IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 6.4.2016
COM(2016) 194 final
2016/0106(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi reġistrata d-dejta dwar id-dħul u l-ħruġ u d-dejta dwar ir-rifjut ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi u
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1077/2011
{SWD(2016) 114 final}
{SWD(2016) 115 final}
{SWD(2016) 116 final}
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Sfond
Fi Frar 2013, il-Kummissjoni ressqet pakkett ta’ proposti leġislattivi dwar Fruntieri Intelliġenti sabiex tiġi modernizzata l-ġestjoni tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen. Il-pakkett kien jikkonsisti minn tliet proposti: (1) Regolament għal Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) għar-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-ħin u l-post tad-dħul u tal-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fiż-żona Schengen, (2) Regolament għal Programm ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati (RTP) biex ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew mistħarrġa minn qabel ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tħaffif ta’ kontrolli fil-fruntieri fil-fruntiera esterna tal-Unjoni, (3) Regolament li jemenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen sabiex jittieħed kont tal-eżistenza tal-EES u tal-RTP.
Matul l-ewwel eżami tal-pakkett li tlesta fi Frar 2014, il-koleġiżlaturi esprimew tħassib tekniku, finanzjarju u operattiv dwar ċerti aspetti tad-disinn tas-sistemi. Madankollu l-għażliet politiċi preferuti li ġew proposti fl-2013 (jiġifieri sistemi ċentralizzati bbażati fuq il-bijometrija) ma kienux ikkontestati. Il-Parlament Ewropew (PE) irrefera l-proposta lill-Kumitat tiegħu dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (LIBE). Ma ħariġx riżoluzzjoni leġislattiva dwar il-proposti.
Sabiex ikomplu jiġu vvalutati l-impatti tekniċi, organizzattivi u finanzjarji tal-għażliet politiċi proposti, il-Kummissjoni, bl-appoġġ taż-żewġ koleġiżlaturi, tat bidu għal hekk imsejjaħ eżerċizzju tal-‘prova tal-kunċett’ li jikkonsisti f’żewġ stadji:
–Studju Tekniku mmexxi mill-Kummissjoni dwar Fruntieri Intelliġenti (minn hawn ‘il quddiem "L-Istudju Tekniku") li ġie ppubblikat f’Ottubru 2014, u
–Fażi ta’ ttestjar immexxija mill-eu-LISA dwar l-impatt tal-użu ta’ diversi identifikaturi bijometriċi fuq il-proċessi ta’ kontroll fil-fruntieri (minn hawn ‘il quddiem "Il-Pilota") li dwarha ġie ppubblikat rapport f’Novembru 2015.
Abbażi tas-sejbiet tal-Istudju Tekniku, ir-riżultati tal-Pilota, id-diskussjonijiet tekniċi mal-koleġiżlaturi u mal-partijiet ikkonċernati kif ukoll konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni ħejjiet Valutazzjoni tal-Impatt dettaljata li qed takkumpanja din il-proposta. Din il-Valutazzjoni tal-Impatt tibni fuq il-Valutazzjonijiet tal-Impatt li jakkumpanjaw il-proposti tal-2013, u tiffoka fuq elementi tal-proposti tal-2013 fejn qed jiġu proposti modifiki, speċjalment (a) l-arkitettura tas-sistema, (b) il-bijometrika li għandha tintuża, (ċ) l-użu ta’ faċilitaturi tal-proċess, (d) iż-żamma tad-dejta u (e) l-aċċess mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.
Abbażi ta’ dawn il-preparazzjonijiet estensivi, il-Kummissjoni kkunsidrat li hemm il-ħtieġa ta’ titjib u simplifikazzjonijiet għall-proposti tal-2013. Il-Kummissjoni ddeċidiet li:
–tirrevedi l-proposta tagħha tal-2013 għal Regolament għat-twaqqif ta’ Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES);
–tirrevedi l-proposta tagħha tal-2013 għar-Regolament li jemenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen sabiex jiġi integrat it-tibdil bħala riżultat tal-proposta l-ġdida għal Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES).
–tirtira l-proposta tagħha tal-2013 għal Regolament għal-Programm ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati (RTP).
Raġuni għat-twaqqif ta' Sistema ta' Dħul/Ħruġ tal-UE
Kif ġie spjegat fil-Valutazzjoni tal-Impatt, it-twaqqif ta’ Sistema ta’ Dħul/Ħruġ tal-UE huwa meqjus neċessarju biex jiġu indirizzati l-isfidi li ġejjin:
1. Jiġi indirizzat id-dewmien fil-kontrolli fil-Fruntieri u titjieb il-kwalità tal-kontrolli fil-fruntieri għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi
Il-flussi ta’ passiġġieri fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea ilhom jikbru u se jkomplu jiżdiedu fil-futur. Fl-2025 l-għadd totali ta’ qsim regolari tal-fruntieri huwa previst li jiżdied għal 887 miljun, u madwar terz minnhom huwa mistenni li jsir minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw lejn pajjiżi Schengen għal żjara għal żmien qasir. Filwaqt li jsiru "kontrolli minimi" fuq iċ-ċittadini tal-UE u fuq persuni li jgawdu d-dritt ta’ moviment liberu, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni taż-żona Schengen jiġu soġġetti għal ‘kontrolli stretti’ li jsiru manwalment fil-fruntieri (kemm mad-dħul u l-ħruġ).
Fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma hemm ebda dispożizzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-movimenti transfruntieri ta’ vjaġġaturi ġewwa ż-żona Schengen u ’l barra minnha. Bħala regola ġenerali, ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom id-dritt li jidħlu għal soġġorn qasir sa massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Attwalment l-ittimbrar tad-dokument tal-ivvjaġġar li jindika d-dati tad-dħul u tal-ħruġ huwa l-unika metodu disponibbli biex il-gwardji tal-fruntieri u l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni jikkalkulaw it-tul tas-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u biex jivverifikaw jekk xi persuna tkun qabżet is-soġġorn awtorizzat. Dawn it-timbri jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu interpretati: jistgħu ma jkunux ċari biex jinqraw jew ir-riżultat ta' falsifikazzjoni. Bl-istess mod, huwa diffiċli għall-konsulati li jkollhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet għal viża biex jistabbilixxu l-legalità ta’ viżi preċedenti abbażi ta’ timbri preżenti fid-dokument tal-ivvjaġġar. Bħala riżultat ta’ dan, il-proċedura kollha hija meqjusa suxxettibbli għall-iżbalji u mhux dejjem tiġi implimentata b’mod sistematiku.
L-introduzzjoni tal-EES ser tiżgura:
–informazzjoni preċiża, imwassla malajr fuq talba lil uffiċjali tal-fruntiera matul verifiki fil-fruntieri, billi tiġi sostitwita s-sistema attwali li tieħu l-ħin u mhux affidabbli tal-istampar manwali tal-passaporti; dan se jippermetti monitoraġġ aħjar tas-soġġorn awtorizzat kif ukoll verifiki fil-fruntieri iktar effiċjenti;
–informazzjoni lill-gwardji tal-fruntiera dwar ir-rifjut ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u se tippermetti li r-rifjuti ta’ dħul jiġu ċċekkjati b’mod elettroniku fl-EES;
–informazzjoni preċiża lill-vjaġġaturi dwar it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat tagħhom;
–il-possibbiltà għal kontrolli awtomatizzati fil-fruntieri għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi taħt is-superviżjoni tal-gwardji tal-fruntiera f’konformità mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8d tal-proposta riveduta biex tiġi emendata l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.
2. Tiġi żgurata identifikazzjoni sistematika u affidabbli ta’ ‘persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta’
Immigranti irregolari jinkludu kemm persuni li qasmu l-fruntieri b'mod irregolari - ħafna drabi mhux f'punt ta' qsim tal-fruntiera uffiċjali - u l-hekk imsejħa "persuni b'permanenza b'awtorizzazzjoni skaduta": persuni li daħlu b'mod legali fl-UE f'punt ta' qsim tal-fruntiera uffiċjali iżda li baqgħu wara li l-intitolament tagħhom skada. L-EES tindirizza din il-kategorija ta’ migrazzjoni irregolari. Peress li attwalment il-qsim tal-fruntieri minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jiġix reġistrat, mhuwiex possibbli li jiġu stabbiliti listi ta’ persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta.
L-introduzzjoni tal-EES ser:
–tipprovdi informazzjoni preċiża dwar persuni li jkunu jaqbżu s-soġġorn awtorizzat, li se tappoġġa l-kontrolli fit-territorju u tgħin sabiex il-migranti irregolari jinqabdu b’mod aktar effiċjenti;
–tappoġġa l-identifikazzjoni ta' migranti irregolari; tappoġġa l-identifikazzjoni ta’ migranti irregolari; billi tinħażen il-bijometrika fl-EES dwar il-persuni kollha li mhumiex suġġetti għall-obbligu ta’ viża, u meta jitqies li l-bijometrija ta’ titulari ta’ viża tiġi maħżuna fil-VIS, l-awtoritajiet tal-Istati Membri ser ikunu jistgħu jidentifikaw kwalunkwe migrant irregolari li jinsab mingħajr dokumenti fit-territorju li jkun qasam il-fruntiera esterna legalment; dan min-naħa tiegħu ser jiffaċilita l-proċess ta’ ritorn; dan b'hekk se jiffaċilita l-proċess tar-ritorn;
–tippermetti approċċ ibbażat fuq l-evidenza permezz tal-analiżi ġġenerata mis-sistema. Fil-każ ta’ pereżempju l-politika dwar il-viżi, l-EES se tipprovdi informazzjoni preċiża dwar jekk hemmx problema b’persuni ta’ nazzjonalità partikolari b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta jew le, li jkun element importanti meta tkun ser tittieħed deċiżjoni jekk għandux jiġi impost jew jitneħħa l-obbligu ta’ viża minn fuq pajjiż terz inkwistjoni;
3. Tiġi msaħħa s-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja.
Attivitajiet kriminali bħat-traffikar tal-bnedmin, il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni jew il-kuntrabandu ta’ merkanzija illeċita jinvolvu diversi qsim tal-fruntieri, li jiġu faċilitati min-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-qsim tal-fruntieri taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi konċernati. Bl-istess mod, organizzazzjonijiet terroristiċi u individwi radikalizzati jistgħu jibbenefikaw min-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ qsim tal-fruntieri. Il-kontrolli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni jinvolvu verifiki tal-identità u tfittxijiet f’diversi bażi tad-dejta ta’ persuni jew ta’ gruppi magħrufa li huma ta’ theddida għas-sigurtà pubblika li jew għandhom jinqabdu jew jitwaqqfu milli jidħlu fit-territorju. Madankollu, jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jeqred id-dokumentazzjoni uffiċjali tiegħu/tagħha ladarba jkun/tkun fiż-żona Schengen, jista’ jkun diffiċli ħafna biex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jidentifikaw dik il-persuna fil-każ li hu/hi jkun/tkun issuspettat/a li wettaq/wettqet reat jew ikun/tkun vittma ta’ reat.
L-introduzzjoni tal-EES ser:
–tappoġġja l-identifikazzjoni affidabbli ta’ terroristi, ta’ kriminali kif ukoll ta’ suspettati u ta’ vittmi;
–tipprovdi rekord tal-istorja tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi inklużi dawk suspettati li wettqu xi reat. Għalhekk, ser tikkumplimenta l-informazzjoni disponibbli fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen.
Żviluppi rilevanti mill-2013
Fit-tħejjija ta’ din il-proposta riveduta, il-Kummissjoni qieset ukoll l-iżviluppi rilevanti li saru mill-2013, li biddlu l-ambjent politiku, legali u istituzzjonali meta mqabbel mal-2013, meta kienu ġew ippreżentati l-proposti oriġinali dwar Fruntieri Intelliġenti:
–Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża saret kompletament operattiva. L-‘introduzzjoni’ tagħha lill-konsulati tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi rilevanti kollha ġiet konkluża f’Novembru 2015. Issa l-verifika bijometrika ta’ titulari ta’ viża mal-VIS fil-fruntieri esterni ta’ Schengen hija obbligatorja. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi qegħdin dejjem aktar jużaw il-VIS għal skopijiet ta’ identifikazzjoni u ta’ investigazzjoni.
–Djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża ma’ pajjiżi fil-Balkani tal-Punent u fil-fruntieri tal-Lvant u tax-Xlokk tal-UE ġew konklużi jew ġew aċċellerati, li se jwassal għal proporzjon akbar ta’ vjaġġaturi eżentati mill-obbligu ta’ viża lejn l-UE. Huwa mistenni li fis-snin li ġejjin din ix-xejra se tkompli.
–Ġie adottat il-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF-B), li alloka € 791 miljun għall-iżvilupp tal-Fruntieri Intelliġenti, li għandhom jintużaw wara l-adozzjoni tal-bażi legali rilevanti.
–L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni identifikat il-“ġestjoni tal-fruntieri” bħala waħda mill-“erba’ pilastri biex tiġi mmaniġġjata aħjar il-migrazzjoni”. Is-sigurtà tal-fruntieri esterni u l-ġestjoni aktar effiċjenti tagħhom timplika li jsir użu aħjar mill-opportunitajiet offruti mis-sistemi u mit-teknoloġiji tal-IT. Barra minn hekk, fil-Kunsill tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni u fil-Kunsill Ewropew li saru f’Diċembru 2015, l-Istati Membri enfasizzaw il-ħtieġa għal titjib tal-kontrolli fil-fruntieri esterni permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda.
–Żviluppi rapidi fil-qasam tat-teknoloġija bijometrika fetħu possibiltajiet ġodda għal reġistrazzjoni u verifiki ‘eħfef’ u ‘aktar mgħaġġla’ ta’ vjaġġaturi, mhux biss għall-marki tas-swaba’, iżda anke għall-immaġini tal-wiċċ.
–Is-sentenza tal-Qorti dwar id-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Dejta pprovdiet ċarezza legali dwar il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji li jridu jiġu rispettati għall-ħżin u l-użu tad-dejta tal-EES.
–Il-ftehim politiku tal-koleġiżlaturi ta’ Diċembru 2015 dwar ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta se tistabbilixxi qafas modern għall-protezzjoni tad-dejta madwar l-UE. Matul l-2016 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jadottaw formalment ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-dejta u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-dejta.
L-elementi prinċipali tal-pakkett rivedut dwar fruntieri intelliġenti
Il-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sistema l-ġdida ta’ Dħul u Ħruġ jinkludi l-qsim tal-fruntieri miċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed iżuru ż-żona Schengen għal soġġorn qasir (perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum), kemm għal vjaġġaturi li jeħtieġu viża u għal dawk eżentati mir-rekwiżit ta’ viża, jew eventwalment, abbażi ta’ viża itineranti (sa sena).
Il-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE li jgawdu d-dritt ta’ moviment liberu jew ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu l-istess drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni u li għad ma għandhomx karta ta’ residenza għandhom jiġu reġistrati fl-EES iżda mhumiex suġġetti għar-regola ta’ soġġorn qasir, u l-kontrolli fuq din il-kategorija għandhom isiru skont id-Direttiva 2004/38/KE. Dawn il-membri tal-familja li għandhom karta ta’ residenza imsemmija fid-Direttiva 2004/38/KE huma esklużi mill-EES.
Is-sistema se jiġbor dejta u tirreġistra r-rekords tad-dħul u tal-ħruġ bil-għan li jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri ta’ vjaġġaturi in bona fede, u jiġu identifikati aħjar persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta. L-EES se tirreġistra wkoll ir-rifjut ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
Id-differenzi ewlenin bejn din il-proposta modifikata u l-proposti tal-2013 huma:
–L-arkitettura tas-sistema: sistema waħda biss hija proposta, is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ. Il-konnessjoni tal-infrastrutturi nazzjonali tal-fruntieri mas-sistema ċentrali tal-EES se ssir permezz ta’ Interfaċċa Nazzjonali Uniformi li se tkun identika għall-Istati Membri kollha, u se tippermetti l-użu tas-Sistemi nazzjonali eżistenti ta’ Ħruġ u Dħul. Madankollu, dejta mis-sistema ċentrali ma tistax tiġi kkupjata f’dawn l-EES nazzjonali eżistenti.
–Qed tiġi żgurata interoperabbiltà bejn l-EES u l-VIS sabiex tinkiseb aktar effiċjenza u ħeffa fil-kontrolli fil-fruntieri. Għal dan il-għan, se tiġi stabbilita konnessjoni bejn is-sistemi ċentrali tal-EES u tal-VIS u l-aċċess dirett bejniethom se jiġi regolat għal skopijiet speċifiċi. Dan għandu jnaqqas id-duplikazzjoni tal-ipproċessar ta’ dejta personali skont il-prinċipju ta’ ‘privatezza fid-disinn’.
–
–Identifikaturi bijometriċi: filwaqt li l-proposti tal-2013 għall-EES kienu qed jistrieħu fuq għaxar marki tas-swaba, il-proposti riveduti għall-EES jissuġġerixxu taħlita ta’ erba’ marki tas-swaba’ u l-immaġni tal-wiċċ bħala identifikaturi bijometriċi li jiġu introdotti mill-bidu tal-operat tal-EES. Din l-għażla se tippermetti verifiki u identifikazzjonijiet preċiżi biżżejjed, meta wieħed iqis id-daqs mistenni tal-EES, filwaqt li l-ammont ta’ dejta jinżamm għal livell raġonevoli filwaqt li fl-istess ħin jitħaffu l-kontrolli fil-fruntieri u jiġi permezz użu aktar wiesa’ ta’ sistemi self-service fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri. L-erba’ marki tas-swaba’ jintużaw waqt ir-reġistrazzjoni biex jiġi ċċekkjat jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kienx diġà ġie rreġistrat fis-sistema filwaqt li l-immaġni tal-wiċċ tippermetti verifika affidabbli (awtomatika) u ta’ malajr waqt dħul sussegwenti li l-individwu soġġett għall-kontroll fil-fruntieri huwa dak li diġà huwa rreġistrat fl-EES.
–Protezzjoni ta’ dejta personali: hemm tnaqqis sinifikanti fil-volum ta’ dejta personali reġistrata fl-EES: Fl-EES se jiġu reġistrati 26 attribut minflok 36. Id-dritt ta’ aċċess, rettifika u tħassir ta’ dejta personali huma definiti u salvagwardjati b’mod ċar. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta u l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta se jkunu responsabbli għas-superviżjoni tal-ipproċessar tad-dejta.
–Perjodu ta’ żamma tad-dejta: Iż-żmien ta’ żamma għal dejta maħżuna huwa ta’ ħames snin. Il-perjodu ta’ żamma tad-dejta ta’ ħames snin inaqqas il-frekwenza ta’ reġistrazzjonijiet mill-ġdid u se jkun ta’ benefiċċju għall-vjaġġaturi kollha, filwaqt li jippermetti lill-gwardji tal-fruntieri jwettqu l-analiżi tar-riskju neċessarja meħtieġa mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen qabel ma jawtorizzaw id-dħul ta’ vjaġġatur fiż-żona Schengen. Għall-gwardja tal-fruntieri t-tħassir sistematiku tar-rekord tal-EES wara l-181 jum kif propost fl-2013 kien ineħħi kull traċċa tal-istorja riċenti ta’ daħliet u ħruġ taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz miż-żona Schengen li hija meħtieġa għal analiżi tar-riskji. Tkun rigressjoni ta' informazzjoni utli meta mqabbel ma' dak li jużaw l-uffiċjali tal-fruntieri attwalment: il-konsultazzjoni ta' timbri f'dokument tal-ivvjaġġar f'ħafna każi tagħti informazzjoni li tkopri perjodu ta' numru ta' snin. Għalhekk perjodu itwal ta’ żamma tad-dejta huwa neċessarju sabiex jippermetti lill-gwardji tal-fruntieri jwettqu l-analiżi tar-riskju neċessarja meħtieġa mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen qabel ma jawtorizzaw id-dħul ta’ vjaġġatur fiż-żona Schengen. L-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal viża f’uffiċċji konsulari jeħtieġ ukoll li tiġi analizzata l-istorja tal-ivvjaġġar tal-applikant sabiex issir valutazzjoni dwar l-użu ta’ viżi preċedenti u r-rispett lejn il-kundizzjonijiet ta’ soġġorn. L-abbandun tal-ittimbrar tal-passaporti se jiġi kkumpensat minn konsultazzjoni tal-EES. Għalhekk l-istorja tal-ivvjaġġar disponibbli fis-sistema għandha tkopri perjodu ta’ żmien li jkun biżżejjed għall-fini tal-ħruġ ta’ viża.
Il-perjodu itwal ta’ żamma tad-dejta għandu jnaqqas il-frekwenza ta’ reġistrazzjonijiet mill-ġdid u se jkun ta’ benefiċċju għall-vjaġġaturi kollha peress li għandu jonqos iż-żmien medju għall-qsim tal-fruntieri kif ukoll il-ħin ta’ stennija fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri. Anke għal vjaġġatur li jidħol darba biss fiż-żona Schengen, il-fatt li jkun hemm vjaġġaturi oħrajn diġà rreġistrati fl-EES li mhux se jkollhom bżonn jirreġistraw mill-ġdid għandu jnaqqas il-ħin ta’ stennija fil-fruntieri.
Perjodu itwal ta’ żamma tad-dejta se jkun neċessarju wkoll biex jippermetti faċilitazzjoni fil-qsim tal-fruntieri permezz tal-użu ta’ aċċelleraturi tal-proċess u sistemi self-service. Il-faċilitazzjoni tiddependi fuq id-dejta reġistrata fis-sistema. Perjodu qasir ta’ żamma tad-dejta jnaqqas il-grupp ta’ vjaġġaturi li jistgħu jibbenefikaw minn din il-faċilitazzjoni u b’hekk jiddgħajjef l-objettiv iddikjarat tal-EES li jiġi faċilitat il-qsim tal-fruntieri.
Għal membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE li ma jkunux ġejjin minn pajjiż tal-UE li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament attwali, kull rekord tad-dħul/ħruġ għandu jinżamm għal perjodu massimu ta’ sena wara l-aħħar ħruġ. Il-fajl individwali tagħhom għandu jinżamm għal ħames snin sabiex il-membru tal-familja jkun jista’ jibbenefika mill-faċilitazzjoni għall-qsim tal-fruntieri.
Għal persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta li jkunu għadhom ma nstabux fl-aħħar tal-perjodu ta’ żamma tad-dejta, wara deċiżjoni nazzjonali, jista’ jinħoloq allert fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen ibbażat fuq id-dejta fl-EES, qabel id-dejta titħassar mill-EES.
–Il-faċilitazzjoni tal-qsim tal-fruntieri: l-approċċ għall-faċilitazzjoni huwa bbażat fuq l-implimentazzjoni ta’ sistemi self-service u ta’ gradi elettroniċi, li se jippermetti li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jagħtu bidu għall-proċedura għall-awtorizzazzjoni għad-dħul fit-territorju, li għandha tiġi kkompletata bl-għoti ta’ informazzjoni addizzjonali lill-gwardji tal-fruntiera fuq talba. L-użu ta’ dawn l-aċċelleraturi (introdotti fil-proposta li temenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) mhuwiex obbligatorju għall-Istati Membri, huwa miftuħ għall-maġġoranza tal-vjaġġaturi u ma jeħtieġx l-iżvilupp ta’ sistema ġdida.
–Barra minn hekk se jkun hemm bażi legali armonizzata (anke din introdotta fl-emendi għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) għat-twaqqif ta’ Programmi nazzjonali ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati mill-Istati Membri, fuq bażi volontarja.
–Aċċess għall-infurzar tal-liġi: mill-bidu tal-operat, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-Europol se jkollhom aċċess għall-EES, taħt kundizzjonijiet definiti b’mod strett. L-EES se jkun fiha dejta affidabbli dwar id-dati tad-dħul u tal-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-EES li tista’ tkun ta’ importanza deċiżiva f’fajls individwali ta’ infurzar tal-liġi, li l-aċċess għalihom għandu jingħata skont l-għan tal-istrument u b’rispett lejn ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta.
L-aċċess għad-dejta tal-VIS għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi diġà wera l-utilità tiegħu. L-Istati Membri rrappurtaw każijiet ta' persuni li mietu b'mod vjolenti u li l-identifikazzjoni tagħhom kienet possibbli biss permezz tal-aċċess għall-VIS. Każijiet oħra rrappurtati huma relatati ma' traffikar tal-bnedmin, mat-terroriżmu jew mat-traffikar tad-droga li l-aċċess għad-dejta tal-VIS ippermetta lill-investigaturi jagħmlu progress sostanzjali.
–L-ispejjeż: fil-proposti tal-2013, ġew allokati EUR 1,1 biljuni bħala ammont indikattiv għall-iżvilupp ta’ EES u ta’ RTP. Għall-proposta riveduta, abbażi tal-għażla preferuta ta’ sistema unika ta’ EES inkluż l-aċċess għall-infurzar tal-liġi, l-ammont meħtieġ ġie stmat li jlaħħaq l-EUR 480 miljun.
Din il-proposta riveduta għal Regolament li jistabbilixxi EES tikkostitwixxi l-istrument ewlieni għall-qafas legali tal-EES. Fiha wkoll emendi konsegwenzjali għal-leġislazzjoni eżistenti tal-UE (jiġifieri għar-Regolament (UE) Nru 1077/2011, għar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen).Din il-proposta kumplimentari biex tiġi emendata l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen fir-rigward l-użu tas-sistema bħala parti mill-proċess tal-ġestjoni tal-fruntieri qed tiġi ppreżentata b’mod parallel ma’ din il-proposta.
Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta
Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).
Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1931/2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen;
Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 767/2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS);
Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi
Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-oqsma tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja.
Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE.
2.KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT
Konsultazzjoni tal-partijiet interessati
Deskrizzjoni dettaljata ta’ konsultazzjoni li saret mal-partijiet interessati hija inkluża fil-valutazzjoni tal-impatt ta’ akkumpanjament fl-Anness 2. Matul l-2015 il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet immirati mal-KEPD għat-tħejjija tal-proposti riveduti tagħha dwar Fruntieri Intelliġenti f’workshop dwar it-tħejjija tal-proposti riveduti dwar Fruntieri Intelliġenti tal-20 ta’ Marzu 2015, mas-soċjetà ċivili f’laqgħa tal-5 ta’ Mejju 2015, mal-operaturi tat-trasportaturi, tat-trasport, tat-turiżmu u tal-infrastruttura f’laqgħa tat-28 ta’ Mejju 2015 u mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali f’żewġ laqgħat tat-22 ta’ Ġunju u tat-23 ta’ Lulju 2015. Barra minn hekk, fid-9 ta’ Lulju 2015 il-Kummissjoni organizzat laqgħa mal-professjonisti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u żewġ laqgħat tekniċi mal-esperti tal-Istati Membri fl-24 ta’ Settembru 2015 u fis-26 ta’ Ottubru 2015
Konsultazzjoni pubblika, li saret mid-29 ta’ Lulju sad-29 ta’ Ottubru 2015, ġabret l-opinjonijiet ta’ individwi, organizzazzjonijiet, trasportaturi u awtoritajiet pubbliċi (ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika huma spjegati fid-dettall fl-Anness 2 tal-Valutazzjoni tal-Impatt).
Bejn it-23-24 ta’ Frar 2015 il-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew organizza kumitat interparlamentari mal-parlamenti nazzjonali dwar Fruntieri Intelliġenti.
Valutazzjoni tal-impatt
L-ewwel valutazzjoni tal-impatt twettqet fl-2008 waqt it-tħejjija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett u t-tieni waħda ġiet finalizzata fl-2012 bi tħejjija għall-proposti tal-2013.
It-tielet Valutazzjoni tal-Impatt ġiet finalizzata fl-2016. B’kont meħud tal-Istudju Tekniku, ir-rapport dwar il-Proġett Pilota, ir-riżultat tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u d-diskussjonijiet fil-Kunsill u fil-Parlament Ewropew, il-valutazzjoni tal-impatt analizzat għażliet u sottogħażliet ewlenin ta’ implimentazzjoni kemm għall-EES u għall-RTP. L-għażliet preferuti li ħarġu mill-Valutazzjoni tal-Impatt huma riflessi direttament fit-tibdil ewlenin inkluż fil-proposta attwali meta mqabbla mal-proposti tal-2013 (Ara l-punt I “Elementi ewlenin tal-proposta riveduta”)
Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) irreveda l-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt u ta l-opinjoni pożittiva tiegħu fit-22 ta’ Jannar 2016
3.L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA
Sommarju tal-azzjonijiet proposti
L-għanijiet, il-funzjonalitajiet u r-responsabbiltajiet għall-EES għandhom jiġu definiti. Barra minn hekk, hemm bżonn li l-Aġenzija tingħata mandat għat-tmexxija operattiva ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja (eu-LISA) biex tiżviluppa u tamministra operazzjonalment is-sistema. Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta attwali riveduta artikolu b’artikolu tinstab f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni separat.
Emendi konsegwenzjali għal din il-proposta jridu jiġu adottati għar-Regolament (UE) Nru 1077/2011, għar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u għall-(Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen) kif imsemmi taħt il-punt 1.
Bażi ġuridika
Il-proposta attwali riveduta tuża l-Artikolu 77(2)(b) u (d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħala l-bażi legali għal dan ir-Regolament. L-Artikolu 77(2)(b) u (d) huwa l-bażi legali adatta biex jiġu speċifikati aktar il-miżuri dwar il-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri u l-iżvilupp ta’ standards u proċeduri li għandhom ikunu segwiti mill-Istati Membri fit-twettiq ta’ kontrolli fuq persuni f’dawn il-fruntieri. L-Artikolu 77(2)(b) u (d) huwa l-bażi legali għat-twaqqif tal-EES. Barra minn hekk, il-proposta riveduta tinvoka l-Artikolu 87(2)(a) bħala bażi legali li tippermetti l-aċċess għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi u l-Artikolu 88(2)(a) biex tippermetti l-aċċess mill-Europol, it-tnejn taħt kundizzjonijiet stretti. Dawn iż-żewġ bażijiet legali addizzjonali għall-aċċess għall-infurzar tal-liġi u għall-Europol għad-dejta tal-EES jobbligaw l-istess proċedura leġislattiva ordinarja applikabbli skont l-Artikolu 77(2)(b) u (d).
Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà
Skont l-Artikolu 77(2)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha l-poter li tadotta miżuri relatati mal-kontrolli fuq persuni u sorveljanza effiċjenti tal-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Id-dispożizzjonijiet attwali tal-UE dwar il-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri għandhom jiġu modifikati biex jieħdu inkunsiderazzjoni li attwalment ma hemm l-ebda mezz affidabbli biex jimmonitorja l-movimenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi għal żjara qasira minħabba l-kumplessità u d-dewmien tal-obbligu attwali tal-ittimbrar, li mhuwiex biżżejjed biex jippermetti li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jivvalutaw iż-żjara awtorizzata waqt il-kontrolli fil-fruntiera tal-vjaġġatur jew waqt kontrolli fit-territorju u l-valur limitat ħafna ta’ sistemi nazzjonali għal għanijiet simili f’żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.
L-informazzjoni dwar min kien rifjutat id-dħul fit-territorju tal-UE, dwar min jinsab fuq territorju tal-UE u min jikkonforma mas-soġġorn qasir massimu permess ta' 90 jum fi żmien 180 jum, dwar nazzjonalitajiet u gruppi (eżenti mill-viża/viża meħtieġa) ta' vjaġġaturi li jkunu qabżu s-soġġorn awtorizzat u li jappoġġaw verifiki aleatorji fit-territorju biex jiġu misjuba persuni li jibqgħu irregolarment għandha tkun disponibbli biex tiżdied l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-migrazzjoni.
Hemm bżonn ta’ reġim komuni sabiex jiġu stabbiliti regoli armonizzati dwar ir-reġistri dwar rifjuti ta’ dħul, movimenti transkonfinali u l-monitoraġġ ta’ soġġorni qosra awtorizzati għaż-żona ta’ Schengen kollha.
Għalhekk, l-objettiv tal-proposta ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri.
Hemm bżonn ukoll li l-proposta tal-2013 għall-EES tiġi riveduta sabiex l-infurzar tal-liġi jkunu jistgħu jaċċessaw dejta fl-EES għall-fini tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja u jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà interna. Dan l-objettiv ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, peress li emenda bħal din tista’ tiġi proposta biss mill-Kummissjoni.
Il-prinċipju ta’ proporzjonalità
L-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li azzjoni mill-Unjoni ma tridx tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattat. Il-forma magħżula għal din l-azzjoni tal-UE għandha tippermetti li l-proposta tilħaq l-għan tagħha u li tkun implimentata bl-iktar mod effettiv possibbli. L-inizjattiva proposta tikkostitwixxi żvilupp ieħor tal-acquis ta’ Schengen sabiex jiġi żgurat li regoli komuni fil-fruntieri esterni huma applikati bl-istess manjiera fl-Istati Membri kollha li neħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni. Toħloq strument li jipprovdi informazzjoni lill-Unjoni Ewropea dwar l-ammont ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu u jitilqu mit-territorju tal-UE, li huwa indispensabbli għat-tfassil ta’ politika bbażata fuq is-sostenibbiltà u l-evidenza fil-qasam tal-migrazzjoni u l-viżi. Tagħti wkoll aċċess għall-EES lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, li huwa mod f’waqtu, preċiż, sigur u kosteffiċjenti biex jiġu identifikati ċittadini eżentati mill-obbligu ta’ viża li huma suspettati (jew vittmi) tat-terroriżmu jew ta’ reat serju u tippermettilhom li jikkonsultaw l-istorja tal-ivvjaġġar kemm ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom viża u dawk eżentati mill-obbligu ta’ viża li huma suspettati (jew vittmi) ta’ reati bħal dawn.
Il-proposta li l-konċepiment tagħha huwa mmexxi mill-prinċipji tal-privatezza fid-disinn hija proporzjonali f’termini tad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali fis-sens li ma teħtieġx il-ġbir u l-ħażna ta’ aktar dejta għal perjodu itwal milli huwa assolutament meħtieġ biex jippermetti li s-sistema taħdem u tilħaq l-għanijiet tagħha. Barra minn hekk, se jiġu previsti u implimentati s-salvagwardji u l-mekkaniżmi kollha meħtieġa għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali tal-vjaġġaturi partikularment il-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dejta personali tagħhom.
Fil-livell tal-UE mhux se jkun hemm il-bżonn ta’ proċessi jew armonizzazzjoni ulterjuri biex is-sistema tiffunzjona; għalhekk il-miżura prevista hija proporzjonata fis-sens li ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ f’termini ta’ azzjoni fil-livell tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet definiti.
L-għażla preferuta hija wkoll proporzjonata f’termini ta’ spejjeż, meta wieħed iqis il-benefiċċji li s-sistema se tipprovdi lill-Istati Membri kollha fil-ġestjoni tal-fruntiera esterna komuni u fil-progress lejn politika komuni tal-UE dwar il-migrazzjoni.
Il-proposta għalhekk hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.
L-għażla ta’ strument
L-istrumenti proposti: Regolament.
Mezzi oħra ma jkunux adattati għar-raġuni(jiet) li ġejja/in:
Il-proposta attwali se twaqqaf sistema ċentralizzata li permezz tagħha l-Istati Membri jikkooperaw ma’ xulxin, ħaġa li tirrikjedi arkitettura u regoli operattivi komuni. Barra minn hekk se tistabbilixxi regoli dwar il-kontrolli fil-fruntieri esterni u dwar l-aċċess għas-sistema inkluż għall-fini tal-infurzar tal-liġi li huma uniformi għall-Istati Membri kollha. Bħala konsegwenza, huwa biss Regolament li jista' jintgħażel bħala strument legali.
Id-drittijiet fundamentali
Ir-Regolament propost għandu impatt fuq id-drittijiet fundamentali, b'mod notevoli fuq id-dritt għad-dinjità (l-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE); il-projbizzjoni tal-iskjavitù u x-xogħol furzat (l-Artikolu 5 tal-Karta); id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà (l-Artikolu 6 tal-Karta), ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta), il-protezzjoni tad-dejta personali (l-Artikolu 8 tal-Karta), id-dritt għall-ażil (l-Artikolu 18 tal-Karta) u l-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni (l-Artikolu 19 tal-Karta), id-dritt ta’ nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 21 tal-Karta), id-drittijiet tat-tfal (l-Artikolu 24 tal-Karta) u d-dritt għal rimedju effettiv (l-Artikolu 47 tal-Karta).
Il-projbizzjoni tal-iskjavitù u tax-xogħol furzat kif ukoll id-dritt għal-libertà u s-sigurtà qed jiġu affettwati pożittivament bl-implimentazzjoni ta’ EES. Identifikazzjoni aħjar u aktar preċiża (permezz tal-użu tal-bijometrija) ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jaqsmu l-fruntiera esterna taż-żona Schengen tappoġġja l-iskoperta tal-frodi tal-identità, it-traffikar tal-bnedmin (partikularment fil-każ ta’ minuri) u l-kriminalità transkonfinali u b’hekk tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà taċ-ċittadini preżenti fiż-żona Schengen.
Dwar id-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali, il-proposta fiha salvagwardji fir-rigward tad-dejta personali, b’mod partikolari l-aċċess għaliha, li għandu jkun strettament limitat biss għall-iskop ta’ dan ir-Regolament u għall-awtoritajiet kompetenti maħturin fih. Salvagwardji fir-rigward tad-dejta personali jinkludu wkoll id-dritt tal-aċċess għal jew id-dritt ta’ korrezzjoni jew tħassir tad-dejta. Il-limitazzjoni tal-perjodu taż-żamma tad-dejta msemmi hawn fuq fil-kapitolu 1 ta’ dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni tikkontribwixxi wkoll għar-rispett għad-dejta personali bħala dritt fundamentali.
Il-proposta tipprovdi għall-aċċess għall-EES għall-prevenzjoni, l-iskoperta jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra għall-fini tal-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni u għall-fini ta’ aċċess tad-dejta dwar l-istorja tal-ivvjaġġar tagħhom. Kif stabbilit mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni għad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali għandha tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq. L-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jirrikonoxxi wkoll li l-interferenza minn awtorità pubblika fid-dritt ta’ persuna għall-privatezza tista’ tkun ġustifikata kif ikun meħtieġ fl-interess tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew il-prevenzjoni tal-kriminalità, kif huwa l-każ fil-proposta attwali. L-QĠE irrikonoxxiet ukoll li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja, b’mod partikolari kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, hija tabilħaqq ta’ importanza kbira sabiex tiġi żgurata s-sigurtà pubblika u l-effikaċja tagħha tista’ tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-użu ta’ tekniċi investigattivi moderni u għalhekk, l-aċċess għad-dejta personali li jingħata għal dawk l-għanijiet speċifiċi jista’ jkun ġustifikat jekk dan jitqies neċessarju.
Il-proposta tipprovdi għall-aċċess għall-EES għall-prevenzjoni, l-iskoperta jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra għall-fini tal-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni u għall-fini ta’ aċċess tad-dejta dwar l-istorja tal-ivvjaġġar tagħhom. L-aċċess għall-EES għall-fini ta’ identifikazzjoni għandu jkun possibbli biss meta tkun saret tfittxija preċedenti fil-bażi tad-dejta nazzjonali u din ma jkollhiex suċċess u, fil-każ ta’ tfittxijiet bil-marki tas-swaba’ meta tkun saret tfittxija preċedenti fis-sistema awtomatizzata għall-verifika tal-marki tas-swaba’ skont id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI. Għalkemm fil-VIS teżisti dejta dwar titulari ta’ viża, fl-ebda bażi tad-dejta oħra tal-UE ma hemm disponibbli dejta dwar ċittadini eżentati mill-obbligu ta’ viża jew dejta dwar il-movimenti tal-ivvjaġġar.
L-aċċess għal dejta tal-EES għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi jista’ jingħata biss għall-prevenzjoni, id-detezzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ reati kriminali serji oħra kif definit fid-Deċiżjonijiet Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u 2002/584/ĠAI dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u biss jekk ikun meħtieġ għal każ speċifiku. Barra minn hekk, l-awtoritajiet maħtura tal-infurzar tal-liġi jistgħu jitolbu aċċess għad-dejta tal-EES biss jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed iqis li dan l-aċċess se jikkontribwixxi sostanzjalment għall-prevenzjoni, għad-detezzjoni jew għall-investigazzjoni tar-reat kriminali inkwistjoni. Dawn it-talbiet jiġu verifikati minn awtorità maħtura tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġi verifikat jekk ikunux sodisfatti l-kundizzjonijiet stretti biex jintalab l-aċċess għall-EES għal skopijiet ta’ infurzar liġi.
Barra minn hekk, il-proposta tistabbilixxi wkoll miżuri stretti dwar is-sigurtà tad-dejta biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-dejta personali pproċessata u tistabbilixxi s-sorveljanza tal-attivitajiet tal-ipproċessar minn awtoritajiet indipendenti għall-protezzjoni tad-dejta pubblika u d-dokumentazzjoni tat-tfittxijiet kollha li jsiru. Il-proposta tiddikjara wkoll li l-ipproċessar tad-dejta personali kollha li jsir mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-EES ladarba tiġi estratta huwa soġġett għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI.
Il-proposta tistabbilixxi regoli stretti dwar l-aċċess għas-sistema EES u s-salvagwardji neċessarji. Tipprevedi wkoll id-drittijiet ta’ aċċess, ta’ korrezzjoni, ta’ tħassir u ta’ rimedju tal-individwi b’mod partikolari d-dritt għal rimedju ġudizzjarju u s-superviżjoni ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar minn awtoritajiet pubbliċi indipendenti,. Għalhekk, il-proposta tikkonforma b’mod sħiħ mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni ta’ dejta personali, u hija konformi wkoll mal-Artikolu 16 tat-TFUE li jiggarantixxi lil kulħadd id-dritt għall-protezzjoni ta’ dejta personali li tirrigwardahom.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Fil-proposta tal-2013 għall-EES, saret referenza għall-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali (MFF) li jmiss li kienet tinkludi proposta ta’ EUR 4,6 biljun għall-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) għall-perjodu 2014-2020. Fil-proposta tal-2013 għall-EES, ġew allokati EUR 1,1 biljuni bħala ammont indikattiv għall-iżvilupp ta’ EES u ta’ RTP bis-suppożizzjoni li l-ispejjeż għall-iżvilupp se jibdew mill-2015. Dan l-ammont kien ġie kkalkulat abbażi tal-iżvilupp u t-tmexxija operattiva ta’ żewġ sistemi separati u fuq 3 snin ta’ żvilupp u 4 snin ta’ operat.
Fl-Artikolu 5.5(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2000/KE (ir-Regolament dwar il-Fruntieri tal-ISF) ġiet prevista l-allokazzjoni ta’ EUR 791 miljun għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT, ibbażati fuq sistemi eżistenti u/jew ġodda tal-IT, li jappoġġjaw il-ġestjoni tal-flussi migratorji bejn il-fruntieri esterni. L-ammont ta’ EUR 791 miljun kien jikkorrispondi għal 3 snin ta’ żvilupp (2017-2019 inklużi) b’ċerti attivitajiet preparatorji fl-2016 u l-bidu tal-operazzjonijiet fl-2020.
Wara l-istudju tekniku u l-Valutazzjoni tal-Impatt, il-proposta attwali hija bbażata fuq l-għażla preferuta ta’ sistema unika ta’ EES u l-ammont meħtieġ ġie stmat li jlaħħaq l-EUR 480 miljun li jqis ukoll l-għan għal aċċess għall-infurzar tal-liġi. B’konsegwenza ta’ dan, fil-proposta attwali ġiet inkluża proposta għall-emenda tar-Regolament tal-Fruntieri tal-ISF biex jiġi allinjat mal-ammont il-ġdid imnaqqas.
Dan l-appoġġ finanzjarju għandu jkopri mhux biss l-ispejjeż ta’ komponenti ċentrali għall-perjodu sħiħ tal-MFF (EUR 288 miljun - fil-livell tal-UE, kemm l-ispiża għall-iżvilupp kif ukoll operattiva permezz ta’ ġestjoni indiretta) iżda wkoll l-ispejjeż għall-integrazzjoni tal-infrastrutturi nazzjonali eżistenti tal-fruntieri fl-Istati Membri mal-EES permezz tal-Interfaċċi Nazzjonali Uniformi (NUI) (EUR 120 miljun - permezz ta’ ġestjoni diretta). Il-provvediment ta’ appoġġ finanzjarju għall-ispejjeż tal-integrazzjoni nazzjonali ser jiżgura li ċ-ċirkostanzi ekonomiċi diffiċli fil-livell nazzjonali ma jipperikolawx jew idewmu l-proġetti. Matul il-fażi ta’ żvilupp (2017-2019) il-Kummissjoni se tonfoq ammont totali ta’ € 52,7 miljun (permezz ta’ ġestjoni diretta) għall-ispejjeż relatati mal-operazzjonijiet fl-Istati Membri.
Ladarba s-sistema l-ġdida tibda topera, l-ispejjeż operattivi futuri fl-Istati Membri jistgħu jiġu appoġġjati mill-programmi nazzjonali tagħhom fil-qafas tal-ISF (ġestjoni kondiviża). Fil-pakkett totali ta’ EUR 480 miljun ġie allokat ammont ta’ EUR 20 miljun għal dan il-għan. Dan se jinkludi appoġġ operattiv għal sena.
Il-mudell tal-kost applikat qed jiġi spjegat fl-Anness 6 - Mudell tal-Kost għas-Sistema EES tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
5.INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI
Parteċipazzjoni
Din il-proposta tibni fuq l-acquis ta’ Schengen billi għandha x’taqsam mal-qsim tal-fruntieri esterni. Għalhekk għandhom ikunu kkunsidrati l-konsegwenzi li ġejjin konnessi mad-diversi protokolli u ftehimiet mal-pajjiżi assoċjati:
Id-Danimarka: Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri skont it-Titolu V tat-Tielet parti tat-TFUE.
Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, għandha tiddeċiedi jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Ir-Renju Unit u l-Irlanda: Skont l-Artikoli 4 u 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 li tikkonċerna t-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’ċertu dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jieħdux sehem fir-Regolament (UE) 2016/399 (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) lanqas fl-ebda wieħed mill-istrumenti legali l-oħra li huma magħrufa b'mod komuni bħala "l-acquis ta' Schengen", viz. l-istrumenti legali li jorganizzaw u japoġġaw it-tneħħija tal-verifiki fil-fruntieri interni u l-miżuri li jmorru magħhom rigward il-verifiki fil-fruntieri esterni.
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp ta’ dan l-acquis, u għalhekk, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhumiex marbutin bih jew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.
B'konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-482/08, ir-Renju Unit vs. il-Kunsill ECLI:EU:C:2010:631, iċ-ċirkostanza li dan ir-Regolament għandu l-Artikoli 87(2)a) u l-Artikolu 88(2)a) bħala l-bażi legali flimkien mal-Artikolu 77(2)b) u (d) tat-TFUE ma taffettwax il-konklużjoni ta’ hawn fuq, peress li l-aċċess għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi huwa anċillari għat-twaqqif tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ.
L-Iżlanda u n-Norveġja: Il-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni konkluż bejn il-Kunsill u r-Repubblika ta’ l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dan tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen huma applikabbli, peress li l-proposta preżenti hija bbażata fuq l- acquis ta’ Schengen kif definit fl-Anness A ta’ dan il-Ftehim.
L-Iżvizzera: Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, kif previst bil-Ftehim ta’ bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni ta’ din tal-aħħar fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.
Il-Liechtenstein: Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, kif previst bil-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.
Il-Kroazja, Ċipru, il-Bulgarija u r-Rumanija: Dan ir-Regolament li jistabbilixxi l-EES jissostitwixxi l-obbligu li jiġi ttimbrat il-passaport ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Din id-dispożizzjoni kellha tiġi applikata mill-Istati Membri aderenti mal-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea.
2016/0106 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi reġistrata d-dejta dwar id-dħul u l-ħruġ u d-dejta dwar ir-rifjut ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi u
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u r-Regolament (UE) Nru 1077/2011
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(b) u (d), l-Artikolu 87(2)(a) u l-Artikolu 88(2)a) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2008 intitolata "it-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea’ iddeskriviet il-ħtieġa, bħala parti mill-istrateġija Ewropea integrata għall-ġestjoni tal-fruntieri, li tiġi stabbilita Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) li tirreġistra elettronikament il-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi għal soġġorn qasir fiż-żona Schengen u li tikkalkula t-tul ta’ żmien tas-soġġorn awtorizzat tagħhom.
(2)Il-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2008 enfasizza l-importanza li jkompli jsir ix-xogħol fuq l-iżvilupp tal-istrateġija għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri tal-UE, inkluż użu aħjar ta’ teknoloġiji moderni biex titjieb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni.
(3)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ġunju 2009, intitolata ‘Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini’ titkellem favur it-twaqqif ta’ sistema elettronika għar-reġistrazzjoni tad-dħul u l-ħruġ mit-territorju tal-Istati Membri permezz tal-qsim tal-fruntieri esterni sabiex tiġi żgurata ġestjoni effettiva ta' aċċess għal dan it-territorju.
(4)Il-Kunsill Ewropew tat-23 u tal-24 ta' Ġunju 2011 sejjaħ għal ħidma fuq il-"fruntieri intelliġenti" li għandha tiġi żviluppata malajr. Il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni “Fruntieri Intelliġenti – alternattivi u t-triq ‘il quddiem” fil-25 ta’ Ottubru 2011.
(5)Fil-linji gwida Strateġiċi adottati f’Ġunju 2014 il-Kunsill Ewropew saħaq li “ L-istabbiliment taż-żona Schengen, li tippermetti persuni li jivvjaġġaw mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, u l-għadd dejjem jiżdied ta’ nies li jivvjaġġaw lejn l-UE jeħtieġu ġestjoni effiċjenti tal-fruntieri esterni tal-UE biex tiġi żgurata protezzjoni qawwija. L-Unjoni għandha timmobilizza l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-kompitu tagħhom. Għal dan l-għan: il-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri tal-fruntieri esterni għandha tiġi modernizzata b’mod kosteffettiv biex tiżgura ġestjoni intelliġenti tal-fruntieri b’sistema ta’ dħul/ħruġ u programm ta’ vjaġġaturi reġistrati u megħjuna mill-Aġenzija l-ġdida għal Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira (eu-LISA);"
(6)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2015 intitolata “Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” innotat li "Mal-inizjattiva “Fruntieri Intelliġenti” tibda fażi ġdida biex tiżdied l-effiċjenza tal-qsim tal-fruntieri, l-iffaċilitar tal-qsim għall-maġġoranza kbira ta’ vjaġġaturi ‘bona fide’ ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li fl-istess ħin tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari billi jinħoloq reġistru tal-movimenti transfruntieri kollha minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’rispett sħiħ tal-prinċipju ta’ proporzjonalità."
(7)Huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-objettivi tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) u l-istruttura teknika tagħha, li jiġu stabbiliti regoli dwar it-tħaddim u l-użu tagħha u li jiġu definiti r-responsabbiltajiet għas-sistema, il-kategoriji ta’ dejta li għandhom jiddaħħlu fis-sistema, l-iskopijiet li għalihom għandha tiddaħħal id-dejta, il-kriterji biex tiddaħħal, l-awtoritajiet awtorizzati li jaċċessaw id-dejta u regoli oħra dwar l-ipproċessar tad-dejta u l-protezzjoni tad-dejta personali.
(8)L-EES għandha tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi għal soġġorn qasir fiż-żona Schengen. Għandha tapplika wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew rifjutati dħul għal soġġorn qasir.
(9)L-EES għandu jkollha l-għan li ttejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni, tipprevjeni l-immigrazzjoni illegali u tiffaċilita l-ġestjoni tal-flussi migratorji. L-EES għandha, partikularment u meta rilevanti, tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta’ kull persuna li ma tissodisfax jew li ma tkunx għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-perjodu tas-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri
(10)Biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, l-EES għandha tipproċessa dejta alfanumerika u dejta bijometrika (marki tas-swaba’ u immaġni tal-wiċċ). L-użu tal-bijometrija, minkejja l-impatt tagħha fuq il-privatezza tal-vjaġġaturi, huwa ġustifikat għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, il-bijometrija hija metodu affidabbli biex jiġu identifikati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinstabu fit-territorju tal-Istati Membri li ma jkunux fil-pussess ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar jew ta’ mezzi oħra ta’ identifikazzjoni, modus operandi komuni ta’ immigranti irregolari. It-tieni nett, il-bijometrija tipprovdi wkoll għat-tqabbil aktar affidabbli tad-dejta tad-dħul u l-ħruġ ta’ vjaġġaturi legali. Fejn flimkien ma’ dejta dwar il-marki tas-swaba’ jintużaw l-immaġni tal-wiċċ, dan jippermetti t-tnaqqis ta’ marki tas-swaba reġistrati filwaqt li jippermetti l-istess riżultat f’termini ta’ eżattezza tal-identifikazzjoni.
(11)L-erba’ marki tas-swaba’ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża għandhom jiddaħħlu fl-EES, jekk dan ikun fiżikament possibbli, biex tiġi permessa verifika u identifikazzjoni preċiża (u jiġi żgurat li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx diġà rreġistrat taħt identità oħra jew b’dokument ieħor tal-ivvjaġġar) u biex jiġi garantit li jkun hemm dejta suffiċjenti disponibbli f’kull ċirkostanza. Il-verifika tal-marki tas-swaba’ ta’ titulari ta’ viża se ssir mas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża. (VIS) stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE. L-immaġni tal-wiċċ kemm ta’ persuni eżentati mill-obbligu ta’ viża u ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi titulari ta’ viża għandha tiġi reġistrata fl-EES u għandha tintuża bħala l-identifikatur bijometriku prinċipali għall-verifika tal-identità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew reġistrati qabel fl-EES u sakemm ma jkunx tħassar il-fajl individwali tagħhom. Alternattivament, dik il-verifika għandha ssir bl-użu tal-marki tas-swaba’.
(12)L-EES għandha tkun magħmula minn Sistema Ċentrali, li topera bażi tad-dejta ċentrali kompjuterizzata ta’ dejta bijometrika u alfanumerika, Interfaċċa Nazzjonali Uniformi f’kull Stat Membru, Mezz Sigur ta’ Komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-EES u s-Sistema Ċentrali tal-VIS u l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali u l-Interfaċċi Nazzjonali Uniformi. Kull Stat Membru għandu jikkonnettja l-infrastrutturi nazzjonali tal-fruntieri tiegħu mal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi.
(13)L-interoperabilità bejn l-EES u l-VIS għandha tiġi stabbilita permezz ta’ kanal ta’ komunikazzjoni diretta bejn is-Sistemi Ċentrali sabiex l-awtoritajiet tal-fruntieri li jkunu qed jużaw l-EES ikunu jistgħu jikkonsultaw il-VIS sabiex jaċċessaw dejta relatata mal-viża biex joħolqu jew jaġġornaw il-fajl individwali; biex l-awtoritajiet tal-fruntiera jkunu jistgħu jivverifikaw il-validità tal-viża kif ukoll l-identità ta’ titular ta’ viża permezz tal-marki tas-swaba’ direttament mal-VIS fil-fruntieri esterni u biex l-awtoritajiet tal-fruntiera jkunu jistgħu jivverifikaw l-identità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża mal-VIS permezz tal-marki tas-swaba’. L-interoperabilità għandha tippermetti wkoll lill-awtoritajiet tal-fruntieri li jkunu qed jużaw il-VIS li jikkonsultaw l-EES direttament mill-VIS għall-fini tal-eżami ta’ applikazzjonijiet għal viża u deċiżjonijiet relatati ma’ dawk l-applikazzjonijiet u tippermetti lill-awtoritajiet tal-viża li jaġġornaw id-dejta relatata mal-viża fl-EES fil-każ li viża tiġi annullata, revokata jew estiża. Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu jiġi emendat kif xieraq.
(14)Dan ir-Regolament għandu jiddefinixxi l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jistgħu jiġu awtorizzati li jkollhom aċċess għall-EES biex idaħħlu, jemendaw, iħassru jew jikkonsultaw dejta għall-għanijiet speċifiċi tal-EES u sal-livell meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom.
(15)Kwalunkwe proċessar ta’ dejta tal-EES għandu jkun proporzjonat mal-objettivi segwiti u neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kompiti tal-awtoritajiet kompetenti. Meta jużaw l-EES, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li tiġi rispettata d-dinjità tal-bniedem u l-integrità tal-persuna li tagħha tkun intalbet id-dejta, u ma għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni fuq bażi ta’ sess, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, appartenenza għal minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali.
(16)Fil-ġlieda kontra r-reati terroristiċi u reati serji oħra, huwa essenzjali li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom l-informazzjoni l-aktar aġġornata jekk iridu jwettqu l-kompiti tagħhom. L-aċċess għad-dejta tal-VIS għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi diġà wera l-utilità tiegħu fl-identifikazzjoni ta’ persuni li jkunu mietu b’mod vjolenti jew biex jgħin lill-investigaturi biex jagħmlu progress sostanzjali f’każijiet relatati mat-traffikar tal-bnedmin, it-terroriżmu u t-traffikar ta’ droga. L-aċċess għall-informazzjoni miżmuma fl-EES hija meħtieġa għall-prevenzjoni, tad-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi kif imsemmi fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI jew reati serji oħra kif imsemmi fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI. Id-dejta ġġenerata mill-EES tista’ tintuża bħala għodda ta’ verifika tal-identità kemm f’każijiet fejn ċittadin ta’ pajjiż terz ikun qered id-dokumenti tiegħu/tagħha u fejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkunu qed jinvestigaw reat permezz tal-użu tal-marki tas-swaba’ jew bl-immaġni tal-wiċċ u jixtiequ jistabbilixxu identità. Tista’ tintuża wkoll bħala għodda ta’ intelligence kriminali biex tinbena evidenza billi jiġu ntraċċati r-rotot ta’ vjaġġar ta’ persuna suspettata li tkun wettqet reat jew tkun vittma ta’ reat. Għalhekk, id-dejta fl-fl-EES għandha tkun disponibbli, għall-awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri u għall-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (‘Europol’) soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.
(17)Barra minn hekk, il-Europol għandu rwol kruċjali fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-investigazzjoni ta’ reati transkonfinali fis-sostenn tal-prevenzjoni, l-analiżi u l-investigazzjoni tal-kriminalità fl-Unjoni. Konsegwentement, il-Europol għandu jkollu aċċess ukoll għall-EES fil-qafas tal-kompiti tiegħu u f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/GAI.
(18)L-aċċess għall-EES għall-finijiet tal-prevenzjoni, tad-detezzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra jikkostitwixxi interferenza mad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata tal-individwi li għall-protezzjoni tad-dejta personali ta’ persuni li d-dejta personali tagħhom tiġi pproċessata fl-EES. Kull interferenza bħal din għandha tkun konformi mal-liġi, li għandha tkun ifformulata bi preċiżjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lill-individwi li jaġġustaw il-kondotta tagħhom u li għandha tipproteġi lill-individwi kontra l-arbitrarjetà u tindika b’ċarezza suffiċjenti l-marġini ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti u l-mod tal-eżerċizzju tagħha. Kull interferenza għandha tkun meħtieġa f’soċjetà demokratika sabiex jiġi protett interess leġittimu u proporzjonat u proporzjonali għall-għan leġittimu li jrid jinkiseb.
(19)Tqabbil tad-dejta abbażi ta’ marka tas-swaba’ latenti, li hija t-traċċa dattiloskopika li tista’ tinstab fuq post ta’ reat, huwa fundamentali fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija. Il-possibbiltà li marka tas-swaba’ latenti titqabbel mad-dejta dwar il-marki tas-swaba’ li tkun maħżuna fl-EES f’każijiet fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli sabiex wieħed jemmen li l-awtur jew il-vittma jistgħu jkunu reġistrati fl-EES għandha tipprovdi lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri b’għodda utli ħafna għall-prevenzjoni, id-detezzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra, pereżempju meta l-unika evidenza fuq il-post tar-reat jkunu marki tas- swaba’ latenti.
(20)Huwa neċessarju li jinħatru awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll il-punt ta’ aċċess ċentrali li permezz tiegħu jsiru t-talbiet għall-aċċess għad-dejta tal-EES u li tinżamm lista ta’ unitajiet operattivi fl-awtoritajiet maħtura li huma awtorizzati li jitolbu dan l-aċċess għall-finijiet speċifiċi għall-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra.
(21)Talbiet għal aċċess għal dejta maħżuna fis-Sistema Ċentrali għandhom isiru mill-unitajiet operattivi fl-awtoritajiet maħtura lill-punt ta’ aċċess ċentrali u għandhom ikunu ġustifikati. L-unitajiet operattivi fl-awtoritajiet maħtura li huma awtorizzati jitolbu aċċess għad-dejta tal-EES ma għandhomx jaġixxu bħala awtorità ta’ verifika. Il-punti ta’ aċċess ċentrali għandhom jaġixxu b’mod indipendenti mill-awtoritajiet maħtura u għandhom ikunu responsabbli biex, b’mod indipendenti, jiżguraw konformità stretta mal-kundizzjonijiet għal aċċess kif stabbilit f’dan ir-Regolament. F’każijiet eċċezzjonali ta’ urġenza fejn ikun meħtieġ aċċess bikri bi tweġiba għal theddida speċifika u attwali marbuta ma’ reati terroristiċi jew ma’ reati kriminali serji oħra, il-punt ta’ aċċess ċentrali għandu jkun jista’ jipproċessa t-talba immedjatament u jwettaq il-verifika wara.
(22)Biex tiġi protetta d-dejta personali, u biex jiġu esklużi tfittxijiet sistematiċi, l-ipproċessar ta’ dejta tal-EES għandu jsir biss f’każijiet speċifiċi u meta jkun meħtieġ għall-finijiet tal-prevenzjoni, id-detezzjoni jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra. L-awtoritajiet maħtura u l-Europol għandhom jitolbu aċċess għall-EES biss meta jkollhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li dan l-aċċess se jipprovdi informazzjoni li se tgħinhom sostanzjalment fil-prevenzjoni, fid-detezzjoni jew fl-investigazzjoni ta’ reat terroristiku jew ta’ reat kriminali serju ieħor.
(23)Barra minn hekk, l-aċċess għall-EES għall-identifikazzjoni ta’ persuni suspettati mhux magħrufa, ta’ awturi jew ta’ vittmi ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra, għandu jkun permess biss bil-kondizzjoni li t-tfittxijiet bil-bażijiet tad-dejta nazzjonali tal-marki tas-swaba tal-Istat Membru u mas-sistemi awtomatizzati ta’ identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ tal-Istati Membri l-oħra kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI
ma jwassalx biex tiġi stabbilita l-identità tas-suġġett tad-dejta. barra minn hekk, l-aċċess għall-EES biex jiġu kkonsultati r-rekords tad-dħul/ħruġ ta’ persuna magħrufa għandu jkun debitament ġustifikat.
(24)Għall-fini ta’ tqabbil u skambju effiċjenti ta’ dejta personali, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw u jużaw bis-sħiħ il-ftehimiet internazzjonali eżistenti kif ukoll il-liġi tal-Unjoni rigward l-iskambju ta’ dejta personali li diġà qiegħda fis-seħħ, b’mod partikolari d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.
(25)Id-dejta personali miżmuma fl-EES għandha tinżamm għal mhux aktar minn kemm hu meħtieġ għall-għanijiet tal-EES. Għal raġunijiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri huwa xieraq li d-dejta relatata ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi tinżamm għal perjodu ta’ ħames snin sabiex jiġi evitat il-bżonn li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jerġgħu jirreġistraw fl-EES qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu. Fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi d-dritt ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni u li ma jkollux karta ta’ residenza imsemmija fid-Direttiva 2004/38/KE, huwa xieraq li kull rekord abbinat tad-dħul/ ħruġ jinħażen għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena mill-aħħar ħruġ.
(26)Perjodu ta’ ħames snin għaż-żamma tad-dejta huwa neċessarju sabiex il-gwardji tal-fruntieri jkunu jistgħu jwettqu l-analiżi tar-riskju neċessarja meħtieġa mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen qabel ma jawtorizzaw id-dħul ta’ vjaġġatur fiż-żona Schengen. L-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal viża f’uffiċċji konsulari jeħtieġ ukoll li tiġi analizzata l-istorja tal-ivvjaġġar tal-applikant sabiex issir valutazzjoni dwar l-użu ta’ viżi preċedenti u r-rispett lejn il-kundizzjonijiet ta’ soġġorn. L-abbandun tal-ittimbrar tal-passaporti se jiġi kkumpensat minn konsultazzjoni tal-EES. Għalhekk l-istorja tal-ivvjaġġar disponibbli fis-sistema għandha tkopri perjodu ta’ żmien li jkun biżżejjed għall-fini tal-ħruġ ta’ viża. Il-perjodu ta’ ħames snin għaż-żamma tad-dejta jnaqqas il-frekwenza ta’ reġistrazzjonijiet mill-ġdid u se jkun ta’ benefiċċju għall-vjaġġaturi kollha peress li għandu jnaqqas iż-żmien medju għall-qsim tal-fruntieri kif ukoll il-ħin ta’ stennija fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri. Anke għal vjaġġatur li jidħol darba biss fiż-żona Schengen, il-fatt li jkun hemm vjaġġaturi oħrajn diġà rreġistrati fl-EES li mhux se jkollhom bżonn jirreġistraw mill-ġdid għandu jnaqqas il-ħin ta’ stennija fil-fruntieri. Dan il-perjodu għaż-żamma tad-dejta se jkun neċessarju wkoll biex jippermetti faċilitazzjoni għall-qsim tal-fruntieri permezz tal-użu ta’ aċċelleraturi tal-proċess u sistemi self-service. Din il-faċilitazzjoni tiddependi fuq id-dejta reġistrata fis-sistema. Perjodu iqsar ta’ żamma tad-dejta jkollu impatt negattiv fuq it-tul tal-kontrolli fil-fruntieri. Perjodu iqsar ta’ żamma tad-dejta jnaqqas ukoll il-grupp ta’ vjaġġaturi li jistgħu jibbenefikaw minn din il-faċilitazzjoni u b’hekk jiddgħajjef l-objettiv iddikjarat tal-EES li tiffaċilita l-qsim tal-fruntieri.
(27)L-istess perjodu ta’ żamma ta’ ħames snin huwa neċessarju għal dejta dwar persuni li ma jkunux ħarġu mit-territorju tal-Istati Membri fi żmien il-perjodu tas-soġġorn awtorizzat insostenn tal-proċess ta’ identifikazzjoni u ta’ ritorn u għal persuni li d-dħul tagħhom għal soġġorn qasir {jew abbażi ta’ viża itineranti} ikun ġie rifjutat. Id-dejta għandha titħassar wara perjodu ta’ ħames snin, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet għaliex għandha titħassar qabel.
(28)Għandhom jiġu stabbiliti regoli preċiżi fir-rigward tar-responsabbiltajiet għall-iżvilupp u t-tħaddim tal-EES u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-konnessjoni mal-EES. L-Aġenzija għat-tmexxija operattiva ta’ sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp u għall-ġestjoni operattiva ta’ EES ċentralizzata skont dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru1077/2011 għandhom jiġu emendati kif xieraq.
(29)Regoli dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ dannu li joriġina minn kwalunkwe ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi stipulat.
(30)Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tapplika għall-ipproċessar ta’ dejta personali mill-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sakemm tali pproċessar ma jsirx mill-awtoritajiet maħtura jew ta’ verifika tal-Istati Membri għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra.
(31)L-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati serji oħra taħt dan ir-Regolament għandu jkun soġġett għal standard ta’ protezzjoni ta’ dejta personali taħt il-liġi nazzjonali tagħhom li tkun konformi mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI
.
(32)Id-dejta personali miksuba mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi trasferita jew titpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ pajjiż terz, organizzazzjoni internazzjonali jew xi parti privata stabbilita fl-Unjoni jew barra minnha ħlief jekk dan ikun meħtieġ f’każijiet individwali sabiex tassisti fl-identifikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fir-rigward tar-ritorn tiegħu/tagħha u soġġett għal kundizzjonijiet stretti.
(33)Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplika għall-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Unjoni meta jwettqu l-kompiti tagħhom bħala dawk responsabbli għat-tmexxija operattiva tal-EES.
(34)L-awtoritajiet ta’ superviżjoni indipendenti stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE għandhom jissorveljaw il-legalità tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-Istati Membri, filwaqt li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandu jissorvelja l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Unjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta u l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma’ xulxin fil-monitoraġġ tal-EES.
(35)L-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali stabbiliti skont l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI għandhom jimmonitorjaw il-legalità tal-ipproċessar ta’ dejta personali għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi mill-Istati Membri, u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali stabbiliti skont l-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI għandhom jimmonitorjaw il-legalità tal-attivitajiet tal-ipproċessar tad-dejta mwettqa mill-Europol.
(36)"(...) Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fil-[...].
(37)Il-proposta tistabbilixxi regoli stretti dwar l-aċċess għas-sistema EES u s-salvagwardji neċessarji. Tistabbilixxi wkoll id-drittijiet ta’ aċċess, ta’ korrezzjoni, ta’ tħassir u ta’ rimedju tal-individwi b’mod partikolari d-dritt għal rimedju ġudizzjarju u s-superviżjoni ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar minn awtoritajiet pubbliċi indipendenti. Dan ir-Regolament għalhekk jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt għad-dinjità (l-Artikolu 1 tal-Karta); il-projbizzjoni tal-iskjavitù u x-xogħol furzat (l-Artikolu 5 tal-Karta); id-dritt għal-libertà u s-sigurtà (l-Artikolu 6 tal-Karta); ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta), il-protezzjoni tad-dejta personali (l-Artikolu 8 tal-Karta), id-dritt ta’ nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 21 tal-Karta), id-drittijiet tat-tfal (l-Artikolu 24 tal-Karta), id-drittijiet tal-anzjani (l-Artikolu 25 tal-Karta), id-dritt ta’ persuni b’diżabilitajiet (l-Artikolu 26 tal-Karta) u d-dritt għal rimedju effettiv (l-Artikolu 47 tal-Karta).
(38)Il-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jeħtieġ jiġi vvalutat f’intervalli regolari. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati.
(39)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(40)It-twaqqif ta’ EES komuni u l-ħolqien ta’ obbligi, kundizzjonijiet u proċeduri komuni għall-użu tad-dejta ma jistgħux jinkisbu suffiċjentament mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-impatt tal-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell tal-Unjoni skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan.
(41)Wara d-dħul fis-seħħ tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, l-Artikolu 20(2) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen għandu jiġi emendat peress li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 77(2)(a) u (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea minħabba l-fatt li l-politika komuni dwar il-viżi ma tistax tkun ibbażata fuq l-eżistenza jew fuq l-ineżistenza ta’ ftehimiet bilaterali għall-eżenzjoni mill-viża konklużi mill-Istati Membri u t-tul tas-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma għandux jiddependi fuq l-għadd u l-kontenut ta’ ftehimiet bilaterali bħal dawn. Barra minn hekk is-sistema ta’ Dħul/Ħruġ ma tistax tqis u tikkalkola t-tul awtorizzat tas-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża li jkunu qed jibbenefikaw minn dawn il-ftehimiet u għandhom jiġu eliminati.
(42)L-ispejjeż previsti tal-EES huma inqas mill-baġit allokat għal Fruntieri Intelliġenti fir-Regolament (EU) 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għaldaqstant, wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) 515/2014, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att delegat, talloka mill-ġdid l-ammont attwalment attribwit għall-iżvilupp ta’ sistemi tal-IT insostenn tal-ġestjoni tal-flussi migratorji bejn il-fruntieri esterni.
(43)Dan ir-Regolament li jistabbilixxi l-EES jissostitwixxi l-obbligu li jiġu ttimbrati l-passaporti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huwa applikabbli mill-Istati Membri aderenti kollha. Soġġorni fi Stati Membri li jkunu għadhom mhumiex qed japplikawx għal l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ skont l-Atti ta’ Adeżjoni rispettivi tagħhom ma għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tat-tul tas-soġġorn awtorizzat fiż-żona Schengen. Dawn l-Istati Membri għandhom jirreġistraw is-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-EES iżda l-kalkulatur awtomatizzat fis-sistema ma għandux jikkomputah bħala parti mit-tul awtorizzat tas-soġġorn.
(44)Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE.
(45)Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih u lanqas ma hija soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, għandha tiddeċiedi jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(46)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li r-Renju Unit ma jipparteċipax fih, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE; ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhumiex marbutin bih jew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.
(47)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tipparteċipax fih, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE; L-Irlanda għalhekk mhux se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.
(48)Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxu żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE.
(49)Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE u mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI.
(50)Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE u mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE.
(51)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew inkella marbut miegħu fi ħdan, rispettivament, it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU 1
Dispożizzjonijiet Ġenerali
Artikolu 1
Suġġett
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi ‘Sistema ta’ Dħul/Ħruġ’ (EES) għar-reġistrazzjoni u l-ħżin ta’ informazzjoni dwar id-data, il-ħin u l-post tad-dħul u tal-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri, għall-kalkolu tat-tul tas-soġġorn tagħhom, u għall-ġenerazzjoni ta' twissijiet lill-Istati Membri meta jiskadu l-perjodi awtorizzati għas-soġġorn kif ukoll għar-reġistrazzjoni d-data, il-ħin u l-post ta' rifjut ta' dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu ġew rifjutati dħul għal soġġorn qasir {jew abbażi ta’ viża itineranti} kif ukoll l-awtorità tal-Istat Membru li jkun irrifjuta d-dħul u r-raġunijiet għar-rifjut.
2.Fil-Kapitolu IV tiegħu dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet maħtura tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) jistgħu jiksbu aċċess biex jikkonsultaw l-EES għall-fini tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi għal soġġorn qasir {jew abbażi ta’ viża itineranti} fit-territorju tal-Istati Membri soġġetti għall-kontrolli fil-fruntieri skont ir-Regolament (UE) 2016/399 meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Meta jkunu deħlin u ħerġin mit-territorju tal-Istati Membri, japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi d-dritt ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni u li ma jkollux karta ta’ residenza imsemmija fid-Direttiva 2004/38/KE.
2.Dan ir-Regolament japplika wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dħul tagħhom għal soġġorn qasir {jew abbażi ta’ viża itineranti} fit-territorji tal-Istati Membri jiġi rifjutat skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/399.
3.Dan ir-Regolament ma japplikax għal:
(a) membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE li jkollhom karta ta’ residenza skont dik id-Direttiva;
(b) membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu d-dritt għal moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni li jkollhom karta ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE;
(c) titulari ta’ permessi ta’ residenza imsemmija fil-punt 16 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399 minbarra dawk koperti mill-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu;
(d) titulari ta’ viżi għal soġġorn fit-tul;
(e) ċittadini ta’ Andorra, Monaco u San Marino;
(f) persuni jew kategoriji ta’ persuni eżentati minn jew li jibbenefikaw minn faċilitazzjoni tal-qsim tal-fruntieri kif imsemmi fl-Artikolu 6a (3)(d),(e) u (f) tar-Regolament (UE) 2016/399.
Dan ir-Regolament ma japplikax għall-membri tal-familja imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu anki jekk dawn ma jkunux qed jakkumpanjaw jew sejrin jiltaqgħu maċ-ċittadin tal-Unjoni jew ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi d-dritt ta’ moviment liberu.
4.Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-kalkolu tat-tul tas-soġġorn u għall-ġenerazzjoni ta’ twissijiet lill-Istati Membri meta jiskadu l-perjodi awtorizzati għas-soġġorn ma japplikawx għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi d-dritt ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni u li ma jkollux karta ta’ residenza imsemmija fid-Direttiva 2004/38/KE.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)"fruntieri esterni" tfisser fruntieri esterni kif definit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2016/399;
(2)"awtoritajiet tal-fruntieri" tfisser l-awtoritajiet kompetenti maħtura, f’konformità mal-liġi nazzjonali, biex jagħmlu kontrolli fuq il-persuni fil-punti tal-qsim tal-fruntieri esterni skont ir-Regolament (UE) 2016/399;
(3)"awtoritajiet tal-immigrazzjoni" tfisser l-awtoritajiet kompetenti assenjati, f’konformità mal-liġi nazzjonali, biex jeżaminawu li jieħdu deċiżjonijiet marbuta mas-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri;
(4)"awtoritajiet tal-viża" tfisser l-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet ċentrali tal-viża u l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta' viżi fil-fruntieri esterni, li huma responsabbli f’kull Stat Membru għall-eżami ta' applikazzjonijiet għal viża, it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għal viża u għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar jekk jiġux annullati, revokati jew estiżi viżi,
(5)"ċittadin ta’ pajjiż terz" tfisser kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20 tat-Trattat, bl-eċċezzjoni ta’ persuni li jgawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni taħt ftehimiet bejn min-naħa waħda l-Unjoni jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u min-naħa l-oħra pajjiżi terzi;
(6)"dokument tal-ivvjaġġar" tfisser passaport jew dokument ieħor ekwivalenti, li jintitola lid-detentur li jaqsam il-fruntieri esterni u li miegħu tista’ tiżdied viża;
(7)"soġġorn qasir" tfisser soġġorni fit-territorji tal-Istati Membri għal żmien ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum;
(8)"viża għal soġġorn qasir" tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru għal soġġorn previst fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum;
(9)"viża itineranti" tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru għal soġġorn previst fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar ta’ aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum, sakemm l-applikant ma jkunx beħsiebu joqgħod għal aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum fit-territorju tal-istess Stat Membru;
(10)"trasportaturi" tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li l-professjoni tagħha hi dik li tipprovdi t-trasport ta’ persuni;
(11)"Stat Membru responsabbli" tfisser l-Istat Membru li daħħal id-dejta fl-EES;
(12)"verifika" tfisser il-proċess ta’ tqabbil ta’ settijiet ta’ dejta biex tiġi stabbilita l-validità tal-identità mistqarra (verifika ta’ wieħed ma’ wieħed);
(13)"identifikazzjoni" tfisser il-proċess biex tiġi ddeterminata l-identità ta’ persuna permezz ta’ tfittxija fil-bażi tad-dejta ma’ settijiet multipli ta’ dejta (kontroll "wieħed ma’ ħafna");
(14)"dejta alfanumerika" tfisser dejta rrappreżentata minn ittri, numri, karattri speċjali, spazji u marki tal-punteġġjatura;
(15)"dejta dwar il-marki tas-swaba" tfisser id-dejta li għandha x’taqsam mal-marki tas-swaba’ tal-werrej, tas-saba’ tan-nofs, tas-saba’ taċ-ċurkett u tas-saba’ ż-żgħir mill-id tal-lemin, fejn din tkun preżenti, jew inkella mill-id tax-xellug, jew marka tas-swaba’ latenti;
(16)"immaġni tal-wiċċ" tfisser immaġini diġitali tal-wiċċ b’riżoluzzjoni u kwalità suffiċjenti tal-immaġini sabiex tintuża fi tqabbil bijometriku awtomatizzat;
(17)"dejta bijometrika" tfisser dejta dwar il-marki tas-swaba’ u dwar l-immaġni tal-wiċċ;
(18)"persuna b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta" tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet li jirrelataw mat-tul ta’ soġġorn qasir fuq it-territorju tal-Istati Membri;
(19)"eu-LISA" tfisser l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva ta’ sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1077/2011;
(20)"Frontex" tfisser l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 2007/2004.
(21)"awtorità ta’ sorveljanza" tfisser l-awtoritajiet ta’ sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE;
(22)"awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali" għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi tfisser l-awtoritajiet ta’ sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI;
(23)"korp ta’ sorveljanza nazzjonali" tfisser il-korpi ta’ sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI;
(24)"dejta tal-EES" tfisser id-dejta kollha maħżuna fis-Sistema Ċentrali skont l-Artikoli 13, 14, 15, 16, 17 u 18.
(25)"infurzar tal-liġi" tfisser il-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra;
(26)"reati terroristiċi" tfisser ir-reati taħt il-liġi nazzjonali li jikkorrispondu jew huma ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikoli minn 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI;
(27)"reati kriminali serji" tfisser ir-reati li jikkorrispondu jew li huma ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, jekk huma punibbli taħt il-liġi nazzjonali b’sentenza ta’ priġunerija jew b’ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin;
2. It-termini definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE għandu jkollhom l-istess tifsira f’dan ir-Regolament sakemm id-dejta personali tiġi pproċessata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.
3. It-termini definiti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI għandu jkollhom l-istess tifsira f’dan ir-Regolament sakemm id-dejta personali tiġi pproċessata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi.
Artikolu 4
It-twaqqif tal-EES
L-Aġenzija għat-tmexxija operattiva ta’ sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (‘eu-LISA’) għandha tiżviluppa l-EES u tiżgura l-immanġġjar operazzjonali tagħha, inklużi l-funzjonalitajiet għall-ipproċessar tad-dejta bijometrika imsemmija fl-Artikolu 14(1)(f) u fl-Artikolu 15.
Artikolu 5
L-għan tal-EES
Billi tirreġistra, taħżen u tipprovdi aċċess lill-Istati Membri għad-data, il-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ u ta’ rifjuti ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni, l-EES għandha:
(a)ittejjeb l-effikaċja tal-kontrolli fil-fruntieri permezz tal-kalkolu u l-monitoraġġ tat-tul tas-soġġorn awtorizzat mad-dħul u mal-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi għal soġġorn qasir {jew abbażi ta’ viża itineranti};
(b)tgħin fl-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe persuna li ma tissodisfax, jew li ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tidħol, jew toqgħod fit-territorju tal-Istati Membri;
(c)tippermetti l-identifikazzjoni u r-rintraċċar ta’ persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta (anke fit-territorju) u tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li jieħdu miżuri xierqa fosthom biex jiżdiedu l-possibilitajiet għar-ritorn
(d)tippermetti l-verifika elettronika ta’ rifjuti ta’ dħul fl-EES;
(e)tillibera r-riżorsi tal-kontroll tal-fruntieri milli jwettqu kontrolli li jistgħu jiġu awtomatizzati u tippermetti fokus aħjar fuq il-valutazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi;
(f)tippermetti li l-konsulati jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar l-użu legali ta’ viżi preċedenti;
(g)tinforma lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi dwar it-tul tas-soġġorn awtorizzat tagħhom;
(h)tinġabar statistika dwar id-dħul u l-ħruġ, rifjuti ta’ dħul u każijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqbżu s-soġġorn awtorizzat biex tittejjeb il-valutazzjoni tar-riskju ta’ każijiet li jaqbżu s-soġġorn awtorizzat u insostenn ta’ tfassil ta’ politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni bbażata fuq l-evidenza;
(i)tiġi miġġielda l-frodi tal-identità;
(j)tikkontribwixxi għall-prevenzjoni, ir-rintraċċar u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra;
(k)tippermetti l-identifikazzjoni u l-arrest ta’ terroristi, suspettati kriminali kif ukoll ta’ vittmi li jaqsmu l-fruntieri esterni;
(l)tippermetti l-ġenerazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-istorja tal-ivvjaġġar ta’ terroristiċi, suspettati kriminali kif ukoll ta’ vittmi għal investigazzjoni relatati mat-terroriżmu jew ma’ kriminalità serja.
Artikolu 6
Arkitettura teknika tal-EES
1.L-EES ser tkun magħmula minn:
(a)Sistema Ċentrali;
(b)Interfaċċa Nazzjonali Uniformi (NUI) f’kull Stat Membru bbażata fuq speċifikazzjonijiet tekniċi komuni u identika għall-Istati Membri kollha li tippermetti l-konnessjoni tas-Sistema Ċentrali mal-infrastrutturi nazzjonali tal-fruntieri fl-Istati Membri;
(c)Mezz Sigur ta’ Komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-EES u s-Sistema Ċentrali tal-VIS;
(d)Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali u l-Interfaċċi Nazzjonali Uniformi.
2.
Is-Sistema Ċentrali tal-EES ser tkun ospitata mill-eu-LISA fiż-żewġ siti tekniċi tagħha. Għandha tipprovdi l-funzjonalitajiet stabbiliti f’dan ir-Regolament skont il-kundizzjonijiet ta’ disponibbiltà, kwalità u ħeffa skont l-Artikolu 34(3).
3.
Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/602/KE, xi komponenti tal-ħardwer u s-softwer tal-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni tal-EES se jkunu kondiviżi mal-infrastruttura tal-komunikazzjoni tal-VIS imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2004/512/KE. Apparti n-netwerk privat virtwali attwali tal-VIS se jiġi stabbilit netwerk privat virtwali separat dedikat għall-EES sabiex tiġi żgurata separazzjoni loġika tad-dejta tal-VIS u tal-EES.
Artikolu 7
Interoperabbiltà mal-VIS
1.Eu-LISA tistabbilixxi Mezz Sigur ta’ Komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-EES u s-Sistema Ċentrali tal-VIS biex tippermetti l-interoperabbiltà bejn l-EES u l-VIS. Konsultazzjoni diretta bejn is-sistemi għandha tkun possibbli biss jekk dan ikun previst kemm b’dan ir-Regolament u bir-Regolament (KE) Nru 767/2008.
2.Ir-rekwiżit ta’ interoperabilità għandu jippermetti lill-awtoritajiet tal-fruntieri li jkunu qed jużaw l-EES biex jikkonsultaw il-VIS mill-EES sabiex:
(a)jaċċessaw u jimportaw id-dejta relatata mal-viża direttament mill-VIS sabiex toħloq jew taġġorna l-fajl individwali ta’ titular ta’ viża fl-EES skont l-Artikolu 13, 14 u 16 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 18a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;
(b)jaċċessaw u jimportaw id-dejta relatata mal-viża direttament mill-VIS sabiex jaġġornaw l-EES fil-każ li viża tiġi annullata, revokata jew estiża skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikoli 13, 14 u 18a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;
(c)jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tal-viża jew jekk il-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399 ikunux sodisfatti skont l-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;
(d)jivverifikaw fil-fruntieri esterni jekk ċittadin ta’ pajjiż terz eżentat mill-obbligu ta’ viża jkunx ġie reġistrat qabel fil-VIS skont l-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 19a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;
(e)fejn l-identità ta’ titular ta’ viża ma tkunx tista’ tiġi verifikata mal-EES, sabiex l-awtoritajiet tal-fruntieri jkunu jistgħu jivverifikaw l-identità ta’ titular ta’ viża permezz tal-marki tas-swaba’ fil-VIS fil-fruntieri esterni skont l-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 18(6) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
3. Ir-rekwiżit ta’ interoperabilità għandu jippermetti lill-awtoritajiet tal-viża li jkunu qed jużaw il-VIS biex jikkonsultaw l-EES mill-VIS sabiex:
(a)jeżaminaw applikazzjonijiet għal viża u jadottaw deċiżjonijiet relatati ma’ dawk l-applikazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;
(b)jaġġornaw id-dejta relatata mal-viża fl-EES fil-każ li viża tiġi annullata, revokata jew estiża skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
Artikolu 8
Aċċess għall-EES għad-dħul, l-emendar, it-tħassir u l-konsultazzjoni ta’ dejta
1.L-aċċess għall-EES għad-dħul, l-emendar, it-tħassir u l-konsultazzjoni tad-dejta imsemmija fl-Artikoli 13, 14, 15, 16, 17 u 18 għandha tiġi riservata esklussivament għal persunal awtorizzat kif xieraq tal-awtoritajiet ta’ kull Stat Membru li huma kompetenti għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 21 sa 32. Dak l-aċċess għandu jkun limitat sal-punt meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti skont dan l-għan, u proporzjonat mal-objettivi segwiti.
2.Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż l-awtoritajiet tal-fruntiera, tal-viża u tal-immigrazzjoni. Il-persunal debitament awtorizzat għandu jkollu aċċess għall-EES biex idaħħlu, jemendaw, iħassru jew jikkonsultaw id-dejta. Kull Stat Membru għandu jikkomunika lista ta’ dawn l-awtoritajiet lill-eu-LISA mingħajr dewmien. Din il-lista għandha tispeċifika l-għanijiet li għalihom kull awtorità għandu jkollha aċċess għad-dejta fl-EES.
Fi żmien tliet xhur minn meta l-EES tibda topera skont l-Artikolu 60, għandha tiġi ppubblikata lista konsolidata ta’ dawk l-awtoritajiet f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn ikun hemm emendi, l-eu-LISA għandha tippubblika lista konsolidata aġġornata darba fis-sena.
Artikolu 9
Prinċipji ġenerali
1.Kull awtorità kompetenti awtorizzata li taċċessa l-EES għandha tiżgura li l-użu tal-EES huwa neċessarju, xieraq u proporzjonat.
2.Kull awtorità kompetenti għandha tiżgura li meta tuża l-EES, ma tiddiskriminax kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi abbażi ta’ sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali u li tirrispetta bis-sħiħ id-dinjità tal-bniedem u l-integrità tal-persuna. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni speċifika tat-tfal, tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità. B'mod partikulari, meta tinżamm dejta dwar minuri, kunsiderazzjoni ewlenija għandha tkun l-aħjar interessi tal-minuri.
Artikolu 10
Kalkolatur awtomatizzat u l-obbligu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu infurmati dwar is-soġġorn awtorizzat li jkun għad fadal
1.L-EES għandha tinkludi kalkulatur awtomatizzat li jindika t-tul massimu awtorizzat tas-soġġorn awtorizzat skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2016/399 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi reġistrati fl-EES li jiġu ammessi għal soġġorn qasir {jew abbażi ta’ viża itineranti}.
Il-kalkulatur ma għandux japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi d-dritt ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni u li ma jkollux karta ta’ residenza imsemmija fid-Direttiva 2004/38/KE.
2.Il-kalkolatur awtomatizzat għandu:
(a)jinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar it-tul awtorizzat tas-soġġorn mad-dħul u dwar jekk l-għadd ta’ daħliet awtorizzati tal-viżi għal dħul wieħed jew doppju jkunx intuża qabel;
(b)jidentifika ċittadini ta’ pajjiżi terzi mal-ħruġ li jkunu qabżu l-perjodu awtorizzat.
3. L-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jinfurmaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz dwar l-għadd massimu ta’ ġranet ta’ soġġorn awtorizzat li għandu jqis l-għadd ta’ daħliet u t-tul tas-soġġorn awtorizzat mill-viża {jew mill-viża itineranti}, skont Artikolu 8(9) tar-Regolament (UE) 2016/399.
4.Soġġorni fi Stati Membri li għadhom mhumiex qed japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ skont l-Atti ta’ Adeżjoni rispettivi tagħhom ma għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tat-tul tas-soġġorn awtorizzat fiż-żona Schengen. Dawk l-Istati Membri għandhom jirreġistraw is-soġġorni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-EES. Madankollu l-kalkulatur awtomatizzat fis-sistema ma għandux jikkalkula soġġorni fi Stati Membri li għadhom mhumiex qed japplikaw l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ bħala parti mit-tul awtorizzat tas-soġġorn.
Artikolu 11
Mekkaniżmu ta’ informazzjoni
1.L-EES għandha tinkludi mekkaniżmu li għandu awtomatikament jidentifika liema reġistri tad-dħul/ħruġ ma jkollhomx dejta tal-ħruġ immedjatament wara d-data tal-iskadenza tat-tul awtorizzat tas-soġġorn u tidentifika rekords li għalihom ikun inqabeż is-soġġorn massimu.
2.L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom lista ġġenerata mis-sistema, li jkun fiha d-dejta imsemmija fl-Artikolu 14 u 15, ta’ dawk il-persuni identifikati b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta.
Artikolu 12
Servizz tal-internet
1.
Sabiex fi kwalunkwe ħin ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu jistgħu jivverifikaw jekk jiddisponux jew le mit-tul awtorizzat pendenti tas-soġġorn biex ikopru s-soġġorn intenzjonat tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri, aċċess sigur għall-internet għal servizz elettroniku ospitat mill-eu-LISA fiż-żewġ siti tekniċi tagħha għandu jippermetti lil dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 14(1)(b) flimkien mad-dati antiċipati tad-dħul u tal-ħruġ. Fuq dik il-bażi, is-servizz tal-internet għandu jipprovdihom bi tweġiba AFFERMATTIVA/NEGATTIVA. Is-servizz tal-internet għandu juża bażi tad-dejta separata li tista’ tinqara biss li tiġi aġġornata kuljum permezz ta’ estrazzjoni f’direzzjoni waħda tas-subsett minimu neċessarju tad-dejta tal-EES.
2.
It-trasportaturi jistgħu jużaw l-aċċess sigur għall-internet għas-servizz elettroniku imsemmi fil-paragrafu 1 sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom viża għal dħul wieħed jew doppju jkunux diġà użaw il-viża. It-trasportatur għandu jipprovdi d-dejta elenkata fl-Artikolu 14(1)(d). Fuq dik il-bażi, is-servizz tal-internet għandu jipprovdi lit-trasportaturi bi tweġiba AFFERMATTIVA/NEGATTIVA. It-trasportaturi jistgħu jaħżnu l-informazzjoni mibgħuta u r-risposta riċevuta.
3.
Ir-regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet għat-tħaddim tas-servizz tal-internet u r-regoli dwar is-sigurtà applikabbli għas-servizz tal-internet għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami imsemmija fl-Artikolu 61(2).
KAPITOLU II
Dħul u użu tad-dejta minn awtoritajiet fil-fruntieri
Artikolu 13
Proċeduri għad-dħul ta’ dejta fl-EES
1.
L-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jivverifikaw, skont l-Artikolu 21, jekk ikunx inħoloq fajl individwali preċedenti fl-EES għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kif ukoll l-identità tagħhom. Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz juża sistema self-service għall-prereġistrazzjoni tad-dejta jew għat-twettiq ta’ kontrolli fil-fruntieri [din is-sistema self-service għandha tiġi definita jew spjegata?] , verifika tista’ titwettaq permezz tas-sistema self-servizz.
2.Fejn ikun inħoloq fajl individwali preċedenti, l-awtorità tal-fruntiera għandha, jekk ikun meħtieġ, taġġorna l-fajl tad-dejta tal-individwu, iddaħħal ir-rekord tad-dħul/ħruġ għal kull dħul u ħruġ skont l-Artikoli 14 u 15 jew, fejn applikabbli, rekord ta’ rifjut ta’ dħul skont l-Artikolu 16. Dak ir-rekord għandu jkun marbut mal-fajl individwali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kkonċernat. Fejn applikabbli, id-dejta imsemmija fl-Artikolu 17(1) għandu tiġi miżjuda mal-fajl individwali u d-dejta imsemmija fl-Artikolu 17(3) u (4) għandha tiġi miżjuda mar-rekord tad-dħul/ħruġ taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kkonċernat. Id-diversi dokumenti tal-ivvjaġġar u l-identitajiet użati b’mod leġittimu minn ċittadin ta’ pajjiż terz għadhom jiġu miżjuda mal-fajl individwali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Fejn ikun ġie reġistrat fajl preċedenti u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar li huwa differenti minn dak li kien ġie rreġistrat qabel, id-dejta imsemmija fl-Artikolu 14(1)(f) għandha tiġi aġġornata wkoll jekk l-immaġini tal-wiċċ reġistrata fiċ-ċippa tad-dokument tal-ivvjaġġar il-ġdid tista’ tiġi estratta b’mod elettroniku.
3.
Fejn ikun hemm il-ħtieġa li tinħoloq jew tiġi aġġornata d-dejta fil-fajl individwali ta’ titular ta’ viża, l-awtoritajiet tal-fruntieri jistgħu jaċċessaw u jimportaw id-dejta prevista fl-Artikolu 14(1) (d), (e) u (g) direttament mill-VIS skont l-Artikolu 18a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
4.
Fin-nuqqas ta’ reġistrazzjoni preċedenti ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fl-EES, l-awtorità tal-fruntiera għandha toħloq il-fajl individwali tal-persuna billi ddaħħal id-dejta imsemmija fl-Artikoli 14, 15 u 16 kif applikabbli.
5.
Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz juża sistema self-service għall-prereġistrazzjoni tad-dejta, għandu japplika l-Artikolu 8c tar-Regolament (UE) 2016/399. F’dak il-każ, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jirreġistra minn qabel id-dejta fil-fajl individwali jew, jekk applikabbli, id-dejta li trid tiġi aġġornata. Meta d-deċiżjoni għall-awtorizzazzjoni jew għar-rifjut ta’ dħul tkun ittieħdet skont ir-Regolament (UE) 2016/399 id-dejta għandha tiġi konfermata mill-gwardja tal-fruntiera. Il-verifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha ssir permezz tas-sistema self service. Id-dejta elenkata fl-Artikolu 14(1) (d), (e) u (g) tista’ tiġi aċċessata u tiġi importata direttament mill-VIS.
6
Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz juża sistema self-service għat-twettiq tal-kontrolli fil-fruntieri, għandu japplika l-Artikolu 8d tar-Regolament (UE) 2016/399. F’dak il-każ, il-verifika imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha ssir permezz tas-sistema self service.
7.
Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz juża grada elettronika biex jaqsam il-fruntiera esterna, għandu japplika l-Artikolu 8d tar-Regolament (UE) 2016/399. F’dak il-każ, ir-reġistrazzjoni korrispondenti tar-rekord tad-dħul/ħruġ u r-rabta ta’ dak ir-rekord mal-fajl individwali kkonċernat għandha ssir permezz tal-grada elettronika.
8.
Fejn ikun hemm il-ħtieġa li jinħoloq fajl individwali jew li tiġi aġġornata l-immaġni tal-wiċċ imsemmija fl-Artikolu 14(1)(f), l-immaġni tal-wiċċ tista’ tiġi estratta biss b’mod elettroniku mid-Dokumenti elettroniċi tal-Ivvjaġġar li Jinqraw minn Magna (eMRTD) u tiġi inserita fil-fajl individwali fejn ikun ġie verifikat li l-immaġni tal-wiċċ reġistrata fiċ-ċippa tal-eMRTD tikkorrispondi għall-immaġni live tal-wiċċ taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat.
Artikolu 14
Dejta personali għal titulari ta’ viża
1.L-awtorità tal-fruntiera għandha toħloq il-fajl individwali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz titular ta’ viża billi ddaħħal id-dejta li ġejja:
(a)kunjom (isem tal-familja); l-ewwel isem/ismijiet; data tat-twelid; nazzjonalità/nazzjonalitajiet; sess;
(b)it-tip, in-numru u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar;
(c)id-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument(i) tal-ivvjaġġar;
(d)in-numru tal-istiker tal-viża għal soġġorn qasir, inkluż il-kodiċi bi tliet ittri tal-Istat Membru emittenti, it-tip ta’ viża, id-data tat-tmiem tat-tul massimu tas-soġġorn kif awtorizzat mill-viża li trid tiġi aġġornata ma’ kull dħul u d-data tal-iskadenza tal-validità tal-viża, jekk applikabbli;
(e)mal-ewwel dħul abbażi tal-viża għal soġġorn qasir, l-għadd ta’ daħliet u l-perjodu awtorizzat tas-soġġorn kif indikat fuq l-istiker tal-viża;
(f) l-immaġni tal-wiċċ, fejn possibbli estratta b’mod elettroniku mill-eMRTD u fejn dan ma jkunx possibbli, tittieħed live;
(g)in-numru tal-istiker tal-viża itineranti, it-tip ta’ viża u d-data tal-iskadenza tal-validità tal-viża, jekk applikabbli.
2.Kull darba li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz titular ta’ viża jidħol, għandha tiddaħħal id-dejta li ġejja f’rekord ta’ dħul/ħruġ. Dak ir-rekord għandu jkun marbut mal-fajl individwali ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz billi jintuża n-numru ta’ referenza individwali li jkun inħoloq mill-EES meta jkun inħoloq dak il-fajl:
(a)id-data u l-ħin tad-dħul;
(b)il-punt tal-qsim tal-fruntiera u l-awtorità li tkun awtorizzat id-dħul;
3.Ma’ kull ħruġ għandha tiddaħħal id-dejta li ġejja fir-rekord tad-dħul/ħruġ marbuta mal-fajl individwali ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz titular ta’ viża:
(a)id-data u l-ħin tal-ħruġ;
(b)il-punt tal-qsim tal-fruntiera tal-ħruġ.
4.Fejn ma jkunx hemm dejta dwar il-ħruġ minnufih wara d-data ta’ skadenza tat-tul awtorizzat tas-soġġorn, ir-rekord tad-dħul/ħruġ għandu jiġi identifikat b’marka jew jiġi mmarkat mis-sistema u d-dejta taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz titular ta’ viża identifikat bħala persuna b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta għandha tiddaħħal fil-lista imsemmija fl-Artikolu 11.
5.
Sabiex jinħoloq il-fajl individwali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi titulari ta’ viża l-awtorità tal-fruntiera tista’ taċċessa u timporta d-dejta prevista skont il-paragrafu 1 (d), (e) u (g) direttament mill-VIS skont l-Artikolu 18a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
Artikolu 15
Dejta personali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża
1.Għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża, l-awtorità tal-fruntiera għandha ddaħħal id-dejta prevista fl-Artikolu 14(1)(a), (b), (c) u (f) fil-fajl individwali tagħhom. Barra minn hekk f’dak il-fajl individwali għandha ddaħħal l-erba’ marki tas-swaba’ tal-indiċi, tas-saba’ tan-nofs, tas-saba’ taċ-ċurkett u tas-saba’ ż-żgħir mill-id tal-lemin, u fejn dan ma jkunx possibbli l-istess swaba’ mill-id tax-xellug, skont l-ispeċifikazzjonijiet għar-riżoluzzjoni u l-użu ta’ marki tas-swaba’ adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 61(2). Għal ċittadini ta' pajjiżi terzi eżenti mill-obbligu tal-viża, japplikaw l-Artikoli 14(2) sa 14(4).
2.Għal raġunijiet legali tfal taħt it-12-il sena għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’.
3.Persuni li għalihom ikun fiżikament impossibbli li jittieħdulhom il-marki tas-swaba’ għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’ għal raġunijiet fattwali.
Madankollu, fejn l-impossibbiltà fiżika tkun ta’ natura temporanja, il-persuna għandha tkun meħtieġa tagħti l-marki tas-swaba’ mad-dħul li jmiss. L-awtoritajiet tal-fruntiera għandhom ikunu intitolati li jitolbu aktar kjarifiki dwar l-impossibbiltà temporanja li jingħataw il-marki tas-swaba’.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ proċeduri adatti li jiggarantixxu d-dinjità tal-persuna f’każ li jkun hemm diffikultajiet fir-reġistrazzjoni tal-marki tas-swaba’.
4.Fejn il-persuna kkonċernata tkun eżentata mir-rekwiżit li tagħti l-marki tas-swaba’ għal raġunijiet legali jew fattwali skont il-paragrafi 2 jew 3, l-ispazju speċifiku għad-dejta għandu jiġi mmarkat bħala ‘mhux applikabbli’. Is-sistema għandha tippermetti li ssir distinzjoni bejn il-każijiet fejn m’hemmx l-obbligu li l-marki tas-swaba’ jkunu pprovduti għal raġunijiet legali u każijiet fejn ma jistgħux jiġu pprovduti għal raġunijiet fattwali.
Artikolu 16Dejta personali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew rifjutati dħul
1.Fejn skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/399 u l-Anness V tiegħu, l-awtorità tal-fruntiera tkun ħadet deċiżjoni dwar ir-rifjut ta’ dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz imsemmi fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament fit-territorji tal-Istati Membri, u fejn ma jkunx hemm fajl preċedenti rreġistrat fl-EES għal dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, l-awtorità tal-fruntiera għandha toħloq fajl individwali li fih għandha ddaħħal id-dejta meħtieġa skont l-Artikolu 14(1) fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi titulari ta’ viża u d-dejta meħtieġa skont l-Artikolu 15(1) fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża.
2.Sabiex jinħoloq il-fajl individwali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi titulari ta’ viża, l-awtorità kompetenti tal-fruntiera tista’ taċċessa u timporta d-dejta prevista skont l-Artikolu 14 (1) (d), (e) u (g) direttament mill-VIS fl-EES skont l-Artikolu 18a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
3. Kemm għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi titulari ta’ viża u dawk eżentati mill-obbligu ta’ viża għandha tiddaħħal id-dejta li ġejja f’rekord separat ta’ rifjut ta’ dħul:
(a) id-data u l-ħin tar-rifjut tad-dħul,
(b) il-punt tal-qsim tal-fruntiera,
(c) l-awtorità li rrifjutat id-dħul,
(d) l-ittra(i) li tikkorrispondi/jikkorrispondu mar-raġuni(ijiet) għar-rifjut ta’ dħul, skont l-Anness V, Parti B tar-Regolament (UE) 2016/399.
4.Fejn fl-EES ikun hemm diġà fajl preċedenti eżistenti d-dejta prevista fil-paragrafu 2 għandha tiżdied mal-fajl eżistenti.
Artikolu 17Dejta li għandha tiġi miżjuda meta awtorizzazzjoni ta’ soġġorn tiġi revokata, annullata jew estiża
1.Fejn tkun ittieħdet deċiżjoni biex tittieħed lura jew tiġi kkanċellata awtorizzazzjoni għal soġġorn jew viża sabiex jiġi estiż iż-żmien tas-soġġorn awtorizzat jew tal-viża, l-awtorità kompetenti li tkun ħadet id-deċiżjoni żżid id-dejta segwenti għall-fajl individwali:
(a)l-informazzjoni dwar l-istatus li tindika li l-awtorizzazzjoni għas-soġġorn jew il-viża tkun ġiet revokata jew annullata jew li t-tul tas-soġġorn awtorizzat jew tal-viża jkun ġie estiż;
(b)l-identità tal-awtorità li tkun irrevokat jew annullat l-awtorizzazzjoni għas-soġġorn jew il-viża jew li tkun estendiet it-tul tas-soġġorn awtorizzat jew tal-viża;
(c)il-post u d-data tad-deċiżjoni li tiġi revokata jew annullata l-awtorizzazzjoni għas-soġġorn jew il-viża jew biex jiġi estiż it-tul tas-soġġorn awtorizzat jew tal-viża;
(d)in-numru l-ġdid tal-istiker tal-viża inkluż il-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż emittenti;
(e)il-perjodu tal-estensjoni tat-tul awtorizzat tas-soġġorn;
(f)id-data l-ġdida tal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għal soġġorn jew tal-viża.
2.Fejn tkun ittieħdet deċiżjoni biex viża tiġi annullata, revokata jew estiża, l-awtorità tal-viża li tkun ħadet id-deċiżjoni għandha minnufih taċċessa u timporta d-dejta prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mill-VIS direttament fl-EES skont Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
3.Ir-rekord tad-dħul/ħruġ għandu jindika r-raġuni(jiet) għar-revoka tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn, li għandha(hom) t/ikunu:
(a)ir-raġunijiet li minħabba fihom il-persuna tkun qed tiġi espulsa;
(b)kwalunkwe deċiżjoni oħra meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru, f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, li tirriżulta fit-tneħħija jew fit-tluq ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax jew ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul fi jew għas-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri.
4.Ir-rekord tad-dħul/ħruġ għandu jindika r-raġunijiet għall-estensjoni tat-tul ta’ soġġorn awtorizzat.
5.Meta persuna tkun telqet jew tkun tneħħiet mit-territorji tal-Istati Membri skont deċiżjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti għandha ddaħħal id-dejta skont l-Artikolu 13(2) fir-rekord ta’ dħul/ħruġ ta’ dik l-entrata speċifika.
Artikolu 18
Dejta li għandha tiġi miżjuda fil-każ ta’ konfutazzjoni tas-suppożizzjoni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tat-tul tas-soġġorn skont Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/399.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, fejn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru ma jkunx reġistrat fl-EES jew ir-rekord tad-dħul/ħruġ ma jkunx fih dejta tal-ħruġ wara d-data tal-iskadenza tat-tul ta’ soġġorn awtorizzat, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jissoponu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jissodisfax jew ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet relatati mat-tul tas-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri.
F’dak il-każ għandu japplika l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/399 u jekk dik il-preżunzjoni tiġi konfutata minn prova li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ikun irrispetta l-kundizzjonijiet marbuta ma’ soġġorn qasir, jekk ikun meħtieġ l-awtoritajiet kompetenti għandhom joħolqu fajl individwali fl-EES għal dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, jew jaġġornaw l-aħħar rekord tad-dħul/ħruġ billi jdaħħlu d-dejta nieqsa skont l-Artikoli 14 u 15 jew iħassru fajl eżistenti fejn japplika l-Artikolu 32.
Artikolu 19
Proċeduri ta’ riżerva fil-każ ta’ impossibbiltà teknika li tiddaħħal dejta jew ħsara fl-EES
Fil-każ ta’ impossibbiltà teknika li tiddaħħal dejta fis-Sistema Ċentrali jew f’każ ta’ ħsara fis-Sistema Ċentrali, id-dejta imsemmija fl-Artikoli 14, 15, 16, 17 u 18 għandha tiġi temporanjament maħżuna fl-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi kif previst fl-Artikolu 6. Jekk dan ma jkunx possibbli, id-dejta għandha tinħażen lokalment b’mod temporanju. Fiż-żewġ każijiet, id-dejta għandha tiddaħħal fis-Sistema Ċentrali tal-EES malli tissolva l-impossibbiltà teknika jew il-ħsara. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa u jużaw l-infrastruttura, it-tagħmir u r-riżorsi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li din il-ħażna lokali temporanja tista’ ssir fi kwalunkwe ħin u għall-punti kollha ta’ qsim tal-fruntieri.
Artikolu 20
Perjodu tranżitorju u miżuri tranżitorji
1.Għal perjodu ta’ sitt xhur wara li tkun bdiet topera l-EES, sabiex mad-dħul jiġi verifikat li ċ-ċittadin ta’ pajjiżi terzi ma jkunx eċċeda l-għadd ta’ daħliet awtorizzati mill-viża għal dħul wieħed jew doppju u sabiex mad-dħul jiġi verifikat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu għal soġġorn qasir ma jkunux qabżu t-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat, l-awtoritajiet kompetenti tal-fruntieri għandhom iqisu s-soġġorni fit-territorji tal-Istati Membri matul il-180 jum ta’ qabel id-dħul jew il-ħruġ billi jiċċekkjaw it-timbri fid-dokumenti tal-ivvjaġġar flimkien mad-dejta tad-dħul/ħruġ rreġistrata fl-EES.
2.Meta ċittadin ta’ pajjiż terz jkun daħal fit-territorju tal-Istati Membri u jkun għadu ma ħarġitx qabel tkun bdiet topera l-EES, għandu jinħoloq fajl individwali u d-data ta’ dik l-entrata kif tkun ġiet ittimbrata fil-passaport għandha tiddaħħal fir-rekord tad-dħul/ħruġ skont l-Artikolu 14(2) meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz joħroġ. Din ir-regola ma għandhiex tkun limitata għas-sitt xhur wara li l-EES tkun bdiet topera kif imsemmi fil-paragrafu 1. Fil-każ ta’ diskrepanza bejn it-timbru tad-dħul u d-dejta reġistrata fl-EES, it-timbru għandu jipprevali.
Artikolu 21
L-użu tad-dejta għal verifika fil-fruntieri esterni
1.L-awtoritajiet tal-fruntieri għandu jkollhom aċċess għall-EES biex jivverifikaw l-identità u r-reġistrazzjoni preċedenti taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, biex jaġġornaw id-dejta reġistrata fl-EES fejn dan ikun meħtieġ u sabiex jikkonsultaw id-dejta sal-punt meħtieġ għat-twettiq ta’ kompiti tal-kontroll fil-fruntieri.
2.Skont il-paragrafu 1, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandu jkollhom aċċess biex ifittxu bid-dejta imsemmija fl-Artikolu 14(1)(a), (b) u (c).
Barra minn hekk, fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-rekwiżit ta’ viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni, l-awtoritajiet tal-fruntieri jistgħu jfittxu fil-VIS direttament mill-EES billi jużaw l-istess dejta alfanumerika għall-finijiet tat-twettiq tal-konsultazzjoni tal-VIS għal verifika fil-fruntieri esterni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
Jekk it-tfittxija fl-EES b’din id-dejta tindika li d-dejta dwar iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tkun irreġistrata fl-EES, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom iqabblu l-immaġni live tal-wiċċ taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mal-immaġni tal-wiċċ imsemmija fl-Artikolu 14(1)(f). Fejn fil-qsim tal-fruntieri ma jkunx hemm teknoloġija disponibbli għall-użu ta’ immaġni live tal-wiċċ, fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jipproċedu għal verifika tal-marki tas-swaba’ mal-EES u fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi titulari ta’ viża, jipproċedu għal verifika tal-marki tas-swaba’ direttament mal-VIS skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 767/2008. Għall-verifika tal-marki tas-swaba’ mal-VIS għal titulari ta’ viża, l-awtoritajiet tal-fruntieri jistgħu jniedu t-tfittxija fil-VIS direttament mill-EES kif previst fl-Artikolu 18(6) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
Jekk il-verifika tal-immaġni tal-wiċċ ma tirnexxix, il-verifika titwettaq bl-użu ta' marki tas-swaba' jew vice versa.
3.Jekk it-tfittxija bid-dejta stabbilita fil-paragrafu 2 tindika li d-dejta dwar iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tkun reġistrata fl-EES, l-awtorità kompetenti għandha tingħata l-aċċess biex tikkonsulta d-dejta tal-fajl individwali ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u r-rekord(s) tad-dħul/ħruġ marbuta miegħu.
4.Fejn it-tfittxija bid-dejta alfanumerika stabbilita fil-paragrafu 2 tindika li fl-EES ma jkunx hemm dejta reġistrata dwar iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, meta ma tkunx tista’ ssir verifika taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew fejn ikun hemm dubji dwar l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandu jkollhom aċċess għad-dejta għal identifikazzjoni skont l-Artikolu 25.
Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:
(a)għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma soġġetti għar-rekwiżit ta’ viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni, jekk it-tfittxija fil-VIS bid-dejta imsemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tindika li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huwa reġistrat fil-VIS, għandha ssir verifika tal-marki tas-swaba’ mal-VIS skont l-Artikolu 18 (5) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008. Għal dan il-għan, l-awtorità kompetenti tista’ tniedi tfittxija mill-EES fil-VIS kif previst fl-Artikolu 18(6) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008. F’ċirkostanzi fejn verifika tal-persuna skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu tfalli, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jaċċessaw id-dejta tal-VIS għall-identifikazzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
(b)għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex soġġetti għar-rekwiżit ta’ viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni u li wara t-tentattiv ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 25 ma jinstabux fl-EES, il-VIS għandha tiġi konsultata skont l-Artikolu 19a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008. L-awtorità kompetenti tista’ tniedi tfittxija mill-EES fil-VIS kif previst fl-Artikolu 19a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008."
5. Għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dejta tagħhom tkun diġà rreġistrata fl-EES iżda li l-fajl individwali tagħhom ikun inħoloq fl-EES minn Stat Membru li mhuwiex soġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 skont l-Att ta’ Adeżjoni tiegħu, l-awtoritajiet tal-fruntiera għandhom jikkonsultaw lill-VIS skont il-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu meta, għall-ewwel darba wara l-ħolqien tal-fajl individwali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jkun biħsiebu jaqsam il-fruntieri esterni ta’ Stat Membru li huwa soġġett għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
Artikolu 22
L-użu tal-EES għall-eżami u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal viża
1.L-awtoritajiet tal-viża għandhom jikkonsultaw l-EES biex jeżaminaw applikazzjonijiet għal viża u biex jadottaw deċiżjonijiet relatati ma’ dawk l-applikazzjonijiet, inklużi deċiżjonijiet biex jiġi annullat, revokat jew estiż il-perjodu ta’ validità ta’ viża maħruġa skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
2.L-awtorità tal-viża għandha tingħata aċċess biex tfittex fl-EES direttament mill-VIS b’data waħda jew aktar minn dawn segwenti:
(a)id-dejta imsemmija fl-Artikolu 14(1)(a), (b) u (c);
(b)in-numru tal-istiker tal-viża, inkluż il-kodiċi bi tliet ittri tal-Istat Membru emittenti imsemmi fl-Artikolu 14(1)(d);
(c)id-dejta bijometrika kif imsemmi fl-Artikoli 14(1)(f) u 15.
3.Jekk it-tfittxija bid-dejta stabbilita fil-paragrafu 2 tindika li d-dejta dwar iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tkun reġistrata fl-EES, l-awtoritajiet tal-viża għandhom jingħataw l-aċċess biex jikkonsultaw id-dejta tal-fajl individwali ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u r-rekords tad-dħul/ħruġ marbuta miegħu.
Artikolu 23
L-użu tal-EES għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għal aċċess għal programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni
1.L-awtoritajiet kompetenti imsemmija fl-Artikolu 8e tar-Regolament (UE) 2016/399 għandhom jikkonsultaw l-EES għall-fini tal-eżami ta’ applikazzjonijiet għal aċċess għal programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni imsemmija f’dak l-Artikolu fir-rigward l-użu tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ u l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ dawk l-applikazzjonijiet, inklużi deċiżjonijiet dwar ir-rifjut, ir-revoka jew l-estensjoni tal-perjodu ta’ validità ta’ aċċess għall-programmi nazzjonali ta’ faċilitazzjoni skont dak l-Artikolu.
2.L-awtorità kompetenti għandha tingħata aċċess biex tfittex b’data waħda jew aktar imsemmija fl-Artikolu 14(1)(a), (b), (c) u (f).
3.Jekk it-tfittxija bid-dejta stabbilita fil-paragrafu 2 tindika li d-dejta dwar iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tkun reġistrata fl-EES, l-awtorità kompetenti għandha tingħata l-aċċess biex tikkonsulta d-dejta tal-fajl individwali ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u r-rekord(s) tad-dħul/ħruġ marbuta miegħu.
Artikolu 24
Aċċess għal dejta għall-verifika fit-territorju tal-Istati Membri
1.Għall-fini tal-verifika tal-identità ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u/jew dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ dħul jew ta’ soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri humiex sodisfatti, l-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma kompetenti li jwettqu kontrolli fit-territorju tal-Istati Membri dwar jekk il-kundizzjonijiet għad-dħul fi, għas-soġġorn jew għal residenza fit-territorju tal-Istati Membri humiex sodisfatti, għandu jkollhom aċċess biex ifittxu bid-dejta imsemmija fl-Artikolu 14(1)(a), (b) u (c).
Jekk it-tfittxija tindika li d-dejta dwar iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tkun reġistrata fl-EES, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqabblu l-immaġni live tal-wiċċ taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mal-immaġni tal-wiċċ imsemmija fl-Artikolu 14(1)(f). Fejn ma jkunx hemm teknoloġija disponibbli għall-użu ta’ immaġni live tal-wiċċ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipproċedu bil-verifika tal-marki tas-swaba’ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża fl-EES u fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi titulari ta’ viża fil-VIS skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
2.Jekk it-tfittxija bid-dejta stabbilita fil-paragrafu 1 tindika li d-dejta dwar iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tkun reġistrata fl-EES, l-awtorità kompetenti għandha tingħata l-aċċess biex tikkonsulta d-dejta tal-fajl individwali ta’ dik il-persuna u r-rekord(s) tad-dħul/ħruġ marbuta miegħu.
3.Fejn it-tfittxija bid-dejta stabbilita fil-paragrafu 2 tindika li fl-EES ma hemmx dejta reġistrata dwar iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, meta ma tkunx tista’ ssir verifika taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew fejn ikun hemm dubji dwar l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, l-awtoritajiet tal-fruntieri għandu jkollhom aċċess għad-dejta għal identifikazzjoni skont l-Artikolu 25.
Artikolu 25
Aċċess għal dejta għal identifikazzjoni
1.Għall-iskop uniku tal-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jista’ jkun ġie reġistrat qabel fl-EES taħt identità differenti jew li ma jissodisfax, jew li ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet għal dħul fi, għal soġġorn jew għal residenza fit-territorju tal-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti għat-twettiq ta’ verifiki fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni skont ir-Regolament (UE) 2016/399 jew fit-territorju tal-Istati Membri dwar jekk il-kundizzjonijiet għal dħul fi, għal soġġorn jew għal residenza fit-territorju tal-Istati Membri humiex sodisfatti, għandu jkollhom aċċess biex ifittxu bid-dejta bijometrika ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz imsemmi fl-Artikoli 14(1)(f) u 15(1).
Fejn it-tfittxija bid-dejta msemmija fl-Artikoli 14(1)(f) u 15(1) tindika li d-dejta dwar dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mhijiex reġistrata fl-EES, l-aċċess għal dejta għal identifikazzjoni għandu jsir fil-VIS skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008. Fil-fruntieri esterni, qabel kwalunkwe identifikazzjoni fil-VIS, l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-ewwel jaċċessaw il-VIS skont l-Artikoli 18 jew 19a tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
Fejn ma jkunux jistgħu jintużaw il-marki tas-swaba’ ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew it-tfittxija bil-marki tas-swaba’ u bl-immaġni tal-wiċċ tfalli, it-tfittxija għandha ssir bid-dejta imsemmija fl-Artikolu 14(1)(a) jew (b) jew fit-tnejn.
2.Jekk it-tfittxija bid-dejta stabbilita fil-paragrafu 1 tindika li d-dejta dwar iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tkun reġistrata fl-EES, l-awtorità kompetenti għandha tingħata l-aċċess biex tikkonsulta d-dejta tal-fajl individwali ta’ dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u r-rekords marbuta tad-dħul/ħruġ.
KAPITOLU IV:
Il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi
Artikolu 26
L-awtoritajiet maħtura tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri
1.L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li huma intitolati jikkonsultaw id-dejta maħżuna fl-EES sabiex jipprevjenu, jirrintraċċaw u jinvestigaw reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra.
2.Kull Stat Membru għandu jżomm lista tal-awtoritajiet maħtura. F’dikjarazzjoni lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni, kull Stat Membru għandu jinnotifika l-awtoritajiet maħtura tiegħu u jista’ fi kwalunkwe ħin jemenda jew jissostitwixxi d-dikjarazzjoni tiegħu b’dikjarazzjoni oħra. Id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
3.Kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta’ aċċess ċentrali li għandu jkollu aċċess għall-EES. Il-punt ta’ aċċess ċentrali għandu jkun awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra. Il-punt ta’ aċċess ċentrali għandu jivverifika li l-kundizzjonijiet għat-talba għall-aċċess għall-EES stabbiliti fl-Artikolu 29 huma ssodisfati.
L-awtorità maħtura u l-punt ta’ aċċess ċentrali jistgħu jkunu parti mill-istess organizzazzjoni jekk dan ikun permess taħt il-liġi nazzjonali, iżda l-punt ta’ aċċess ċentrali għandu jaġixxi b’mod indipendenti fit-twettiq tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament. Il-punt ta’ aċċess ċentrali għandu jkun separat mill-awtoritajiet maħtura u ma għandux jirċievi struzzjonijiet minnhom fir-rigward tal-eżitu tal-verifika.
L-Istati Membri jistgħu jaħtru aktar minn punt ta’ aċċess ċentrali wieħed sabiex tiġi riflessa l-istruttura organizzattiva u amministrattiva tagħhom fit-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali u legali tagħhom.
4.F’dikjarazzjoni lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni, kull Stat Membru għandu jinnotifika l-punt(i) ta’ aċċess ċentrali tiegħu u jista’ fi kwalunkwe ħin jemenda jew jissostitwixxi d-dikjarazzjoni tiegħu b’dikjarazzjoni oħra. Id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
5.Fil-livell nazzjonali, kull Stat Membru għandu jżomm lista tal-unitajiet operattivi fi ħdan l-awtoritajiet maħtura li huma awtorizzati li jitolbu aċċess għad-dejta maħżuna fl-EES permezz tal-punt(i) ta’ aċċess ċentrali.
6.Persunal debitament awtorizzat tal-punt(i) ta’ aċċess ċentrali biss għandu jingħata s-setgħa li jaċċessa l-EES skont l-Artikoli 28 u 29.
Artikolu 27
Il-Europol
1.Il-Europol għandu jaħtar awtorità li tkun awtorizzata li titlob aċċess għall-EES permezz tal-punt ta’ aċċess ċentrali maħtur tagħha għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra. L-awtorità maħtura għandha tkun unità operattiva tal-Europol.
2.Il-Europol għandu jaħtar unità speċjalizzata b’uffiċjali tal-Europol li huma debitament awtorizzati bħala l-punt ta’ aċċess ċentrali. Il-punt ta’ aċċess ċentrali għandu jivverifika li l-kundizzjonijiet għat-talba għall-aċċess għall-EES stabbiliti fl-Artikolu 30 huma ssodisfati.
Il-punt ta’ aċċess ċentrali għandu jaġixxi b’mod indipendenti meta jwettaq il-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament u ma għandux jirċievi struzzjonijiet mill-awtorità maħtura msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-eżitu tal-verifika.
Artikolu 28
Il-proċedura għall-aċċess għall-EES għall-fini ta’ infurzar tal-liġi
1. L-unitajiet operattivi imsemmijin fl-Artikolu 26(5) għandhom jippreżentaw talba elettronika motivata lill-punti ċentrali ta’ aċċess imsemmija fl-Artikolu 26(3) għall-aċċess għad-dejta maħżuna fl-EES. Wara riċevuta ta’ talba għal aċċess il-punt(i) ta’ aċċess ċentrali għandu(hom) jivverifika(w) jekk ikunux sodisfatti l-kundizzjonijiet għal aċċess imsemmija fl-Artikolu 29. Jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-aċċess, il-persunal debitament awtorizzat tal-punt(i) ta’ aċċess ċentrali għandu jipproċessa t-talbiet. Id-dejta aċċessata tal-EES għandha tiġi trażmessa lill-unitajiet operattivi imsemmija fl-Artikolu 26(5) b’tali mod li ma tiġix kompromessa s-sigurtà tad-dejta.
2. F’każijiet eċċezzjonali ta’ urġenza, fejn ikun hemm il-ħtieġa li jiġi evitat riskju imminenti marbut ma’ reat terroristiku jew ma’ reat kriminali serju ieħor, il-punt(i) ta’ aċċess ċentrali għandu(hom) jipproċessa(w) it-talba minnufih u għandhom jivverifika(w) biss ex-post jekk ikunux sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 29, inkluż jekk każ eċċezzjonali ta’ urġenza kienx jeżisti fir-realtà. Il-verifika ex post għandha ssir mingħajr dewmien żejjed wara l-ipproċessar tat-talba.
3. Fejn verifika ex post tiddetermina li l-aċċess għad-dejta tal-EES ma kienx ġustifikat, l-awtoritajiet kollha li jkunu aċċessaw din id-dejta għandhom iħassru l-informazzjoni aċċessata mill-EES u għandhom jinfurmaw lill-punti ta’ aċċess ċentrali dwar it-tħassir.
Artikolu 29
Kundizzjonijiet għal aċċess għad-dejta tal-EES minn awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri
1. L-awtoritajiet maħtura jistgħu jaċċessaw l-EES għal konsultazzjoni jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) l-aċċess għal konsultazzjoni jkun meħtieġ għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra, li jirrendi proporzjonat it-tiftix fil-bażi tad-dejta jekk ikun hemm tħassib prevalenti dwar is-sigurtà pubblika;
(b) l-aċċess għal konsultazzjoni jkun meħtieġ f’każ speċifiku;
(c) jeżistu raġunijiet raġonevoli biex jitqies li l-konsultazzjoni tad-dejta tal-EES tista’ tikkontribwixxi sostanzjalment għall-prevenzjoni, id-detezzjoni jew l-investigazzjoni ta’ xi wieħed mir-reati kriminali inkwistjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm suspett sostanzjat li l-persuna suspettata, l-awtur jew il-vittma ta’ reat terroristiku jew ta’ reat kriminali serju ieħor taqa’ taħt kategorija koperta b’dan ir-Regolament;
2. L-aċċess għall-EES bħala għodda ta’ identifikazzjoni kriminali għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ persuna suspettata mhux magħrufa, ta’ awtur jew ta’ vittma suspettata ta’ reat terroristiku jew ta’ reat kriminali serju ieħor għandu jkun permess meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 u jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:
(a) tkun saret tiftixa preċedenti fil-bażi tad-dejta nazzjonali iżda mingħajr suċċess;
(b) fil-każ ta’ tfittxijiet bil-marki tas-swaba’, tkun saret tfittxija preċedenti mingħajr suċċess fis-sistema awtomatizzata ta’ identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ tal-Istati Membri l-oħra kollha skont id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI fejn tqabbil ta’ marki tas-swaba’ huwa teknikament disponibbli.
Madanakollu, meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li tqabbil mas-sistemi tal-Istati Membri l-oħra mhuwiex se jwassal għall-verifika tal-identità tas-suġġett tad-dejta, dik it-tfittxija preċedenti ma għandhiex għalfejn issir. Dawk ir-raġunijiet raġonevoli għandhom jiġu inklużi fit-talba elettronika motivata għal tqabbil mad-dejta tal-EES mibgħuta mill-awtorità maħtura lill-punt(i) ta’ aċċess ċentrali.
Peress li d-dejta dwar il-marki tas-swaba’ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi titulari ta’ viża tinħażen biss fil-VIS, talba għal konsultazzjoni tal-VIS dwar l-istess suġġett tad-dejta tista’ tiġi ppreżentata b’mod parallel għal talba għal konsultazzjoni tal-EES skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI sakemm it-tfittxijiet imwettqa skont il-punti (a) u b) tal-ewwel subparagrafu ma wasslux għall-verifika tal-identità tas-suġġett tad-dejta.
3.L-aċċess għall-EES bħala għodda ta’ intelligence kriminali biex tiġi konsultata l-istorja tal-ivvjaġġar jew il-perjodi ta’ soġġorn fiż-żona Schengen ta’ suspettat magħruf, ta’ awtur jew ta’ vittma suspettata ta’ reat terroristiku jew ta’ reat kriminali serju ieħor għandu jkun permess meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 u meta jkun hemm ħtieġa debitament ġustifikata għall-konsultazzjoni tar-rekords tad-dħul/ħruġ tal-persuna kkonċernata.
4. Il-konsultazzjoni tal-EES għal identifikazzjoni għandha tkun limitata għal tfittxija fil-fajl ta’ applikazzjoni b’xi waħda mid-dejta tal-EES li ġejja:
(a) Marki tas-swaba’ (inklużi latenti) ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża;
(b)L-immaġni tal-wiċċ.
Fil-każ ta’ hit, konsultazzjoni tal-EES għandha tagħti aċċess għal kwalunkwe dejta oħra meħuda mill-fajl individwali kif elenkat fl-Artikolu 14(1) u fl-Artikolu 15(1).
5. Il-konsultazzjoni tal-EES għall-istorja tal-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandha tkun limitata għat-tfittxija b’xi waħda mid-dejta tal-EES li ġejja fil-fajl individwali jew fir-rekords tad-dħul/ħruġ:
(a) Kunjom(ijiet) (isem tal-familja); l-ewwel isem/ismijiet; data tat-twelid, nazzjonalità jew nazzjonalitejiet u sess;
(b) It-tip u n-numru tad-dokument jew tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, il-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż emittenti u d-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar;
(c) In-numru tal-istiker tal-viża u d-data tal-iskadenza tal-validità tal-viża.
(d) Il-marki tas-swaba’ (inklużi latenti);
(e) L-immaġni tal-wiċċ.
(f) Id-data u l-ħin tad-dħul, l-awtorità li awtorizzat id-dħul u l-punt ta’ qsim tal-fruntiera tad-dħul;
(g) Id-data u l-ħin tal-ħruġ u l-punt ta’ qsim tal-fruntiera tal-ħruġ;
Fil-każ ta’ hit, konsultazzjoni tal-EES għandha tagħti aċċess għad-dejta kollha elenkata f’dan il-paragrafu kif ukoll għal kwalunkwe dejta oħra meħuda mill-fajl individwali u r-rekords tad-dħul/ħruġ inkluż dejta li tkun iddaħħlet fir-rigward ta’ revoka jew estensjoni ta’ awtorizzazzjoni għal soġġorn skont l-Artikolu 17.
Artikolu 30
Il-proċedura u l-kundizzjonijiet għal aċċess għad-dejta tal-EES mill-Europol
1. Il-Europol għandu jkollu aċċess biex jikkonsulta l-EES meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) il-konsultazzjoni hija neċessarja biex tiġi appoġġjata u msaħħa azzjoni mill-Istati Membri fil-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra li jaqgħu taħt il-mandat tal-Europol, li jirrendi proporzjonat it-tiftix fil-bażi tad-dejta jekk ikun jeżisti tħassib prevalenti dwar is-sigurtà pubblika;
(b) il-konsultazzjoni hija meħtieġa f’każ speċifiku;
(c) jeżistu raġunijiet raġonevoli biex titqies li l-konsultazzjoni tista’ tikkontribwixxi sostanzjalment għall-prevenzjoni, id-detezzjoni jew l-investigazzjoni ta’ xi wieħed mir-reati kriminali inkwistjoni b’mod partikolari fejn ikun hemm suspett sostanzjat li l-persuna suspettata, l-awtur jew il-vittma ta’ reat terroristiku jew ta’ reat kriminali serju ieħor taqa’ taħt kategorija koperta b’dan ir-Regolament.
2.Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 29 (2) sa (5) għandhom japplikaw kif xieraq.
3. L-awtorità maħtura tal-Europol tista’ tippreżenta talba elettronika motivata għall-konsultazzjoni tad-dejta kollha jew għal sett speċifiku ta’ dejta maħżun fl-EES lill-punt ta’ aċċess ċentrali tal-Europol imsemmi fl-Artikolu 27. Wara riċevuta ta’ talba għall-aċċess il-punt ta’ aċċess ċentrali tal-Europol għandu jivverifika jekk ikunux sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-aċċess imsemmija fl-Artikolu 1. Jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha għall-aċċess, il-persunal debitament awtorizzat tal-punt(i) ta’ aċċess ċentrali għandu jipproċessa t-talbiet. Id-dejta aċċessata tal-EES għandha tiġi trażmessa lill-unitajiet operattivi imsemmija fl-Artikolu 27 (1) b’tali mod li ma tiġix kompromessa s-sigurtà tad-dejta.
4. L-ipproċessar tal-informazzjoni miksuba mill-Europol permezz ta’ konsultazzjoni tad-dejta tal-EES għandu jkun suġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkiseb permezz tal-unità nazzjonali tal-Europol ta’ dak l-Istat Membru.
Artikolu 31
Perjodu ta’ żamma għall-ħżin tad-dejta
1Kull rekord tad-dħul/ħruġ jew rekord ta’ rifjut ta’ dħul marbut ma’ fajl individwali għadu jinħażen għal ħames snin wara d-data tar-rekord tal-ħruġ jew tar-rekord tar-rifjut ta’ dħul, kif applikabbli.
2. Kull fajl individwali flimkien mar-rekord(s) marbuta tad-dħul/ħruġ jew rekords tad-dħul/ħruġ għandhom jinħażnu fl-EES għal ħames snin u ġurnata wara d-data tal-aħħar rekord tal-ħruġ jekk fi żmien ħames snin minn dak l-aħħar rekord tal-ħruġ jew rekord ta’ rifjut ta’ dħul ma jkun hemm l-ebda rekord ta’ dħul.
3.Jekk wara d-data tal-iskadenza tal-perjodu awtorizzat tas-soġġorn ma jkun hemm l-ebda rekord ta’ ħruġ, id-dejta għandha tinħażen għal perjodu ta’ ħames snin wara l-aħħar jum tas-soġġorn awtorizzat. L-EES għandha tinforma awtomatikament lill-Istati Membri tliet xhur qabel it-tħassir skedat tad-dejta ta’ persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta sabiex ikunu jistgħu jadottaw il-miżuri xierqa.
4.
B’deroga mill-paragrafi (2) u (3), ir-rekord(s) tad-dħul/ħruġ iġġenerat(i) minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-kundizzjoni tagħhom bħala membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE jew ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi d-dritt ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni u li ma jkollux karta ta’ residenza imsemmija fid-Direttiva 2004/38/KE, għandu(hom) jinħażen(jinħażnu) fl-EES għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena mir-rekord tal-aħħar ħruġ.
5.
Malli jiskadi l-perjodu ta’ żamma imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 din id-dejta għandha awtomatikament titħassar mis-Sistema Ċentrali
Artikolu 32
Emendar tad-dejta u t-tħassir minn qabel tad-dejta
1.L-Istat Membru responsabbli għandu jkollu d-dritt li jemenda d-dejta li jkun daħħal fl-EES, billi jikkoreġi jew iħassar din id-dejta.
2Jekk l-Istat Membru responsabbli jkollu evidenza li tissuġġerixxi li d-dejta reġistrata fl-EES tkun fattwalment żbaljata jew li d-dejta tkun ġiet ipproċessata fl-EES bi ksur ta’ dan ir-Regolament, għandu jivverifika d-dejta kkonċernata u, jekk ikun hemm bżonn, jemendaha jew iħassarha mingħajr dewmien mill-EES u, fejn applikabbli, mil-lista ta’ persuni identifikati imsemmija fl-Artikolu 11. Dan jista’ jsir ukoll fuq talba tal-persuna kkonċernata skont l-Artikolu 46.
3.B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, jekk Stat Membru ieħor li ma jkunx l-Istat Membru responsabbli jkollu evidenza li tissuġġerixxi li d-dejta reġistrata fl-EES tkun fattwalment żbaljata jew li d-dejta tkun ġiet ipproċessata fl-EES bi ksur ta’ dan ir-Regolament, għandu jivverifika d-dejta kkonċernata jekk dan ikun possibbli li jagħmel dan mingħajr ma jikkonsulta l-Istat Membru responsabbli u, jekk ikun hemm bżonn, jemendaha jew iħassarha mingħajr dewmien mill-EES u, fejn applikabbli, mil-lista ta’ persuni identifikati imsemmija fl-Artikolu 11. Inkella l-Istat Membru għandu jikkuntattja lill-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli f’limitu ta’ żmien ta’ 14-il jum u l-Istat Membru responsabbli għandu jivverifika l-korrettezza tad-dejta u l-legalità tal-ipproċessar tagħha f’limitu ta’ żmien ta’ xahar. Dan jista’ jsir ukoll fuq talba tal-persuna kkonċernata skont l-Artikolu 46.
4.Fil-każ fejn l-Istat Membru responsabbli jew Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru responsabbli jkollu evidenza li tissuġġerixxi li d-dejta relatata mal-viża reġistrata fl-EES tkun fattwalment żbaljata jew li din id-dejta tkun ġiet ipproċessata fl-EES bi ksur ta’ dan ir-Regolament, għandu l-ewwel jivverifika l-korrettezza ta’ din id-dejta mal-VIS u jekk ikun hemm bżonn għandu jemendaha fl-EES. Jekk id-dejta reġistrata fil-VIS tkun l-istess bħal dik fl-EES, għandhom jinfurmaw minnufih lill-Istat Membru responsabbli għad-dħul ta’ dik id-dejta fil-VIS permezz tal-infrastruttura tal-VIS skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008. L-Istat Membru responsabbli għad-dħul tad-dejta fil-VIS għandu jiċċekkja d-dejta kkonċernata u jekk ikun hemm bżonn jemendaha jew iħassarha minnufih mill-VIS u jinforma lill-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li lilu tkun saret it-talba li għandu, jekk ikun hemm bżonn, jemendaha jew iħassarha mingħajr dewmien mill-EES u, fejn applikabbli, mil-lista ta’ persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta identifikati imsemmija fl-Artikolu 11.
5 Id-dejta tal-persuni identifikati imsemmija fl-Artikolu 11 għandha titħassar mingħajr dewmien mil-lista imsemmija f’dak l-Artikolu u għadha tiġi kkoreġuta fl-EES fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jipprovdi evidenza skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru responsabbli jew tal-Istat Membru li lilu tkun saret it-talba, li hu jew hi kien sfurzat jeċċedi t-tul tas-soġġorn awtorizzat minħabba avvenimenti imprevedibbli u serji, li hu jew hi jkun/tkun akkwista(t) dritt legali li j/toqgħod jew f’każ ta’ żbalji. Iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għandu jkollu aċċess għal rimedju ġudizzjarju effettiv biex jiżgura li d-dejta tiġi emendata.
6.Fejn, qabel ma jiskadi l-perjodu imsemmi fl-Artikolu 31, ċittadin ta’ pajjiż terz ikun akkwista ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jew ikun waqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(3), il-fajl individwali u r-rekords marbuta miegħu f’konformità mal-Artikoli 14 u 15 għandhom jitħassru mingħajr dewmien mill-EES kif ukoll, fejn applikabbli, mil-lista ta’ persuni identifikati imsemmija fl-Artikolu 11:
(a) mill-Istat Membru li tiegħu huwa jew hija j/tkun akkwista(t) in-nazzjonalità, jew
(b) mill-Istat Membru li jkun ħareġ il-karta jew il-permess ta’ residenza.
Fejn ċittadin ta’ pajjiż terz ikun akkwista ċ-ċittadinanza ta’ Andorra, ta’ Monaco jew ta’ San Marino hu jew hi għandu(ha) jinforma/tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jidħol/tidħol wara dan b’dan it-tibdil. Dak l-Istat Membru għandu jħassar id-dejta tagħhom mingħajr dewmien mill-EES. L-individwu għandu jkollu aċċess għal rimedju ġudizzjarju effettiv biex jiżgura li d-dejta titħassar.
7.Is-Sistema Ċentrali għandha tinforma minnufih lill-Istati Membri kollha bit-tħassir tad-dejta mill-EES u fejn applikabbli mil-lista ta’ persuni identifikati imsemmija fl-Artikolu 11.
Artikolu 33
L-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni qabel l-iżvilupp
Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri li ġejjin meħtieġa għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni teknika tas-Sistema Ċentrali, tal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi, u tal-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni b’mod partikulari miżuri għal:
(a) l-ispeċifikazzjonijiet għar-reżoluzzjoni u l-użu tal-marki tas-swaba’ għal verifika bijometrika u identifikazzjoni fl-EES;
(b) ir-reġistrazzjoni tad-dejta f’konformità mal-Artikolu 14, 15, 16, 17 u 18;
(c) l-aċċess tad-dejta f’konformità mal-Artikoli 21 sa 30;
(d) l-emendar, it-tħassir u t-tħassir bil-quddiem ta’ dejta f’konformità mal-Artikolu 32;
(e) iż-żamma u l-aċċess għar-rekords f’konformità mal-Artikolu 41;
(f) ir-rekwiżiti ta’ prestazzjoni;
(g) l-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għas-servizz tal-internet imsemmi fl-Artikolu 12;
(h) il-fuljett komuni imsemmi fl-Artikolu 44(3);
(i) l-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għas-sit web imsemmi fl-Artikolu 44(3);
(j) it-twaqqif u d-disinn ta’ livell għoli tal-interoperabilità imsemmija fl-Artikolu 7;
(k)għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għar-repożitorju ċentrali imsemmi fl-Artikolu 57 (2);
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami imsemmija fl-Artikolu 61(2).
Għall-adozzjoni tal-miżuri stabbiliti għat-twaqqif u għad-disinn ta’ livell għoli tal-interoperabbiltà speċifikata fil-punt (j), il-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 61 ta’ dan ir-Regolament għandu jikkonsulta l-Kumitat tal-VIS imwaqqaf bl-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) 767/2008.
Artikolu 34
Żvilupp u mmaniġġjar operazzjonali
1.L-eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp tas-Sistema Ċentrali, tal-Interfaċċi Nazzjonali Uniformi, tal-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni u tal-Mezz Sigur ta’ Komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-EES u s-Sistema Ċentrali tal-VIS; Għandha tkun responsabbli wkoll għall-iżvilupp tas-servizz tal-internet imsemmi fl-Artikolu 12 skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet adottati skont il-proċedura ta’ eżami imsemmija fl-Artikolu 61(2).
L-eu-LISA għandha tiddefinixxi d-disinn tal-arkitettura fiżika tas-sistema inkluż l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni tagħha kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-evoluzzjoni tagħhom fir-rigward tas-Sistema Ċentrali, l-Interfaċċi Uniformi, il-Mezz Sigur ta’ Komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-EES u s-Sistema Ċentrali tal-VIS u l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni, li għandu jiġi adottat mill-Bord tat-Tmexxija, soġġett għal opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni. L-eu-LISA għandha timplimenta wkoll kwalunkwe adattament meħtieġ lill-VIS bħala riżultat tat-twaqqif ta’ interoperabbiltà mal-EES kif ukoll mill-implimentazzjoni tal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 767/2008 imsemmija fl-Artikolu 55.
L-eu-LISA għandha tiżviluppa u timplimenta s-Sistema Ċentrali, l-Interfaċċi Nazzjonali Uniformi, il-Mezz Sigur ta’ Komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-EES u s-Sistema Ċentrali tal-VIS, u l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 33.
L-iżvilupp għandu jikkonsisti fl-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, ittestjar u koordinazzjoni ġenerali tal-proġett.
2.
Matul il-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp, għandu jitwaqqaf Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm li jkun magħmul minn massimu ta’ 10 membri. Għandu jkun magħmul minn tmien membri maħtura mill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA minn fost il-membri tagħha, il-President tal-Grupp Konsultattiv tal-EES imsemmi fl-Artikolu 62 u membru wieħed maħtur mill-Kummissjoni. Il-membri maħtura mill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA għandhom jiġu eletti biss minn dawk l-Istati Membri li huma marbuta b’mod sħiħ taħt id-dritt tal-Unjoni bl-istrumenti leġislattivi li jirregolaw l-iżvilupp, it-twaqqif, it-tħaddim u l-użu tas-sistemi kollha tal-IT fuq skala kbira ġestiti mill-eu-LISA u li se jipparteċipaw fl-EES. Il-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm għandu jiltaqa’ darba fix-xahar. Għandu jiżgura l-ġestjoni adegwata tal-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp tal-EES u jiżgura konsistenza bejn il-proġetti ċentrali u nazzjonali tal-EES. Kull xahar il-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm għandu jippreżenta rapporti bil-miktub lill-Bord tat-Tmexxija dwar il-progress tal-proġett. Ma għandu jkollu l-ebda setgħa li jieħu deċiżjonijiet u lanqas mandat biex jirrappreżenta l-membri tal-Bord tat-Tmexxija.
Il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm li b’mod partikulari għandhom jinkludu regoli dwar:
(a) il-presidenza;
(b) il-postijiet tal-laqgħat;
(c) it-tħejjija tal-laqgħat;
(d) l-ammissjoni ta’ esperti għal-laqgħat;
(e) pjanijiet ta’ komunikazzjoni sabiex tiġi żgurata informazzjoni kompluta lill-Membri mhux parteċipanti tal-Bord tat-Tmexxija.
Il-Presidenza għandha tinżamm mill-Istat Membru li jkun qed iżomm il-Presidenza sakemm ikun marbut b’mod sħiħ taħt id-dritt tal-Unjoni bl-istrumenti leġislattivi li jirregolaw l-iżvilupp, it-twaqqif, it-tħaddim u l-użu tas-sistemi kollha tal-IT fuq skala kbira mmexxija mill-eu-LISA jew, jekk din il-ħtieġa ma tiġix sodisfatta, mill-Istat Membru li se jżomm il-Presidenza li jmiss u li jissodisfa dik il-ħtieġa.
L-ispejjeż kollha tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza inkorsi mill-membri tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm għandhom jitħallsu mill-Aġenzija u l-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-eu-LISA għandu japplika mutatis mutandis. L-eu-LISA għandha tiżgura s-segretarjat tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm.
Matul il-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp, il-Grupp Konsultattiv tal-EES imsemmi fl-Artikolu 62 għandu jkun magħmul minn maniġers tal-proġett nazzjonali tal-EES. Għandu jiltaqa’ talanqas darba fix-xahar sakemm tibda topera l-EES. Wara kull laqgħa għandu jirrapporta lill-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm. Għandu jipprovdi l-għarfien espert tekniku insostenn tal-kompiti tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Programm u għandu jsegwi l-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri.
3.L-eu-LISA għandha tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-Sistema Ċentrali, tal-Mezz Sigur ta’ Komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-EES u s-Sistema Ċentrali tal-VIS u l-Interfaċċi Nazzjonali Uniformi. Hija tiżgura, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-aħjar teknoloġija disponibbli f'kull ħin, soġġetta għal analiżi tal-kostijiet-benefiċċji. eu-LISA tkun responsabbli wkoll għall-immaniġġar operazzjonali tal-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni bejn is-Sistema ċentrali u l-Interfaċċi Uniformi Nazzjonali u għas-servizz web imsemmi fl-Artikolu 12.
It-tmexxija operattiva tal-EES għandha tikkonsisti fil-kompiti kollha meħtieġa biex l-EES tiffunzjona 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa skont dan ir-Regolament, b’mod partikulari x-xogħol ta’ manutenzjoni u l-iżviluppi tekniċi meħtieġa biex jiġi żgurat li s-sistema tiffunzjona f’livell sodisfaċenti ta’ kwalità operattiva, b’mod partikulari fir-rigward tal-ħin tar-rispons għall-interrogazzjoni tal-bażi tad-dejta ċentrali mill-punti tal-qsim tal-fruntiera, skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.
4.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, l-eu-LISA għandha tapplika regoli adatti ta’ segretezza professjonali jew dmirijiet oħra ekwivalenti ta’ kunfidenzjalità għall-persunal tagħha kollu li huwa meħtieġ jaħdem bid-dejta tal-EES. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll wara li dan il-persunal ikun ħalla l-uffiċċju jew l-impjieg jew wara t-tmiem tal-attivitajiet tagħhom.
Artikolu 35
Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri
1.Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għal:
(a)l-integrazzjoni tal-infrastruttura eżistenti tal-fruntiera nazzjonali u l-konnessjoni mal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi;
(b)l-organizzazzjoni, il-ġestjoni, l-operat u l-manutenzjoni tal-infrastruttura eżistenti tal-fruntiera nazzjonali u tal-konnessjoni tagħha mal-EES għall-fini tal-Artikolu 5 ħlief il-punti (j), (k) u (l);
(c) l-organizzazzjoni tal-punti ta’ aċċess ċentrali u l-konnessjoni tagħhom mal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi għall-fini tal-infurzar tal-liġi;
(d)il-ġestjoni u l-arranġamenti għall-aċċess tal-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-EES skont dan ir-Regolament u t-twaqqif u l-aġġornament regolari ta’ lista ta’ dawn il-membri tal-persunal u l-profili tagħhom.
2.Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità nazzjonali, li għandha tipprovdi l-aċċess lill-awtoritajiet kompetenti imsemmija fl-Artikolu 8 għall-EES. Kull Stat Membru għandu jikkonnettja dik l-awtorità nazzjonali mal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi. Kull Stat Membru u l-Europol għadhom iqabbdu l-punti ta’ aċċess ċentrali rispettivi tagħhom imsemmija fl-Artikolu 26 u 27 mal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi.
3.Kull Stat Membru għandu juża proċeduri awtomatizzati għall-ipproċessar tad-dejta.
4.Qabel ma jiġi awtorizzat biex jipproċessa d-dejta maħżuna fl-EES, il-persunal tal-awtoritajiet li jkollu d-dritt li jaċċessa l-EES għandu jingħata taħriġ xieraq dwar is-sigurtà tad-dejta u b’mod partikulari r-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta u dwar id-drittijiet fundamentali rilevanti.
Artikolu 36
Responsabiltà għall-użu tad-dejta
1.Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali fl-EES, kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità li għandha titqies bħala kontrollur skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE u li għandu jkollha r-responsabbiltà ċentrali għall-ipproċessar tad-dejta minn dan l-Istat Membru. Kull Stat Membru għandu jikkomunika d-dettalji ta’ din l-awtorità lill-Kummissjoni.
Kull Stat Membru għandu jiżgura li d-dejta rreġistrata fl-EES tiġi pproċessata b’mod legali, u b’mod partikulari jiżgura li l-persunal debitament awtorizzat biss ikollu aċċess għad-dejta għat-twettiq tal-kompiti tiegħu. L-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura b’mod partikulari li:
(a)id-dejta tinġabar b’mod legali u b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-bniedem taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;
(b)id-dejta tiġi rreġistrata b’mod legali fl-EES;
(c)id-dejta tkun preċiża u aġġornata meta tiġi trażmessa lill-EES.
2.L-eu-LISA għandha tiżgura li l-EES tiġi operata skont dan ir-Regolament u l-atti ta’ implimentazzjoni imsemmija fl-Artikolu 33. B’mod partikulari, l-eu-LISA għandha:
(a)tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tas-Sistema Ċentrali u tal-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali u l-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi, mingħajr preġudizzju għar-responsabiltajiet ta’ kull Stat Membru;
(b)tiżgura li l-persunal debitament awtorizzat biss ikollu aċċess għad-dejta pproċessata fl-EES.
3.L-eu-LISA għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta dwar il-miżuri li tieħu skont il-paragrafu 2 biex l-EES tibda topera.
Artikolu 37
Iż-żamma tad-dejta fil-fajls nazzjonali u fis-sistemi Nazzjonali tad-Dħul u l-Ħruġ
1.Stat Membru jista’ jżomm fil-fajls nazzjonali tiegħu u fis-sistema nazzjonali tad-dħul u tal-ħruġ id-dejta alfanumerika li dak l-Istat Membru jkun daħħal fl-EES, b’rispett sħiħ għad-dritt tal-Unjoni.
2.Id-dejta ma għandhiex tinżamm fil-fajls nazzjonali jew fis-sistemi nazzjonali ta’ dħul/ħruġ għal perjodu itwal milli tinżamm fl-EES.
3.Kwalunkwe użu ta’ dejta li ma jkunx konformi mal-paragrafu 1 għandu jiġi kkunsidrat bħala użu ħażin skont il-liġi nazzjonali ta’ kull Stat Membru kif ukoll id-dritt tal-Unjoni.
4.Dan l-Artikolu ma għandux jiġi interpretat bħala li jeħtieġ xi adattament tekniku tal-EES. L-Istati Membri jistgħu jżommu d-dejta skont dan l-Artikolu għas-spejjeż u r-riskju tagħhom, u bil-mezzi tekniċi propji.
Artikolu 38
Komunikazzjoni tad-dejta lil pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet privati
1.Id-dejta maħżuna fl-EES ma għandhiex tiġi trasferita jew titpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ pajjiż terz, organizzazzjoni internazzjonali jew ta’ xi parti privata.
2.B’deroga mill-paragrafu 1, id-dejta imsemmija fl-Artikolu 14(1)(a), (b) u (c) u fl-Artikolu 15(1) tista’ tiġi trasferita jew tista’ titpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali elenkata fl-Anness jekk dan ikun neċessarju f’każijiet individwali, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi ppruvata l-identità ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ ritorn, biss meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni dwar il-protezzjoni xierqa tad-dejta personali f’dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE, jew ikun hemm ftehim ta’ riammissjoni fis-seħħ bejn il-Komunità u dak il-pajjiż terz, jew ikun japplika l-Artikolu 26(1)(d) tad-Direttiva 95/46/KE;
(b)il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali taqbel li tuża d-dejta biss għall-għan li għaliha tkun ingħatat;
(c)id-dejta tiġi trasferita jew issir disponibbli skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, partikularment fi ftehimiet ta’ riammissjoni, u l-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ittrasferixxa jew ikun għamel id-dejta disponibbli, inklużi d-dispożizzjonijiet legali rilevanti għas-sigurtà tad-dejta u l-protezzjoni tad-dejta;
(d)l-Istat Membru li jkun daħħal id-dejta fl-EES ikun ta l-kunsens tiegħu.
3.It-trasferimenti ta’ dejta personali lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali skont il-paragrafu 2 ma għandhomx jippreġudikaw id-drittijiet tal-applikanti għal u tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, partikularment fir-rigward ta’ non-refoulement.
4.
Id-dejta personali miksuba mis-Sistema Ċentrali minn Stat Membru jew mill-Europol għall-fini tal-infurzar tal-liġi ma għandhiex tiġi trasferita jew titpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ xi pajjiż terz, organizzazzjoni internazzjonali jew entità privata stabbilita fl-Unjoni jew barra minnha. Il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll jekk dik id-dejta tkompli tiġi pproċessata fil-livell nazzjonali jew bejn Stati Membri fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.
Artikolu 39
Sigurtà tad-dejta
1.L-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura s-sigurtà tad-dejta qabel u waqt it-trażmissjoni lill-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi. Kull Stat Membru għandu jiżgura s-sigurtà tad-dejta li jirċievi mill-EES.
2.Kull Stat Membru, fir-rigward tal-infrastruttura tal-fruntiera nazzjonali tiegħu, jadotta l-miżuri neċessarji, inkluż pjan ta' sigurtà u kontinwità tal-operat u pjan ta' rkupru minn diżastru, sabiex:
(a)fiżikament jipproteġi d-dejta, inkluż billi jagħmel pjanijiet ta’ kontinġenza għall-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika;
(b)iwaqqaf persuni mhux awtorizzati milli jkollhom aċċess għal installazzjonijiet nazzjonali li fihom l-Istat Membru jwettaq operazzjonijiet skont l-għanijiet tal-EES;
(c)jimpedixxi l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzata tal-mezzi tad-dejta;
(d)jimpedixxi d-dħul mhux awtorizzat ta’ dejta u l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta’ dejta personali maħżuna;
(e)jimpedixxi l-ipproċessar mhux awtorizzat ta’ dejta fl-EES u kwalunkwe modifika jew tħassir mhux awtorizzat ta’ dejta pproċessata fl-EES;
(f)jiżgura li persuni awtorizzati jaċċessaw l-EES ikollhom aċċess biss għad-dejta koperta mill-awtorizzazzjoni tal-aċċess tagħhom, permezz ta’ identitajiet tal-utenti individwali u permezz ta’ modi għal aċċess kunfidenzjali biss;
(g)jiżgura li l-awtoritajiet kollha li għandhom dritt li jaċċessaw l-EES joħolqu profili li jiddeskrivu l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-persuni li huma awtorizzati li jdaħħlu, jemendaw, iħassru u jfittxu fid-dejta u jpoġġi l-profili tagħhom għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali imsemmija fl-Artikolu 49 u tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali imsemmija fl-Artikolu 52(2) mingħajr dewmien fuq talba tagħhom;
(h)jiżgura li jkun possibbli li jiġi verifikat u stabbilit lil liema entitajiet tista’ tiġi trażmessa dejta personali bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-dejta;
(i)jiżgura li huwa possibbli li jiġi verifikat u stabbilit liema dejta tkun ġiet ipproċessata fl-EES, meta, minn min u għal liema skop;
(j)jimpedixxi l-qari, l-ikkuppjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta’ dejta personali matul it-trasmissjoni ta’ dejta personali lejn jew mill-EES jew matul it-trasport ta’ mezzi tad-dejta, b’mod partikulari permezz ta’ tekniki xierqa ta’ kriptaġġ;
(k)jimmonitorja l-effikaċja tal-miżuri tas-sigurtà imsemmija f’dan il-paragrafu u jieħu l-miżuri organizzazzjonali meħtieġa marbuta mal-monitoraġġ intern biex tiġi żgurata konformità ma’ dan ir-Regolament.
3.Fir-rigward l-operat tal-EES, l-eu-LISA għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tilħaq l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 2 inkluż l-adozzjoni ta’ pjan ta’ sigurtà u ta’ pjan ta’ kontinwità tan-negozju u ta’ rkupru minn diżastru.
Artikolu 40
Responsabbiltà
1.Kull persuna jew Stat Membru li jkun sofra danni kkawżati minn operazzjoni ta’ pproċessar illegali jew minn xi att li mhux kompatibbli ma’ dan ir-Regolament għandu jkun intitolat jirċievi kumpens mill-Istat Membru li huwa responsabbli għad-danni sofferti. Dak l-Istat Membru għandu jkun eżentat mir-responsabbiltà tiegħu, kollha kemm hi jew parti minnha, jekk jagħti prova li ma jkunx responsabbli għall-avveniment li jkun wassal għall-ħsara.
2.Jekk xi nuqqas min-naħa ta’ Stat Membru li jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt dan ir-Regolament jikkawża ħsara lill-EES, dak l-Istat Membru għandu jinżamm responsabbli għal din il-ħsara, sakemm u safejn l-eu-LISA jew Stat Membru ieħor parteċipanti fl-EES ikun naqas milli jieħu miżuri raġonevoli sabiex jipprevjeni li sseħħ ħsara jew biex jitnaqqas l-impatt tagħha.
3.Talbiet għal kumpens kontra Stat Membru għall-ħsara imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru konvenut.
Artikolu 41
Żamma ta’ rekords
1.L-eu-LISA għandha żżomm rekords ta’ kull operazzjoni ta’ pproċessar ta’ dejta fl-EES. Dawk ir-rekords għandhom juru l-iskop tal-aċċess imsemmi fl-Artikolu 8, id-data u l-ħin, it-tip ta’ dejta trażmessa kif imsemmi fl-Artikolu 14 sa 17, it-tip ta’ dejta użata għall-interrogazzjoni kif imsemmi fl-Artikoli 21 sa 25 u l-isem tal-awtorità li tkun daħħlet jew li tkun aċċessat id-dejta. Minbarra dan, kull Stat Membru għandu jżomm rekords tal-persunal debitament awtorizzat li jdaħħal u jaċċessa d-dejta.
2.Għall-konsultazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 7, għandu jinżamm rekord ta’ kull operazzjoni ta’ pproċessar tad-dejta li jsir fl-EES u fil-VIS skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) 767/2008. B’mod partikulari, meta l-awtoritajiet kompetenti jniedu operazzjoni ta’ pproċessar tad-dejta direttament minn sistema waħda lejn l-oħra, l-eu-LISA għandha tiżgura li jinżammu r-rekords rilevanti.
3.Dawn ir-rekords jistgħu jintużaw biss għall-monitoraġġ tal-protezzjoni tad-dejta tal-ammissibbiltà tal-ipproċessar tad-dejta kif ukoll biex tiġi żgurata s-sigurtà tad-dejta. Dawk ir-rekords għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri xierqa kontra aċċess mhux awtorizzat u għandhom jitħassru sena wara li jkun skada l-perjodu ta’ żamma imsemmi fl-Artikolu 31, jekk ma jkunux meħtieġa għal proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu diġà bdew.
Artikolu 42
Awto-monitoraġġ
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull awtorità intitolata għall-aċċess tad-dejta tal-EES għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u għandha tikkoopera, fejn meħtieġ, mal-awtorità superviżorja.
Artikolu 43
Penali
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe użu tad-dejta mdaħħla fl-EES bi ksur ta’ dan ir-Regolament jiġi punit permezz ta’ penali, inklużi penali amministrattivi u kriminali skont il-liġi nazzjonali, li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Artikolu 44
Dritt ta’ informazzjoni
1.Mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-informazzjoni fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dejta tagħhom hija rreġistrata fl-EES għandhom jiġu informati mill-Istat Membru responsabbli dwar dan li ġej:
(a)spjegazzjoni bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, tal-fatt li l-EES tista’ tiġi aċċessata mill-Istati Membri u mill-Europol għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi;
(b)l-obbligu fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu ta’ viża, li jittieħdulhom il-marki tas-swaba’;
(c)l-obbligu fuq iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal reġistrazzjoni fl-EES li tiġi reġistrata l-immaġni ta’ wiċċhom;
(d)li l-ġbir tad-dejta huwa obbligatorju għall-eżami tal-kundizzjonijiet tad-dħul;
(e)id-dritt ta’ aċċess għal dejta relatata magħhom, id-dritt li jitolbu l-korrezzjoni ta’ dejta mhux eżatta relatata magħhom jew it-tħassir ta’ dejta marbuta magħhom li tkun ġiet ipproċessata illegalment, inkluż id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar il-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali, jew tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta jekk applikabbli, li għandu jisma dikjarazzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali.
2
L-informazzjoni pprovduta fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tingħata meta jkun qed jinħoloq il-fajl individwali tal-persuna kkonċernata skont l-Artikoli 14, 15 jew 16.
3.
Il-Kummissjoni għandha tfassal fuljett komuni u twaqqaf sit web li talanqas ikun fihom l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura ta’ eżami imsemmija fl-Artikolu 61(2). Il-fuljett u l-kontenut tas-sit web għandhom ikunu ċari u sempliċi u disponibbli f’verżjoni lingwistika li l-persuna kkonċernata tifhem jew li hija raġonevolment preżunta li tifhem.
Il-fuljett u s-sit web għandhom jiġu mwaqqfa b’tali mod li jippermetti li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimlewh b’informazzjoni addizzjonali speċifika għall-Istat Membru. Dik l-informazzjoni speċifika għall-Istat Membru għandha talanqas tinkludi d-drittijiet tas-suġġett tad-dejta, il-possibbiltà ta’ assistenza mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali, kif ukoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċċju tal-kontrollur u tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali.
Artikolu 45
Kampanja ta’ Informazzjoni
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta, għandha takkumpanja l-bidu tal-operat tal-EES b’kampanja ta’ informazzjoni li tgħarraf lill-pubbliku dwar l-objettivi, id-dejta maħżuna, l-awtoritajiet li għandhom aċċess u d-drittijiet tal-persuni.
Artikolu 46
Dritt ta’ aċċess, korrezzjoni u tħassir
1.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46/KE kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkollu d-dritt li jikseb id-dejta relatata miegħu reġistrata fl-EES u tal-Istat Membru li jkun ittrażmettiha lill-EES.
2.Jekk talba għal korrezzjoni jew tħassir issir lil Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru responsabbli, l-awtoritajiet tal-Istat Membru li lilu tkun saret it-talba għandhom jivverifikaw il-korrettezza tad-dejta u l-legalità tal-ipproċessar tad-dejta fl-EES fi żmien limitu ta’ xahar jekk dik il-verifika tkun tista’ ssir mingħajr ma jiġi kkonsultat l-Istat Membru responsabbli. Inkella l-Istat Membru li ma jkunx l-Istat Membru responsabbli għandu jikkuntattja lill-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli f’limitu ta’ żmien ta’ 14-il jum u l-Istat Membru responsabbli għandu jivverifika l-korrettezza tad-dejta u l-legalità tal-ipproċessar tad-dejta f’limitu ta’ żmien ta’ xahar.
3.Fil-każ li d-dejta rreġistrata fl-EES ma tkunx fattwalment korretta jew tkun ġiet reġistrata b’mod illegali, l-Istat Membru responsabbli jew, fejn applikabbli, l-Istat Membru li lilu tkun saret it-talba għandu jikkoreġi jew iħassar id-dejta skont l-Artikolu 32. L-Istat Membru responsabbli jew, fejn applikabbli, l-Istat Membru li lilu tkun saret it-talba għandu mingħajr dewmien jikkonferma bil-miktub lill-persuna kkonċernata li jkun ħa azzjoni biex jikkoreġi jew iħassar id-dejta relatata magħha.
Fil-każ li d-dejta relatata mal-viża reġistrata fl-EES ma tkunx fattwalment korretta jew li tkun ġiet reġistrata b’mod illegali, l-Istat Membru responsabbli jew, fejn applikabbli, l-Istat Membru li lilu tkun saret it-talba għandu l-ewwel jivverifika l-korrettezza ta’ din id-dejta mal-VIS u jekk ikun hemm bżonn jemendaha fl-EES. Jekk id-dejta reġistrata fil-VIS tkun l-istess bħal dik fl-EES, l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li lilu tkun saret it-talba, għandu jikkuntattja lill-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli li daħħal din id-dejta fil-VIS f’limitu ta’ żmien ta’ 14-il jum. L-Istat Membru responsabbli li daħħal id-dejta fil-VIS għandu jiċċekkja l-korrettezza tad-dejta relatata mal-viża u l-legalità tal-ipproċessar tagħha fl-EES f’limitu ta’ żmien ta’ xahar u jgħarraf lill-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li lilu tkun saret it-talba li għandu, jekk ikun hemm bżonn, jemendaha jew iħassarha mingħajr dewmien mill-EES u, fejn applikabbli, mil-lista ta’ persuni imsemmija fl-Artikolu 11(2).
4.Jekk l-Istat Membru responsabbli jew, fejn applikabbli, l-Istat Membru li lilu tkun saret it-talba ma jaqbilx li d-dejta rreġistrata fl-EES mhijiex fattwalment inkorretta jew tkun ġiet reġistrata b’mod illegali, dak l-Istat Membru għandu jadotta deċiżjoni amministrattiva fejn mingħajr dewmien jispjega bil-miktub lill-persuna kkonċernata r-raġuni għaliex mhux lest li jikkoreġi jew iħassar id-dejta relatata magħha.
5.L-Istat Membru responsabbli jew, fejn applikabbli, l-Istat Membru li lilu tkun saret it-talba għandu jagħti wkoll lill-persuna kkonċernata informazzjoni bi spjegazzjoni tal-passi li tista’ tieħu jekk ma taċċettax l-ispjegazzjoni għad-deċiżjoni skont il-paragrafu 5. Din għandha tinkludi informazzjoni dwar kif tinġieb azzjoni jew, ilment quddiem l-awtoritajiet kompetenti jew qrati ta’ dak l-Istat Membru u kull għajnuna, inkluż mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza, li hija disponibbli skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri ta’ dak l-Istat Membru.
6.
Kwalunkwe talba li ssir skont il-paragrafi 1 u 2 għandu jkun fiha l-informazzjoni neċessarja sabiex tiġi identifikata l-persuna kkonċernata, inklużi l-marki tas-swaba’. Dik l-informazzjoni għandha tintuża esklużivament sabiex tippermetti l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 u għandha tiġi mħassra immedjatament wara.
7.
Kull meta persuna titlob dejta relatata magħha skont il-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti għandha żżomm reġistru fil-forma ta’ dokument bil-miktub li tkun saret din it-talba u kif din tkun ġiet indirizzata, u mil-liema awtorità u għandha tagħmel dak id-dokument disponibbli lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali mingħajr dewmien.
Artikolu 47
Kooperazzjoni biex jiġu żgurati d-drittijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta
1.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw b’mod attiv sabiex jinforzaw id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 46(3), (4) u (5).
2.F’kull Stat Membru, l-awtorità ta’ sorveljanza għandha, fuq talba, tassisti, u tagħti parir lill-persuna kkonċernata fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha sabiex tiġi kkoreġuta jew titħassar dejta relatata magħha skont l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva 95/46/KE.
Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, l-awtorità ta’ sorveljanza tal-Istat Membru responsabbli għat-trażmissjoni tad-dejta u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-Istati Membri li lilhom tkun saret it-talba għandhom jikkooperaw ma’ xulxin.
Artikolu 48
Rimedji
1.F’kull Stat Membru kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tressaq azzjoni jew ilment quddiem l-awtoritajiet kompetenti jew quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru li jkun irrifjuta d-dritt ta’ aċċess għal jew id-dritt ta’ korrezzjoni jew it-tħassir ta’ dejta relatata magħha, previst fl-Artikolu 46.
2.L-assistenza tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza għandha tibqa’ disponibbli matul il-proċedimenti.
Artikolu 49
Superviżjoni mill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali
1.Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtorità jew l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali maħtura skont l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46/KE jimmonitorjaw il-legalità tal-ipproċessar ta’ dejta personali, imsemmija fl-Artikoli 13 sa 19 mill-Istat Membru kkonċernat, inkluża t-trażmissjoni tagħha lejn u mill-EES.
2.L-awtorità ta’ sorveljanza għandha tiżgura li jsir awditjar tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta fis-Sistema Nazzjonali skont l-istandards internazzjonali tal-awditjar rilevanti talanqas kull erba’ snin.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità ta’ sorveljanza tagħhom jkollha biżżejjed riżorsi biex twettaq il-kompiti mogħtija lilha skont dan ir-Regolament.
4.Fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali fl-EES, kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità li għandha titqies bħala kontrollur skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE u li għandu jkollha r-responsabbiltà ċentrali għall-ipproċessar tad-dejta minn dan l-Istat Membru. Kull Stat Membru għandu jikkomunika d-dettalji ta’ din l-awtorità lill-Kummissjoni.
5.Kull Stat Membru għandu jipprovdi kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza u għandu, b’mod partikolari jipprovdilhom informazzjoni dwar l-attivitajiet imwettqa skont l-Artikoli 35, 36(1) u 39. Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza aċċess għar-rekords tagħhom skont l-Artikolu 30 u jippermettilhom aċċess għall-bini kollu tagħhom relatat mal-EES f’kull ħin.
Artikolu 50
Sorveljanza mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta
1.Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta għandu jiżgura li l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ dejta personali tal-eu-LISA fir-rigward tal-EES jsiru skont dan ir-Regolament.
2.Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta għandu jiżgura li jsir awditjar tal-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ dejta personali tal-Aġenzija skont l-istandards internazzjonali tal-awditjar relevanti mill-inqas kull erba’ snin. Rapport ta’ dak l-awditjar għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-eu-LISA, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali. L-eu-LISA għandha tingħata opportunità li tikkummenta qabel jiġi adottat ir-rapport.
3.L-eu-LISA għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta, tagħtih aċċess għad-dokumenti u għar-rekords kollha tagħha imsemmija fl-Artikolu 41 u tippermettilu aċċess għall-bini kollu tagħha f’kull ħin.
Artikolu 51
Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali
u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta
1.L-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta għandhom jikkooperaw b’mod attiv fi ħdan il-qafas tar-responsabbiltajiet tagħhom u għandhom jiżguraw superviżjoni koordinata tal-EES u tas-Sistemi Nazzjonali.
2.Għandhom jiskambjaw informazzjoni relevanti, jgħinu lil xulxin fit-twettiq ta’ awditjar u spezzjonijiet, jeżaminaw diffikultajiet rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jivvalutaw problemi fl-eżerċizzju ta’ superviżjoni indipendenti jew fl-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-dejta, ifasslu proposti armonizzati għal soluzzjonijiet konġunti għal kwalunkwe problema u jippromwovu sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta, kif meħtieġ.
3.L-awtoritajiet ta’ sorveljanza u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta għandhom jiltaqgħu għal dak il-għan talanqas darbtejn fis-sena. L-ispejjeż ta’ dawn il-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta. Għandhom jiġu adottati r-regoli ta’ proċedura fl-ewwel laqgħa. Metodi ta’ ħidma ulterjuri għandhom jiġu żviluppati b’mod konġunt skont il-bżonn.
4.Kull sentejn għandu jintbagħat rapport konġunt ta’ attivitajiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA. Dak ir-rapport għandu jinkludi kapitolu ta’ kull Stat Membru mħejji mill-awtorità superviżorja ta’ dak l-Istat Membru.
Artikolu 52
Il-protezzjoni ta’ dejta personali għall-aċċess għall-infurzar tal-liġi
1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li d-dispożizzjonijiet adottati taħt il-liġi nazzjonali li jimplimentaw id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI jkunu applikabbli wkoll għall-aċċess għall-EES mill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu f’konformità mal-Artikolu 1(2).
2. Il-monitoraġġ tal-legalità tal-aċċess għad-dejta personali taħt dan ir-Regolament mill-Istati Membri għall-finijiet elenkati fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, inkluża t-trażmissjoni tagħhom lejn u mill-EES, għandu jsir mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali maħtura skont id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.
3. L-ipproċessar ta’ dejta personali mill-Europol għandu jsir f’konformità mad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI u għandu jiġi sorveljat minn superviżur estern indipendenti tal-protezzjoni tad-dejta. L-Artikoli 30, 31 u 32 ta’ dik id-Deċiżjoni għandhom ikunu applikabbli għall-ipproċessar ta’ dejta personali mill-Europol konformement ma’ dan ir-Regolament. Is-superviżur estern indipendenti tal-protezzjoni tad-dejta għandu jiżgura li ma jinkisrux id-drittijiet taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.
4. Id-dejta personali aċċessata fl-EES għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, ir-rintraċċar jew l-investigazzjoni tal-każ speċifiku li għalih id-dejta tkun intalbet minn Stat Membru jew mill-Europol.
5. Is-Sistema Ċentrali, l-awtoritajiet maħtura, il-punti ta’ aċċess ċentrali u l-Europol għandhom iżommu rekords tat-tfittxijiet sabiex l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta jkunu jistgħu jimmonitorjaw il-konformità tal-ipproċessar tad-dejta mar-regoli tal-Unjoni dwar l-ipproċessar tad-dejta. Ħlief għal dawn ir-raġunijiet, id-dejta personali, kif ukoll ir-rekords tat-tfittxijiet, għandhom jitħassru mill-fajls kollha nazzjonali u tal-Europol wara perjodu ta’ xahar, ħlief jekk dik id-dejta u r-rekords ikunu meħtieġa għall-finijiet tal-investigazzjoni kriminali speċifika li tkun għaddejja li għaliha ikunu intalbu minn Stat Membru jew mill-Europol.
Artikolu 53
Reġistrazzjoni u dokumentazzjoni
1.Kull Stat Membru u l-Europol għandhom jiżguraw li l-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar tad-dejta li jirriżultaw minn talbiet għal aċċess għad-dejta tal-EES għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) jiġu reġistrati jew dokumentati għall-finijiet tal-verifika tal-ammissibbiltà tat-talba, il-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-dejta u l-integrità u s-sigurtà tad-dejta, u għall-awto-monitoraġġ.
2.Ir-reġistrazzjoni jew id-dokumentazzjoni għandha turi:
(a)l-iskop preċiż tat-talba għall-aċċess għad-dejta tal-EES, inkluża l-forma kkonċernata ta’ reat terroristiku jew ta’ reat kriminali serju ieħor konċernat u, għall-Europol, l-iskop preċiż tat-talba għall-aċċess;
(b)ir-raġunijiet raġonevoli mogħtija biex ma jsirx tqabbil ma’ Stati Membri oħra taħt id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, f’konformità mal-Artikolu 29(2)(b) ta’ dan ir-Regolament;
(c)ir-referenza tal-fajl nazzjonali;
(d)id-data u l-ħin preċiż tat-talba għall-aċċess mill-Punt ta’ Aċċess Nazzjonali lis-Sistema Ċentrali;
(f)fejn ikun applikabbli, l-użu tal-proċedura urġenti imsemmija fl-Artikolu 28(2) u d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tal-verifika ex post;
(g)id-dejta użata għat-tqabbil;
(h)f’konformità mar-regoli nazzjonali jew mad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI, il-marka li tidentifika lill-uffiċjal li jkun għamel it-tfittxija u tal-uffiċjal li jkun ordna t-tfittxija jew il-forniment tad-dejta.
3.Ir-reġistrazzjonijiet u d-dokumentazzjoni għandhom jintużaw biss għall-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-dejta u sabiex tiġi żgurata l-integrità u s-sigurtà tad-dejta. Għall-monitoraġġ u għal-valutazzjoni imsemmija fl-Artikolu 64 jistgħu jintużaw biss reġistrazzjonijiet li ma jkunx fihom dejta personali. L-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali kompetenti responsabbli għall-verifika tal-ammissibbiltà tat-talba u l-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-dejta u l-integrità u s-sigurtà tad-dejta għandu jkollhom aċċess għal dawk ir-reġistrazzjonijiet fuq talba tagħhom bl-iskop li jaqdu dmirijiethom.
KAPITOLU VIII
Emendi lil strumenti oħra tal-Unjoni
Artikolu 54
Emendi għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen
Fl-Artikolu 20, tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, il-paragrafu 2 ġie sostitwit b’dan li ġej:
‘2. Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa d-dritt ta’ kull Parti Kontraenti li testendi lil hinn mid-90 jum is-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tagħha f’ċirkostanzi eċċezzjonali’.
Artikolu 55
Emendi għar-Regolament (KE) 767/2008 dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża
Ir-Regolament (UE) Nru 767/2008 ġie emendat kif ġej:
(1) Fl-Artikolu 13 żdied il-paragrafu li ġej:
“3. Fejn tkun ittieħdet deċiżjoni li tiġi annullata jew revokata viża maħruġa, l-awtorità tal-viża li tkun ħadet id-deċiżjoni għandha tirkupra u tesporta immedjatament mill-VIS fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) id-dejta elenkata taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu 17 tar-[Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi reġistrata d-dejta tad-dħul u tal-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi] *.”
___________
* Regolament Nru XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi reġistrata d-dejta dwar id-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet tal-infurzar tal-liġi (ĠU …) [titolu sħiħ + referenza tal-ĠU]
___________
(2) Fl-Artikolu 14 żdied il-paragrafu li ġej:
“3. L-awtorità tal-viża li tkun ħadet deċiżjoni biex jiġi estiż il-perjodu tal-validità u/jew it-tul ta’ soġġorn ta’ viża maħruġa għandha taċċessa u tesporta immedjatament mill-VIS fl-EES id-dejta elenkata taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu 17 tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)]."
(3) L-Artikolu 15 ġie emendat kif ġej:
(a) il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 2 ġew sostitwiti b’dan li ġej:
"(b)il-kunjom (l-isem il-familja), l-ewwel isem(ijiet); id-data tat-twelid, in-nazzjonalità; sess;
(c) it-tip u n-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar; il-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż emittenti tad-dokument tal-ivvjaġġar, u d-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar;"
(b) żdiedu l-paragrafi li ġejjin:
“4. Għall-fini tat-twettiq tal-konsultazzjoni tal-EES għall-eżami u t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal viża skont l-Artikolu 22 tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)], l-awtorità kompetenti tal-viża għandha tingħata aċċess biex tfittex fl-EES direttament mill-VIS b’data waħda jew aktar imsemmija f’dak l-Artikolu.
5. F’ċirkostanzi fejn it-tfittxija bid-dejta imsemmija fil-paragrafu 2 tindika li d-dejta dwar iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mhijiex reġistrata fil-VIS jew fejn ikun hemm dubji dwar l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, l-awtorità kompetenti tal-viża għandu jkollha aċċess għad-dejta għal identifikazzjoni skont l-Artikolu 20."
(4) Fil-Kapitolu III żdied Artikolu 17a ġdid:
"Artikolu 17a
Interoperabbiltà mal-EES
1. Mill-bidu tal-operat tal-EES imsemmi fl-Artikolu 60(1) tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)], ġiet stabbilita interoperabbiltà bejn l-EES u l-VIS sabiex tiġi żgurata aktar effiċjenza u ħeffa tal-kontrolli fil-fruntieri. Għal dan l-għan l-Eu-LISA tistabbilixxi Mezz Sigur ta’ Komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali tal-EES u s-Sistema Ċentrali tal-VIS biex tippermetti l-interoperabbiltà bejn l-EES u l-VIS. Konsultazzjoni diretta bejn is-sistemi għandha tkun possibbli biss jekk dan ikun previst kemm b’dan ir-Regolament u bir-Regolament (KE) Nru 767/2008.
2. Ir-rekwiżit ta’ interoperabilità għandu jippermetti lill-awtoritajiet tal-viża li jkunu qed jużaw il-VIS biex jikkonsultaw l-EES mill-VIS sabiex:
(a)jikkonsultaw l-EES meta jkunu qed jeżaminaw u jiddeċiedu dwar applikazzjonijiet għal viżi kif imsemmi fl-Artikolu 22 tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)] u l-Artikolu 15(4) ta’ dan ir-Regolament;
(b)jaċċessaw u jesportaw id-dejta relatata mal-viża direttament mill-VIS fl-EES fil-każ li viża tiġi annullata, revokata jew estiża skont l-Artikolu 17 tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)] u l-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-Regolament;
3. Ir-rekwiżit ta’ interoperabilità għandu jippermetti lill-awtoritajiet tal-fruntieri li jkunu qed jużaw l-EES biex jikkonsultaw il-VIS mill-EES sabiex:
(a)jaċċessaw u jimportaw id-dejta relatata mal-viża direttament mill-VIS fl-EES sabiex jinħoloq jew jiġi aġġornat il-fajl individwali ta’ titular ta’ viża fl-EES skont l-Artikoli 13, 14 u 16 tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)] u l-Artikolu 18a ta’ dan ir-Regolament;
(b)jaċċessaw u jesportaw id-dejta relatata mal-viża direttament mill-VIS fil-każ li viża tiġi annullata, revokata jew estiża skont l-Artikolu 17 tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)] u l-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-Regolament;
(c)jivverifikaw fil-fruntieri esterni l-awtentiċità u l-validità tal-viża u/jew jekk ikunux sodisfatti l-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2016/399 kif imsemmi fl-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-Regolament;
(d)jiċċekkjaw fil-fruntieri esterni jekk ċittadini ta’ pajjiż terz eżentati mill-obbligu ta’ viża li ma jkollhomx fajl individwali reġistrat fl-EES kienux ġew reġistrati qabel fil-VIS skont l-Artikolu 21 tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)] u l-Artikolu 19a ta’ dan ir-Regolament;
(e)fejn l-identità ta’ titular ta’ viża ma tkunx tista’ tiġi verifikata mal-EES, jivverifikaw fil-fruntieri esterni l-identità ta’ titular ta’ viża permezz tal-marki tas-swaba’ fil-VIS skont l-Artikoli 21(2) u 21(4) tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)] u l-Artikolu 18(6) ta’ dan ir-Regolament.
4. Skont l-Artikolu 33 tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)] il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri neċessarji għat-twaqqif u għad-disinn ta’ livell għoli tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 34 tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)]. Sabiex tiġi stabbilita l-interoperabbiltà mal-EES, l-Awtorità tat-Tmexxija għandha tiżviluppa l-evoluzzjonijiet u/jew l-adattamenti meħtieġa tas-Sistema Ċentrali ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, tal-Interfaċċa Nazzjonali f’kull Stat Membru, u tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni bejn is-Sistema Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar il-Viża u l-Interfaċċi Nazzjonali. L-infrastrutturi nazzjonali għandhom jiġu adattati u/jew żviluppati mill-Istati Membri.
(5) L-Artikolu 18 ġie sostitwit b’dan li ġej:
"Artikolu 18 Aċċess għad-dejta għall-verifika fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni
1. Għall-iskop uniku li tiġi verifikata l-identità tat-titulari ta’ viża, l-awtentiċità, il-validità temporali u territorjali u l-istatus tal-viża u/jew jekk ikunux sodisfatti l-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/399, l-awtoritajiet kompetenti għat-twettiq ta’ verifiki fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni skont ir-Regolament (UE) 2016/399 għandu jkollhom aċċess għat-tfittix billi jużaw id-dejta li ġejja:
(a)il-kunjom (l-isem il-familja), l-ewwel isem(ijiet); id-data tat-twelid, in-nazzjonalità; sess; it-tip u n-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar; il-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż emittenti tad-dokument tal-ivvjaġġar, u d-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar;
(b)jew in-numru tat-tikketta tal-viża.
2. Unikament għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1, fejn titnieda tfittxija fl-EES skont l-Artikolu 21(2) jew l-Artikolu 21(4) tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)], l-awtorità kompetenti tal-fruntiera tista’ tniedi tfittxija fil-VIS direttament mill-EES billi tuża d-dejta imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.
3. Jekk it-tfittxija bid-dejta elenkata fil-paragrafu 1 tindika li fil-VIS hemm maħżuna dejta dwar viża waħda jew aktar maħruġa jew estiżi)), li jkunu għadhom fil-perjodu ta’ validità tagħhom u li jkunu territorjalment validi għall-qsim tal-fruntiera, l-awtorità kompetenti għall-kontroll fil-fruntieri għandha tingħata l-aċċess sabiex tikkonsulta d-dejta li ġejja tal-fajl kkonċernat ta’ applikazzjoni kif ukoll ta’ fajl(s) ta’ applikazzjoni relatati skont l-Artikolu 8(4), unikament għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1:
(a)l-informazzjoni dwar l-istatus u d-dejta meħuda mill-formola tal-applikazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 9(2) u (4);
(b)ritratti;
(c)id-dejta mdaħħla rigward il-viża(i) maħruġa, annullata(i), revokata(i) jew li l-validità tagħha/tagħhom tiġi estiża imsemmija fl-Artikoli 10, 13 u 14.
Barra minn hekk, fil-każ ta’ dawk it-titulari ta’ viża li għal raġunijiet legali ma jeħtieġux li tiġi pprovduta dejta partikulari jew li fattwalment ma tistax tiġi pprovduta, l-awtorità kompetenti tal-kontroll tal-fruntieri għandha tirċievi notifika relatata mal-ispazju(i) speċifiku(ċi) tad-dejta kkonċernat(i) li għandu(hom) jiġi/jiġu mmarkat/i bħala ‘mhux applikabbli’.
4. Jekk it-tfittxija bid-dejta elenkata fil-paragrafu 1 tindika li d-dejta dwar il-persuna tkun reġistrata fil-VIS iżda li viża(i) reġistrat(i) mhijiex/mhumiex valida(i), l-awtorità kompetenti tal-fruntiera għandha tingħata l-aċċess sabiex tikkonsulta d-dejta tal-fajl(s) ta’ applikazzjoni kif ukoll tal-fajl(s) ta’ applikazzjoni relatati skont l-Artikolu 8(4), unikament għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1:
(a)l-informazzjoni dwar l-istatus u d-dejta meħuda mill-formola tal-applikazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 9(2) u (4);
(b)ritratti;
(c)id-dejta imdaħħla rigward il-viża(i) maħruġa, annullata(i), revokata(i) jew li l-validità tagħha/tagħhom tiġi estiża imsemmija fl-Artikoli 10, 13 u 14.
5. Minbarra l-konsultazzjoni li ssir skont il-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tal-fruntiera għandha tivverifika l-identità tal-persuna mal-VIS jekk it-tfittxija bid-dejta elenkata fil-paragrafu 1 tindika li d-dejta dwar il-persuna tkun reġistrata fil-VIS u tkun sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)l-identità tal-persuna ma tkunx tista’ tiġi verifikata mal-EES skont l-Artikolu 21(2) u tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)], meta:
(i) it-titular ta’ viża ma jkunx għadu ġie rreġistrat fl-EES;
(ii) it-teknoloġija għall-użu tal-immaġni live tal-wiċċ ma tkunx disponibbli fil-punt tal-qsim tal-fruntiera u għalhekk l-identità tat-titular tal-viża ma tkunx tista’ tiġi verifikata mal-EES;
(iii) ikun hemm dubji dwar l-identità tat-titular tal-viża;
(iv) meta għal xi raġuni oħra, l-identità tat-titular tal-viża ma tkunx tista’ tiġi verifikata fl-EES;
(b)l-identità tal-persuna tkun tista’ tiġi verifikata fl-EES iżda, għall-ewwel darba wara l-ħolqien tal-fajl individwali, dik il-persuna tkun biħsiebha taqsam il-fruntieri esterni ta’ Stat Membru li għalih japplika dan ir-Regolament.
L-awtoritajiet tal-fruntiera jivverifikaw il-marki tas-swaba' tad-detentur tal-viża mal-marki tas-swaba' rreġistrati fil-VIS. Għal detenturi tal-viża li l-marki tas-swaba' tagħhom ma jistgħux jintużaw, it-tfittxija msemmija fil-paragrafu 1 titwettaq biss bid-dejta alfanumerika prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
6. Għall-għan tal-verifikar tal-marki tas-swaba' mal-VIS kif stipulat taħt il-paragrafu 5, l-awtorità kompetenti tista' tniedi tfittxija mill-EES għall-VIS.
7. F’ċirkostanzi fejn il-verifika tat-titular ta’ viża jew tal-viża tfalli jew fejn ikun hemm dubji dwar l-identità tat-titular tal-viża, l-awtentiċità tal-viża u/jew tad-dokument tal-ivvjaġġar, il-persunal debitament awtorizzat ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollu aċċess għad-dejta skont l-Artikolu 20(1) u (2)."
(6) Żdied dan l-Artikolu 18a li ġej:
"Artikolu 18a
L-irkupru ta’ dejta tal-VIS għall-ħolqien jew għall-aġġornament tal-fajl individwali ta’ titular ta’ viża fl-EES
1. Unikament għall-finijiet tal-ħolqien jew l-aġġornament tal-fajl individwali ta’ titular ta’ viża fl-EES skont l-Artikoli 13(2) u l-Artikoli 14 u 16 tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)], l-awtorità kompetenti tal-fruntieri għandha tingħata aċċess biex taċċessa mill-VIS u timporta fl-EES, id-dejta maħżuna fil-VIS u elenkata fl-Artikolu 14(1)(d), (e) u (g) tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)].
(7) Żdied dan l-Artikolu 19 a li ġej:
"Artikolu 19 a
L-użu tal-VIS qabel jinħolqu l-fajls individwali ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz eżentati mill-obbligu ta’ viża fl-EES kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)]
1. Għall-fini tal-verifika dwar jekk persuna tkunx ġiet irreġistrata qabel fil-VIS, l-awtoritajiet kompetenti għat-twettiq ta’ kontrolli fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni skont ir-Regolament (UE) 2016/399 għandhom jikkonsultaw lill-VIS:
(a)qabel ma joħolqu l-fajl individwali ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz eżentati mill-obbligu ta’ viża fl-EES kif stabbilit fl-Artikolu 15 tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)];
(b)għal ċittadini ta’ pajjiżi eżentati mill-obbligu ta’ viża li l-fajl individwali tagħhom ikun inħoloq fl-EES minn Stat Membru li fih ma japplikax dan ir-Regolament, meta, għall-ewwel darba wara l-ħolqien tal-fajl individwali, il-persuna tkun biħsiebha taqsam il-fruntieri esterni ta’ Stat Membru li fih japplika dan ir-Regolament.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, fejn japplika l-Artikolu 21(4) tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)] u t-tfittxija imsemmija fl-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament tindika li d-dejta dwar persuna ma tkunx reġistrata fl-EES jew fejn japplika l-Artikolu 21(5) tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)], l-awtorità kompetenti tal-fruntiera għandu jkollha aċċess biex tfittex billi tuża d-dejta li ġejja: il-kunjom (l-isem il-familja), l-ewwel isem(ijiet); id-data tat-twelid, in-nazzjonalità; sess; it-tip u n-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar; il-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż emittenti tad-dokument tal-ivvjaġġar, u d-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar.
3. Unikament għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1, wara tfittxija mnedija fl-EES skont l-Artikolu 21(4) tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)] jew fejn japplika l-Artikolu 21(5) tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)], l-awtorità kompetenti tal-fruntiera tista’ tniedi tfittxija fil-VIS direttament mill-EES billi tuża d-dejta alfanumerika prevista taħt il-paragrafu 2.
4. Jekk it-tfittxija bid-dejta elenkata fil-paragrafu 2 tindika li d-dejta dwar il-persuna tkun reġistrata fil-VIS, l-awtorità kompetenti tal-fruntiera għandha tingħata l-aċċess sabiex tikkonsulta d-dejta li ġejja tal-fajl(s) ta’ applikazzjoni kkonċernat(i) kif ukoll ta’ fajl(s) ta’ applikazzjoni relatati skont l-Artikolu 8(4), unikament għall-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1:
(a)l-informazzjoni dwar l-istatus u d-dejta meħuda mill-formola tal-applikazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 9(2) u (4);
(b)ritratti;
(c)id-dejta mdaħħla rigward il-viża(i) maħruġa, annullata(i), revokata(i) jew li l-validità tagħha/tagħhom tiġi estiża imsemmija fl-Artikoli 10, 13 u 14.
5. Barra minn hekk, jekk it-tfittxija bid-dejta elenkata fil-paragrafu 2 tindika li d-dejta dwar il-persuna tkun reġistrata fil-VIS, l-awtorità kompetenti tal-fruntiera għandha tivverifika l-marki tas-swaba’ tal-persuna mal-marki tas-swaba’ reġistrati fil-VIS. L-awtorità kompetenti tal-verifika fil-fruntiera tista' tvara tali verifika mill-EES. Għal persuni li l-marki tas-swaba’ tagħhom ma jkunux jistgħux jintużaw, it-tfittxija għandha ssir biss bid-dejta alfanumerika prevista taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
6. F’ċirkostanzi fejn il-verifika prevista skont il-paragrafi 2 u/jew 5 ma tirnexxix jew fejn ikun hemm dubji dwar l-identità tal-persuna jew l-awtentiċità tad-dokument tal-ivvjaġġar, il-persunal debitament awtorizzat ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollu aċċess għad-dejta skont l-Artikolu 20(1) u (2). L-awtorità kompetenti tal-fruntiera tista’ tniedi l-identifikazzjoni imsemmija fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament mill-EES.”
(8) Fl-Artikolu 20, il-paragrafu 1 ġie sostitwit b’dan li ġej:
“1. Unikament għall-iskop tal-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe persuna li setgħet kienet reġistrata qabel fil-VIS jew li tista’ ma tissodisfax, jew li ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet għal dħul fi, għal soġġorn jew għal residenza fit-territorju tal-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti għat-twettiq ta’ verifiki fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni skont ir-Regolament (UE) 2016/399 jew fit-territorju tal-Istati Membri dwar jekk il-kundizzjonijiet għal dħul fi, għal soġġorn jew għal residenza fit-territorju tal-Istati Membri humiex sodisfatti, għandu jkollhom aċċess biex ifittxu bil-marki tas-swaba’ ta’ dik il-persuna.”
(9) Fl-Artikolu 26 żdied il-paragrafu li ġej:
"3a. [Sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)]), l-Awtorità tat-Tmexxija għandha tkun responsabbli għall-kompiti imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.”
(10) Fl-Artikolu 34, il-paragrafu 1 ġie sostitwit b’dan li ġej:
“1. Kull Stat Membru u l-Awtorità tat-Tmexxija jżommu r-rekords tal-operazzjonijiet kolha ta' pproċessar tad-dejta fil-VIS. Dawn ir-rekords għandhom juru r-raġuni għall-aċċess imsemmija fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikoli 15 sa 22, id-data u l-ħin, it-tip ta’ dejta trażmessa kif imsemmi fl-Artikoli 9 sa 14, it-tip ta’ dejta użata għall-interrogazzjoni kif imsemmi fl-Artikoli 15(2), 17, 18(1), 18 (5), 19(1), 19a(2), 19a(5), 20(1), 21(1) u 22(1) u l-isem tal-awtorità li tkun qed iddaħħal jew taċċessa d-dejta. Minbarra dan, kull Stat Membru għandu jżomm rekords tal-persunal debitament awtorizzat li jdaħħal u jaċċessa d-dejta.
1a. Għall-operazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 17a għandu jinżamm rekord ta’ kull operazzjoni ta’ pproċessar tad-dejta li ssir fil-VIS u fl-EES f’konformità ma’ dan l-Artikolu u mal-Artikolu 41 tar-[Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)]”.
Artikolu 56
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1077/2011
Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 ġie emendat kif ġej:
(1) Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 ġie sostitwit b’dan li ġej:
“2. L-Aġenzija għandha tkun responsabbli għat-tmexxija operattiva tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, il-Eurodac u għas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES).
(2) Wara l-Artikolu 5 żdied Artikolu 5a ġdid:
"Artikolu 5a
Kompiti relatati mal-EES
Fir-rigward tal-EES, l-Aġenzija għandha twettaq:
(a) il-kompiti konferiti lilha permezz tar-Regolament (UE) Nru XXX/20XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ X.X.X li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi reġistrata d-dejta dwar id-dħul u l-ħruġ u d-dejta dwar ir-rifjut ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi;
(b) kompiti relatati ma’ taħriġ dwar l-użu tekniku tal-EES. "
(3) L-Artikolu 7 ġie emendat kif ġej:
(a) il-paragrafi 5 u 6 ġew sostitwiti b’dan li ġej:
“5. Il-kompiti relatati mal-ġestjoni operattiva tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni jistgħu jiġu fdati lil entitajiet jew korpi esterni tas-settur privat skont ir-Regolament (KE, Euratom)1605/2002. F’dan il-każ, il-fornitur tan-netwerk għandu jkun marbut bil-miżuri ta’ sigurtà msemmija fil-paragrafu 4 u bl-ebda mod ma għandu jkollu aċċess għad-dejta operattiva tas-SIS II, tal-VIS, tal-Eurodac jew tal-EES, jew għall-iskambju tas-SIRENE relatat mal-SIS II.
6. Mingħajr preġudizzju għall-kuntratti eżistenti dwar in-netwerk tas-SIS II, VIS, Eurodac u tal-EES, il-ġestjoni tal-kodiċi kriptati għandha tibqa’ fil-kompetenza tal-Aġenzija u ma għandha tiġi esternalizzata lill-ebda entità esterna tas-settur privat. "
(4) Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 ġie sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Aġenzija għandha timmonitorja l-iżviluppi fir-riċerka rilevanti għat-tmexxija operattiva tas-SIS II, il-VIS, il-Eurodac, l-EES u ta’ sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira”.
(5) Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 1 ġie emendat kif ġej:
a) wara l-punt (s) żdied punt ġdid (sa):
“(sa) jadotta r-rapporti dwar l-iżvilupp tal-EES skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) XX/XX ta’ XXX”.
(a) il-punt (t) ġie sostitwit b’dan li ġej:
“(t) jadotta r-rapport dwar il-funzjonament tekniku tas-SIS II skont l-Artikolu 50(4) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 66(4) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI rispettivament, tal-VIS skont l-Artikolu 50(3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u l-Artikolu 17(3) tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI u tal-EES skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament (UE) XX/XX ta’ XXX.
(b) il-punt (v) ġie sostitwit b’dan li ġej:
"(v) jagħmel kummenti dwar ir-rapporti tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-dejta dwar l-awditjar skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, l-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 603/2013 u l-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE ) XX/XX ta’ XXX u jiżgura segwitu xieraq ta’ dak l-awditjar”.
(b) wara l-punt x ġie inserit punt ġdid (xa):
“(xa) jippubblika statistika relatata mal-EES skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru XXXX/XX.
(c) mal-punt z żdied punt ġdid (za):
“(za) jiżgura l-pubblikazzjoni annwali tal-lista ta’ awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru XXXX/XX.
(6) Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 4 ġie sostitwit b’dan li ġej:
“4. Il-Europol u l-Eurojust jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija bħala osservaturi meta fuq l-aġenda jkun hemm kwistjoni li tikkonċerna s-SIS II, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. Il-Europol jista’ jattendi wkoll il-laqgħat tal-Bord ta’ Tmexxija bħala osservatur meta fuq l-aġenda jkun hemm kwistjoni li tikkonċerna l-VIS, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI, jew meta jkun hemm kwistjoni li tikkonċerna lill-Eurodac, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 603/2013, jew meta jkun hemm kwistjoni li tikkonċerna lill-EES fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) XX/XX ta’ XXX”.
(7) Fl-Artikolu 17 il-paragrafu 5
, il-punt (g) ġie sostitwit b’dan li ġej:
“(g) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal, tistabbilixxi rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità sabiex ikun hemm konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, l-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, l-Artikolu 26(9) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 u l-Artikolu 34(4) tar-[Regolament (UE) XX/XX ta’ XXX.]”
(8) L-Artikolu 19 ġie emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 1 ġie sostitwit b’dan li ġej:
“1. Il-Gruppi Konsultattivi li ġejjin għandhom jipprovdu lill-Bord ta’ Tmexxija bl-għarfien espert relatat mas-sistemi tal-IT fuq skala kbira u, b’mod partikolari, fil-kuntest tat-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali u r-rapport annwali dwar l-attività:
(a) il-Grupp Konsultattiv tas-SIS II;
(b) il-Grupp Konsultattiv tal-VIS;
(c) il-Grupp Konsultattiv tal-Eurodac;
(d) il-Grupp Konsultattiv tal-EES."
(b) il-paragrafu (3) ġie sostitwit b’dan li ġej:
“Il-Europol u l-Eurojust jistgħu jaħtru rappreżentant kull wieħed għall-Grupp Konsultattiv tas-SIS II. Il-Europol jista’ jaħtar ukoll rappreżentant għall-Gruppi Konsultattivi tal-VIS, tal-Eurodac u tal-EES”.
Artikolu 57
L-użu tad-dejta għar-rappurtar u l-istatistika
1.Il-persunal debitament awtorizzat tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni, tal-eu-LISA u tal-Frontex għandu jkollhom aċċess sabiex jikkonsultaw id-dejta li ġejja, unikament għall-għanijiet ta’ rappurtar u statistika mingħajr ma jippermettu l-identifikazzjoni ta’ individwi:
(a)informazzjoni dwar l-istatus;
(b)in-nazzjonalità, is-sess u d-data tat-twelid taċ-ċittadin tal-pajjiż terz;
(c)id-data u l-punt tal-qsim tal-fruntiera tad-dħul fi Stat Membru u d-dejta u l-punt tal-qsim tal-fruntiera tal-ħruġ minn Stat Membru;
(d)it-tip ta’ dokument tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż emittenti,
(e)in-numru ta’ persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta imsemmija fl-Artikolu 11 u l-punt tal-qsim tal-fruntiera tad-dħul;
(f)id-dejta mdaħħla fir-rigward ta’ kwalunkwe soġġorn revokat jew li l-validità tiegħu ġiet estiża;
(g)il-kodiċi bi tliet ittri tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għal soġġorn qasir, {jew il-viża itineranti} jekk applikabbli;
(h)in-numru ta’ persuni eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’ skont l-Artikolu 15(2) u (3).
(i) l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew rifjutati dħul, in-nazzjonalitajiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew rifjutati dħul u t-tip ta’ fruntiera (art, ajru, baħar) u l-punt ta’ qsim tal-fruntiera li fih ġie rifjutat dħul.
2.Għall-fini tal-paragrafu 1, l-eu-LISA għandha tistabbilixxi, timplimenta u tospita repożitorju ċentrali fis-siti tekniċi tagħha li jkun fih id-dejta imsemmija fil-paragrafu 1 li ma jippermettix l-identifikazzjoni ta’ individwi u li jippermetti li l-awtoritajiet elenkati fil-paragrafu 1 jiksbu rapporti li jistgħu jiġu modifikati u statistika dwar id-dħul u l-ħruġ, ir-rifjuti ta’ dħul u każijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqbżu s-soġġorn awtorizzat biex titjieb il-valutazzjoni tar-riskju ta’ każijiet li jaqbżu s-soġġorn awtorizzat, biex titjieb l-effiċjenza tal-kontrolli fil-fruntieri, u biex il-konsulati jiġu megħjuna fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża u insostenn ta’ tfassil ta’ politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni bbażata fuq l-evidenza. Ir-repożitorju għandu jkun fih ukoll statistika ta’ kuljum dwar id-dejta imsemmija fil-paragrafu 4. L-aċċess għar-repożitorju ċentrali għandu jingħata permezz ta’ aċċess sigur permezz ta’ S-TESTA b’kontroll tal-aċċess u profili ta’ utenti speċifiċi unikament għall-fini ta’ rapportar u ta’ statistika.
Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati dwar l-operat tar-repożitorju ċentrali u regoli dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad-dejta applikabbli għar-repożitorju skont il-proċedura ta’ eżami imsemmija fl-Artikolu 61(2).
3.
Il-proċeduri stabbiliti mill-eu-LISA biex timmonitorja l-iżvilupp u l-funzjonament tal-EES imsemmija fl-Artikolu 64(1) għandhom jinkludu l-possibbiltà li tiġi prodotta statistika regolari biex jiġi żgurat dak il-monitoraġġ.
4.Kull trimestru, l-eu-LISA għandha tippubblika statistika dwar l-EES li b’mod partikolari għandha turi l-għadd, in-nazzjonalità u l-punt ta’ qsim tal-fruntieri tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew rifjutati dħul inklużi r-raġunijiet għar-rifjut u ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li s-soġġorn tagħhom jkun ġie revokat jew estiż kif ukoll l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mir-rekwiżit li jagħtu l-marki tas-swaba’.
5.Fl-aħħar ta’ kull sena, id-dejta statistika għandha tiġi kompilata fil-forma ta’ statistika trimestrali għal dik is-sena. L-istatistika għandu jkun fiha analiżi dettaljata tad-dejta għal kull Stat Membru.
6. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-eu-LISA għandha tipprovdiha bi statistika dwar aspetti speċifiċi relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-istatistika skont il-paragrafu 3.
Artikolu 58
Spejjeż
1. L-ispejjeż inkorsi b’rabta mat-twaqqif u mat-tħaddim tas-Sistema Ċentrali, tal-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni u tal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
2L-ispejjeż inkorsi mill-integrazzjoni tal-infrastruttura eżistenti tal-fruntiera nazzjonali u l-konnessjoni mal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi kif ukoll mill-ospitar tal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
L-ispejjeż li ġejjin għandhom ikunu esklużi:
(a)l-Uffiċċju tal-Istati Membri għall-ġestjoni tal-proġett (laqgħat, missjonijiet, uffiċċji);
(b)l-ospitar ta’ sistemi nazzjonali (spazju, implimentazzjoni, elettriku, tkessiħ);
(c)it-tħaddim ta’ sistemi nazzjonali (kuntratti tal-operaturi u ta’ appoġġ);
(d)l-adattament ta’ sistemi eżistenti ta’ kontroll tal-fruntieri u tal-pulizija għal sistemi nazzjonali ta’ dħul-ħruġ;
(e)il-ġestjoni tal-proġett ta’ sistemi nazzjonali ta’ dħul-ħruġ;
(f)id-disinn, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, it-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ netwerks nazzjonali ta’ komunikazzjoni;
(g)sistemi awtomatiċi għall-Kontroll fil-Fruntieri, sistemi self-service u gradi elettroniċi.
3.L-ispejjeż inkorsi mill-punti ta’ aċċess ċentrali u l-ispejjeż għall-konnessjoni tagħhom mal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi għandhom jitħallsu minn kull Stat Membru.
4. Kull Stat Membru u l-l-Europol għandhom jistabbilixxu u jżommu għas-spejjeż tagħhom l-infrastruttura teknika meħtieġa għall-implementazzjoni tal-Artikolu 5(2) u għandhom ikunu responsabbli għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-aċċess għall-EES għal dak il-għan.
Artikolu 59
Notifiki
1.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità li trid tiġi kkunsidrata bħala l-kontrollur imsemmi fl-Artikolu 49.
2.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-eu-LISA dwar l-awtoritajiet kompetenti imsemmija fl-Artikolu 8 li jkollhom aċċess li jdaħħlu, jemendaw, iħassru, jikkonsultaw jew ifittxu dejta.
3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet maħtura tagħhom u dwar il-punti ta’ aċċess ċentrali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 26 u għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien kwalunkwe emenda li ssirilhom.
4.Il-Europol għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-awtorità maħtura tiegħu u dwar il-punti ta’ aċċess ċentrali tiegħu imsemmija fl-Artikolu 27 u għandu jinnotifika mingħajr dewmien kwalunkwe emenda li ssirilhom.
5.L-eu-LISA għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar it-tlestija b’suċċess tat-test imsemmi fl-Artikolu 60(1)(b).
6.Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni notifikata skont il-paragrafu 1 għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u tal-pubbliku permezz ta’ sit web pubbliku li jiġi kontinwament aġġornat.
Artikolu 60
Bidu tal-operat
1.Il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-data minn meta l-EES għandha tibda topera, wara li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)ikunu ġew adottati l-miżuri msemmija fl-Artikolu 33;
(b)l-eu-LISA tkun iddikjarat it-tlestija b’suċċess ta’ test komprensiv tal-EES, li għandu jsir mill-eu-LISA f’kooperazzjoni mal-Istati Membri;
(c)l-Istati Membri jkunu vvalidaw l-arranġamenti tekniċi u legali biex jiġbru u jittrażmettu d-dejta msemmija fl-Artikoli 14 sa 18 lill-EES u jkunu nnotifikawhom lill-Kummissjoni;
(d)l-Istati Membri jkunu temmew in-notifiki lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 59 (1) u (3).
2.Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni bir-riżultati tat-test li jsir skont il-punt (b) tal-paragrafu 1.
3.Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali.
4.
L-Istati Membri u l-Europol għandhom jibdew jużaw l-EES mid-data determinata mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.
Artikolu 61
Proċedura tal-Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011
2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 62
Grupp konsultattiv
Għandu jiġi stabbilit Grupp Konsultattiv mill-eu-LISA u jipprovdiha bit-tagħrif espert relatat mal-EES b’mod partikolari fil-kuntest tat-tħejjija tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha u tar-rapport annwali ta’ attività tagħha.
Artikolu 63
Taħriġ
L-eu-LISA għandha twettaq il-kompiti relatati mal-provvista ta’ taħriġ dwar l-użu tekniku tal-EES.
Artikolu 64
Monitoraġġ u evalwazzjoni
1.L-Aġenzija għandha tiżgura li jkun hemm proċeduri fis-seħħ sabiex jiġi mmonitorjat l-iżvilupp tal-EES fid-dawl tal-objettivi relatati mal-ippjanar u l-ispejjeż u li jiġi mmonitorjat il-funzjonament tal-EES fid-dawl tal-objettivi relatati mar-rendiment tekniku, il-kosteffettività, is-sigurtà u l-kwalità tas-servizz.
2.Sa [Sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament - OPOCE, jekk jogħġbok issostitwixxi bid-data attwali] u kull sitt xhur wara dan matul il-fażi tal-iżvilupp tal-EES, l-eu-LISA għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat tal-ħidma tal-iżvilupp tas-Sistema Ċentrali, l-Interfaċċi Uniformi u l-Infrastruttura ta’ Komunikazzjoni bejn is-Sistema Ċentrali u l-Interfaċċi Uniformi. Ladarba jiġi finalizzat l-iżvilupp, għandu jiġi ppreżentat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jispjega fid-dettall kif ikunu intlaħqu l-objettivi, b’mod partikolari dawk marbuta mal-ippjanar u mal-ispejjeż, kif ukoll ġustifikazzjoni għal kwalunkwe diverġenza.
3.Għall-finijiet tal-manutenzjoni teknika, l-eu-LISA għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni neċessarja marbuta mal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta mwettqa fl-EES.
4.Sentejn wara li tkun bdiet topera l-EES u kull sentejn wara dan, l-eu-LISA għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar il-funzjonament tekniku tal-EES, inkluż is-sigurtà tagħha.
5.Tliet snin wara li l-EES tkun tibda topera u kull erba’ snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tħejji evalwazzjoni ġenerali tal-EES. Din l-evalwazzjoni ġenerali għandha tinkludi eżami tar-riżultati miksuba meta mqabbla mal-objettivi u l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, u stima tal-validità kontinwa tar-raġuni sottostanti, l-applikazzjoni tar-Regolament, is-sigurtà tal-EES u kwalunkwe implikazzjoni għal operazzjonijiet futuri, u għandha tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet neċessarji. Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti r-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.L-Istati Membri u l-Europol għandhom jipprovdu lill-eu-LISA u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-abbozzar tar-rapporti imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 skont l-indikaturi kwantitattivi definiti minn qabel mill-Kummissjoni u/jew mill-eu-LISA. Din l-informazzjoni ma għandhiex tippreġudika l-metodi ta’ ħidma u lanqas tinkludi informazzjoni li tiżvela s-sorsi, il-membri tal-persunal jew investigazzjonijiet tal-awtoritajiet maħtura.
7.L-eu-LISA għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa sabiex tipproduċi l-evalwazzjonijiet ġenerali imsemmija fil-paragrafu 5.
8.
Filwaqt li jirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni sensittiva, kull Stat Membru u l-Europol għandhom iħejju rapporti annwali dwar l-effikaċja tal-aċċess għad-dejta tal-EES għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi li jkun fihom informazzjoni u statistika dwar:
(a)
l-iskop preċiż tal-konsultazzjoni (jekk hijiex għal identifikazzjoni jew għal rekords tad-dħul/ħruġ) inkluż it-tip ta’ reat terroristiku jew reat kriminali serju;
(b)
raġunijiet raġonevoli mogħtija għas-suspett sostanzjat li l-persuna suspettata, l-awtur jew il-vittma tkun koperta b’dan ir-Regolament;
(c)
ir-raġunijiet raġonevoli mogħtija biex ma ssirx konsultazzjoni tas-sistemi awtomatizzati ta’ Stati Membri oħra għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ skont id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, f’konformità mal-Artikolu 29(2)(b);
(d)
l-għadd ta’ talbiet għall-aċċess għall-EES għall-fini ta’ infurzar tal-liġi;
(e)
l-għadd u t-tip ta’ każijiet li rriżultaw f’identifikazzjonijiet pożittivi;
(f)
il-ħtieġa u l-użu magħmul tal-każ eċċezzjonali ta’ urġenza inklużi dawk il-każijiet fejn dik l-urġenza ma tkunx ġietx aċċettata mill-verifika ex post magħmula mill-punt ta’ aċċess ċentrali.
Ir-rapporti annwali tal-Istati Membri u tal-Europol għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.
Artikolu 65
Dħul fis-seħħ u applikabbiltà
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President