Brussell, 8.4.2016

COM(2016) 183 final

2016/0094(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta’ strument internazzjonali li l-korpi tal-ICAO għandhom jelaboraw bil-ħsieb li jwassal għall-implimentazzjoni ta’ miżura globali unika bbażata fuq is-suq mill-2020 li tkun tindirizza l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima adottat b'suċċess il-Ftehim ta’ Pariġi li għandu l-għan jillimita ż-żieda fit-temperatura globali b'ferm inqas minn 2 C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, u jkompli l-isforzi biex jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1.5°. Sal-2050, għallinqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandhom jonqsu sa 50% inqas mil-livelli tagħhom fl-1990. Sabiex jinkiseb dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet, kull settur tal-ekonomija għandu jagħti sehmu, inkluż dak tal-avjazzjoni internazzjonali.

Mill-avjazzjoni internazzjonali, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jirrappreżentaw aktar minn 2% tal-emissjonijiet globali u qed jikbru b’mod esponenzjali, bi previżjonijiet għall-2050 li jekk kollox jibqa’ kif inhu, dawn l-emissjonijiet mill-attivitajiet tal-avjazzjoni jaf jiżdiedu aktar minn 200% meta mqabbla mal-livelli fi żmienna. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Il-Protokoll ta’ Pariġi – Pjan ta’ Azzjoni għal ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020 1 tenfasizza li qabel tintemm l-2016, l-ICAO għandha tirregola b’mod effettiv l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali. Minkejja l-iżviluppi teknoloġiċi, il-potenzjal għal tnaqqis fl-emissjonijiet globali hu limitat fis-settur tal-avjazzjoni, u għaldaqstant mod xieraq kif dan is-settur jista' jagħtu sehmu għal tnaqqis fl-emissjonijiet globali huma permezz ta' miżuri bbażati fuq is-suq. Fit-38 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2013), ġie deċiż li tinħoloq miżura globali unika bbażata fuq is-suq li tkun tindirizza l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali bil-ħsieb li fl-2016 matul id-39 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (bejn is-27 ta' Settembru u s-7 ta' Ottubru) tittieħed deċiżjoni għall-implimentazzjoni tal-iskema mill-2020 2 .

Għaldaqstant hemm bżonn li minnufih u qabel l-Assemblea tal-ICAO li jmiss tiġi adottata l-pożizzjoni li l-Istati Membri, li qed jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-UE, iridu jżommu fejn tidħol id-deċiżjoni li għandha tieħu l-ICAO.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandhom jesprimuha l-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-korpi tal-ICAO. Sabiex tissawwar proposta għal strument bħal dan jinvolvu ruħhom bosta korpi tal-ICAO, fosthom il-Kunsill tal-ICAO. Hu meħtieġ ukoll li tiġi adottata pożizzjoni tal-UE ħalli tkun żgurata l-konsistenza mal-liġi eżistenti tal-UE.

Il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet politiċi eżistenti f'dan il-qasam ta’ politika

Jekk sal-2002 fl-ICAO ma tiġi miftiehma l-ebda azzjoni, id-Deċiżjoni 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill titlob lill-Unjoni biex tidentifika u tieħu azzjonijiet speċifiċi ħalli jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni. Wara li t-33 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2001) ddeċidiet li tapprova sistema ta' skambju miftuħ ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-avjazzjoni internazzjonali 3 u li sal-35 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2004) tiżviluppa gwida biex l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali jiġu inkorporati fl-iskemi tal-Istati Kontraenti tal-ICAO għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet 4 , il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2008/101/KE li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni 5 .

Minbarra li ddeċidiet li tiżviluppa miżura globali bbażata fuq is-suq, it-38 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2013) iddeċidiet li l-ICAO u l-Istati Membri tagħha, flimkien mal-organizzazzjonijiet rilevanti, se jaħdmu id f'id u jagħmlu l-almu tagħhom biex tintlaħaq mira indikattiva kollettiva u globali għat-terminu medju li mill-2020, l-emissjonijiet netti u globali tal-karbonju mill-avjazzjoni internazzjonali jinżammu fl-istess livell. Fl-2020 hu mistenni li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali jkunu madwar 70% ogħla mill-2005 6 u b’mod konsistenti l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha argumentaw li l-mira ta’ tnaqqis globali fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali għandha tkun tnaqqis ta’ 10% sal-2020 meta mqabbla mal-livelli fl-2005. Iżda jidher li hu l-waqt opportun għall-Unjoni biex tippromwovi li fi żmien pjuttost qasir tiġi żviluppata miżura globali bbażata fuq is-suq ħalli l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali jiġu limitati sal-livelli tagħhom fl-2020, filwaqt li titqies il-possibbiltà li matul iż-żmien issir reviżjoni tal-miri, kif xieraq.

Biex matul id-39 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2016) jitħaffef il-progress għal strument xieraq, il-leġiżlaturi tal-Unjoni ddeċidew li temporanjament iqisu li r-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/87/KE huma ssodisfati fejn jidħlu t-titjiriet minn u lejn l-ajrudromi fil-pajjiżi li mhumiex fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE) 7 . Wara d-39 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2016), il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet li jimplimentaw strument internazzjonali dwar miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2020, biex l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni jonqsu b’mod li mhux diskriminatorju. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawk l-iżviluppi fil-kamp ta' applikazzjoni adattat għall-kopertura tal-emissjonijiet tal-attività minn jew lejn l-ajrudromi li jinsabu f'pajjiżi li mhumiex fiż-ŻEE mill-1 ta' Jannar 2017 'il quddiem, u meta xieraq din għandha tinkludi proposti b'reazzjoni għalihom.

Il-konsistenza ma' politiki oħrajn tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni proposta hija konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni, b'mod partikulari l-politiki tal-Unjoni għall-enerġija, għall-ambjent u għat-trasport 8 , u tikkumplimentahom.

 Din it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u globali teħtieġ bidliet fl-aġir kummerċjali u tal-investiment u inċentivi tul l-ispettru kollu tal-politika.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta qed issir skont l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE jistipula l-proċedura biex jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet f’isem l-Unjoni f’korp imwaqqaf bi ftehim, meta dak il-korp jintalab jadotta atti li jkollhom effetti legali.

F’dan il-każ, l-att li mistennija tadotta l-Assemblea tal-ICAO ikollu l-effetti legali indikati fl-Artikolu 28a tad-Direttiva 2003/87/KE.

F'konformità mal-Artikoli 192(1) u 191 tat-TFUE, l-Unjoni Ewropea għandha tagħti sehemha biex fost l-oħrajn jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin: il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu t-tibdil fil-klima.

L-għażla tal-istrument

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE jipprovdi għal Deċiżjoni tal-Kunsill bħala l-istrumenti applikabbli.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET KONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRA

Ma japplikax

2016/0094 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta’ strument internazzjonali li l-korpi tal-ICAO għandhom jelaboraw bil-ħsieb li jwassal għall-implimentazzjoni ta’ miżura globali unika bbażata fuq is-suq mill-2020 li tkun tindirizza l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)    Mill-avjazzjoni internazzjonali, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jirrappreżentaw aktar minn 2% tal-emissjonijiet globali u qed jikbru b’mod esponenzjali, bi previżjonijiet għall-2050 li jekk kollox jibqa’ kif inhu, dawn l-emissjonijiet mill-attivitajiet tal-avjazzjoni jaf jiżdiedu aktar minn 200% meta mqabbla mal-livelli fi żmienna. Sal-2050, għallinqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandhom jonqsu sa 50% inqas mil-livelli tagħhom fl-1990. Sabiex jinkiseb dan it-tnaqqis fl-emissjonijiet, kull settur tal-ekonomija għandu jagħti sehmu, inkluż dak tal-avjazzjoni internazzjonali.

F'Diċembru tal-2015, il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ġiet konkluża b'suċċess bl-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi li għandu l-għan jillimita ż-żieda fit-temperatura globali b'ferm inqas minn 2°C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, u jkompli l-isforzi biex jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5°.

(2)    L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tal-1944. L-Istati Membri kollha huma Partijiet Kontraenti għal dik il-Konvenzjoni u membri fl-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċertu laqgħat tal-ICAO, inkluża l-Assemblea triennali tal-ICAO. L-Unjoni u l-Istati Membri kollha tagħha huma Partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto tal-1997, li jobbligahom isegwu l-limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali permezz tal-ICAO. Jekk sal-2002 fl-ICAO ma tiġi miftiehma l-ebda azzjoni, id-Deċiżjoni 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill titlob lill-Unjoni biex tidentifika u tieħu azzjonijiet speċifiċi ħalli jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni.

(3)    It-33 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2001) approvat sistema ta' skambju miftuħ ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-avjazzjoni internazzjonali 9 . Fl-2004, il-Kumitat tal-ICAO dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent mill-Avjazzjoni rrakkomanda li ma għandhiex tibqa' tiġi żviluppata sistema ta' skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet speċifika għall-avjazzjoni u bbażata fuq strument legali ġdid fl-awspiċi tal-ICAO. Il-35 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2004) approvat l-iskambju miftuħ ta’ kwoti tal-emissjonijiet u l-possibilità li l-Istati jinkorporaw l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali fl-iskemi tagħhom tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet 10 , iżda s-36 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2007) ħeġġet l-eżenzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fi Stati oħra sakemm din ma tiġix miftiehma bilateralment 11 . L-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u Stati Ewropej oħra żammew id-dritt b’mod konsistenti li japplikaw miżuri bbażati fuq is-suq (MBMs), b'mod mhux diskriminatorju, għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru li jipprovdi servizzi minn, lejn jew fit-territorju tagħhom, filwaqt li fakkru li l-Konvenzjoni ta’ Chicago tirrikonoxxi d-drittijiet tal-Partijiet li japplikaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-ajru tagħhom għall-inġenji tal-ajru tal-Istati kollha, b'mod mhux diskriminatorju 12 , li jipprovdu servizzi lejn, minn jew fit-territorju tagħhom.

(4)    Filwaqt li jqisu li l-limitazzjoni fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni hija kontribut essenzjali f’konformità mal-impenji ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet globali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2008/101/KE 13 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE 14 . Il-ħames premessa tad-Direttiva 2008/101/KE tiddikjara li l-UE għandha tiżgura li ftehim globali bħal dan li jkollu l-ħsieb irażżan iż-żieda fit-temperatura globali, ikun fih miżuri biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali u jekk dan ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra liema emendi huma meħtieġa fid-Direttiva 2003/87/KE, fejn din tapplika għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru.

(5)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Il-Protokoll ta’ Pariġi – Pjan ta’ Azzjoni għal ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020 15 tenfasizza li qabel tintemm l-2016, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) għandha tirregola b’mod effettiv l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali. Il-laqgħa li jmiss tal-Assemblea tal-ICAO se ssir fl-2016, u matulha għandu jintlaħaq ftehim fuq strument internazzjonali li jwassal għall-implimentazzjoni sal-2020 ta’ miżura globali unika bbażata fuq is-suq li tindirizza l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali

(6)    It-38 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2013) iddeċidiet li l-ICAO u l-Istati Membri tagħha, flimkien mal-organizzazzjonijiet rilevanti, se jaħdmu id f'id u jagħmlu l-almu tagħhom biex tintlaħaq mira indikattiva kollettiva u globali għat-terminu medju li mill-2020, l-emissjonijiet netti u globali tal-karbonju mill-avjazzjoni internazzjonali jinżammu fl-istess livell ("l-għan tal-ICAO), u ddeċidiet li tiżviluppa miżura globali bbażata fuq is-suq għall-avjazzjoni internazzjoni u li tirrapporta r-riżultati ta' ħidmitha biex tittieħed deċiżjoni waqt id-39 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2016). Fl-2020 hu mistenni li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali jkunu madwar 70% ogħla mill-2005 16 u b’mod konsistenti l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha argumentaw li l-mira ta’ tnaqqis globali fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali għandha tkun tnaqqis ta’ 10% sal-2020 meta mqabbla mal-livelli fl-2005. Iżda jidher li hu l-waqt opportun għall-Unjoni biex tippromwovi li fi żmien pjuttost qasir tiġi żviluppata miżura globali bbażata fuq is-suq ħalli l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali jiġu limitati sal-livelli tagħhom fl-2020, filwaqt li titqies il-possibbiltà li matul iż-żmien issir reviżjoni tal-mira, kif xieraq.

(7)    Biex fl-Assemblea tal-ICAO tal-2016 jitħaffef il-progress għal strument xieraq, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li temporanjament iqis li r-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/87/KE huma ssodisfati fejn jidħlu t-titjiriet minn u lejn l-ajrudromi fil-pajjiżi li mhumiex fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE). B'dan, l-Unjoni enfasizzat li r-rekwiżiti legali jistgħu jiġu applikati fejn jidħlu t-titjiriet minn u lejn l-ajrudromi li jinsabu fi Stati taż-ŻEE, bl-istess mod bħalma r-rekwiżiti legali jistgħu jiġu applikati fejn jidħlu t-titjiriet bejn dawn l-ajrudromi 17 .

(8)    Kif emendata, id-Direttiva 2003/87/KE tistabbilixxi ċertu obbligi għall-Kummissjoni wara d-39 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2016). Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet li jimplimentaw strument internazzjonali dwar miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2020, biex l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni jonqsu b’mod li mhux diskriminatorju. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawk l-iżviluppi fil-kamp ta' applikazzjoni adattat għall-kopertura tal-emissjonijiet tal-attività minn jew lejn l-ajrudromi li jinsabu f'pajjiżi li mhumiex fiż-ŻEE mill-1 ta' Jannar 2017 'il quddiem, u meta xieraq din għandha tinkludi proposti b'reazzjoni għalihom.

(9)    Għandha tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tieħu l-Unjoni fejn jidħol l-istrument internazzjonali li jrid jinħoloq fl-ICAO bil-ħsieb li jwassal għall-implimentazzjoni ta’ miżura globali unika bbażata fuq is-suq mill-2020 għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali.

(10)    Hu meħtieġ li l-Unjoni tadotta pożizzjoni ferm qabel l-Assemblea tal-ICAO li jmiss,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea li twassal għal strument għal miżura globali bbażata fuq is-suq fl-ICAO, għandha tkun skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni, u fil-korpi tal-ICAO għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri li jaġixxu b’mod konġunt, fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 2

Lill-korpi rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha żżommhom infurmati bis-sħiħ fuq id-diskussjonijiet li għaddejjin. Sabiex il-Kummissjoni tkun infurmata bis-sħiħ fuq il-fehmiet tal-Kunsill fejn tidħol l-applikazzjoni xierqa tat-termini tal-Anness, matul il-proċess il-Kummissjoni għandha tikkonsulta ma' dawn il-korpi, kull meta dan ikun meħtieġ, b'rabta mal-iżviluppi fil-korpi tal-ICAO.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) COM(2015) 81, l-4 ta' Marzu 2015
(2) Riżoluzzjoni tal-ICAO A38-18 (2013)
(3) Ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO A33-7 (2001)
(4) Ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO A35-5 (2004)
(5) ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.
(6) Ara r-riżervi tar-Riżoluzzjoni tal-ICAO tal-2013, fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna hawn fuq.
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 421/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(8) COM(2016) 110 final
(9) Ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO A33-7
(10) Ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO A35-5
(11) L-Appendiċi L tar-Riżoluzzjoni A36-22
(12) Riżervi dwar ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO tal-2007, ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO, tal-2010, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-ICAO fl-2012 li tapprova d-Dikjarazzjoni ta’ Delhi, u ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO tal-2013, ara http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/aviation/documentation_en.htm  
(13) ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3
(14) ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32
(15) COM(2015) 81, l-4 ta' Marzu 2015
(16) Ara r-riżervi tar-Riżoluzzjoni tal-ICAO tal-2013, fin-nota 4 ta’ qiegħ il-paġna hawn fuq.
(17) Ir-Regolament (UE) Nru 421/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, fid-dawl tal-implimentazzjoni sal-2020 ta' ftehim internazzjonali li japplika miżura globali unika bbażata fuq is-suq għal emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali, ĠU L 129, 30.4.2014, p. 1.