30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/25


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ir-riġenerazzjoni tal-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet

(2017/C 207/06)

Relatur:

Stanisław Szwabski (PL/AE) Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Gdynia

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

Jenfasizza li l-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet huma parti sostanzjali tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea (UE), li fi żminijiet fejn il-globalizzazzjoni qiegħda dejjem tiżdied, għandha impatt qawwi fuq il-possibbiltajiet ta’ rkupru, effettività aħjar, l-istimolu tal-innovazzjoni u l-iżgurar tal-kompetittività fit-tul.

2.

Jirrimarka li t-tibdiliet teknoloġiċi fis-setturi tan-navigazzjoni marittima u fuq passaggi tal-ilma interni, se twassal għal konċentrazzjoni ġeografika ta’ operazzjonijiet tal-port, u jfisser impatt sinifikanti fuq id-diversi portijiet ta’ daqs żgħir u medju, li jirriżulta f’telf ta’ funzjonijiet ekonomiċi tagħhom u l-kollass ta’ żoni tal-portijiet u magħhom iż-żoni urbani li jiddependu minnhom.

3.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li x-xejra lejn il-liberalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-portijiet, hija importanti biex tgħin ittejjeb l-effettività tagħhom, li min-naħa l-oħra tgħin lill-kompetittività tas-settur Ewropew tat-trasport. Jinnota f’dan il-kuntest it-tħassib dwar il-liberalizzazzjoni, li potenzjalment tista’ tiggrava l-għoti ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (kif ukoll l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet oħra li huma essenzjali għall-funzjonament u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn il-belt u l-port). Madankollu, l-Artikolu 345 tat-TFUE jistipula li t-Trattati bl-ebda mod m’għandhom jippreġudikaw ir-regoli fl-Istati Membri dwar is-sistema tas-sjieda tal-proprjetà u r-regolamenti tal-UE ma jimponux mudell ta’ ġestjoni speċifiku fuq il-korpi tal-ġestjoni tal-portijiet.

4.

Huwa tal-fehma li l-miżuri attwali meħuda fil-livell lokali u reġjonali għar-riġenerazzjoni tal-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet, inklużi l-gżejjer, għandhom bżonn appoġġ iżjed intensiv u mmirat mill-politika ta’ koeżjoni u politiki oħra tal-UE, fl-ispirtu tal-aġenda urbana, l-aġenda territorjali u l-Karta ta’ Leipzig u l-Patt ta’ Amsterdam sabiex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li jirriżultaw.

5.

Jilqa’ l-prinċipji tal-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-Portijiet u, mingħajr ma jitfa’ dubju dwar il-ftehim miksub, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipprovdi iktar gwida fir-rigward tal-implimentazzjoni. Jirrimarka li l-operazzjonijiet tal-portijiet kummerċjali jitwettqu minn operaturi privati u li hemm ħtieġa għall-Awtoritajiet tal-Port biex jikkonsultaw ma’ operaturi privati dwar l-iżviluppi tal-portijiet.

6.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-port, il-kumpaniji tat-tbaħħir, l-awtoritajiet tax-xmajjar, l-operaturi ta’ terminals privati u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fil-livell Ewropew u reġjonali, għal djalogu mal-awtoritajiet reġjonali u lokali kostali, tal-gżejjer u tal-baċiri tax-xmajjar biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta’ kompromess għar-riġenerazzjoni tat-tipi kollha ta’ bliet portwarji u żoni tal-portijiet interni u marittimi.

PROBLEMI U SFIDI

L-importanza tal-portijiet u l-bliet portwarji għall-ekonomija Ewropea

7.

Huwa konxju li l-portijiet marittimi, u b’mod partikolari l-104 port ewlieni tan-netwerk TEN-T, kif ukoll il-bliet prinċipali taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-konnessjonijiet tagħhom ma’ portijiet u bliet portwarji ta’ importanza internazzjonali (pereżempju fiċ-Ċina), huma importanti biex iżommu u jsaħħu l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u b’hekk għall-prosperità u l-paċi soċjali.

8.

Jagħraf li l-portijiet interni, u partikolarment il-portijiet interni tan-netwerk ewlieni u komprensiv 79 TEN-T jiffunzjonaw bħala punti nodali għall-ekonomiji reġjonali u lokali. Huma jservu bħala nodi multimodali effiċjenti fuq il-kurituri tal-passaġġi fuq l-ilma interni Ewropej. Dawn huma l-interfaċċa bejn il-parti tat-trasport interkontinentali/marittima u l-mezzi interni tat-trasport (bil-ferrovija, tat-triq u tan-navigazzjoni interna); huma jservu bħala passaġġi estiżi għall-portijiet tal-baħar.

9.

Jenfasizza li xi awtoritajiet lokali Ewropej, speċjalment dawk fil-komunitajiet rurali u tal-gżejjer, jaġixxu wkoll bħala awtoritajiet tal-port funzjonanti b’firxa wiesgħa ta’ responsabbiltajiet għall-appoġġ ta’ soċjetajiet kostali, għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u l-iżvilupp ta’ portijiet marittimi li jiffunzjonaw tajjeb u li huma sostenibbli. L-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħu jipprovdu interventi pubbliċi kruċjali fil-ġestjoni effettiva tal-portijiet.

10.

Jiġbed il-konklużjonijiet minn diversi studji empiriċi li fihom kien ikkonfermat u dokumentat, kif ir-relazzjonijiet reċiproċi bejn il-portijiet Ewropej u l-bliet portwarji maħluqa matul is-sekli, reċentement inbidlu malajr ħafna, sabiex iż-żieda fil-bastimenti kummerċjali u tal-passiġġieri, u l-iżvilupp fl-użu tal-kontejners wasslu għal konċentrazzjoni ġeografika tas-servizzi portwarji.

11.

Jinnota li għadd ta’ bliet Ewropej kif ukoll reġjoni dipendenti fuqhom, minkejja ż-żieda ġenerali fit-tbaħħir, tilfu l-funzjonijiet ekonomiċi u ta’ impjieg tagħhom li wassal għad-deterjorament taż-żoni urbani portwarji.

12.

Itenni mill-ġdid li minħabba ċ-ċiklu u l-pronjosi ekonomiċi baxxi attwali, aktar innovazzjoni, awtomatizzazzjoni, diġitalizzazzjoni u l-isfruttament tal-potenzjal ta’ swieq ġodda kontinentali u sostenibbli bħall-ekonomija ċirkolari u l-bijoekonomija huma rekwiżiti importanti għat-tkabbir ekonomiku futur.

13.

Jenfasizza li hemm bżonn ta’ klima ta’ investiment stabbli u finanzjament tal-UE kontinwu għal proġetti u inizjattivi innovattivi. Jappoġġja inizjattivi u ideat minn isfel għal fuq bħall-pjattaforma Ewropea fit-tul IWT bejn partijiet interessati pubbliċi u privati u istituzzjonijiet governattivi li jappoġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex jittejbu r-relazzjonijiet bejn il-portijiet u l-bliet u jtejbu l-kapaċità innovattiva tas-settur.

14.

Jinnota, b’mod partikolari, li l-esternalitajiet pożittivi ġġenerati mill-portijiet, anki fil-każ tal-ikbar portijiet, qed jiġu trasferiti lejn bliet u reġjuni remoti (inklużi dawk li mhumiex fl-UE) minħabba l-globalizzazzjoni; min-naħa l-oħra, jilqa’ d-diversifikazzjoni tal-portijiet li qabel kienu ddeterjorjaw fl-attrazzjoni ta’ attività ekonomika ġdida u l-ġenerazzjoni ta’ effetti konsegwenzjali lokalment.

15.

Ifakkar li, minħabba l-ħtieġa li titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq u l-objettiv tal-UE li tittrasferixxi 30 % mit-triq għal trasport bil-ferrovija u trasportazzjoni bl-ilma sal-2030 (White Paper dwar it-Trasport tal-2011 COM(2011) 144 final), netwerk ta’ passaġġi tal-ilma interni żviluppat sew u l-għadd ta’ portijiet interni jistgħu jiksbu importanza akbar fir-rigward ta’ rabta aħjar bejn tal-portijiet maż-żoni interni.

16.

Ifakkar ukoll fir-rwol tal-portijiet ta’ daqs medju li jagħmlu parti min-netwerk TENT-T, flimkien mal-portijiet żgħar fil-gżejjer, l-arċipelagi u r-reġjuni ultraperiferiċi, bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku. Dawn huma wkoll essenzjali għall-koeżjoni territorjali fl-UE. Għaldaqstant, dawn għandu jkollhom aċċess aħjar b’mod sinifikanti għall-finanzjament taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

17.

Jinnota l-importanza ta’ żieda fl-effiċjenza u l-kompetittività tal-portijiet marittimi u interni, il-funzjonament aħjar tal-bliet portwarji u r-riġenerazzjoni taż-żoni tal-portijiet, għas-soluzzjoni tal-problemi attwali ta’ tkabbir tal-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni, kif ukoll għall-industrijalizzazzjoni globali mill-ġdid.

18.

Huwa tal-opinjoni li aktar appoġġ għat-titjib tal-bliet portwarji u ż żoni tal-portijiet fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni u ta’ politiki settorjali oħra, jkun katalist għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali tal-UE.

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Tipi ta’ sistemi ta’ portijiet u bliet portwarji

19.

Jirrimarka li kemm il-portijiet marittimi kif ukoll dawk interni u l-bliet portwarji fl-Ewropa għandhom differenzi sinifikanti fir-rigward tad-daqs, il-pożizzjoni ġeografika, il-potenzjal u l-faċilitajiet tal-ġarr tal-merkanzija, marbuta mas-servizzi ekonomiċi assoċjati kif ukoll l-importanza tal-belt portwarja.

20.

Jinnota li r-relazzjonijiet bejn il-bliet kostali u l-portijiet żgħar, ta’ daqs medju u kbar u s-servizzi tal-ġarr tal-merkanzija żgħar, ta’ daqs medju u kbar, jirrikjedu approċċi differenti, u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea, fit-tfassil tal-miżuri ta’ politika biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, tikkunsidra dawn id-differenzi, kif ukoll il-fehmiet tal-partijiet interessati fl-ekonomija marittima u tal-awtoritajiet fiż-żoni kostali.

21.

Jinnota li d-dominanza ta’ portijiet fuq il-bliet jew viċi versa b’mod ġenerali iżżid id-distakki fl-iżvilupp tas-sistema tal-port u l-belt portwarja, li hija ta’ żvantaġġ għaż-żewġ partijiet. din il-problema għandha tkun indirizzata, f’konformità mal-Aġenda Territorjali, permezz ta’ proġetti konġunti ta’ atturi ekonomiċi mis-settur marittimu, mill-industrija u mis-settur tas-servizzi mal-awtoritajiet lokali u reġjonali bl-appoġġ ta’ strumenti legali u finanzjarji, fil-qafas ta’ politiki settorjali koordinati tal-UE.

Approċċ integrat għat-titjib tal-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet

22.

Huwa konxju li ż-żoni tal-portijiet huma żoni partikolari, li fihom bosta attivitajiet ekonomiċi u dawk relatati ma’ bżonnijiet u interessi huma kkonċentrati fuq żona żgħira ħafna, li jirriżulta f’unitajiet territorjali, ekonomiċi u soċjali kumplessi, li jwasslu għall-kunflitti u kontradizzjonijiet inevitabbli, li għandhom bżonn approċċ speċifiku, integrat, ibbażat fuq is-sħubija f’diversi livelli.

23.

Jirrimarka li ħafna portijiet Ewropej, b’mod partikolari dawk mis-seklu 19, fil-fatt huma distretti industrijali, b’żoni industrijali b’volum kbir ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni li jiddependu fuq l-aċċess għall-ilma u negozji involuti fl-ipproċessar tal-materja prima u prodotti nofshom lesti, kif ukoll diversi servizzi marbuta mat-trasport bil-ilma, l-immaniġġar tal-merkanzija u attivitajiet oħra tal-port.

24.

Jinnota l-ħtieġa li tiġi żgurata koordinazzjoni tajba bejn il-portijiet f’reġjun amministrattiv partikolari, kif ukoll kooperazzjoni akbar bejn il-portijiet tul kosta partikolari, irrispettivament mir-reġjun li jappartjenu għalih.

25.

Jenfasizza l-bżonn li jittejbu r-relazzjonijiet istituzzjonali bejn iż-żoni tal-portijiet u l-bliet, u jirrakkomanda li jinħolqu kumitati ta’ integrazzjoni bejn il-port u l-belt, billi jiġu segwiti xi prattiki tajbin ta’ portijiet Ewropej kbar fejn jeżisti kumitat ta’ dan it-tip magħmul minn awtorità lokali, awtorità reġjonali u awtorità tal-port.

26.

Jitlob sabiex il-Fora tal-Kurituri TEN-T jindirizzaw ir-rabtiet bejn il-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet u jirrakkomanda li jinħolqu pjattaformi speċifiċi għall-bliet portwarji definiti bħala nodi urbani.

27.

Jenfasizza li t-titjib tal-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet għandu jikkunsidra firxa sħiħa ta’ fatturi b’mod integrat: l-amministrazzjoni strateġika tal-bliet portwarji, is-sinerġiji bejn il-bliet portwarji u fir-relazzjonijiet maż-żona tar-reġjun kostali, il-port u l-belt, l-inċentivi pubbliċi u l-investimenti, id-diversifikazzjoni tal-istruttura ekonomika tal-bliet u ż-żoni portwarji, ir-rabtiet bejn it-trasport fuq l-art u l-passaġġi tal-ilma, il-konnessjonijiet bit-trasport ferrovjarju, il-problemi ambjentali, il-ġestjoni tat-territorju tal-portijiet, ir-rabta tal-portijiet mal-ħajja tas-soċjetà urbana.

28.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ħtieġa għal żvilupp ibbilanċjat tal-bliet portwarji teħtieġ soluzzjonijiet innovattivi u integrati għal żvilupp urban integrat fl-UE skont l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ dawn iż-żoni.

Ir-relazzjonijiet Port-Belt: il- ħtieġa għal sinerġiji

29.

Jirrikonoxxi li, minkejja x-xejra osservata li t-terimini moderni u fuq skala kbira tal-kontejners jiċċaqalqu ‘l bogħod miż-żoni portwarji fil-bliet u xi kultant fiċ-ċentru tal-bliet, is-sinerġiji fir-relazzjonijiet bejn il-port u l-belt qed jinbidlu imma mhux jiddgħajfu, speċjalment fir-rigward tar-rabtiet tat-trasport mar-reġjuni interni, l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija elettrika, l-aċċess għas-servizzi urbani, il-forza tax-xogħol imħarrġa, is-sigurtà u wkoll servizzi speċjalizzati sew għall-portijiet u l-ambjenti tan-negozju.

30.

Jenfasizza li s-sinerġiji fir-relazzjonijiet bejn il-portijiet u l-bliet għandhom jiġu identifikati u jissaħħu. Fejn meħtieġ, strumenti strateġiċi mhux vinkolanti bħal pereżempju l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet raġonevoli għal skambju ta’ esperjenzi, kodiċijiet ta’ kondotta, linji gwida, komunikazzjonijiet jistgħu jservu bħala strumenti utli.

Inċentivi u investimenti pubbliċi f’żoni tal-portijiet

31.

Jinnota li żoni tal-port fejn il-ġestjoni tal-merkanzija jew l-attività industrijali maġenb l-ilma naqsu jew sparrixxew, minn naħa waħda, jikkostitwixxu piż konsiderevoli għall-bliet portwarji, iżda min-naħa l-oħra joffru wkoll opportunitajiet kbar ta’ żvilupp, u r-relazzjoni bejn l-opportunità u r-riskju tiddependi prinċipalment min-natura tar-relazzjoni bejn il-port u l-belt.

32.

Jirrimarka li dawn li kienu żoni industrijali portwarji kważi dejjem jirrikjedu riabilitazzjoni teknika u ambjentali diffiċli, twila u għolja u ż-żoni urbani ta’ madwar jista’ jkollhom bżonn riablitazzjoni soċjali, kundizzjoni neċessarja biex din l-art issir disponibbli għall-investiment. L-investimenti li jappoġġjaw it-titjib u li jippromovu t-trasformazzjoni jistgħu jkunu essenzjali.

33.

Jappella biex fl-implimentazzjoni tal-aġenda urbana tal-UE u l-Patt ta’ Amsterdam jinħolqu strumenti legali u ta’ appoġġ finanzjarju u tekniku għar-riabilitazzjoni ambjentali tas-sit.

34.

Il-portijiet huma wkoll għajnuniet ekonomiċi, kulturali u storiċi importanti għaż-żoni rurali, għall-gżejjer u għaż-żoni periferiċi. L-espansjoni tat-turiżmu, il-kruċieri u l-attivitajiet ta’ tbaħħir li jimmassimizzaw il-wirt naturali u kulturali hija ta’ importanza ewlenija għat-tkabbir. F’komunitajiet aktar rurali, dawk tal-gżejjer u dawk remoti, l-importanza tar-riġenerazzjoni u l-investiment taċ-ċentri tal-bliet tista’ tkun ħafna aktar vitali.

35.

Jipproponi li jsir possibbli li jinstabu soluzzjonijiet istituzzjonali simili għal żoni ekonomiċi speċjali f’dak li kienu żoni industrijali portwali, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji tas-sussidjarjetà kif ukoll tat-trasparenza fil-finanzjament u jiġu stabbiliti kriterji ċari għall-għajnuna mill-Istat.

36.

Jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-possibbiltà li tintuża l-esperjenza miksuba u soluzzjonijiet pubbliċi-privati fuq livell Ewropew u nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward żoni urbani ta’ maġenb ilma.

Investiment privat fiż-żoni portwarji

37.

jinnota li l-portijiet huma parti mill-infrastruttura tat-trasport pubbliku u l-UE u dawn huma prinċipalment ġestiti mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, u dan għandu jibqa’ hekk minħabba l-bżonn li nistimulaw it-tkabbir ekonomiku fil-livell tal-UE u niżguraw is-sostenibbiltà tiegħu.

38.

Huwa konxju li għar-riġenerazzjoni ta’ żoni tal-port u r-riġenerazzjoni ekonomika tal-bliet portwarji hemm bżonn riżorsi li huma akbar mill-ambitu tal-baġits pubbliċi, għaldaqstant hemm bżonn il-parteċipazzjoni ta’ investiment privat u għalhekk anke ta’ istituzzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant iħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha madwar l-Ewropa kollha biex jiżguraw taħlita ta’ politki li huma attraenti għall-investiment. B’dan il-mod, il-baġits pubbliċi, speċjalment dawk għal perjodu twil, jistgħu jkunu mmirati aħjar lejn dawk il-każijiet fejn il-forzi tas-suq waħidhom ma jistgħux jipprovdu rispons adegwat.

39.

Jenfasizza li l-bilanċ bejn l-interess ġenerali u l-interess privat, minħabba d-diversità tal-portijiet u l-bliet portwarji għall-UE, minħabba l-livelli differenti ta’ żvilupp, jeħtieġ approċċ imfassal b’mod speċifiku għal kull każ u t-tiftix għal kompromessi li jġibu benefiċċji ekonomiċi għal dawk kollha involuti.

40.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea teżamina l-possibiltajiet li tippermetti investimenti privati f’żoni portwali, b’garanzija tal-libertà ekonomika it-, trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi, it-trasparenza finanzjarja u kriterji ċari għal għajnuna pubblika u biex ikunu żgurati l-interessi lokali u reġjonali fit-tul.

Id-diversifikazzjoni funzjonali tal-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet

41.

Jinnota li minnħabba l-globalizzazzjoni dejjem akbar u l-iżvilupp teknoloġiku fit-trasport marittimu u fuq l-art, ħafna portijiet fi ħdan il-bliet portwarji Ewropej, nazzjonali u reġjonali, biddlu l-pożizzjoni tagħhom fl-ambitu tas-sistemi ekonomiċi, ta’ abitazzjoni u ta’ trasport nazzjonali u reġjonali.

42.

Jenfasizza li dawn il-bidliet mhux biss jinvolvu dgħajfien tal-bażi ekonomika ta’ dawn il-portijiet u l-bliet portwarji, iżda wkoll id-diversifikazzjoni funzjonali tal-belt u l-komunitajiet lokali u l-ħtieġa għall-konverżjoni ta’ żoni tal-port u siti industrijali ta’ maġenb l-ilma abbandunati. Jinnota li mhux dejjem il-funzjonijiet ekonomiċi ġodda tal-portijiet u l-bliet portwarji jeħtieġu lokazzjoni maġenb l-ilma, iżda li l-investituri jagħżlu dawn iż-żoni u dawn is-siti għall-faċilità ta’ aċċess tagħhom għall-belt u għall-infrastrutturi, kif ukoll għall-valur tagħhom tal-pajsaġġ u kulturali.

43.

Jirrimarka, b’mod partikolari, li għadd ta’ portijiet Ewropej, kemm marittimi kif ukoll portijiet tax-xmajjar, huma beni kulturali importanti minħabba l-karatteristiċi tagħhom u jirrikjedu miżuri speċifiċi fil-kuntest ta’ programmi u proġetti marbuta mal-patrimonju kulturali Ewropew.

44.

Iqis li l-qafas ta’ programmi u strumenti għat-titjib taż-żoni tal-portijiet u ż-żona industrijali ta’ maġenb l-ilma abbandunati għandu jappoġġja s-setturi pubbliċi u privati li jippermettu l-aħjar użu ta’ dawn l-oqsma, anki fil-każijiet fejn l-iskemi ta’ għajnuna mhumiex relatati ma’ kwistjonijiet marittimi u tat-trasport fuq l-ilma.

L-importanza tal-aċċessibilità tal-portijiet għall-bliet portwarji u għaż-żoni interni

45.

Jirrimarka li parti kbira mill-ostakoli għall-iżvilupp tal-portijiet marittimi Ewropej huma n-nuqqas sinifikanti ta’ konnessjonijiet tat-trasport għaż-żoni interni li jfixklu l-effiċjenza tat-trasport u l-katini tal-loġistika. Għalhekk, iħeġġeġ li jiġu konessi aħjar il-portijiet u ż-żoni tal-portijiet bil-mezzi l-oħrajn kollha ta’ trasport, b’mod partikolari b’konnessjonijiet mat-trasport ferrovjarju u li jiġu akkomodati attivitajiet b’valur miżjud sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn it-territorji.

46.

jenfasizza li f’perspettiva loġistika integrata, il-ħolqien ta’ netwerk tat-trasport effiċjenti nessarjament jeħtieġ il-ħolqien ta’ pjattaformi loġistiċi fiz-zoni ta’ madwar il-portijiet, żoni maħsuba għall-ħażna, l-għażla u l-preservazzjoni tal-merkanzija kif ukoll l-ilħuq tal-bżonnijiet tal-intermodalità.

47.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal appoġġ mill-Kummissjoni Ewropea, prinċipalment permezz tal-ħolqien ta’ qafas legali kif ukoll ta’ strumenti finanzjarji ġodda, għall-proġetti mmirati biex itejbu l-aċċessibilità tal-portijiet imfassla jew eżistenti għaż-żoni interni, kif ukoll il-konnettività ta’ żoni remoti, tal-gżejjer u periferiċi permezz tal-modernizzazzjoni tal-konnessjonijiet tat-trasport eżistenti fi ħdan it-TEN-T u TEN-R, kif ukoll in-Netwerk Trans-Ewropew tal-Enerġija (TEN-E) u tat-Telekomunikazzjonijiet (TEN-Telecom) filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-interessi tal-bliet portwarji fil-qasam tat-trasport urban u reġjonali.

48.

Ir-reġjuni kostali speċjalment dawk b’portijiet għandhom potenzjal kbir li jsiru ċentri ta’ eċċellenza għall-enerġija rinnovabbli, it-turiżmu sostenibbli u l-industriji kreattivi, permezz tal-assi naturali tagħhom. Madankollu, iż-żoni kostali huma ħafna drabi fir-reġjuni periferiċi u ultraperiferiċi u jeħtieġu l-iżvilupp ta’ infrastruttura li torbothom mas-suq uniku ewlieni tal-UE u mal-kumplament tar-reġjun tagħhom.

L-aspetti ambjentali tal-funzjonament u l-iżvilupp tal-portijiet u l-bliet portwarji

49.

Jirrikonoxxi li l-funzjonament u l-iżvilupp tal-portijiet jinvolvu problemi ambjentali multipli u ta’ piż, li jikkonċernaw mhux biss lill-istess bliet portwarji iżda wkoll lir-reġjuni kollha tal-kosta u l-baċin tax-xmara: tibdil fl-ekwilibriju u l-kostruzzjoni tal-kosta u x-xtut tax-xmajjar, tniġġis tal-ilma, degradazzjoni tal-ekosistemi akkwatiċi u, fuq skala lokali, produzzjoni ta’ skart, inkluż dak perikolużi, riskji batterjoloġiċi, storbju u emissjonijiet li jagħmlu ħsara fl-atmosfera.

50.

Jinnota li żoni tal-port industrijali abbandunati ġeneralment ikunu kkontaminati u jeħtieġu rijabilitazzjoni ambjentali u għandu jkollhom appoġġ partikolari skont il-qafas tal-programmi u l-proġetti ambjentali f’livelli differenti, inkluż għall-ħarsien tal-ambjent u l-programmi għall-protezzjoni tal-baħar u x-xtut tax-xmajjar. Dan japplika partikolarment għat-terminals li jimmaniġġjaw iż-żejt mhux maħdum, il-prodotti taż-żejt, u l-gass naturali, u għall-installazzjonijiet ta’ ipproċessar, strutturi li jippreżentaw riskji ambjentali partikolari.

51.

Jenfasizza li l-kostruzzjoni ta’ terminals ġodda, normalment ‘il bogħod miż-żoni tal-portijiet eżistenti, normalment iwassal għal ħsara ambjentali sinifikanti, li titlob ippjanar dettaljat partikolari, bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili, partijiet interessati u l-NGOs sabiex inaqqsu għall-minimu din il-ħsara, u, fejn xieraq, ikun hemm kumpens ambjentali.

52.

Il-valutazzjoni tar-riskju u s-sistemi ta’ ġestjoni tas-sikurezza fejn il-ħaddiema huma appoġġati huma ta’ importanza fundamentali fit-tħaddim kontinwu tal-portijiet u l-mollijiet. Ma tistax issir ħsara għar-reputazzjoni tal-portijiet tal-UE u ż-żoni tal-madwar f’dan ir-rigward.

53.

Ifakkar l-obbligi ġodda imposti mid-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura għal-fjuwils alternattivi fil-portijiet, li teħtieġ il-forniment tal-LNG (gass naturali likwifikat) u l-elettriku fuq il-mollijiet qabel il-31 ta’ Diċembru 2025. Dawn id-dispożizzjonijiet ġodda huma ġġustifikati bis-sħiħ minn perspettiva ambjentali u tas-saħħa tal-popolazzjonijiet tal-bliet portwarji, iżda jeħtieġu appoġġ finanzjarju Ewropew, li għandu jiddaħħal fil-pakkett dwar it-trasport diġà f’dan l-istadju iżda speċjalment fil-programmazzjoni li jmiss għal wara l-2020.

54.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ambjent għandu jkun parti integrali mill-programmi u l-proġetti kollha tal-UE għar-riġenerazzjoni tal-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet f’koordinazzjoni mal-programmi u l-proġetti dwar il-ħarsien tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ambjent u l-ekosistemi tal-baħar u tal-ilma.

L-integrazzjoni tal-port fil-ħajja tal-belt

55.

Jinnota li storikament iż-żoni portwarji, minħabba l-kundizzjonijiet tekniċi u ekonomiċi ta’ dak iż-żmien, żviluppaw direttament biswit iż-żoni urbani, u xi kultant dawn huma l-iktar parti attraenti tagħhom.

56.

Jinnota li minħabba d-devoluzzjoni ta’ ħafna funzjonijiet taċ-ċentri tagħhom lejn il-periferija, iċ-ċentri ta’ ħafna bliet għandhom bżonn titjib tekniku, ekonomiku u soċjali sabiex isiru aktar attraenti għar-residenti, il-kummerċ, il-gastronomija, l-istituzzjonijiet kulturali, kif ukoll l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili.

57.

Hu tal-fehma li ċ-ċentri ta’ bliet u ż-żoni tal-portijiet u dawk industrijali abbandunati li jinsabu fuq l-ilma għandhom bżonn approċċ integrat, peress li dawn jeħtieġu rikwalifikazzjoni u appoġġ skont il-prinċipji tal-aġenda urbana u fid-dawl tal-Patt ta’ Amsterdam.

58.

Jenfasizza li l-involviment tal-popolazzjoni lokali u l-konverżjoni ta’ mill-inqas parti miż-żona rikwalifikata f’żoni pubbliċi aċċessibbli għar-residenti u t-turisti huma deċiżivi għas-suċċess ta’ proġetti bħal dawn.

59.

Ifakkar li, f’każ ta’ rikwalifika ta’ żoni tal-portijiet, jeħtieġ l-użu usa’ tal-programmi u l-proġetti tal-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni biex jiżviluppaw żoni pubbliċi u biex iħeġġu lill-popolazzjoni lokali.

L-ippjanar strateġiku u territorjali – baħar, kosta, bliet u żoni tal-port

60.

Huwa tal-fehma li l-ġestjoni effikaċi tar-rikwalifika tal-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet titlob kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet interessati (pubbliċi, privati u kummerjali), u soluzzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-ippjanar strateġiku u l-ġestjoni tat-territorju taż-żoni kostali fil-livell lokali u reġjonali fir-rigward ta’ żoni tal-baħar, l-ilmijiet interni, il-bliet portwarji u t-territorji li jinsabu fuq l-ilma.

61.

Huwa tal-fehma li n-nuqqas ta’ regoli u proċeduri għall-ippjanar strateġiku u l-ġestjoni territorjali taż-żoni tal-portijiet tipperikola b’mod serju l-irkupru tagħhom, u għaldaqsant jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, kondiviżjoni tal-esperjenzi u fejn hemm bżonn, regolamentazzjoni mhux vinkolanti fil-livell tal-UE.

Konsiderazzjonijiet tal-problemi tal-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet ta’ daqsijiet differenti fid-dawl tal-aġenda urbana tal-UE u l-Patt ta’ Amsterdam

62.

Jitlob li l-Aġenda Urbana għall-UE tqis id-diversità ġeografika u funzjonali bejn l-ibliet, u b’mod partikolari l-problemi speċifiċi tal-iżvilupp tal-bliet portwarji, li għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ ħidma ulterjuri dwar l-implimentazzjoni tagħhom.

63.

Jilqa’ b’sodisfazzjon li fiż-żewġ dokumenti, titqies l-importanza tal-prinċipju tas-sħubija u l-involviment tal-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet li jiġġeneraw l-għarfien u l-innovazzjoni u n-negozju.

KONKLUŻJONIJIET U RAKKOMANDAZZJONIJIET FINALI

64.

Iqis li filwaqt li l-problemi tal-bliet portwarji u taż-żoni tal-portijiet jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, jista’ jkun hemm benefiċċji għall- kooperazzjoni u l-appoġġ effettivi fil-livell Ewropew. Huwa importanti li jitkompla l-iżvilupp tad-diversi netwerks trans-Ewropej, it-TEN-T, it-TEN-E u t-TEN-Telecom, b’enfasi speċjali fuq l-immodernizzar tal-konnessjonijiet tat-trasport, filwaqt li tingħata prijorità lit-TEN-R, u mingħajr ma tiġi eskluża l-konvenjenza li jinħolqu oħrajn.

65.

Jirrakkomanda li l-politiki tal-UE dwar it-trasport, l-ekonomija marittima u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u tal-ħabitats akkwatiċi jikkunsidraw l-isfidi ta’ żvilupp tal-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet.

66.

Barra minn hekk, jirrakomanda li fil-futur, il-miżuri tal-implimentazzjoni tal-aġenda urbana u l-Patt ta’ Amsterdam jikkunsidraw il-funzjonament u l-iżvilupp tal-bliet portwarji u ż-żoni tal-portijiet.

67.

Jirrakkomanda li għandhom jiżdiedu u jittejbu l-konnessjonijiet mat-trasport ferrovjarju tal-portijiet u tal-bliet portwarji tar-reġjuni periferali.

Brussell, it-8 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA