15.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 306/37


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Is-saħħa fil-bliet: ġid komuni”

(2017/C 306/08)

Relatur:

Roberto Pella (IT/PPE), Sindku ta’ Valdengo

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

Kummenti ġenerali

1.

jirrikonoxxi li l-kunċett tas-saħħa huwa essenzjali għall-benessri ta’ soċjetà, u dan il-kunċett jirriferi mhux biss għas-sopravivenza fiżika jew l-assenza tal-mard, iżda jinkludi aspetti psikoloġiċi, kundizzjonijiet naturali u ambjentali, il-klima u l-akkomodazzjoni, il-ħajjja tax-xogħol u l-ħajja ekonomika, soċjali u kulturali — kif definit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO);

2.

jenfasizza li l-bliet jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni tas-saħħa minħabba l-fenomenu tal-urbanizzazzjoni b’konċentrazzjoni ta’ 70 % tal-popolazzjoni globali fit-territorju tagħhom;

3.

itenni li l-miżuri, l-arranġamenti ta’ ffinanzjar u l-prijoritajiet tal-UE huma ta’ spiss orjentati lejn bliet kbar; u li għandha tingħata attenzjoni akbar għall-impatt kumulattiv importanti ta’ bliet żgħar u ta’ daqs medju b’popolazzjoni ta’ bejn 5 000 u 100 000 fejn tgħix aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-UE (1) u l-kapaċità konsiderevoli tagħhom biex ifasslu u jimplimentaw ir-regoli għat-titjib tas-saħħa pubblika fl-UE;

4.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-terminu “Belt f’Saħħitha” (ara d-WHO) jiddeskrivi l-idea ta’ belt li hija konxja tal-importanza tas-saħħa bħala ġid pubbliku, li tkun kapaċi trawwem u timplimenta politiki ċari li jipproteġu u jtejbu s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali li diġà jeżistu, kif ukoll il-prevenzjoni sabiex jittejbu r-reżiljenza u l-aspettattiva tal-ħajja sana u jitnaqqsu r-riskji ta’ okkorrenza ta’ diżabbiltà, filwaqt li jiġu promossi l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli;

5.

jinnota li għalkemm ħafna mit-12-il sħubija mnedija mill-Patt ta’ Amsterdam tal-2016 għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana għall-UE huma relatati ma’ kwistjonijiet ta’ saħħa, l-ebda sħubija speċifika ma ġiet iddedikata għas-saħħa. Barra minn hekk, jiddispjaċih li l-Aġenda Urbana għall-UE ma tipprevedix kooperazzjoni trasversali bejn livelli amministrattivi diversi għal valutazzjoni tal-impatt bikrija dwar is-saħħa. Jappella għaldaqstant li fil-kontenut tal-Aġenda Urbana għall-UE tiġi inkluża definizzjoni tas-saħħa, tal-valutazzjoni tas-saħħa u l-promozzjoni tas-saħħa, sabiex jiġi enfasizzat l-impatt tal-aġenda fuq is-saħħa;

6.

jinnota li s-saħħa pubblika hija responsabilità nazzjonali u li r-rwol tal-UE huwa primarjament li tikkomplementa l-politiki tal-Istati Membri biex tgħin lill-gvern jikseb għanijiet kondiviżi u jiġġeneraw ekonomiji ta’ skala;

7.

jenfasizza l-ħtieġa biex jiġu studjati u analizzati l-fatturi determinanti tas-saħħa, b’mod partikolari b’rabta mas-saħħa fil-bliet, u li jiġu evalwati l-opportunitajiet u l-problemi riżultanti miż-żieda fl-istennija tal-għomor;

8.

jidentifika l-bżonn għal reviżjoni tal-mekkaniżmi tal-protezzjoni soċjali abbażi tad-data dwar il-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi diversi tal-gruppi differenti tal-popolazzjoni, fejn qed jiżdiedu l-gruppi ta’ etajiet akbar b’konformità maż-żieda fl-istennija tal-għomor, kif ukoll żieda fl-inugwaljanzi bejn il-gruppi soċjali u b’mod parallel għall-fenomenu migratorju li huwa sfida ulterjuri għas-servizzi soċjali u tas-saħħa;

9.

jidentifika l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala l-entitajiet li jiggarantixxu netwerk ta’ ekwità u ta’ governanza kollaborattiva f’diversi livelli, fejn istituzzjonijiet, negozji, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċittadini jistgħu jikkontribwixxu għad-disinn ta’ ppjanar urban fl-ispirtu tal-kondiviżjoni, l-ekwità u l-armonija;

10.

jieħu l-opportunità biex jissuġġerixxi u jadotta għodod għall-kunċett ta’ “Is-Saħħa fil-Bliet” bħala ġid komuni f’dawn l-oqsma ta’ politika prijoritarji:

disinn urban

mobbiltà u trasport

ambjent u dieta tajba għas-saħħa

sport, attività fiżika u edukazzjoni

governanza

Disinn urban

11.

iħeġġeġ li jiġu inklużi s-saħħa u d-definizzjoni tagħha fil-kontenut tal-Aġenda Urbana għall-UE, u b’hekk tingħata spinta lil kultura ġdida ta’ disinn bi sħab, li tista’ tikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-ippjanar spazjali jippromovi s-saħħa u jipprovdi ambjent li jappoġġja s-saħħa;

12.

jistieden lill-awtoritajiet lokali jużaw l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani (UIA) — inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea b’baġit totali tal-FEŻR ta’ EUR 372 miljun għall-2020-2014 (ma ssemmix b’mod speċifiku “is-saħħa” bħala qasam ta’ prijorità, fil-fatt) biex iż-żoni urbani jingħataw riżorsi biex jittestjaw soluzzjonijiet ġodda u mingħajr provi, sabiex jindirizzaw sfidi urbani u janalizzaw azzjonijiet innovattivi li jistgħu jindirizzaw ukoll xi sfidi tas-saħħa tagħhom;

13.

jappella li jiġu implimentati politiki għall-integrazzjoni tal-kura tas-saħħa u soċjali u t-titjib tal-kondizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta’ kwartieri mċaħħda jew żvantaġġati;

14.

jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-ħarsien tal-benessri ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari n-nisa u t-tfal, u gruppi vulnerabbli għal kundizzjonijiet tas-saħħa bħall-problemi ta’ mard mentali, mard u d-diżabbiltà, huwa prijorità għall-koeżjoni soċjali f’żoni urbani u l-ġlieda kontra d-distakk soċjoekonomiku u l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu. Fil-fatt, huma l-indikaturi tas-saħħa u soċjali (jiġifieri l-mortalità ġenerali, id-diżabbiltà, is-saħħa individwali) li juru li dawn l-inugwaljanzi jistgħu jitkejlu fuq skala gradwali (il-koeffiċjent Gini), jiġifieri kull pożizzjoni fl-iskala soċjali tikkorrispondi ma’ livell ta’ saħħa inqas minn pożizzjoni iktar il fuq, u ogħla minn pożizzjoni iżjed ‘l isfel. Dan jissuġġerixxi li jekk aħna rridu li l-politiki kontra din is-sitwazzjoni jaġixxu b’mod li jiksbu riżultati tas-saħħa konsistenti, mhuwiex biżżejjed li nikkuntentaw ruħna b’approċċi selettivi li jikkonċentraw biss fuq dawk fl-ikbar riskju, iżda rridu naġixxu biex innaqqsu d-differenzi tul l-iskala kollha;

15.

iqis essenzjali l-iżvilupp ta’ politiki maħsuba biex jiżguraw it-tixjiħ attiv u f’saħħtu fir-rigward tal-benesseri kemm fiżiku kif ukoll mentali, il-ħajja soċjali u relazzjonijiet, u tiġi promossa l-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ rikreazzjoni fil-belt u programmi interġenerazzjonali, anke biex jiġu miġġielda s-solitudni u l-iżolament;

16.

jenfasizza li huwa neċessarju t-tisħiħ tal-politiki tal-promozzjoni tas-saħħa, ta’ prevenzjoni u tal-inklużjoni soċjosanitarja tal-migranti bħala prijorità għall-inklużjoni soċjali, inkluż l-użu ta’ medjaturi kulturali preżenti fil-belt (eż. RE-HEALTH (2)) u l-attenzjoni ddedikata għall-vittmi ta’ esperjenzi trawmatiċi, speċjalment it-tfal;

17.

jissuġġerixxi li ssir evalwazzjoni tal-benefiċċji u l-ispejjeż potenzjali tat-twaqqif, fiċ-ċentri urbani ewlenin, ta’ ċentri ta’ monitoraġġ tal-fatturi determinanti tas-saħħa, (skont definizzjonijiet u metodoloġiji Ewropej armonizzati) jew ċentri ta’ informazzjoni (HiAP focal points) li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jkollhom aċċess għall-aħjar prattika, studji tal-każijiet, rapporti, possibbiltajiet ta’ finanzjament, u iktar dwar il-qasam;

18.

jissuġġerixxi li l-bliet li għad m’għandhomx dan is-servizz iwettqu evalwazzjoni tal-benefiċċji u l-ispejjeż potenzjali tal-istabbiliment tal-inkarigu ta’ maniġer tas-saħħa fil-bliet, li jkun jinterpreta l-bżonnijiet espressi mill-belt u jiggwida l-proċess ta’ titjib f’sinerġija mal-awtoritajiet lokali, billi jiġu kkoordinati l-politiki u jiżgura l-implimentazzjoni tagħhom.

19.

jemmen li sistema korretta ta’ ġestjoni territorjali, bl-għan li tittejjeb is-saħħa taċ-ċittadini, għandha tinkludi mhux biss l-identifikazzjoni ta’ spazji miftuħa u żoni ħodor iżda wkoll tagħti valutazzjoni ġenerali tal-ekosistema tal-bliet u r-reġjuni;

Mobbiltà u trasport

20.

jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta’ politiki lokali ta’ ppjanar tat-trasport pubbliku tal-belt, it-trasport attiv u l-mobbilità urbana bbażati fuq is-sostenibbiltà u s-saħħa taċ-ċittadini. F’dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni dwar il-programm ta’ ħidma 2016-17 rivedut għall-programm Orizzont 2020 għal “Trasport intelliġenti, ekoloġiku u integrat (b’baġit ta’ ‘l fuq minn EUR 6,3 biljuni għall-perjodu 2014-2020) u, b’mod partikolari, l-intestatura tiegħu dwar “Mobilità Urbana”, u jirrakkomanda lil dawk li jfasslu l-politika biex jesploraw il-possibbiltajiet offruti mill-programm biex jinvestu fil-proġetti ta’ mobilità lokali tagħhom;

21.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-Pjan ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli u jħeġġeġ it-tfassil ta’ politiki tat-trasport u tal-ippjanar/l-użu tal-art skont il-ġerarkija ta’ mobbiltà sostenibbli li tagħti prijorità lil inċentivi u miżuri sabiex it-trasport attiv bil-mixi jew bir-rota jkun aktar sikur u iżjed attraenti, jew sabiex jiġi promoss it-trasport pubbliku multimodali; jitlob li jiġi inkluż fil-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Pjattaforma Ewropea dwar Pjani ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli;

22.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jappoġġjaw politiki Ewropej li jrawwmu l-użu ta’ modi tat-trasport elettriċi u elettrifikati, kemm pubbliċi kif ukoll privati, biex jiġi skoraġġut l-użu ta’ fjuwils fossili u jkun hemm inċentiv favur fjuwils nodfa;

23.

jinnota li l-bliet jistgħu jinkisbu biss jekk il-bliet ikunu sostenibbli. Jisħaq li l-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet ambjentali globali jiddependu mill-istat tal-ambjent urban, u għaldaqstant, approċċ olistiku u sostenibbli ser ikun prerekwiżit għall-iżvilupp urban futur (3);

24.

iħeġġeġ politiki ta’ trasport ġodda komprensivi sabiex jiġi żgurat li kull belt tirrispetta l-ogħla standards ta’ aċċessibbiltà u faċilità tal-postijiet u fl-użu tas-servizzi urbani għall-persuni b’diżabilità;

25.

jappella biex tingħata kunsiderazzjoni għal attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni maċ-ċittadini lejn għażliet ta’ mobbiltà urbana aktar effiċjenti minn perspettiva ekonomika, ambjentali u tas-saħħa;

26.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi l-użu ta’ metodi sostenibbli fir-reviżjoni tal-kriterji għall-akkwist pubbliku ekoloġiku fl-UE fis-settur tat-trasport jew li tippromovi l-iżvilupp ta’ strumenti għall-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam tat-trasport, u biex dawn jinxterdu madwar l-Istati Membri;

27.

jilqa’ b’sodisfazzjon kbir prattiki tajba bħalma huma l-ĠIMGĦA EWROPEA TAL-MOBILITÀ — kampanja stabbilita sew, li ġiet imnedija fl-2002, u li fl-2016 laħqet l-ogħla rata ta’ parteċipazzjoni b’2 427 belt li jorganizzaw attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mis-16 sat-22 ta’ Settembru kull sena, u l-proġett PASTA (4) (Attività Fiżika Permezz t’Approċċi ta’ Trasport Sostenibbli) ffinanzjat mill-UE li hu programm attiv li jirrikonoxxi b’mod espliċitu r-rabta bejn is-saħħa u l-mobilità fil-bliet u s-sħubijiet pubbliċi-privati għall-iżvilupp ta’ servizz għaċ-ċittadin li jivvjaġġa kuljum mid-dar għax-xogħol.

28.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom is-setgħat legali biex jidentifikaw żoni ta’ konservazzjoni, joffru appoġġ għan-netwerks ta’ Natura 2000 u jintegraw it-tħassib dwar il-bijodiveristà fl-ippjanar urban u spazjali, u jiġbed l-attenzjoni dwar l-ammont dejjem jikber ta’ riċerka xjentifika li tindika li n-natura tista’ tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-saħħa u dawk soċjali, billi timmitiga l-effetti tat-tibdil fil-klima, tippromovi l-attività fiżika u l-integrazzjoni soċjali u tnaqqas l-istress;

Ambjent, akkomodazzjoni u dieta tajba għas-saħħa

29.

jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, maħruġa fis-7 ta’ Diċembru 2016, li tiżviluppa pjan ta’ azzjoni biex jiġu implimentati aħjar d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u jilqa’ li fatt li qed tirrikonoxxi l-importanza tal-ġestjoni integrata u l-ippjanar tal-bliet sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-konservazzjoni tal-bijodiversità fl-UE (5);

30.

itenni t-talba, u l-impenn, tiegħu, li jżid il-baġit tal-programm LIFE għan-Natura u l-Bijodiversità wara l-2020 maħsub biex jiżviluppa infrastruttura u soluzzjonijiet “ekoloġiċi” fil-bliet, rikonoxxuti bħala aspetti fundamentali fid-dawl tat-tibdil fil-klima, l-għanijiet tal-klima u tal-enerġija tal-aġenda tal-UE għall-2020-2030, il-Ftehim ta’ Pariġi, l-Aġendi tan-NU u tal-FAO u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli — f’din il-perspettiva, isejjaħ għal appoġġ aktar b’saħħtu għall-inizjattivi fuq livell lokali u reġjonali dwar l-adattament għall-klima fl-ambjent urban Ewropew (6) fid-dawl tat-Tmien Programm għall-Ambjent 2020-2027;

31.

iħeġġeġ li ssir azzjoni fuq il-fatturi ambjentali u dawk relatati mal-klima sabiex tiġi promossa s-saħħa fil-bliet. Proġetti fis-seħħ urew l-impatt tal-urbanizzazzjoni fuq il-prevalenza ta’ mard, bħalma huwa dak il-mard kardjovaskulari u respiratorju, iżda wkoll l-obeżità u d-dijabete tat-tip 2. Għaldaqstant jitlob għal analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji jekk ma jiġux indirizzati l-kwistjonijiet tat-tniġġis tal-arja, tal-istorbju li jaffettwaw u jiddeterminaw l-istat tas-saħħa fil-bliet sabiex jiżdied l-għarfien u tintgħażel il-politika pubblika l-aktar ekonomikament vijabbli (7);

32.

jinkoraġġixxi inizjattivi li jippromovu l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-setturi tas-saħħa u n-natura, u li għandhom l-għan li jtejbu s-saħħa u l-benessri taċ-ċittadini billi jqarrbu liċ-ċittadini għan-natura u jħalluhom igawdu aċċess regolari għal żoni naturali fil-viċinanzi, jippromovu attività fiżika regolari u jagħmlu użu minn żoni naturali għal interventi terapewtiċi flimkien ma’ trattamenti tas-saħħa oħrajn;

33.

jilqa’ bi pjaċir prattiki tajbin bħalma huma l-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa, u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li għadu kif inħoloq u li se joffri opportunitajiet għal żgħażagħ Ewropej biex jikkontribwixxu b’mod dirett fil-ġestjoni tas-siti ta’ Natura 2000 permezz ta’ attivitajiet ta’ volontarjat filwaqt li jitqarrbu għan-natura, tiżdied is-sensibilizzazzjoni ambjentali u jitgawdew il-benefiċċji tan-natura u l-bijodiversità għas-saħħa;

34.

iħeġġeġ li jitqiesu l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni u l-kwistjonijiet ta’ saħħa relatati mal-akkomodazzjoni, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fil-bini u l-manutenzjoni ta’ binjiet pubbliċi bħal skejjel u faċilitajiet għall-kura tat-tfal, inkluż f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-arja fuq ġewwa;

35.

jitlob li tingħata l-ikbar attenzjoni lill-importanza tal-adozzjoni ta’ ikel tajjeb għas-saħħa, permezz ta’ linji gwida preċiżi li jqisu l-kuntesti differenti u l-objettivi differenti tal-popolazzjoni (menus fl-iskejjel, menus fil-kantins tal-intrapriżi, ristoranti soċjali adegwati). F’dan il-kuntest, jilqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tar-rapport tekniku dwar l-Akkwist Pubbliku ta’ Ikel Tajjeb għas-Saħħa fl-Iskejjel, u jirrakkomanda lill-awtorijiet lokali u reġjonali kollha li jixtru ikel u servizzi relatati mal-ikel ġewwa jew għall-iskejjel biex jużaw dan id-dokument ta’ appoġġ biex jintegraw aħjar is-saħħa u n-nutrizzjoni fl-ispeċifikazzjonijiet tal-akkwist ta’ ikel;

36.

jirrakkomanda l-promozzjoni ta’ politiki intiżi sabiex jirrikompensaw ir-responsabbiltà ambjentali fis-settur produttiv, immirati kemm lejn il-produtturi kif ukoll lejn il-prodotti, inkluż anke s-settur tal-iskart;

37.

jirrakkomanda li jiġi adottat fokus partikolari f’dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tad-disturbi fid-drawwiet alimentari u tal-użu perikoluż tal-alkoħol, it-tabakk u dipendenzi oħra, billi jiġu proposti strateġiji speċifiċi fil-livell lokali u reġjonali, mhux biss permezz tal-promozzjoni ta’ riċerka innovattiva ta’ kwalità għolja, il-kondiviżjoni tal-evidenza, u l-valutazzjoni tal-miżuri regolatorji, iżda anek billi jiġu adottati politiki ta’ kontroll u prevenzjoni fiż-żoni u spazji pubbliċi;

Sport, attività fiżika u edukazzjoni

38.

itenni li l-attività fiżika hija waħda mill-mezzi l-aktar effettivi għall-prevenzjoni ta’ mard li ma jitteħidx u għall-ġlieda kontra l-obeżità, u biex jinżamm stil ta’ ħajja b’saħħitha; fid-dawl tal-evidenza dejjem tikber dwar il-korrelazzjoni pożittiva bejn l-eżerċizzju u s-saħħa mentali u l-proċessi konjittivi f’dan ir-rigward, jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġbru u jaqsmu eżempji ta’ prattiki tajbin sabiex ikunu ta’ ispirazzjoni, gwida u tagħlim;

39.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ ir-rwol tal-muniċipalitajiet u r-reġjuni fit-tfassil ta’ politiki aħjar dwar l-HEPA li jistimolaw il-kultura tal-attività fiżika f’kull settur tal-ħajja taċ-ċittadini, mill-iskejjel għall-ambjenti tax-xogħol għall-ħin liberu u għat-trasport, u li jistgħu jirrispondu għal sejħiet reċenti mill-Kunsill u mill-Parlament biex jiġu adottati inizjattivi għall-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja f’saħħithom;

40.

itenni l-ħtieġa li jiġu promossi t-taħriġ u l-bini tal-kapaċità dwar is-saħħa fil-postijiet użati għall-edukazzjoni, peress li huwa muri li edukazzjoni tas-saħħa mwettqa fl-iskejjel hija effettiva fit-tnaqqis tal-prevalenza tal-imġieba ta’ riskju għas-saħħa taż-żgħażagħ;

41.

japprova l-kontenut tal-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-HEPA fis-setturi kollha, adottat mill-Kummissjoni Ewropea u ppubblikat f’Diċembru 2016 (8) u jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi bħala objettiv it-tnaqqis tal-ispiża tan-nuqqas ta’ attività fiżika, li jammonta għal aktar minn EUR 80 biljun fis-sena fit-28 pajjiż tal-UE (9), billi ssir ħidma aktar sfiqa favur il-promozzjoni tal-attività fiżika u l-iskoraġġiment ta’ stil ta’ ħajja sedentarja u billi jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ indikaturi għall-monitoraġġ fil-livell lokali, reġjonali u tal-UE;

42.

jilqa’ b’sodisfazzjon kbir u jħeġġeġ il-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba fil-livell lokali bħal: il-ħolqien tal-kundizzjonijiet għaż-żieda fil-passaġġi għar-roti u n-nies mexjin għal attivitajiet ta’ ġiri u mixi, barra mill-għan ta’ mobbiltà urbana li tiżgura sigurtà adatta; it-trasformazzjoni ta’ spazji pubbliċi ħodor mgħammra bħala “ġinnasji fl-apert”; it-tisħiħ tal-kwantità u l-kwalità tas-sigħat ta’ skola ddedikati għall-isport “għal kulħadd”; l-isfruttar tal-infrastruttura sportiva fl-iskejjel favur gruppi oħrajn ta’ ċittadini fis-sigħat li ma jkunx hemm skola; u jappoġġja inizjattivi bħall-identifikazzjoni annwali tal-belt kapitali Ewropea u tal-bliet Ewropej tal-isport — avveniment ikkoordinat ma’ ACES Europe; il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport li fl-2017 se tissejjaħ “L-Isport u s-Saħħa”; il-programm Erasmus+ Sport jew il-promozzjoni aħjar tal-HEPA (attività fiżika favur is-saħħa);

43.

jagħraf l-effetti severi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq il-kapaċità tas-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika sabiex jingħataw servizzi adegwati, anki fid-dawl taż-żieda fid-domanda minħabba, fost l-oħrajn, popolazzjoni li qed tixjieħ; ifakkar li l-ICTs jistgħu jkunu għodda b’saħħitha sabiex tinżamm kura tas-saħħa kosteffiċjenti u ta’ kwalità għolja, peress li jagħtu s-setgħa lill-persuni ta’ kull età biex jiġġestixxu aħjar is-saħħa u l-kwalità ta’ ħajja tagħhom, kemm f’żoni urbani kif ukoll rurali;

Governanza

44.

jipproponi li flimkien mal-Kummissjoni Ewropea jistudja l-mezzi konkreti sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu mistiedna jipparteċipaw fin-netwerks bħal Smart City jew il-Patt tas-Sindki jew ta’ prevenzjoni u promozzjoni tas-saħħa promossi mid-WHO (WHO Healthy Cities Network, WHO Healthy Ageing Task Force, WHO Age-Friendly Cities Project, WHO Regions for Health Network, Schools for Health in Europe Network, eċċ.), f’ambiti fundamentali għall-inizjattiva ewlenija Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi (10), bħall-bijodiversità u l-użu tal-art, il-ġestjoni tal-iskart u l-ilma jew it-tniġġis tal-arja;

45.

jistieden biex jiġu appoġġjati iżjed inizjattivi lokali, sabiex tiġi promossa l-informazzjoni u l-adeżjoni taċ-ċittadini fil-programmi ta’ prevenzjoni primarja, b’referenza partikolari għal mard marbut mal-istil ta’ ħajja u mard kroniku, mard li jittieħed u li ma jitteħidx, li jirrappreżenta llum ir-riskju ewlieni għas-saħħa u l-iżvilupp tal-bniedem; jappella għal appoġġ għal programmi sekondarji ta’ prevenzjoni, ittestjati xjentifikament, permezz ta’ parteċipazzjoni istituzzjonali u l-edukazzjoni taċ-ċittadini;

46.

jitlob għat-twaqqif ta’ alleanza b’saħħitha bejn il-muniċipalitajiet, l-universitajiet, l-intrapriżi fil-qasam tal-kura tas-saħħa, iċ-ċentri ta’ riċerka, in-negozji, il-professjonisti, l-assoċjazzjonijiet tal-volontarjat biex jistudjaw u jissorveljaw, fil-livell urban, il-fatturi determinanti tas-saħħa taċ-ċittadini, sabiex tingħata spinta lil governanza f’diversi livelli aktar effettiva u li tirreaġixxi għat-titjib tal-politika dwar is-saħħa;

47.

jenfasizza li hija r-responsabbiltà tal-livelli kollha ta’ gvern u taċ-ċittadini nfushom li jagħtu kontribut importanti sabiex jitnaqqas l-impatt ta’ mard li jittieħed, li jippromovu u jinċentivaw il-pjani ta’ tilqim, il-profilassi u stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa, u jistudjaw l-aħjar kuntesti urbani (faċilitajiet tal-kura, postijiet tax-xogħol, postijiet rikreattivi, faċilitajiet sportivi u postijiet virtwali bħal siti web tal-awtoritajiet stess) biex jinfurmaw u jimmotivaw lin-nies;

48.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s’issa ftit li xejn sar biex jiġu eżaminati l-effetti fuq is-saħħa tal-ekonomija ċirkolari. F’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni u l-ħidma kontinwa dwar il-Pakkett għall-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll proġetti nazzjonali li jippromovu l-ekonomija ċirkolari, l-effetti fuq is-saħħa tagħha għandhom jiġu vvalutati f’aktar dettall u d-djalogu jiġi intensifikat bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-iskart, il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa (eż. dwar l-użu ta’ skart f’xogħlijiet tal-art jew għall-użu mill-ġdid tal-ilma);

49.

jirrakkomanda li l-promozzjoni tal-benesseri u s-saħħa tiżdied mal-istrateġiji lokali u reġjonali, sabiex din titqies b’mod aħjar fit-teħid tad-deċiżjonijiet f’setturi differenti. L-implimentazzjoni tista’ tiġi ssorveljata b’rapporti onlajn dwar il-benessri li jkun fihom l-indikaturi stabbiliti fil-livell nazzjonali;

Brussell, il-11 ta’ Mejju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  CDR 7987/2013.

(2)  Immexxi b’kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni: http://re-health.eea.iom.int/.

(3)  COR/07987/2013

(4)  http://pastaproject.eu/home/.

(5)  http://europa.eu/rapid/press-release_MEX-16-4308_en.htm: Il-Pjan ta’ Azzjoni se jinkludi sensiela ta’ miżuri konkreti bħaż-żamma ta’ laqgħat regolari mas-sindku u awtoritajiet lokali oħrajn sabiex jiġu evalwati l-isfidi ta’ implimentazzjoni u l-Istati Membri jingħataw l-għajnuna biex jieħdu l-azzjoni korrettiva meħtieġa. Barra minn hekk, il-Pjan se jfassal, fi sħubija mal-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti, linji gwida ta’ implimentazzjoni adatti għal atturi reġjonali, u b’hekk jitnaqqsu l-piżijiet bla bżonn u l-litigazzjoni, u jiġi inċentivizzat l-investiment nazzjonali u reġjonali fil-bijodiversità. Il-Kumitat tar-Reġjuni ser ikun involut mill-qrib fis-segwitu tad-dibattu ta’ orjentazzjoni tal-lum.

(6)  Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm LIFE (ara COR-2016-04126).

(7)  Lejn strateġija ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima — approċċ integrat (ara COR-2016-02430).

(8)  eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1483950644221&uri=CELEX:52016DC0768.

(9)  ISCA/CEBR Study (2015) in Narrative review: the state of physical activity in Europe, p. 37 PASS Project fr.calameo.com/read/000761585fb41d432c387.

(10)  CdR140/2011.