30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/19


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-konnessjonijiet neqsin fit-trasport fir-reġjuni tal-fruntiera

(2017/C 207/05)

Relatur:

Michiel Scheffer (NL/ALDE), Membru tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Provinċja ta’ Gelderland

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jinnota li l-integrazzjoni Ewropea hija l-aktar evidenti fil-fruntieri. Fruntieri miftuħa u infrastruttura li jgħaqqdu lin-nies huma l-qofol tal-proġett Ewropew. Barra minn hekk, l-iżvilupp tar-reġjuni tal-fruntiera fl-Ewropa jiddependi ħafna fuq id-disponibbiltà ta’ infrastruttura li tiffaċilita l-konnessjonijiet bejn il-bliet, l-intrapriżi u ċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera.

Għal ħafna reġjuni tul il-fruntieri l-kriżi tar-rifuġjati reċenti li wasslet għall-għeluq tal-fruntieri tirrappreżenta sfidi ġodda għall-iżvilupp integrat tar-reġjun.

2.

Ir-reġjuni tal-fruntiera kull ma jmur qed jitqiesu dejjem iżjed bħala reġjuni funzjonali li jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir u l-impjiegi biss jekk ikun hemm konnessjoni suffiċjenti bejn iż-żewġ naħat tal-fruntiera u n-netwerk Ewropew. L-impatt tal-migrazzjoni fir-reġjuni fuq il-fruntiera għandu jiġi vvalutat f’mod bilanċjat filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-ħaddiema, ix-xerrejja, l-SMEs u t-turisti transkonfinali.

3.

Il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi għandha tiffoka wkoll fuq l-iffaċilitar tal-impjieg fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera. L-iżvilupp tal-infrastruttura u l-konnessjonijiet ta’ trasport ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini tal-fruntiera jikkostitwixxu inċentiv biex isibu xogħol marbut mat-taħriġ tagħhom, anki jekk dan ikun ifisser triq itwal biex jaslu x-xogħol. Dan iwassal għal żieda fir-rata ta’ impjieg u ta’ tqabbil tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jiżgura użu aħjar tal-kapital uman. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ aċċess għaż-żoni ta’ attività ekonomika, iżda wkoll dwar l-aċċess għall-faċilitajiet.

4.

Dan id-dokument jiddiskuti l-konnessjonijiet transkonfinali bil-ferrovija, bit-triq u, sa ċertu punt bl-ilma. Jagħmel referenza biss għar-reġjuni tal-fruntieri fl-Ewropa. Madankollu, il-KtR, waqt li jqis ukoll l-Opinjoni tiegħu dwar Strateġija tal-Avjazzjoni (1), ma jinsiex kemm huma importanti l-konnessjonijiet kemm bl-ajru kif ukoll bil-baħar bejn ir-reġjuni periferiċi u insulari, ir-reġjuni ultraperiferiċi u t-territorji transkonfinali ġirien, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li din is-sitwazzjoni titqies fir-reviżjoni futura tat-TEN-T.

5.

Il-konnessjonijiet neqsin fir-reġjuni tal-fruntieri jiffurmaw parti minn strateġija usa’: in-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji għall-iżvilupp ta’ infrastruttura lokali u reġjonali. Hemm bżonn ta’ approċċ innovattiv sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet ta’ mobilità fir-reġjuni tal-fruntiera.

6.

F’dawn l-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea ffukat primarjament biex toffri soluzzjonijiet ċentralizzati għan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport fuq skala kbira, b’mod partikolari permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa iżda wkoll tal-Orizzont 2020. Hemm relattivament ftit riżorsi disponibbli għal strumenti deċentralizzati, bħall-programm Interreg, biex jinħolqu l-konnessjonijiet neqsin fuq skala żgħira fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Ewropa, anke meta dawn il-programmi jqisu aħjar il-ħtiġijiet lokali tat-territorju transkonfinali kkonċernat.

7.

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) għall-perjodu 2014-2020 diġà ffinanzjat diversi proġetti ta’ interess sinifikanti għall-mobilità fi ħdan l-UE, u r-riżorsi relatati fil-biċċa l-kbira tagħhom huma diġà allokati. Għalhekk, ikun importanti li jiġġedded l-impenn finanzjarju tas-CEF, billi tiżdied finanzjarjament, anki billi jiġu ffavoriti azzjonijiet ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tan-netwerk komprensiv u tas-sistema ta’ konnessjonijiet fin-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) fil-kuntest ta’ reġjuni konfinali.

8.

Kompitu prinċipali għalhekk huwa l-analiżi u l-provvediment ta’ riżorsi finanzjarji li għandhom jappoġġjaw l-introduzzjoni, l-iżvilupp jew il-ftuħ mill-ġdid tal-konnessjonijiet transkonfinali tat-trasport, b’aktar uniformità fit-trattament tal-Istati Membri rigward il-metodi tal-kofinanzjament. L-Istati Membri għandhom xorta waħda rwol importanti x’jaqdu fir-rigward tal-finanzjament għax-xogħlijiet.

9.

In-netwerk tat-TEN-T huwa kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni Ewropej. Il-maġġoranza l-kbira tar-riżorsi finanzjarji tmur għall-kurituri ewlenin tan-netwerk TEN-T, iżda m’għandhomx jintesew il-konnessjonijiet man-netwerks globali lokali u reġjonali. Is-sejħa għall-proposti fir-rigward tal-Faċilita Nikkollegaw l-Ewropa, li l-Kummissjoni nediet f’Ottubru 2016 u li hija speċifikament dedikata għall-konnessjonijiet transkonfinali, hija milqugħa tajjeb bħala l-ewwel pass.

10.

Din is-sejħa tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa dwar konnessjonijiet neqsin hija eżempju tajjeb tar-riżultati possibbli minn kooperazzjoni interistituzzjonali bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, l-Istati Membri u l-komunitajiet jew reġjuni awtonomi fid-definizzjoni ta’ sfidi komuni f’reġjuni tal-fruntiera, fl-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet possibbli u fil-forniment tal-mezzi meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Din il-kooperazzjoni tista’ sservi biex jitfasslu konklużjonijiet possibbli dwar id-disinn futur tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa wara l-2020 u sservi ta’ mudell għal attivitajiet simili f’oqsma tal-politika tal-UE oħrajn.

11.

Ir-rieżami tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE fl-aħħar tal-2016 u d-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar il-forma tal-politika tal-koeżjoni wara l-2020 joffru opportunità eċċellenti biex jitressqu xi proposti ġodda bil-għan li jinkiseb appoġġ tal-UE sabiex tinbena l-infrastruttura nieqsa fir-reġjuni tal-fruntiera. B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-aktar soluzzjoni xierqa tkun li jiġi permess il-finanzjament ta’ din l-infrastruttura (inkluża l-infrastruttura fuq skala żgħira) fil-qafas ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali (Interreg A) u li jiżdiedu r-riżorsi allokati għalihom skont dan.

12.

L-istudju “The potential of closing missing links of small scale infrastructure in Europe’s border regions for growth and employment” (2) fih għadd ta’ studji ta’ każijiet li jikkorraboraw din il-fehma.

Opportunitajiet għal żvilupp ekonomiku

13.

Ir-reġjuni tal-fruntiera ħafna drabi jkunu meqjusa bħala periferiċi, iżda jistgħu jservu ta’ ċentru ekonomiku. Sistema ta’ mobilità li tiffunzjona tajjeb hija prerekwiżit għat-tkabbir ekonomiku reġjonali u l-koeżjoni territorjali kif ukoll sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal tar-reġjuni funzjonali transkonfinali. Huwa preċiżament fir-reġjuni tal-fruntiera li għad hemm lok konsiderevoli għal titjib fl-oqsma tal-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

14.

Jirrimarka li ħafna reġjuni fuq il-fruntiera jibbenefikaw mill-kummerċ transkonfinali. It-titjib tal-aċċessibiltà u l-kwalità tat-toroq, tal-ferroviji u l-konnessjonijiet tal-ilma se jikkontribwixxu indirettament biex isolvu l-problemi soċjali u ekonomiċi, b’mod partikolari, it-tnaqqis tar-rata tal-qgħad u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni. Dawn l-aspetti għandhom jitqiesu bħala kwistjonijiet ta’ prijorità fl-aċċess għall-mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-fruntieri.

15.

It-turiżmu jista’ jservi bħala l-forza mexxejja sabiex tittejjeb l-infrastruttura. Bil-maqlub, it-titjib tal-infrastruttura jista’ jwassal ukoll għal żieda fit-turiżmu. Katalisti bħal dawn għandhom jiġu sfruttati għall-iżvilupp. B’mod partikulari, m’għandux jiġi ttraskurat ir-rwol tan-netwerks taċ-ċikliżmu transkonfinali fil-promozzjoni tat-turiżmu.

16.

Fil-kuntest tal-konnessjonijiet transkonfinali, l-iżvilupp tad-domanda jista’ jieħu aktar fit-tul. Barra minn hekk, spejjeż ogħla jwasslu għal inċertezza fil-bilanċ bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji, speċjalment fil-perjodu inizjali. Għalhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-inġinerija finanzjarja tal-proġetti. L-inġinerija finanzjarja tal-proġetti hija wkoll ta’ importanza kritika f’termini ta’ redditu fuq l-investiment u minħabba l-effetti fuq l-attività ekonomika tal-investimenti fl-infrastrutturi li jsiru fil-qafas tal-programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali u l-programmi ta’ żvilupp għat-trasport. Il-kompożizzjoni differenti ta’ sorsi ta’ finanzjament, l-ammont tal-kontribuzzjoni proprja, ir-rata ta’ finanzjament tal-attivitajiet u l-ispejjeż għall-atturi tal-konsorzju huma wkoll fatturi determinanti mill-perspettiva tal-proġetti. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Kumitat jirrakkomanda li, meta l-arranġamenti tal-istrutturi ta’ trasport huma sinifikanti għaż-żewġ pajjiżi kkonċernati, jiġu stabbiliti għal kull żona tal-fruntiera linji gwida u regolamenti uniċi, komuni għall-Istati Membri, għal eliġibbiltà finanzjarja aktar effettiva għall-proġetti.

Infrastruttura u servizzi

17.

Is-soluzzjoni għall-konnessjonijiet neqsin tinvolvi l-kostruzzjoni tal-infrastruttura iżda wkoll li jiġu ffaċilitati servizzi bħal konnessjonijiet ġodda tat-trasport pubbliku u tal-merkanzija. Dan jista’ jinkludi wkoll il-ftuħ mill-ġdid ta’ linji eżistenti. F’dan ir-rigward, id-domanda tas-suq taqdi rwol ċentrali fil-vijabbiltà tal-konnessjonijiet ġodda.

18.

Is-soluzzjoni tal-konnessjonijiet transkonfinali neqsin teħtieġ approċċ integrat għat-trasport kemm tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri, u għall-modi kollha, jiġifieri bit-triq, bil-ferrovija u fuq l-ilma. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil sistema ta’ biljetti u informazzjoni transkonfinali li tkun ħielsa minn kull ostaklu, bi preferenza għall-intermodalità. Għal dan l-għan, huwa essenzjali li jiġu involuti u koordinati d-diversi kumpaniji li joperaw dawn il-konnessjonijiet, speċjalment l-intrapriżi tal-istat, kif ukoll l-istati u r-reġjuni fl-oqsma ta’ kompetenza tagħhom.

19.

L-ewwel pass f’dan ir-rigward huwa tqabbil aħjar tal-ħinijiet tat-trasport pubbliku fir-reġjuni tal-fruntiera. It-tieni pass jista’ jkun l-implimentazzjoni ta’ konnessjonijiet transkonfinali għat-trasport pubbliku.

20.

Il-mezzi tat-trasport bil-mod, bħalma hija r-rota, jistgħu jaqdu rwol importanti fir-reġjuni tal-fruntieri. Fil-fatt, iċ-ċikliżmu huwa f’ħafna każi mezz ta’ trasport addizzjonali flimkien mat-trasport pubbliku, li qed jintuża dejjem aktar u huwa kompetittiv b’mod partikolari fil-bliet li jbatu mill-konġestjoni. Dan jirrikjedi approċċ u netwerk transkonfinali ta’ infrastruttura taċ-ċikliżmu ta’ kwalità tajba. L-iżvilupp tat-trasport marbut man-netwerks tar-rotot taċ-ċikliżmu Euro Velo jikkontribwixxi wkoll biex itejjeb l-aċċessibilità tad-destinazzjonijiet turistiċi u jista’ b’hekk jitqies bħala objettiv soċjali u ekonomiku.

21.

Fir-reġjuni aktar rurali u ekonomikament anqas żviluppati huwa rakkomandat ukoll ippjanar integrat, b’tali mod li jitneħħew l-ostakli li jimpedixxu l-aċċess għal ċerti postijiet tax-xogħol u faċilitajiet.

Il-bżonn ta’ kooperazzjoni transkonfinali f’diversi livelli

22.

Il-punti ta’ qsim tal-fruntieri m’għandhomx jinstabu biss fin-netwerk ċentrali ta’ infrastrutturi, iżda wkoll f’netwerks globali. Dan jippermetti aktar flessibilità fil-vjaġġ bejn id-dar u l-post tax-xogħol u jagħmel l-impjiegi fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera aċċessibbli. Sabiex ikun hemm sistema ta’ mobilità mingħajr xkiel, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni transkonfinali aktar b’saħħitha bejn il-livelli kollha tal-gvern u l-imsieħba kkonċernati.

23.

Hija wkoll rakkomandabbli inizjattiva politika konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Istati Membri u li tista’ tinkludi l-elementi li ġejjin:

l-użu tar-rieżami transkonfinali li qed isir bħalissa mill-Kummissjoni Ewropea biex jitneħħew ostakli eżistenti għal soluzzjonijiet ta’ trasport transkonfinali. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa impenjat li jaqdi rwol attiv biex jingħelbu dawn l-ostakli,

il-ħolqien ta’ pjattaforma għall-valutazzjoni ta’ proġetti eżistenti u t-tixrid ta’ linji gwida u prattika tajba;

l-iżvilupp ta’ sensiela ta’ proġetti komuni għall-infrastruttura tat-trasport fir-reġjuni tal-fruntiera b’appoġġ qawwi mid-DĠ MOVE tal-Kummissjoni Ewropea, u it-tħeġġiġ tal-iskambju tal-għarfien u l-kooperazzjoni dwar sfidi tal-mobbiltà transkonfinali;

l-użu tal-programmi Interreg A biex jiġi ffaċilitat l-ippjanar aħjar tal-infrastruttura, tal-faċilitajiet u l-integrazzjoni tas-servizzi transkonfinali, u aktar użu ta’ Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) għall-implimentazzjoni ta’ investmenti transkonfinali, inkluż għall-fruntieri bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, u b’mod partikolari biex jiġu żviluppati sezzjonijiet transkonfinali tal-infrastruttura tat-trasport u strutturi oħrajn ta’ kooperazzjoni transkonfinali li jikkontribwixxu għal dan l-ippjanar permezz tal-attivitajiet istituzzjonali tagħhom.

24.

L-inizjattiva tista’ tkun sensiela komuni ta’ proġetti għall-infrastruttura tat-trasport u għall-armonizzazzjoni tal-istandards operattivi fir-reġjuni tal-fruntieri. Din tista’ tkun issorveljata u appoġġata fil-livell politiku.

Min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ MOVE jista’ jaqdi rwol ta’ koordinazzjoni fir-rigward tal-inizjattivi, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ mobbiltà transkonfinali u dwar is-sensiela ta’ proġetti.

25.

L-Interreg m’għandux ikun biss strument ta’ finanzjament, iżda għandu jiffaċilita ppjanar aħjar tal-infrastruttura u tal-faċilitajiet transkonfinali. Il-kooperazzjoni fil-qafas tal-Interreg A jista’ jkollha rwol importanti fl-armonizzazzjoni tal-approċċi u t-tfittxija ta’ soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet ta’ mobbiltà transkonfinali.

26.

L-implimentazzjoni ta’ investimenti tista’ tittejjeb permezz ta’ użu akbar tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT). Dan għandu wkoll vantaġġi għall-iżvilupp ta’ sezzjonijiet transkonfinali tal-infrastruttura tat-trasport.

Il-parteċipazzjoni miċ-ċittadini fi stadju bikri

27.

Iċ-ċittadini għandhom jiġu involuti fi stadju bikri fl-iżvilupp ta’ proġetti transkonfinali. Dan huwa essenzjali għas-suċċess tal-proġetti u jikkontribwixxi sabiex jiġu aċċettati. Iċ-ċittadini jingħataw ukoll stampa aħjar tal-opportunitajiet li jinsabu fiż-żona tal-fruntiera.

28.

Matul l-iżvilupp tal-konnessjonijiet transkonfinali, jeħtieġ li titqies il-bidla fl-attitudni għall-fruntieri miftuħa, b’mod partikolari minħabba l-kriżi tar-refuġjati, il-qgħad u ż-żieda fin-nazzjonaliżmu.

29.

L-inizjattivi għall-integrazzjoni tal-popolazzjoni fir-reġjuni tal-fruntiera tal-Istati Membri tal-UE bi fruntieri komuni kif ukoll dawk b’żoni tal-fruntieri mal-pajjiżi ġirien għandhom jiġu promossi. L-appoġġ għan-netwerks ta’ konnessjonijiet tat-trasport jikkontribwixxi għal komprensjoni reċiproka aħjar. Dan it-titjib se jqarreb lill-persuni u ‘l-kumpaniji b’effett pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-persuni fuq iż-żewġ naħat ta’ fruntiera.

Htieġa ta’ armonizzazzjoni tal-aspetti tekniċi u regolatorji

30.

L-armonizzazzjoni tal-aspetti tekniċi, regolatorji u finanzjarji hija importanti ħafna sabiex tiġi żgurata konnessjoni transkonfinali tajba tal-infrastruttura u biex din tiġi indirizzata b’mod omoġenju min-naħa tal-Istati Membri differenti. B’mod partikolari, il-linji ferrovjarji u l-konnessjonijiet għandhom jiġu standardizzati, bħal pereżempju l-elettrifikazzjoni u s-sistemi Ewropej ta’ sikurezza (ERTMS), jew il-problemi relatati mal-istandards eżistenti varji f’ħafna pajjiżi Ewropej tal-Lvant li jirrigwardaw il-wisa’ bejn il-linji ferrovjarji. Fir-rigward tal-armonizzazzjoni ta’ aspetti tekniċi, ta’ min isemmi wkoll it-tneħħija ta’ ostakli għall-komunikazzjoni u t-tixrid ta’ informazzjoni u l-ħolqien ta’ pjattaforma komuni għall-informazzjoni lill-utent, il-bejgħ ta’ biljetti onlajn u l-immodernizzar tat-trażmissjoni tad-data dwar l-infrastruttura. Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, se jkunu essenzjali l-involviment u l-koordinazzjoni tal-amministraturi stati tal-infrastruttura ferrovjarja responsabbli għal dawn il-konnessjonijiet transkonfinali.

31.

Minbarra l-armonizzazzjoni teknika, hemm bżonn ukoll li jiġu armonizzati l-aspetti regolatorji u tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġu allinjati l-iskadenzi għall-implimentazzjoni ta’ programmi transkonfinali. Konċessjonijiet transkonfinali għat-trasport pubbliku jistgħu jkunu katalist sabiex tittejjeb il-mobbiltà transkonfinali. Għandha ssir ħafna iktar ħidma maż-żoni tat-trasport reġjonali transkonfinali u mal-awtoritajiet tat-trasport transkonfinali.

32.

L-applikazzjoni u l-estensjoni possibbli tal-proposta tal-Lussemburgu għal introduzzjoni ta’ “għodda għall-assenjazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fir-reġjuni tal-fruntiera”, tkun tippermetti l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali u tekniċi ta’ pajjiż speċifiku f’pajjiż li jkollu fruntiera miegħu, fil-każ ta’ tulijiet żgħar ta’ konnessjonijiet tat-trasport transkonfinali. Dan jista’ jnaqqas l-ostakli tekniċi u l-ispejjeż. Il-KtR jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-proposta għal konvenzjoni transkonfinali Ewropea dwar dispożizzjonijiet speċifiċi fir-reġjuni konfinali, sabiex tivvaluta l-użu possibbli tagħha u biex tippreżenta proposta dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tagħha.

L-infrastruttura tiftaħ il-fruntieri u jistħoqqilha tiġi ffinanzjata

33.

Il-maġġoranza l-kbira (95 %) tal-fondi tal-UE (TEN-T-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa) issa tmur għall-kurituri ewlenin tat-TEN-T. Proġetti żgħar fuq in-netwerk globali (comprehensive network) u l-interventi ta’ konnessjoni man-netwerk TEN-T, minkejja li dawn huma essenzjali għas-soluzzjoni ta’ problemi speċifiċi u għall-iżvilupp tal-konnessjonijiet u l-ekonomiji transkonfinali, ta’ spiss ma jkunux eliġibbli għall-(ko)finanzjament jew għall-finanzjament nazzjonali. Dan huwa parzjalment minħabba l-pożizzjoni tal-fruntiera. Ir-rotot u l-konnessjonijiet interni ta’ spiss ikollhom iktar volum.

34.

Pakketti koerenti ta’ proġetti pjuttost żgħar jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti biex jitneħħew l-ostakli fir-reġjuni tal-fruntiera. Għaldaqstant, l-istess bħall-proġetti ikbar fit-TEN-T, il-proġetti iżgħar ta’ infrastruttura transkonfinali għandhom ikunu fost il-prijoritajiet tal-aġenda Ewropea. Flimkien mal-interventi tal-infrastruttura huwa xieraq li ssir enfasi speċifika fuq l-inizjattivi ta’ żvilupp tas-servizzi u l-inizjattivi kkoordinati fost l-istati tal-fruntiera li għandhom l-għan li jimmaniġġjaw id-domanda tal-mobbiltà, bħal azzjonijiet immirati biex jiskoraġġixxu l-użu ta’ karozzi privati u jħeġġu l-użu ta’ forom ta’ mobbiltà kollettiva jew kondiviża. B’mod parallel mar-riżorsi tal-Unjoni, l-investimenti fl-infrastruttura jeħtieġu wkoll kontribuzzjoni proprja. Il-proġetti żgħar u kbar iffinanzjati mill-fondi tal-UE (FSIE) jeħtieġu kontribuzzjoni proprja min-naħa tal-imsieħba tal-proġett. Fil-livell tal-Istati Membri, din il-kontribuzzjoni għandha wkoll tiġi kkompletata permezz ta’ ammonti differenti ta’ (ko)finanzjament nazzjonali, abbażi tal-qsim tar-responsabbiltajiet tal-Istat Membru. Il-proġetti transkonfinali, kif ukoll l-istabbiltà finanzjarja tal-imsieħba tal-konsorzju huma garanziji biex l-implimentazzjoni tirnexxi u biex jinstabu fondi.

35.

Rigward il-mobbiltà tal-merkanzija jista’ jkun utli li jiġu promossi interventi għall-armonizzazzjoni tar-regoli tat-traffiku fit-toroq, billi jiġu implimentati inizjattivi biex jitnaqqsu l-impatti fuq it-traffiku minħabba limitazzjonijiet fis-seħħ f’ċerti Stati Membri, u jitrawwem l-iżvilupp ta’ terminali intermodali ferrovija-triq għat-traffiku transkonfinali.

36.

Forom alternattivi ta’ finanzjament jistgħu jaqdu rwol utli u f’dan il-kuntest hija essenzjali s-semplifikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Fl-ippjanar tal-użu tar-riżorsi diretti tal-Unjoni, mill-fażi ta’ żvilupp tal-proġett ‘il quddiem, jistgħu jirriżultaw inċertezzi fir-rigward tal-garanziji ta’ kontribuzzjonijiet proprji tal-atturi statali u mhux statali. Fid-dawl tad-daqs kbir tal-investimenti fl-infrastruttura, ta’ min jikkunsidra l-ħolqien ta’ fond għal riżorsi proprji maħsub għall-iżvilupp tat-trasport u għall-għajnuna għall-iżvilupp tal-proġetti, flimkien ma’ fondi komuni u nazzjonali. Fil-każ ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni transkonfinali, jistgħu jinqalgħu problemi għas-sħubijiet mill-fażi ta’ ppjanar ‘il quddiem minħabba n-nuqqas ta’ kontribuzzjonijiet proprji.

37.

Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) joffri opportunitajiet għal finanzjament innovattiv għall-proġetti ta’ mobilità u infrastruttura fir-reġjuni tal-fruntiera. Għalhekk, il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda fl-enfasi li l-FEIS 2.0 jagħmel fuq il-finanzjament ta’ aktar proġetti transkonfinali u sostenibbli.

38.

Il-FEIS jaħdem aħjar meta jkun hemm organizzazzjonijiet jew strutturi finanzjarji transkonfinali. Għandu jiġi mistħarreġ kif ir-REKT jistgħu jkunu strutturi adatti u kif jistgħu jiġu kapitalizzati sabiex ikunu eliġibbli għal għajnuna mill-FEIS u/jew il-BEI.

39.

Fil-kuntest tal-FEIS għandhom jiġu żviluppati strumenti finanzjarji oħrajn b’rabta mal-garanziji, biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ interventi ta’ interess transkonfinali li, għalkemm essenzjali mill-perspettiva ta’ netwerk u ta’ titjib fil-mobbiltà u s-servizzi, ikollhom profili baxxi mil-lat ta’ profitt.

40.

L-elettrifikazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja eżistenti u li tintuża b’mod tajjeb tista’ tkun adatta għal użu koordinat tal-FEIS.

L-importanza tal-ġeografija u tar-rabta bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji

41.

Mhux kull reġjun tal-fruntiera għandu l-istess karatteristiċi u jinsab fl-istess livell. Hemm reġjuni tal-fruntiera metropolitani u reġjuni tal-fruntiera aktar rurali. Il-pożizzjoni ġeografika u l-ostakli naturali jaffettwaw il-possibbiltà li jiġu introdotti konnessjonijiet transkonfinali adegwati u effiċjenti, minbarra li huma wkoll fatturi li għandhom jiffavorixxu aktar liż-żoni rurali jew periferiċi, li huma f’pożizzjoni strateġika u ftit għandhom konnessjonijiet transkonfinali. Minħabba d-differenzi fl-iżvilupp reġjonali, il-fenomeni ekonomiċi u soċjali, speċjalment is-sitwazzjoni tal-impjiegi fir-reġjuni fuq il-fruntiera ma’ pajjiżi terzi, għandhom impatt sinifikanti fuq l-isforzi għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni tal-fruntiera.

42.

Fir-reġjuni bi gżejjer, il-vapuri ta’ spiss huma l-unika konnessjoni mat-territorji tal-madwar. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil din is-sitwazzjoni.

43.

Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lir-reġjuni muntanjużi transkonfinali, fil-fatt ċerti meded ta’ muntanji huma ostakli konfinali li diffiċli jintlaħaq aċċess għalihom, u li jirrikjedu infrastruttura (vjadotti, mini, eċċ) speċifika u li tiswa ħafna flus. Konnessjonijiet ferrovjarji aħjar fiż-żoni muntanjużi jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tas-CO2 u jtejbu l-kwalità tal-arja, kif ukoll jisfruttaw il-potenzjal turistiku u għalhekk jikkontribwixxu għall-vijabbiltà demografika u ambjentali tar-reġjuni muntanjużi.

44.

Meta jiġu żviluppati proġetti transkonfinali u meta jittieħdu d-deċiżjonijiet dwarhom, għandhom isiru analiżijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji, kif ukoll attivitajiet ta’ tħejjija li jassiguraw is-suċċess tal-proġetti ta’ żvilupp. Infrastruttura ta’ konnessjoni bħalma hi linja ferrovjarja ta’ spiss tkun tiswa ħafna. Waqt l-implimentazzjoni tal-proġetti, għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-proċeduri tal-offerti, legali, finanzjarji u ta’ analiżi tar-riskju eżistenti, li jvarjaw ħafna skont l-Istati Membri. Barra minn hekk, fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, għandhom jitqiesu wkoll l-ispejjeż operattivi tal-konnessjoni ferrovjarja.

45.

M’għandhiex titwettaq biss analiżi ekonomika fuq perjodu qasir, iżda għandha tingħata ħarsa wkoll lejn il-valur aktar strateġiku ta’ konnessjonijiet ġodda, li jistgħu jservu ta’ xprun fl-iżvilupp tar-reġjuni (periferiċi) tal-fruntieri. Huwa għalhekk li għal proġetti transkonfinali, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll, mill-istadju ta’ ppjanar u ta’ analiżi tal-ispejjeż tal-infrastrutturi, l-istrateġiji ta’ żvilupp għat-trasport adottati mill-Istati Membri kif ukoll li l-istrateġiji nazzjonali ta’ żvilupp relatati għall-ħarsien tal-ambjent, ir-riċerka teknoloġika u l-innovazzjoni, u tiġi żgurata l-konsistenza magħhom.

Brussell, it-8 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  COR-2016-00007

(2)  http://cor.europa.eu/en/documentation/studies/Documents/Potential-missing-link.pdf