Brussell, 23.11.2016

JOIN(2016) 56 final

2016/0373(NLE)

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Kanada, fuq in-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-proposta preżenti tikkonċerna l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika (FSS) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Kanada, fuq in-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem 'il-Ftehim').

Fit-8 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà biex jinnegozjaw Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Kanada, fuq in-naħa l-oħra. In-negozjati dwar il-Ftehim bdew f’Settembru 2011 u ġew konklużi f’Settembru 2014 bl-inizjalar tiegħu. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni kienu involuti fil-proċess ta’ negozjar. L-Istati Membri kienu kkonsultati matul il-proċess ta’ negozjati f’laqgħat tal-Gruppi ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill. Il-Parlament Ewropew inżamm infurmat regolarment matul in-negozjati.

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fit-28 ta’ Ottubru 2016, il-Ftehim kien iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2016 fis-16-il Summit bejn l-UE u l-Kanada

Ir-Rappreżentant l-Għoli u l-Kummissjoni jqisu li l-għanijiet stipulati mill-Kunsill fid-direttivi tiegħu dwar in-negozjati tal-Ftehim intlaħqu, u li l-Ftehim jista' jitressaq għall-konklużjoni. Din il-proposta konġunta tirrigwarda l-istrument legali għall-konklużjoni tal-Ftehim.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

L-għan u l-kontenut tal-ftehim

L-UE u l-Kanada għandhom storja ta' kooperazzjoni estensiva, li tmur lura sal-Ftehim Qafas tal-1976 għal kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika.

Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada evolviet maż-żmien sabiex tkopri d-djalogu politiku u kwistjonijiet relatati mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, u firxa wiesgħa ta’ setturi inklużi l-ambjent, il-ġustizzja u s-sigurtà, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, is-sajd, l-edukazzjoni, il-kultura, id-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp tat-Tramuntana u kwistjonijiet indiġeni, skambji ta' żgħażagħ u s-sigurtà tat-trasport.

L-għan tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika (SPA) huwa li jsaħħaħ ir-rabtiet politiċi u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà u affarijiet barranin, u sabiex javvanza l-kooperazzjoni fuq għadd kbir ta’ oqsma ta' politika apparti mill-kummerċ u l-ekonomija.

Il-Ftehim jonqox il-valuri demokratiċi komuni bejn l-UE u l-Kanada u se javvanza l-kooperazzjoni fuq bażi bilaterali u multilaterali. L-SPA se jsaħħaħ id-djalogu politiku f’oqsma bħat-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-ambjent, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura, il-migrazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra l-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità. Itenni l-impenn tal-Partijiet biex jissalvagwardjaw il-paċi u s-sigurtà internazzjonali billi jipprevjenu l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u jieħdu għadd ta’ miżuri biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu ta’ armi ħfief u ta' kalibru żgħir.

L-SPA jipprovdi l-mekkaniżmu dwar kif għandu jitmexxa d-djalogu politiku billi jorganizza summits annwali fil-livell ta' mexxejja u konsultazzjonijiet f’livell ministerjali. Jistabbilixxi wkoll Kumitat Ministerjali Konġunt, li jissostitwixxi d-Djalogu Tranżatlantiku ta' qabel, u Kumitat Konġunt ta’ Kooperazzjoni bil-għan li jimmonitorja l-iżvilupp tar-relazzjoni strateġika bejn il-Partijiet.

Il-Ftehim jipprovdi għall-possibbiltà li tiġi sospiża l-applikazzjoni tiegħu f’każ ta’ ksur ta’ elementi essenzjali tal-Ftehim bħad-drittijiet tal-bniedem u n-nonproliferazzjoni. Barra minn hekk, il-Partijiet jirrikonoxxu li ksur partikolarment serju u sostanzjali tad-drittijiet tal-bniedem jew tan-nonproliferazzjoni jista’ jservi wkoll bħala raġuni għat-terminazzjoni tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv skont l-Artikolu 30(9) ta' dan il-Ftehim.

L-SPA, flimkien mal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA), huwa mistenni li jipprovdi benefiċċji u opportunitajiet tanġibbli liċ-ċittadini tal-UE u l-Kanada.

Bażi ġuridika

L-Artikolu 218(6)(a)(iii) tat-TFUE jiddikjara li, fejn ftehim jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku billi jorganizza proċeduri ta' kooperazzjoni, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE jiddikjara li l-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu meta l-ftehim ikopri qasam li fih tkun meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta' att tal-Unjoni.

Rigward miżura li fl-istess ħin issegwi għadd ta' għanijiet, jew li għandha bosta komponenti, li huma marbuta b'mod inseparabbli mingħajr ma' waħda tkun inċidentali għall-oħra, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fejn bosta dispożizzjonijiet tat-Trattat huma għaldaqstant applikabbli, tali miżura għandha tiġi bbażata, b'mod eċċezzjonali, fuq id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti, sakemm il-proċeduri stabbiliti għal kull bażi ġuridika ma jkunux inkompatibbli ma' xulxin (Kawża C-490/10 Parlament vs Kunsill, ECLI: UE:C:2012:525, paragrafu 46).

Il-Ftehim isegwi l-għanijiet u għandu komponenti fl-oqsma tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u tal-kooperazzjoni teknika ma’ pajjiżi żviluppati. Dawn l-aspetti tal-Ftehim huma marbuta b'mod inseparabbli mingħajr ma' wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.

Il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni hija qasam fejn l-unanimità hija meħtieġa għall-adozzjoni ta' att tal-Unjoni. Il-Ftehim jistabbilixxi qafas istituzzjonali għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada.

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta għandha għaldaqstant tkun l-Artikolu 37 tat-TUE u l-Artikolu 212(1) tat-TFUE moqrija flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-TFUE. Mhumiex meħtieġa dispożizzjonijiet addizzjonali bħala bażi ġuridika (ara Kawża C-377/12 il-Kummissjoni vs il-Kunsill, ECLI: UE: C:2014:1903).

Il-ħtieġa tad-deċiżjoni proposta

L-Artikolu 216 tat-TFUE jipprevedi li l-Unjoni tista' tikkonkludi ftehim ma' pajjiż terz wieħed jew aktar meta t-Trattati jipprevedu dan jew meta l-konklużjoni ta' ftehim tkun meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, wieħed mill-għanijiet imsemmija mit-Trattati, jew inkella tkun prevista f'att tal-Unjoni legalment vinkolanti jew inkella x'aktarx li tolqot regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom.

It-Trattati jipprevedu għall-konklużjoni tal-ftehimiet bħall-SPA, jiġifieri fl-Artikoli 37 tat-TUE u l-Artikolu 212(1) tat-TFUE. Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-SPA hija meħtieġa għall-għan li jinkisbu, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, l-għanijiet imsemmija fit-Trattati. Dawn jinkludu t-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-migrazzjoni, l-ambjent, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, it-trasport, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni u l-agrikultura.

2016/0373 (NLE)

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Kanada, fuq in-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212(1), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)B'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill [XXX] of […] 1 , il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Kanada, fuq in-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fit-30 ta' Ottubru 2016, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar tard.

(2)L-għan tal-Ftehim huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta' politika inklużi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-paċi u s-sigurtà internazzjonali u multilateraliżmu effettiv, l-iżvilupp ekonomiku u sostenibbli, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Il-Ftehim se jsaħħaħ id-djalogu u l-konsultazzjoni politiċi u se jistabbilixxi Kumitat Ministerjali Konġunt u Kumitat Konġunt ta’ Kooperazzjoni bil-għan li jissorvelja l-iżvilupp tar-relazzjoni strateġika bejn il-Partijiet.

(3)Il-Ftehim jeħtieġ li jiġi approvat f'isem l-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Kanada, fuq in-naħa l-oħra, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna(i) bis-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, sabiex tagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 30 tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha 2 .

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Id-deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/... ta’ ... dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Kanada, fuq in-naħa l-oħra ĠU L […], […], p. […].
(2) Id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Brussell, 23.11.2016

JOIN(2016) 56 final

ANNESS

għall-

Proposta konġunta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u l-Kanada, fuq in-naħa l-oħra


FTEHIM TA’ SĦUBIJA STRATEĠIKA

BEJN IL-KANADA, FUQ NAĦA WAĦDA,

U L-UNJONI EWROPEA

U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, FUQ IN-NAĦA L-OĦRA,

PREAMBOLU

IL-KANADA,

   fuq naħa waħda, u

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Unjoni",

u

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA’ SPANJA

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ITALJA,


IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

L-UNGERIJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,


IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ,

Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Istati Membri",

   fuq in-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem imsejħa flimkien "il-Partijiet",

ISPIRATI mill-ħbiberija li ilha teżisti bejn il-poplu tal-Ewropa u dak tal-Kanada permezz tar-rabtiet storiċi, kulturali, politiċi u ekonomiċi estensivi tagħhom,

FILWAQT LI JINNUTAW il-passi importanti meħuda sa mill-Ftehim Qafas tal-1976 għall-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Kanada, id-Dikjarazzjoni tal-1990 dwar ir-Relazzjonijiet Tranżatlantiċi bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-Kanada, id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-1996 dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada u l-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt bejn l-UE u l-Kanada, l-Aġenda ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Kanada tal-2004 u l-Ftehim tal-2005 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Kanada fl-operazzjonijiet tal-immaniġġar tal-kriżijiet tal-Unjoni Ewropea,


FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID ir-rabta b’saħħitha tagħhom mal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

FILWAQT LI JAQSMU l-istess fehma li l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva toħloq theddida kbira għas-sigurtà internazzjonali,

FILWAQT LI JIBNU fuq it-tradizzjoni twila tagħhom ta’ kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-prinċipji internazzjonali tal-paċi u s-sigurtà u l-istat tad-dritt,

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID id-determinazzjoni tagħhom li jiġġieldu kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata permezz ta’ kanali bilaterali u multilaterali,

FILWAQT LI JAQSMU flimkien impenn biex inaqqsu l-faqar, jixprunaw it-tkabbir ekonomiku inklużiv u jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom lejn ir-riformi politiċi u ekonomiċi,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU x-xewqa tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu;

KBURIN bil-kuntatti interpersonali estensivi bejn iċ-ċittadini tagħhom u l-impenn tagħhom għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU r-rwol importanti li jista’ jkollhom organizzazzjonijiet multilaterali effettivi fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni u fil-kisba ta’ eżiti pożittivi dwar kwistjonijiet u sfidi globali,


KONXJI mir-relazzjoni dinamika tagħhom fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment, li se tissaħħaħ aktar permezz tal-implimentazzjoni effettiva ta’ ftehim ekonomiku u kummerċjali komprensiv,

FILWAQT LI JFAKKRU li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim li jaqgħu fl-ambitu tal-Parti Tlieta, it-Titolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jorbtu lir-Renju Unit u lill-Irlanda bħala Partijiet Kontraenti separati, u mhux bħala parti mill-Unjoni Ewropea, sakemm l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jkunux innotifikaw b’mod konġunt lill-Kanada li r-Renju Unit jew l-Irlanda jintrabtu bħala parti mill-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Jekk ir-Renju Unit u/jew l-Irlanda ma jibqgħux marbutin bħala parti mill-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 4a tal-Protokoll Nru 21, l-Unjoni Ewropea flimkien mar-Renju Unit u/jew l-Irlanda għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kanada b’kull bidla fil-pożizzjoni tagħhom, u f’dan il-każ għandhom jibqgħu marbutin bid-diżpozzjonijiet tal-ftehim fil-kwalità individwali tagħhom. L-istess japplika għad-Danimarka, f’konformità mal-Protokoll anness ma’ dawk it-Trattati dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-bidliet istituzzjonali fl-Unjoni Ewropea sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona,

FILWAQT LI JAFFERMAW l-istatus tagħhom bħala sħab strateġiċi u d-determinazzjoni tagħhom biex ikomplu jsaħħu u jkabbru r-relazzjoni tagħhom u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħhom abbażi tar-rispett reċiproku u d-djalogu biex imexxu ’l quddiem l-interessi u l-valuri kondiviżi tagħhom,


KONVINTI li din il-kooperazzjoni għandha tissawwar b’mod progressiv u pragmatiku, b’mod parallel mal-iżvilupp tal-politiki tagħhom,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TITOLU I

BAŻI GĦALL-KOOPERAZZJONI

ARTIKOLU 1

Prinċipji ġenerali

1.    Il-Partijiet jesprimu l-appoġġ tagħhom għall-prinċipji komuni stabbiliti fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.    Konxji mir-relazzjoni strateġika tagħhom, il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex itejbu l-koerenza fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni tagħhom fil-livelli bilaterali, reġjonali u multilaterali.

3.    Il-Partijiet għandhom jimplimentaw dan il-Ftehim abbażi tal-valuri komuni, tal-prinċipji tad-djalogu, tar-rispett reċiproku, tas-sħubija ugwali, tal-multilateraliżmu, tal-kunsens u tar-rispett għal-liġi internazzjonali.


TITOLU II

DRITTIJIET TAL-BNIEDEM, LIBERTAJIET FUNDAMENTALI,
DEMOKRAZIJA U L-ISTAT TAD-DRITT

ARTIKOLU 2

Ħarsien tal-prinċipji demokratiċi,
tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u l-promozzjoni tagħhom

1.    Ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fit-trattati internazzjonali eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u strumenti legalment vinkolanti oħrajn, li għalihom l-Unjoni jew l-Istati Membri u l-Kanada huma partijiet, huwa l-pedament tal-politiki nazzjonali u internazzjonali tal-Partijiet u jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.

2.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkooperaw u jħarsu dawn id-drittijiet u l-prinċipji fil-politiki tagħhom stess u għandhom iħeġġu lil Stati oħra sabiex jaderixxu ma’ dawk it-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u strumenti legalment vinkolanti u biex jimplimentaw l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom stess.

3.    Il-Partijiet huma impenjati li jippromwovu d-demokrazija, inkluż proċessi elettorali ħielsa u ġusti f’konformità mal-istandards internazzjonali. Kull Parti għandha tgħarraf lill-oħra bil-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali rispettivi tagħha u tistieden lill-Parti l-oħra biex tipparteċipa kif xieraq.


4.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-istat tad-dritt għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u għall-funzjonament effettiv ta’ istituzzjonijiet ta’ governanza fi Stat demokratiku. Dan jinkludi l-eżistenza ta’ sistema ġudizzjarja indipendenti, l-ugwaljanza quddiem il-liġi, id-dritt għal proċess ġust u aċċess minn individwi għal rimedju legali effettiv.

TITOLU III

PAĊI U SIGURTÀ INTERNAZZJONALI
U MULTILATERALIŻMU EFFETTIV

ARTIKOLU 3

Armi ta’ qerda massiva

1.    Il-Partijiet jikkunsidraw li l-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva (AQM) u tal-mezzi tal-konsenja tagħhom, kemm lejn atturi statali kif ukoll lejn dawk mhux statali, tirrappreżenta waħda mill-aktar theddidiet serji għall-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali.


2.    Il-Partijiet għalhekk jaqblu li jikkooperaw u li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-AQM u tal-mezzi tal-konsenja tagħhom permezz ta’ konformità sħiħa mal-obbligi tagħhom skont il-ftehimiet internazzjonali u r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jikkonċernaw id-diżarm u n-nonproliferazzjoni u permezz tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-obbligi. Barra minn hekk, il-Partijiet għandhom ikomplu jikkooperaw, kif xieraq, b’appoġġ għall-isforzi ta’ nonproliferazzjoni permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fir-reġimi ta’ kontroll tal-esportazzjoni li għalihom it-tnejn huma parti. Il-Partijiet jaqblu li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.

3.    Barra minn hekk, il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw u jikkontribwixxu sabiex jiġġieldu kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi ta’ konsenja tagħhom billi:

(a)    kif xieraq, jieħdu l-passi biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaderixxu mat-trattati ta’ diżarm u nonproliferazzjoni kollha rilevanti u jimplimentaw b’mod sħiħ l-obbligi kollha skont it-trattati li tagħhom huma partijiet u jħeġġu lil stati oħra sabiex jaderixxu ma’ dawk it-trattati;

(b)    iżommu sistema effettiva ta’ kontrolli nazzjonali fuq l-esportazzjoni, jikkontrollaw l-esportazzjoni u jimpedixxu s-senserija u t-tranżitu illeċiti tal-merkanzija relatata mal-AQM inkluż il-kontroll tal-użu aħħari tal-AQM fuq it-teknoloġiji b’użu doppju u li jinkludu sanzjonijiet effettivi għall-ksur tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni;


(c)    il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni ta’ armi kimiċi, bijoloġiċi u tossiċi. Il-Partijiet jaqblu li jikkollaboraw f’fora rilevanti biex imexxu ’l quddiem il-prospetti għal aderenza universali għal konvenzjonijiet internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta’ Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom) u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta’ Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u Tossiċi u dwar il-Qerda tagħhom).

4.    Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu laqgħat regolari f’livell għoli bejn l-UE u l-Kanada biex jiskambjaw il-fehmiet tagħhom dwar modi kif isaħħu l-kooperazzjoni fuq firxa ta’ kwistjonijiet ta’ nonproliferazzjoni u diżarm.

ARTIKOLU 4

Armi ħfief u ta’ kalibru żgħir

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illegali ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (small arms and light weapons - SALWs), inkluż il-munizzjon tagħhom, u l-akkumulazzjoni eċċessiva tagħhom, il-ġestjoni ħażina, il-ħażniet mhux assigurati sewwa u l-firxa mhux ikkontrollata tagħhom, ikomplu joħolqu theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

2.    Il-Partijiet jaqblu li jimplimentaw l-impenji rispettivi tagħhom biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu tas-SALW, inkluż il-munizzjon tagħhom, fil-qafas tal-istrumenti internazzjonali rilevanti inkluż il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda ta’ Kummerċ Illeċitu tas-SALW fl-aspetti kollha tiegħu kif ukoll l-obbligi li joħorġu minn Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.


3.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu miżuri biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu tas-SALW u jikkooperaw u jaħdmu għall-koordinazzjoni, il-komplimentarjetà u s-sinerġija fl-isforzi komuni tagħhom biex jgħinu lil Stati oħra biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu tas-SALW u l-munizzjon fil-livelli globali, reġjonali u nazzjonali, kif xieraq.

ARTIKOLU 5

Il-Qorti Kriminali Internazzjonali

1.    Il-Partijiet jaffermaw li l-aktar reati serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali ma jistgħux ma jiġux puniti u li l-prosekuzzjoni effettiva tagħhom trid tiġi żgurata billi jittieħdu miżuri fil-livell nazzjonali u billi tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI).

2.    Il-Partijiet jikkondividu impenn komuni biex jippromwovu r-ratifika universali tal-Istatut ta’ Ruma tal-QKI jew l-adeżjoni miegħu, u biex jaħdmu lejn l-implimentazzjoni domestika effettiva tal-Istatut fost l-Istati Partijiet għall-QKI.


ARTIKOLU 6

Kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-ġlieda kontra t-terroriżmu hija prijorità komuni u jenfasizzaw li l-ġlieda kontra t-terroriżmu għandha titmexxa b’rispett għall-istat tad-dritt, il-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u r-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, id-drittijiet tal-bniedem, il-liġi internazzjonali dwar ir-refuġjati, il-liġi umanitarja u l-libertajiet fundamentali.

2.    Il-Partijiet għandhom iżommu konsultazzjonijiet ta’ livell għoli kontra t-terroriżmu u kuntatti ad hoc bil-ħsieb li jippromwovu sforzi operazzjonali konġunti effettivi kontra t-terroriżmu u mekkaniżmi kollaborattivi fejn possibbli. Dan għandu jinkludi skambji regolari dwar il-listi ta’ terroristi, il-ġlieda kontra strateġiji tal-estremiżmu vjolenti u approċċi għall-kwistjonijiet emerġenti relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

3.    Il-Partijiet għandhom impenn komuni għall-promozzjoni ta’ metodu internazzjonali komprensiv fil-ġlieda kontra t-terroriżmu taħt it-tmexxija tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom b’mod partikolari biex jikkooperaw sabiex jissaħħaħ il-kunsens internazzjonali f’dan il-qasam sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni sħiħa tal-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kif xieraq.

4.    Il-Partijiet għandhom ikomplu jikkooperaw mill-qrib fil-qafas tal-Forum Globali dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu.


5.    Il-Partijiet għandhom jiġu ggwidati mir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali stabbiliti mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

6.    Il-Partijiet għandhom ikomplu jaħdmu flimkien kif xieraq biex tissaħħaħ il-kapaċità kontra t-terroriżmu ta’ Stati oħra biex jipprevjenu l-attivitajiet terroristiċi, jidentifikawhom u jirrispondu għalihom.

ARTIKOLU 7

Kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-paċi u tal-istabbiltà internazzjonali

Biex imexxu ’l quddiem l-interessi komuni tagħhom għall-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u ta’ istituzzjonijiet multilaterali u politiki effikaċi, il-Partijiet għandhom:

(a)    ikomplu bl-isforzi tagħhom biex isaħħu aktar is-sigurtà tranżatlantika, b’kunsiderazzjoni tar-rwol ċentrali tal-arkitettura tas-sigurtà tranżatlantika eżistenti bejn l-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq;

(b)    issaħħu l-isforzi konġunti tagħhom b’appoġġ għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-bini ta’ kapaċità, u jkomplu jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom f’dan ir-rigward, inkluż fl-operazzjonijiet u l-missjonijiet tal-UE. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni f’dawn l-attivitajiet, inkluż permezz ta’ konsultazzjonijiet bikrija u tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-ippjanar, fejn jitqies xieraq mill-Partijiet.


ARTIKOLU 8

Kooperazzjoni f’fora u organizzazzjonijiet multilaterali, reġjonali u internazzjonali

1.    Il-Partijiet jaqsmu impenn favur il-multilateraliżmu u l-isforzi biex titjieb l-effettività ta’ fora u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji speċjalizzati tagħha, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u fora multilaterali oħra.

2.    Il-Partijiet għandhom iżommu mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni effettivi fil-marġini ta’ fora multilaterali. Fin-NU, minbarra d-djalogi eżistenti tagħhom fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni permanenti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u fl-Uffiċċji tan-NU fi Vjenna u oħrajn, kif xieraq u maqbul mill-Partijiet.

3.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom ukoll biex jikkonsultaw dwar l-elezzjonijiet biex ikollhom rappreżentanza effettiva f’organizzazzjonijiet multilaterali.


TITOLU IV

ŻVILUPP EKONOMIKU U SOSTENIBBLI

ARTIKOLU 9

Djalogu u tmexxija globali fi kwistjonijiet ekonomiċi

Filwaqt li jirrikonoxxu li globalizzazzjoni sostenibbli u prosperità akbar jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ ekonomija dinjija miftuħa, ibbażata fuq il-prinċipji tas-suq, regolamenti effettivi u istituzzjonijiet globali b’saħħithom, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex:

(a)    ikunu minn ta’ quddiem fil-promozzjoni ta’ politiki ekonomiċi sodi u mmaniġġar finanzjarju prudenti kemm lokalment kif ukoll permezz tal-azzjoni reġjonali u internazzjonali tagħhom;

(b)    ikollhom djalogu politiku regolari ta’ livell għoli dwar kwistjonijiet makroekonomiċi, inklużi rappreżentanti tal-banek ċentrali kif xieraq, bl-għan ta’ kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ interess komuni;

(c)    jinkoraġġixxu, kif xieraq, djalogu tempestiv u effettiv u kooperazzjoni fi kwistjonijiet ekonomiċi globali ta’ interess komuni f’organizzazzjonijiet u fora multilaterali li fihom jipparteċipaw il-Partijiet, bħall-OECD, il-G-7, il-G-20, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), il-Bank Dinji u l-Organizzazzjoni dinjija għall-Kummerċ (WTO).


ARTIKOLU 10

Promozzjoni tal-kummerċ ħieles u tisħiħ tal-investiment

1.    Il-Partijiet se jikkooperaw sabiex jippromwovu żieda u żvilupp sostenibbli tal-kummerċ u l-investiment bejniethom għall-vantaġġ reċiproku tagħhom, kif previst fi ftehim ekonomiku u kummerċjali komprensiv.

2.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkooperaw biex isaħħu d-WTO bħala l-aktar qafas effettiv għal sistema kummerċjali globali b’saħħitha, inklużiva u bbażata fuq ir-regoli.

3.    Il-Partijiet għandhom ikomplu jimpenjaw ruħhom fil-kooperazzjoni doganali.

ARTIKOLU 11

Kooperazzjoni dwar it-tassazzjoni

Bil-ħsieb li jsaħħu u jiżviluppaw il-kooperazzjoni ekonomika tagħhom, il-Partijiet isegwu u japplikaw il-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, jiġifieri, it-trasparenza, l-iskambju tal-informazzjoni u l-evitar ta’ prattiki fiskali dannużi fl-oqfsa tal-Forum tal-OECD dwar prattiki dannużi ta’ tassazzjoni u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Unjoni dwar it-tassazzjoni tan-negozju, kif applikabbli. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jaħdmu flimkien biex jippromwovu u jtejbu l-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji fuq livell internazzjonali.


ARTIKOLU 12

Żvilupp sostenibbli

1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jilħqu l-ħtiġijiet attwali mingħajr ma jikkompromettu l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri. Huma jirrikonoxxu li biex ikun vijabbli fuq perjodu itwal ta’ żmien, it-tkabbir ekonomiku għandu jsegwi l-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli.

2.    Il-Partijiet għandhom ikomplu jippromwovu l-użu responsabbli u effiċjenti tar-riżorsi u jqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-ħsara ambjentali u l-impatt marbut magħha fuq il-benesseri tal-bniedem.

3.    Il-Partijiet għandhom ikomplu jinkoraġġixxu sforzi għall-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli permezz tad-djalogu, l-iskambju tal-aħjar prattiki, governanza tajba u ġestjoni finanzjarja soda.

4.    Il-Partijiet jikkondividu l-istess għan li jnaqqsu l-faqar u li jappoġġaw l-iżvilupp ekonomiku inklużiv madwar id-dinja, u għandhom jagħmlu ħilithom biex jaħdmu flimkien kull meta jkun possibbli biex jilħqu dan l-għan.

5.    Għal dan l-għan, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu politiku regolari dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp sabiex itejbu l-koordinazzjoni tal-politika dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni kif ukoll il-kwalità u l-effettività tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħhom, f’konformità ma’ prinċipji aċċettati internazzjonalment dwar l-effettività tal-għajnuna. Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien biex isaħħu r-responsabbiltà u t-trasparenza b’enfasi fuq it-titjib tar-riżultati tal-iżvilupp, u għandhom jirrikonoxxu l-importanza li jiġu involuti għadd ta’ atturi, inkluż is-settur privat u s-soċjetà ċivili, fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp.


6.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tas-settur tal-enerġija għall-prosperità ekonomika u l-paċi u l-istabbiltà internazzjonali. Huma jaqblu dwar il-ħtieġa li jtejbu u jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija, jippromwovu l-innovazzjoni u jżidu l-effiċjenza tal-enerġija sabiex isaħħu l-opportunità tal-enerġija, is-sigurtà tal-enerġija, u l-enerġija sostenibbli u affordabbli. Il-Partijiet għandhom iżommu djalogu ta’ livell għoli dwar l-enerġija u jkomplu jikkollaboraw permezz ta’ mezzi bilaterali u multilaterali sabiex jappoġġaw swieq miftuħa u kompetittivi, jaqsmu l-aħjar prattiki, jippromwovu regolamentazzjoni bbażata fuq ix-xjenza u trasparenti, u jiddiskutu l-oqsma ta’ kooperazzjoni rigward kwistjonijiet tal-enerġija.

7.    Il-Partijiet jagħtu importanza kbira lill-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent u jirrikonoxxu l-ħtieġa għal standards għolja ta’ ħarsien ambjentali sabiex jitħares l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri.

8.    Il-Partijiet jirrikonoxxu t-theddida globali tat-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata u ulterjuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet bl-għan li jiġu stabbilizzati l-konċentrazzjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra fl-atmosfera, f’livell li jevita interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema tal-klima. B’mod partikolari, jikkondividu ambizzjoni komuni biex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi biex jimmitigaw u jadattaw għall-effetti tat-tibdil fil-klima. Il-Partijiet jirrikonoxxu n-natura globali tal-isfida u għandhom ikomplu jappoġġaw l-isforzi internazzjonali lejn reġim ġust, effettiv, komprensiv, u bbażat fuq ir-regoli skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li tapplika għall-Partijiet kollha tal-Konvenzjoni, inkluż li jaħdmu flimkien fit-tmexxija ’l quddiem tal-Ftehim ta’ Pariġi.

9.    Il-Partijiet għandhom ikomplu d-djalogi ta’ livell għoli dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima bl-għan li jaqsmu l-aħjar prattiki u jippromwovu kooperazzjoni effettiva u inklużiva dwar it-tibdil fil-klima u kwistjonijiet oħra marbutin mal-protezzjoni tal-ambjent.


10.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ djalogu u kooperazzjoni fuq livelli bilaterali jew multilaterali fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u xogħol deċenti, b’mod partikolari fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u t-tibdil demografiku. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jippromwovu l-kooperazzjoni u l-iskambji ta’ informazzjoni u ta’ esperjenzi rigward l-impjiegi u kwistjonijiet soċjali. Il-Partijiet jikkonfermaw ukoll l-impenn tagħhom li jsegwu, jippromwovu u jwettqu l-istandards tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment li huma impenjaw ruħhom għalihom, bħal dawk imsemmija fid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tal-1988 dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u s-segwitu tagħha.

ARTIKOLU 13

Djalogu dwar oqsma oħra ta’ interess reċiproku

Waqt li jirrikonoxxu l-impenn komuni tagħhom biex issaħħu u jkabbru l-involviment fit-tul tagħhom kif ukoll jirrikonoxxu l-kooperazzjoni eżistenti, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom, f’fora multilateral u bilaterali xierqa, biex jinkoraġġixxu djalogu espert u skambji ta’ prattiki tajbin f’oqsma ta’ politika li huma ta’ interess reċiproku. Dawn jinkludu l-oqsma li ġejjin, iżda mhumiex limitati għalihom: l-agrikoltura, is-sajd, il-politika tal-oċeani u marittima internazzjonali, l-iżvilupp rurali, it-trasport internazzjonali, l-impjiegi u l-kwistjonijiet ċirkumpolari inklużi x-xjenza u t-teknoloġija. Fejn xieraq, dan jista’ jinkludi wkoll skambji dwar prattiki leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi, kif ukoll dwar proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.


ARTIKOLU 14

Benesseri taċ-ċittadini

1.    Waqt li jirrikonoxxu l-importanza li jespandu u jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom dwar għadd kbir ta’ kwistjonijiet li jaffettwaw il-benesseri taċ-ċittadini tagħhom u lill-komunità globali akbar, il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw id-djalogu, il-konsultazzjoni u, fejn possibbli, il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet eżistenti kif ukoll emerġenti ta’ interess reċiproku li jaffettwaw il-benesseri taċ-ċittadini.

2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumatur u għandhom jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aqwa prattiki f’dan il-qasam.

3.    Il-Partijiet jinkoraġġixxu kooperazzjoni reċiproka u skambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet globali ta’ saħħa, u dwar it-tħejjija u r-rispons għal emerġenzi tas-saħħa pubblika globali.

ARTIKOLU 15

Kooperazzjoni fl-għarfien, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni

1.    Filwaqt li jqisu l-importanza ta’ għarfien ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, il-Partijiet għandhom ikomplu jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni.


2.    Filwaqt li jirrikonoxxu l-importanza tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni bħala elementi ewlenin tal-ħajja moderna u l-iżvilupp soċjoekonomiku, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw u jaqsmu opinjonijiet dwar il-politiki nazzjonali, reġjonali u internazzjonali f’dan il-qasam kif xieraq.

3.    Filwaqt li jirrikonoxxu li s-sigurtà u l-istabbiltà tal-Internet b’rispett sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali hija sfida globali, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw f’livelli bilaterali u multilaterali permezz tad-djalogu u l-iskambju ta’ għarfien espert.

4.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-użu ta’ sistemi spazjali huwa dejjem aktar importanti sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika soċjoekonomika, ambjentali u internazzjonali tagħhom. Il-Partijiet għandhom ikomplu jkabbru l-kooperazzjoni tagħhom fl-iżvilupp u l-użu tal-assi spazjali biex jappoġġaw liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-organizzazzjonijiet governattivi.

5.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex ikomplu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-istatistika, b’attenzjoni partikolari fuq il-promozzjoni b’mod attiv tal-iskambju tal-aħjar prattiki u politiki.


ARTIKOLU 16

Promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali,
l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, u l-kuntatti interpersonali

1.    Il-Partijiet huma kburin bir-rabtiet kulturali, lingwistiċi u tradizzjonali, li ilhom jeżistu u li bnew pontijiet ta’ fehim bejniethom. Jeżistu rabtiet tranżatlantiċi fil-livelli kollha tal-gvern u s-soċjetà u l-impatt ta’ din ir-relazzjoni hija sinfikanti fis-soċjetajiet Kanadiżi u Ewropej. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jinkoraġġixxu dawn ir-rabtiet u biex isibu modi ġodda biex irawmu r-relazzjonijiet permezz ta’ kuntatti interpersonali. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jużaw skambji permezz ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u gruppi ta’ riflessjoni li jlaqqgħu flimkien liż-żgħażagħ u s-sħab ekonomiċi u soċjali oħrajn bl-għan li jespandu u jsaħħu dawn ir-relazzjonijiet u jarrikkixxu l-fluss tal-ideat għas-soluzzjoni ta’ sfidi komuni.

2.    Filwaqt li jirrikonoxxu r-relazzjonijiet estensivi akkademiċi u dawk marbutin mal-edukazzjoni, l-isport, il-kultura, it-turiżmu u l-mobbiltà taż-żgħażagħ, li żviluppaw bejniethom matul is-snin, il-Partijiet japprovaw u jinkoraġġixxu kollaborazzjoni kontinwa fl-espansjoni ta’ dawn ir-rabtiet, kif xieraq.

3.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex irawmu d-diversità tal-espressjonijiet kulturali, inkluż permezz tal-promozzjoni, kif xieraq, tal-prinċipji u l-objettivi tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali.

4.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-iskambji, il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kulturali tagħhom u l-professjonisti f’dan il-qasam kif xieraq.


ARTIKOLU 17

Reżiljenza għad-diżastri u ġestjoni tal-emerġenzi

Biex jitnaqqas l-impatt ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem u tiżdied ir-reżiljenza tas-soċjetà u tal-infrastruttura, il-Partijiet jaffermaw l-impenn komuni tagħhom biex jippromwovu l-prevenzjoni, it-tħejjija, ir-rispons u l-miżuri ta’ rkupru, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni kif xieraq fil-livell bilaterali u multilaterali.

TITOLU V

ĠUSTIZZJA, LIBERTÀ U SIGURTÀ

ARTIKOLU 18

Kooperazzjoni ġudizzjarja

1.    Rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, il-Partijiet għandhom jippruvaw itejbu l-kooperazzjoni eżistenti fl-għajnuna legali reċiproka u l-estradizzjoni bbażata fuq ftehimiet internazzjonali rilevanti. Fis-setgħat u l-kompetenzi tagħhom, il-Partijiet għandhom jippruvaw ukoll isaħħu l-mekkaniżmi eżistenti u fejn xieraq jikkunsidraw l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ġodda biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam. Dan jinkludi, fejn xieraq, l-adeżjoni mal-istrumenti internazzjonali rilevanti u l-implimentazzjoni tagħhom u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Eurojust.


2.    Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw, kif xieraq, kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, sa fejn jistgħu bil-kompetenzi rispettivi tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tan-negozjar, ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet multilaterali dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili, inklużi l-Konvenzjonijiet tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fil-qasam tal-kooperazzjoni legali u l-litigazzjoni internazzjonali kif ukoll il-protezzjoni tat-tfal.

ARTIKOLU 19

Kooperazzjoni kontra d-drogi illeċiti

1.    Sal-limiti tas-setgħat u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jiżguraw approċċ ibbilanċjat u integrat fil-kwistjonijiet marbuta mad-drogi. Il-Partijiet għandhom jiffokaw l-isforzi tagħhom biex:

   isaħħu l-istrutturi għall-ġlieda kontra d-drogi illeċiti;

   inaqqsu l-provvista, it-traffikar u d-domanda għal drogi illeċiti;

   jindirizzaw il-konsegwenzi soċjali u fuq is-saħħa mill-abbuż tad-drogi illeċiti; kif ukoll

   jimmassimizzaw l-effettività ta’ strutturi li għandhom l-għan li jnaqqsu d-devjazzjoni ta’ prekursuri kimiċi li jintużaw għall-produzzjoni illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.


2.    Il-Partijiet għandhom jikkollaboraw biex jinkisbu dawn l-objetttivi, inkluż, fejn ikun possibbli, billi jikkoordinaw il-programmi tagħhom ta’ għajnuna teknika u billi jħeġġu l-pajjiżi li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw u jimplimentaw il-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti dwar il-kontroll tad-drogi li għalihom l-Unjoni jew l-Istati Membri u l-Kanada huma parti. Il-Partijiet għandhom jibbażaw l-azzjonijiet tagħhom fuq prinċipji aċċettati b’mod komuni skont il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti dwar il-kontroll tad-drogi u jsegwu l-għanijiet globali tad-Dikjarazzjoni Politika u l-Pjan ta’ Azzjoni tan-NU tal-2009 dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali lejn Strateġija Integrata u Bbilanċjata fil-Ġlieda kontra l-Problema Dinjija tad-Drogi.

ARTIKOLU 20

Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi
u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni

1.    Il-Partijiet għandhom impenn komuni li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ekonomika u finanzjarja, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni, il-kuntrabandu u t-tranżazzjonijiet illegali, billi jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali reċiproki tagħhom f’dan il-qasam, inkluż fir-rigward tal-kooperazzjoni effettiva fl-irkupru ta’ assi jew fondi li ġejjin minn atti ta’ korruzzjoni.

2.    Il-Partijiet jaffermaw l-impenn tagħhom li jiżviluppaw il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, inkluż permezz tat-tkomplija tal-kooperazzjoni mal-Europol.


3.    Barra minn hekk, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkollaboraw, f’fora internazzjonali, biex jippromwovu, kif xieraq, l-adeżjoni mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali u l-implimentazzjoni tagħha u l-Protokolli supplimentari tagħha li t-tnejn li huma huma partijiet għalihom.

4.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom ukoll biex jippromwovu, kif xieraq, l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, inkluż permezz tal-operazzjoni ta’ mekkaniżmu b’saħħtu ta’ rieżami, filwaqt li jqisu l-prinċipji ta’ trasparenza u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

ARTIKOLU 21

Ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li jikkooperaw sabiex jiġi evitat l-użu tas-sistemi finanzjarji tagħhom biex isir ħasil tal-qligħ mill-attivitajiet kriminali kollha inkluż it-traffikar tad-drogi u l-korruzzjoni u li jiġġieldu kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Din il-kooperazzjoni testendi għall-konfiska ta’ assi jew fondi li jkunu ġejjin minn attività kriminali, fl-ambitu tal-oqfsa legali u l-liġijiet rispettivi tagħhom.

2.    Il-Partijiet għandhom jaqsmu informazzjoni rilevanti, kif xieraq fl-oqfsa legali u l-liġijiet rispettivi tagħhom, u jimplimentaw miżuri xierqa għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, skont ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja u l-istandards adottati minn korpi internazzjonali rilevanti oħra attivi f’dan il-qasam.


ARTIKOLU 22

Ċiberkriminalità

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li ċ-ċiberkriminalità hija problema globali li teħtieġ rispons globali. Għal dan l-għan, il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni biex tiġi evitata u miġġielda ċ-ċiberkriminalità permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u għarfien prattiku, f’konformità mal-oqfsa legali rispettivi tagħhom u mal-liġijiet. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jaħdmu flimkien, fejn xieraq, biex jipprovdu assistenza u appoġġ lil stati oħra fl-iżvilupp ta’ liġijiet, politiki u prattiki effettivi biex tiġi evitata u miġġielda ċ-ċiberkriminalità kull fejn isseħħ.

2.    Kif xieraq fl-oqfsa legali u l-liġijiet rispettivi tagħhom, il-Partijiet għandhom jaqsmu l-informazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-investigaturi taċ-ċiberkriminalità, it-twettiq tal-investigazzjonijiet taċ-ċiberkriminalità u l-forensika diġitali.

ARTIKOLU 23

Ġestjoni tal-migrazzjoni, l-ażil u l-fruntieri

1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jikkooperaw u jaqsmu l-opinjonijiet fil-qafas tal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom fl-oqsma tal-migrazzjoni (inkluż il-migrazzjoni legali, il-migrazzjoni irregolari, it-traffikar tal-bnedmin, il-migrazzjoni u l-iżvilupp), l-ażil, l-integrazzjoni, il-viżi u l-ġestjoni tal-fruntieri.


2.    Il-Partijiet għandhom l-objettiv komuni ta’ vvjaġġar mingħajr viża bejn l-Unjoni u l-Kanada għaċ-ċittadini kollha rispettivi tagħhom. Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien u jagħmlu kull sforz biex jiksbu, kemm jista’ jkun malajr, ivvjaġġar mingħajr viża bejn it-territorji tagħhom għaċ-ċittadini kollha b’passaport validu.

3.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-migrazzjoni irregolari. Għal dan il-għan:

(a)    Il-Kanada għandha ddaħħal mill-ġdid iċ-ċittadini tagħha preżenti illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru, fuq talba ta’ dan tal-aħħar u, sakemm ma jkunx previst mod ieħor bi ftehim speċifiku, mingħajr aktar formalitajiet;

(b)    Kull Stat Membru għandu jdaħħal mill-ġdid iċ-ċittadini tiegħu preżenti illegalment fit-territorju tal-Kanada, fuq talba ta’ din tal-aħħar u, sakemm ma jkunx previst mod ieħor bi ftehim speċifiku, mingħajr aktar formalitajiet;

(c)    L-Istati Membri u l-Kanada għandhom jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b’dokumenti tal-ivvjaġġar xierqa għal dan l-għan;

(d)    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex iwettqu negozjati ta’ ftehim speċifiku li jistabbilixxi obbligi dwar ir-riammissjoni, inkluża r-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi.


ARTIKOLU 24

Protezzjoni konsulari

1.    Il-Kanada għandha tippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex, jekk l-Istat Membru li tiegħu jkunu ċittadini ma jkollux rappreżentanza permanenti aċċessibbli fil-Kanada, huma jkollhom il-benefiċċji tal-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kull Stat Membru.

2.    L-Istati Membri għandhom jippermettu liċ-ċittadini Kanadiżi sabiex, jekk il-Kanada ma jkollhiex rappreżentanza permanenti aċċessibbli fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari, huma jkollhom, fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, il-benefiċċji tal-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kull Stat ieħor maħtur mill-Kanada.

3.    Il-paragrafi 1 u 2 huma maħsuba biex ineħħu kull rekwiżit għal notifika u kunsens li altrimenti jistgħu japplikaw biex iċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-Kanada jitħallew ikunu rappreżentati minn Stat li mhuwiex dak li tiegħu huma ċittadini.

4.    Il-Partijiet għandhom jirrieżaminaw fuq bażi annwali l-funzjonament amministrattiv tal-paragrafi 1 u 2.


ARTIKOLU 25

Protezzjoni tad-dejta personali

1.    Il-Partijiet jagħrfu l-ħtieġa li tiġi protetta d-dejta personali u għandhom jagħmlu ħilithom biex jaħdmu flimkien biex jippromwovu standards internazzjonali għoljin.

2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali inkluż id-dritt għall-privatezza fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali. Għal dan l-għan, il-Partijiet għandhom jiftiehmu li, fil-qafas tal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, isegwu l-impenji li ħadu marbutin ma’ dawn id-drittijiet, inkluż fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati oħra serji li huma ta’ natura tranżnazzjonali, inkluża l-kriminalità organizzata.

3.    Il-Partijiet għandhom ikomplu jikkooperaw fil-qafas tal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom f’livelli bilaterali u multilaterali permezz ta’ djalogu u skambju ta’ kompetenzi, kif xieraq, fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali.


TITOLU VI

DJALOGU POLITIKU U MEKKANIŻMI TA’ KONSULTAZZJONI

ARTIKOLU 26

Djalogu politiku

Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex isaħħu d-djalogu u l-konsultazzjoni tagħhom b’mod effettiv u pragmatiku biex jappoġġaw ir-relazzjoni tagħhom li qed tevolvi, biex imexxu ’l quddiem ir-relazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-interessi u l-valuri komuni tagħhom permezz tal-ħidma multilaterali tagħhom.

ARTIKOLU 27

Mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni

1.    Il-Partijiet għandhom iwettqu djalogu permezz ta’ kuntatti, skambji u konsultazzjonijiet kontinwi, li jinkludu dawn li ġejjin:

(a)    summits fil-livell tal-mexxejja fuq bażi annwali jew skont kif miftiehem b’mod reċiproku, li jsiru b’mod alternat fl-Unjoni u fil-Kanada;

(b)    laqgħat fil-livell tal-ministri tal-affarijiet barranin;


(c)    konsultazzjonijiet fil-livell ministerjali dwar kwistjonijiet ta’ politika li huma ta’ interess reċiproku;

(d)    konsultazzjonijiet ta’ uffiċjali għolja u fil-livell ta’ ħidma dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku jew laqgħat ta’ informazzjoni u kooperazzjoni dwar żviluppi kbar lokali jew internazzjonali;

(e)    promozzjoni ta’ skambji ta’ delegazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Kanada.

2.    Kumitat Ministerjali Konġunt

(a)    Kumitat Ministerjali Konġunt (KMK) huwa b’dan stabbilit.

(b)    Il-KMK:

(i)    jissostitwixxi d-Djalogu Tranżatlantiku;

(ii)    jiġi kkopresedut mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kanada u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà;

(iii)    jiltaqa’ fuq bażi annwali, jew kif miftiehem skont iċ-ċirkostanzi;

(iv)    jadotta l-aġenda, ir-regoli u l-proċeduri proprji tiegħu;

(v)    jieħu d-deċiżjonijiet bl-approvazzjoni taż-żewġ Partijiet;


(vi)    jirċievi rapport annwali mill-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni (KKK) dwar l-istat tar-relazzjoni u jagħmel rakkomandazzjonijiet relatati mal-ħidma tal-KKK inkluż fuq oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni futura u r-riżoluzzjoni ta’ kull tilwim li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

(vii)    huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet.

3.    Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni

(a)    Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni (KKK).

(b)    Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-KKK:

(i)    jirrakkomanda prijoritajiet rigward il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet;

(ii)    jissorvelja l-iżviluppi fir-relazzjoni strateġika bejn il-Partijiet;

(iii)    jaqsam l-opinjonijiet u jagħmel suġġerimenti dwar kwistjoniiet ta’ interess komuni;

(iv)    jagħmel rakkomandazzjonijiet għal effiċjenzi, effettività akbar u sinerġiji bejn il-Partijiet;

(v)    jiżgura li dan il-Ftehim jaħdem sewwa;


(vi)    jipprovdi rapport annwali lill-KMK dwar l-istat tar-relazzjoni li l-Partijiet għandhom jippubblikaw, kif innutat fil-paragrafu 2(b)(vi) ta’ dan l-Artikolu;

(vii)    jittratta b’mod xieraq kull kwistjoni li titressaq quddiemu mill-Partijiet skont dan il-Ftehim;

(viii)    jistabbilixxi sottokumitati biex jgħinuh fit-tewettiq tad-dmirijiet tiegħu. Madankollu dawn is-sottokumitati ma għandhomx jiddupplikaw korpi stabbiliti skont ftehimiet oħrajn bejn il-Partijiet;

(ix)    jikkunsidra sitwazzjonijiet fejn waħda miż-żewġ Partijiet tqis li l-interessi tagħha ġew jew setgħu ġew affettwati ħażin mill-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’oqsma ta’ kooperazzjoni li mhumiex irregolati minn ftehim speċifiku.

(c)    Il-Partijiet għandhom jiżguraw: li l-KKK jiltaqa’ darba fis-sena fl-Unjoni u l-Kanada b’mod alternat; li jsiru laqgħat speċjali tal-KKK wara talba minn xi waħda mill-Partijiet; li l-KKK jiġi kkopresedut minn uffiċjal għoli wieħed mill-Kanada u minn uffiċjali għoli wieħed mill-Unjoni; u li jaqbel dwar it-termini ta’ referenza tiegħu stess, inkluż il-parteċipazzjoni ta’ osservaturi.

(d)    Il-KKK għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet, b’attenzjoni dovuta biex tiġi promossa l-effiċjenza u l-ekonomija fl-istabbiliment tal-livelli ta’ parteċipazzjoni.

(e)    Il-Partijiet jaqblu li l-KKK jista’ jitlob kumitati u korpi simili stabbiliti skont ftehimiet bilaterali eżistenti bejn il-Partijiet biex jipprovdu aġġornamenti regolari lill-KKK dwar l-attivitajiet tagħhom bħala parti minn ħarsa ġenerali kontinwa u komprensiva lejn ir-relazzjoni bejn il-Partijiet.


ARTIKOLU 28

Twettiq tal-obbligi

1.    Fl-ispirtu ta’ rispett reċiproku u kooperazzjoni li huma inkorporati b’dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri ġenerali jew speċifiċi meħtieġa biex iwettqu l-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim.

2.    Fil-każ li jinqalgħu xi mistoqsijiet jew differenzi mill-implimentazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex jikkonsultaw u jikkooperaw sabiex isolvu l-kwistjonijiet b’mod tempestiv u ta’ ħbiberija. Wara talba ta’ waħda mill-Partijiet, il-mistoqsijiet jew id-differenzi għandhom jiġu riferuti lill-KKK għal aktar diskussjoni u studju. Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu wkoll b’mod konġunt li jirreferu dawn il-kwistjonijiet għal rapportar speċjali ta’ sottokumitati lill-KKK. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-KKK jew is-sottokumitat maħtur jiltaqa’ fi żmien raġonevoli biex ifittex soluzzjoni għal kull differenza fl-implimentazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim permezz ta’ komunikazzjoni bikrija, eżami bir-reqqa tal-fatti inkluż pariri ta’ esperti u evidenza xjentifika kif xieraq, u djalogu effettiv.

3.    Filwaqt li jaffermaw mill-ġdid l-impenn qawwi komuni tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem u n-nonproliferazzjoni, il-Partijiet iqisu li ksur partikolarment serju u sostanzjali tal-obbligi deskritti fl-Artikoli 2(1) u 3(2) jista’ jiġi indirizzat bħala każ ta’ urġenza speċjali. Il-Partijiet jikkunsidraw li, biex sitwazzjoni tikkostitwixxi “ksur partikolarment serju u sostanzjali” tal-Artikolu 2(1), il-gravità u n-natura tagħha jridu jkunu ta’ tip eċċezzjonali bħal kolp ta’ stat jew delitti gravi li jheddu l-paċi, is-sigurtà u l-benesseri tal-komunità internazzjonali.


4.    F’każijiet fejn sitwazzjoni li sseħħ f’pajjiż terz tista’ tiġi kkunsidrata bħala ekwivalenti fil-gravità u n-natura għal każ ta’ urġenza speċjali, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex iwettqu konsultazzjonijiet urġenti, wara talba ta’ waħda mill-Partijiet, sabiex jaqsmu l-fehmiet dwar is-sitwazzjoni u jikkunsidraw ir-reazzjonijiet possibbli.

5.    Fil-każ mhux mistenni u mhux probabbli li tinqala’ urġenza speċjali fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet, kull Parti tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-KMK. Il-KMK jista’ jitlob lill-KKK biex jorganizza konsultazzjonijiet urġenti fi żmien 15-il jum. Il-Partijiet għandhom jipprovdu l-informazzjoni u l-evidenza rilevanti meħtieġa għal eżami bir-reqqa u riżoluzzjoni tempestiva u effettiva tas-sitwazzjoni. Jekk il-KKK ma jkunx jista’ jirranġa s-sitwazzjoni, jista’ jressaq il-każ lill-KMK għal kunsiderazzjoni urġenti.

6.    (a)    F’każ ta’ urġenza speċjali fejn il-KMK ma jkunx jista’ jirranġa s-sitwazzjoni, kull Parti tista’ tiddeċiedi li tissospendi d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Fl-Unjoni, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tkun teħtieġ unanimità. Fil-Kanada, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tittieħed mill-Gvern tal-Kanada skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha. Il-Parti għandha tinnotifika minnufih lill-Parti l-oħra, bil-miktub, bid-deċiżjoni u għandha tapplika d-deċiżjoni għall-perjodu minimu ta’ żmien meħtieġ biex tiġi riżolta l-kwistjoni b’mod aċċettabbli għall-Partijiet;

(b)    Il-partijiet għandhom iżommu taħt eżami kostanti l-iżvilupp tas-sitwazzjoni li tkun wasslet għal dik id-deċiżjoni u li tista’ sservi bħala bażi għal miżuri oħra xierqa meħuda barra mill-qafas ta’ dan il-Ftehim. Il-Parti li tinvoka s-sospensjoni jew miżuri oħra għandha tirtirahom hekk kif dan ikun ġustifikat.


7.    Barra minn hekk, il-Partijiet jirrikonoxxu li ksur partikolarment serju u sostanzjali tad-drittijiet tal-bniedem jew tan-nonproliferazzjoni, kif definit fil-paragrafu 3 jista’ jservi wkoll bħala raġuni għat-terminazzjoni tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv tal-UE u l-Kanada (CETA) skont l-Artikolu 30.9 ta’ dak il-Ftehim.

8.    Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa jew jippreġudika l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ ftehimiet oħra bejn il-Partijiet. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet għas-soluzzjoni tat-tilwim ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx jissostitwixxu jew jaffettwaw b’xi mod id-dispożizzjonijiet għas-soluzzjoni tat-tilwim ta’ ftehimiet oħra bejn il-Partijiet.

TITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

ARTIKOLU 29

Sigurtà u divulgazzjoni tal-informazzjoni

1.    Dan il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jippreġudika l-liġijiet u r-regolamenti tal-Unjoni, tal-Istati Membri jew dawk Kanadiżi dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali.

2.    Dan il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil xi Parti sabiex tipprovdi xi informazzjoni jekk dik il-Parti tqis li l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni jkun imur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha.


ARTIKOLU 30

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.    Il-Partijiet għandhom jgħarrfu lil xulxin meta jkunu lestew il-proċeduri interni meħtieġa biex dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ. Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data tal-aħħar notifika.

2.    Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni u l-Kanada għandhom japplikaw partijiet minn dan il-Ftehim fuq bażi proviżorja, kif stipulat f’dan il-paragrafu, sakemm jidħol fis-seħħ u skont il-proċeduri interni u l-leġiżlazzjoni rispettivi tagħhom, kif applikabbli.

L-applikazzjoni proviżorja tibda fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Unjoni u l-Kanada jkunu nnotifikaw lil xulxin b’dan li ġej:

(a)    Għall-Unjoni, it-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan l-iskop, li jindikaw il-partijiet tal-Ftehim li għandhom ikunu applikati b’mod proviżorju; u

(b)    Għall-Kanada, it-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan l-iskop, li jikkonfermaw il-qbil tagħha mal-partijiet tal-Ftehim li għandhom ikunu applikati b’mod proviżorju.

3.    Kull Parti tista’ tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub dwar l-intenzjoni tagħha li tiddenunzja dan il-Ftehim. Id-denunzja tidħol fis-seħħ sitt xhur wara n-notifika.


ARTIKOLU 31

Emendi

Il-Partijiet jistgħu jemendaw dan il-Ftehim bi ftehim bil-miktub. L-emenda tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data tal-aħħar notifika li biha l-Partijiet jgħarrfu lil xulxin li l-proċeduri interni meħtieġa kollha għad-dħul fis-seħħ tal-emenda jkunu tlestew.

ARTIKOLU 32

Notifiki

Il-Partijiet għandhom jissottomettu n-notifiki kollha li saru skont l-Artikoli 30 u 31 lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u d-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin, il-Kummerċ u l-Iżvilupp tal-Kanada jew lis-suċċessuri rispettivi tagħhom.



ARTIKOLU 33

Applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim japplika, fuq naħa waħda, għat-territorji li fihom japplikaw it-Trattati li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea u bil-kundizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati, u fuq in-naħa l-oħra, għall-Kanada.

ARTIKOLU 34

Definizzjoni tal-Partijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-terminu "il-Partijiet" ifisser l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha, jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Kanada, fuq in-naħa l-oħra.

Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bin-Netherlandiż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż, u kull test huwa ugwalment awtentiku.

B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan il-fini, iffirmaw dan il-Ftehim.