Brussell, 25.1.2016

COM(2016) 28 final

2016/0012(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE rigward ir-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fid-39 sessjoni tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2014 f'Nairobi, il-Kunsill tal-Ministri AKP 1 -UE qabel, f'Dikjarazzjoni Konġunta, li jipproċedi bl-għeluq ordnat taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (minn hawn 'il quddiem "ĊŻI"), korp tekniku konġunt tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE 2 stabbilit fl-Anness III tiegħu. F'din id-Dikjarazzjoni Konġunta, il-Kunsill tal-Ministri ddelega s-setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE biex jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa, "inkluża l-emenda relevanti fl-Anness III tal-Ftehim ta' Cotonou".

Minn Ġunju 2014 'l hawn saru passi 'l quddiem fir-rigward tal-likwidazzjoni taċ-ĊŻI. bl-istadju finali li jikkundizzjona l-istralċ ordnat taċ-ĊŻI jkun l-adozzjoni tar-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE.

Huwa intiż li bil-proposta preżenti tal-Kummissjoni jiġu introdotti l-bidliet meħtieġa fl-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE kif ukoll li jiġi stabbilit qafas legali għall-eżistenza taċ-ĊŻI purament għall-bżonnijiet tal-likwidazzjoni tiegħu u biex jipprevedi dispożizzjonijiet legali rigward:

i) il-personalità ġuridika taċ-ĊŻI;

ii) id-definizzjoni tal-perjodu li jkopri l-għeluq gradwali tal-entità;

iii) l-arranġamenti ta' finanzjament;

iv) definizzjoni ġdida tal-istruttura ta' governanza taċ-ĊŻI purament għall-ħtiġijiet tal-likwidazzjoni tagħha.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar "il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE rigward ir-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-UE" COM(2014) 364 final 3 li serviet ta' bażi għan-negozjati bil-ħsieb li ssir tħejjija għal dan id-39 Kunsill tal-Ministri AKP-UE. Dak iż-żmien, il-Kummissjoni kienet irrakkomandat li jsir tħassir sempliċi ta' kwalunkwe referenza lejn iċ-ĊŻI fl-Anness III. Din il-proposta tal-Kummissjoni adottata fl-10 ta' Ġunju 2014 issa ma għadhiex valida u għandha tiġi riveduta biex tipprevedi l-qafas legali legali ġdid għall-eżistenza taċ-ĊŻI purament għall-ħtiġijiet tal-likwidazzjoni tiegħu. Il-proposta tal-Kummissjoni COM(2014) 364 se tiġi rtirata b'mod parallel skont il-proċedura meħtieġa.

Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadotta d-Deċiżjoni mehmuża.

2016/0012 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE rigward ir-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209(2) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE")  4 ,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jgħid li l-Annessi Ia, Ib, II, III, IV u VI tiegħu jistgħu jiġu riveduti, rieżaminati / jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni min-naħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni AKP-UE għall-Finanzjament tal-Iżvilupp.

(2)L-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jgħid li l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista' jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

(3)Fid-39 sessjoni tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2014 f'Nairobi, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE qabel, f'Dikjarazzjoni Konġunta, li jipproċedi bl-għeluq ordnat taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ĊŻI) "u l-emenda tal-Anness III tal-Ftehim ta' Cotonou". Għal dan il-għan, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE ddeċieda li jagħti delega ta' setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE biex imexxi l-kwistjoni 'l quddiem bil-ħsieb li jadotta d-deċiżjonijiet neċessarji, "inkluża l-emenda relevanti fl-Anness III tal-Ftehim ta' Cotonou".

(4)Il-modifika tal-Anness III tikkonċerna d-definizzjoni tal-qafas legali ġdid tal-eżistenza taċ-ĊŻI purament għall-bżonnijiet tal-likwidazzjoni tiegħu.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-pożizzjoni li għandha tiġi addottata mill-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE rigward ir-reviżjoni tal-Anness III għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE tkun stabbilita skont it-termini tal-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, li hu mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

2. Bidliet żgħar għall-abbozz ta' Deċiżjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kumitat.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)

   L-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku ("AKP")

(2) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3 Il-Ftehim iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u bil-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).
(3)

   Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-    Ministri tal-AKP-UE rigward ir-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-UE, COM(2014) 364 final

    http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2014:0364:FIN  

(4) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3 Il-Ftehim iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 kif emendat bil-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u bil-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).

Brussell, 25.1.2016

COM(2016) 28 final

ANNESS

għall-

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE rigward ir-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE


ANNESS

għall-

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE rigward ir-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

DEĊIŻJONI Nru .../2015

TAL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE

ta' ../../2015

dwar ir-reviżjoni tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

Il-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra 1 , (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu,

Billi:

(1)L-Artikolu 100 tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jgħid li l-Annessi Ia, Ib, II, III, IV u VI tiegħu jistgħu jiġu riveduti, rieżaminati u/jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni min-naħa tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni AKP-UE għall-Finanzjament tal-Iżvilupp.

(2)L-Artikolu 15(4) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jgħid li l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista' jiddelega setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE.

(3)L-Artikolu 2 tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE jikkonċerna ċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (minn hawn 'il quddiem "iċ-CŻI"). L-Artikolu 2(6)a tiegħu jaħtar il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE bħala l-awtorità superviżorja taċ-ĊŻI bir-responsabbiltà, fost l-oħrajn, li jistipula l-Istatuti u r-regoli ta' proċedura taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi adottati mid-Deċiżjoni Nru 8/2005 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE 2 (minn hawn 'il quddiem "l-Istatuti taċ-ĊŻI"). L-Artikolu 2(7)a tiegħu jagħti lill-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI ir-responsabbiltà, fost l-oħrajn, li jistipula r-Regolament Finanzjarju taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi adottat mid-Deċiżjoni Nru 5/2004 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE 3 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament Finanzjarju ĊŻI") u r-Regolament tal-Persunal taċ-Ċentru għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi adottat mid-Deċiżjoni Nru 9/2005 tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE 4 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament tal-Persunal taċ-ĊŻI").

(4)L-Artikolu 1 tal-Istatuti taċ-ĊŻI jiddefinixxi l-prinċipju tal-personalità ġuridika taċ-ĊŻI.

(5)L-Artikoli 9 u 10 tal-Istatuti taċ-ĊŻI jiddefinixxu l-mandat u l-kompożizzjoni tal-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI.

(6)Fid-39 sessjoni tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2014 f'Nairobi, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE qabel, f'Dikjarazzjoni Konġunta, li jipproċedi "bl-għeluq ordnat taċ-ĊŻI u l-emenda tal-Anness III " tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE. Għal dan il-għan, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE iddeċieda li jagħti delega ta' setgħat lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE biex imexxi l-kwistjoni 'quddiem bil-ħsieb li jadotta d-deċiżjonijiet neċessarji.

(7)Id-Dikjarazzjoni Konġunta hawn fuq imsemmija tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE stabbilixxiet il-Grupp ta' Ħidma Konġunt AKP-UE (minn hawn 'il quddiem il-“GĦK”) biex jiżgura li ċ-ĊŻI jingħalaq taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.

(8)Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, fid-Deċiżjoni 4/2014 tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2014 5 ta mandat lill-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI biex jieħu kull miżura xierqa biex iħejji għall-għeluq taċ-ĊŻI. Sussegwentement, il-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI ffirma kuntratt ma' Kuratur li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2016.

(9)B'konformità mal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 4/2014 hawn fuq imsemmi, il-pjan tal-għeluq jippjana li l-fażi tal-għeluq tiġi ffinalizzata sal-31 ta' Diċembru 2016. Bl-approvazzjoni li ta l-Bord Eżekuttiv tal-pjan tal-għeluq definittiv fid-29-30 ta' Ġunju 2015, iċ-ĊŻI daħal fil-fażi tal-għeluq tiegħu.

(10)Il-fażi tal-għeluq se tiġi segwita minn "fażi passiva" li fih iċ-ĊŻI se jeżisti purament għall-finijiet tal-likwidazzjoni tiegħu. Din il-fażi, li se tiġi ġestita minn Kuratur, tista' tinkludi xogħol amministrattiv, fost l-oħrajn, iż-żamma tal-arkivji taċ-ĊŻI, l-għoti ta' tweġibiet għal kull formalità amministrattiva, jew li jiġu ġestiti xi tilwimiet li jkun fadal li ma setgħux jingħalqu waqt il-fażi tal-għeluq. Il-fażi passiva se tibda fil-jum wara l-fażi tal-għeluq, jiġifieri l-1 ta' Jannar 2017.

Il-fażi passiva se tintemm wara perjodu ta' ħames snin, jew sa meta ċ-ĊŻI jkun salda l-obbligazzjonijiet tiegħu kollha u rrealizza l-assi kollha tiegħu.

(11)Skont l-Artikolu 26.1 tar-Regolament Finanzjarju, il-kontijiet għandhom jingħalqu fi tmiem is-sena finanzjarja sabiex isiru d-dikjarazzjonijiet finanzjarji taċ-Ċentru. Għalhekk, l-awditu statutorju tas-sena 2016 marbut mal-fażi tal-għeluq għandha tiġi ffinalizzata mhux wara t-30 ta' Ġunju 2017.

(12)Il-modifika tal-Anness III tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE tikkonċerna t-tneħħija tar-referenzi li jsiru għaċ-ĊŻI. Id-Deċiżjoni preżenti tikkostitwixxi l-qafas legali l-ġdid taċ-ĊŻI sa mill-bidu tal-fażi passiva, jiġifieri l-1 ta' Jannar 2017.

(13)Skont l-Artikolu 95(1) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, il-Ftehim se jiskadi fl-2020. L-istrutturi ta' governanza applikabbli għall-funzjonament taċ-ĊŻI fil-fażi passiva għalhekk għandhom ikunu determinati wkoll għall-perjodu wara t-28 ta' Frar 2020.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE jiġi emendat kif ġej:

1.It-titolu tal-Anness III jinbidel b'dan li ġej:

"Appoġġ Istituzzjonali"

2.L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

"Il-kooperazzjoni għandha tappoġġja l-mekkaniżmu istituzzjonali biex jinġiebu 'l quddiem l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. F’dan il-kuntest, il-kooperazzjoni għandha tgħin sabiex jissaħħaħ u jiġi rinfurzat ir-rwol taċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali (ĊTA) fil-bini ta' kapaċità istituzzjonali tal-AKP, b'mod partikolari l-ġestjoni tal-informazzjoni, sabiex jiġi mtejjeb l-aċċess għal teknoloġiji biex tiżdied il-produttività agrikola, il-kummerċjalizzazzjoni, is-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp rurali."

3.L-Artikolu 3 jsir l-Artikolu 2 li jissostitwih.

Artikolu 2

1.Qabel tmiem il-fażi tal-għeluq il-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI għandu jaħtar Kuratur biex jiżgura l-implimentazzjoni tal-fażi passiva sa mill-1 ta' Jannar 2017 u għal perjodu ta' ħames (5) snin jew sakemm iċ-ĊŻI jkun salda l-obbligazzjonijiet kollha tiegħu u rrealizza l-assi kollha tiegħu.

2.Ir-responsabbiltà tal-implimentazzjoni tal-fażi passiva se tkun f'idejn Kuratur. Il-Kuratur għandu jipprovdi rapporti annwali lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-fażi passiva.

Artikolu 3

1.L-Istatuti taċ-ĊŻI, ir-Regolament Finanzjarju taċ-ĊŻI u r-Regolament tal-Persunal taċ-ĊŻI jibqgħu fis-seħħ sa tmiem il-fażi tal-għeluq, jiġifieri l-31 ta' Diċembru 2016.

Id-Deċiżjoni preżenti hija l-qafas legali ġdid taċ-ĊŻI sa mill-1 ta' Jannar 2017.

2.Mill-1 ta' Jannar 2017 il-personalità ġuridika taċ-ĊŻI, kif definita fl-Artikolu 1 tal-Istatuti taċ-ĊŻI, tinżamm purament għall-ħtiġijiet tal-likwidazzjoni tagħha.

3.Waqt il-fażi passiva, il-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI, kif stabbilit fl-Artikoli 9 u 10 tal-Istatuti taċ-ĊŻI, se jkompli jeżisti sad-data tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar il-proposta għall-kwittanza skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 4/2014.

Bl-istess mod bħall-fażi passiva, il-kompiti tal-Bord Eżekuttiv taċ-ĊŻI jkunu limitati għall-approvazzjoni tar-rapport tal-għeluq, l-adozzjoni tal-kontijiet relatati mal-fażi tal-għeluq u t-trażmissjoni ta' proposta ta' kwittanza lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE għal deċiżjoni. Minn Jannar 2017, ma għandux ikollu iktar minn laqgħa waħda fis-sena.

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE, tliet xhur wara d-data tat-trażmissjoni tal-proposta, il-kwittanza titqies li ġiet approvata.

4.Il-kosti relatati mal-fażi passiva għandhom jiġu ffinanzjati skont il-11-il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp.

5.L-intitolamenti taċ-ĊŻI fir-rigward ta' partijiet terzi u l-intitolamenti ta' partijiet terzi fir-rigward taċ-ĊŻI jkunu soġġetti għal perjodu ta' limitazzjoni ta' ħames (5) snin mill-1 ta' Jannar 2017.

Artikolu 4

L-inkarigu tal-Grupp Konġunt ta' Ħidma AKP-UE dwar l-għeluq taċ-ĊŻI, kif stabbilit mid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tad-19-20 ta' Ġunju 2014, jintemm mad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE dwar il-proposta ta' kwittanza skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 4/2014.

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni preżenti tidħol fis-seħħ ladarba tiġi adottata, ħlief l-Artikolu 1 li jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017.

Magħmul fi […], […]

   Għall-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE

   Il-President

(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3 Il-Ftehim iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u bil-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).
(2)

   ĠU L 66, 8.3.2006, p. 16

(3) ĠU L 70, 9.3.2006, p. 52
(4)

   ĠU L 348, 30.12.2005, p. 54

(5) ĠU L 330, 15.11.2014, p. 61