Brussell, 10.2.2016

COM(2016) 56 final

2016/0033(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' ċerti dati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1. Ir-Raġunijiet għall-proposta

Id-Direttiva 2014/65/UE ("MiFID") flimkien mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 ("MiFIR") kienu ġew adottati bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja. MiFID u MiFIR, li kollettivament jissejħu MiFiD II, ikopru s-swieq tat-titoli, l-intemedjarji tal-investiment u ċ-ċentri tan-negozjar. Il-qafas il-ġdid isaħħaħ u jissostitwixxi l-qafas attwali tal-MiFID.

Il-MiFID II jestendi l-għadd ta’ strumenti finanzjarji koperti minn regoli tan-negozjar u jiżgura li l-kummerċ isir fuq pjattaformi rregolati. Dan jintroduċi regoli dwar il-kummerċ ta’ frekwenza għolja. Itejjeb it-trasparenza u s-sorveljanza tas-swieq finanzjarji – inklużi s-swieq tad-derivati - u jindirizza l-kwistjoni tal-volatilità tal-prezzijiet f'derivattivi ta’ komoditajiet. Il-qafas il-ġdid itejjeb il-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni fin-negozjar u fl-ikklerjar ta’ strumenti finanzjarji. Filwaqt li jibni fuq ir-regoli diġà fis-seħħ, ir-regoli tal-MiFID riveduti jsaħħu wkoll il-protezzjoni tal-investituri billi jintroduċi rekwiżiti robusti għall-organizzazzjoni u t-twettiq tan-negozju. Il-pakkett MiFID II jikkonsisti minn Direttiva u minn Regolament. L-Istati Membri huma obbligati li jittrasponu d-Direttiva sat-3 ta' Lulju 2016. Kemm il-MiFID kif ukoll il-MiFIR huma ppjanati li jibdew japplikaw mit-3 ta’ Jannar 2017.

L-iskop tal-abbozz ta' proposta hu li jiġi pospost il-bidu tal-applikazzjoni taż-żewġ strumenti li huma parti mill-pakkett MiFID II bħala riżultat tal-isfidi tekniċi tal-implimentazzjoni li jinsabu quddiem l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ("ESMA"), l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ("NCAs") u l-partijiet interessati. Dawn l-isfidi huma ta’ tali dimensjoni li ċerti infrastrutturi essenzjali ta' dejta mhux se jkunu f'posthom sat-3 ta’ Jannar 2017.

Matul il-proċess leġiżlattiv, ġew rikonoxxuti l-livell għoli ħafna ta' kumplessità tal-pakkett MiFID II, u l-ħtieġa għal għadd sinifikanti ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni. Għal dan l-għan, ġie previst perjodu ta’ 30 xahar bejn l-adozzjoni u l-bidu tal-applikazzjoni, minflok il-perjodu normali ta' bejn 18 u 24 xahar.

Minkejja dan il-perjodu eċċezzjonalment twil, l-ESMA għamlitha ċara lill-Kummissjoni li l-isfidi tekniċi tal-implimentazzjoni huma ta' tali dimensjoni li ċerti infrastrutturi essenzjali ta' dejta mhux se jkun f'posthom sat-3 ta’ Jannar 2017. Jekk id-data tal-bidu tal-applikazzjoni tibqa’ l-istess, dan ikun ifisser, fil-prattika, li la l-awtoritajiet kompetenti, u lanqas il-parteċipanti fis-suq, ma jkunu f'pożizzjoni li japplikaw ir-regoli l-ġodda fit-3 ta’ Jannar 2017. Dan iwassal għal inċertezza ġuridika u potenzjalment għal tfixkil tas-suq.

Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkostanzi ta' eċċezzjoni, u tal-isfidi tekniċi partikolari tal-implimentazzjoni li għandhom quddiemhom l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti f'dan il-każ speċifiku, il-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li tipposponi l-bidu tal-applikazzjoni taż-żewġ strumenti li huma inklużi fil-MiFID II. Tali posponiment ikun strettament limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex jippermetti li l-ħidma teknika ta' implimentazzjoni titlesta.

1.2 L-isfida tad-"dejta"

L-ESMA infurmat lill-Kummissjoni li la hija u lanqas l-NCAs ma huma se jkunu f'pożizzjoni li japplikaw il-MiFID II mit-3 ta’ Jannar 2017. Dan huwa riżultat ta’ sfidi sinifikanti fil-ġbir tad-dejta li hu neċessarju għat-tħaddim tar-regoli tal-MiFID II. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza ġuridika u sabiex jiġi evitat li jkun hemm xi tfixkil fis-suq, hija għalhekk meħtieġa azzjoni urġenti biex id-data tal-bidu tal-applikazzjoni tal-MiFID II tiġi aġġustata. Ir-raġunijiet għall-urġenza huma marbuta mal-ħtieġa li jiġu stabbiliti netwerks ġodda u etensivi tal-ġbir tad-dejta elettronika bejn iċ-ċentri tan-negozjar, ir-regolaturi nazzjoni u l-ESMA.

Il-qafas il-ġdid jirrikjedi li ċ-ċentri tan-negozjar u l-internalizzaturi sistematiċi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bid-dejta ta' referenza tal-instrumenti finanzjarji li tiddeskrivi b'mod uniformi l-karatteristiċi ta' kull strument finanzjarju suġġett għall-ambitu tal-MiFID II. Tintuża dejta addizzjonali wkoll għal skopijiet oħra, b'mod partikolari għall-kalkolu ta' diversi livelli ta' limitu ta' likwidità u trasparenza użati għall-kummerċ fuq il-post tal-istrumenti finanzjarji kollha koperti mill-MiFID, kif ukoll għar-rappurtaġġ ta' pożizzjoni ta' derivattivi ta' komodità.

Sabiex tinġabar id-dejta b'mod effiċjenti u armonizzat, trid tiġi żviluppata infrastruttura ġdida ta' ġbir ta' dejta. Dan jobbliga lill-ESMA, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li tiġi stabbilita Sistema ta' Dejta ta' Referenza tal-Istrumenti Finanzjarji ("FIRDS"). Se jkun hemm bżonn li l-FIRDS tkopri l-firxa sħiħa ta' strumenti finanzjarji li huma inkużi fl-ambitu mwessa' tal-MiFID II. Fit-twettiq ta' dan il-kompitu, il-FIRDS ikollha bżonn tgħaqqad id-dejta li toħroġ mill-ESMA, l-NCAs u minn madwar 300 post ta' kummerċ madwar l-Unjoni Ewropea. Il-maġġoranza l-kbira tas-sistemi tal-IT ġodda li jirfdu lill-FIRDS ikunu jridu jiġu kostruwiti mill-bidu nett, abbażi ta' parametri ġodda.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li bħala riżultat tad-daqs u l-kumplessità tad-dejta meħtieġa biex tinġabar u tiġi proċessata biex il-MiFID II tkun tista’ ssir operattiva, b’mod partikolari għal rappurtar tat-tranżazzjonijiet, il-kalkoli tat-trasparenza u r-rappurtar ta' pożizzjonijiet f'derivattivi ta' komoditajiet, la l-partijiet interessati, bħal ma huma l-pjattaformi ta’ negozjar, u lanqas l-NCAs jew l-ESMA ma huma f’pożizzjoni li jiżguraw li l-infrastrutturi meħtieġa tal-ġbir tad-dejta jkunu f'posthom u joperaw sat-3 ta’ Jannar 2017. Għalhekk, fit-2 ta’ Ottubru 2015 l-ESMA informat lill-Kummissjoni li kien inevitabbli li jkun hemm dewmien fl-implimentazzjoni teknika tal-MiFID.

1.3. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta

In-nuqqas ta' dejta għandu konsegwenzi li jinfirxu madwar diversi oqsma tal-MiFID II. Rigward ir-regolamentazzjoni tas-suq, huwa ċar li jekk ma jkunx hemm bażi ta' dejta ta' referenza (ID tal-istrument) u l-infrastrutturi addizzjonali tad-dejta għall-kalkoli ta' trasparenza u r-rappurtar tal-pożizzjoni, ma jkunx possibbli li tiġi applikata l-maġġoranza r-regoli tas-suq. B'mod partikolari:

Ir-rapportar ta’ tranżazzjonijiet: mingħajr dejta ta' referenza, se jkun hemm sfidi fid-determinazzjoni ta' liema strumenti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni. Barra minn hekk, l-infrastruttura meħtieġa biex il-parteċipanti fis-suq jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom mhux se tkun disponibbli.

Il-qafas ta' trasparenza: ir-regoli ta' trasparenza fil-kummerċ għall-istrumenti finanzjarji kollha (ta' ekwità kif ukoll mhux ta' ekwità) ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti u applikati. Barra minn hekk, il-kalkoli u l-limiti għall-valutazzjoni tal-likwidità, l-eżenzjonijiet, il-pubblikazzjoni differita u, fiż-żona tal-ekwità, il-limitu tal-volum doppju (li jillimita d-dark trading) ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti.

Derivattivi ta’ komodità: fin-nuqqas ta' rappurtar tal-pożizzjoni għal derivattivi ta' komodità se jkun diffiċli ħafna biex jiġu infurzati limiti ta' pożizzjoni fuq tali kuntratti ta’ derivattivi ta’ komodità. Jekk ma jkun hemm l-ebda rapportar tal-pożizzjoni, ikun hemm kapaċità limitata biex effettivament jiġu identifikati ksur ta’ limiti tal-pożizzjoni.

Regolamentazzjoni mikrostrutturali: ħafna mir-rekwiżiti fir-rigward ta' kummerċ algoritmiku/kummerċ ta' frekwenza għolja huma min-natura tagħhom dipendenti fuq id-dejta. B'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ewlenin dwar sistema "tick-size" u l-obbligi b'rabta mal-obbligi u l-iskemi għall-ġenerazzjoni tas-suq huma wkoll imfassla fuq il-preżenza ta' suq likwidu kif determinat skont il-qafas ta' trasparenza.

Ir-regoli ta’ protezzjoni tal-investitur, il-mod kif jiġu ġestiti r-regoli tan-negozju u ċerti rekwiżiti organizzazzjonali assoċjati skont il-MiFID II mhux se jiġu affettwati direttament min-nuqqas ta’ dejta. L-eċċezzjoni importanti hija r-regoli dwar l-aħjar twettiq, fejn l-ambitu tal-iżvelar ikun imfassal b’riferiment għall-eżistenza ta' suq likwidu u kunċetti oħra ta’ trasparenza. Fil-każ ta' regoli oħra ta’ protezzjoni tal-investitur, minbarra kwistjonijiet li jirrigwardaw id-definizzjoni ta’ strumenti finanzjarji jew l-ambitu tal-leġiżlazzjoni, ġeneralment ma jeżistux interkonnessjonijiet ta' dejta, peress li dawn ir-regoli jikkonċernaw direttament id-distribuzzjoni, u mhux in-negozju. Għalhekk, huwa rikonoxxut li approċċ alternattiv jista’ jkun li tiġi posposta d-data tal-bidu tal-applikazzjoni biss għal partijiet tal-leġiżlazzjoni marbuta direttament mal-ġbir tad-dejta.

Madankollu, wara analiżi bir-reqqa ta’ din l-għażla, jidher li huwa preferibbli posponiment għall-pakkett kollu, inklużi r-regoli għall-protezzjoni tal-investitur, u mhux approċċ gradwali:

Dan jevita r-riskju li tinħoloq konfużjoni u kosti mhux meħtieġa li jistgħu jsofru l-partijiet interessati minħabba implimentazzjoni gradwali. Il-kostruzzjoni simultanja ta' diversi infrastrutturi – b'kuntrast ma' kostruzzjoni fi stadji - trendi l-proċess wieħed aktar kosteffettiv. Pereżempju, dan jevita sitwazzjonijiet fejn id-ditti tal-investiment, involuti fl-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet, ikollhom jistabbilixxu rekwiżiti organizzattivi/regoli ta' mġieba fi stadji, ħaġa li tkun ikkumplikata, għalja u b'kosti kbar;

Dan jevita li ssir delineazzjoni bejn l-oqsma li jkunu jistgħu jiġu implimentati immedjatament u dawk li ma jistgħux, u, għalhekk, jiġi evitat ir-riskju li jinħolqu konsegwenzi mhux intenzjonati li jista' jkun ma jkunux ġew previsti jew ikkunsidrati biżżejjed; kif ukoll

Dan jevita l-ħtieġa ta' regoli tranżitorji, li minnhom infushom joħolqu kwistjonijiet ġodda u jiddevjaw ir-riżorsi tal-ESMA, tal-NCAs u tal-partijiet interessati lil hinn mill-kostruzzjoni tal-qafas permanenti.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-posponiment tal-bidu tal-applikazzjoni tar-regoli kollha tal-MiFID II hija għaldaqstant neċessarja u ġġustifikata.

1.4. Perjodu tal-posponiment

Posponiment ta’ sena għandu jagħti żmien biżżejjed u xieraq biex l-ESMA, l-NCAs u l-operaturi jistabbilixxu l-infrastruttura għall-ġbir tad-dejta, ir-rappurtar u l-kalkoli għall-livelli ta' trasparenza. Hemm ħames passi fil-proċess ta' implimentazzjoni: (1) rekwiżiti ta' negozju (li f'dan il-każ huma l-istandards neċessarji tekniċi regolatorji/l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni, (2) l-ispeċifikazzjonijiet, (3) l-iżvilupp, (4) l-ittestjar u (5) l-iskjerament. L-ESMA tqis li hija tkun tista' tlesti dawn il-passi fejn jidħlu d-dejta ta’ referenza, il-kalkolu ta' trasparenza u s-sistemi ta’ rappurtaġġ ta' pożizzjoni sa Jannar 2018. Dan bil-presuppożizzjoni li jkun hemm biżżejjed ċarezza ġuridika dwar ir-rekwiżiti finali skont l-istandards tekniċi regolatorji relevanti sa nofs l-2016. Abbażi ta' dan, l-abbozz ta' proposta għalhekk jipposponi l-bidu tal-applikazzjoni tal-qafas sħiħ sat-3 ta’ Jannar 2018 b’sena.

Il-posponiment tal-bidu tal-applikazzjoni tal-miżuri tal-Istati Membri li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE ma għandux ikollu impatt fuq l-adozzjoni ta' atti delegati u ta' standards tekniċi li għandhom jiġu żviluppati skont id-Direttiva 2014/65/UE. Il-Kummissjoni għandha tadotta dawn il-miżuri f'konformità mal-proċedura prevista sabiex l-industrija tkun tista’ tistabbilixxi u tadatta sistemi interni li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti l-ġodda fid-data tal-bidu tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE.

2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 53(1) tat-TFUE. Hija kumplimentari għar-regolament propost li jipposponi l-bidu tal-applikazzjoni tal-MiFIR.

Sussidjarjetà

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjoni tal-UE tista’ tittieħed biss jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri waħedhom. L-intervent tal-UE huwa meħtieġ sabiex jittejjeb il-funzjonament kif suppost tas-suq intern u biex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-qasam tas-swieq tat-titoli. F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni, li qed tiġi emendata, tiġi adottata f’konformità sħiħa mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u kwalunkwe emenda li ssirilha għandha ssir permezz ta’ proposta tal-Kummissjoni.

Proporzjonalità

Din l-azzjoni tal-UE hija neċessarja biex jinkiseb l-objettiv tal-implimentazzjoni kif xieraq tal-infrastruttura tal-ġbir tad-dejta, kif stabbilit mill-MiFID II. Il-posponiment kif propost fejn jidħlu l-kamp ta' applikazzjoni u t-tul tal-perjodu huwa neċessarju sabiex ikun hemm ippjanar u implimentazzjoni effiċjenti u bl-ordni mill-partijiet kollha involuti. Din il-proposta għalhekk se tiżgura li jkun jista' jintlaħaq l-iskop oriġinali tal-MiFID II li jinkiseb suq intern li jiffunzjona b’mod sħiħ għas-servizzi tat-titoli b'livell għoli ta' trasparenza tas-suq u ta' protezzjoni tal-investitur.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Din il-proposta mhijiex akkumpanjata minn Valutazzjoni tal-Impatt separata għaliex diġà kien sar studju tal-impatt dwar il-MiFID II. Din il-proposta ma tibdilx il-MiFID II fis-sustanza tagħha, u ma timponi l-ebda obbligu ġdid fuq kumpaniji tal-investiment u postijiet tal-kummerċ jew fuq xi operatur ieħor kopert mill-MiFID II. L-uniku għan tagħha hu li jiġi pprovdut - għal raġunijiet ta' eċċezzjoni b'mod partikolari marbuta mal-kumplessità kbira tal-pakkett u l-istrumenti meħtieġa għall-ġbir tad-dejta - estenzjoni tad-data tal-bidu tal-applikazzjoni tal-MiFID II b'sena waħda (1), sabiex tingħata ċ-ċertezza legali u jiġu żviluppati l-infrastrutturi neċessarji tal-ġbir tad-dejta sabiex ikun hemm żgur applikazzjoni u infurzar effettiv tar-regoli l-ġodda mill-ESMA u mill-NCAs.

4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex impatt baġitarju għall-Kummissjoni.

2016/0033 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji fir-rigward ta' ċerti dati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 1 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 u d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 huma biċċiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni finanzjarja adottati wara l-kriżi finanzjarja fir-rigward tas-swieq tat-titoli, l-intemedjarji tal-investiment u ċ-ċentri tan-negozjar. Il-qafas il-ġdid isaħħaħ u jissostitwixxi d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 .

(2)Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE jistabbilixxu rekwiżiti fir-rigward tal-awtorizzazzjoni u t-tħaddim ta’ ditti ta’ investiment, swieq regolati u fornituri ta’ servizzi ta’ rappurtar tad-dejta. Huwa jarmonizza s-sistema ta' limiti ta' pożizzjoni għal derivattivi ta' komodità biex titjieb it-trasparenza, jingħata sostenn għall-ipprezzar ordinat u jiġi evitat l-abbuż tas-suq. Huwa jintroduċi wkoll regoli dwar il-kummerċ ta’ frekwenza għolja u jtejjeb is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji bl-armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi. Filwaqt li jibni fuq ir-regoli diġà fis-seħħ, il-qafas il-ġdid isaħħaħ ukoll il-protezzjoni tal-investituri billi jintroduċi rekwiżiti robusi organizzattivi u ta' imġieba. L-Istati Membri huma obbligati li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE sat-3 ta' Lulju 2016.

(3)Il-qafas il-ġdid introdott bir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE jobbliga liċ-ċentri tan-negozjar u lill-internalizzaturi sistematiċi biex jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b'dejta ta' referenza tal-istrumenti finanzjarji li tiddeskrivi b'mod uniformi l-karatteristiċi ta' kull strument finanzjarju soġġett għal dik id-Direttiva. Din id-dejta hija użata wkoll għal skopijiet oħra, pereżempju għall-kalkolu tal-livelli ta' trasparenza u likwidità kif ukoll għar-rappurtar tal-likwidità ta' derivattivi ta' komodità.

(4)Sabiex tinġabar id-dejta b'mod effiċjenti u armonizzat, qiegħda tiġi żviluppata infrastruttura ġdid ta' ġbir ta' dejta. Għal dan il-għan, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ("ESMA"), flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huma obbligati li jistabbilixxu Sistema ta' Dejta ta' Referenza tal-Istrumenti Finanzjarji ("FIRDS"). Din se tkopri firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u se jgħaqqad id-dejta li tkun ġejja mill-ESMA, mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ("NCAs") u miċ-ċentri tan-negozjar madwar l-Unjoni Ewropea. Il-maġġoranza l-kbira tas-sistemi tal-IT ġodda li jirfdu lill-FIRDS ikunu jridu jiġu kostruwiti mill-bidu nett, abbażi ta' parametri ġodda.

(5)F'konformità mal-Artikolu 93 tad-Direttiva 2014/65/UE, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri li jittrasponu dik id-Direttiva mit-3 ta' Jannar 2017. Madankollu, minħabba d-daqs u l-kumplessità tad-dejta meħtieġa biex tinġabar u tiġi proċessata għall-qafas il-ġdid biex ikun jista' jiġi operattiv, b’mod partikolari għal rappurtar tat-tranżazzjonijiet, il-kalkoli tat-trasparenza u r-rappurtar ta' pożizzjonijiet f'derivattivi ta' komodità, la l-partijiet interessati, bħal ma huma l-pjattaformi ta’ negozjar, u lanqas l-ESMA jew l-NCAs ma huma f’pożizzjoni li jiżguraw li l-infrastrutturi meħtieġa tal-ġbir tad-dejta jkunu f'posthom u joperaw sa dik id-dejta.

(6)In-nuqqas tal-infrastrutturi ta' ġbir ta' dejta għandu implikazzjonijiet fuq l-ambitu sħiħ tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE. Mingħajr dejta mhux se jkun fattibbli li tiġi stabbilita delineazzjoni preċiża ta' strumenti finanzjarji li taqa' taħt l-ambitu tal-qafas il-ġdid. Barra minn hekk, mhux se jkun possibbli li jiġu adattati r-regoli ta’ trasparenza qabel u wara n-negozju, sabiex jiġi ddeterminat liema strumenti huma likwidi u meta għandhom jingħataw konċessjonijiet għal eżenzjonijiet jew pubblikazzjoni differita.

(7)Fin-nuqqas ta’ dejta, iċ-ċentri tan-negozjar u d-ditti tal-investiment mhux se jkunu jistgħu jirrapportaw tranżazzjonijiet eżegwiti lill-awtoritajiet kompetenti. Fin-nuqqas ta' rappurtar tal-pożizzjonijiet għal derivati ta' komodità se jkun diffiċli biex jiġu infurzati limiti ta' pożizzjoni fuq tali kuntratti. Jekk ma jkun hemm l-ebda rapportar tal-pożizzjoni, ikun hemm kapaċità limitata biex effettivament jiġu identifikati ksur tal-limiti tal-pożizzjoni. Bosta mir-rekwiżiti fir-rigward tan-negozjar algoritmiku huma wkoll dipendenti fuq id-dejta.

(8)In-nuqqas ta' infrastruttura ta' ġbir ta' dejta jagħmilha wkoll diffiċli għal ditti tal-investiment li japplikaw regoli tal-aħjar eżekuzzjoni. Iċ-ċentri tan-negozjar u l-internalizzaturi sistematiċi ma jkunux jistgħu jippubblikaw dejta marbuta mal-kwalità tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet f’dawk il-postijiet. Id-ditti tal-investiment ma jiġux ipprovduti b’dejta importanti ta' eżekuzzjoni li tgħinhom jiddeterminaw l-aħjar mod biex jeżegwixxu l-ordnijiet tal-klijenti.

(9)Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza ġuridika u jiġi evitat tfixkil potenzjali tas-suq, huwa meħtieġ u ġġustifikat li tittieħed azzjoni urġenti biex il-bidu tal-applikazzjoni tal-qafas kollu kemm hu jiġi pospost, inklużi l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni kollha.

(10)Il-proċess ta’ implimentazzjoni għad-dejta tal-infrastruttura jinvolvi ħames stadji: rekwiżiti tan-negozju, speċifikazzjonijiet, żvilupp, ittestjar u skjerament. L-ESMA tqis li dawn il-passi għandhom ikunu lesti sa Jannar 2018 sakemm ikun hemm ċertezza legali dwar ir-rekwiżiti finali skont l-istandards tekniċi regolatorji rilevanti sa mhux aktar tard minn Ġunju 2016.

(11)Fid-dawl taċ-ċirkostanżi eċċezzjonali u sabiex l-ESMA, l-NCAs u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jlestu l-implimentazzjoni operattiva, ikun xieraq li tiġi posposta d-data li fiha l-Istati Membri jkunu obbligati japplikaw il-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2014/65/UE, u d-data li fiha jidħol fis-seħħ it-tħassir tad-Direttiva 2004/39/KE, bi 12-il xahar sat-3 ta' Jannar 2018. Ir-rapporti u l-analiżi għandhom jiġu posposti skont dan.

(12)Id-Direttiva 2014/65/UE għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2014/65/UE hija emendata kif ġej:

(1)L-Artikolu 90 huwa emendat kif ġej:

(a)fl-ewwel paragrafu, "it-3 ta' Marzu 2019" tiġi ssostitwita bi "it-3 ta' Marzu 2020";

(b)it-tieni paragrafu jiġi emendat kif ġej:

(i)"it-3 ta' Settembru 2018" tiġi ssostitwita bi "it-3 ta' Settembru 2019".

(ii)"it-3 ta' Settembru 2020" bi "it-3 ta' Settembru 2021";

(c)fit-raba' paragrafu, "l-1 ta' Jannar 2018" tiġi ssostitwita bi "l-1 ta' Jannar 2019";

(2)Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(1) "it-3 ta' Jannar 2017" tiġi ssostitwita bi "it-3 ta' Jannar 2018" u "it-3 ta' Settembru 2018" bi "it-3 ta' Settembru 2019";

(3)Fl-Artikolu 94, "it- 3 ta’ Jannar 2017" tiġi ssostitwita b'"it-3 ta’ Jannar 2018";

(4)Fl-Artikolu 95(1), "it-3 ta' Lulju 2020" tiġi ssostitwita bi "it-3 ta' Jannar 2021" u "it-3 ta' Jannar 2017" tiġi ssostitwita bi "it-3 ta' Jannar 2018".

Artikolu 2

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1) ĠU C , , p. .
(2) ĠU C , , p. .
(3) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84)
(5) Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).