IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.1.2016
COM(2016) 33 final
2013/0016(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ferrovjarja (Riformulazzjoni)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
2013/0016 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ferrovjarja (Riformulazzjoni)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
1.Sfond
Fit-30 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni adottat pakkett komprensiv ta’ sitt proposti leġiżlattivi li għandu l-għan li jwassal kwalità aħjar u għażla akbar fis-servizzi ferrovjarji fl-Ewropa.
Hemm bżonn ta’ titjib fil-kwalità u fl-effiċjenza tas-servizz biex il-passiġġieri jqisu l-ferroviji bħala għażla aktar attraenti, u biex tiġi mħeġġa bidla modali. Permezz ta' nefqa pubblika mhux elevata jistgħu jinkisbu valur aqwa għall-flus u sostenibbiltà aħjar.
Il-Pakkett għandu wkoll l-għan li jħeġġeġ l-innovazzjoni fil-ferroviji tal-UE, b'mod li dawn jissodisfaw l-aspettattivi tal-utenti. Dan iwettqu permezz ta' tliet modi differenti u li huma relatati ma' xulxin:
(1)il-ftuħ tas-swieq domestiċi tal-passiġġieri għall-kompetizzjoni, u l-ħolqien tal-obbligu li jsiru offerti għal kuntratti pubbliċi għal servizzi;
(2)it-tisħiħ tal-indipendenza tal-amministraturi tal-infrastruttura, b'mod li dawn ikunu jistgħu jikkontrollaw il-funzjonijiet ċentrali kollha tan-netwerk ferrovjarju u jiżguraw li kulħadd igawdi minn aċċess ġust għall-ferroviji;
(3)it-tisħiħ tar-rwol tal-Aġenzija, b'mod li din issir punt uniku ta' servizz għall-ħruġ, fil-livell tal-UE kollha, ta' awtorizzazzjonijiet validi għat-tqegħid fis-suq tal-vetturi u ta' ċertifikati ta' sikurezza għall-operaturi.
|
Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(dokument COM(2013) 31 final — 2013/0016 COD):
|
il-31 ta' Jannar 2013
|
|
Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:
|
it-22 ta' Awwissu 2013
|
|
Data tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni:
|
it-8 ta' Ottubru 2013
|
|
Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:
|
is-26 ta' Frar 2014
|
|
Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:
|
l-10 ta' Diċembru 2015
|
2.L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni
L-għan ewlieni tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Ferrovjarja 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa li jiġi ssimplifikat il-proċess tal-għoti ta’ ċertifikati ta' sikurezza lill-impriżi ferrovjarji. Dan jinvolvi li ssir bidla mis-sistema attwali li tinkludi żewġ partijiet [il-Parti A (mogħtija fl-Istat Membru fejn oriġinarjament ġiet stabbilita l-impriża ferrovjarja) u l-Parti B (mogħtija f’kull Stat Membru fejn tkun beħsiebha topera l-impriża ferrovjarja)] għal ċertifikat wieħed ta' sikurezza tal-UE validu fl-Unjoni kollha.
Il-proposta teżamina wkoll mill-ġdid ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali ta' sikurezza (NSAs) u t-tqassim tar-responsabbiltajiet bejnhom u bejn l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea ('l-Aġenzija'). Skont il-proposta, l-NSAs kieku jiffokaw aktar fuq is-superviżjoni tal-impriżi ferrovjarji li joperaw fl-Istati Membri rispettivi tagħhom u fuq attivitajiet fejn preżenza lokali tista’ tkun ta’ vantaġġ, jew li jeħtieġu għarfien tal-lingwa lokali (bħal pereżempju spezzjonijiet/awditjar). L-Aġenzija għandha timmonitorja l-attività, il-prestazzjoni u l-organizzazzjoni tal-NSAs, kif ukoll il-prestazzjoni globali tas-sikurezza tas-sistema.
Id-Direttiva 2004/49/KE diġà ġiet emendata b’mod sostanzjali fil-passat. Billi saru aktar emendi, il-Kummissjoni pproponiet riformulazzjoni għal raġunijiet ta' ċarezza.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-ftehim politiku li adotta l-Kunsill tat-Trasport fl-10 ta’ Diċembru 2015 jappoġġa l-għanijiet ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni li jiġi simplifikat il-proċess għall-għoti ta’ ċertifikati ta' sikurezza. Madankollu, f’ċerti aspetti l-ftehim politiku fih xi differenzi meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni, b'mod partikolari minħabba li jagħti lill-impriżi ferrovjarji li joperaw fi Stat Membru wieħed biss l-għażla li japplikaw għal ċertifikat ta' sikurezza jew mal-Aġenzija jew mal-NSA domestika. Madankollu, fiż-żewġ każijiet il-proċedura u l-kriterji tad-deċiżjoni jibqgħu l-istess.
Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Kunsill:
tiċċara r-rwol u r-responsabbiltajiet tal-atturi tas-sistema ferrovjarja bl-għan li jittejjeb il-livell tas-sikurezza, permezz tat-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rwol rispettiv tal-atturi tas-sistema ferrovjarja fl-iżvilupp u t-titjib tas-sikurezza ferrovjarja (l-Artikolu 4). Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li l-amministraturi tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji għandu jkollhom responsabbiltà ewlenija fit-tħaddim sigur tal-ferroviji, u li dawn għandhom ikunu obbligati li jistabbilixxu sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza;
tiċċara li l-Aġenzija hija responsabbli fil-kuntest tal-ħruġ ta’ ċertifikati ta' sikurezza. Fit-test ġiet miżjuda premessa ġdida (il-premessa 27) bħala tfakkira dwar il-qafas legali tar-responsabbiltà tal-Aġenzija, u biex tiġi enfasizzata l-importanza ta’ kooperazzjoni sħiħa mal-NSAs f’każ ta’ inċidenti ferrovjarji. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Kunsill tistipula li l-Aġenzija hija responsabbli bis-sħiħ għaċ-ċertifikat uniku ta' sikurezza maħruġ minnha (l-Artikolu 10(6)).
tistipula proċedura ta’ appell għall-applikanti li tirrifletti l-possibbiltà li l-kwistjoni tiġi riferita quddiem qorti nazzjonali f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil mad-deċiżjoni meħuda mill-Aġenzija jew minn NSA (l-Artikolu 10, il-paragrafu 12);
tistabbilixxi b'mod aktar dettaljat il-mod li bih l-Aġenzija u l-NSAs għandhom jikkooperaw meta joħorġu ċertifikati uniċi ta' sikurezza. It-test tal-Kunsill jinkludi proċedura għall-ġestjoni ta' diverġenzi bejn l-Aġenzija u NSA (l-Artikolu 10, il-paragrafu 7);
tipprovdi dettalji dwar l-attivitajiet ta’ superviżjoni tal-NSAs u dwar kif dawn jirrelataw maċ-ċertifikazzjoni. B’mod aktar speċifiku, din id-dispożizzjoni l-ġdida (l-Artikolu 17) għandha l-għan li tiggarantixxi li l-proċedura l-ġdida ta’ ċertifikazzjoni tas-sikurezza ma ddgħajjifx ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fil-kompiti tagħhom ta’ superviżjoni b'rabta mal-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi tal-infrastruttura;
tagħti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni għat-twaqqif tal-istruttura ta' rapportar għal rapporti ta' investigazzjoni ta' aċċidenti u inċidenti (l-Artikolu 24).
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi wkoll dispożizzjonijiet ġodda li jindirizzaw każijiet speċifiċi u t-tħassib ta’ xi Stati Membri. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda fil-pożizzjoni tal-Kunsill għandhom:
jippermettu lill-Istati Membri jeskludu l-binarji sekondarji mill-ambitu tal-miżuri implimentati skont id-Direttiva;
jippermettu lil operaturi barra l-UE jilħqu stazzjon fl-UE qrib il-fruntiera mingħajr ċertifikat ta’ sikurezza;
jipprovdu arranġamenti speċifiċi għall-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-NSAs waqt li tkun qed issir sorveljanza ta' netwerks iżolati mill-bqija tal-UE;
jippermettu deroga mis-sistema għaċ-ċertifikazzjoni tal-entitajiet responsabbli għall-manutenzjoni ta’ vaguni tal-merkanzija li jappartjenu lil raggruppament ta’ vaguni tal-merkanzija li jintużaw ukoll minn pajjiżi barra l-UE;
jippermettu, wara analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, lill-Aġenzija tistabbilixxi għodda li tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni dwar is-sikurezza fost l-atturi rilevanti tal-katina tal-ferroviji;
ikattru l-iżvilupp ta' kultura ta' fiduċja reċiproka, ta' kunfidenza reċiproka u ta' tagħlim reċiproku permezz tas-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza tal-amministraturi tal-infrastruttura u tal-impriżi ferrovjarji;
jagħmlu enfasi fuq l-importanza li tiġi żviluppata kultura ta' sikurezza, b'mod aktar speċifiku billi l-Aġenzija tintalab twettaq evalwazzjoni tal-iżvilupp ta' kultura ta' sikurezza li tinkludi r-rapportar ta' okkorrenzi u billi l-Kummissjoni tiġi mitluba tieħu azzjonijiet xierqa abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija.
Filwaqt li l-Kummissjoni tqis il-punti msemmija hawn fuq bħala aċċettabbli, tinsab iddispjaċuta dwar l-aspetti li ġejjin tal-pożizzjoni tal-Kunsill:
il-fatt li l-limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni żdied minn sentejn għal 3 snin;
il-modifiki kollha li ġew introdotti fir-rigward tas-setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni, inkluż l-użu sistematiku tal-klawżola ta' nuqqas ta' opinjoni, li tmur kontra t-tifsira u l-ispirtu tal-Artikolu 5, il-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu, il-punt b) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011;
it-tneħħija tal-obbligu li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni li hija ċara u preċiża b'rabta mat-traspożizzjoni tad-Direttivi fil-liġi nazzjonali, kif rikonoxxut mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tagħhom tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni.
4.Konklużjoni
Il-Kummissjoni tqis li l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tas-sistema ferrovjarja huwa kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet li jirriżultaw minn qafas simplifikat u unifikat taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza. Dan kieku jnaqqas b'mod sinifikanti l-firxa wiesgħa ta’ regoli nazzjonali fl-UE u, b'mod daqstant importanti, inaqqas ukoll id-diskrepanzi ewlenin fil-proċeduri taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-Istati Membri.
Fi spirtu ta’ kompromess, il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni li ġiet adottata mill-Kunsill u b’hekk tippermetti li l-Parlament Ewropew jadotta t-test finali fit-tieni qari, flimkien mal-ħames proposti l-oħra mressqa bħala parti mir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju. Tassew, il-Kummissjoni tqis li l-adozzjoni b'mod simultanju tal-pilastru tas-suq u l-pilastru tekniku għandha timmassimizza l-benefiċċji f’termini tal-kwalità tas-servizz, tal-effiċjenza u tal-kompetittività tal-industrija ferrovjarja.