IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.1.2016
COM(2016) 9 final
2016/0004(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
Fl-2009, New Zealand wera l-interess li jidħol f’relazzjoni legalment vinkolanti mal-Unjoni Ewropea u avviċina lill-Kummissjoni Ewropea b’talba tal-gvern tiegħu biex tiġi żviluppata l-kooperazzjoni doganali filwaqt li l-UE tiffoka fuq is-sigurtà tal-katina tal-provvista u fuq l-iffaċilitar tal-kummerċ.
Fit-22 ta’ Lulju 2013 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali (Ftehim) ma’ New Zealand. In-negozjati tnedew f’Settembru 2013 fi Brussell u tmexxew bla xkiel u b’mod effiċjenti fir-riżorsi kif ukoll f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir, u ġew konklużi f’Ġunju 2015. Iż-żewġ naħat inizjalaw il-Ftehim fi Brussell fit-23 ta’ Settembru 2015.
Il-Ftehim ma’ New Zealand se jistabbilixxi bażi legali li tippermetti kooperazzjoni diretta u strutturata, inkluża l-assistenza amministrattiva reċiproka kontra l-frodi, f’materji doganali, ma’ sieħeb kummerċjali li jkun influwenti fix-xena doganali internazzjonali (jiġifieri fl-Organizzazzjoni Dinjija Doganali) u fir-reġjun tal-Paċifiku.
L-għan ġenerali ta’ dan il-ftehim huwa li jiżviluppa u jintensifika l-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali ma’ New Zealand; b’mod partikolari, biex jistabbilixxi bażi legali għal qafas ta’ koperazzjoni li jimmira għall-iżgurar tal-katina tal-provvista u l-iffaċilitar tal-kummerċ leġittimu, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni li jiggarantixxi l-applikazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni doganali u l-ġlieda kontra l-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali flimkien mal-prevenzjoni u l-investigazzjoni tiegħu.
Il-ftehim jipprovdi bażi biex jekk ikun ġustifikat, fil-ġejjieni tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni doganali, pereżempju bl-istabbiliment ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ programmi ta’ sħubija kummerċjali rispettivi (Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati fl-UE).
L-UE diġà kkonkludiet ftehimiet ta’ kooperazzjoni doganali simili mal-Istati Uniti, maċ-Ċina, mal-Ġappun, mal-Korea, mal-Indja, mal-Kanada u ma’ Hong Kong.
2.IL-BAŻI ĠURIDIKA, IS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ
Il-Kunsill hu mitlub li jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-abbozz tal-ftehim abbażi tal-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Il-proposta taqa’ fil-kuntest tal-politika komuni tal-kummerċ, li hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
L-Istati Membri ġew ikkonsultati fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Unjoni Doganali.
4.L-IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
Se jiġi stabbilit Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali, u se jikkonsisti minn rappreżentanti tal-awtoritajiet doganali u minn awtoritajiet kompetenti oħra taż-żewġ partijiet. Dan se jiggarantixxi l-funzjonament u l-implimentazzjoni xierqa ta’ dan il-ftehim u se jeżamina l-kwistjonijiet kollha li jinħolqu mill-applikazzjoni tiegħu.
2016/0004 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fit-22 a’ Lulju 2013 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati ma’ New Zealand għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali. In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-ftehim.
(2)L-Unjoni Ewropea u New Zealand għandhom jistabbilixxu bażi legali għal qafas ta’ kooperazzjoni li jimmira għall-iżgurar tal-katina tal-provvista u l-iffaċilitar tal-kummerċ leġittimu, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni li jiggarantixxi l-applikazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni doganali u l-ġlieda kontra l-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali flimkien mal-prevenzjoni u l-investigazzjoni tiegħu.
(3)Għalhekk, il-ftehim għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea, sġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi ftehim.
It-test tal-ftehim jinsab mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna(i) indikata(i) min-negozjatur tal-ftehim.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.1.2016
COM(2016) 9 final
ANNESS
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali
għall-
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali
ANNESS
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali
għall-
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali
L-UNJONI EWROPEA (minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”) u NEW ZEALAND (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Partijiet Kontraenti)
BILLI JIKKUNSIDRAW l-importanza tar-rabtiet kummerċjali bejn New Zealand u l-Unjoni Ewropea u xewqana li jikkontribwixxu għall-benefiċċju taż-żewġ Partijiet Kontraenti u għall-iżvilupp armonjuż ta’ dawn ir-rabtiet;
JEMMNU li, sabiex jinkiseb dan l-objettiv, għandu jkun hemm impenn biex tiġi żviluppata l-kooperazzjoni doganali;
JQISU l-iżvilupp tal-kooperazzjoni doganali bejn il-Partijiet Kontraenti, fir-rigward tal-proċeduri doganali;
JIKKUNSIDRAW li operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali jippreġudikaw l-interessi ekonomiċi, fiskali u kummerċjali taż-żewġ Partijiet Kontraenti, u jagħrfu l-importanza li jiżguraw il-valutazzjoni eżatta tad-dazji doganali u ta' taxxi oħra;
KONVINTI li azzjoni kontra dawn l-operazzjonijiet tista’ ssir aktar effettiva b'kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali;
JAGĦRFU r-rwol sinifikanti tal-awtoritajiet doganali u l-importanza tal-proċeduri doganali fil-promozzjoni tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ u tal-protezzjoni tal-ċittadini;
JIMMIRAW li jipprovdu qafas biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni biex ikun hemm aktar simplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-proċeduri doganali u biex jippromwovu azzjoni konġunta fil-kuntest ta’ inizjattivi internazzjonali rilevanti inkluż il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u t-titjib tas-sigurtà tal-katina tal-provvista;
JIRRIKONOXXU s-sinifikat tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ innegozjat taħt l-awspiċi tad-WTO u jenfasizzaw l-importanza tal-adozzjoni u tal-implimentazzjoni effettiva tiegħu;
JIBNU fuq l-elementi essenzjali tal-Qafas SAFE ta’ Standards li Jiżguraw u Jiffaċilitaw il-Kummerċ Globali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Qafas SAFE”) tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (minn hawn’ il quddiem imsejħa "il-WCO");
JIKKUNSIDRAW livell għoli ta’ impenn taż-żewġ Partijiet Kontraenti għall-azzjonijiet doganali u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali;
JIKKUNSIDRAW l-obbligi imposti bil-konvenzjonijiet internazzjonali diġà aċċettati u applikati mill-Partijiet Kontraenti, kif ukoll l-attivitajiet relatati mad-dwana li twettqu mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (minn hawn ’il quddiem imsejħa "id-WTO"); kif ukoll
JIKKUNSIDRAW l-istrumenti rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), b’mod partikolari r-rakkomandazzjoni dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka tal-5 ta’ Diċembru 1953;
FTIEHMU KIF ĠEJ:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:
(a)“leġiżlazzjoni doganali” tfisser kull liġi u regolament tal-Unjoni jew ta’ New Zealand li jirregolaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ merkanzija u t-tqegħid tagħha taħt kull sistema jew proċedura doganali, inklużi miżuri ta’ projbizzjoni, ta’ restrizzjoni u ta’ kontroll, u amministrati, applikati jew infurzati mill-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti fit-territorji rispettivi tagħhom;
(b)“liġijiet u regolamenti tal-Parti Kontraenti”, "liġijiet u regolamenti ta' dik il-Parti Kontraenti" u “liġijiet u regolamenti ta’ kull Parti Kontraenti” jfissru l-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fl-Unjoni fiċ-ċirkustanzi jew il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fi New Zealand, skont kif jeħtieġ il-kuntest;
(c)“awtorità doganali” tfisser, fl-Unjoni, is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-Kummissjoni") li huma responsabbli għal materji doganali u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni u, fi New Zealand, New Zealand Customs Service;
(d)“awtorità applikanti” tfisser awtorità amministrattiva kompetenti li tkun ġiet innominata minn Parti Kontraenti għal dan il-għan u li tagħmel talba għall-assistenza fuq il-bażi ta’ dan il-Ftehim;
(e)“awtorità li ssirilha t-talba” tfisser awtorità kompetenti amministrattiva li tkun ġiet innominata minn Parti Kontraenti għal dan il-għan u li tirċievi talba għall-assistenza fuq il-bażi ta’ dan il-Ftehim;
(f)“persuna” tfisser kull persuna fiżika, kull persuna legali, jew kull entità oħra mingħajr personalità legali kostitwita jew organizzata skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti Kontraenti, li twettaq l-importazzjoni, l-esportazzjoni, jew it-tranżitu ta’ merkanzija;
(g)“informazzjoni” tfisser data personali, dokumenti, rapporti, u komunikazzjonijiet oħra fi kwalunkwe format, inklużi l-kopji elettroniċi tagħhom;
(h)“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; kif ukoll
(i)“operazzjoni bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali” tfisser kull ksur jew tentattiv ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali.
Artikolu 2
Applikazzjoni territorjali
1. Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorju doganali tal-Unjoni (kif deskritt fl-Artikolu 3 tar-Regolament 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju) u, min-naħa l-oħra, għat-territorju ta’ New Zealand (eskluż Tokelau) fejn il-leġiżlazzjoni doganali tiegħu tinsab fis-seħħ.
Artikolu 3
Implimentazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jkun implimentat f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti Kontraenti, inkluż fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, u fi ħdan ir-riżorsi disponibbli tal-awtoritajiet doganali rispettivi tagħhom.
2. L-awtoritajiet doganali tal-Unjoni u ta’ New Zealand għandhom jiddeċiedu dwar il-miżuri prattiċi u l-arranġamenti kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 4
Rabta ma’ ftehimiet internazzjonali oħrajn
1. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi tal-ebda wieħed mill-Partijiet Kontraenti fil-qafas ta’ kwanlunkwe ftehim internazzjonali ieħor li għalih huwa parti, Parti Kontraenti wieħed jew ieħor.
2. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandu jkollhom preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kull ftehim bilaterali dwar il-kooperazzjoni doganali u l-assistenza amministrattiva reċiproka li ġie jew seta’ ġie konkluż bejn l-Istati Membri individwali tal-Unjoni u ta' New Zealand, safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar ikunu kompatibbli ma’ dawk ta’ dan il-Ftehim.
3. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jirregolaw il-komunikazzjoni bejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni miksuba fil-qafas ta’ dan il-Ftehim li jista’ jkun ta’ interess għall-Unjoni.
TITOLU II
KOOPERAZZJONI DOGANALI
Artikolu 5
Kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni
1. F’dan il-Ftehim, il-kooperazzjoni doganali għandha tkopri il-materji kollha marbuta mal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni doganali.
2. Sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ leġittimu u l-moviment ta’ merkanzija, it-tisħiħ tal-konformità tal-kummerċjanti, il-protezzjoni taċ-ċittadini u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet doganali tal-Unjoni u ta’ New Zealand għandhom jikkoperaw sabiex:
(a)jipproteġu l-kummerċ leġittimu permezz tal-infurzar effettiv tar-rekwiżiti leġiżlattivi u l-konformità magħhom;
(b)jiżguraw li l-katina tal-provvista tiffaċilita l-moviment sikur ta’ merkanzija bejn l-Unjoni u New Zealand;
(c)jimmassimizzaw il-kontribut tagħhom għall-ħidma tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra biex itejbu t-tekniki doganali u biex isolvu l-problemi ta’ proċeduri doganali, ta’ infurzar doganali u tal-iffaċilitar tal-kummerċ; jeliminaw il-piżijiet bla bżonn fuq operaturi ekonomiċi; jipprovdu għall-iffaċilitar ta’ operaturi b’livelli għolja ta’ konformità; u biex jiżguraw salvagwardji kontra l-frodi u l-attivitajiet illegali jew ta’ ħsara;
(d)jimplimentaw l-istrumenti u l-istandards internazzjonali applikabbli fil-qasam tad-dwana u l-kummerċ, li l-Partijiet rispettivi tagħhom ikunu aċċettaw, inklużi elementi sostantivi tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri doganali (kif rivedut), u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija;
(e)jimplimentaw il-Ftehim tad-WTO dwar il-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ mad-dħul fis-seħħ tiegħu;
(f)jikkooperaw fir-riċerka, fl-iżvilupp, fl-ittestjar u fl-evalwazzjoni ta’ proċeduri ġodda doganali, fit-taħriġ u fl-iskambju tal-persunal u fl-għoti ta’ assistenza;
(g)jiskambjaw informazzjoni li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni doganali, l-implimentazzjoni tagħha, u l-proċeduri doganali; b’mod partikolari fl-oqsma tas-simplifikazzjoni u tal-immodernizzar tal-proċeduri doganali; kif ukoll
(h)jiżviluppaw inizjattivi konġunti marbuta mal-importazzjoni, mal-esportazzjoni u mal-proċeduri doganali, kif ukoll biex jiżguraw servizz effettiv għall-komunità tan-negozju.
Artikolu 6
Sigurtà tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskju
1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jaħdmu flimkien fuq aspetti relatati mad-dwana għall-iżgurar u l-iffaċilitar tal-katina ta’ provvista internazzjonali skont il-Qafas SAFE. B’mod partikolari, għandhom jikkooperaw billi:
(a)
isaħħu l-aspetti relatati mad-dwana fis-sigurtà tal-katina loġistika tal-kummerċ internazzjonali filwaqt li jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu;
(b)
jistabbilixxu standards minimi, safejn huwa prattikabbli, għal tekniki tal-ġestjoni tar-riskji u għal rekwiżiti u programmi relatati;
(c)
fejn xieraq, jistabbilixxu rikonoxximent reċiproku ta’ tekniki tal-ġestjoni tar-riskju, ta’ standards tar-riskju, ta’ kontrolli tas-sigurtà, ta' programmi ta’ sigurtà tal-katina tal-provvista u ta’ sħubija kummerċjali inklużi miżuri ekwivalenti tal-iffaċilitar tal-kummerċ;
(d)
jiskambjaw informazzjoni għas-sigurtà tal-katina tal-provvista u għall-ġestjoni tar-riskju;
(e)
jistabbilixxu punti ta’ kuntatt għall-iskambju tal-informazzjoni għas-sigurtà tal-katina tal-provvista u għall-ġestjoni tar-riskju;
(f)
jintroduċu, fejn xieraq, interfaċċja għall-iskambju tal-informazzjoni, inkluża d-data ta’ qabel il-wasla jew ta’ qabel it-tluq;
(g)
jikkollaboraw, safejn prattikabbli, f'fora multilaterali fejn jistgħu jitqajmu u jiġu diskussi b’mod xieraq kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista.
TITOLU III
ASSISTENZA AMMINISTRATTIVA REĊIPROKA
Artikolu 7
Kamp ta’ applikazzjoni tal-assistenza
1. L-awtoritajiet doganali tal-Unjoni u ta’ New Zealand għandhom jgħinu lil xulxin fil-prevenzjoni, fl-identifikazzjoni, fl-investigazzjoni u fis-soppressjoni ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali.
2. L-assistenza skont dan il-Ftehim ma tippreġudikax id-drittijiet u l-obbligi tal-ebda Parti Kontraenti dwar l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali skont il-ftehimiet internazzjonali jew il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti Kontraenti. Lanqas ma tkopri l-informazzjoni miksuba bis-setgħat eżerċitati fuq talba ta’ awtorità ġudizzjarja.
3. L-assistenza biex jiġu rkuprati d-dazji, it-taxxi jew il-multi mhijiex koperta b'dan il-Ftehim.
Artikolu 8
Assistenza fuq talba
1. Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdiha bl-informazzjoni rilevanti kollha li tippermettilha tiżgura li l-leġiżlazzjoni doganali hija applikata b’mod korrett, inkluża l-informazzjoni li tirrigwarda attivitajiet individwati jew ippjanati li huma jew li jistgħu jkunu operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali.
2. Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tinfurmaha:
(a)
jekk il-merkanzija esportata minn waħda mill-Partijiet Kontraenti ġietx importata b’mod korrett fil-Parti l-oħra, u għandha tispeċifika, fejn xieraq, il-proċeduri doganali applikati għall-merkanzija; kif ukoll
(b)
jekk il-merkanzija importata f’waħda mill-Partijiet Kontraenti ġietx esportata b’mod korrett mill-Parti l-oħra, u għandha tispeċifika, fejn xieraq, il-proċeduri doganali applikati għall-merkanzija.
3. Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha, fil-qafas tal-liġijiet u tar-regolamenti applikabbli għal din tal-aħħar, tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura li jkun hemm sorveljanza speċjali dwar:
(a)
il-persuni li fir-rigward tagħhom jeżistu raġunijiet sabiex dak li jkun jemmen li dawn huma jew kienu involuti f’operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali;
(b)
postijiet fejn ħażniet ta’ merkanzija kienu jew li jistgħu jkunu maħżuna jew miġbura b’tali mod li jkun hemm raġunijiet raġonevoli li jwasslu sabiex wieħed jemmen li dik il-merkanzija li hija maħsuba biex tintuża f'operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali;
(c)
merkanzija li hija jew li tista' tiġi ttrasportata b’tali mod li jkun hemm raġunijiet raġonevoli li jwasslu sabiex wieħed jemmen li hija maħsuba biex tintuża f'operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali; kif ukoll
(d)
mezzi ta’ trasport li huma jew li jistgħu jkunu użati b’tali mod li jkun hemm raġunijiet raġonevoli li jwasslu sabiex wieħed jemmen li huma maħsuba biex jintużaw f'operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali.
Artikolu 9
Assistenza spontanja
Il-Partijiet Kontraenti għandhom jgħinu lil xulxin, fuq l-inizjattiva tagħhom infushom u skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ kull Parti Kontraenti, jekk jikkunsidraw li dan huwa meħtieġ sabiex il-leġiżlazzjoni doganali tiġi applikata b’mod korrett, b’mod partikolari billi tiġi pprovvduta l-informazzjoni miksuba li tappartjeni għal:
(a)
attivitajiet li huma jew li jidhru li huma operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali u li jistgħu jkunu ta’ interess għall-Parti Kontraenti l-oħra;
(b)
mezzi jew metodi ġodda użati fit-twettiq ta’ operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali;
(c)
merkanzija magħrufa li hija soġġetta għal operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali;
(d)
persuni li fir-rigward tagħhom hemm bażi raġjonevoli biex wieħed jemmen li huma involuti jew li kienu involuti f’operazzjonijiet li jiksru l-liġijiet doganali; kif ukoll
(e)
mezzi ta’ trasport li fir-rigward tagħhom hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li huma, kienu jew jistgħu jkunu involuti f’operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali.
Artikolu 10
Kunsinna, notifika
1. Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità li ssirilha t-talba, għandha, f’konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti applikabbli għal din tal-aħħar, tieħu l-miżuri neċessarji kollha biex:
(a)
tibgħat kull dokument; jew
(b)
tinnotifika kull deċiżjoni li toħroġ mill-awtorità applikanti u li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, lil destinatarju li jkun residenti jew stabbilit fil-ġuriżdizzjoni tal-awtorità li ssirilha t-talba.
2. It-talbiet għall-kunsinna ta’ dokumenti jew għan-notifika ta’ deċiżjonijiet għandhom isiru bil-miktub f’lingwa uffiċjali tal-awtorità li ssirilha t-talba jew f’lingwa aċċettata minn dik l-awtorità.
Artikolu 11
Forma u sustanza tat-talbiet għall-assistenza
1. It-talbiet skont dan il-Ftehim għandhom isiru bil-miktub. It-talbiet għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokumenti meħtieġa sabiex jippermettu l-konformità mat-talba. Meta l-urġenza tas-sitwazzjoni titlob hekk, jistgħu jiġu aċċettati talbiet orali, iżda dawn iridu jiġu kkonfermati bil-miktub minnufih.
2. It-talbiet skont il-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:
(a)
l-awtorità applikanti;
(b)
il-miżura mitluba;
(c)
il-fini u r-raġuni għat-talba;
(d)
il-liġijiet u r-regolamenti involuti;
(e)
indikazzjonijiet kemm jista’ jkun preċiżi u komprensivi dwar il-merkanzija jew il-persuni li jkunu fil-mira tal-investigazzjonijiet; kif ukoll
(f)
sommarju tal-fatti rilevanti u tal-investigazzjonijiet diġà mwettqa.
3. It-talbiet għandhom jintbagħtu fil-lingwa uffiċjali tal-awtorità li ssirilha t-talba jew f’lingwa aċċettabbli għal dik l-awtorità. Dan ir-rekwiżit ma għandux japplika għal dokumenti li jakkumpanjaw it-talba skont il-paragrafu 1.
4. Jekk talba ma tissodisfax ir-rekwiżit formali stipulat hawn fuq, tista’ tintalab il-korrezzjoni jew it-tlestija sħiħa tagħha; sadanittant jistgħu jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni mill-awtorità li ssirilha t-talba.
Artikolu 12
Twettiq ta’ talbiet
1. Sabiex tikkonforma ma’ talba għall-assistenza, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipproċedi, fil-limiti tal-kompetenza tagħha u tar-riżorsi disponibbli, daqslikieku kienet qed taġixxi għaliha stess jew fuq talba ta’ awtoritajiet oħra tal-istess Parti Kontraenti, billi tipprovdi l-informazzjoni diġà fil-pussess tagħha, billi twettaq l-investigazzjonijiet xierqa jew billi tagħmel mod li dawn jitwettqu. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għal kull awtorità oħra li lilha tkun ġiet indirizzata t-talba skont dan il-Ftehim mill-awtorità li ssirilha t-talba meta din tal-aħħar ma tistax taġixxi minn rajha.
2. It-talbiet għall-assistenza għandhom jitwettqu skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti Kontraenti li tirċievi t-talba.
3. L-uffiċjali debitament awtorizzati tal-Parti Kontraenti jistgħu, bi ftehim mal-Parti Kontraenti involuta l-oħra u soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti minn din tal-aħħar, ikunu preżenti sabiex jiksbu fl-uffiċċji tal-awtorità li ssirilha t-talba jew kull awtorità oħra konċernata skont il-paragrafu 1, informazzjoni li tikkonċerna attivitajiet li huma jew li jistgħu jkunu operazzjonijiet bi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali li l-awtorità applikanti jkollha bżonn għall-fini ta’ dan il-Ftehim.
4. Uffiċjali debitament awtorizzati ta’ Parti Kontraenti jistgħu, bi ftehim mal-Parti Kontraenti l-oħra u soġġetti għall-kundizzjonijiet preskritti minn din tal-aħħar, ikunu preżenti għall-investigazzjonijiet imwettqa fit-territorju ta’ din imsemmija l-aħħar.
Artikolu 13
Mod li bih l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata
1. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tikkomunika r-riżultati tal-investigazzjonijiet mwettqa wara talba magħmula skont dan il-Ftehim, lill-awtorità applikanti bil-miktub, flimkien mad-dokumenti, il-kopji ċertifikati jew oġġetti oħra rilevanti.
2. L-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 1 tista’ tkun f’forma komputerizzata.
3. Il-fajls u d-dokumenti oriġinali għandhom jiġu trażmessi biss fuq talba fil-każijiet meta l-kopji ċertifikati ma jkunux biżżejjed. Dawn id-dokumenti oriġinali għandhom jintbagħtu lura malajr kemm jista’ jkun.
Artikolu 14
Eċċezzjonijiet għall-obbligu li tingħata assistenza
1. Fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim kull forma ta’ assistenza tista’ tiġi rrifjutata jew tista’, tkun soġġetta għall-issodisfar ta’ ċerti kundizzjonijiet jew rekwiżiti, fil-każijiet fejn Parti Kontraenti tkun tal-opinjoni li l-assistenza skont dan il-Ftehim:
(a)
x’aktarx tippreġudika s-sovranità ta’ New Zealand jew dik ta’ Stat Membru tal-Unjoni li kien mitlub jipprovdi l-assistenza skont dan il-Ftehim;
(b)
x’aktarx li tippreġudika l-ordni pubblika, is-sigurtà jew interessi essenzjali oħra;
(c)
tikser sigriet kummerċjali jew tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi; jew
(d)
tkun inkompatibbli mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli inkluż, iżda mhux limitat għal, dawk tal-protezzjoni tal-privatezza personali jew il-kwistjonijiet u l-kontijiet finanzjarji ta’ individwi.
2. L-assistenza tista’ tiġi posposta mill-awtorità li ssirilha t-talba għar-raġuni li tinterferixxi ma’ investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċedimenti li jkunu għaddejjin. F’każ ta’ dan it-tip, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tikkonsulta mal-awtorità applikanti sabiex tiddetermina jekk l-assistenza tistax tingħata soġġett għal tali termini jew kundizzjonijiet skont kif l-awtorità li ssirilha t-talba tista’ teħtieġ.
3. Meta l-awtorità applikanti tfittex l-assistenza li hi nnifisha ma tkunx tista’ tipprovdi fil-każ li tintalab tagħmel hekk, din għandha tiġbed l-attenzjoni għal dan il-fatt fit-talba tagħha. Imbagħad id-deċiżjoni biex tiddeċiedi kif twieġeb għal talba simili għandha titħalla f’idejn l-awtorità li ssirilha t-talba.
4. Għall-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, id-deċiżjoni tal-awtorità li ssirilha t-talba u r-raġunijiet tagħha jridu jiġu kkomunikati lill-awtorità applikanti mingħajr dewmien żejjed.
Artikolu 15
Esperti u xhieda
Uffiċjal ta’ awtorità li ssirilha t-talba jista’ jkun awtorizzat jidher, fil-limiti tal-awtorizzazzjoni mogħtija, bħala espert jew xhud quddiem awtorità fil-Parti Kontraenti l-oħra f’materji koperti minn dan il-Ftehim, u jipproduċi tali oġġetti, dokumenti jew kopji ċertifikati tagħhom, li jkunu meħtieġa għal dan il-għan. It-talba għal dehra trid tindika b’mod speċifiku quddiem liema awtorità għandu jidher l-uffiċjal, dwar liema materji u bis-saħħa ta’ liema titolu jew kwalifika l-uffiċjal se jiġi mistoqsi.
Artikolu 16
Spejjeż marbuta mal-assistenza
1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet kollha kontra xulxin rigward ir-rimborż tal-ispejjeż mġarrba skont dan il-Ftehim, għajr, skont kif ikun xieraq, għall-ispejjeż li jridu jitħallsu lill-esperti u lix-xhieda skont l-Artikolu 15, u dawk li jridu jitħallsu lill-interpreti u lit-tradutturi li mhumiex impjegati tas-servizz pubbliku.
TITOLU IV
SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI
Artikolu 17
Kunfidenzjalità u protezzjoni tal-informazzjoni
1. Kull informazzjoni kkomunikata tkun xi tkun l-għamla tagħha skont dan il-Ftehim għandha tkun ta’ tip kunfidenzjali jew ristretta, skont ir-regoli li japplikaw f’kull waħda mill-Partijiet Kontraenti.
2. Parti Kontraenti ma għandhiex tuża jew tiżvela informazzjoni miksuba skont dan il-Ftehim, għajr għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, jew bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti Kontraenti li tipprovdi u soġġett għat-tali kundizzjonijiet u restrizzjonijiet li l-Parti Kontraenti li qed tipprovdi tista’ teħtieġ. Madankollu, jekk xi waħda mill-Partijiet Kontraenti tkun meħtieġa bil-liġijiet u r-regolamenti ta’ dik il-Parti Kontraenti li tiżvela informazzjoni miksuba skont dan il-Ftehim għandha tinnotifika kwalunkwe żvelar bħal dan lill-Parti Kontraenti li qed tipprovdi u fejn possibbli qabel it-tali żvelar.
3. Soġġett għal kull rekwiżit applikabbli għal Parti Kontraenti skont il-liġijiet u r-regolamenti ta’ dik il-Parti Kontraenti, jew kundizzjonijiet, twissijiet, restrizzjonijiet jew struzzjonijiet ta’ trattament ċari li jeħtieġu protezzjoni akbar, l-informazzjoni kollha pprovduta skont dan il-Ftehim għandha tingħata l-istess jew livell ogħla ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tal-privatezza kif indikat mill-klassifikazzjoni tas-sigurtà jew minn kull twissija oħra ta’ trattament mehmuża għall-informazzjoni tal-awtorità li ssirilha t-talba.
4. Data personali għandha tiġi skambjata biss fejn il-Parti Kontraenti li tista’ tirċeviha tintrabat li tipproteġi din id-data b’mod li jitqies adegwat mill-Parti Kontraenti li tista’ tipprovdi tali data personali.
5. Kull Parti Kontraenti għandha tillimita l-aċċess għall-informazzjoni li tirċievi skont dan il-Ftehim għal dawk il-persuni li għandhom bżonn ikunu jafu l-kontenut tiegħu.
6. Kull Parti Kontraenti għandha tillimita, iżżomm u tittrażmetti l-informazzjoni riċevuta skont dan il-Ftehim bl-użu ta’ mekkaniżmi ta’ sigurtà rikonoxxuti bħal passwords, kriptaġġ, jew salvagwardji raġonevoli oħra konsistenti mal-klassifikazzjoni ta’ sigurtà mehmuża mal-informazzjoni partikolari.
7. Kull Parti Kontraenti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar kull aċċess, użu, żvelar, modifika jew tneħħija ta’ informazzjoni aċċidentali jew mhux awtorizzata riċevuta skont dan il-Ftehim u għandha tipprovdi d-dettalji kollha tal-aċċess, l-użu, iż-żvelar, il-modifika jew it-tneħħija ta’ informazzjoni aċċidentali jew mhux awtorizzata.
8. Jekk l-informazzjoni riċevuta skont dan il-Ftehim tkun ġiet żvelata jew modifikata aċċidentalment kull Parti Kontraenti għandha tagħmel dak kollu li hu prattiku b’mod raġonevoli biex tirkupra jew, meta l-irkupru ma jkunx possibbli, biex tiżgura l-qerda ta’ informazzjoni żvelata jew modifikata.
9. Kull Parti Kontraenti tista’ titlob li jkun hemm protezzjoni addizzjonali dwar informazzjoni sensittiva ħafna.
10. L-informazzjoni ma tistax tiġi pproċessata u għandha tinżamm għal żmien itwal milli jkun meħtieġ għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u f’konformità mar-rekwiżiti ta’ kull Parti Kontraenti rigward il-privatezza u ż-żamma ta’ reġistri pubbliċi. Kull Parti Kontraenti għandha tiżgura r-rimi kontrollat ta’ informazzjoni li tkun ġiet riċevuta skont dan il-Ftehim kif previst fil-liġijiet u r-regolamenti ta’ dik il-Parti Kontraenti.
11. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jipprekludi l-użu tal-informazzjoni jew tad-dokumenti miksuba skont dan il-Ftehim bħala xiehda fi proċedimenti jew akkużi istitwiti sussegwentement quddiem il-qrati jew it-tribunali rigward il-ħidmiet li jmorru kontra l-leġiżlazzjoni doganali. Għalhekk, il-Partijiet jistgħu, fir-rekords tal-evidenza tagħhom, fir-rapporti u x-xhieda u fi proċedimenti u f’akkużi mressqa quddiem il-qrati, jużaw bħala evidenza l-informazzjoni miksuba u d-dokumenti kkonsultati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Il-Parti Kontraenti li pprovdiet dik l-informazzjoni jew li tat l-aċċess għal dawk id-dokumenti għandha tkun innotifikata dwar dan l-użu.
TITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 18
Intestaturi
L-intestaturi tat-Titoli u tal-Artikoli ta’ dan il-Ftehim huma mdaħħla biss għall-konvenjenza ta’ referenza u ma għandhomx jaffettwaw l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 19
Konsultazzjoni
Kull mistoqsija jew tilwima li għandha x’taqsam mal-interpretazzjoni jew mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi solvuta b’konsultazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti, li għandha twassal, fejn xieraq, għal deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali.
Artikolu 20
Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali
1. Huwa hawnhekk stabbilit Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-KKKD) magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ f'post, f’data u b’aġenda stabbilita b’kunsens reċiproku.
2. Il-KKKD għandu jiżgura l-funzjonament korrett u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandu jeżamina l-kwistjonijiet u l-kunflitti kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tiegħu. B’hekk, il-KKKD għandu, inter alia:
(a)
jieħu l-miżuri meħtieġa għall-kooperazzjoni doganali f’konformità mal-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari billi:
–jidentifika kull bidla regolatorja jew leġiżlattiva meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;
–jidentifika u jistabbilixxi miżuri għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ skambju tal-informazzjoni;
–jidentifika u jistabbilixxi l-aħjar prattiki, inklużi l-aħjar prattiki għall-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tal-informazzjoni elettronika bil-quddiem dwar il-merkanzija ma’ standards internazzjonali dwar merkanzija li tkun dieħla, ħierġa jew fi tranżitu;
–jiddefinixxi u jistabbilixxi standards tal-analiżi tar-riskju għall-informazzjoni meħtieġa biex tkun identifikata merkanzija bil-baħar impurtata, trasbordata, jew fi tranżitu minn New Zealand u mill-Unjoni;
–jiddefinixxi u jistabbilixxi miżuri biex jiġu armonizzati standards tal-valutazzjoni tar-riskju;
–jiddefinixxi standards minimi u metodi ta’ kontroll li bihom dawk l-istandards jistgħu jiġu ssodisfati;
–itejjeb u jistabbilixxi standards għal programmi ta’ sħubija kummerċjali mfassla biex itejbu s-sigurtà tal-katina tal-provvista u jiffaċilita l-moviment tal-kummerċ leġittimu; kif ukoll
–jiddefinixxi u jwettaq passi konkreti għall-istabbiliment tar-rikonoxximent reċiproku ta’ tekniki tal-ġestjoni tar-riskju, standards tar-riskju, kontrolli tas-sigurtà u programmi ta’ sħubija kummerċjali inklużi miżuri ekwivalenti tal-iffaċilitar tal-kummerċ.
(b)
jaġixxi bħala l-korp kompetenti biex jindirizza kull kwistjoni li tqum fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-Titolu III ta’ dan il-Ftehim;
(c)
jingħata s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet li jimplimentaw dan il-Ftehim inkluż dwar it-trażmissjoni tad-data u ta’ benefiċċji miftiehma reċiprokament ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ tekniki tal-ġestjoni tar-riskji, standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà u programmi ta’ sħubija kummerċjali kif ukoll miżuri oħra tal-iffaċilitar tal-kummerċ;
(c)
iwettaq skambju ta’ opinjonijiet dwar kull punt ta’ interess komuni li għandu x’jaqsam mal-kooperazzjoni doganali, li jinkludi miżuri futuri u r-riżorsi għalihom; kif ukoll
(d)
jadotta r-regoli ta’ proċedura interni tiegħu.
3. Il-KKKD għandu jwaqqaf mekkaniżmi tal-ħidma xierqa, inkluż gruppi ta’ ħidma, sabiex jappoġġjaw xogħlu għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ u tul ta' żmien
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-jum li fih il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin bit-tmiem tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-fini permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi bejniethom.
2. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat b’kunsens reċiproku tal-Partijiet Kontraenti permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi bejniethom. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ fil-qafas tal-istess kundizzjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 1, sakemm mhux miftiehem mod ieħor mill-Partijiet Kontraenti.
3. Kull Parti Kontraenti tista’ tittermina dan il-Ftehim billi tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub. It-terminazzjoni għandha sseħħ tliet xhur mid-data tan-notifika lill-Parti Kontraenti l-oħra. It-talbiet għall-assistenza li jkunu waslu qabel it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu pproċessati f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 22
Testi awtentiċi
Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bin-Netherlandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż, u kull wieħed mit-testi għandu jkun ugwalment awtentiku. F’każ ta’ kwalunkwe diverġenza bejn it-testi ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-KKKD.