IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.2.2016
COM(2016) 82 final
2016/0050(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/50/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KEE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2016) 35 final}
{SWD(2016) 36 final}
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
1.1.Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
L-objettiv tal-inizjattiva huwa li tiffaċilita l-mobilità tal-forza tax-xogħol fis-settur tat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni billi tiżgura li l-kwalifiki tal-ħaddiema tas-sengħa jiġu rikonoxxuti madwar l-Unjoni. L-inizjattiva tibni fuq aktar minn 19-il sena ta' esperjenza fl-implimentazzjoni tad-Direttivi 96/50/KE u 91/672/KEE li madankollu huma limitati għar-rikonoxximent reċiproku tal-boatmasters li joperaw fil-passaġġi fuq l-ilma interni tal-UE għajr ix-xmara Renu.
It-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni (IWT) huwa mezz ta' trasport li jiffranka l-ispejjeż u effiċjenti fl-enerġija li jista' jintuża b'mod aktar effiċjenti biex jappoġġja l-effiċjenza enerġetika, it-tkabbir u l-għanijiet tal-iżvilupp industrijali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-kontribut tiegħu huwa mfixkel minn diffikultajiet f'termini ta' mobilità tal-forza tax-xogħol, postijiet vakanti u nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet persistenti, li jkomplu minkejja attentati mis-settur biex jindirizza l-problemi fuq livell bilaterali u multilaterali. Ir-rekwiżiti minimi li jvarjaw għal kwalifiki professjonali madwar l-Istati Membri ma jipprovdux assigurazzjoni suffiċjenti għal pajjiżi individwali fir-rigward tar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali tal-ekwipaġġ minn Stati Membri oħra, b'mod partikolari hekk kif din taffettwa wkoll is-sikurezza tan-navigazzjoni.
Għalhekk, din l-inizjattiva tipproponi li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali lil hinn mil-livell ta' boatmasters għall-ekwipaġġ kollu involut fl-operazzjoni tal-bastimenti, inkluż fuq ix-xmara Renu. Biex tinħoloq il-kunfidenza meħtieġa li hija prerekwiżit għal dan ir-rikonoxximent, din l-inizjattiva tipproponi li tibbaża r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fuq il-kompetenzi li huma meħtieġa għall-operazzjoni ta' bastimenti u li tibbilanċja r-rikonoxximent tal-kwalifiki b'salvagwardji li jintroduċu standards fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kompetenza, l-approvazzjoni tal-programmi ta' taħriġ u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni taċ-ċertifikazzjoni u t-taħriġ.
L-inizjattiva twieġeb għat-talbiet li ilhom isiru mis-settur u mill-Istati Membri biex jiġi rivedut il-qafas legali skadut eżistenti u jiġi sostitwit b'qafas modern ibbażat fuq il-kompetenza f'konformità mal-approċċ lejn ir-rikonoxximent ta' kwalifiki għal mezzi oħra ta' trasport.
1.2.Konsistenza mal-politiki eżistenti f'dan il-qasam
Id-Direttiva 91/672/KEE u d-Direttiva 96/50/KE jipprovdu għar-rikonoxximent reċiproku u jistabbilixxu rekwiżiti minimi għall-akkwist taċ-ċertifikati tas-sidien tad-dgħajjes. Din l-inizjattiva tibni fuq dawn l-istrumenti u testendi r-rekwiżiti biex tkopri l-ekwipaġġ kollu fin-navigazzjoni interna fl-UE, inkluż fuq ix-xmara Renu.
Billi m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni settorjali fl-UE kollha għar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali għall-ħaddiema taħt il-livell ta' boatmaster, id-Direttiva 2005/36/KE ġenerali dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali hija applikabbli. Fil-prattika madankollu, din id-Direttiva ma tipprovdix soluzzjoni effettiva għall-professjonisti li jwettqu attivitajiet transfruntiera frekwenti u regolari fl-IWT u għal din ir-raġuni l-possibbiltajiet offruti minn dan il-qafas ġenerali ftit li xejn sar użu minnhom mill-ħaddiema fis-settur.
Il-proposta tħejjiet taħt il-qafas tal-politika tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tal-IWT, NAIADES II, li jinvolvi rieżami tal-qafas dwar l-armonizzazzjoni u l-modernizzazzjoni ta' kwalifiki professjonali fis-settur. Bħala parti mill-approċċ il-ġdid għall-governanza fl-IWT, il-Kummissjoni saħħet il-kooperazzjoni tagħha ma' diversi Kummissjonijiet tax-Xmajjar, b'mod partikolari mal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR). Din il-kooperazzjoni wasslet fost l-oħrajn għall-ħolqien ta' korp ġdid miftuħ għall-esperti mill-Istati Membri kollha tal-UE, magħruf bl-akronimu Franċiż CESNI li l-kompitu tiegħu huwa li jiżviluppa standards tekniċi għas-settur tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-kompetenza esperta tiegħu tista' tintuża mill-UE anke fil-qasam tal-kwalifiki professjonali f'dan is-settur. L-iżvilupp ta' standards minimi bbażati fuq il-kompetenza li l-UE, is-CCNR u korpi internazzjonali u pajjiżi terzi oħra jistgħu jużaw fl-oqfsa legali tagħhom huwa pass importanti lejn ir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki għan-navigazzjoni interna madwar l-UE.
1.3.Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni
Din l-inizjattiva hija konsistenti mas-suq intern u tikkontribwixxi għalih, għaliex tgħin biex jingħelbu l-ostakoli li jipprevjenu t-twettiq tal-potenzjal sħiħ tiegħu. Tista' tgħin biex tagħti lin-negozji aċċess għall-offerta ta' servizzi tal-IWT għall-aħjar kwalità, prezz jew servizz disponibbli u tgħin lill-professjonisti jipprovdu servizzi madwar l-UE malajr u b'mod konvenjenti. L-inizjattiva tikkontribwixxi għall-għanijiet strateġiċi 2014-2019 li l-Kummissjoni qiegħda tfittex biex tippromwovi "suq intern iktar profond u iktar ġust b'bażi industrijali msaħħa", "spinta ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment", "unjoni tal-enerġija" u l-UE bħala "attur globali aktar b'saħħtu".
B'mod iżjed partikolari, l-inizjattiva hija konsistenti mal-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2016 li jenfasizza kemm l-importanza tal-appoġġ għall-mobilità tal-forza tax-xogħol filwaqt li jiġi indirizzat l-abbuż u l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-ħiliet, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki. L-inizjattiva preżenti tipprovdi approċċ bilanċjat għall-mobilità tal-forza tax-xogħol għal suq intern iktar profond u iktar ġust għaliex tindirizza kwistjonijiet ta' postijiet vakanti persistenti fis-settur tat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni u twitti t-triq għal miżuri li jiġġieldu l-abbuż jew il-pretensjonijiet frodulenti. Fl-istess ħin, billi tagħmel il-kompetenzi bħala l-pedament għar-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifika, l-inizjattiva għandha l-għan li tagħti spinta lill-impjiegi u lill-karrieri.
Dan l-ikkompletar ulterjuri tas-suq intern tal-UE għall-IWT huwa essenzjali għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika tat-trasport u jagħti sehmu, bl-istabbiliment ta' standards komuni madwar l-UE, biex jagħmel l-Unjoni "attur globali aktar b'saħħtu".
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
2.1.Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li huwa l-bażi ġuridika għall-adozzjoni tal-miżuri tal-Unjoni relatati mat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni.
2.2.Sussidjarjetà
Din l-inizjattiva hija ġġustifikata għaliex l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri li jaġixxu waħedhom. L-aspetti kollha tat-trasport tal-merkanzija fuq in-netwerk tal-IWT huma ġeneralment transnazzjonali. Id-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri jheddu l-funzjonament tas-suq intern għall-merkanzija u għall-ħaddiema. Mingħajr azzjoni tal-UE, l-ikkompletar u l-użu effiċjenti tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport ikunu pperikolati u l-investimenti tal-fondi tal-UE fin-netwerk tal-IWT ma jkollhomx riżultati ottimali. Id-differenzi fir-reġimi legali għal kwalifiki professjonali fl-IWT fl-UE kollha ma jistgħux jissolvew kompletament mill-Istati Membri individwali jew fil-qafas ta' konvenzjonijiet internazzjonali, u lanqas mill-industrija nnifisha. Dan ir-raġunament huwa validu għal miżuri li japplikaw għall-boatmasters u għal kategoriji oħra ta' membri tal-ekwipaġġ. L-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni biex jinkludi x-xmara Renu żżid il-valur meta mqabbel mal-qafas legali eżistenti għaliex jipprevedi standards komuni li huma komponent meħtieġ tas-suq intern għall-ħaddiema tas-sengħa fl-IWT fil-livell tal-UE.
2.3.Proporzjonalità
F'konformità mal-miżuri li ttieħdu għal mezzi oħra tat-trasport, ir-rekwiżiti minimi fl-UE kollha bbażati fuq il-kompetenza u vverifikati permezz ta' eżamijiet, huma previsti biss għall-ekwipaġġ tas-sengħa, jiġifieri għall-baħħara u għall-boatmasters. Fil-każ ta' ekwipaġġ bla sengħa, bħal baħrin, qegħdin jiġu proposti biss rekwiżiti minimi fir-rigward tal-età u tal-istat mediku.
Il-miżura mfassla biex tiċċertifika programmi ta' taħriġ hija proporzjonata mal-għanijiet tagħha għaliex ma tinterferixxix mal-kurrikuli tal-edukazzjoni nazzjonali dwar suġġetti ġenerali imma tirrelata mal-kompetenzi u mal-ħiliet meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza tan-navigazzjoni u l-protezzjoni tal-ħajja umana, u ma tirrikjedix li dawk li diġà temmew b'suċċess programm ta' taħriġ approvat fl-UE jkollhom jgħaddu minn eżamijiet amministrattivi addizzjonali dwar l-istess suġġetti diġà koperti mill-programm ta' taħriġ tagħhom.
L-introduzzjoni ta' kriterji komuni għal kompetenza għal riskji speċifiċi hija meħtieġa għaliex dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati għal raġunijiet ta' sikurezza u l-għarfien meħtieġ għandu jkun proporzjonali mar-riskju involut.
L-inklużjoni ta' informazzjoni dwar kwalifiki ċċertifikati f'bażi ta' dejta miżmuma mill-Kummissjoni jew korp innominat hija meħtieġa biex jiġi ssimplifikat l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-inizjattiva.
Biex tinħoloq il-kunfidenza meħtieġa fost l-Istati Membri fil-mekkaniżmu għar-rikonoxximent reċiproku, ir-rekwiżiti f'termini ta' standards ta' kwalità fir-rigward tal-valutazzjoni ta' kompetenzi u ħiliet, ir-rikonoxximent tal-programmi ta' taħriġ u l-monitoraġġ tas-sistema kollha taċ-ċertifikazzjoni huma meqjusa wkoll proporzjonati.
Għadd ta' miżuri, bħall-estensjoni tar-rekwiżiti għall-ekwipaġġ li jaħdem fuq il-passaġġi tal-ilma interni li mhumiex konnessi man-netwerk navigabbli ta' Stat Membru ieħor, twarrbu għal raġunijiet ta' proporzjonalità. Madankollu, Stati Membri b'passaġġi tal-ilma interni mhux konnessi għandhom jirrikonoxxu l-kwalifiki ċċertifikati ta' membri tal-ekwipaġġ minn Stati Membri oħra.
B'hekk, l-intervent propost huwa proporzjonat mal-għanijiet tiegħu.
2.4.
Għażla tal-istrument
Għall-finijiet ta' stabbiliment ta' sistema armonizzata u effiċjenti ta' rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u ta' konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, id-direttiva hija l-aktar strument xieraq. Barra minn hekk, din il-proposta ma tbiddilx it-tip ta' strument użat qabel. Direttiva tippermetti li l-Istati Membri jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa għall-konformità mal-obbligi previsti f'din id-Direttiva billi jitqiesu wkoll l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Sakemm jirrikonoxxi l-kwalifiki ċċertifikati minn Stati Membri oħra, Stat Membru jista' japplika wkoll rekwiżiti aktar stretti għaċ-ċertifikazzjoni ta' kwalifiki fuq it-territorju tiegħu stess.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
3.1.Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Twettqet evalwazzjoni esterna tad-Direttivi 91/672/KEE u 96/50/KE. L-istudju wera li għalkemm il-qafas eżistenti kien parzjalment effettiv biex jissodisfa l-għan tar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-boatmasters u biex jarmonizza l-kundizzjonijiet għall-akkwist taċ-ċertifikati, xorta waħda għad fadal diversi ostakoli. Tqiesu r-rakkomandazzjonijiet kollha fil-qafas tal-valutazzjoni tal-impatt.
3.2.Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati f'diversi okkażjonijiet u b'metodi differenti dwar id-diversi elementi li issa huma s-suġġett tal-proposta:
(1)Fl-2012 il-Kummissjoni ħolqot Grupp ta' Esperti Komuni (CEG) dwar il-kwalifiki professjonali u l-istandards tat-taħriġ fin-navigazzjoni interna. Il-konsultazzjoni fis-CEG ħadet il-forma ta' 11-il laqgħa tal-esperti, li saru bejn Settembru 2012 u Novembru 2014, u kienu jinkludu kummissjonijiet tax-xmajjar internazzjonali, amministrazzjonijiet nazzjonali, organizzazzjonijiet professjonali, trejdjunjins, istituzzjonijiet ta' taħriġ u assoċjazzjonijiet oħra. Dawk il-laqgħat ipprovdew l-opportunità għal skambji utli dwar il-miżuri previsti għal proposta tal-Kummissjoni. Dawn urew appoġġ wiesa' għal inizjattiva fil-livell tal-UE.
(2)Il-Kumitat tad-Djalogu Soċjali Settorjali dwar it-Trasport permezz tal-Passaġġi fuq l-Ilma Interni fil-livell Ewropew kien involut ukoll fil-konsultazzjonijiet. Fis-16 ta' Settembru 2013 is-sħab soċjali ppreżentaw dokument bit-titlu "Social partners’ position on professional qualifications and training standards for crew members on inland waterways transport vessels" (Il-pożizzjoni tas-sħab soċjali dwar kwalifiki professjonali u standards tat-taħriġ għal membri tal-ekwipaġġ fuq bastimenti tat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni). F'dan id-dokument deher biċ-ċar li l-"arranġament frammentat" attwali ma għadux aktar addattat għall-iskop tiegħu. Dan ifixkel l-attraenza tal-professjoni u jagħmel is-settur vulnerabbli għal prattiki illegali li jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni. Huma kkonfermaw il-ħtieġa għal għodda regolatorja moderna u flessibbli rigward it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni. Is-sħab soċjali enfasizzaw ukoll li l-proposta dwar kwalifiki professjonali hija parti waħda biss mit-taħbila. Il-ktieb tar-rekords, il-ġurnal ta' abbord u t-takografu elettroniċi huma l-biċċiet neqsin li għandhom jiġu indirizzati mingħajr ħafna aktar dewmien sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi.
(3)Mis-26 ta' Marzu sal-21 ta' Ġunju 2013 saret konsultazzjoni pubblika online dwar l-elementi essenzjali tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Il-Kummissjoni rċeviet total ta' 94 tweġiba mill-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, mill-imprendituri/mis-sidien tal-bastimenti, mill-kumpaniji tat-tbaħħir, mill-awtoritajiet pubbliċi, mill-portijiet, mill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u mill-kummissjonijiet tax-xmajjar. Ir-risposti waslu minn total ta' 16-il pajjiż. Il-konsultazzjoni pubblika enfasizzat il-fatt li l-problemi indirizzati fil-proposta tal-Kummissjoni huma ta' importanza kbira. Ir-risposti indikaw livell għoli ta' appoġġ għal miżuri regolatorji li għandhom l-għan li jarmonizzaw ir-rekwiżiti professjonali, il-kwalifiki u l-eżamijiet tan-navigazzjoni interna.
3.3.Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta hija akkumpanjata minn rapport tal-valutazzjoni tal-impatt li ġie rieżaminat mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, li ħareġ opinjoni pożittiva fil-31 ta' Lulju 2015. Ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ġew meqjusa fir-rapport finali tal-valutazzjoni tal-impatt. Iżjed informazzjoni dwar il-mod kif dawn ġew indirizzati hija inkluża taħt it-taqsima 2.2. tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt.
Sabiex jiġu indirizzati l-problemi prinċipali identifikati, jiġifieri li l-ħaddiema jiffaċċjaw diffikultajiet fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali u li r-rekwiżiti tal-għarfien lokali jistgħu joħolqu diffikultajiet bla bżonn għall-boatmasters li joperaw fuq ċerti meded ta' xmajjar, intgħażlet l-għażla politika li tintroduċi rekwiżiti minimi ta' kompetenza għall-baħħara u l-boatmasters, inkluż l-istandards tal-eżamijiet għall-istituti tat-taħriġ.
Din l-għażla hija ppreferuta għaliex toffri mod aktar effettiv kif titjieb il-mobilità tal-forza tax-xogħol mill-għażliet li "ma tagħmel xejn" jew tal-"miżuri volontarji".
L-għażla ppreferuta tindirizza wkoll id-diffikultajiet għall-mobilità tal-forza tax-xogħol li jirriżultaw mir-rekwiżiti għal rekwiżiti ta' għarfien lokali u tippermetti lill-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tal-kompetenzi meħtieġa għal riskji speċifiċi anke għal passaġġi fuq l-ilma interni li jinsabu fi Stat Membru ieħor, li tkompli ttejjeb l-effettività ta' din l-għażla.
Il-valutazzjoni tal-impatt ippreżentat żewġ varjazzjonijiet tal-għażla ppreferuta, waħda li tillimita r-rekwiżiti regolatorji għal valutazzjoni tal-kompetenzi għal eżami amministrattiv obbligatorju u waħda li tinkludihom flimkien mar-rikonoxximent reċiproku ta' programmi tat-taħriġ approvati. Taħt l-ewwel varjant, il-baħħara u l-boatmasters kollha huma meħtieġa jgħaddu minn eżami amministrattiv organizzat minn awtorità kompetenti sabiex il-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti fl-UE kollha, anke jekk diġà jkollhom diploma jew ċertifikat minn istitut tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ dwar l-IWT. It-tieni varjant huwa ppreferut għaliex jimminimizza l-piż amministrattiv għal dawk l-applikanti li jkunu diġà akkwistaw il-ħiliet meħtieġa u li jkunu wrew il-kompetenzi tagħhom tul it-taħriġ tagħhom, u b'hekk ma jkollhomx għalfejn jagħmlu eżamijiet addizzjonali. B'riżultat ta' dan, hemm impatt pożittiv ukoll fuq l-attraenza tal-professjoni, il-mobilità tal-forza tax-xogħol, l-aċċess għall-professjoni u l-iffrankar amministrattiv. L-aħħar impatt jagħmel it-tieni varjant anke iżjed effiċjenti meta mqabbel mal-ewwel varjant. Finalment, dan il-varjant huwa wkoll iżjed koerenti għaliex diġà jeżistu rekwiżiti leġiżlattivi simili għall-istituti tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell tal-UE għas-settur tat-trasport bil-ferrovija u bl-ajru. F'dawn is-setturi, ir-rekwiżiti anke jmorru lil hinn għaliex jinvolvu wkoll it-taħriġ kontinwu. B'mod ġenerali, it-tieni varjant huwa iżjed koerenti, iżjed effettiv u iżjed effiċjenti u jikkonforma mal-prinċipji ta' proporzjonalità kif deskritti fit-taqsima 2.3.
3.4.Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Is-settur privat tal-IWT huwa kważi esklussivament magħmul minn SMEs u minn mikrointrapriżi. Għalhekk dawn mhumiex esklużi minn din l-inizjattiva għaliex jekk isir hekk l-effett jiġi newtralizzat kompletament. Il-proposta tfasslet skont il-bżonnijiet tal-SMEs. L-impatt ta' din il-proposta fuq l-SMEs u fuq il-mikrointrapriżi huwa pożittiv, għaliex ikollhom iġorru biss proporzjon żgħir mill-ispejjeż, li jpattu ferm iżjed għalih il-benefiċċji ta' titjib fil-mobilità tal-forza tax-xogħol.
Billi jiġu pprovduti l-istandards komuni madwar l-Unjoni meħtieġa biex jinkiseb is-suq intern għall-ħaddiema fl-IWT, il-proposta tissimplifika l-qafas legali relatat mal-kwalifiki professjonali fis-settur Ewropew tal-IWT, li attwalment huwa frammentat. Il-proposta se tissostitwixxi sett kumpless ta' rekwiżiti reġjonali bi ftehimiet multilaterali u bilaterali b'qafas iżjed sempliċi u, iżjed importanti, mifrux fl-UE kollha għaċ-ċertifikazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku.
Il-proposta timminimizza l-piż amministrattiv għal dawk l-applikanti li jkunu għamlu programm ta' taħriġ approvat billi jevitaw li jagħmlu eżamijiet amministrattivi addizzjonali bla bżonn.
Il-proposta tiffaċilita wkoll l-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u twitti t-triq għall-introduzzjoni ta' għodod elettroniċi, bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv filwaqt li jagħmel id-dokumenti inqas suxxettibbli għat-tbagħbis.
Il-proposta tħassar id-Direttiva 91/672/KEE u d-Direttiva 96/50/KE u tipprevedi l-introduzzjoni gradwali permezz ta' miżuri ta' tranżizzjoni.
4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.
5.ELEMENTI FAKULTATTIVI
5.1.Arranġamenti ta' monitoraġġ, ta' evalwazzjoni u ta' rapportar
Huwa antiċipat li l-Kummissjoni se tissottometti, mhux aktar tard minn seba' snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' traspożizzjoni, rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jevalwa l-effettività tal-miżuri introdotti b'din il-proposta.
5.2.Dokumenti ta' spjegazzjoni
Id-Direttiva proposta fiha għadd sinifikanti ta' obbligi legali iżjed estiżi meta mqabbla mad-Direttivi eżistenti 91/672/KEE u 96/50/KE. Meta jitqies dan, u l-fatt li l-proposta tinkludi dispożizzjonijiet dwar għadd ta' kwalifiki li għadhom mhumiex koperti b'mod obbligatorju mill-qafas legali attwali, jiġifieri membri tal-ekwipaġġ minbarra l-boatmasters, esperti fl-użu ta' gass naturali likwifikat bħala fjuwil u esperti fin-navigazzjoni tal-passiġġieri, huma meħtieġa dokumenti ta' spjegazzjoni li jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni sabiex il-miżuri li introduċew l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar.
2016/0050 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/50/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KEE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Id-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KEE u d-Direttiva tal-Kunsill 96/50/KE huma l-ewwel passi meħuda lejn l-armonizzazzjoni u r-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali għall-membri tal-ekwipaġġ fin-navigazzjoni interna.
(2)Ir-rekwiżiti għall-membri tal-ekwipaġġ li jinnavigaw fuq ix-xmara Renu, li kienu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttivi 91/672/KEE u 96/50/KE, huma stabbiliti mill-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR), skont ir-Regolament dwar il-Persunal tan-Navigazzjoni tar-Renu taħt il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni tar-Renu.
(3)Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tapplika għall-impjiegi fuq passaġġi fuq l-ilma interni minbarra l-boatmasters, li huma koperti minn dik id-Direttiva. Madankollu, ir-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi u ċertifikati skont id-Direttiva 2005/36/KE ma jipprovdix tweġiba ottimizzata għall-attivitajiet transfruntiera regolari u frekwenti ta' impjiegi fuq passaġġi fuq l-ilma interni.
(4)Studju ta' evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fl-2014 enfasizza l-fatt li l-limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttivi 91/672/KEE u 96/50/KE għall-boatmasters, kif ukoll in-nuqqas ta' rikonoxximent awtomatiku taċ-ċertifikati tal-boatmasters maħruġa skont dawk id-Direttivi dwar ir-Renu, ifixklu bil-kbir il-mobilità tal-membri tal-ekwipaġġ fin-navigazzjoni interna.
(5)Biex tiġi ffaċilitata l-mobilità, biex tiġi żgurata s-sikurezza tan-navigazzjoni u l-protezzjoni tal-ħajja umana, huwa essenzjali għall-membri tal-ekwipaġġ, il-persuni inkarigati minn sitwazzjonijiet ta' emerġenza abbord bastimenti tal-passiġġieri u l-persuni involuti fil-forniment tal-karburant tal-bastimenti mħaddma b'gass naturali likwifikat li jżommu ċertifikati tal-kwalifika li jagħtu prova tal-kwalifiki tagħhom. Għall-infurzar effiċjenti, għandhom iġorru dawn iċ-ċertifikati waqt li jeżerċitaw l-impjieg tagħhom.
(6)Il-boatmasters li jbaħħru f'ċirkostanzi li jippreżentaw periklu partikolari għas-sikurezza għandhom iżommu awtorizzazzjoni speċifika, b'mod partikolari, għat-tbaħħir ta' konvojs kbar, it-tbaħħir ta' bastimenti mħaddma b'gass naturali likwifikat, it-tbaħħir f'kundizzjonijiet ta' viżibilità mnaqqsa, it-tbaħħir fuq passaġġi tal-ilma b'karattru marittimu jew it-tbaħħir fuq passaġġi tal-ilma b'riskji speċifiċi għan-navigazzjoni. Sabiex tinkiseb din l-awtorizzazzjoni, il-boatmasters għandhom ikunu mitluba juru kompetenzi addizzjonali.
(7)Biex tiġi żgurata s-sikurezza tan-navigazzjoni, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw passaġġi tal-ilma b'karattru marittimu, skont kriterji armonizzati. Ir-rekwiżiti ta' kompetenza għan-navigazzjoni fuq dawn il-passaġġi tal-ilma għandhom jiġu ddefiniti fil-livell tal-Unjoni. Mingħajr ma jillimitaw bla bżonn il-mobilità tal-boatmasters, meta meħtieġ biex jiżguraw is-sikurezza tan-navigazzjoni, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà wkoll li jidentifikaw il-passaġġi fuq l-ilma li jinvolvu riskji speċifiċi għan-navigazzjoni skont kriterji u proċeduri armonizzati, skont din id-Direttiva. F'dan il-każ, ir-rekwiżiti ta' kompetenza relatati għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri.
(8)Għal raġunijiet ta' kosteffettività, iż-żamma taċ-ċertifikati ta' kwalifiki tal-Unjoni ma għandhiex tkun obbligatorj fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni nazzjonali mhux konnessi man-netwerk navigabbli ta' Stat Membru ieħor.
(9)Bil-ħsieb li jikkontribwixxu għall-mobilità ta' persuni involuti fl-operazzjoni ta' bastimenti madwar l-Unjoni u meta jitqies li ċ-ċertifikati kollha ta' kwalifiki, il-kotba tar-rekords tas-servizzi u l-ġurnali ta' abbord maħruġa skont din id-Direttiva għandhom jikkonformaw mal-istandards minimi, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-kwalifiki professjonali ċċertifikati skont din id-Direttiva. Konsegwentement id-detenturi ta' dawn il-kwalifiki għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tal-Unjoni.
(10)Fid-dawl tal-kooperazzjoni stabbilita bejn l-Unjoni u s-CCNR sa mill-2003 li wasslet għall-istabbiliment ta' Kumitat Ewropew għat-tfassil ta' Standards fin-Navigazzjoni Interna (CESNI), korp internazzjonali stabbilit taħt l-awspiċi tas-CCNR, u sabiex jiġu ssimplifikati l-oqfsa legali li jirregolaw il-kwalifiki professjonali fl-Ewropa, iċ-ċertifikati ta' kwalifiki, il-kotba tar-rekords tas-servizzi u l-ġurnali ta' abbord, maħruġa skont ir-Regolament dwar il-Persunal tan-Navigazzjoni tar-Renu skont il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni tar-Renu li jistabbilixxi rekwiżiti li huma identiċi għal dawk ta' din id-Direttiva għandhom ikunu validi fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tal-Unjoni. Dawn id-dokumenti maħruġa minn pajjiżi terzi għandhom ikunu rikonoxxuti fl-Unjoni, suġġett għar-reċiproċità. Biex jitneħħew iżjed l-ostakoli għall-mobilità tal-forza tax-xogħol u jiġu ssimplifikati iżjed l-oqfsa legali li jirregolaw il-kwalifiki professjonali fl-Ewropa, kwalunkwe ċertifikat tal-kwalifika, ktieb tar-rekords tas-servizzi jew ġurnal ta' abbord maħruġ minn pajjiż terz fuq il-bażi ta' rekwiżiti li huma identiċi għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva jistgħu jiġu rikonoxxuti wkoll fuq il-passaġġi fuq l-ilma kollha tal-Unjoni, suġġett għal valutazzjoni mill-Kummissjoni u suġġett għar-rikonoxximent minn dak il-pajjiż terz ta' dokumenti maħruġa skont id-Direttiva preżenti.
(11)Id-Direttiva 2005/36/KE tibqa' applikabbli għall-membri tal-ekwipaġġ eżentati mill-obbligu li jżommu ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni maħruġ skont din id-Direttiva, kif ukoll għall-kwalifiki tal-passaġġi fuq l-ilma interni mhux koperti mid-Direttiva preżenti.
(12)Stati Membri għandhom joħorġu ċertifikati ta' kwalifiki biss lil persuni li għandhom il-livelli minimi ta' kompetenza, l-età minima, l-istat mediku minimu u l-ħin ta' navigazzjoni meħtieġ biex tinkiseb kwalifika speċifika.
(13)Biex jiġi ssalvagwardjat ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki, iċ-ċertifikati ta' kwalifiki għandhom ikunu bbażati fuq il-kompetenzi meħtieġa għall-operazzjoni ta' bastimenti. Stati Membri għandhom jiżguraw li persuni li jirċievu ċertifikati ta' kwalifiki jkollhom il-livelli minimi korrispondenti ta' kompetenza, ivverifikati wara valutazzjoni xierqa. Dawn il-valutazzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta' eżami amministrattiv jew jistgħu jiffurmaw parti minn programmi ta' taħriġ approvati mwettqa skont standards komuni sabiex jiżguraw livell minimu komparabbli ta' kompetenza fl-Istati Membri kollha għal diversi kwalifiki.
(14)Minħabba r-responsabbiltà fir-rigward tas-sikurezza meta tiġi eżerċitata l-professjoni ta' boatmaster, meta jsir tbaħħir bl-għajnuna ta' radar u l-forniment tal-karburant ta' bastimenti mħaddma b'gass naturali likwifikat jew it-tbaħħir ta' bastimenti mħaddma b'gass naturali likwifikat, hija meħtieġa l-verifika permezz ta' eżamijiet prattiċi dwar jekk il-livell meħtieġ ta' kompetenza ntlaħaqx b'mod effettiv. Dawn l-eżamijiet prattiċi jistgħu jitwettqu bl-użu ta' simulaturi approvati, bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata iżjed l-evalwazzjoni tal-kompetenza.
(15)L-approvazzjoni tal-programmi ta' taħriġ hija meħtieġa biex jiġi vverifikat li l-programmi jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi komuni rigward il-kontenut u l-organizzazzjoni. Din il-konformità tippermetti l-eliminazzjoni ta' ostakoli bla bżonn għad-dħul fil-professjoni billi ma tħallix lil dawk li diġà kisbu l-ħiliet neċessarji matul it-taħriġ vokazzjonali tagħhom jerġgħu jgħaddu minn eżami addizzjonali bla bżonn. L-eżistenza ta' programmi ta' taħriġ approvati tista' tiffaċilita wkoll id-dħul ta' ħaddiema mingħajr esperjenza preċedenti minn setturi oħra fil-professjoni tan-navigazzjoni interna għaliex jistgħu jgawdu minn programmi ta' taħriġ dedikati li jqisu l-kompetenzi diġà miksuba tagħhom.
(16)Biex tiġi ffaċilitata iżjed il-mobilità għall-boatmasters, l-Istati Membri kollha għandhom jitħallew, fejn prattikabbli, jivvalutaw il-kompetenza meħtieġa għall-indirizzar ta' riskji speċifiċi għan-navigazzjoni għall-meded kollha ta' passaġġi fuq l-ilma interni fl-Unjoni fejn jiġu identifikati dawn ir-riskji.
(17)Il-ħin ta' navigazzjoni għandu jiġi vverifikat permezz ta' entrati fil-kotba tar-rekords tas-servizzi vvalidati minn Stat Membru. Biex jippermettu li ssir din il-verifika, l-Istati Membri għandhom joħorġu kotba tar-rekords tas-servizzi u ġurnali ta' abbord u jiżguraw li dawn tal-aħħar jipprovdu rekord tal-vjaġġi tal-bastimenti. L-istat mediku ta' kandidat għandu jiġi ċċertifikat minn tabib approvat.
(18)Kull meta l-miżuri previsti f'din id-Direttiva jinvolvu l-ipproċessar ta' dejta personali, għandhom jitwettqu skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' dejta personali.
(19)Biex jikkontribwixxu għal amministrazzjoni effiċjenti fir-rigward tal-ħruġ, it-tiġdid u l-irtirar ta' ċertifikati ta' kwalifiki, l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u jistabbilixxu reġistri għar-reġistrazzjoni ta' dejta dwar iċ-ċertifikati ta' kwalifiki tal-Unjoni, il-kotba tar-rekords tas-servizzi u l-ġurnali ta' abbord. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejn Stati Membri u mal-Kummissjoni għall-finijiet ta' implimentazzjoni, infurzar u evalwazzjoni tad-Direttiva kif ukoll għal finijiet ta' statistika, għaż-żamma tas-sikurezza u għall-iffaċilitar tan-navigazzjoni, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw din l-informazzjoni, inkluż dejta dwar iċ-ċertifikati ta' kwalifiki, il-kotba tar-rekords tas-servizzi u l-ġurnali ta' abbord, f'bażi ta' dejta miżmuma mill-Kummissjoni.
(20)L-awtoritajiet, inkluż f'pajjiżi terzi, li joħorġu ċertifikati ta' kwalifiki, kotba tar-rekords tas-servizzi u ġurnali ta' abbord skont regoli li huma identiċi għal dawk ta' din id-Direttiva qegħdin jipproċessaw id-dejta personali. Għall-finijiet ta' evalwazzjoni tad-Direttiva, għall-finijiet ta' statistika, għaż-żamma tas-sikurezza, għall-iffaċilitar tan-navigazzjoni u sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet involuti fl-implimentazzjoni u l-infurzar ta' din id-Direttiva, dawn l-awtoritajiet u, fejn rilevanti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali li stabbilixxew dawn ir-regoli identiċi, għandu jkollhom aċċess ukoll għall-bażi ta' dejta miżmuma mill-Kummissjoni. Dan l-aċċess għandu madankollu jkun suġġett għal livell adegwat ta' protezzjoni tad-dejta, inkluż ta' dejta personali.
(21)Bil-ħsieb li jitnaqqas iżjed il-piż amministrattiv filwaqt li d-dokumenti jkunu inqas suxxettibbli għat-tbagħbis, il-Kummissjoni għandha bħala t-tieni pass, wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, teżamina l-possibbiltà li tintroduċi verżjoni elettronika ta' kotba tar-rekords tas-servizzi u ġurnali ta' abbord, kif ukoll kards professjonali elettroniċi li jinkorporaw iċ-ċertifikati ta' kwalifiki tal-Unjoni. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tqis it-teknoloġiji eżistenti f'mezzi oħra tat-trasport, b'mod partikolari fit-trasport bit-triq. Wara li twettaq valutazzjoni tal-impatt inkluż tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji u tal-impatti fuq id-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ta' dejta personali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, jekk xieraq, proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(22)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjonijiet li japprovaw miżuri proposti mill-Istati Membri fir-rigward ta' rekwiżiti għall-kompetenza għal riskji speċifiċi fuq ċerti meded ta' passaġġi fuq l-ilma interni.
(23)Is-setgħat ta' implimentazzjoni relatati mal-adozzjoni ta' mudelli għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' kwalifiki tal-Unjoni, kotba tar-rekords tas-servizzi u ġurnali ta' abbord u l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet għall-istabbiliment jew is-sospensjoni tar-rikonoxximent ta' dawn id-dokumenti maħruġa minn pajjiż terz jew skont ftehim internazzjonali li jirregola n-navigazzjoni fuq passaġġ fuq l-ilma intern tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(24)Sabiex jiġu pprovduti standards armonizzati minimi għaċ-ċertifikazzjoni ta' kwalifiki u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' din id-Direttiva mill-Kummissjoni, is-setgħa biex jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta' standards ta' kompetenza, standards għall-istat mediku, standards għall-eżamijiet prattiċi, standards għall-approvazzjoni ta' simulaturi u standards li jiddefinixxu l-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet tal-użu għal bażi ta' dejta miżmuma mill-Kummissjoni biex tinżamm kopja tad-dejta ewlenija relatata maċ-ċertifikati ta' kwalifiki tal-Unjoni, il-kotba tar-rekords tas-servizzi, il-ġurnali ta' abbord u d-dokumenti rikonoxxuti. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u adatta ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(25)Miżuri ta' tranżizzjoni għandhom jindirizzaw il-problema ta' ċertifikati nazzjonali fl-użu, inkluż dawk maħruġa mis-CCNR, għal boatmasters, imma wkoll għal kategoriji oħra ta' membri tal-ekwipaġġ li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva. Għandhom jissalvagwardjaw kemm jista' jkun l-intitolamenti mogħtija qabel u jkollhom l-għan li jipprovdu żmien raġonevoli lill-membri tal-ekwipaġġ tas-sengħa biex japplikaw għal ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni. Għandhom għalhekk jipprevedu perjodu massimu ta' 10 snin li fih dawn iċ-ċertifikati jistgħu jintużaw fuq il-passaġġi fuq l-ilma tal-Unjoni fejn kienu validi qabel it-tmiem tal-perjodu tat-traspożizzjoni u jiżguraw sistema ta' tranżizzjoni għar-regoli l-ġodda għal dawn iċ-ċertifikati kollha fuq il-bażi ta' sett ta' kriterji uniku għall-UE.
(26)Is-CESNI li huwa miftuħ għal esperti mill-Istati Membri kollha, ifassal standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna, inkluż għal kwalifiki professjonali. Il-Kummissjoni tista' tqis dawn l-istandards meta tingħata s-setgħa biex tadotta atti f'konformità ma' din id-Direttiva.
(27)L-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tistabbilixxi qafas komuni dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jkun jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.
(28)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. F'dak li għandu x'jaqsam ma' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata.
(29)Għalhekk, id-Direttivi 91/672/KEE u 96/50/KE għandhom jitħassru,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Kapitolu 1
Suġġett, definizzjonijiet u kamp ta' applikazzjoni
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tal-kwalifiki ta' persuni involuti fl-operazzjoni ta' bastiment għat-trasport ta' merkanzija u passiġġieri permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni fl-Unjoni, kif ukoll għar-rikonoxximent ta' dawn il-kwalifiki fl-Istati Membri.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1.Din id-Direttiva tapplika għall-membri tal-ekwipaġġ, persuni li huma involuti fl-operazzjoni tal-forniment tal-karburant ta' bastimenti li jużaw gass naturali likwifikat bħala fjuwil u esperti fin-navigazzjoni tal-passiġġieri ta' dawn il-bastimenti li ġejjin fuq kwalunkwe passaġġ fuq l-ilma intern tal-Unjoni:
(a)bastimenti b'tul (L) ta' 20 metru jew iżjed;
(b)bastimenti fejn it-tul (L), il-wisa' (B) u l-pixka (T) jagħtu volum ta' 100 metru kubu jew iżjed;
(c)bastimenti tal-irmonk u laneċ li jimbottaw maħsuba għal:
(i) bastimenti tal-irmonk jew l-imbottar imsemmija fil-punti (a) u (b),
(ii) tagħmir li jgħum f'wiċċ l-ilma tal-irmonk jew l-imbottar
(iii) bastimenti li jkunu mexjin imsemmija fil-punti (a) u (b) jew tagħmir li jgħum f'wiċċ l-ilma fil-qrib.
(d)bastimenti tal-passiġġieri;
(e)tagħmir li jgħum f'wiċċ l-ilma awtopropulsiv.
2.Din id-Direttiva ma tapplikax għal persuni involuti fl-operazzjoni ta':
(a)opri tal-baħar għar-rikreazzjoni;
(b)laneċ li ma jimxux b'mod indipendenti.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)"passaġġ fuq l-ilma intern" tfisser medda ta' ilma li mhix parti mill-baħar, miftuħa għan-navigazzjoni;
(2)"bastiment" tfisser bastiment fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni jew bastiment tal-baħar;
(3)"bastiment tal-passiġġieri" tfisser bastiment ta' vjaġġi ta' ġurnata jew bil-kabini mibni u mgħammar biex iġorr iktar minn 12-il passiġġier;
(4)"opra tal-baħar għar-rikreazzjoni" tfisser bastiment għajr bastiment tal-passiġġieri, maħsub biss għall-isport jew għad-divertiment;
(5)"ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni" tfisser ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti li tafferma li persuna tissodisfa r-rekwiżiti skont din id-Direttiva;
(6)"membri tal-ekwipaġġ" tfisser persuni involuti fl-operazzjoni ta' bastiment li jinnaviga fuq passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni li jwettaq kompiti relatati man-navigazzjoni, l-immaniġġar tal-merkanzija, il-ħżin, il-manutenzjoni jew it-tiswija, bl-eċċezzjoni ta' persuni assenjati biss għall-operazzjoni tal-magni, it-tagħmir elettriku u elettroniku;
(1)"espert fin-navigazzjoni tal-passiġġieri" tfisser persuna kompetenti biex tieħu miżuri f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza abbord bastimenti tal-passiġġieri;
(2)"boatmaster" tfisser membru tal-ekwipaġġ kwalifikat biex ibaħħar bastiment fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Istati Membri u li għandu responsabbiltà nawtika għall-bastiment;
(3)"riskju speċifiku" tfisser periklu għas-sikurezza minħabba kundizzjonijiet partikolari tan-navigazzjoni li jeħtieġu li l-boatmasters ikollhom kompetenzi lil hinn minn dak li hu mistenni skont l-istandards ġenerali ta' kompetenza għal-livell ta' maniġment;
(4)"kompetenza" tfisser il-kapaċità ppruvata tal-użu ta' għarfien u ħiliet meħtieġa mill-istandards stabbiliti għall-prestazzjoni xierqa ta' kompiti meħtieġa għall-operazzjoni ta' bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni;
(5)"livell ta' maniġment" tfisser il-livell ta' responsabbiltà assoċjat
mas-servizz ta' boatmaster u li jiżgura li l-kompiti kollha fl-operazzjoni ta' bastiment jitwettqu kif xieraq;
(6)"konvoj kbir" tfisser konvoj imbuttat magħmul mil-lanċa li timbotta u seba' braken jew iżjed;
(7)"ktieb tar-rekords tas-servizzi" tfisser reġistru personali li jirreġistra dettalji tal-istorja tax-xogħol tal-membri tal-ekwipaġġ, b'mod partikolari l-ħin tan-navigazzjoni u l-vjaġġi mwettqa;
(8)"ġurnal ta' abbord" tfisser rekord uffiċjali tal-vjaġġi li jagħmel il-bastiment;
(9)"ħin tan-navigazzjoni" tfisser il-ħin li l-membri tal-ekwipaġġ jgħaddu abbord matul vjaġġ imwettaq minn bastiment fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni u vvalidat mill-awtorità kompetenti;
(10)"ktieb tar-rekords attiv jew ġurnal ta' abbord attiv" tfisser ktieb tar-rekords jew ġurnal ta' abbord li jkun miftuħ għar-reġistrazzjoni tad-dejta;
(11)"awtorità kompetenti" tfisser kwalunkwe awtorità jew korp innominat minn Stat Membru bir-responsabbiltà għall-ħruġ ta' ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni, it-twettiq ta' eżamijiet, il-ħruġ ta' dokumenti jew informazzjoni oħra u t-teħid tad-deċiżjonijiet meħtieġa;
(12)"livell operazzjonali" tfisser il-livell ta' responsabbiltà assoċjat mas-servizz ta' baħħar, ta' baħħar kapaċi jew ta' tmunier u ż-żamma ta' kontroll fuq il-prestazzjoni tal-kompiti kollha fil-qasam tar-responsabbiltà tiegħu jew tagħha skont proċeduri xierqa u taħt id-direzzjoni ta' persuna li sservi fil-livell tal-maniġment.
Kapitolu 2
Ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni
Artikolu 4
L-obbligu li jinġarr ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni għall-membri tal-ekwipaġġ
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-ekwipaġġ li jinnavigaw fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni jġorru ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni għall-membri tal-ekwipaġġ maħruġ skont l-Artikolu 10 jew ċertifikat rikonoxxut skont l-Artikoli 9(2) jew (3).
2.Stat Membru jista' jeżenta lill-membri kollha tal-ekwipaġġ jew gruppi ta' membri tal-ekwipaġġ li għandhom kwalifika speċifika li joperaw esklussivament fuq passaġġi fuq l-ilma interni nazzjonali mhux konnessi man-netwerk navigabbli ta' Stat Membru ieħor mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1. Dak l-Istat Membru jista' joħroġ ċertifikati nazzjonali tal-kwalifika għall-membri tal-ekwipaġġ skont kundizzjonijiet li jvarjaw mill-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti f'din id-Direttiva. Il-validità ta' dawk iċ-ċertifikati nazzjonali tal-kwalifika għandha tiġi limitata għal dawk il-passaġġi fuq l-ilma interni nazzjonali li mhumiex konnessi man-netwerk navigabbli ta' Stat Membru ieħor.
3.B'deroga mill-paragrafu 1, iċ-ċertifikati tal-kwalifika għall-membri tal-ekwipaġġ għajr il-boatmasters, maħruġa skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandhom ikunu validi fuq bastimenti tal-baħar li joperaw fuq passaġġi fuq l-ilma interni.
Artikolu 5
L-obbligu li jinġarr ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni għal operazzjonijiet speċifiċi
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-esperti fin-navigazzjoni tal-passiġġieri u persuni li huma involuti fl-operazzjoni tal-forniment tal-karburant tal-bastimenti li jużaw il-gass naturali likwifikat bħala fjuwil iġorru ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni maħruġ skont l-Artikolu 10 jew ċertifikat rikonoxxut skont l-Artikolu 9(2) jew (3).
2.Stat Membru jista' jeżenta lill-persuni kollha msemmija fil-paragrafu 1, jew gruppi ta' tali persuni li għandhom kwalifika speċifika, li joperaw esklussivament fuq passaġġi fuq l-ilma interni nazzjonali mhux konnessi man-netwerk navigabbli ta' Stat Membru ieħor mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1. Dak l-Istat Membru jista' joħroġ ċertifikati nazzjonali tal-kwalifika li jistgħu jinkisbu skont kundizzjonijiet li jvarjaw mill-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti f'din id-Direttiva. Il-validità ta' dawk iċ-ċertifikati nazzjonali tal-kwalifika għandha tiġi limitata għal dawk il-passaġġi fuq l-ilma interni nazzjonali li mhumiex konnessi man-netwerk navigabbli ta' Stat Membru ieħor.
3.B'deroga mill-paragrafu 1, iċ-ċertifikati tal-kwalifika għall-persuni msemmija f'dak il-paragrafu, maħruġa skont id-Direttiva 2008/106/KE għandhom ikunu validi fuq bastimenti tal-baħar li joperaw fuq passaġġi fuq l-ilma interni.
Artikolu 6
L-obbligu tal-boatmasters li jżommu awtorizzazzjonijiet speċifiċi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-boatmasters iżommu awtorizzazzjonijiet speċifiċi maħruġa skont l-Artikolu 11 meta:
(a)ibaħħru fuq passaġġi fuq l-ilma interni b'karattru marittimu skont l-Artikolu 7;
(b)ibaħħru fuq meded ta' passaġġi fuq l-ilma interni b'riskji speċifiċi skont l-Artikolu 8;
(c)ibaħħru bl-għajnuna ta' radar;
(d)ibaħħru bastimenti li jużaw il-gass naturali likwifikat bħala fjuwil;
(e)ibaħħru konvojs kbar.
Artikolu 7
Klassifikazzjoni tal-passaġġi fuq l-ilma interni b'karattru marittimu
1.L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw medda ta' passaġġi fuq l-ilma interni fit-territorju tagħhom bħala passaġġ fuq l-ilma intern b'karattru marittimu meta jiġi ssodisfat wieħed minn dawn il-kriterji li ġejjin:
(a)ir-Regolamenti Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta' Kolliżjonijiet fuq il-Baħar huma applikabbli;
(b)il-bagi u s-sinjali huma skont is-sistema marittima;
(c)in-navigazzjoni terrestri hija meħtieġa; jew
(d)it-tagħmir marittimu li jeħtieġ għarfien speċjali għall-operazzjoni tiegħu huwa meħtieġ għan-navigazzjoni.
2.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni ta' medda speċifika ta' passaġġi fuq l-ilma interni fit-territorju tagħhom bħala passaġġ fuq l-ilma intern b'karattru marittimu. In-notifika lill-Kummissjoni għandha tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni bbażata fuq dawk il-kriterji. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-passaġġi fuq l-ilma interni b'karattru marittimu nnotifikati.
Artikolu 8
Meded ta' passaġġi fuq l-ilma interni b'riskji speċifiċi
1.Meta meħtieġ biex tiġi żgurata s-sikurezza tan-navigazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jidentifikaw meded ta' passaġġi fuq l-ilma interni b'riskji speċifiċi, ħlief għal passaġġi fuq l-ilma interni b'karattru marittimu msemmija fl-Artikolu 7, fejn dawn ir-riskji huma minħabba:
(a)xejriet u veloċitajiet tax-xmajjar li jinbidlu ta' spiss;
(b)in-nuqqas ta' Servizzi ta' Informazzjoni dwar Passaġġi Navigabbli fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni jew ta' ċarts xierqa kkombinati mal-karatteristiċi idromorfoloġiċi tal-passaġġ fuq l-ilma intern;
(c)il-preżenza ta' regolament speċifiku dwar it-traffiku lokali li mhux parti mill-Kodiċi Ewropew tan-Navigazzjoni fuq il-Passaġġi fuq l-Ilma Interni ġġustifikat minn karatteristiċi idromorfoloġiċi speċifiċi.
2.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li beħsiebhom jadottaw skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 18, flimkien mar-raġunament li fuqu hija bbażata l-miżura.
L-Istat Membru ma għandux jadotta l-miżura għal sitt xhur mid-data tan-notifika.
3.F'perjodu ta' sitt xhur min-notifika, il-Kummissjoni għandha toħroġ deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tapprova l-miżuri proposti jekk ikunu skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 18, jew, jekk ma jkunx il-każ, tirrikjedi lill-Istat Membru jemenda jew ma jadottax il-miżura proposta.
4.Il-miżuri adottati mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-miżuri adottati mill-Istati Membri, flimkien mar-raġunament imsemmi fil-paragrafu 2.
5.Fejn meded ta' passaġġi fuq l-ilma interni msemmija fil-paragrafu 1 ikunu jinsabu tul il-fruntiera bejn żewġ Stati Membri jew iżjed, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkonsultaw lil xulxin u jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'mod konġunt.
Artikolu 9
Rikonoxximent
1.Kwalunkwe ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni msemmi fl-Artikoli 4 u 5, kif ukoll il-kotba tar-rekords tas-servizzi u l-ġurnali ta' abbord imsemmija fl-Artikolu 16 maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti skont din id-Direttiva, għandhom ikunu validi fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni.
2.Kwalunkwe ċertifikat tal-kwalifika, ktieb tar-rekords tas-servizzi jew ġurnal ta' abbord maħruġ skont ir-Regolament dwar il-Persunal tan-Navigazzjoni tar-Renu taħt il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni tar-Renu li jistabbilixxi rekwiżiti li huma identiċi għal dawk ta' din id-Direttiva għandu jkun validu fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tal-Unjoni.
Meta tali ċertifikati, kotba tar-rekords tas-servizzi u ġurnali ta' abbord jinħarġu minn pajjiż terz għandhom ikunu validi fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tal-Unjoni biss jekk dak il-pajjiż terz jirrikonoxxi fil-ġurisdizzjoni tiegħu dokumenti tal-Unjoni maħruġa skont id-Direttiva preżenti.
3.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, kwalunkwe ċertifikat tal-kwalifika, ktieb tar-rekords tas-servizzi jew ġurnal ta' abbord maħruġ skont regoli nazzjonali ta' pajjiż terz li jistipula rekwiżiti li huma identiċi għal dawk stabbiliti skont din id-Direttiva għandu jkun validu fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tal-Unjoni, suġġett għall-proċedura u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Artikolu.
4.Kwalunkwe pajjiż terz jista' jissottometti lill-Kummissjoni talba għar-rikonoxximent ta' ċertifikati, kotba tar-rekords tas-servizzi jew ġurnali ta' abbord maħruġa mill-awtoritajiet tiegħu. It-talba għandha tkun akkumpanjata bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi ddeterminat li l-ħruġ ta' dawn id-dokumenti huwa suġġett għal rekwiżiti identiċi għal dawk stabbiliti skont din id-Direttiva.
5.Meta tirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tas-sistemi ta' ċertifikazzjoni fil-pajjiż terz li għalihom tkun saret it-talba għar-rikonoxximent, sabiex tiddetermina jekk il-ħruġ ta' dawn id-dokumenti huwiex suġġett għal rekwiżiti identiċi għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.
Jekk jiġi ssodisfat dan ir-rekwiżit, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni dwar ir-rikonoxximent fl-Unjoni taċ-ċertifikati, il-kotba tar-rekords jew il-ġurnali ta' abbord maħruġa minn dak il-pajjiż terz, suġġett għal dak il-pajjiż terz li jirrikonoxxi fil-ġurisdizzjoni tiegħu dokumenti tal-Unjoni maħruġa skont id-Direttiva preżenti.
Meta tadotta dan l-att ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tispeċifika għal liema dokumenti, imsemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, japplika r-rikonoxximent.
Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 29(2).
6.Jekk il-Kummissjoni tiddetermina li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 2 jew 4 mhumiex issodisfati iżjed, għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jissospendi l-validità fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tal-Unjoni taċ-ċertifikati tal-kwalifika, il-kotba tar-rekords tas-servizzi u l-ġurnali ta' abbord maħruġa skont dawn ir-rekwiżiti.
Il-Kummissjoni tista' fi kwalunkwe ħin ittemm is-sospensjoni, jekk in-nuqqasijiet identifikati fir-rigward tal-istandards applikati jkunu ġew solvuti.
7.Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta' pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 3, flimkien mad-dokumenti li huma rikonoxxuti bħala validi fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni kollha tal-Unjoni.
Kapitolu 3
Ċertifikazzjoni ta' kwalifiki professjonali
Taqsima I
Proċedura għall-ħruġ ta' ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni u awtorizzazzjonijiet speċifiċi
Artikolu 10
Ħruġ u validità taċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għal ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni għall-membri tal-ekwipaġġ u għal operazzjonijiet speċifiċi jipprovdu evidenza dokumentarja sodisfaċenti:
(a)tal-identità tagħhom;
(b)li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness I dwar l-età, il-kompetenza, il-konformità amministrattiva u l-ħin tan-navigazzjoni li jikkorrispondu għall-kwalifika li għaliha saret l-applikazzjoni;
(c)li jissodisfaw l-istandards tal-istat mediku skont l-Artikolu 21, fejn huwa applikabbli.
2.L-Istati Membri għandhom jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tad-dokumenti pprovduti.
3.Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu mudelli għaċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 30(2). Meta tadotta dawk l-atti, il-Kummissjoni tista' tagħmel referenza għall-istandards stabbiliti minn korp internazzjonali.
4.Il-validità taċ-ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni għall-membri tal-ekwipaġġ għandha tkun limitata sad-data tal-eżami mediku li jmiss meħtieġ skont l-Artikolu 21.
5.Mingħajr preġudizzju għal-limitazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, iċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni għall-boatmasters għandhom ikunu validi sa massimu ta' 10 snin.
6.Iċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni għal operazzjonijiet speċifiċi għandhom ikunu validi sa massimu ta' ħames snin.
Artikolu 11
Ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet speċifiċi għall-boatmasters
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għal awtorizzazzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6, għajr għal dawk previsti fl-Artikolu 6(b), jipprovdu evidenza dokumentarja sodisfaċenti:
(a)tal-identità tagħhom;
(b)li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness I dwar l-età, il-kompetenza, il-konformità amministrattiva u l-ħin tan-navigazzjoni li jikkorrispondu għall-awtorizzazzjoni speċifika li għaliha saret l-applikazzjoni.
2.Għal awtorizzazzjonijiet speċifiċi għat-tbaħħir fuq meded tal-passaġġi fuq l-ilma interni b'riskji speċifiċi meħtieġa skont l-Artikolu 6(b), l-applikanti għandhom jipprovdu evidenza dokumentarja sodisfaċenti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 18(2):
(a)tal-identità tagħhom;
(b)li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-kompetenza għal riskji speċifiċi għall-medda speċifika li għaliha tkun meħtieġa l-awtorizzazzjoni, stabbiliti skont l-Artikolu 18;
(c)li għandhom ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni għal boatmaster jew ċertifikat rikonoxxut għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) u (3) jew li jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni għall-boatmasters previsti minn din id-Direttiva.
3.L-Istati Membri għandhom jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tad-dokumenti pprovduti.
4.L-awtorità kompetenti li toħroġ iċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni lill-boatmasters għandha tispeċifika fiċ-ċertifikat kwalunkwe awtorizzazzjoni speċifika maħruġa skont l-Artikolu 6, skont il-mudell imsemmi fl-Artikolu 10(3).
5.B'deroga mill-paragrafu 4, l-awtorizzazzjoni speċifika msemmija fl-Artikolu 6(d) għandha tinħareġ bħala ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni speċifiku, skont il-mudell imsemmi fl-Artikolu 10(3).
Artikolu 12
Tiġdid taċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni
Meta tiskadi l-validità ta' ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom, fuq talba, iġeddu ċ-ċertifikat sakemm:
(a)għal ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni għall-membri tal-ekwipaġġ, tiġi ppreżentata evidenza dokumentarja sodisfaċenti msemmija fl-Artikolu 10(1)(a) u (c);
(b)għal ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni għal operazzjonijiet speċifiċi, tiġi ppreżentata l-evidenza dokumentarja sodisfaċenti msemmija fl-Artikolu 10(1)(a) u (b).
Artikolu 13
Irtirar taċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni jew ta' awtorizzazzjonijiet speċifiċi
Meta jkun hemm indikazzjonijiet li r-rekwiżiti għal ċertifikati tal-kwalifika jew għal awtorizzazzjonijiet speċifiċi ma għadhomx aktar ssodisfati, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-valutazzjonijiet kollha meħtieġa u, fejn xieraq, jirtiraw dawk iċ-ċertifikati.
Taqsima II
Kompetenzi
Artikolu 14
Rekwiżiti għall-kompetenzi
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 jkollhom il-kompetenzi meħtieġa għall-operazzjoni sigura ta' bastiment kif stabbilit fl-Artikolu 15.
2.B'deroga mill-paragrafu 1, il-valutazzjoni tal-kompetenza għal riskji speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6(b) għandha tintwera skont l-Artikolu 18.
Artikolu 15
Valutazzjoni tal-kompetenzi
1.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 29 biex tistabbilixxi l-istandards għall-kompetenzi u l-għarfien u l-ħiliet korrispondenti f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness II.
2.Persuni li japplikaw għad-dokumenti msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6 għandhom juru li jissodisfaw l-istandards ta' kompetenza msemmija fil-paragrafu 1 billi jgħaddu minn eżami organizzat:
(a)taħt ir-responsabbiltà ta' awtorità amministrattiva skont l-Artikolu 16 jew;
(b)bħala parti minn programm ta' taħriġ approvat skont l-Artikolu 17.
3.Il-wiri ta' konformità mal-istandards ta' kompetenza għandu jinkludi eżami prattiku għall-kisba:
(a)taċ-ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni għall-boatmasters;
(a)tal-awtorizzazzjoni speċifika għat-tbaħħir bl-għajnuna ta' radar kif imsemmi fl-Artikolu 6(c);
(b)taċ-ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni għall-esperti fl-użu ta' gass likwifikat bħala fjuwil.
Biex jinkisbu d-dokumenti msemmija taħt il-punti (a) u (b), jistgħu jsiru eżamijiet prattiċi abbord il-bastiment jew fuq simulatur konformi mal-Artikolu 19. Fil-każ tal-punt (c), l-eżamijiet prattiċi jistgħu jsiru abbord il-bastiment jew installazzjoni xierqa fuq l-art.
4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 29 biex tistabbilixxi standards għal eżamijiet prattiċi msemmija fil-paragrafu 3 li jispeċifikaw il-kompetenzi u l-kundizzjonijiet speċifiċi li se jiġu ttestjati matul l-eżamijiet prattiċi, kif ukoll ir-rekwiżiti minimi għall-bastimenti li fuqhom jista' jsir l-eżami prattiku.
Artikolu 16
Eżami taħt ir-responsabbiltà ta' awtorità amministrattiva
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżamijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2)(a) jiġu organizzati taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Huma għandhom jiżguraw li dawk l-eżamijiet jitwettqu minn eżaminaturi kkwalifikati biex jivvalutaw il-kompetenzi u l-għarfien u l-ħiliet korrispondenti msemmija fl-Artikolu 15(1).
Artikolu 17
Approvazzjoni tal-programmi ta' taħriġ
1.Il-programmi ta' taħriġ li jwasslu għal diplomi jew ċertifikati li juru konformità mal-istandards ta' kompetenza msemmija fl-Artikolu 15(1) għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fit-territorju tagħhom ikun stabbilit l-istitut rilevanti ta' edukazzjoni jew ta' taħriġ.
2.L-Istati Membri jistgħu japprovaw il-programmi ta' taħriġ imsemmija fil-paragrafu 1 biss jekk:
(a)l-għanijiet tat-taħriġ, il-kontenut tat-tagħlim, il-metodi, it-twassil fil-midja, il-proċeduri u l-materjal tal-kors ikunu dokumentati kif xieraq u jippermettu lill-applikanti jiksbu l-istandards ta' kompetenza msemmija fl-Artikolu 15(1);
(b)il-programmi għall-valutazzjoni tal-kompetenzi rilevanti jitwettqu minn persuni kkwalifikati li għandhom għarfien profond tal-programm tat-taħriġ;
(c)jitwettaq eżami minn eżaminaturi kkwalifikati li jivverifika l-konformità mal-istandards ta' kompetenza msemmija fl-Artikolu 15(1).
3.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-lista tal-programmi ta' taħriġ approvati lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha tippubblika din l-informazzjoni. Il-lista għandha tindika l-isem tal-programm tat-taħriġ, it-titoli tad-diplomi jew iċ-ċertifikati mogħtija, il-korp li qed jagħti d-diploma jew iċ-ċertifikati, is-sena tad-dħul fis-seħħ tal-approvazzjoni kif ukoll tal-kwalifika rilevanti u kwalunkwe awtorizzazzjoni speċifika li d-diploma jew iċ-ċertifikat jagħtu aċċess għaliha.
Artikolu 18
Valutazzjoni tal-kompetenza għal riskji speċifiċi
1.L-Istati Membri li jidentifikaw meded ta' passaġġi fuq l-ilma interni b'riskji speċifiċi skont is-sens tal-Artikolu 8(1), għandhom jiddefinixxu l-kompetenza addizzjonali meħtieġa mill-boatmasters li jinnavigaw fuq dawn il-meded u l-mezzi biex jagħtu prova li dawn ir-rekwiżiti huma ssodisfati.
Dawk il-mezzi jistgħu jikkonsistu f'għadd limitat ta' vjaġġi li għandhom jitwettqu fuq il-medda kkonċernata, eżami bis-simulatur, eżami b'mistoqsijiet b'għażla multipla jew kombinazzjoni tagħhom.
Meta japplikaw dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom japplikaw kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati.
2.Dawn l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-proċeduri għall-valutazzjoni tal-kompetenza tal-applikanti għal riskji speċifiċi u għandhom jagħmlu l-għodod disponibbli pubblikament biex jagħmluha iżjed faċli għall-boatmasters b'ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni biex jakkwistaw il-kompetenza għal riskji speċifiċi.
3.Kwalunkwe Stat Membru jista' jwettaq valutazzjonijiet tal-kompetenza tal-applikanti għal riskji speċifiċi għal meded li jinsabu fi Stat Membru ieħor abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti skont il-paragrafu 1. Fuq talba u fil-każ ta' eżami permezz ta' eżamijiet b'mistoqsijiet b'għażla multipla jew bis-simulaturi, l-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu lil Stati Membri oħra l-għodod disponibbli li jippermettulhom iwettqu dik il-valutazzjoni.
Artikolu 19
Użu ta' simulaturi
1.Is-simulaturi użati għall-valutazzjoni tal-kompetenzi għandhom ikunu suġġetti għal approvazzjoni mill-Istati Membri. Dik l-approvazzjoni għandha tinħareġ fuq talba meta jintwera li l-apparat jikkonforma mal-istandards għas-simulaturi stabbiliti mill-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2. L-approvazzjoni għandha tispeċifika liema valutazzjoni ta' kompetenza partikolari hija awtorizzata fir-rigward tas-simulatur.
2.
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 29 biex tistabbilixxi standards għall-approvazzjoni ta' simulaturi, li jispeċifikaw ir-rekwiżiti minimi funzjonali u tekniċi u l-proċeduri amministrattivi f'dan ir-rigward, bil-għan li jiġi żgurat li s-simulaturi użati għal valutazzjoni ta' kompetenzi huma ddisinjati b'tali mod li jippermettu l-verifika tal-kompetenzi kif preskritt skont l-istandards għal eżamijiet prattiċi msemmija fl-Artikolu 15(3).
3.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-lista ta' simulaturi approvati lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha tippubblika din l-informazzjoni.
Taqsima III
Ħin ta' navigazzjoni u stat mediku
Artikolu 20
Ktieb tar-rekords tas-servizzi u ġurnal ta' abbord
1.Il-ħin ta' navigazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 10(1)(b) u l-vjaġġi mwettqa msemmija fl-Artikolu 18(1) għandhom jiġu rreġistrati fi ktieb tar-rekords tas-servizzi msemmi fil-paragrafu 5 jew fi ktieb tar-rekords tas-servizzi rikonoxxut skont l-Artikolu 9(2) jew (3).
2.Fuq talba mingħand kwalunkwe membru tal-ekwipaġġ, l-Istati Membri għandhom jivvalidaw id-dejta pprovduta mill-boatmaster wara l-verifika tal-awtentiċità u l-validità ta' kwalunkwe evidenza dokumentarja meħtieġa, inkluż il-ġurnal ta' abbord imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.
3.Id-dejta rigward il-ħin ta' navigazzjoni u l-vjaġġi mwettqa għandha tkun valida għal perjodu ta' 15-il xahar, sakemm issir il-validazzjoni minn Stat Membru. Meta l-għodod elettroniċi jiddaħħlu fis-seħħ, inkluż kotba tar-rekords tas-servizzi elettroniċi u ġurnali ta' abbord elettroniċi assoċjati ma' proċeduri xierqa għas-salvagwardja tal-awtentiċità tad-dokumenti, id-dejta korrispondenti tista' titqies ivvalidata mingħajr proċeduri addizzjonali.
Il-ħin ta' navigazzjoni jista' jinkiseb minn fuq kwalunkwe passaġġ fuq l-ilma intern tal-Istati Membri. Fil-każ ta' passaġġi fuq l-ilma interni li l-kanali tagħhom mhumiex kompletament fit-territorju tal-Unjoni, għandu jitqies il-ħin ta' navigazzjoni miksub fuq il-partijiet kollha li jinsabu f'dawk il-kanali tal-ilma u barra minnhom.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vjaġġi ta' bastimenti msemmija fl-Artikolu 2(1) jiġu rreġistrati f'ġurnal ta' abbord imsemmi fil-paragrafu 5 jew f'ġurnal ta' abbord rikonoxxut skont l-Artikoli 9(2) jew (3).
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu mudelli għall-kotba tar-rekords tas-servizzi u għall-ġurnali ta' abbord. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva skont l-Artikolu 30(2), billi titqies l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-persuna, il-ħin ta' navigazzjoni tagħhom u l-vjaġġi mwettqa. Meta jiġu adottati dawn il-mudelli, il-Kummissjoni għandha tqis li l-ġurnal ta' abbord jintuża wkoll għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2014/112/UE għall-verifika tar-rekwiżiti tal-ekwipaġġ u r-reġistrazzjoni tal-vjaġġi tal-bastimenti u tista' tagħmel referenza għal standards stabbiliti minn korp internazzjonali.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-ekwipaġġ iżommu ktieb tar-rekords tas-servizzi attiv uniku u li l-bastimenti jżommu ġurnal ta' abbord attiv uniku.
Artikolu 21
Stat mediku
1.Il-persuni msemmija fl-Artikolu 4(1) u 5(1) għandhom iżommu ċertifikat mediku validu maħruġ minn tabib rikonoxxut mill-awtorità kompetenti, ibbażat fuq it-twettiq b'suċċess ta' eżami tal-istat mediku.
L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema tobba jistgħu joħorġu dawn iċ-ċertifikati mediċi.
2.Iċ-ċertifikati mediċi għandhom jiġu pprovduti lill-awtorità kompetenti:
(a)biex jinħareġ l-ewwel ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni tal-applikant;
(b)biex jinħarġu ċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni għall-boatmasters;
(c)għat-tiġdid ta' ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni f'każ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.
Iċ-ċertifikati mediċi maħruġa għall-finijiet tal-kisba ta' ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni għandhom ikunu datati mhux aktar kmieni minn tliet xhur qabel id-data tal-applikazzjoni għal ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni.
3.Meta jagħlaq is-60 sena, id-detentur ta' ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni għandu jagħmel b'suċċess eżami tal-istat mediku fit-tliet xhur ta' wara u għandu sussegwentement jagħmel dan l-eżami b'suċċess kull ħames snin wara. Meta jagħlaq is-70 sena, id-detentur għandu jagħmel b'suċċess dan l-eżami kull sentejn wara.
4.L-impjegaturi, il-boatmasters u l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jirrikjedu lil membru tal-ekwipaġġ biex jirrapporta għal eżami mediku, kull meta jkun hemm indikazzjonijiet oġġettivi li r-rekwiżiti tal-istat mediku msemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu jistgħu ma jkunux għadhom sodisfatti.
5.Meta l-istat mediku ma jkunx jista' jintwera kompletament, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri ta' mitigazzjoni li jipprovdu sikurezza ekwivalenti fin-navigazzjoni jew jiġu imposti restrizzjonijiet. F'dak il-każ, dawn il-miżuri ta' mitigazzjoni u restrizzjonijiet relatati mal-istat mediku għandhom jissemmew fiċ-ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni skont il-mudell imsemmi fl-Artikolu 10(3).
6.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 29 u fuq il-bażi tar-rekwiżiti essenzjali għall-istat mediku msemmija fl-Anness III li tistabbilixxi l-istandards għall-istat mediku li jispeċifikaw ir-rekwiżiti fir-rigward tal-istat mediku, b'mod partikolari fir-rigward tat-testijiet li għandhom iwettqu t-tobba, il-kriterji li għandhom japplikaw biex jiddeterminaw is-saħħa tagħhom għax-xogħol u l-lista ta' restrizzjonijiet u miżuri ta' mitigazzjoni.
Kapitolu 4
Dispożizzjonijiet amministrattivi
Artikolu 22
Protezzjoni tad-dejta personali
1.Kwalunkwe proċessar ta' dejta personali mill-Istati Membri previst f'din id-Direttiva għandu jitwettaq skont id-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru XXX/2016 (in-numru għandu jiżdied wara l-adozzjoni formali) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta).
2.Kwalunkwe proċessar ta' dejta personali mill-Kummissjoni Ewropea previst f'din id-Direttiva għandu jitwettaq skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data.
3.Id-dejta personali tista' tiġi pproċessata biss għall-finijiet ta':
(a)implimentazzjoni, infurzar u evalwazzjoni ta' din id-Direttiva;
(b)skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet li għandhom aċċess għall-bażi ta' dejta msemmija fl-Artikolu 23 u l-Kummissjoni;
(c)produzzjoni ta' statistika.
L-informazzjoni anonimizzata derivata minn din id-dejta tista' tintuża biex issostni politiki li jippromwovu t-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni msemmija fl-Artikoli 4 u 5 li d-dejta personali tagħhom, u b'mod partikolari d-dejta dwar saħħithom, huma proċessati fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 23(1) u l-bażi ta' dejta msemmija fl-Artikolu 23(2) jiġu infurmati ex ante. Dawn għandhom jingħataw aċċess għad-dejta personali li tikkonċernahom u jiġu pprovduti b'kopja ta' dik id-dejta fuq talba f'kwalunkwe ħin.
Artikolu 23
Reġistri
1.Biex jikkontribwixxu għal amministrazzjoni effiċjenti fir-rigward tal-ħruġ, it-tiġdid u l-irtirar taċ-ċertifikati tal-kwalifika, l-Istati Membri għandhom iżommu reġistri għaċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni kollha, kotba tar-rekords tas-servizzi u ġurnali ta' abbord maħruġa taħt l-awtorità tagħhom skont din id-Direttiva u, fejn rilevanti, għal dokumenti rikonoxxuti skont l-Artikolu 9(2), li huma maħruġa, imġedda, skaduti, sospiżi, irtirati jew irrapportati mitlufa, misruqa jew meqruda.
Għal ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni, ir-reġistri għandhom jinkludu d-dejta li tidher fuq iċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni u l-awtorità emittenti.
Għal kotba tar-rekords tas-servizzi, ir-reġistri għandhom jinkludu n-numru ta' identifikazzjoni tad-detentur, in-numru ta' identifikazzjoni tal-ktieb tar-rekords tas-servizzi, l-isem tad-detentur, id-data tal-ħruġ u l-awtorità emittenti.
Għal ġurnali ta' abbord, ir-reġistri għandhom jinkludu l-isem tal-bastiment, in-Numru Ewropew ta' Identifikazzjoni jew in-Numru Uniku Ewropew ta' Identifikazzjoni tal-Bastiment (in-numru ENI), in-numru ta' identifikazzjoni tal-ġurnal ta' abbord, id-data tal-ħruġ u l-awtorità emittenti.
Biex tiffaċilita iżjed l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 29 biex tikkomplimenta l-informazzjoni fir-reġistri għal kotba tar-rekords tas-servizzi u ġurnali ta' abbord b'informazzjoni oħra meħtieġa mill-mudelli ta' kotba tar-rekords tas-servizzi u l-ġurnali ta' abbord adottati skont l-Artikolu 20(5).
2.Għall-finijiet tal-implimentazzjoni, l-infurzar u l-evalwazzjoni ta' din id-Direttiva, għaż-żamma tas-sikurezza, għall-faċilità tan-navigazzjoni kif ukoll għal finijiet ta' statistika u sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet li jimplimentaw din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw b'mod affidabbli u mingħajr dewmien f'bażi ta' dejta miżmuma mill-Kummissjoni d-dejta relatata maċ-ċertifikati tal-kwalifika, il-kotba tar-rekords tas-servizzi u l-ġurnali ta' abbord imsemmija fil-paragrafu 1.
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 29 li jikkonċernaw l-istandards li jistabbilixxu l-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet tal-użu ta' din il-bażi ta' dejta, b'mod partikolari biex tispeċifika:
(a)l-istruzzjonijiet għall-kodifikazzjoni tad-dejta fil-bażi ta' dejta;
(b)id-drittijiet tal-aċċess tal-utenti, differenzjati fejn xieraq, skont it-tip ta' utenti, it-tip ta' aċċess u l-għan li għalih tintuża d-dejta;
(c)it-terminu massimu taż-żamma tad-dejta skont il-paragrafu 3, differenzjat fejn xieraq, skont it-tip ta' dokument;
(d)l-istruzzjonijiet dwar il-funzjonament tal-bażi ta' dejta u l-interazzjoni tagħha mar-reġistri msemmija fil-paragrafu 1.
3.Kwalunkwe dejta personali inkluża fir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 u l-bażi ta' dejta msemmija fil-paragrafu 2 għandha tinħażen għal mhux iżjed minn kemm meħtieġ għall-finijiet li għalihom inġabret id-dejta jew li għalihom tiġi proċessata aktar skont din id-Direttiva. Ladarba l-informazzjoni ma tkunx meħtieġa iżjed għal dawn il-finijiet, din id-dejta personali għandha tinqered.
4.Il-Kummissjoni tista' tipprovdi aċċess għall-bażi ta' dejta lil awtorità ta' pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, sa fejn dan huwa meħtieġ għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 2, sakemm ir-rekwiżiti tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jiġu ssodisfati u fuq il-bażi ta' każ b'każ biss. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali ma jittrasferixxux id-dejta lil pajjiż terz ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali sakemm ma jingħatawx awtorizzazzjoni bil-miktub u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet speċifikati mill-Kummissjoni.
Artikolu 24
Awtoritajiet kompetenti
1.L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti li se:
(a)jorganizzaw u jissorveljaw l-eżamijiet imsemmija fl-Artikolu 16;
(b)japprovaw il-programmi tat-taħriġ imsemmija fl-Artikolu 17;
(c)joħorġu ċ-ċertifikati u l-awtorizzazzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 6, kif ukoll il-kotba tar-rekords tas-servizzi u l-ġurnali ta' abbord imsemmija fl-Artikolu 20;
(d)iżommu r-reġistri msemmija fl-Artikolu 23;
(e)jikxfu u jiġġieldu kontra l-frodi u prattiki illegali oħra msemmija fl-Artikolu 27.
2.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti kollha fit-territorju tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika din l-informazzjoni.
Artikolu 25
Monitoraġġ
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a)l-attivitajiet kollha assoċjati mat-taħriġ, il-valutazzjoni tal-kompetenza, il-ħruġ u l-aġġornar taċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni, il-kotba tar-rekords tas-servizzi u l-ġurnali ta' abbord imwettqa minn korpi governattivi u mhux governattivi taħt l-awtorità tagħhom jiġu kontinwament immonitorjati permezz ta' sistema ta' standards tal-kwalità biex tiġi żgurata l-kisba tal-għanijiet previsti f'din id-Direttiva;
(b)l-għanijiet tat-taħriġ u l-istandards ta' kompetenza relatati li għandhom jinkisbu huma ddefiniti b'mod ċar u li jidentifikaw il-livelli ta' għarfien u ħiliet li għandhom jiġu vvalutati u eżaminati skont din id-Direttiva;
(c)l-oqsma tal-applikazzjoni tal-istandards ta' kwalità jkopru l-ħruġ, it-tiġdid, is-sostituzzjoni u l-irtirar taċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni, il-kotba tar-rekords tas-servizzi u l-ġurnali ta' abbord, il-korsijiet u l-programmi kollha tat-taħriġ, l-eżamijiet u l-valutazzjonijiet imwettqa mill-awtorità ta' kull Stat Membru jew skontha u l-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa ta' min iħarreġ u tal-eżaminaturi, wara li kkunsidraw il-politiki, is-sistemi, il-kontrolli u r-rieżamijiet tal-assigurazzjoni tal-kwalità stabbiliti biex jiżguraw il-kisba tal-għanijiet definiti.
Artikolu 26
Evalwazzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tal-kisba u l-valutazzjoni tal-kompetenza, u l-amministrazzjoni taċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni, il-kotba tar-rekords tas-servizzi u l-ġurnali ta' abbord, huma evalwati f'intervalli ta' mhux aktar minn ħames snin minn korpi indipendenti.
2.Ir-riżultati ta' dawk il-valutazzjonijiet indipendenti għandhom jiġu ddokumentati kif xieraq u jinġiebu għall-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. Jekk meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jirrimedjaw kwalunkwe nuqqas identifikat mill-valutazzjoni indipendenti.
Artikolu 27
Prevenzjoni ta' frodi u prattiki illegali oħra
1.L-Istati Membri għandhom jieħdu u jinfurzaw miżuri xierqa biex jevitaw frodi u prattiki illegali oħra li jinvolvu ċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni, il-kotba tar-rekords tas-servizzi, il-ġurnali ta' abbord, iċ-ċertifikati mediċi u r-reġistri previsti f'din id-Direttiva.
2.L-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra li tikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni ta' persuni involuti fl-operazzjoni ta' bastiment.
Artikolu 28
Penali
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn [data għat-traspożizzjoni tad-Direttiva] u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.
Kapitolu 5
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 29
Eżerċizzju tad-delega
1.Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati tingħata lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 15(1) u (4), l-Artikoli 19, 21 u 23(1) u (2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat minn (*dħul fis-seħħ).
3.Id-delega tas-setgħa msemmija f'dan l-Artikolu tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tkun effettiva fil-ġurnata wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
5.Att delegat adottat skont dan l-Artikolu għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
6.Meta teżerċita s-setgħa tad-delega tagħha msemmija fl-Artikolu 15(1) u (4), l-Artikoli 19, 21 u l-Artikolu 23(1) u (2) il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati li jagħmlu referenza għal standards stabbiliti minn korp internazzjonali.
7.Il-Kummissjoni tista' tinnomina korp bil-għan li jirċievi n-notifiki u jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni prevista f'din id-Direttiva.
Artikolu 30
Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Ir-referenzi għall-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/672/KEE, li tħassret b'din id-Direttiva, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-kumitat stabbilit minn din id-Direttiva.
2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Jekk l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb bi proċedura bil-miktub, il-president tal-kumitat jista' jiddeċiedi li jtemm il-proċedura mingħajr riżultat fil-limitu taż-żmien għall-għoti tal-opinjoni.
Artikolu 31
Rieżami
1.Il-Kummissjoni għandha tevalwa din id-Direttiva flimkien mal-atti ta' implimentazzjoni u l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 8, 10, 20 u 29 u tippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard minn seba' snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 33(1).
2.Sa [sentejn qabel id-data indikata fil-paragrafu 1], kull Stat Membru għandu jagħmel disponibbli għall-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-evalwazzjoni tad-Direttiva, skont il-linji gwida pprovduti mill-Kummissjoni f'konsultazzjoni mal-Istati Membri fir-rigward tal-ġbir ta' informazzjoni, il-format u l-kontenut.
Artikolu 32
Dħul gradwali
1.Fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tadotta b'mod gradwali atti delegati li jistabbilixxu:
(a)l-istandards għall-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet tal-użu tal-bażi ta' dejta previsti fl-Artikolu 23;
(b)l-istandards tal-kompetenzi msemmija fl-Artikolu 15(1);
(c)l-istandards tal-istat mediku previsti fl-Artikolu 21;
(d)il-mudelli previsti fl-Artikoli 10 u 20;
(e)l-istandards għall-eżamijiet prattiċi previsti fl-Artikolu 15(3);
(f)l-istandards għall-approvazzjoni tas-simulaturi previsti fl-Artikolu 19.
2.Sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-adozzjoni tal-parametri tal-bażi ta' dejta stabbiliti fil-paragrafu 1(a) ta' dan l-Artikolu, għandha tiġi stabbilita l-bażi ta' dejta prevista fl-Artikolu 23.
Artikolu 33
Tħassir
Id-Direttivi 96/50/KE u 91/672/KEE jitħassru b'effett minn [hawnhekk daħħal id-data wara t-tmiem tal-perjodu ta' traspożizzjoni].
Artikolu 34
Dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni
1.Iċ-ċertifikati tal-boatmasters maħruġa skont id-Direttiva 96/50/KE kif ukoll il-liċenzji tan-navigazzjoni fuq ir-Renu msemmija fl-Artikolu 1(5) ta' dik id-Direttiva, maħruġa qabel id-data ta' wara tmiem il-perjodu ta' traspożizzjoni msemmi fl-Artikolu 35 ta' din id-Direttiva, għandhom jibqgħu validi fuq il-passaġġi fuq l-ilma tal-Unjoni fejn kienu validi qabel din id-data għal massimu ta' 10 snin wara dik id-data. Qabel l-iskadenza tal-validità, l-Istat Membru li ħareġ dawk id-dokumenti għandu joħroġ ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni lill-boatmasters li għandhom dawn iċ-ċertifikati skont il-mudell preskritt minn din id-Direttiva jew ċertifikat fl-applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) ta' din id-Direttiva, bil-kundizzjoni li jipprovdu evidenza dokumentarja sodisfaċenti kif imsemmi fl-Artikolu 10(1)(a) u (c) ta' din id-Direttiva u:
(a)li l-leġiżlazzjoni li fuq il-bażi tagħha nħareġ iċ-ċertifikat tagħhom tirrikjedi minimu ta' 720 ġurnata ta' ħin ta' navigazzjoni bħala kundizzjoni għall-kisba ta' ċertifikat tal-boatmaster validu fuq il-passaġġi fuq l-ilma kollha tal-Unjoni; jew
(b)fejn il-leġiżlazzjoni, li fuq il-bażi tagħha nħareġ iċ-ċertifikat tagħhom, tirrikjedi inqas minn 720 ġurnata ta' ħin ta' navigazzjoni bħala kundizzjoni għall-kisba ta' ċertifikat tal-boatmaster validu fuq il-passaġġi fuq l-ilma kollha tal-Unjoni, li l-boatmaster jipprovdi prova, permezz ta' ktieb tar-rekords tas-servizzi, tal-ħin ta' navigazzjoni ekwivalenti għad-differenza bejn dawk is-720 ġurnata u l-esperjenza meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni li fuq il-bażi tagħha nħareġ iċ-ċertifikat.
2.Meta joħorġu ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jissalvagwardjaw, kemm jista' jkun, l-intitolamenti mogħtija qabel b'mod partikolari fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 6.
3.Membri tal-ekwipaġġ għajr il-boatmasters li jkollhom ċertifikat tal-kwalifika maħruġ minn Stat Membru qabel id-data ta' wara t-tmiem tal-perjodu ta' traspożizzjoni msemmi fl-Artikolu 35 ta' din id-Direttiva jew li jkollhom kwalifika rikonoxxuta fi Stat Membru wieħed jew aktar xorta jistgħu joqogħdu fuq dak iċ-ċertifikat jew kwalifika għal massimu ta' 10 snin wara dik id-data. Matul dan il-perjodu, il-membri tal-ekwipaġġ għajr il-boatmasters jistgħu jkomplu joqogħdu fuq id-Direttiva 2005/36/KE għar-rikonoxximent tal-kwalifika tagħhom minn awtoritajiet ta' Stati Membri oħra. Qabel l-iskadenza ta' dan il-perjodu, huma jistgħu japplikaw għal ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni jew ċertifikat fl-applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) ma' awtorità kompetenti li toħroġ dawn iċ-ċertifikati, bil-kundizzjoni li jipprovdu evidenza sodisfaċenti kif imsemmija fl-Artikolu 10(1) (a) u (c) ta' din id-Direttiva u jipprovdu prova, permezz ta' ktieb tar-rekords tas-servizzi, tal-ħin ta' navigazzjoni li ġej:
(a)għaċ-ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni għal baħħar: 540 ġurnata ta' ħin ta' navigazzjoni inkluż tal-inqas li 180 ġurnata kienu f'navigazzjoni interna;
(b)għaċ-ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni għal baħħar kapaċi: 900 ġurnata inkluż tal-inqas 540 ġurnata li kienu f'navigazzjoni interna;
(c)għaċ-ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni għal tmunier: 1080 ġurnata inkluż tal-inqas 720 ġurnata li kienu f'navigazzjoni interna.
4.Il-kotba tar-rekords tas-servizzi u l-ġurnali ta' abbord maħruġa qabel id-data wara t-tmiem tal-perjodu ta' traspożizzjoni msemmi fl-Artikolu 35 skont regoli għajr dawk stabbiliti minn din id-Direttiva jistgħu jibqgħu attivi għal massimu ta' 10 snin wara d-data ta' wara t-tmiem tal-perjodu ta' traspożizzjoni msemmi fl-Artikolu 35.
Artikolu 35
Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [3 snin wara d-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 36
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 37
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.2.2016
COM(2016) 82 final
ANNESSI
tad-
Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 96/50/KEE
{SWD(2016) 35 final}
{SWD(2016) 36 final}
ANNESSI
tad-
Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 96/50/KEE
Anness I
Rekwiżiti minimi għall-età, għall-konformità amministrattiva, għall-kompetenza u għall-ħin tan-navigazzjoni
Ir-rekwiżiti minimi għall-kwalifiki tal-membri tal-ekwipaġġ stabbiliti f'dan l-Anness huma ppreżentati bħala livell ta' kwalifiki li jiżdied, ħlief għall-kwalifiki tal-baħrin u tal-apprendisti li jitqiesu tal-istess livell.
1.Il-kwalifiki tal-membri tal-ekwipaġġ fil-livell bażiku
1.1.Rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni ta' baħri
Kull applikant għal ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni:
–ma għandux ikollu inqas minn 16-il sena.
1.2.Rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni ta' apprendist
Kull applikant għal ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni:
–ma għandux ikollu inqas minn 15-il sena;
–għandu jkun kif iffirma ftehim ta' apprendistat li jipprevedi l-programm tat-taħriġ approvat imsemmi fl-Artikolu 17.
2.Il-kwalifiki tal-membri tal-ekwipaġġ fil-livell operazzjonali
2.1.Rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni ta' baħħar
Kull applikant għal ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni:
a)
–ma għandux ikollu inqas minn 17-il sena;
–għandu jkun lesta l-programm tat-taħriġ approvat imsemmi fl-Artikolu 17 li ma jkunx inqas minn sentejn u bbażat fuq l-istandard ta' kompetenza għal-livell operazzjonali stabbilit fl-Anness II;
–għandu jkollu ħin ta' navigazzjoni ta' mhux inqas minn 90 ġurnata bħala parti minn dan il-programm tat-taħriġ approvat.
Jew
b)
–ma għandux ikollu inqas minn 19-il sena;
–irid ikun għadda minn valutazzjoni tal-kompetenza minn awtorità amministrattiva bil-għan li tivverifika li jiġu ssodisfati l-istandards ta' kompetenza għal-livell operazzjonali stabbiliti fl-Anness II;
–għandu jkollu ħin ta' navigazzjoni ta' mhux inqas minn 360 ġurnata jew ta' 180 ġurnata, fejn l-applikant jista' jipprovdi wkoll prova tal-esperjenza tax-xogħol ta' mill-inqas 250 ġurnata miksuba fuq bastiment tal-baħar bħala membru tal-ekwipaġġ.
Jew
c)
–ma għandux ikollu inqas minn 19-il sena;
–għandu jkollu mill-inqas ħames snin esperjenza ta' xogħol qabel ma jirreġistra għall-programm tat-taħriġ;
–għandu jkun lesta l-programm tat-taħriġ approvat imsemmi fl-Artikolu 17 ibbażat fuq l-istandards ta' kompetenza għal-livell operazzjonali stabbilit fl-Anness II;
–għandu jkollu ħin ta' navigazzjoni ta' mhux inqas minn 90 ġurnata bħala parti minn dan il-programm tat-taħriġ approvat.
2.2.Rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni ta' baħħar ikkwalifikat
Kull applikant għal ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni:
a)
–għandu jkollu ħin ta' navigazzjoni ta' mhux inqas minn 180 ġurnata filwaqt li jkun kwalifikat biex iservi bħala baħħar.
Jew
b)
–għandu jkun lesta b'suċċess il-programm tat-taħriġ approvat imsemmi fl-Artikolu 17 ibbażat fuq l-istandards ta' kompetenza għal-livell operazzjonali stabbiliti fl-Anness II;
–għandu jkollu ħin ta' navigazzjoni ta' mhux inqas minn 270 ġurnata bħala parti minn dan il-programm tat-taħriġ approvat.
2.3.Rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni ta' tmunier
Kull applikant għal ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni:
–għandu jkollu ħin ta' navigazzjoni ta' mhux inqas minn 180 ġurnata filwaqt li jkun kwalifikat biex iservi bħala baħħar.
3.Il-kwalifiki tal-membri tal-ekwipaġġ fil-livell maniġerjali
3.1.Rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni għall-boatmasters
Kull applikant għal ċertifikat tal-kwalifika tal-Unjoni:
a)
–ma għandux ikollu inqas minn 21 sena;
–għandu jkun lesta b'suċċess il-programm tat-taħriġ approvat imsemmi fl-Artikolu 17 li ma jkunx inqas minn sentejn u bbażat fuq l-istandards ta' kompetenza għal-livell maniġerjali stabbilit fl-Anness II;
–għandu jkollu ħin ta' navigazzjoni ta' mhux inqas minn 360 ġurnata, miksuba bħala parti minn dan il-programm tat-taħriġ approvat jew wara li jkun lesta dan il-programm.
Jew
b)
–ma għandux ikollu inqas minn 21 sena;
–għandu jkollu l-kwalifika ta' tmunier jew ikollu ħin ta' navigazzjoni ta' mhux inqas minn 540 ġurnata jew ta' 180 ġurnata fejn l-applikant jista' jipprovdi wkoll prova tal-esperjenza tax-xogħol ta' mill-inqas 500 ġurnata miksuba fuq bastiment tal-baħar bħala membru tal-ekwipaġġ;
–irid ikun għadda minn valutazzjoni tal-kompetenza minn awtorità amministrattiva bil-għan li tivverifika li jiġi ssodisfat l-istandard ta' kompetenza għal-livell maniġerjali stabbilit fl-Anness II.
Jew
c)
–ma għandux ikollu inqas minn 21 sena;
–għandu jkollu mill-inqas ħames snin esperjenza ta' xogħol qabel ma jirreġistra għal programm tat-taħriġ approvat;
–għandu jkun segwa l-programm tat-taħriġ approvat imsemmi fl-Artikolu 17 u bbażat fuq l-istandards ta' kompetenza għal-livell maniġerjali stabbiliti fl-Anness II;
–għandu jkollu ħin ta' navigazzjoni ta' mhux inqas minn 180 ġurnata bħala parti minn dan il-programm tat-taħriġ approvat u mhux inqas minn 180 ġurnata wara li jkun lesta dan il-programm.
3.2.Rekwiżiti għal awtorizzazzjonijiet speċifiċi għaċ-ċertifikat tal-kwalifika ta' boatmaster
3.2.1.Passaġġi fuq l-ilma b'karattru marittimu
Kull applikant għandu:
–jissodisfa r-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni għall-boatmasters stabbiliti f'dan l-Anness;
–jissodisfa l-istandard ta' kompetenza għat-tbaħħir fuq passaġġi fuq l-ilma b'karattru marittimu stabbilit fl-Anness II.
3.2.2.Radar
Kull applikant għandu:
–jissodisfa r-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni għall-boatmasters stabbiliti f'dan l-Anness;
–jissodisfa l-istandard ta' kompetenza għat-tbaħħir bl-għajnuna ta' radar stabbilit fl-Annness II.
3.2.3.Gass naturali likwifikat bħala fjuwil
Kull applikant għandu:
–jissodisfa r-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikati tal-kwalifika tal-Unjoni għall-boatmasters stabbiliti f'dan l-Anness;
–jissodisfa l-istandard ta' kompetenza għall-esperti fl-użu tal-gass naturali likwifikat bħala fjuwil stabbilit fl-Annness II.
3.2.4.Konvojs kbar
Kull applikant għandu jkollu ħin ta' navigazzjoni ta' mhux inqas minn 720 ġurnata, li minnhom minimu ta' 540 ġurnata jkunu ddedikati għall-kwalifika ta' boatmaster u minimu ta' 180 ġurnata ddedikati għat-tbaħħir ta' konvoj kbir.
4.Kwalifiki għal operazzjoni speċifika
4.1.Espert fin-navigazzjoni tal-passiġġieri
Kull applikant għall-ewwel ċertifikat tal-Unjoni bħala espert fin-navigazzjoni tal-passiġġieri:
–ma għandux ikollu inqas minn 18-il sena;
–għandu jissodisfa l-istandards ta' kompetenza għall-esperti fin-navigazzjoni tal-passiġġieri stabbiliti fl-Annness II.
Kull applikant għat-tiġdid ta' ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni tal-passiġġieri għandu:
–jgħaddi minn eżami amministrattiv ġdid jew ilesti programm tat-taħriġ ġdid skont l-Artikolu 15(2).
4.2.Espert fl-użu tal-gass naturali likwifikat (LNG) bħala fjuwil
Kull applikant għall-ewwel ċertifikat tal-Unjoni bħala espert fl-użu tal-gass naturali likwifikat bħala fjuwil:
–ma għandux ikollu inqas minn 18-il sena;
–għandu jissodisfa l-istandards ta' kompetenza għall-esperti fl-użu tal-gass naturali likwifikat bħala fjuwil stabbiliti fl-Annness II.
Kull applikant għat-tiġdid ta' ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni tal-passiġġieri għandu:
a)
ikollu l-ħin ta' navigazzjoni li ġej abbord ta' bastiment li juża l-gass naturali likwifikat (LNG) bħala fjuwil:
–mhux inqas minn 180 ġurnata matul il-ħames snin preċedenti, jew
–mhux inqas minn 90 ġurnata matul is-sena preċedenti;
jew
b)
jissodisfa l-istandards ta' kompetenza għall-esperti fl-użu tal-gass naturali likwifikat bħala fjuwil stabbiliti fl-Annness II.
Anness II
Rekwiżiti essenzjali ta’ kompetenza
1.Rekwiżiti essenzjali ta' kompetenza fil-livell operazzjonali
1.1.In-navigazzjoni
Il-baħħar għandu jgħin lill-maniġment tal-bastiment f'sitwazzjonijiet ta' mmanuvrar u mmaniġġjar ta' bastiment f'passaġġi fuq l-ilma interni. Il-baħħar għandu jkun kapaċi jagħmel dan fuq it-tipi kollha ta' passaġġi fuq l-ilma u fit-tipi kollha ta' portijiet. B'mod partikolari, il-baħħar għandu jkun kapaċi:
–jassisti fit-tħejjija tal-bastiment għat-tbaħħir sabiex jiġi żgurat vjaġġ sigur fiċ-ċirkostanzi kollha;
–jassisti fl-operazzjonijiet ta' rmiġġ u ta' ankraġġ fil-bidu jew fi tmiem il-vjaġġ tal-bastiment;
–jassisti fit-tbaħħir u fl-immanuvrar tal-bastiment b'mod ekonomiku u nawtikament sigur.
1.2.Operazzjonijiet tal-bastimenti
Il-baħħar għandu jkun kapaċi:
–jassisti lill-maniġment tal-bastiment billi jikkontrolla l-operazzjoni tal-bastiment u jieħu ħsieb il-persuni abbord;
–juża t-tagħmir tal-bastiment.
1.3.Immaniġġar tal-merkanzija, stivar u trasport tal-passiġġieri
Il-baħħar għandu jkun kapaċi:
–jassisti lill-maniġment tal-bastiment fit-tħejjija, fl-istivar u fil-monitoraġġ tal-merkanzija matul l-operazzjonijiet tat-tagħbija u tal-ħatt;
–jassisti lill-maniġment tal-bastiment biex jipprovdi servizzi lill-passiġġieri.
1.4.Inġinerija navali u inġinerija elettrika, elettronika u ta' kontroll
Il-baħħar għandu jkun kapaċi:
–jassisti lill-maniġment tal-bastiment fl-inġinerija navali , elettrika, elettronika u fis-sistemi ta' kontroll biex jiżgura s-sikurezza teknika ġenerali;
–iwettaq xogħol ta' manutenzjoni fuq it-tagħmir ta' inġinerija navali , elettrika, elettronika u fis-sistemi ta' kontroll biex jiżgura s-sikurezza teknika ġenerali.
1.5.Manutenzjoni u tiswija
Il-baħħar għandu jkun kapaċi:
–jassisti lill-maniġment tal-bastiment fil-manutenzjoni u fit-tiswija tal-bastiment u tal-apparat u tat-tagħmir tiegħu.
1.6.Komunikazzjoni
Il-baħħar għandu jkun kapaċi:
–jikkomunika b'mod ġenerali u professjonali, li tinkludi l-kapaċità li juża frażijiet standardizzati ta' komunikazzjoni f'sitwazzjonijiet bi problemi ta' komunikazzjoni;
–ikun soċjevoli.
1.7.Saħħa u sikurezza u protezzjoni ambjentali
Il-baħħar għandu jkun kapaċi:
–jaderixxi mar-regoli ta' ħidma sigura u jifhem l-importanza ta' regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza u dwar l-ambjent;
–jagħraf l-importanza tat-taħriġ dwar is-sikurezza abbord u jaġixxi immedjatament f'xi każ ta' emerġenza;
–jieħu prekawzjonijiet biex jipprevjeni n-nar u juża sew it-tagħmir għat-tifi tan-nar;
–iwettaq dmirijietu filwaqt li jqis l-importanza li jipproteġi l-ambjent.
2.Rekwiżiti essenzjali ta' kompetenza għall-kompetenzi fil-livell maniġerjali
2.1.In-navigazzjoni
Il-boatmaster għandu jkun kapaċi:
–jippjana vjaġġ u jmexxi n-navigazzjoni f'passaġġi fuq l-ilma interni, jiġifieri jkun kapaċi jagħżel l-aktar rotta ta' tbaħħir loġika, ekonomika u ekoloġika biex jasal fid-destinazzjonijiet tat-tagħbija u tal-ħatt, filwaqt li jqis l-aktar skeda ta' żmien effiċjenti għat-tbaħħir skont iċ-ċirkostanzi attwali;
–ibaħħar u jimmanuvra filwaqt li jiżgura t-tħaddim sigur tal-bastiment fil-kundizzjonijiet kollha fil-passaġġi fuq l-ilma interni;
–jirreaġixxi għas-sitwazzjonijiet ta' emerġenza fil-passaġġi fuq l-ilma interni;
–juża tagħmir ta' frekwenza għolja ħafna waqt in-navigazzjoni fil-passaġġi fuq l-ilma interni.
2.2.Operazzjonijiet tal-bastimenti
Il-boatmaster għandu jkun kapaċi:
–japplika l-għarfien dwar il-bini tal-bastimenti u dwar il-metodi ta' kostruzzjoni fil-passaġġi fuq l-ilma interni għall-operazzjonijiet ta' tipi differenti ta' bastimenti;
–jikkontrolla u jimmonitorja t-tagħmir obbligatorju kif imsemmi fiċ-ċertifikat tal-bastiment applikabbli.
2.3.Immaniġġar tal-merkanzija, stivar u trasport tal-passiġġieri
Il-boatmaster għandu jkun kapaċi:
–jippjana u jiżgura t-tagħbija, l-istivar, l-iffissar u l-ħatt sigur tal-merkanzija u l-kura tagħha waqt il-vjaġġ;
–jippjana u jiżgura l-istabbilità korretta tal-bastiment;
–jippjana u jiżgura t-trasport sigur tal-passiġġieri u l-kura tagħhom waqt il-vjaġġ.
2.4.Inġinerija navali u inġinerija elettrika, elettronika u ta' kontroll
Il-boatmaster għandu jkun kapaċi:
–jippjana l-fluss tax-xogħol tal-inġinerija navali u tal-inġinerija elettrika, elettronika u ta' kontroll;
–jimmonitorja l-magni prinċipali u l-makkinarju u t-tagħmir awżiljarju;
–jippjana u jagħti struzzjonijiet marbuta mal-pompa tal-bastiment u mas-sistema ta' kontroll tal-pompa;
–jorganizza l-użu u l-applikazzjoni sigura tal-apparati elettrotekniċi tal-bastiment, flimkien mal-manutenzjoni u mat-tiswija tagħhom;
–jikkontrolla l-manutenzjoni u t-tiswija sigura tal-apparati tekniċi.
2.5.Manutenzjoni u tiswija
Il-boatmaster għandu jkun kapaċi:
–jorganizza l-manutenzjoni u t-tiswija sigura tal-bastiment u tat-tagħmir tiegħu.
2.6.Komunikazzjoni
Il-boatmaster għandu jkun kapaċi:
–jimmaniġġja r-riżorsi umani u jkun responsabbli soċjalment, jieħu ħsieb l-organizzazzjoni tal-fluss tax-xogħol u tat-taħriġ abbord il-bastiment;
–jiżgura li jkun hemm il-ħin kollu komunikazzjoni tajba, li tinkludi l-użu ta' frażijiet standardizzati ta' komunikazzjoni f'sitwazzjonijiet bi problemi ta' komunikazzjoni;
–irawwem ambjent tax-xogħol soċjevoli u bbilanċjat b'mod tajjeb abbord il-bastiment.
2.7.Saħħa u sikurezza u protezzjoni ambjentali
Il-boatmaster għandu jkun kapaċi:
–jimmonitorja r-rekwiżiti legali applikabbli u jieħu miżuri biex jiżgura s-sikurezza tal-ħajja umana;
–iżomm is-sikurezza u s-sigurtà tal-persuni abbord il-bastiment;
–iwaqqaf pjanijiet ta' emerġenza u ta' kontroll tal-ħsara u jimmaniġġja sitwazzjonijiet ta' emerġenza;
–jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti għall-protezzjoni ambjentali.
3.Rekwiżiti essenzjali ta' kompetenza għall-awtorizzazzjonijiet speċifiċi
3.1.Tbaħħir fuq passaġġi fuq l-ilma b'karattru marittimu
Il-boatmaster għandu jkun kapaċi:
–jaħdem b'ċarts u b'mapep aġġornati, b'avviżi għall-kaptani u l-baħħara u b'pubblikazzjonijiet oħra speċifiċi għall-passaġġi fuq l-ilma b'karattru marittimu;
–juża d-datums tal-marea, il-kurrenti, il-perjodi u ċ-ċikli tal-marea, il-ħin tal-kurrenti tal-marea u tal-marea u l-varjazzjonijiet fl-estwarju;
–juża s-SIGNI (Senjalazzjoni ta' passaġġi fuq l-ilma interni) u l-IALA (l-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ Għajnuniet Marittimi lil Awtoritajiet ta’ Navigazzjoni u ta’ Fanal tal-Portijiet) f'passaġġi marittimi fuq l-ilma għan-navigazzjoni sigura.
3.2.Navigazzjoni bir-radar
Il-boatmaster għandu jkun kapaċi:
–jieħu azzjonijiet xierqa relatati man-navigazzjoni bl-għajnuna ta' radar qabel it-tbaħħir;
–jinterpreta d-displej tar-radar u janalizza l-informazzjoni mogħtija mir-radar;
–inaqqas l-interferenzi ta' oriġini differenti;
–jinnaviga bir-radar skont ir-regoli taċ-CEVNI (il-Kodiċi Ewropew għan-Navigazzjonijiet Interni għall-Mogħdijiet tal-Ilma Interni) dwar in-navigazzjoni bir-radar kif ukoll ir-regolamenti li jispeċifikaw ir-rekwiżiti għan-navigazzjoni bir-radar (bħar-rekwiżiti marbuta mal-ekwipaġġ u r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti);
–jimmaniġġja ċirkostanzi speċifiċi, bħad-densità tat-traffiku, l-apparati bil-ħsara u s-sitwazzjonijiet perikolużi.
4.Rekwiżiti essenzjali ta' kompetenza għall-operazzjonijiet speċifiċi
4.1.Esperti fin-navigazzjoni tal-passiġġieri
Kull applikant għandu jkun kapaċi:
–jorganizza l-użu ta' tagħmir tas-salvataġġ abbord il-bastimenti tal-passiġġieri;
–japplika l-istruzzjonijiet dwar is-sikurezza u jieħu l-miżuri neċessarji biex jipproteġi l-passiġġieri inġenerali, speċjalment f'xi każ ta' emerġenza (eż. evakwazzjoni, ħsara, kolliżjoni, inkaljar, nar, splużjoni jew sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jikkawżaw paniku).
4.2.Esperti fl-użu tal-gass naturali likwifikat (LNG) bħala fjuwil
Kull applikant għandu jkun kapaċi:
–jiżgura l-konformità mal-leġiżlazzjoni u mal-istandards applikabbli għall-bastimenti li jużaw il-gass naturali likwifikat, kif ukoll ma' regolamenti rilevanti oħra ta' saħħa u sikurezza;
–ikun konxju mill-punti speċifiċi li jirrikjedu attenzjoni relatati mal-gass naturali likwifikat, jagħraf ir-riskji u jimmaniġġjahom;
–iħaddem b'mod sigur is-sistemi speċifiċi għall-gass naturali likwifikat;
–jiżgura l-kontroll regolari tas-sistema tal-gass naturali likwifikat;
–iwettaq operazzjonijiet ta' forniment tal-karburant ta' gass naturali likwifikat b'mod sigur u kkontrollat;
–iħejji s-sistema tal-gass naturali likwifikat għall-manutenzjoni tal-bastiment;
–jimmaniġġja sitwazzjonijiet ta' emerġenza relatati mal-gass naturali likwifikat.
Anness III
Rekwiżiti essenzjali dwar l-istat mediku
L-istat mediku, li jinkludi l-istat fiżiku u psikoloġiku, ifisser li ma jkunx hemm problemi ta' mard jew ta' diżabbiltà li minħabba fihom il-persuna li tkun qed isservi abbord bastiment ma tkunx tista':
–twettaq il-kompiti meħtieġa biex tħaddem bastiment;
–twettaq id-dmirijiet assenjati f'kull ħin; jew
–tagħraf korrettament l-ambjent ta' madwarha.
B'mod partikolari, l-eżami għandu jkopri l-akutezza viżiva u awditorja, il-funzjonijiet motorji, l-istat newropsikjatriku u l-kundizzjonijiet kardjovaskulari.