Brussell, 7.4.2016

COM(2016) 185 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
(applikazzjoni minn Franza – EGF/2015/010 FR/MoryGlobal)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 1 (ir-“Regolament tal-FEG”).

2.Fid-19 ta’ Diċembru 2015, Franza ressqet l-applikazzjoni EGF/2015/010 FR/MoryGlobal għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw xi sensji 2 mill-MoryGlobal SAS fi Franza.

3.Wara li vvalutat din l-applikazzjoni u b’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG huma ssodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

L-applikazzjoni tal-FEG

EGF/2015/010 FR/MoryGlobal

Stat Membru

Franza

Ir-reġjuni kkonċernati (il-livell NUTS 2 3 )

Is-sensji ngħataw madwar Franza kollha. Intlaqtu 54 sit differenti.

Id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni

Id-19 ta' Novembru 2015

Id-data tal-konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

L-1 ta' Diċembru 2015

Id-data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

It-3 ta' Diċembru 2015

Id-data ta’ skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

L-14 ta' Jannar 2016

Id-data ta’ skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

Is-7 ta' April 2016

Il-kriterju għall-intervent

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG


L-intrapriża ewlenija

MoryGlobal SAS


L-għadd ta’ intrapriżi konċernati

1

Is-setturi tal-attività ekonomika

(It-Taqsima tal-NACE Reviżjoni 2) 4

It-Taqsima 49 (It-trasportazzjoni fuq l-art u t-trasportazzjoni permezz ta' pipelines) u

It-Taqsima 52 (Il-ħżin u l-attivitajiet ta' appoġġ għat-trasportazzjoni)


L-għadd ta’ sussidjarji, fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni

0

Il-perjodu ta’ referenza (erba’ xhur):

Mis-27 ta' April 2015 sas-27 ta' Awwissu 2015

L-għadd ta’ sensji tul il-perjodu ta’ referenza (a)

2 093

L-għadd ta’ sensji qabel u wara l-perjodu ta’ referenza (b)

39

L-għadd totali ta’ sensji (a + b)

2 132

L-għadd totali ta' benefiċjarji eliġibbli

2 132

L-għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

2 132

L-għadd ta’ żgħażagħ fil-mira barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ (NEETs)

0

Il-baġit għas-servizzi personalizzati (f’EUR)

8 528 000

Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 5 (f’EUR)

50 000

Baġit totali (f'EUR)

8 578 000

Kontribuzzjoni mill-FEG (60 %) (f'EUR)

5 146 800

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Il-proċedura

4.Fid-19 ta’ Novembru 2015, Franza ressqet l-applikazzjoni EGF/2015/010 FR/MoryGlobal fit-12-il ġimgħa mid-data li fiha l-kriterji għall-intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG ġew issodisfati. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-wasla tal-applikazzjoni fl-1 ta’ Diċembru 2015 u talbet informazzjoni addizzjonali mingħand Franza fit-3 ta’ Diċembru 2015, qabel għalqu l-ġimagħtejn mid-data tat-tressiq tal-applikazzjoni. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien sitt ġimgħat. Il-perjodu ta’ 12-il ġimgħa wara l-wasla tal-applikazzjoni mimlija, li matulu l-Kummissjoni għandha tlesti l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, jiskadi fis-7 ta’ April 2016.

L-eliġibbiltà tal-applikazzjoni

L-intrapriżi u l-benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni tikkonċerna 2 132 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn MoryGlobal SAS. Din l-intrapriża kienet taħdem l-iżjed fis-settur ekonomiku li hu kklassifikat fit-Taqsima 49 tar-Reviżjoni 2 tal-NACE (It-trasportazzjoni fuq l-art u t-trasportazzjoni permezz ta' pipelines) kif ukoll fit-Taqsima 52 tar-Reviżjoni 2 tal-NACE (Il-ħżin u l-attivitajiet ta' appoġġ għat-trasportazzjoni). Is-sensji li tat MoryGlobal SAS saru madwar Franza kontinentali kollha. Il-postijiet bl-ogħla għadd ta' sensji qegħdin fir-reġjuni li jidhru hawn taħt tat-tieni livell tal-NUTS:

Reġjuni tat-tieni livell tal-NUTS

Ħaddiema

%

Ċentru (FR24)

336

16

Ile-de-France (FR10)

242

11

Rhône-Alpes (FR71)

199

9

Pays-de-la-Loire (FR51)

178

8

Lorraine (FR41)

146

7

Alsace (FR42)

140

7

Il-kriterji għall-intervent

6.Franza ppreżentat l-applikazzjoni skont il-kriterji għall-intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jitlob li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’intrapriża ta’ Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-fornituri u mill-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni u/jew il-persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom tkun waqfet.

7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur għall-applikazzjoni huwa mis-27 ta’ April 2015 sas-27 ta’ Awwissu 2015. Matul il-perjodu ta’ referenza, 2 093 ħaddiem ingħataw is-sensja minn MoryGlobal.

Il-kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività

8.Is-sensji kollha tul il-perjodu ta' referenza ġew ikkalkulati mid-data tan-notifika individwali tal-impjegatur dwar it-tkeċċija jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-impjieg tal-ħaddiema.

Il-benefiċjarji eliġibbli

9.Barra minn dawk il-ħaddiema li diġà ssemmew, il-benefiċjarji eliġibbli jinkludu 39 ħaddiem. Dawn il-ħaddiema kollha ngħataw is-sensja wara li kien spiċċa l-perjodu ta' referenza, u tista' tiġi stabbilita rabta ta' kawżalità ċara mal-avveniment li skatta s-sensji waqt il-perjodu ta' referenza.

10.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa 2 132.

Ir-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009

11.Biex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009, Franza ssostni li MoryGlobal kienet attiva fl-oqsma tas-servizzi tal-kurriera, tat-trasport u d-dispaċċ tal-merkanzija, tal-ħżin u tal-kiri ta’ materjali relatati, u li kienet tipprovdi dawn is-servizzi kemm fi Franza kif ukoll barra mill-pajjiż.

12.Minħabba l-kriżi globali finanzjarja u ekonomika, it-trasportazzjoni tal-merkanzija bit-triq f’vetturi li jiżnu aktar minn 3,5 tunnellata naqas bi 13,7 % fl-UE u b’21 % fi Franza bejn l-2007 u l-2012 (il-Eurostat). Dan it-tnaqqis isegwi t-tnaqqis ġenerali tal-produzzjoni fiżika fl-Ewropa, u s-settur tat-trasportazzjoni bit-triq fl-Ewropa għadu ma rkuprax mit-tnaqqis kbir tal-attività li ġarrab fl-2009 minħabba l-kriżi ekonomika. Fl-2014, l-attività tat-trasportazzjoni tal-merkanzija bit-triq kienet għadha 10% inqas milli kienet qabel il-kriżi.

13.Minħabba t-tnaqqis fil-volum ittrasportat, faqqgħet taqtigħa tal-prezzijiet fi ħdan is-settur, u ż-żidiet fl-ispejjeż bħall-petrol, il-pagi, u l-materjali xejn ma għenu; dan wassal għal deterjorament kostanti fil-marġnijiet tal-operazzjoni u għal telf wara telf għas-settur fi Franza mill-2007.

14.Wara dan, is-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ġarrab mewġa ta’ fallimenti, li l-Bank ta’ Franza jistma li żdiedu b'35 % kull sena meta wieħed iqabbel l-2013 mal-2007.

15.Sal-lum, is-settur tat-trasportazzjoni fuq l-art u permezz tal-pipelines kien soġġett għal tliet applikazzjonijiet għall-FEG: din li qed tissemma, l-applikazzjoni EGF/2014/017 FR/ Mory-Ducros 6 , u l-applikazzjoni EGF/2011/001 AT/ Nieder- und Oberoesterreich 7 , kollha bbażati fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija.

L-avvenimenti li wasslu għas-sensji u għall-waqfien tal-attività

16.L-avvenimenti li wasslu għas-sensji huma l-falliment u l-għeluq tal-kumpanija.

17.Id-diffikultajiet attwali ta' MoryGlobal tnisslu fis-snin 2012 u 2013. Dak iż-żmien din l-intrapriża kellha l-isem Mory-Ducros. Mory-Ducros iddikjarat l-insolvenza f'Novembru tal-2013 u bdiet il-proċeduri tal-likwidazzjoni. Billi ma kienx hemm min irid jixtri l-intrapriża, u fuq talba tal-awtoritajiet Franċiżi, waħda mill-azzjonisti ta' Mory-Ducros, Arcole Industrie, ippreżentat offerta biex tixtri lil Mory-Ducros f'isem MoryGlobal, kumpanija ġdida li kienet se tinħoloq bil-għan li tixtri xi negozji ta' Mory-Ducros u timpjega mill-ġdid uħud mill-ħaddiema tagħha (2 192 ħaddiem minn fost l-4 911) 8 .

18.Mill-bidu nett tagħha, il-MoryGlobal kellha tiffaċċja l-isfidi li baqgħu għaddejjin, bħad-deterjorament tas-suq tal-messaġġi flimkien mat-tnaqqis fil-volum ta' trasportazzjoni bit-triq ta' bejn 3% u 5% fl-2014. Dawn wasslu għal pressjoni permanenti fuq il-prezzijiet u ħolqu ambjent soċjali diffiċli. Dawn l-isfidi wasslu għal telf ta' EUR 27,1 miljun bejn Frar u Settembru tal-2014 u għal previżjoni ta' telf saħansitra ikbar għal tmiem l-2014 (EUR 43 miljun) u fl-aħħar għall-falliment u l-għeluq tal-kumpanija.

19.Fl-10 ta' Novembru 2014, il-qorti kummerċjali ta' Bobigny bdiet proċedura biex tintlaħaq riżoluzzjoni amikabbli mal-kredituri. Fi tmiem Jannar tal-2015, il-MoryGlobal kienet fi stat ta' twaqqif tal-pagamenti. L-intrapriża kienet teħtieġ EUR 8,5 miljun f'kontanti u l-assi attwali tagħha ma kinux biżżejjed biex jintlaħaq l-ammont tal-obbligazzjonijiet ta' terminu qasir, b'mod partikolari lejn is-sottokuntratturi, li mingħajrhom l-attività tal-kumpanija ma setgħetx tkompli. Għaldaqstant, fl-10 ta' Frar 2015, il-MoryGlobal irreġistrat dikjarazzjoni tat-twaqqif tal-pagamenti mal-qorti kummerċjali ta' Bobigny u din tat bidu għall-proċedimenti ġudizzjarji rilevanti. Fis-17 ta' Marzu 2015, billi l-kumpanija ma setgħetx tlaħħaq biex tħallas is-salarji kollha, irreġistrat talba ta' likwidazzjoni. Il-qorti kummerċjali ta' Bobigny ddeċidiet favur il-likwidazzjoni ġudizzjarja bi tkomplija tal-attivitajiet sat-30 ta' April 2015, biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-proċedura tas-sensja kollettiva.

20.Din hija applikazzjoni ta' segwitu b'appoġġ tal-ħaddiema ta' Mory-Ducros 9 li ġew ittrasferiti għall-MoryGlobal.

L-impatt mistenni tas-sensji fuq l-ekonomija u l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

21.Is-sensji ngħataw fi 22 dipartiment madwar Franza kontinentali. Is-sensji għandhom impatt ħażin sinifikanti fuq l-ekonomiji reġjonali, b'mod partikolari minħabba li dawn l-istess territorji għadhom jissieltu biex isolvu l-problema tas-sensji tal-ħaddiema żejda li ngħataw is-sena ta' qabel minn Mory-Ducros. Dan qed jiġri f'sitwazzjoni fejn il-qgħad qiegħed jiżdied fi Franza kontinentali (fl-2015 ir-rata tal-qgħad kienet tliet punti perċentwali ogħla minn tal-2008, meta bdiet il-kriżi ekonomika u finanzjarja). Barra minn hekk, uħud mir-reġjuni kkonċernati, bħal Nord-Pas de Calais-Picardie (+2,5 punti perċentwali) u Provence-Alpes-Côte d'Azur (+1,5 punti perċentwali) 10 , għandhom rati ta' qgħad ogħla mill-medja nazzjonali.

Il-benefiċjarji fil-mira u l-azzjonijiet proposti

Il-benefiċjarji fil-mira

22.Il-ħaddiema żejda li ngħataw is-sensja kollha (2 132) huma mistennija li jieħdu sehem fil-miżuri. It-tqassim ta' dawn skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-età huwa kif ġej:

Kategorija

Għadd ta’
benefiċjarji fil-mira

Sess:

Irġiel:

1 740

(81,6 %)

Nisa:

392

(18,4 %)

Ċittadinanza:

ċittadini tal-UE:

2 046

(96,0 %)

mhux ċittadini tal-UE:

86

(4,0 %)

Grupp ta’ età:

15-24 sena:

2

(0,1 %)

25-29 sena:

453

(21,2 %)

30-54 sena

1 268

(59,5 %)

55-64 sena:

408

(19,1 %)

iktar minn 64 sena:

1

(0,0 %)

L-eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

23.L-FEG ikkofinanzja servizzi personalizzati għall-ħaddiema żejda ssensjati li jikkonsistu minn pariri u gwida lil dawn il-ħaddiema mingħand tim ta' konsulenti esperti (Dispositif d'Accompagnement Renforce – DAR.).

24.Id-DAR qed jingħata flimkien mal-pjan soċjali u mal-Contrat de Sécurisation Professionnelle (CSP). Il-pjan soċjali ffinanzjat minn MoryGlobal u minn AGS 11 , l-iskema ta' garanzija tal-pagi, jipprovdi lill-ħaddiema firxa ta' miżuri fosthom taħriġ, appoġġ psikoloġiku, għajnuna finanzjarja biex jibdew negozju, għajnuna finanzjarja għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta' kuljum lejn il-post tat-taħriġ jew għal vjaġġi itwal u spejjeż tal-akkomodazzjoni meta dawn jivvjaġġaw għat-taħriġ jew meta jkunu qed ifittxu x-xogħol, u gratifiki waqt it-tfittxija tax-xogħol. Is-CSP joffri firxa ta' miżuri prattiċi (l-ewwel nett it-taħriġ) iffinanzjati mill-Istat Franċiż biex lill-ħaddiema jgħinuhom jerġgħu jimpjegaw ruħhom.

25.Il-kompitu tat-tliet kuntratturi magħżulin (BPI, Sodie u AFPA Transitions) huwa li jgħinu u jiggwidaw lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u jgħinuhom isibu modi kif ikunu kapaċi jibqgħu fis-suq tax-xogħol u jidħlu f'impjiegi oħra. L-istess kuntratturi diġà kienu bdew jagħtu servizzi personalizzati lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Mory-Ducros fl-2014.

26.Għall-iskop ta' bbaġitjar, is-servizzi personalizzati fid-DAR tqassmu fi tliet sottogruppi: is-sessjonijiet informattivi kollettivi u individwali, it-tranżizzjoni minn impjieg għal ieħor, u l-għajnuna biex jinstabu impjiegi ġodda.

27.L-aġenziji għandhom kuntratt biex kull parteċipant (a) jingħata pjan għall-karriera personalizzat, (b) ikollu biżżejjed offerti ta' impjieg, (c) ikun jista' jikkonsulta ma' esperti ġenerali u/jew esperti speċjalizzati fil-ħolqien tal-intrapriżi, li jkollhom għarfien eċċellenti tas-suq tal-impjiegi fir-reġjun u li jkunu disponibbli u reattivi.

28.L-aġenziji se jipprovdu sessjonijiet ta’ taħriġ fil-kompetenzi ġenerali (eż. it-tħejjija tas-CV, it-tħejjija għall-intervista, il-ħiliet tat-tiftix tax-xogħol u l-ħolqien ta’ negozju), taħriġ fl-użu tal-internet, fieri tal-impjiegi u laqgħat ma' persuni li jipprovdu x-xogħol jew rappreżentanti tas-settur, u laqgħat ma’ istituzzjonijiet tat-taħriġ.

29.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fil-qafas tal-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

30.Franza pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar l-azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata b’konformità mal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tissostitwixxix dawn l-azzjonijiet.

Il-baġit stmat

31.L-ispejjeż totali stmati huma EUR 8 578 000, li jinkludu n-nefqa ta’ EUR 8 528 000 fuq is-servizzi personalizzati u n-nefqa ta’ EUR 50 000 fuq attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rappurtar.

32.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija EUR 5 146 800 (60 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet

Għadd stmat ta’ parteċipanti

Nefqa stmata għal kull parteċipant
(f’EUR)

Spejjeż totali stmati

(f’EUR)

Servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament tal-FEG)

Sessjonijiet informattivi kollettivi u individwali (Information collective e individuelle des salariés)

2 132

800

1 705 600

It-tranżizzjoni għal impjiegi oħra: ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni tal-ħiliet, proġett vokazzjonali (Transition professionnelle: adhésion, bilan, project)

2 132

1 800

3 837 600

L-għajnuna biex jinstabu impjiegi ġodda (Phase accompagnement et reclassement) 

2 132

1 400

2 984 800

Sottototal (a):

Persentaġġ tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

8 528 000

(100 %)

Gratifiki u inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG)

Sottototal (b):

Persentaġġ tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

0

(0,00 %)

Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-FEG

1. Attivitajiet ta' tħejjija

0

2. Ġestjoni

0

3. Informazzjoni u pubbliċità

0

4. Kontroll u rappurtar

50 000

Sottototal (c):

Persentaġġ tal-ispejjeż totali:

50 000

(0,58 %)

L-ispejjeż totali (a + b + c):

8 578 000

Kontribuzzjoni mill-FEG (60 % tal-ispejjeż totali)

5 146 800

33.Ma hemmx spejjeż identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG (jiġifieri azzjonijiet li l-ipejjeż fuqhom ma għandhomx jaqbżu l-35 % tal-ispejjeż totali tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati).

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

34.Franza bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fit-23 ta’ April 2015. Għaldaqstant, in-nefqa fuq dawn l-azzjonijiet għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mit-23 ta’ April 2015 sad-19 ta’ Novembru 2017.

35.Franza bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva biex timplimenta l-FEG fl-1 ta' Settembru 2015. Għalhekk, in-nefqa fuq l-attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rappurtar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Settembru 2015 sad-19 ta’ Mejju 2018.

Komplimentarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

36.Is-sors ta’ prefinanzjament jew ta’ kofinanzjament nazzjonali huwa l-baġit tal-Ministeru tax-Xogħol, l-Impjiegi, it-Taħriġ Vokazzjonali u d-Djalogu Soċjali bl-użu tal-linja baġitarja għall-akkumpanjament tal-bidla ekonomika u l-iżvilupp tal-impjieg.

37.Franza kkonfermat li l-miżura deskritta hawn fuq, li tirċievi kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, mhix se tirċievi wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

Il-proċeduri għall-konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira jew mar-rappreżentanti tagħhom, jew mas-sħab soċjali, kif ukoll mal-awtoritajiet lokali u reġjonali

38.Franza indikat li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira u mas-sħab soċjali. Saru diversi laqgħat bejn is-7 u s-17 ta' April 2015. Dawn il-laqgħat kienu jikkonċernaw il-pakkett sħiħ ta’ miżuri, li minnhom l-aspett tal-FEG (Dispositif d'Accompagnement Renforcé — DAS —) huwa parti waħda.

Sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll

39.L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tas-sistema tal-ġestjoni u l-kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Franza infurmat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita mid-Délégation générale à l’emploi et à la formation professionnelle (DGEFP) tal-Ministeru tax-Xogħol, tal-Impjiegi, tat-Taħriġ Vokazzjonali u tad-Djalogu Soċjali, b'mod partikolari mill-unità Fonds national de l'emploi (DGEFP - FNE). Il-pagamenti se jingħataw fl-iskema tad-DGEFP mill-unità Affaires financières (DGEFP - MAFI). Iċ-ċertifikazzjoni se titwettaq mill-Agence de services et de paiement (ASP). 

L-impenji mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat

40.Franza pprovdiet l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fil-kuntest tal-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom,

inżammet il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi,

l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni, u se jkun evitat kull finanzjament doppju,

l-azzjonijiet proposti se jikkomplementaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta baġitarja

41.L-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 12 .

42.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-FEG, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż stmati, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-FEG jiġi mmobilizzat għall-ammont ta’ EUR 5 146 800, li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti, biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

43.Id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat l-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 13 .

Atti relatati

44.Filwaqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat l-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 5 146 800 fl-intestatura baġitarja rilevanti.

45.Filwaqt li tadotta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat l-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat l-FEG.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
(applikazzjoni minn Franza – EGF/2015/010 FR/MoryGlobal)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 14 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 15 , u b’mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom tkun intemmet minħabba bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji kkawżati mill-globalizzazzjoni, jew minħabba l-issoktar tal-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija, jew minħabba kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u biex jgħinhom biex jintegraw mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 16 .

(3)Fid-19 ta’ Novembru 2015, Franza ressqet l-applikazzjoni EGF/2015/010 FR/MoryGlobal għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw xi sensji mill-MoryGlobal SAS fi Franza. Din kienet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)Għaldaqstant, l-FEG għandu jiġi mmobilizzat biex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 5 146 800 għall-applikazzjoni ppreżentata minn Franza.

(5)Biex jitnaqqas kemm jista' jkun iż-żmien biex jiġi mmobilizzat l-FEG, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jagħti s-somma ta’ EUR 5 146 800 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din tapplika minn [the date of its adoption]*.

17Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
(4) ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(5) Skont ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(6) COM(2015) 68
(7) COM(2011) 579
(8) Sors: Id-Deċiżjoni tal-qorti kummerċjali ta' Bobigny dwar il-likwidazzjoni ġudizzjarja tal-MoryGlobal (il-minuta numru 2015L01449).
(9) L-applikazzjoni EGF/2014/017 FR/ Mory-Ducros (COM(2015) 68) b'appoġġ tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Mory-Ducros fl-2014.
(10) Sors: Insee ( http://www.insee.fr/fr/themes/tableau.asp?reg_id=99&ref_id=TCRD_025 )
(11) AGS tfisser Association pour la gestion du régime de Garantie des créances des Salariés.
(12) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(13) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(14) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(15) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(16) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(17)  Date to be inserted by the Parliament before the publication in OJ.