IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.4.2016
COM(2016) 175 final
ANNESS
ta' Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp u fir-riċerka fil-qasam tal-użu paċifiku tal-enerġija nukleari
Deċiżjoni tal-Kunsill
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp u fir-riċerka fil-qasam tal-użu paċifiku tal-enerġija nukleari
ANNESS
ta' Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp u fir-riċerka fil-qasam tal-użu paċifiku tal-enerġija nukleari
Deċiżjoni tal-Kunsill
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp u fir-riċerka fil-qasam tal-użu paċifiku tal-enerġija nukleari
IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA (EURATOM),
minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Komunità", fuq naħa, u
IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-INDJA,
minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "l-Indja",
min-naħa l-oħra,
minn issa 'l quddiem imsejħa "l-Partijiet",
BIX-XEWQA li jiżviluppaw aktar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika dejjiema u stabbli fl-oqsma ta’ interess komuni tal-użi paċifiċi u mhux splussivi tal-enerġija nukleari abbażi ta’ benefiċċju reċiproku u r-reċiproċità u skont il-liġijiet rispettivi u l-obbligi internazzjonali tagħhom;
Filwaqt li JIKKUNSIDRAW il-Ftehim tal-1985 dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Ekonomika bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Indja, kif ukoll il-Ftehim għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika (S&T) bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja ffirmat fl-1998, li permezz tagħhom kien hemm kooperazzjoni attiva u skambji ta’ informazzjoni;
Filwaqt li JIKKUNSIDRAW, b’mod partikolari, il-Ftehim għall-Kooperazzjoni bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Indja u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni, li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2010;
Filwaqt li JIKKUNSIDRAW l-importanza tax-xjenza u t-teknoloġija għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Komunità u tal-Indja;
Filwaqt li JIKKUNSIDRAW il-ħtieġa li jinkoraġġixxu l-applikazzjoni tar-riżultati tal-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika għall-benefiċċji ekonomiċi u soċjali komuni tagħhom;
Filwaqt li JIKKUNSIDRAW li bħalissa l-Komunità u l-Indja qed isegwu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari u li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp ta' xulxin għandhom jipprovdu benefiċċji komuni, abbażi tar-reċiproċità;
BILLI kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn il-Komunità u l-Indja għandha ttejjeb aktar ir-riċerka fl-oqsma ta' interess komuni;
BILLI kemm l-Indja u kif ukoll il-Komunità u l-Istati Membri kollha tagħha għandhom ftehimiet ta' salvagwardja speċifiċi mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA, minn hawn ’il quddiem imsemmija “l-Aġenzija”);
BILLI l-Ftehim ta’ salvagwardji bejn l-Indja u l-Aġenzija jipprevedi l-kooperazzjoni mal-Indja fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari u fl-iżvilupp ulterjuri tal-programm nukleari ċivili tal-Indja fuq bażi sostenibbli u fuq perjodu fit-tul;
Filwaqt li JAFFERMAW MILL-ĠDID l-appoġġ tal-Gvern tal-Indja, tal-Komunità u tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tagħha għall-objettivi tal-Aġenzija;
Filwaq li JINNUTAW li s-salvagwardji nukleari huma applikati fil-Komunità kemm taħt il-Kapitolu 7 tat-Trattat tal-Euratom u taħt il-ftehimiet ta' salvagwardja konklużi bejn il-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-Aġenzija;
Filwaqt li JIRRIKONOXXU li l-Indja, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha kisbu livell paragunabbli għoli fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari u fis-sigurtà mogħtija mil-liġijiet u r-regolamenti rispettivi dwar is-saħħa, is-sikurezza, l-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari u l-ħarsien tal-ambjent;
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-iskop ta' dan il-Ftehim:
1)“Partijiet” tfisser il-Gvern tal-Indja u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. “Parti” tfisser waħda mill-“Partijiet” ta’ hawn fuq;
2)"Il-Komunità" tfisser kemm:
(a)il-persuna ġuridika maħluqa mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom); u kemm
(b)it-territorji li għalihom japplika t-Trattat Euratom;
3)"Attività kooperattiva" tfisser kwalunkwe attività li l-Partijiet jinvolvu ruħhom fiha jew li jappoġġjaw, bis-saħħa ta' dan il-Ftehim u tinkludi r-riċerka konġunta;
4)"Informazzjoni" tfisser dejta xjentifika u teknika, riżultati jew metodi ta' riċerka u żvilupp li joħroġu mir-riċerka konġunta u kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa neċessarja mill-Partijiet u/jew mill-parteċipanti involuti fir-riċerka konġunta li għandha tiġi pprovduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim jew riċerka li toħroġ minnu;
5)"Proprjetà intellettwali" għandu jkollha t-tifsira definita fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellattwali, magħmula fi Stokkolma, fl-14 ta' Lulju 1967;
6)"Riċerka konġunta" tfisser ir-riċerka u l-edukazzjoni u t-taħriġ relatati, jew l-iżvilupp teknoloġiku li jiġi implimentat bl-għajnuna finanzjarja jew mingħajrha ta' waħda mill-Partijiet jew tat-tnejn li huma, u li tinvolvi l-kollaborazzjoni tal-parteċipanti kemm mill-Komunità kif ukoll mill-Indja u li tingħażel bħala riċerka konġunta bil-miktub mill-Partijiet jew il-parteċipanti tagħhom li jimplimentaw il-programmi ta' riċerka xjentifika. F'każ fejn hemm finanzjament minn Parti waħda biss, l-għażla ssir minn dik il-Parti u l-parteċipant f'dak il-proġett;
7)"Parteċipant" tfisser kwalunkwe persuna, kwalunkwe istitut tar-riċerka, kwalunkwe entità legali jew ditta jew kwalunkwe korp ieħor inklużi l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji xjentifiki u teknoloġiċi li jitħallew jipparteċipaw minn kull Parti f'attivitajiet ta' kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim, inklużi l-Partijiet infushom;
8)"Riżultati ta' attività intellettwali" tfisser informazzjoni u/jew proprjetà intellettwali.
9) “Persuni” tfisser kwalunkwe persuna fiżika, impriża jew entità oħra maħtura mill-Partijiet irregolati mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fil-ġurisdizzjoni territorjali rispettiva tal-Partijiet.
10)"Materjal nukleari” tfisser kwalunkwe materjal sors jew materjal fissjonabbli speċjali kif definit fil-Glossarju tal-IAEA
Artikolu 2
Għan
1. L-għan ġenerali ta’ dan il-Ftehim huwa li jħeġġeġ u jiffaċilita l-kooperazzjoni fir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&Ż), fl-użi paċifiċi, mhux splussivi, u mhux militari tal-enerġija nukleari abbażi tal-benefiċċju reċiproku, l-ugwaljanza u r-reċiproċità, bl-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni kooperativa ġenerali bejn il-Komunità u l-Indja u f’konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-programmi nukleari tagħhom.
2. Dan il-Ftehim għandu l-għan li jrawwem il-kooperazzjoni fir-R&Ż bejn il-Komunità u l-Indja u, b’mod partikolari, biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-entitajiet tar-riċerka ta’ kull Parti fi proġetti ta’ riċerka mwettqa fil-programmi ta’ riċerka rilevanti tal-Parti l-oħra.
3. It-termini li jinsabu f’dan il-Ftehim ma għandhomx jiġu interpretati bħala vinkolanti fuq il-Partijiet għal kwalunkwe forma ta’ esklussività u kull Parti għandha tkun intitolata li twettaq attivitajiet kummerċjali b'mod indipendenti mill-oħra.
4. Dan il-Ftehim għandu jkun implimentat b'tali mod li:
(a) jiġi evitat tfixkil jew dewmien tal-attivitajiet nukleari fit-territorju ta' kull Parti;
(b) tiġi evitata interferenza f'dawn l-attivitajiet;
(c) ikun konsistenti mal-prattiki ta' ġestjoni prudenti meħtieġa għall-kondotta ekonomika u sikura ta' dawn l-attivitajiet;
5. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma għandhomx jintużaw għall-iskop li:
(a) jinterferixxu mal-politika nukleari jew mal-programmi ta' kull Parti u lanqas biex ifixklu l-promozzjoni tal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari;
(b) jimpedixxu l-moviment ħieles ta’ materjal nukleari, materjal mhux nukleari u tagħmir fi ħdan it-territorju tal-Komunità jew fit-territorju tal-Indja.
Artikolu 3
Prinċipji
L-attivitajiet ta' kooperazzjoni għandhom jitwettqu fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin:
1)il-benefiċċju reċiproku bbażat fuq bilanċ kumplessiv ta' vantaġġi;
2)aċċess reċiproku għall-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku b'impenn minn kwalunkwe Parti;
3)skambju opportun ta' informazzjoni li tista’ taffettwa l-azzjonijiet tal-parteċipanti f'attivitajiet ta' kooperazzjoni;
4)protezzjoni effettiva ta' proprjetà intellettwali u tqassim ġust tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
Artikolu 4
Oqsma tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni fir-R&Ż
Il-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim tista’ tkopri l-attivitajiet kollha tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, minn hawn ’il quddiem imsejħa “R&Ż”, previsti fil-Programmi Qafas tal-Euratom tal-Komunità għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ skont l-Artikolu 7 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità u l-attivitajiet R&Ż fl-Indja fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi korrispondenti. Din il-kooperazzjoni għandha titwettaq fl-ambitu tal-kompetenzi u l-programmi rispettivi ta’ kull Parti u f'konformità mal-liġijiet rispettivi u l-obbligi internazzjonali tagħhom. Din tista’ tinkludi l-oqsma R&Ż li ġejjin:
Fissjoni Nukleari
–i) is-sikurezza tar-reatturi għajr dawk mgħobbija b'arrikkiment għoli ta' uranju ('il fuq minn 20 % U235), u s-sikurezza tal-impjanti u ċ-ċiklu tal-fjuwil relatat ma’ dawn ir-reatturi;
–ii) il-protezzjoni mir-radjazzjoni u l-monitoraġġ tal-ambjent;
–iii) il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv, b’mod partikolari tnaqqis tal-volum tal-iskart, l-ikkondizzjonar u l-imġiba fil-ħażna;
–(iv) id-dekummissjonar, id-dekontaminazzjoni u l-ħatt ta' stallazzjonijiet nukleari
Avvanzi fl-iżvilupp ta’ tekniki u metodoloġiji għas-sikurezza, is-sigurtà u s-salvagwardji nukleari;
Riċerka bażika u applikata fix-xjenzi nukleari;
Applikazzjonijiet tat-teknoloġija nukleari f'ambiti mhux tal-enerġija bħalma huma l-agrikoltura, il-kura tas-saħħa, l-isotopi industrijali;
Fużjoni termonukleari kontrollata;
Edukazzjoni u t-taħriġ;
Oqsma oħra ta’ kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-iżvilupp nukleari ċivili kif jistgħu jiġu maqbula b’mod reċiproku mill-Partijiet sa fejn ikunu koperti mill-programmi rispettivi tagħhom.
Il-kooperazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu, kif inhi bejn il-Partijiet, tista' ssir ukoll bejn persuni u impriżi awtorizzati stabbiliti fit-territorji rispettivi tal-Partijiet.
Artikolu 5
Għamliet tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni
1.Suġġett għal-liġijiet, ir-regolamenti u l-politiki rispettivi applikabbli tagħhom, il-Partijiet għandhom irawmu, sal-limitu massimu prattikabbli, l-involviment ta' parteċipanti permezz ta' dan il-Ftehim bil-għan li jipprovdu opportunitajiet komparabbli għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp xjentifiċi u teknoloġiċi rispettivi tagħhom.
2.L-attivitajiet ta' kooperazzjoni jistgħu jieħdu l-forom li ġejjin:
(a)parteċipazzjoni tal-entitajiet Indjani tar-riċerka fi proġetti R&Ż taħt il-Programmi Qafas tal-Euratom tal-Komunità għall-attivitajiet tar-riċerka nukleari u tat-taħriġ u l-parteċipazzjoni ta' entitajiet tar-riċerka stabbiliti fil-Komunità fi programmi Indjani R&Ż simili. Din il-parteċipazzjoni hija soġġetta għar-regoli u l-proċeduri li japplikaw għall-programmi tar-R&Ż ta' kull Parti;
(b)proġetti konġunti tar-R&Ż: il-proġetti konġunti tar-R&Ż għandhom ikunu implimentati meta l-parteċipanti jkunu żviluppaw pjan tal-ġestjoni teknoloġika, kif indikat fl-Anness A.
(c)żjajjar u skambji ta' studenti, xjentisti u esperti tekniċi;
(d)organizzazzjoni konġunta ta' seminars, konferenzi, simpożji,. sessjonijiet ta' ħidma xjentifiċi, u skejjel fuq perjodu ta' żmien qasir, kif ukoll il-parteċipazzjoni ta' esperti f'dawk l-attivitajiet;
(e)skambji, tqassim u trasferiment ta' kampjuni, materjali, strumenti u apparat għal għanijiet sperimentali;
(f)skambji ta' informazzjoni fuq prattiki, liġijiet, regolamenti u programmi rilevanti għal kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim;
(g)kwalunkwe modalità oħra rrakkomandata mill-Kumitat tat-Tmexxija, stabbilit f'konformità mal-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim, u li tkun konformi mal-politiki u mal-proċeduri applikabbli għaż-żewġ Partijiet.
Artikolu 6
Użu paċifiku
1.
Il-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim għandha titwettaq biss għal għanijiet paċifiċi u mhux splussivi.
2.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-materjal, il-materjal nukleari, it-tagħmir u t-teknoloġija ttrasferiti skont dan il-Ftehim, kif ukoll il-materjal nukleari rkuprat jew miksub bħala prodott sekondarju, jintużaw biss għal għanijiet paċifiċi u mhux splussivi.
Artikolu 7
Sikurezza nukleari
Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-“Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari” (id-dokument CNS-IAEA INFCIRC/449) li għalihom l-Indja, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha huma partijiet. Ma għandu jiġi impost l-ebda obbligu addizzjonali ma’ dawk assunti skont is-CNS mill-Partijiet għall-Ftehim u mill-Istati Membri tal-Komunità.
Artikolu 8
Salvagwardji nukleari
1.
Il-materjal nukleari u t-tagħmir trasferit skont dan il-Ftehim lejn ir-Repubblika tal-Indja, kif ukoll il-ġenerazzjonijiet suċċessivi ta’ materjal nukleari rkuprat jew miksub bħala prodott sekondarju, għandhom ikunu u jibqgħu soġġetti għas-salvagwardji tal-IAEA skont il-Ftehim bejn il-Gvern tal-Indja u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika għall-applikazzjoni tas-salvagwardji fil-faċilitajiet nukleari ċivili (INFCIRC/754), li daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2009 u l-addenda sussegwenti tiegħu;
2.
Il-materjal nukleari u t-tagħmir trasferit skont dan il-Ftehim, lejn l-Istati Membri tal-Komunità, kif ukoll il-ġenerazzjonijiet suċċessivi ta’ materjal nukleari rkuprat jew miksub bħala prodott sekondarju, għandhom ikunu u jibqgħu soġġetti għas-salvagwardji tal-Euratom skont it-Trattat Euratom u s-salvagwardji tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika skont il-ftehimiet li ġejjin:
i)
Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika Portugiża, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Iżvezja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tar-Rumanija, il-Komunità u l-Aġenzija fl-implimentazzjoni tal-Artikolu III (1) u (4) tat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni tal-Armi Nukleari magħmul fil-5 ta' April 1973 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim tas-Salvagwardji għall-Istati Membri tal-Komunità mingħajr armi nukleari”), kif miżjud permezz ta’ Protokoll Addizzjonali, magħmul fit-22 ta' Settembru 1998 (INFCIRC/193);
ii)
Il-Ftehim bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Komunità u l-Aġenzija għall-applikazzjoni tas-salvagwardji fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq b’konnessjoni mat-Trattat dwar in-Non-proliferazzjoni, magħmul fis-6 ta' Settembru 1976 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Salvagwardji għar-Renju Unit”), kif supplimentat permezz ta' Protokoll Addizzjonali magħmul fit-22 ta' Settembru 1998 (INFCIRC/263); u
iii)
Il-Ftehim bejn Franza, il-Komunità u l-Aġenzija għall-applikazzjoni tas-salvagwardji fi Franza, magħmul fis-27 ta' Lulju 1978 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim tas-Salvagwardji għal Franza"), kif supplimentat permezz ta' Protokoll Addizzjonali magħmul fit-22 ta' Settembru 1998 (INFCIRC/290).
Artikolu 9
Trasferimenti mill-ġdid
1.
Il-Parti riċeventi għandha tfittex il-kunsens minn qabel bil-miktub tal-parti fornitriċi għal kwalunkwe trasferiment mill-ġdid lil hinn mill-ġurisdizzjoni territorjali tal-Partijiet ta’ materjal, materjal nukleari, tagħmir u teknoloġiji relatati trasferiti lilha skont dan il-Ftehim.
2.
Il-Parti riċeventi għandha tfittex ukoll il-kunsens minn qabel bil-miktub mill-Parti fornitriċi għal kwalunkwe trasferiment ta’ materjal, materjal nukleari, tagħmir u teknoloġiji relatati rkuprati, prodotti jew miksuba permezz tal-użu ta’ materjal, materjal nukleari, tagħmir u teknoloġiji relatati li oriġinarjament kienu ġew ittrasferiti lilha mill-Parti fornitriċi.
3.
Il-Parti riċeventi għandha tikseb ukoll tikseb assigurazzjonijiet minn gvern għal gvern mill-Parti terza lil min biħsiebha twettaq trasferiment mill-ġdid kif deskritt fil-paragrafu 1 jew trasferiment kif deskritt fil-paragrafu 2 li jikkonfermaw li l-oġġetti li ġew trasferiti mill-ġdid jew li ġew trasferiti se:
a) jintużaw biss għal għanijiet paċifiċi u mhux splussivi, u
b) se jkunu soġġetti għas-salvagwardji tal-IAEA.
Artikolu 10
Koordinazzjoni u faċilitazzjoni ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni
1.Il-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni permezz ta' dan il-Ftehim għandhom jitwettqu f'isem l-Indja, mid-Dipertiment tal-Enerġija Atomika u, f'isem il-Komunità, mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-ġestjoni tal-azzjonijiet tar-riċerka permezz tal-Programmi Qafas tal-Euratom, li jaġixxu bħala aġenti eżekuttivi.
2.L-aġenti eżekuttivi għandhom jistabbilixxu Kumitat ta' Tmexxija għall-Kooperazzjoni R&Ż, minn hawn 'il quddiem imsemmi "il-Kumitat tat-Tmexxija" għall-ġestjoni ta' dan il-Ftehim; dan il-Kumitat għandu jkun magħmul minn numru ndaqs ta' rappreżentanti uffiċjali ta' kull Parti; huwa jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.
3.Il-funzjonijiet tal-Kumitat tat-Tmexxija għandhom jinkludu:
(a)il-promozzjoni u s-sorveljanza tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni differenti R&Ż kif imsemmi fl-Artikolu 5;
(b)ir-rakkomandazzjoni ta' proġetti konġunti tal-R&Ż, biex ikunu sponsorjati fuq bażi ta' tqassim tal-ispejjeż mill-Partijiet, riċevuti bi tweġiba għal Sejħa Konġunta għat-test ta' Proposta approvata maħruġa simultanjament mill-Aġenti Eżekuttivi;
Il-proġetti konġunti, li kienu mogħtija mix-xjentisti ta' naħa minnhom għall-parteċipazzjoni fil-programmi tan-naħa l-oħra, jintgħażlu minn kull Parti skont il-proċess tal-għażla rispettiva ta' kull Parti bil-parteċipazzjoni possibbli ta' esperti miż-żewġ naħat;
(c)indikazzjoni, għas-sena li jmiss, skont l-Artikolu 5.2 (a), fost is-setturi potenzali għall-kooperazzjoni R&Ż, ta' dawk is-setturi jew subsetturi ta' prijorità ta' interess reċiproku li fihom tkun imfittxija l-kooperazzjoni;
(d)il-proponiment, skont l-Artikolu 5.2, (c), lix-xjentisti taż-żewġ Partijiet tal-ġbir tal-proġetti tagħhom li kienu jkunu ta' vantaġġ reċiproku u kumplimentarji;
(e)il-verifika li l-Artikolu 5.2 (e), (f) u (g) huwa implimentat b’konsistenza sħiħa mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim;
(f)il-ħruġ ta' rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 5.2;
(g)l-għoti ta' pariri lill-Partijiet dwar modi sabiex iżidu u jtejbu l-kooperazzjoni, b'mod konsistenti mal-prinċipji stabbiliti f'dan il-Ftehim;
(h)ir-rieżami tal-funzjonament u l-implementazzjoni effiċjenti ta' dan il-Ftehim;
(i)il-provvidment annwali ta' rapport lill-Partijiet dwar il-qagħda, il-livell milħuq u l-effettività tal-kooperazzjoni mwettqa permezz ta' dan il-Ftehim.
4.Il-Kumitat tat-Tmexxija, bħala regola ġenerali, għandu jiltaqa’ kull sena, u skont skeda miftiehma b'mod konġunt; il-laqgħat għandhom isiru darba fil-Komunità u darba fl-Indja. Laqgħat straordinarji jistgħu jkunu organizzati fuq talba ta' waħda mill-Partijiet.
5.Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tat-Tmexxija għandhom jintlaħqu b'kunsens. Il-minuti, li jinkludu rekord ta' deċiżjonijiet u l-punti prinċipali diskussi, għandhom jittieħdu f'kull laqgħa. Dawn il-minuti għandu jkun hemm qbil dwarhom mill-Ko-Presidenti nominati tal-Kumitat tat-Tmexxija.
6.L-ispejjeż apparti minn dawk għall-ivvjaġġar u l-akkommodazzjoni li huma direttament assoċjati mal-laqgħat tal-Kumitat tat-Tmexxija għandhom jiġġarrbu mill-Parti ospitanti. Spejjeż oħra involuti mill-Kumitat tat-Tmexxija jew f'ismu għandhom jiġġarrbu mill-Parti li magħha l-membri jkunu marbuta.
Artikolu 11
Fondi
1.L-attivitajiet ta' kooperazzjoni għandhom ikunu suġġetti għad-disponibbiltà tal-fondi xierqa u għal-liġijiet u r-regolamenti, il-politiki u l-programmi applikabbli tal-Partijiet. L-ispejjeż imġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet ta' kooperazzjoni mhu se jwasslu għal xi trasferiment ta' fondi minn Parti għall-oħra.
2.Meta skemi kooperattivi speċifiċi ta' Parti waħda jipprovdu għal appoġġ finanzjarju lill-parteċipanti mill-Parti l-oħra, dawn l-għotjiet jew kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom jiġu implimentati f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fit-territorji ta' kull Parti. F’dan il-każ, ftehim speċifiku għandu jiddeskrivi t-termini u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati, li mhux se jikkontradixxu t-termini ta' dan il-Ftehim.
Artikolu 12
Dħul tal-persunal u tal-apparat ta' sperimentazzjoni
Kull Parti għandha tieħu dawk il-passi raġjonevoli kollha u tuża l-aħjar sforzi tagħha, fil-qafas tal-liġijiet u tar-regolamenti applikabbli fit-territorji ta' kull Parti, biex jiffaċilitaw id-dħul, is-soġġorn u l-ħruġ mit-territorju tagħha ta' persuni, materjal, dejta, kampjuni, strumenti u apparat għal għanijiet sperimentali involuti jew użati fl-attivitajiet ta' kooperazzjoni identifikati mill-Partijiet permezz tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.
Artikolu 13
Diffużjoni u utilizzazzjoni tal-informazzjoni
1.
L-entitajiet tar-riċerka stabbiliti fl-Indja li huma involuti fil-proġetti R&Ż tal-Komunità għandhom isegwu, f'dak li jirrigwarda s-sjieda, id-diffużjoni u l-utilizzazzjoni tal-informazzjoni u f'dak li jirrigwarda l-proprjetà intellettwali li tirriżulta minn dan l-involviment, ir-regoli ta' diffużjoni tar-riżultati tar-riċerka li jirriżultaw minn programmi R&Ż speċifiċi tal-Komunità kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Anness A ta' dan il-Ftehim, li huwa parti integrali ta' dan il-Ftehim. Madankollu, dan l-Anness jista’ jiġi modifikat mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.
2.
L-entitajiet tar-riċerka stabbiliti fil-Komunità li huma involuti fil-proġetti R&Ż tal-Indja għandhom isegwu, f'dak li jirrigwarda s-sjieda, id-diffużjoni u l-utilizzazzjoni tal-informazzjoni u f'dak li jirrigwarda l-proprjetà intellettwali li tirriżulta minn dan l-involviment, ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-entitajiet tar-riċerka Indjani kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Anness A ta' dan il-Ftehim.
3.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx jintużaw bl-għan li jfittxu vantaġġi kummerċjali jew industrijali, u lanqas li jinterferixxu fl-interessi industrijali jew kummerċjali, kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali, ta’ kull waħda mill-Partijiet jew persuni awtorizzati, u lanqas jinterferixxu mal-politika nukleari ta’ kull Parti jew tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Komunità.
Artikolu 14
Kunfidenzjalità
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12, kull Parti timpenja ruħha li żżomm sigriet, sa massimu ta’ 10 snin wara li jintemm jew jispiċċa dan il-Ftehim, kwalunkwe informazzjoni, fatti jew avvenimenti li jikkonċernaw il-Parti l-oħra u li mhumiex direttament marbuta mas-suġġett tal-Ftehim li setgħu ltaqgħu magħhom fil-perjodu tat-twettiq tiegħu, sakemm din l-informazzjoni ma tkunx saret pubblika (għajr b'riżultat ta’ żvelar minn Parti fi ksur ta’ dan il-Ftehim jew kwalunkwe obbligu ieħor).
Artikolu 15
Ftehimiet bilaterali dwar il-kooperazzjoni nukleari
1.
Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għal ftehimiet bilaterali eżistenti, b’mod partikolari, il-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Indja u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fil-qasam tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni li daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2010, jew ftehimiet konklużi bejn l-Indja u l-Istati Membri individwali tal-Komunità.
2.
L-Istati Membri tal-Komunità li huma lesti jistabbilixxu kooperazzjoni bilaterali mal-Indja jistgħu jagħmlu hekk taħt dan il-Ftehim.
Artikolu 16
Liġi applikabbli
Dan il-Ftehim għandu jiġi interpretat f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi fis-seħħ fil-Komunità u fl-Indja kif ukoll mal-obbligi internazzjonali tal-Partijiet. Fil-każ tal-Komunità, il-liġi applikabbli tinkludi t-Trattat Euratom u l-leġiżlazzjoni dderivata minnu.
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ, terminazzjoni u soluzzjoni ta' kwistjonijiet
1.
Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jgħarrfu lil xulxin bil-miktub li l-proċeduri legali tagħhom għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim ikunu twettqu.
2.
Dan il-Ftehim jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ għaxar snin. Sussegwentement, dan il-Ftehim għandu jiġġedded awtomatikament għal perjodi addizzjonali ta’ ħames snin, sakemm Parti ma tinnotifikax lill-Parti l-oħra dwar l-intenzjoni tagħha li ttemm dan il-Ftehim skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu.
3.
L-Anness ta' dan il-Ftehim jifforma parti integrali minn dan il-Ftehim u jista' jiġi emendat skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.
4.
Dan il-Ftehim jista' jkun emendat fi ftehim tal-Partijiet. L-Emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-kitba li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għall-emendi ta' dan il-Ftehim ikunu ġew imwettqa.
5.
Kwalunkwe Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim, billi tagħti avviż ta' sitt xhur bil-miktub lill-Parti oħra. L-iskadenza u t-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw il-validità jew it-tul ta' xi arranġamenti li jkunu saru permezz tiegħu, jew ta' xi drittijiet u obbligi speċifiċi li jkunu akkumulaw f'konformità mal-Anness A.
6.
Jekk kwalunkwe Parti jew Stat Membru tal-Komunità f’kull ħin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim jieħu azzjoni ta’ kwalunkwe tip li tirriżulta fi ksur ta’ materjal tal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li twaqqaf il-kooperazzjoni ulterjuri taħt dan il-Ftehim jew li tissospendi jew ittemm bis-sħiħ jew parzjalment, dan il-Ftehim permezz ta’ notifika bil-miktub għal dak l-għan.
7.
Kull mistoqsija jew tilwima li għandha x’taqsam mal-interpretazzjoni jew mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi solvuta bi ftehim reċiproku bejn il-Partijiet fil-qafas tal-Kumitat ta' Tmexxija stabbilit fl-Artikolu 10.
8.
Anki jekk tintemm bis-sħiħ jew in parti l-kooperazzjoni ulterjuri skont dan il-Ftehim, jew f'każ li dan il-Ftehim jiġi terminat għal kwalunwke raġuni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 13 u 14 ta’ dan il-Ftehim għandhom jibqgħu japplikaw.
Artikolu 18
Lingwi awtentiċi
Dan il-Ftehim għandu jiġi miktub duplikat bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Netherlandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża u bil-Ħindi, u kull test ikun ugwalment awtentiku.
B'xiehda ta' dan, dawk hawn taħt iffirmati, awtorizzati kif għandu jkun għalhekk, iffirmaw dan il-Ftehim.
|
Għall-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika
|
Għall-Gvern tar-Repubblika tal-Indja
Id-Dipartiment tal-Enerġija Atomika
|
ANNESS A
DRITTIJIET TA' PROPRJETÀ INTELLETTWALI
Id-drittijiet għall-proprjetà intellettwali li nħolqu jew ingħataw skont dan il-Ftehim għandhom jiġu allokati kif previst f'dan l-Anness.
APPLIKAZZJONI
Dan l-Anness huwa applikabbli għar-riċerka konġunta mwettqa permezz tal-Ftehim, għajr jekk mifthiem mod ieħor mill-Partijiet.
I.
Sjieda, allokazzjoni u eżerċitar tad-drittijiet
1.
Għall-għanijiet ta' dan l-Anness "proprjetà intellettwali" hija definita fl-Artikolu 1 tal-Ftehim.
2.
Dan l-Anness jindirizza l-allokazzjoni tad-drittijiet u l-interessi tal-Partijiet u tal-parteċipanti tagħhom. Kull Parti u l-parteċipanti tagħha għandhom jiżguraw li l-Parti l-oħra u l-parteċipanti tagħha jkunu jistgħu jakkwistaw id-drittijiet għall-proprjetà intellettwali allokati lilha f'konformità ma’ dan l-Anness. Dan l-Anness ma jbiddilx jew jippreġudika b’mod ieħor l-allokazzjoni tad-drittijiet, interessi u royalties bejn Parti u ċ-ċittadini jew il-parteċipanti tagħha, li se jkunu stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiki ta’ kull Parti u f’konformità mar-regoli internazzjonali (il-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO)) u mar-regoli nazzjonali rispettivi applikabbli fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.
3.
Il-Partijiet għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin, li għandhom jiġu pprovduti b’arranġamenti kuntrattwali speċifiċi:
(a)
protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali inklużi d-drittijiet tal-awtur tas-softwer. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li huma u/jew il-parteċipanti tagħhom jinnotifikaw lil xulxin fi żmien raġonevoli dwar il-ħolqien ta' kwalunkwe proprjetà intellettwali li jsir skont il-Ftehim jew l-arranġamenti tal-implimentazzjoni u li jfittxu protezzjoni għal tali proprjetà intellettwali li tkun xierqa u f'waqtha;
(b)
sfruttament effettiv tar-riżultati;
(c)
jitqiesu l-kontribuzzjonijiet tal-Partijiet u tal-parteċipanti tagħhom meta jkunu jiġu determinati d-drittijiet u l-interessi tal-Partijiet u tal-parteċipanti;
(d)
trattament mhux diskriminatorju tal-parteċipanti mill-Parti l-oħra meta mqabbel mat-trattament mogħti lill-parteċipanti proprji, fir-rigward ta' sjieda, użu u disseminazzjoni ta' informazzjoni u sjieda, allokazzjoni u eżerċizzju tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
(e)
protezzjoni tal-informazzjoni konfidenzjali tan-negozju.
4.
Il-parteċipanti għandhom jiżviluppaw b'mod konġunt Pjan ta' Ġestjoni tat-Teknoloġija (TMP). It-TMP huwa ftehim speċifiku li għandu jkun konkluż bejn il-parteċipanti tar-riċerka konġunta li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom, inklużi dawk fir-rigward tas-sjieda u l-użu, inkluża l-pubblikazzjoni, ta' informazzjoni u proprjetà intellettwali li għandha tinħoloq matul riċerka konġunta. Fir-rigward ta' proprjetà intellettwali (IP), it-TMP normalment ser jindirizza, fost affarijiet oħra, is-sjieda, il-protezzjoni, id-drittijiet tal-utent għall-iskopijiet ta' riċerka u żvilupp, l-isfruttament u d-disseminazzjoni, inklużi arranġamenti għall-pubblikazzjoni konġunta, id-drittijiet u l-obbligi ta' riċerkaturi fuq żjara u l-proċeduri ta' soluzzjoni tat-tilwim. It-TMP għandu jindirizza wkoll it-trattament ta' informazzjoni mill-quddiem u fl-isfond, l-għoti ta' liċenzi u r-riżultati tanġibbli. It-TMP għandu jkun żviluppat fi ħdan ir-regoli u r-regolamenti fis-seħħ f'kull Parti u bla preġudizzju għar-regoli internazzjonali (b'referenza għall-konvenzjonijiet tal-WIPO) u għar-regoli nazzjonali rispettivi applikabbli fil-qasam tal-IP filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tar-riċerka konġunta, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew kontributi oħra relattivi tal-Partijiet u l-parteċipanti, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-għotja tal-liċenzji skont it-territorju jew għall-oqsma tal-użu, ir-rekwiżiti imposti mil-liġijiet nazzjonali applikabbli, il-bżonn għal proċeduri ta' soluzzjoni ta' tilwim u fatturi oħrajn meqjusa xierqa mill-parteċipanti. Id-drittijiet u l-obbligi li jikkonċernaw ir-riċerka ġenerata minn riċerkaturi fuq żjara fir-rigward tal-IP għandhom ukoll ikunu indirizzati fil-pjanijiet konġunti tal-ġestjoni tat-teknoloġija. It-TMP għandu jkun approvat mill-aġenziji tal-finanzjament responsabbli jew mid-dipartimenti tal-Partijiet involuti fil-finazjament tar-riċerka, qabel il-konklużjoni tal-kuntratti speċifiċi ta’ kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-iżvilupp li jkunu allokati magħhom.
5.
Informazzjoni jew proprjetà intellettwali maħluqa matul riċerka konġunta u mhux indirizzata fit-TMP se tiġi allokata skont il-prinċipji stabbiliti fit-TMP li jrid jiġi konkluż mill-iktar fis. Fil-każ li ma jkunx hemm TMO jew f'każ ta' nuqqas ta' qbil li ma jistax jissolva bil-proċedura ta' soluzzjoni tal-kwistjonijiet miftiehma, din l-informazzjoni jew l-IP għandhom ikunu proprjetà konġunta tal-parteċipanti kollha involuti fir-riċerka konġunta li minnha ħarġet l-informazzjoni jew l-IP. Kull parteċipant li għalih tapplika din id-dispożizzjoni għandu jkollu d-dritt li juża tali informazzjoni jew l-IP għall-isfruttament kummerċjali tiegħu mingħajr limitazzjoni ġeografika.
6.
Skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli, u filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji msemmija hawn fuq, kull Parti tassigura li l-Parti l-oħra u l-parteċipanti tagħha jista' jkollhom id-drittijiet għall-IP allokati għalihom.
7.
FIlwaqt li jinżammu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-oqsma affettwati bil-Ftehim, kull Parti għandha tagħmel sforz biex tassigura li d-drittijiet akkwistati bis-saħħa tal-Ftehim u l-arranġamenti magħmula permezz tiegħu jkunu eżerċitati b'tali mod hekk li jinkorraġġixxu, partikolarment id-diseminazzjoni u l-użu tal-informazzjoni maħluqa, żvelata jew disponibbli b'mod ieħor permezz tal-ftehim.
8.
It-tmiem jew l-iskadenza tal-Ftehim ma jaffettwawx id-drittijiet jew l-obbligi tal-parteċipanti fir-rigward tal-proprjetà intellettwali taħt proġetti approvati li jkunu għaddejjin f'konformità ma' dan l-Anness.
II.
Xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur u xogħlijiet letterarji xjentifiċi
Id-drittijiet tal-awtur li jappartjenu lill-Partijiet jew lill-parteċipanti tagħhom għandhom jingħataw trattament konsistenti mal-Konvenzjoni ta' Berne (l-Att ta' Pariġi 1971) u l-Ftehim TRIPS. Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima I u l-possibbiltà li jinkiseb dritt għall-proprjetà intellettwali u għat-Taqsima III, u sakemm mhux miftiehem mod ieħor fit-TMP, ir-riżultati tar-riċerka għandhom ikunu ppubblikati b'mod konġunt mill-Partijiet jew mill-parteċipanti. Soġġett għal din ir-regola ġenerali, għandhom japplikaw il-proċeduri li ġejjin:
1.
Fil-każ ta' pubblikazzjoni minn Parti jew parteċipanti tagħha f'ġurnali, artikoli, rapporti, kotba, inkluż vidjo xjentifiċi u tekniċi li ġejjin minn riċerka konġunta skont il-Ftehim, il-Parti l-oħra jew il-parteċipanti tagħha jkunu intitolati għal liċenzja fid-dinja kollha, mhux esklussiva, irrevokabbli, mingħajr drittijiet tal-awtur biex jittraduċu jirriproduċu, jadattaw, jittrasmettu, u jqassmu pubblikament dawn ix-xogħlijiet.
2.
Il-Partijiet ser jaħdmu biex ixerrdu kemm jista' jkun ix-xogħlijiet letterarji ta' karattru xjentifiku li jirriżultaw mir-riċerka konġunta permezz tal-Ftehim u ppubblikati minn pubblikaturi indipendenti.
3.
Il-kopji kollha ta' xogħol bid-dritt tal-awtur li jkunu distribwiti pubblikament u ppreparati permezz ta' din id-dispożizzjoni, għandhom jindikaw l-isem tal-awtur(i) tax-xogħol sakemm l-awtur ma jkunx ċaħad espliċitament li jiġi msemmi. Il-kopji għandu jkollhom ukoll konferma li tidher ċara tal-appoġġ kooperattiv tal-Partijiet.
III.
Informazzjoni mhux żvelata
A.
Informazzjoni dokumentarja mhux żvelata
1.
Kull Parti, l-aġenziji tagħha jew il-parteċipanti tagħha, kif xieraq, għandhom jidentifikaw b'mezzi dokumentarji xierqa, l-aktar kmieni possibbli u preferibbilment fit-TMP, l-informazzjoni li jixtiequ li tibqa' mhix magħrufa fir-rigward tal-Ftehim, billi jiġu kkunsidrati inter alia l-kriterji li ġejjin:
(a)
is-segretezza tal-informazzjoni fis-sens li, bħala korp jew fil-konfigurazzjoni preċiża jew fil-muntaġġ tal-komponenti tagħha, ma tkunx ġeneralment magħrufa, jew aċċessibbli fil-pront b'mezzi legali għaliha, fost esperti fl-oqsma;
(b)
il-valur kummerċjali attwali jew potenzali tal-informazzjoni bis-saħħa tas-segretezza tagħha;
(c)
il-protezzjoni preċedenti tal-informazzjoni fis-sens li kienet soġġetta għal modi li kienu raġonevoli taħt iċ-ċirkostanzi mill-persuna li legalment għandha l-kontroll li żżomm is-segretezza tagħha. Il-Partijiet u l-parteċipanti tagħhom jistgħu f'ċertu każi jaqblu li, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-informazzjoni kollha pprovduta, jew partijiet minnha, skambjata jew maħluqa matul ir-riċerka konġunta bis-saħħa tal-Ftehim, ma tistax tkun żvelata.
2.
Kull Parti għandha tassigura li hija u l-parteċipanti tagħha jidentifikaw biċ-ċar l-informazzjoni mhux żvelata, pereżempju permezz ta' markar xieraq jew didaskalija restrittiva, inkella bi ftehim ta' kunfidenzjalità xieraq. Dan japplika wkoll għal kwalunkwe riproduzzjoni tat-tali informazzjoni, kollha kemm hi jew parti minnha, li għandu jkollha l-istess marki jew didaskaliji. Parti li tirċievi informazzjoni mhux żvelata bis-saħħa tal-Ftehim se tirrispetta n-natura privileġġata tagħha. Dawn il-limitazzjonijiet għandhom awtomatikament jintemmu meta din l-informazzjoni tkun żvelata mill-proprjetarju fid-dominju pubbliku.
3.
Informazzjoni mhux żvelata kkomunikata skont dan il-Ftehim tista' tixxerred mill-Parti riċeventi lil persuni fi ħdanha jew impjegati mill-Parti li tirċievi u dipartimenti oħra kkonċernati jew aġenziji tal-Parti riċeventi awtorizzati għall-iskopijiet speċifiċi tar-riċerka konġunta li għaddejja biss, diment li kwalunkwe informazzjoni mhux żvelata mxerrda b'dan il-mod tkun skont ftehim ta' kunfidenzjalità bil-miktub u għandha tkun rikonoxxibbli fil-pront bħala tali, kif stabbilit hawn fuq fil-punt 2.
4.
Bil-kunsens minn qabel bil-miktub tal-Parti li tipprovdi l-informazzjoni mhux żvelata permezz ta' dan il-Ftehim, il-Parti li tirċievi tista' xxerred informazzjoni mhux żvelata bħal din f'medda usa' milli mod ieħor permissibbli fil-paragrafu 3. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-iżvilupp ta' proċeduri għat-talba u l-kisba ta' kunsens minn qabel bil-miktub għal disseminazzjoni usa' bħal din, u kull Parti għandha tagħti tali approvazzjoni sal-limitu permissibbli skont il-politiki, ir-regolamenti u l-liġijiet domestiċi tagħha.
B. Informazzjoni mhux dokumentarja mhux żvelata
1. F’każijiet fejn informazzjoni mhux żvelata tiġi kkomunikata mill-Parti fornitriċi verbalment u b’mod partikolari li toħroġ minn seminars, laqgħat, żjajjar fi stabbilimenti jew laboratorji, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4 se japplikaw mutatis mutandis, sakemm il-fornitur u r-riċevitur ta’ tali informazzjoni mhux żvelata jew informazzjoni oħra kunfidenzjali jew privileġġata flimkien ma jistabbilixxux, qabel kwalunkwe komunikazzjoni verbali, memorandum li jiddeskrivi l-limiti u l-kontenut ta’ dawk il-komunikazzjonijiet verbali.
2. Kontroll
Kull Parti għandha tipprova tassigura li informazzjoni mhux żvelata li tkun riċeviet taħt dan il-Ftehim tkun kontrollata kif provvdut hawnhekk. Jekk waħda mill-Partijiet issir konxja li jaf ma tkunx tista' tissodisfa d-dispożizzjonijiet tan-nuqqas ta' disseminazzjoni ta' din it-Taqsima, jew li raġonevolment tkun mistennija li ma tissodisfahomx, din għandha tinforma lill-Parti l-oħra immedjatament. Wara, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bejniethom biex jiddeterminaw kif għandhom jipproċedu b'mod xieraq.
__________________