17.8.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 272/19 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-integrazzjoni, il-kooperazzjoni u l-prestazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa
(2017/C 272/05)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),
Is-saħħa fl-Ewropa
1. |
josserva li saħħa tajba fost il-popolazzjoni kollha hija essenzjali għall-prosperità u l-benessri tas-soċjetà. Is-saħħa tajba hija valur fiha nnifisha, filwaqt li popolazzjoni f’saħħitha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku, u viċi versa; |
2. |
josserva li ċ-ċittadini tal-UE qed jgħixu ħajja itwal u huma b’saħħithom iżjed minn qatt qabel. Fl-UE, madankollu, hemm differenzi kbar fis-saħħa bejn u fi ħdan l-Istati Membri differenti. Matul iż-żmien, il-medja tal-għomor żdiedet fl-UE, għalkemm għad hemm varjazzjonijiet kbar bejn u fi ħdan pajjiżi, reġjuni u muniċipalitajiet differenti. Pereżempju, hemm differenza ta’ kważi disa’ snin bejn il-pajjiżi tal-UE bl-ogħla u bl-inqas stennija tal-għomor (83,3 u 74,5 sena rispettivament fl-2014 (1)). Iż-żieda fl-istennija medja tal-għomor tiddependi, fost l-oħrajn, mit-tibdil fl-istili ta’ ħajja, edukazzjoni aħjar u aċċess aħjar għal kura ta’ kwalità tajba; |
3. |
jemmen li l-kura tas-saħħa u l-kura soċjali huma parti kbira u importanti tas-soċjetà, li hija s-sors ta’ ħafna impjiegi u li tgħin biex tagħti lin-nies ħajja aħjar, iżjed b’saħħitha u aktar fit-tul. Madankollu, it-28 Stat Membru tal-UE għandhom sistemi tas-saħħa differenti b’aċċess differenti għar-riżorsi. |
4. |
josserva li s-saħħa u l-promozzjoni tas-saħħa”jaqdu rwol ewlieni fl-għanijiet globali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-iżvilupp sostenibbli sal-2030 li ġew adottati fl-2015. Il-biċċa l-kbira tas-17-il għan għandhom dimensjoni ċara marbuta mas-saħħa, iżda għan minnhom (l-għan 3) jittratta b’mod speċifiku li jiġi żgurat li kulħadd ikun jista’ jgħix ħajja b’saħħitha u li jiġi żgurat il-benessri tal-individwi kollha fl-etajiet kollha. Bl-istess mod, il-promozzjoni tas-saħħa hija kkunsidrata bħala element essenzjali fit-tilħiq tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli. Dan l-għan huwa wkoll konformi mal-objettivi għal qafas transsettorjali ta’ politika fil-qasam tas-saħħa u tal-assistenza soċjali (“Saħħa 2020”), li ġew adottati fl-2012 mir-Reġjun Ewropew tad-WHO; |
Il-kompetenzi tal-UE fil-qasam tas-saħħa
5. |
josserva li l-għan tal-ħidma dwar is-saħħa fil-livell tal-UE huwa, skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, li tittejjeb is-saħħa pubblika, jiġi pprevenut il-mard u jitneħħew ir-riskji għas-saħħa. Dan qed isir, fost affarijiet oħra, permezz tal-programm tas-saħħa tal-UE, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment u l-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. Fil-fatt, l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jistipula li “kulħadd għandu d-dritt ta' aċċess għall-kura tas-saħħa preventiva u għad-dritt ta' benefiċċju mit-trattament mediku skont il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiki nazzjonali. Il-livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni”; |
6. |
ifakkar li l-UE għandha kompetenzi leġislattivi f’ċerti oqsma li għandhom impatt fuq is-saħħa pubblika jew, pereżempju, huma relatati ma’ kura tas-saħħa transkonfinali, iżda tagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet f’oqsma fejn is-setgħa leġislattiva tal-UE hija limitata. Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż li, f’xi każijiet, jinvolvu s-settur tal-kura tas-saħħa; |
7. |
madankollu, jenfasizza li l-Istati Membri nnifishom jiddeċiedu kif is-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali jiġu organizzati, iffinanzjati u msawrin. Ħafna Stati Membri għażlu li r-responsabbiltà prinċipali għall-kura tas-saħħa u s-saħħa pubblika tkun f’idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Anke f’pajjiżi li għandhom sistema nazzjonali tal-kura tas-saħħa, il-livell lokali ta’ spiss ikun responsabbli għas-servizzi soċjali u l-kura soċjali; |
L-istat tas-saħħa fl-UE
8. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva “L-istat tas-saħħa fl-UE” ppreżentata mill-Kummissjoni f’Ġunju 2016. L-għan tagħha hu li jinġabar għarfien espert fil-livell internazzjonali sabiex jiżdied l-għarfien tal-pajjiżi individwali u madwar l-UE kollha fil-qasam tas-saħħa u li l-Istati Membri jiġu appoġġjati fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom (2); |
9. |
josserva li f’Novembru 2016, l-OECD u l-Kummissjoni ppreżentaw ir-rapport “Health at a Glance: Europe 2016”. Apparti l-istatistika li turi differenzi kbar fis-saħħa, id-determinanti tas-saħħa, l-infiq fis-saħħa kif ukoll l-effettività, il-kwalità u l-aċċess għall-kura, ir-rapport jinkludi analiżi tal-impatt tal-mard fuq is-suq tax-xogħol u l-ħtieġa li tissaħħaħ is-sistema tal-kura tas-saħħa primarja; |
10. |
jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni Ewropea tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tkomplija tal-ħidma u tiġbor il-fehmiet tagħhom dwar l-iżvilupp futur tas-sistemi tas-saħħa, peress li, fost affarijiet oħra, l-eżempji ta’ prattika tajba ta’ spiss huma lokali jew reġjonali; |
Bosta sfidi ewlenin
11. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-UE qegħdin jiffaċċjaw bosta sfidi ewlenin – uħud aktar evidenti f’ċerti Stati Membri milli f’oħrajn:
|
Miżuri sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi
12. |
huwa tal-fehma li sabiex is-saħħa tkun ugwali, huwa importanti li kulħadd ikollu aċċess għall-kura tas-saħħa. Huwa kruċjali li jkun hemm finanzjament adegwat u sostenibbli tal-kura tas-saħħa biex jiġu żgurati kopertura, aċċess u kwalità tajbin. Il-pagamenti informali u kwalunkwe korruzzjoni fil-kura tas-saħħa għandhom jiġu miġġielda, minħabba l-effetti negattivi tagħhom fuq l-aċċessibilità u l-effettività tal-kura; |
13. |
josserva li l-mard kroniku jiddomina l-piż tal-mard u jirrappreżenta l-akbar proporzjon tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa u tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. Sabiex is-sistema tkun vijabbli, għandha tinbidel f’sistema li tkun aktar adattata biex tindirizza l-mard kroniku, filwaqt li għandu jintemm l-iżvilupp insostenibbli tal-ispejjeż. Ħafna mard kroniku jista’ jiġi evitat jekk jinbidel l-istil ta’ ħajja u, bis-saħħa ta’ miżuri adatti, tista’ titrażżan id-deterjorazzjoni li hija tipika għall-mard kroniku; |
14. |
jixtieq jagħti attenzjoni partikolari għall-problemi tas-saħħa mentali. Is-saħħa mentali għandha tingħata l-istess prijorità bħall-mard fiżiku. Il-problemi tas-saħħa mentali sikwit jiġu ttrattati b’suċċess fi ħdan sistema ta’ “outpatients”. Saħħa mentali tajba ta’ spiss tiddependi minn relazzjonijiet soċjali tajbin, qraba u nies oħra, ambjent tajjeb ta’ għajxien u ta’ xogħol u sens ta’ appartenenza u skop fil-ħajja; |
15. |
huwa tal-fehma li l-ħidma marbuta mal-prevenzjoni u mal-promozzjoni tas-saħħa għandha tingħata attenzjoni akbar u l-kura għandha tkun ibbażata iżjed fuq l-għarfien u l-evidenza. L-interazzjoni bejn is-saħħa u l-kura fit-tul jeħtieġ li tittejjeb biex il-persuni mdaħħlin fl-età u dawk b’diżabbiltà, b’mod partikolari, ikollhom ħajja aħjar. L-integrazzjoni tas-servizzi tas-saħħa u l-kura soċjali b’enfażi fuq il-valutazzjoni individwali u l-kontinwità tal-kura jidher li qed tkun ta’ benefiċċju f'dan ir-rigward. Peress li d-drawwiet huma ffurmati minn età bikrija, il-familja u l-iskola jaqdu rwol preventiv importanti; |
16. |
jappoġġja l-fehmiet imressqa fid-dokument “Health at a Glance: Europe 2016” li l-Istati Membri tal-UE għandhom isaħħu s-sistemi tagħhom tal-kura tas-saħħa primarja sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ popolazzjonijiet li qed jixjieħu, joħolqu ktajjen tal-kura iżjed effettivi u jnaqqsu l-użu bla bżonn tal-isptarijiet. L-investiment għandu jsir fil-kura tas-saħħa primarja, fis-sistema tal-outpatients u l-kura fid-dar u l-kura fl-isptarijiet speċjalizzati ħafna għandha tkun ċentralizzata, għal raġunijiet ta’ kwalità. Biex titnaqqas il-pressjoni fuq l-isptarijiet, il-kura tas-saħħa primarja għandha tkun disponibbli barra mill-ħinijiet normali tax-xogħol. Huwa urġenti li jiġi żviluppat approċċ multidixxiplinari. Il-persunal fil-qasam tal-kura tas-saħħa primarja għandhom ikunu speċjalisti fil-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa u fl-għoti tal-kura għal mard kroniku; |
17. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sistemi tal-kura soċjali jvarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-UE. Hemm differenzi kbar f’dak li jirrigwarda sa liema punt il-finanzjament huwa pubbliku u jekk il-kura soċjali tiġix ipprovduta f’akkomodazzjoni ordinarja jew speċjali. Sabiex is-saħħa tkun ugwali, huwa importanti li kulħadd ikollu aċċess għal kura soċjali ta’ kwalità tajba jekk ikollhom bżonn. Huwa importanti li l-persuni li jipprovdu kura b’mod informali jirċievu appoġġ. L-NGOs jistgħu jieħdu miżuri komplementari importanti; |
18. |
jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali biex jagħtu attenzjoni lir-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tranżizzjoni ta’ kura ċċentrata fl-isptar lejn il-kura komunitarja, li tagħti l-opportunità li jiġu żviluppati attivitajiet kreattivi u preventivi, servizzi ta’ intervent bikri u għażliet ta' kura fit-tul aktar milli jiffokaw fuq il-kura reattiva; |
19. |
jappoġġja l-fehma fid-dokument “Health at a Glance: Europe 2016” li għandhom isiru sforzi akbar biex jiġi miġġieled il-mard kroniku fost il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol. Il-mard kroniku jwassal għal inqas impjiegi, produttività aktar baxxa, irtirar bikri, dħul iżjed baxx u mewt qabel il-waqt. Saħħa fiżika u mentali tajba fil-post tax-xogħol hija ta’ importanza vitali sabiex jiġu trattati mard u korrimenti marbutin max-xogħol u jitnaqqsu l-assenzi mix-xogħol u l-qgħad marbut mal-mard. Tinħtieġ għalhekk sinerġija akbar bejn il-politika tas-saħħa u l-politika tas-suq tax-xogħol, u l-imsieħba soċjali għandhom ikunu involuti fil-proċess. Huwa importanti li l-infiq fuq is-saħħa jitqies bħala investiment aktar milli spiża; |
20. |
jenfasizza li għandhom isiru sforzi biex persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jaħdmu skont il-karatteristiċi personali tagħhom. Riabilitazzjoni li tiffunzjona kif imiss hija ta’ importanza kbira sabiex il-morda u l-midruba jkunu jistgħu jerġgħu jmorru lura malajr ix-xogħol; |
21. |
huwa tal-fehma li għandu jkun hemm enfasi ikbar fuq kwistjonijiet relatati mar-responsabilizzazzjoni tal-pazjenti u l-kura ċċentrata fuq il-persuna (3). Il-pazjenti tal-lum huma ġeneralment infurmati aħjar u ħafna nies jixtiequ jkunu jistgħu jagħżlu l-fornituri tal-kura tas-saħħa u jitolbu informazzjoni dwar id-disponibbiltà u l-kwalità. Is-sistemi tas-saħħa għandhom għalhekk jappoġġjaw lin-nies biex jieħdu ħsieb saħħithom – jgħixu f’saħħithom, jagħmlu għażliet infurmati dwar il-kura u l-fornituri tal-kura tas-saħħa, jieħdu ħsieb tagħhom innifishom u jevitaw kumplikazzjonijiet mediċi; |
22. |
fl-istess ħin, jiġbed l-attenzjoni li huwa essenzjali li l-kura ffinanzjata b’mod konġunt tingħata skont il-ħtieġa u mhux abbażi tat-talbiet individwali tal-pazjenti, li jġib miegħu r-riskju ta’ konsum eċċessiv ta’ kura u trattament; |
23. |
jossereva li għandha wkoll issir enfasi akbar fuq il-kwalità tal-kura u r-riżultati kliniċi. Permezz tal-ġbir ta’ volumi kbar ta’ data (“big data”), it-trasparenza u l-ipparagunar miftuħ, abbażi ta’ indikaturi komuni, jista’ jiġi stimulat it-titjib u jiġu identifikati l-effetti tal-investimenti fil-qasam tas-saħħa; |
24. |
huwa tal-fehma li sabiex tkun żgurata d-disponibbiltà ta’ ħaddiema mħarrġa fis-settur tas-saħħa, jinħtieġu pjanar u koordinazzjoni bejn is-settur tas-saħħa u s-settur tal-edukazzjoni kif ukoll opportunitajiet tajbin għall-iżvilupp tal-ħiliet. Illum il-ġurnata jeżistu nuqqasijiet f’diversi gruppi okkupazzjonali, distribuzzjoni ġeografika inugwali u żbilanċi bejn professjonijiet differenti. Fost affarijiet oħra, jeħtieġ li jitħarrġu aktar tobba tal-kura primarja tas-saħħa (4) u jeħtieġ li jinżammu l-ħiliet. Sabiex ikun jista’ jiġi reklutat u jinżamm il-persunal, min iħaddem irid jipprovdi ambjent tax-xogħol tajjeb u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin. Biex itejbu l-attivitajiet tagħhom, l-impjegaturi għandhom jiżviluppaw timijiet multiprofessjonali u jittrasferixxu r-responsabbiltajiet (“task shifting”) sabiex jissaħħu r-rwoli tal-infermiera u professjonisti oħra. Il-Kumitat tar-Reġjuni jispera li l-inizjattiva tal-Kummissjoni “Korp Ewropew ta’ Solidarjetà” twassal biex aktar żgħażagħ ikunu interessati li jaħdmu fis-settur tas-saħħa; |
25. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-iżvilupp tal-apparat mediku u ta’ prodotti mediċinali ġodda. L-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-kura tas-saħħa. Permezz tal-użu ta’ għodod u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda tista’ tissaħħaħ ukoll l-awtonomija ta’ dawk li jirċievu l-kura; |
26. |
huwa tal-fehma li l-iżjed għodda importanti biex il-kura tas-saħħa tkun iżjed effettiva hija teknoloġiji diġitali ġodda li jipprovdu possibbiltajiet ġodda għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, id-dijanjosi, il-kura, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Ir-ritmu tal-innovazzjoni f’dan il-qasam huwa mgħaġġel. Huwa minnu li ta’ spiss ikun hemm raġunijiet ġustifikati marbutin mal-protezzjoni tad-data u l-privatezza, iżda ta’ sikwit il-qasam tal-kura tas-saħħa idum wisq biex jisfrutta l-opportunitajiet il-ġodda fl-ICT. Il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data għandha tiġi abbozzata b’tali mod li ma tfixkilx kura tas-saħħa, monitoraġġ u riċerka effettivi, filwaqt li fl-istess ħin tirrispetta l-privatezza tal-persuni; |
27. |
josserva li d-diġitalizzazzjoni timplika fl-istess ħin li l-approċċ u l-organizzazzjoni tal-kura tas-saħħa jinbidlu b’mod profond. Ir-relazzjonijiet tal-poter bejn gruppi differenti ta’ persunal jiddependu wkoll mill-bilanċ tal-poter bejn il-pazjenti u l-persunal. Sistema tas-saħħa elettronika u tas-saħħa mobbli jistgħu jagħtu liċ-ċittadini kontroll akbar – u l-opportunitajiet għal responsabbiltà akbar – fuq saħħithom u l-kura tas-saħħa tagħhom stess. Permezz ta’ żieda fl-awtoġestjoni tas-saħħa, il-pazjenti jistgħu jevitaw viżti mediċi, liema ħaġa ta’ spiss ittejjeb is-sodisfazzjon tal-pazjent filwaqt li l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa jibqgħu baxxi. Iż-żieda fil-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni tista’ tikkontribwixxi wkoll għal servizzi mtejba fiż-żoni periferiċi u rurali; |
28. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-prodotti mediċinali ġodda jaqdu rwol importanti għall-iżvilupp tal-kura tas-saħħa. Metodi dijanjostiċi ġodda u mtejba jippermettu kura u prodotti mediċinali personalizzati b’inqas effetti sekondarji u riżultati mediċi aħjar. Sabiex tittejjeb l-effettività tal-infiq fil-kura tas-saħħa, huwa madankollu importanti li jingħelbu l-prezzijiet għolja tal-prodotti mediċinali u r-riċetti bla bżonn għall-prodotti mediċinali. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja l-inizjattivi meħuda favur il-kooperazzjoni volontarja bejn l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-akkwist u l-ipprezzar tal-prodotti mediċinali u l-aċċess għalihom; |
29. |
jinkoraġixxi sforzi akbar biex jinħatfu l-vantaġġi ekonimiċi u kwalitattivi possibbli mill-kooperazzjoni fil-qasam tat-tagħmir mediku li jiswa’ ħafna u huwa speċjalizzat ħafna; |
30. |
huwa tal-fehma li għandhom jitkomplew l-isforzi determinati li saru f’ħafna oqsma biex tissaħħaħ is-sikurezza tal-pazjenti. Jeħtieġ li jsiru wkoll sforzi biex tiġi miġġielda r-reżistenza għall-antibijotiċi, fost l-oħrajn permezz tal-użu prudenti tal-antibijotiċi, l-iżvilupp ta’ antibijotiċi ġodda u approċċ olistiku li jkopri kemm is-saħħa tal-annimali kif ukoll tal-bniedem, kif ukoll miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra l-infezzjonijiet relatati mal-kura tas-saħħa. Sabiex ikun hemm prevenzjoni effettiva tal-mard, huwa urġenti li jiġi żgurat li kull min jgħix fl-Ewropa jkollu protezzjoni simili u ottimali kontra mard li jista’ jiġi evitat permezz tat-tilqim; |
31. |
huwa tal-fehma li huwa importanti ħafna li l-kura tas-saħħa u l-awtoritajiet soċjali fl-Istati Membri jiġbdu l-attenzjoni dwar il-vulnerabbiltà ta’ ħafna migranti li jkunu għadhom kif waslu u jagħmlu sforzi biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-kura li jkun hemm, pereżempju tal-mard mentali; |
32. |
jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fil-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa f’dak li jirrigwarda fatturi ta’ riskju ambjentali. Ta’ spiss l-awtoritajiet lokali jkollhom ir-responsabbiltà primarja għall-protezzjoni ambjentali, il-kwalità tal-arja, il-ġestjoni tal-iskart, l-urbanistika, it-trasport pubbliku, l-ilma u s-sanità, l-ispazji ħodor għar-rikreazzjoni, is-sikurezza tal-ikel, eċċ. Il-kura tas-saħħa u l-kura soċjali jistgħu jikkontribwixxu, pereżempju permezz tal-użu ta’ prodotti siguri u li jħarsu l-ambjent, ġestjoni tal-iskart li tiffunzjona tajjeb u t-tnaqqis fl-użu tal-enerġija u tal-ilma; |
Miżuri fil-livell tal-UE
33. |
huwa favur kooperazzjoni fil-livell Ewropew f’dak li jirrigwarda ħidma marbuta mal-kura tas-saħħa fl-ambitu tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri kif ifasslu, jorganizzaw u jiffinanzjaw il-kura tas-saħħa. Għalkemm l-isfidi huma komuni, ta’ spiss is-soluzzjonijiet ikunu differenti. Jeħtieġ li l-UE tappoġġja l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom fil-promozzjoni tas-saħħa u l-iżvilupp tal-kura tas-saħħa. L-UE għandha taġixxi abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tirrispetta d-diversità fis-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri; |
34. |
fl-istess ħin, jemmen li huwa fl-interess tal-UE li ttejjeb is-saħħa u tnaqqas l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa, peress li dan huwa prerekwiżit għat-tnaqqis tad-differenzi soċjali u ekonomiċi fl-Ewropa. L-UE għandha taħdem b’mod aktar konsistenti abbażi tal-prinċipju tas-“saħħa fl-oqsma kollha ta’ politika”; |
35. |
jenfasizza l-ħtieġa li jitkompla l-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE wara l-2020 fl-oqsma bħall-infrastruttura tas-saħħa, is-saħħa elettronika, u l-programmi ta' promozzjoni tas-saħħa sabiex jitrawwem l-iżvilupp reġjonali u sabiex jitnaqqsu d-differenzi soċjali u ekonomiċi. L-effettività tal-proġetti ffinanzjati mill-fondi tal-UE għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva tas-saħħa pubblika u l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni kkonċernati (5); |
36. |
huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni transkonfinali tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-sistemi Ewropej tas-saħħa. Huwa raġonevoli li l-UE għandha ċerta kompetenza fi kwistjonijiet relatati mat-theddid transkonfinali għas-saħħa u l-kura tas-saħħa, iżda qabel kollox, il-ħidma tal-UE għandha tiffoka fuq l-appoġġ lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom u biex jiġi stimulat l-iżvilupp tal-kwalità. L-UE tista’ tagħmel dan billi, pereżempju, tagħmel rakkomandazzjonijiet, tniedi u tiffinanzja proġetti għall-iżvilupp, tħeġġeġ il-kooperazzjoni fir-reġjuni tal-fruntiera, tippromovi l-iskambju tal-għarfien u tal-esperjenza tagħhom, ixerred eżempji tajbin u l-aħjar prattiki, tipparteċipa b’mod attiv fil-ħidma dwar l-ipparagunar miftuħ, u tivvaluta l-effettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa bil-kooperazzjoni tad-WHO u l-OECD, fost korpi oħra. Bħala parti minn dawn l-attivitajiet, huwa importanti li wieħed jenfasizza l-effetti tas-servizzi differenti tal-kura tas-saħħa fuq pazjenti individwali u fuq is-saħħa pubblika; |
37. |
jipproponi, f’dan il-kuntest, li l-Kummissjoni Ewropea tistabilixxi programm simili għall-Erasmus għall-professjonisti tas-saħħa; |
38. |
huwa tal-fehma li l-oqsma prijoritarji magħżula mill-Grupp ta’ Esperti dwar il-Valutazzjoni tal-Prestazzjoni tas-Sistemi tas-Saħħa (HSPA) (kura integrata; aċċess għall-kura tas-saħħa u l-ekwità; kura primarja; riżultati/effettività tas-saħħa; mard kroniku u kwalità tal-kura) huma daqstant validi għal-livell sottonazzjonali u jesprimi r-rieda tiegħu li jikkollabora mal-grupp bil-ħsieb li l-għarfien espert lokali u reġjonali isir iktar prominenti; |
39. |
jitlob, f’dan il-kuntest, post ta’ osservatur fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti dwar l-HSPA, stabbilit f’Settembru 2014 mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, fuq l-istedina mill-Kunsill; |
40. |
huwa tal-fehma li l-UE għandha, fost affarijiet oħra, tappoġġja l-ħidma marbuta mal-prevenzjoni tal-mard kroniku, l-innovazzjoni u l-użu ta’ teknoloġija moderna tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, tħeġġeġ żieda fil-kooperazzjoni Ewropea dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa u tkompli timpenja ruħha fl-isforzi dinjija biex tiġi indirizzata r-reżistenza għall-antibijotiċi. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni, pereżempju, jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan ta’ azzjoni ġdid kontra r-reżistenza għall-antibijotiċi, li l-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta matul l-2017; |
41. |
ifakkar, f’dan il-kuntest, lill-Istati Membri dwar l-impenn tagħhom li jdaħħlu fis-seħħ pjani ta’ azzjoni nazzjonali kontra r-reżistenza antimikrobika qabel nofs l-2017, “abbażi tal-approċċ Saħħa Waħda u b’konformità mal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni Globali tad-WHO” u jistieden lill-ministeri tas-saħħa biex jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjani; |
42. |
josserva li ċ-ċittadini tal-UE, permezz tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u d-Direttiva tal-2011 dwar il-Mobbiltà tal-Pazjenti, għandhom iżjed opportunitajiet li jfittxu kura fi Stat Membru ieħor. Huwa utli, fost l-oħrajn, għall-pazjenti b’dijanjożi rari jew li jeħtieġu kura speċjalizzata li ma tkunx disponibbli f’pajjiżhom. Il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa’ b’sodisfazzjon, għalhekk, il-ħidma tal-Kummissjoni biex tniedi n-netwerks ta’ referenza Ewropej (NRE) għall-fornituri tal-kura tas-saħħa u taċ-ċentri ta’ ħila esperta fl-Istati Membri, sabiex tiġi promossa l-kura medika speċjalizzata ħafna. |
43. |
jitlob lill-UE biex fil-ħidma tagħha dwar “L-istat tas-saħħa fl-UE” turi l-eżempji tajba tas-servizzi tas-saħħa effettivi u ta’ kwalità għolja, tidentifika forom ta’ organizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa li jagħmlu kontribut partikolari għal kura tas-saħħa effettiva u ta’ kwalità għolja, u turi kif il-kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja tista’ tnaqqas il-bżonn għal servizzi soċjali. F’dan il-kuntest, jixtieq jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati mudelli lokali u reġjonali organizzattivi li wrew li jaħdmu b’mod effettiv; |
Brussell, it-22 ta’ Marzu 2017.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA
(1) Health at a Glance: Europe 2016.
(2) Din l-inizjattiva ta’ sentejn, li ser tiġi implimentata bil-kooperazzjoni tal-OECD, l-Osservatorju Ewropew dwar is-Sistemi u l-Politiki tas-Saħħa u l-Istati Membri, tinkludi erba’ elementi:
— |
il-pubblikazzjoni ta’ “Health at a Glance: Europe 2016” (Novembru 2016); |
— |
profili tas-saħħa speċifiċi għall-pajjiż li jenfasizzaw l-isfidi u l-ispeċifiċitajiet ta’ kull pajjiż (Novembru 2017); |
— |
analiżi li, abbażi taż-żewġ elementi msemmija hawn fuq, tagħti ħarsa ġenerali fil-qosor u torbot ir-riżultati ma’ aġenda usa’ tal-UE b’enfasi fuq kwistjonijiet ta’ politika trasversali u l-opportunitajiet għal tagħlim reċiproku (Novembru 2017); |
— |
il-possibbiltà ta’ skambju volontarju tal-aħjar prattika li l-Istati Membri jistgħu jitolbu biex jiddiskutu aspetti konkreti tas-sitwazzjoni fil-pajjiż tagħhom (minn Novembru 2017 ’il quddiem). |
(3) Proċess fejn il-pazjent u l-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkunu attivi u involuti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-kura tas-saħħa u l-pazjent jitqies b’mod olistiku u mhux jitqies biss bħala persuna marida.
(4) Health at a Glance: Europe 2016.
(5) CDR 260/2010.