li jinsabu/huma lokalizzati f’dawk l-Istati Membri fejn il-valuri limitu nazzjonali jew huma ugwali jew inqas mill-valuri proposti. Madankollu, minħabba differenzi fil-valuri limitu fil-livell nazzjonali, f’xi każijiet, skont il-prattika tal-industrija, se jkun hemm impatt ekonomiku f’dawk l-Istati Membri (u fuq l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fihom) li bħalissa għandhom limiti ogħla ta’ espożizzjoni okkupazzjonali ffissati għall-aġenti kimiċi li huma s-suġġett ta’ din il-proposta.

Għall-maġġoranza tal-karċinoġeni, l-impatt fuq il-kostijiet operatorji tan-negozju (inklużi l-SMEs) ser ikunu minimi minħabba li hemm bżonn biss ta' aġġustamenti biex tiġi żgurata l-konformità sħiħa. Barra minn hekk, din il-proposta mhix se timponi xi obbligi addizzjonali ta’ informazzjoni jew twassal għal żieda fil-piżijiet amministrattivi fuq l-impriżi u mhux probabbli li tiġġenera xi kostijiet ambjentali sinifikanti.

L-impatt fuq il-kompetittività jew il-kummerċ internazzjonali tal-UE

Il-prevenzjoni tar-riskji u l-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet aħjar ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma kruċjali mhux biss biex tittejjeb il-kwalità tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda wkoll għall-promozzjoni tal-kompetittività. Li l-ħaddiema jinżammu f’saħħithom għandu impatt pożittiv dirett u li jitkejjel fuq il-produttività, u jikkontribwixxi għat-titjib tas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta se jkollha impatt pożittiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq uniku. Li jkun hemm valuri limitu fl-UE kollha għal dawk l-aġenti ser jelimina t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fost l-impriżi li jinsabu fi Stati Membri differenti u l-valuri limitu nazzjonali.

Din ma għandhiex ikollha impatt sinifikanti fuq il-kompetittività esterna tal-impriżi tal-UE peress li ħafna mill-valuri proposti huma simili għal dawk f’pajjiżi oħra 39 , b’mod partikolari l-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-UE, bħall-Istati Uniti tal-Amerika, l-Awstralja jew l-Iżvizzera 40 .

L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali

L-għanijiet tal-proposta huma konsistenti mad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 2 (id-Dritt għall-ħajja) u l-Artikolu 31 (id-Dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol ekwi u ġusti li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tagħhom).

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma tirrikjedix riżorsi baġitarji u persunal addizzjonali għall-baġit tal-UE jew il-korpi stabbiliti mill-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-pjanijiet għall-implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar

Il-proposta tipprevedi l-monitoraġġ ta' għadd ta’ każijiet ta' mard okkupazzjonali u ta' każijiet relatati mal-kanċer okkupazzjonali bl-użu ta’ sorsi ta’ dejta disponibbli 41 , kif ukoll il-monitoraġġ tal-kostijiet relatati mal-kanċer okkupazzjonali għall-operaturi ekonomiċi (pereżempju, it-telf ta’ produttività) u s-sistemi ta’ sigurtà soċjali.

Titwettaq evalwazzjoni tal-konformità għat-traspożizzjoni. Fid-dawl tal-isfidi tad-dejta huwa ssuġġerit li jintuża l-eżerċizzju tal-evalwazzjoni ex post li jmiss skont l-Artikolu 17a (4) tad-Direttiva 89/391/KEE, biex jiġu ddefiniti l-valuri bażi (il-parametru referenzjarju) li se tippermetti l-valutazzjoni tal-effettività tar-reviżjoni tad-Direttiva. Dan jidher li hu raġjonevoli meta wieħed iqis li minħabba l-perjodi twal ta' latenza li matulhom jiżviluppa l-kanċer (10 sa 50 snin), mhux se jkun possibbli li jitkejjel l-impatt reali ta’ din ir-reviżjoni qabel 15–20 sena.

Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u d-Direttiva. Tinħtieġ informazzjoni mhux ambigwa dwar it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet l-ġodda biex tkun żgurata l-konformità mal-istandards minimi stabbilit mill-proposta. Il-piż amministrattiv addizzjonali stmat għall-provvista ta’ dokumenti ta’ spjegazzjoni mhuwiex sproporzjonat (huwa ta’ darba u m'għandux jirrikjedi l-involviment ta' ħafna organizzazzjonijiet). Id-dokumenti ta’ spjegazzjoni jistgħu jitħejjew b’mod aktar effiċjenti mill-Istati Membri.

Fid-dawl ta’ dan t'hawn fuq, huwa ssuġġerit li l-Istati Membri jintrabtu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom billi jipprovdu dokument ta’ spjegazzjoni wieħed jew aktar fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Artikolu 1

L-Artikolu 1 jiddikjara li d-Direttiva tiġi emendata permezz taż-żieda fl-Anness I tal-entrata 6 l-ġdida li tinkludi "xogħol li jinvolvi espożizzjoni għat-trab respirabbli tas-silika kristallina ġġenerat minn proċess ta’ xogħol”.

Is-silika jew id-diossidu tas-siliċju (SiO2) huwa ossidu tal-metall tal-grupp IV li nsibuh b’mod naturali kemm fil-forma kristallina kif ukoll f'dik amorfa. Il-forom diversi tas-silika kristallina huma: α-kwarz, β-kwarz, α-tridimit, β-tridimit, α-kristobalit, β-kristobalit, keatite, koesit, stishovite u moganite 42 Il-kelma "kristallin” użata fl-Artikolu 1 tirreferi għall-orjentazzjoni tal-molekuliSiO2 f'disinn fiss kuntrarju għall-arranġament molekulari aleatorju, mhux perijodiku, definit bħala amorfi. It-tliet forom kristallini ta’ silika l-aktar komuni misjuba fl-ambjent tal-post tax-xogħol huma l-kwarz (Nru tas-SAK 43 14808-60-7), il-kristobalit (Nru tas-SAK 14464-46-1) u t-tridimit (Nru tas-SAK 15468-32-3).

Il-kliem “trab respirabbli tas-silika kristallina” użat fl-Artikolu 1 jirreferi għall-partikuli tat-trab li jilħqu l-alveoli.

Artikoli 3 sa 5

L-Artikoli 3 sa 5 fihom id-dispożizzjonijiet tas-soltu dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. B’mod partikolari, l-Artikolu 4 jirreferi għad-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

Anness

It-terminu “valur limitu” użat f’dan l-Anness huwa ddefinit fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva. Il-valuri limitu jindirizzaw ir-rotta tal-inalazzjoni tal-espożizzjoni fil-waqt li jiddeskrivu l-livell ta’ konċentrazzjoni massima fl-arja għal aġent kimiku partikulari li, jekk jinqabżu, il-ħaddiema ma għandhomx ikunu esposti għalihom, bħala medja, matul perjodu ta’ żmien definit.

Il-valur limitu għat-trab respirabbli tas-silika kristallina japplika għall-“frazzjoni respirabbli”.

Tiġi assenjata "notazzjoni tal-ġilda” lill-valuri limitu ta’ espożizzjoni okkupazzjonali għall-karċinoġeni li ġejjin: l-akrilammid, l-ossidu tal-etilene u l-idrazina. Tiġi assenjata notazzjoni tal-ġilda għal kull aġent kimiku fejn l-SCOEL ivvaluta li l-assorbiment tal-ġilda jista’ jikkontribwixxi b’mod sostanzjali lill-piż totali tal-ġisem u konsegwentement għal tħassib dwar l-effetti possibbli fuq is-saħħa. Notazzjoni tal-ġilda assenjata lil valur limitu tidentifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda. L-impjegaturi għandhom l-obbligu li jikkunsidraw tali notazzjonijiet meta jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju u meta jimplimentaw miżuri preventivi u protettivi għal karċinoġenu jew mutaġenu partikolari skont id-Direttiva.

2016/0130 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2004/37/KE tal-parlament ewropew u l-kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma’ l-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE), b'mod partikulari l-Artiklu 17(1) tagħha 44 .

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 45

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, 46

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2004/37/KE għandha l-għan li tħares il-ħaddiema mir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom mill-espożiżżjoni għall-karċinoġeni jew il-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol u li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għal dak l-għan inklużi valuri limitu, abbażi tad-dejta xjentifika u teknika disponibbli.

(2)Il-valuri limitu għandhom jiġu riveduti meta meħtieġ fid-dawl tad-dejta xjentifika.

(3)Għal xi karċinoġeni u mutaġeni huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati l-mezzi kollha ta' assorbiment, inkluża l-possibilità ta' penetrazzjoni mill-ġilda, sabiex ikun żgurat l-aħjar livell possibbli ta' protezzjoni.

(4)Il-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol ("il-Kumitat") jassisti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-aħħar dejta xjentifika disponibbli u jgħinha tipproponi limiti ta’ espożizzjoni okkupazzjonali għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji kimiċi li għandhom li jiġu ffissati fil-livell tal-UE skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE 47 u d-Direttiva. Għall-aġenti kimiċi o-toluwidina u 2-nitropropan, ma kien hemm l-ebda rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat u sorsi oħra ta’ informazzjoni xjentifika, b’saħħthom biżżejjed u fid-dominju pubbliku, li ġew ikkunsidrati 48 ., 49

(5)Hemm biżżejjed evidenza li turi l-karċinoġeniċità tat-trab tas-silika kristallina respirabbli. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, valur limitu għat-trab respirabbli tas-silika kristallina għandhom jiġu stabbiliti. It-trab respirabbli tas-silika kristallina ġġenerat minn proċess ta’ xogħol mhux suġġett għall-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 50 . Għalhekk huwa xieraq li jiġi inkluż xogħol li jinvolvi espożizzjoni għat-trab respirabbli tas-silika kristallina ġġenerat minn proċess ta’ xogħol fl-Anness I tad-Direttiva 2004/37/KE u li jiġi stabbilit valur ta’ limitu għat-trab respirabbli tas-silika kristallina ("frazzjoni respirabbli”).

(6)Gwidi u prattika tajba żviluppati permezz ta’ inizjattivi bħall-"Ftehim dwar il-Protezzjoni tas-Saħħa tal-Ħaddiema Permezz tat-Trattament u l-Użu Tajjeb tas-Silika Kristallina u Prodotti li fihom is-Silika Kristallina" tad-Djalogu Soċjali (NEPSI) huma strumenti importanti sabiex jiġu kkumplimentati miżuri regolatorji u b’mod partikolari biex tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tal-valuri limitu.

(7)Il-valuri limitu stipulati fl-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE għall-monomer tal-klorur tal-vinil u għat-trab tal-injam iebes għandhom jiġu riveduti fid-dawl tal-informazzjoni xjentifika aktar riċenti.

(8)1,2-Epossipropan jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu fit-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi identifikat livell ċar ta’ espożizzjoni li taħtu, l-espożizzjoni għal dan il-karċinoġenu mhuwiex mistenni li jwassal għal effetti negattivi. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-1,2 epossipropan.

(9)1,3-Butadjen jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi (il-kategorija 1A) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu fit-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dan il-karċinoġenu. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-butadjen.

(10)2-Nitropropan jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu fit-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dan il-karċinoġenu. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-2-nitropropan.

(11)L-akrilammid jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu fit-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għall-akrilammid. Għall-akrilammid, il-Kumitat identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-akrilammid u li jingħatalu notazzjoni li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(12)Ċerti komposti tal-kromju (VI) jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi tal-kategorija 1A jew 1B skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni fit-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dawn il-komposti tal-kromju VI. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-komposti tal-kromju (VI) li huma karċinoġeni fit-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE.

(13)L-ossidu tal-etilen jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniku (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huwa karċinoġenu fit-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dan il-karċinoġenu. Għall-ossidu tal-etilen, il-Kumitat identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-ossidu tal-etilene u jingħatalu notazzjoni li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(14)o-Toluwidina tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenika (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu fit-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dan il-karċinoġenu. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-o-toluwidina.

(15)Ċerti fibri taċ-ċeramika rifrattarji jissodisfaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġeniċi tal-kategorija 1B skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk huma karċinoġeni fit-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal għal dawn il-fibri taċ-ċeramika rifrattarji li huma karċinoġeni fit-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għal dawn il-fibri taċ-ċeramika rifrattarji.

(16)Il-bromoetilena tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenika (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu fit-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għal dan karċinoġenu. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għall-bromoetilena.

(17)L-idrazina tissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala karċinoġenika (il-kategorija 1B) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u għalhekk hija karċinoġenu fit-tifsira tad-Direttiva 2004/37/KE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, li tinkludi dejta xjentifika u teknika, huwa possibbli li jiġi stabbilit valur limitu għall-idrazina. Għal dan il-karċinoġenu, il-Kumitat identifika l-possibbiltà ta' assorbiment sinifikanti mill-ġilda. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit valur limitu għal idrazina u biex jassenjawlha notazzjoni li tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(18)Din l-emenda ssaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

(19)Il-Kummissjoni kkonsultat il-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003. Wettqet ukoll konsultazzjoni f'żewġ stadji mal-imsieħba soċjali Ewropej skont l-Artikolu 154 tat-TFUE.

(20)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) tagħha.

(21)Il-valuri limitu stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom jinżammu taħt reviżjoni fid-dawl tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, b’mod partikolari sabiex jittieħed kont tal-interazzjoni bejn il-valuri limitu stabbiliti skont id-Direttiva 2004/37/KE u d-DNELs (Livelli Derivati ta' Bla Effett) derivati għall-kimiċi perikolużi skont dak ir-Regolament.

(22)Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, li huma biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u biex iħarsu s-saħħa tal-ħaddiema minn riskji speċifiċi li jirriżultaw mill-espożizzjoni għall-karċinoġeni, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-UE, l-UE tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat fl-Artikolu 5(4) tat-TFUE, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(23)Peress li din tolqot is-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, l-iskadenza għat-traspożizzjoni għandu tkun ta’ sena.

(24)Għaldaqstant id-Direttiva 2004/37/KE għandha tiġi emendata b'mod xieraq.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/37/KE hija emendata kif ġej:

1. Fl-Anness I, jiżdied il-punt li ġej:

6. Xogħol li jinvolvi espożizzjoni għat-trab respirabbli tas-silika kristallina ġġenerat minn proċess ta’ xogħol”.

2. L-Anness III jinbidel bit-test li hemm fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tinkiseb konformità mad-Direttiva sa mhux iktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) European estimates of work-related injury and ill health, Work-related Illnesses Identification, Causal Factors and Prevention Safe Work — Healthy Work — For Life , Takala, J., Workplace Safety and Health Institute, Singapore, preżentazzjoni lill-Konferenza tal-Presidenza tal-UE, Ateni, Ġunju 2014.
(2) Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (verżjoni kodifikata) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50.
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(4) Skont dak ir-Regolament, 1017-il aġent kimiku (u gruppi ta’ sustanzi kimiċi) irċevew “Klassifikazzjoni armonizzata” obbligatorja bħala karċinoġeni tal-“Kategorija 1”, li jattiraw it-tikketta bid-dikjarazzjoni ta' periklu, “Jista’ jikkawża l-kanċer”.
(5) Monographs on the evaluation of carcinogenic risk to humans , l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC), WHO.
(6) L-Artikolu 1(1) u l-premessa 13 tad-Direttiva.
(7) Il-Premessa 13 tad-Direttiva.
(8) IARC(2012) http://monographs.iarc.fr/ENG/Monographs/vol100C/mono100C-14.pdf  
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 li tistabbilixxi Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, ĠU C 218, 13.9.2003, p. 0001 - 0004
(10) COM (2014) 332 final, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52014DC0332&from=MT
(11) Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker fil-Parlament Ewropew fid-9 ta’ Settembru 2015.
(12) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.61989, p. 1)
(13) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta'April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11).
(14) Bħalissa, il-Kummissjoni qed tiffinalizza r-rapport tagħha dwar l-evalwazzjoni tan-NEPSi.
(15) COM(2010) 2020 u COM(2014) 130 finali.
(16) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (Test b'relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 396, 30.12.2006, p.1) (kif emendat)
(17) Ara t-Tabella 1 fl-Anness 6 fil-valutazzjoni tal-impatt.
(18) Ara t-Tabella 2 fl-Anness 6 fil-valutazzjoni tal-impatt.
(19) Pereżempju għall-1,3-butadjen, il-valuri jvarjaw minn 4,5 għal 100 mg/m³. Għall-ossidu tal-etilen, il-valuri jvarjaw minn 0,84 għal 90 mg/m³.
(20) Ara t-Tabella 4 fl-Anness 6 tal-valutazzjoni tal-impatt.
(21) Il-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej (UNICE), iċ-Ċentru Ewropew għal Min Iħaddem u għall-Intrapriżi li jipprovdu Servizzi Pubbliċi (CEEP), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (UEAPME), il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), il-Konfederazzjoni Ewropea ta l-Istaff Eżekuttiv u Maniġerjali (CEC), il-Konfederazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali tal-Konzaturi u d-Dresers tal-Komunità Ewropea (COTANCE), l-Assoċjazzjoni Kummerċjali Ewropea tal-Lukandi, ir-Ristoranti u l-Kafeeteriji fl-Ewropa (HOTREC), il-Federazzjoni Ewropea tal-Għaqdiet tal-Ħaddiema fis-Setturi tal-Ikel, l-Agrikoltura u t-Turiżmu u Fergħat Alleati (EFFAT), Netwerk Internazzjonali tal-Unjins — Europe Hair & Beauty (UNI-Europa Hair&Beauty).
(22) CISNET EMPL 8676 tal-15 ta’ Ġunju 2006.
(23) Erba’ mill-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi (BusinessEurope, EuroCommerce, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (UEAPME) u l-Industrija Ewropea tas-Siment), tnejn mill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema (il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tal-Ġebel u l-Injam (EFBWW)) u waħda mill-organizzazzjoni indipendenti (is-Soċjetà Brittanika dwar l-Iġjene Okkupazzjonali (BOHS)).
(24) IOM Research Project P937/99, Mejju 2011 – Health, social-economic and environmental aspects of possible amendments to the EU Directive on the protection of workers from the risks related to exposure to carcinogens and mutagens at work
(25) Laqgħa tad-WPCs fit-23 ta’ Marzu 2011; Laqgħa tad-WPCs fil-15 ta’ Ġunju 2011; Laqgħa tad-WPCs fit-26 ta’ Ottubru 2011;
(26) Laqgħa tad-WPCs fil-21 ta’ Marzu 2012; Laqgħa tad-WPCs fis-6 ta' Ġunju 2012; Laqgħa tad-WPCs fil-21 ta’ Novembru 2012;
(27) Laqgħa tad-WPCs fis-6 ta' Marzu 2013; Laqgħa tad-WPCs fid-19 ta' Ġunju 2013; Laqgħa tad-WPCs fit-2 ta' Ottubru 2013;
(28) Opinion on the approach and content of an envisaged proposal by the Commission on the amendment of Directive 2004/37/EC on Carcinogens and Mutagens at the workplace. Adottat fil-05/12/2012 (Doc. 2011/12).
(29) Supplementary opinion on the approach and content of an envisaged proposal by the Commission on the amendment of Directive 2004/37/EC on Carcinogens and Mutagens at the workplace. Adottat fil-30/05/2013 (Doc. 727/13).
(30) Supplementary opinion No. 2 on the approach and content of an envisaged proposal by the Commission on the amendment of Directive 2004/37/EC on Carcinogens and Mutagens at the workplace. Adottat fil-28/11/2013 (Doc. 2016/13).
(31) It-tliet opinjonijiet adottati tal-ACSH jinkludu, fejn meħtieġ, kummenti speċifiċi mill-gruppi ta' interess (l-imsieħba soċjali u l-Istati Membri) li b’mod wiesa' jirriflettu l-punti prinċipali miżmuma minn kull grupp ta' interess matul id-diskussjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kimiċi (WPCs). Ma hemm ebda kummenti speċifiċi f’ħafna każijiet peress li kien hemm fehma ta' kunsens mit-tliet gruppi ta’ interess. Bħala tali, l-Opinjonijiet finali tal-ACSH għandhom jittieħdu bħala li jirrapreżentaw il-fehmiet tal-gruppi kkonċernati rappreżentati.
(32) L-organizzazzjonijiet li ġejjin, fost l-oħrajn, iddiskutew b’mod bilaterali mas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-aġenti kimiċi speċifiċi soġġetti għall-inizjattiva: in-NEPSi (in-Netwerk Ewropew għas-Silika ffurmat mill-assoċjazzjonijiet settorjali Ewropew tal-Impjegati u l-Impjegaturi); l-Euromines u l-IMA (l-Assoċjazzjoni Minerali Industrijali) għas-Silika; l-ECFIA (l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Fibri taċ-Ċeramika) u Unifrax għall-Fibri taċ-Ċeramika Rifrattarji (RCF); is-CEEMET (il-Kunsill tal-Impjegaturi Ewropej tal-Industriji bbażati fuq il-Metall, l-Inġinerija u t-Teknoloġija) u l-Eurometaux għall-metalli bħala huma l-Kromu u l-Berillju; il-BeST (l-Assoċjazzjoni għax-Xjenza u t-Technology tal-Berillju) għall-Berillju. Il-Kummissjoni ħadet sehem ukoll f’laqgħat organizzati kull sena mid-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs u l-industrija Ewropea tal-Ħġieġ u taċ-Ċeramika.
(33) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/EU tat-3 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol u li tħassar id-Deċiżjoni 95/320/KE (ĠU L 62, 4.3.2014, p. 18).
(34) https://circabc.europa.eu .
(35) Il-links li ġejjin qed jngħataw biss għal dawk l-aġenti kimiċi soġġetti għall-ewwel emenda tar- rapport eżekuttiv ta' sinteżi tas-CMD; Rapport ta' sinteżi ; 1,2-epossipropan , 1,3-butadjen , 2 nitropropane ; Akrilammid ; Bromoetilena ; Kromju VI ; Ossidu tal-etilen ; Idrazina ; o-toluwidina ; Fibri taċ-Ċeramika Refrattarji ; Silika Kristallina Respirabbli ; Trab tal-injam iebes ; Monomer tal-klorur tal-vinil .
(36) http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/ia_carried_out/cia_2016_en.htm#empl
(37) Fil-25 ta' Settembru 2015 il-Qorti Ġenerali tal-UE tat is-Sentenza tagħha fil-Kawża C-360/13, Verein zur Wahrung von Einsatz und Nutzung von Chromtrioxid und anderen Chrom-VI-verbindungen in der Oberflächentechnik eV (VECCO) v il-Kummissjoni Ewropea.
(38) Ara t-taqsima 5 tal-valutazzjoni tal-impatt għal analiżi dettaljata tal-impatti tal-opzjonijiet differenti ta’ politika u kif jipparagunaw ma' xulxin.
(39) Ara t-Tabella 3 fl-Anness 6 tal-valutazzjoni tal-impatt.
(40) Pereżempju, il-valur propost għall-espożizzjoni għat-trab tal-injam iebes huwa 3 mg/m3, filwaqt li l-valur fil-Kanada u fl-Awstralja huwa 1 mg/m3. Il-valur propost għall-monomer tal-klorur tal-vinil huwa ta’ 1 ppm, il-valur fl-Istati Uniti u l-Kanada hu wkoll 1 ppm. U l-valur ta’ 0,1 mg/m³ propost għas-silika kristallina respirabbli huwa wkoll stabbilit fl-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada.
(41) Dawn jinkludu dejta li tista’ tinġabar mill-Eurostat dwar il-mard okkupazzjonali jekk ir-riżultati tal-istudju ta’ fattibbiltà li għaddej bħalissa huma pożittivi, kif ukoll dwar problemi oħra ta’ saħħa u mard relatati max-xogħol f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1338/2008, id-dejta ppreżentata mill-Istati Membri fir-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ippreżentata skont l-Artikolu 17(a) tad-Direttiva 89/391/KEE u d-dejta notifikata mill-impjegaturi lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali dwar il-każijiet kollha ta’ kanċer identifikati skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali kif jirriżultaw mill-espożizzjoni okkupazzjonali għal karċinoġenu jew mutaġenu skont l-Artikolu 14(8) tad-Direttiva 2004/37/KE, u li jista’ jkun hemm aċċess għaliha mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/37/KE.
(42) http://monographs.iarc.fr/ENG/Monographs/vol100C/mono100C-14.pdf ; IARC (1997); Silica, some silicates, coal dust and paraaramid fibrils, IARC Monogr Eval Carcinog Risks Hum, 68: 1–475. PMID:9303953.
(43) In-Numru tas-Servizz tal-Astratti Kimiċi
(44) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50.
(45) ĠU C , , p. .
(46) ĠU C , , p. .
(47) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta'April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu ma’ l-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 131, 05.05.1998, p. 11).
(48) http://monographs.iarc.fr/ENG/Monographs/vol77/mono77-11.pdf
http://monographs.iarc.fr/ENG/Monographs/vol99/mono99-15.pdf  u http://monographs.iarc.fr/ENG/Monographs/vol100F/mono100F-11.pdf
(49) http://monographs.iarc.fr/ENG/Monographs/vol1-42/mono29.pdf u http://monographs.iarc.fr/ENG/Monographs/vol71/mono71-49.pdf
(50) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

Brussels, 13.5.2016

COM(2016) 248 final

ANNEX

to the

Proposal for a
DIRECTIVE OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL

amending Directive 2004/37/EC on the protection of workers from the risks related to exposure to carcinogens or mutagens at work

{SWD(2016) 152 final}
{SWD(2016) 153 final}


ANNESS

"Anness III: Valuri limitu u dispożizzjonijiet oħra relatati b'mod dirett (l-Artikolu 16)

A. IL-LIMITI GĦALL-ESPOŻIZZJONI FUQ IX-XOGĦOL

Nru tas-SAK ( 1 )

Nru tal-KE ( 2 )

L-ISEM TAL-AĠENT

IL-VALURI LIMITU( 3 )

Notazzjoni( 4 )

mg/m3 ( 5 )

ppm ( 6 )

f/ml( 7 )

Trab tal-injam iebes

3 ( 8 )

Komposti tal-kromju (VI) li huma karċinoġeni, fit-tifsira tal-Artikolu 2(a) (i) tad-Direttiva

(bħala kromju)

0,025

Fibri taċ-Ċeramika Refrattarji

li huma karċinoġeni fit-tifsira tal-Artikolu 2(a) (i) tad-Direttiva

0,3

Trab Respirabbli tas-Silika Kristallina

0,1 ( 9 )

71-43-2

200-753-7

Benżen

3,25

1

ġilda

75-01-4

200-831-0

Monomer tal-klorur tal-vinil

2,6

1

75-21-8

200-849-9

Ossidu tal-etilen

1,8

1

ġilda

75-56-9

200-879-2

1,2-Epossipropan

2,4

1

79-06-1

201-173-7

Akrilammid

0,1

ġilda

79-46-9

201-209-1

2-Nitropropan

18

5

95-53-4

202-429-0

o-toluwidina

0,5

0,1

106-99-0

203-450-8

1,3-Butadjen

2,2

1

302-01-2

206-114-9

Idrazina

0,013

0,01

ġilda

593-60-2

209-800-6

Bromoetilena

4,4

1

B. DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA RELATATI B'MOD DIRETT

pm"

(1) Nru tas-SAK: In-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tal-Astratt Kimiku.
(2) Nru KE, jiġifieri EINECS, ELINCS jew NLP, huwa n-numru uffiċjali tas-sustanza fl-Unjoni Ewropea, kif definit fit-Taqsima 1.1.1.2 fl-Anness VI, il-Parti 1 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.
(3) Imkejjel jew kkalkulat fir-rigward ta’ perjodu referenzjarju ta’ tmien sigħat.
(4) Kontribut sostanzjali fil-piż tal-ġisem kollu permezz tal-espożizzjoni tal-ġilda possibbli.
(5) mg/m3 = milligrammi għal kull metru kubu ta’ arja f’20°C u 101,3 Kpa (pressjoni ta’ merkurju ta’ 760 mm).
(6) ppm = partijiet għal kull miljun għal kull volum fl-arja (ml/m3).
(7) f/ml = fibri għal kull millilitru.
(8)

   Frazzjon inalabbli: jekk it-trab tal-injam iebes jitħallat ma' trab ta' injam ieħor, il-valur limitu għandu japplika għat-trab kollu tal-injam preżenti f’din it-taħlita.

(9) Frazzjoni respirabbli.