|
9.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 185/24 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-ekonomija kollaborattiva u l-pjattaformi onlajn: viżjoni komuni tal-bliet u r-reġjuni
(2017/C 185/04)
|
I. KUMMENTI ĠENERALI
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,
|
1. |
jinnota li, permezz tal-Komunikazzjoni tagħha ppubblikata fit-2 ta’ Ġunju 2016 dwar “Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva”, il-Kummissjoni Ewropea tenniet il-preferenza għall-użu tat-terminu “ekonomija kollaborattiva” minflok it-terminu aktar komprensiv ta’ “ekonomija ta’ kondiviżjoni”; |
|
2. |
iqis li r-referenza għall-aspett ta’ “mingħajr skop ta’ qligħ” tal-ekonomija kollaborattiva fil-Komunikazzjoni msemmija, jiġifieri li “it-tranżazzjonijiet tal-ekonomija kollaborattiva ġeneralment ma jinvolvux bidla fis-sjieda u jistgħu jitwettqu għall-qligħ jew mingħajr skop ta’ qligħ”, mhijiex biżżejjed meta wieħed iqis li t-tibdil u l-innovazzjonijiet li tippromovi l-ekonomija kollaborattiva mhumiex limitati għall-effetti marbutin mal-provvista u d-domanda tas-servizzi; |
|
3. |
jenfasizza l-apprezzament tiegħu li b’din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni turi li hija miftuħa fir-rigward tal-ekonomija kollaborattiva. Jinħtieġ qafas regolatorju komuni li jkun applikabbli għall-Istati Membri, u għall-awtoritajiet reġjonali u lokali u jservihom ta’ gwida; |
|
4. |
fid-dawl tal-fatt li dan il-fenomenu jaffetwa diversi livelli, itenni l-importanza ta’ approċċ b’diversi livelli flimkien ma’ interazzjoni kontinwa u mill-qrib u kooperazzjoni bejn id-diversi livelli istituzzjonali; |
|
5. |
jiddispjaċih li l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 ma jinkludix proposta għas-segwitu tal-Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva. Fil-fatt il-leġislazzjoni Ewropea rilevanti ma tidhirx li hija kkonsolidata u l-qafas għal relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-pjattaformi u l-kontributuri tagħhom mhux ċar; |
|
6. |
billi din l-ekonomija ġdida tiddependi f’ħafna aspetti fuq l-għoti ta’ setgħa liċ-ċittadini u l-konsumaturi, huwa tal-fehma li huwa meħtieġ approċċ regolatorju bbażat fuq il-governanza f’diversi livelli, il-parteċipazzjoni, il-proporzjonalità u l-evitar ta’ burokrazija; |
II. RAKKOMANDAZZJONIJIET
|
7. |
jitlob li l-inizjattivi futuri f’dan il-qasam ikunu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt territorjali bir-reqqa min-naħa tal-Kummissjoni, liema ħtieġa ħarġet mis-seminar ta’ esperti dwar il-valutazzjoni tal-impatt urban organizzat mill-KtR (1); id-dimensjoni qawwija lokali u reġjonali ta’ dan il-fenomenu tidher ċar peress li ħafna inizjattivi tal-ekonomija kollaborattiva għandhom impatt konsiderevoli speċjalment fil-livell tal-bliet u dawn ta’ spiss huma mfassla, rregolati, u xi drabi ntaxxati fil-livell lokali u/jew reġjonali; |
|
8. |
jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi evitata l-frammentazzjoni regolatorja, u jitlob li dan l-għan jintlaħaq biex b’hekk jiġi żgurat li l-ekonomiji lokali u reġjonali jgawdu l-benefiċċji tal-ekonomija kollaborattiva; għaldaqstant, il-Kummissjoni hija mistiedna tqis id-dimensjoni lokali u reġjonali ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali” kif definita fl-Artikolu 4(8) tad-Direttiva dwar is-Servizzi; |
|
9. |
jenfasizza l-ħtieġa li, bħala fenomenu trasversali, l-ekonomija kollaborattiva tiġi indirizzata fil-kuntest tal-aġenda urbana għall-UE, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mat-tranżizzjoni lejn l-ambjent diġitali, wieħed mill-oqsma ta’ prijorità tal-Patt ta’ Amsterdam; |
|
10. |
iqis indispensabbli li jiġi adottat approċċ olistiku li jagħmel użu mir-rikkezza ekonomika, soċjali u ekoloġika li tirriżulta minn dawn is-sistemi eżistenti ta’ ġestjoni/kondiviżjoni/skambju ta’ beni u servizzi li issa jitwasslu mit-teknoloġiji ġodda; |
|
11. |
jenfasizza li minkejja l-kumplessità tagħha, azzjoni f’waqtha, imfassla primarjament biex tiġi evitata l-frammentazzjoni, xorta tkun ħafna inqas diffiċli mill-armonizzazzjoni ex-post tat-28 qafas nazzjonali u l-għadd kbir ta’ regolamenti fil-livell lokali u reġjonali; |
|
12. |
jinnota li miżuri regolatorji eċċessivi jistgħu joħonqu l-innovazzjoni; jenfasizza, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ miżuri regolatorji jistgħu joħolqu inċertezza li tista’ trażżan l-investimenti u l-iżvilupp tas-settur; |
|
13. |
iqis li din hija kwistjoni importanti anke fir-rigward tal-ħtieġa li jitnaqqas id-distakk diġitali. Ir-riskju li dawn l-ekonomiji jiġu indirizzati b’mod differenti jista’ jżid id-distakk bejn iż-żoni rurali u dawk urbani; |
|
14. |
jinnota l-prevalenza qawwija ta’ kumpaniji tal-Istati Uniti fl-ekonomija kollaborattiva u jenfasizza li l-introduzzjoni ta’ regoli ċari fil-livell tal-UE li jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà, jistgħu jippermettu li l-istartups Ewropej jikbru u jsiru aktar kompetittivi f’livell dinji; barra minn hekk, huwa tal-fehma li jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-ispiża tan-non-Ewropa fil-qasam tal-ekonomija kollaborattiva (2); |
Definizzjoni
|
15. |
iqis li dan l-approċċ ġdid ibbażat fuq il-kondiviżjoni/kollaborazzjoni/parteċipazzjoni/relazzjoni għandu kwalitajiet pożittivi mhux biss fir-rigward tat-teknoloġiji ġodda, iżda wkoll tal-fiduċja u r-responsabilità, u li għandu valur ekonomiku iżda wkoll soċjali u “esperjenzali”; |
|
16. |
jirrimarka li l-organizzazzjonijiet kummerċjali tal-ekonomija kondiviża/kollaborattiva b’viżjoni fit-tul għandu jkollhom rwol attiv fit-tfassil ta’ politiki futuri f’dan il-qasam; |
|
17. |
iqis li hija prijorità li jiġu identifikati u stabbiliti parametri u valuri li jridu jingħataw appoġġ u jiġu protetti sabiex jiġi evitat li l-paradigma ġdida tieħu forma li ħadd ma jidentifika magħha u sabiex tkun soċjalment sostenibbli. Dan se jkun meħtieġ fis-settur tal-ospitalità, pereżempju, fejn hemm riskju ta’ kompetizzjoni inġusta bejn is-servizzi tal-ekonomija kollaborattiva u attivitajiet tradizzjonali. Jista’ wkoll ikollha effett fuq is-suq tal-proprjetà permezz ta’ żieda fil-prezzijiet jew bidla fl-użu ta’ bini. Il-kwistjoni li għandha tiġi indirizzata lokalment hija sa liema punt il-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva jikkumplementaw ir-residenzi eżistenti u l-lukandier tradizzjonali; |
|
18. |
iqis li sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet huwa essenzjali li kemm jista’ jkun, u b’rispett sħiħ tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, jiġu adottati definizzjonijiet u kunċetti simili, għax dawn jiggarantixxu l-omoġeneità u ċ-ċertezza fil-livell Ewropew. Iqis li l-UE għandha tiddefinixxi l-kunċetti ta’ “fornitur ta’ servizz”, “impjegaturi” u “ħaddiema” b’mod iktar ċar, u ssib soluzzjoni għall-problemi fir-relazzjonijiet bejn konsumatur u ieħor u bejn negozjant u ieħor fuq il-pjattaformi onlajn, sabiex wara jiġi stabbilit liema drittijiet u regoli jkunu applikabbli; |
|
19. |
kif diġà ntqal fl-Opinjoni preċedenti “iqis, madankollu, li r-regolazzjoni ta’ swieq li diġà jeżistu għandha tkun soġġetta għal rieżami regolari sabiex tiġi verifikata l-kapaċità tagħha li tagħti spazju għal proċessi ta’ innovazzjoni kontinwi. Id-dibattiti dwar l-ekonomija ċirkolari u s-Suq Uniku Diġitali jista’ jkunu wħud mill-oqsma fejn l-ekonomija kollaborattiva tiġi kkunsidrata” (3). |
|
20. |
jiddispjaċih, madankollu, li m’hemm l-ebda referenza li turi li beħsieba tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-analiżijiet futuri, u li titħalla arbitrarjetà eċċessiva għall-Istati Membri b’riskju ta’ frammentazzjoni li għandha tiġi evitata; |
|
21. |
iqis li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipprovdi elementi u kriterji ta’ valutazzjoni, mingħajr ma tagħti reazzjoni sħiħa u għalhekk bilfors li se twassal għal interpretazzjonijiet li jvarjaw u aktar frammentazzjoni tas-suq uniku; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas legali ċar li jiżgura rispett għall-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta; f’dan il-kuntest, jiddispjaċih li l-approċċ tal-Kummissjoni jidher li hu li l-leġislatur Ewropew jitħalla japprova biss numru limitat ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji (4), inkluż dwar il-kwistjoni dwar x’inhu kopert preċiżament mill-esklużjoni tat-“trasport” mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi; |
|
22. |
jilqa’ b’mod pożittiv l-approċċ tal-Kummissjoni li, anke bis-saħħa tad-data li nġabret fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal, turi l-potenzjal ekonomiku tal-ekonomija kollaborattiva. Fl-istess ħin ikun jaqbel li ssir analiżi u jiġi rikonoxxut mhux biss il-gwadann ekonomiku iżda wkoll il-gwadann u l-iffrankar tal-attivitajiet kollaborattivi f’termini ambjentali u soċjali. Għalhekk, il-KtR jissuġġerixxi li jiġi identifikat l-aħjar mod għall-analiżi u l-monitoraġġ ta’ din “ir-rikkezza” ġġenerata mill-kondiviżjoni li b’hekk tkun tista’ tiġi rikonoxxuta fi ħdan l-ekonomija ċirkolari bħala parti attiva; |
|
23. |
jinnota li t-twaqqif ta’ punti uniċi ta’ servizz għal intraprendituri tal-ekonomija kondiviża/kollaborattiva, li jlaqqgħu flimkien is-servizzi kollha ta’ sostenn għan-negozji, jistgħu jgħinu biex tintlaħaq firxa usa’ ta’ attivitajiet tal-ekonomija ta’ kondiviżjoni/kollaborattiva; |
Ir-rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq
|
24. |
jitlob definizzjoni għal “fornitur ta’ servizzi” li tkun għada valida għad-Direttiva dwar is-Servizzi, peress li l-formulazzjoni attwali tkopri kwalunkwe attività ekonomika, inkluż in-numru kbir ta’ attivitajiet estremament rari u mhux professjonali pprovduti bejn il-pari; |
|
25. |
jikkunsidra li tkun ħaġa partikolarment utli li jiġu identifikati “livelli limiti”, “kwalitattivi” u “kwantitattivi”, sabiex jiġi determinat min huwa soġġett għar-rekwiżiti dwar l-aċċess għas-swieq, imma wkoll biex jiġi evitat li jinfirxu attivitajiet li taħt il-pretest tal-ekonomija kollaborattiva jistgħu jduru mal-liġijiet u r-regolamenti. |
Il-protezzjoni tal-utenti
|
26. |
iqis li l-Kummissjoni għandha tikkjarifika l-linji gwida provduti dwar id-definizzjoni ta’ “professjonist”; jemmen li n-nuqqas ta’ skop ta’ qligħ għandu jeskludi lil fornitur bħala professjonist u li għandhom jintużaw livelli limiti fil-livell tal-UE abbażi ta’ kemm spiss jiġi offrut is-servizz; |
|
27. |
jinnota li, flimkien mar-rekwiżiti legali, riċensjonijiet u valutazzjonijiet jistgħu jkunu fattur importanti sabiex jiżguraw il-fiduċja u l-protezzjoni tal-konsumatur, u jenfasizza li l-pjattaformi għandhom jagħmlu aktar kontra riċensjonijiet foloz; |
Aspetti tal-impjiegi u l-politika soċjali
|
28. |
jinnota, madankollu, li ħafna forom ta’ xogħol tal-ekonomija kollaborattiva jidhru li jaqgħu bejn impjieg bi ħlas u impjieg indipendenti, sitwazzjoni li tqajjem mistoqsijiet importanti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u s-sikurezza, assigurazzjoni tas-saħħa, liv ta’ mard imħallas, benefiċċji tal-qgħad u tal-pensjoni; jenfasizza li sitwazzjoni bħal din tista’ twassal biex tinħoloq kategorija ġdida ta’ ħaddiema temporanji; |
|
29. |
jinnota li qed jiżviluppaw xi mudelli intraprenditorjali ta’ ekonomija kollaborattiva filwaqt li joħolqu esternalitajiet negattivi qawwija fil-livell soċjali u tal-impjieg, b’mod partikolari billi jabbużaw mill-kunċett ta’ “impjieg indipendenti”, u jisfruttaw id-disparitajiet soċjali fost il-ħaddiema skont il-leġislazzjoni applikabbli fil-pajjiż fejn jiġi fornit is-servizz; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi kwadru aktar konkret biex jiggarantixxi l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri; |
|
30. |
jistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll lill-Kummissjoni biex jippromovu soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi soċjetali u tal-impjiegi li tippreżenta l-ekonomija kollaborattiva, bħal pereżempju kooperattivi jew soċjetajiet mutwi li jipprovdu l-istatus ta’ ħaddiem impjegat lil persuni li nkella jkunu mġiegħla jagħżlu l-istatus ta’ ħaddiem indipendenti kontra r-rieda tagħhom, u b’hekk joffrulhom aċċess għal firxa wiesgħa ta’ protezzjoni soċjali; |
It-tassazzjoni
|
31. |
jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe attività li ssir permezz ta’ pjattaforma intermedjarja onlajn hija totalment traċċabbli, u li b’miżuri ta’ politika adatti, l-ekonomija kollaborattiva tista’ minflok tkun għodda biex ittejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi; |
|
32. |
iħeġġeġ lill-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva biex jesiġu li l-fornituri attivi kollha jikkonformaw mar-regoli fiskali fis-seħħ, u biex jikkooperaw mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jistabbilixxu mekkaniżmi għat-trasferiment ta’ informazzjoni favur l-infurzar ta’ dawn l-obbligi b’rispett sħiħ tal-leġislazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data; josserva li diġà jeżistu eżempji ta’ sistemi bħal dawn u għandhom isiru r-regola ġenerali; |
|
33. |
jenfasizza b’mod partikulari l-każ tat-taxxi tal-akkomodazzjoni, li huma ta’ tħassib kbir għal ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali peress li, f’ħafna postijiet fejn tapplika, din it-taxxa ma tinġabarx għas-soġġorn ibbukkjat permezz tal-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva; iżid li dan il-ksur tar-regoli ma jistax jiġi tollerat, għax ikun jirrappreżenta kompetizzjoni żleali kontra l-fornituri tal-akkomodazzjoni tradizzjonali u barra minn hekk iċaħħad lill-awtoritajiet lokali u reġjonali mid-dħul; jilqa’ b’sodisfazzjon fl-istess waqt li ntlaħqu ftehimiet bejn ċerti bliet u pjattaformi dwar il-ġbir sistematiku ta’ dawn it-taxxi; |
Il-pjattaformi
|
34. |
jenfasizza li r-responsabbiltajiet soċjali tal-pjattaformi fis-sitwazzjonijiet differenti kollha tagħhom għandhom jiġu definiti b’mod aktar preċiż, b’mod partikolari fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol kif ukoll it-taħriġ; jenfasizza li d-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-intrapriża kif ukoll id-dritt ta’ negozjar u ta’ azzjoni kollettiva, kif minquxa rispettivament fl-Artikoli 27 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu garantiti indipendentament mill-mudell ekonomiku; |
|
35. |
iqis li r-rwol ta’ pjattaformi onlajn huwa tal-akbar importanza, strument multiplikatur għall-paradigma ekonomika inkwistjoni, u jistenna li dawn jassumu r-responsabbiltà li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-utenti, tal-komunità u tat-territorju sabiex dan ma sservix awtomatikament ta’ ostaklu jew xkiel; |
|
36. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni tindika li l-inizjattiva tagħha dwar “il-fluss liberu tad-data” se tiffaċilita l-fluss u l-portabbiltà tad-data fost id-diversi pjattaformi onlajn: dan huwa aspett fundamentali biex jiġu żgurati kompetizzjoni ġusta u protezzjoni tal-konsumatur fis-suq uniku; |
|
37. |
jistieden lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-ħtieġa u l-fattibbiltà li timponi obbligu legali għall-pjattaformi li jipprovdu deskrizzjoni fil-qosor sempliċi u faċli għall-utent dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tagħhom flimkien mad-dokumenti ta’ użu ġenerali, peress li t-tul u l-kumplessità tagħhom jiskoraġġixxu ħafna mill-utenti milli jaqrawhom, u b’hekk tinħoloq relazzjoni asimmettrika ferm; |
|
38. |
jilqa’ bi pjaċir l-impenn tal-Kummissjoni biex taħdem mal-pjattaformi onlajn għall-introduzzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta kontra d-diskors ta’ mibegħda onlajn; |
|
39. |
jistieden lill-Kummissjoni biex, mill-aktar fis possibbli, tadotta approċċ olistiku sabiex jiġi evitat li dan il-fenomenu jimblokka l-iżviluppi u implikazzjonijiet tal-ekonomija kollaborattiva fil-futur qrib; |
|
40. |
jappoġġja l-possibbiltà li jinħoloq statut Ewropew speċifiku għall-pjattaformi kollaborattivi fuq perjodu ta’ żmien medju, li jista’ jsir wara proċess ta’ tikkettar mibdi mill-pjattaformi stess, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-awtoritajiet pubbliċi. Proċess ta’ tikkettar bħal dan għandu jippermetti li l-pjattaformi jiċċaraw ir-responsabbiltajiet tagħhom u b’mod partikolari jistabbilixxi standards minimi dwar ir-regoli u l-prinċipji applikabbli għall-ħaddiema kollaborattivi (remunerazzjoni, ir-regoli għall-klassifikazzjoni u d-dereferenzjar, is-soluzzjoni għat-tilwim, eċċ.); |
|
41. |
jenfasizza l-ħtieġa li jinstab bilanċ ġust fil-livell leġislattiv: dawk responsabbli mit-tfassil tal-politika m’għandhomx joħonqu l-innovazzjoni u jirregolaw l-ekonomija kollaborattiva sakemm ixejnuha u fl-istess ħin jintervjenu bir-reqqa biex jevitaw il-frammentazzjoni u jimmaniġġjaw l-isfidi soċjoekonomiċi; |
|
42. |
jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta, tgħarraf u tinvolvi lil-livelli kollha sabiex jirrikonoxxu “il-Proġett Pilota” li approvat fuq proposta mill-Parlament Ewropew u bl-għan li jsiru studji, monitoraġġ u programmi ta’ taħriġ dwar l-ekonomija kollaborattiva; |
|
43. |
jitlob id-definizzjoni ta’ livelli limiti fil-livell tal-UE li taħthom attività ekonomika tibqa’ titqies mhux professjonali u “ugwali għal pari” u għalhekk ma tkunx soġġetta għal rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq; |
|
44. |
huwa tal-fehma li dawn il-limiti għandhom ikunu marbuta u bbażati fuq iż-żmien (eż. in-numru ta’ ljieli mqattgħin f’akkomodazzjoni, in-numru ta’ ġranet/sigħat maħduma għal setturi oħra) aktar milli jkunu assoluti u monetarji, sabiex jiġu żgurati l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd, u jqis li għandhom ikunu baxxi wkoll, sabiex jiġi evitat l-abbuż u tiġi żgurata n-natura effettivament temporanja u mhux professjonali tal-attività in kwistjoni; |
|
45. |
jitlob li l-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva fis-settur tal-akkomodazzjoni jimponu fuq il-fornituri l-obbligu li jirrispettaw ir-regoli tat-taxxa tal-akkomodazzjoni applikabbli u li jiġbru dawn it-taxxi fuq il-prenotazzjonijiet kollha li jipproċessaw fil-bliet u r-reġjuni kkonċernati, sabiex il-ħlasijiet jingħaddu lill-awtoritajiet kompetenti; jenfasizza li jeżistu diġà diversi eżempji ta’ tali kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-pjattaformi; |
|
46. |
jaqbel li jiġi stabbilit “forum tal-bliet dwar l-ekonomija kollaborattiva” għall-kondiviżjoni tal-esperjenzi u l-iskambju tal-prattiki tajbin li, minbarra lill-Kumitat, għandu jinvolvi lill-organizzazzjonijiet u lin-netwerks Ewropej fid-dimensjoni lokali u reġjonali tal-ekonomija kollaborattiva u jikkoordina mas-sħubijiet tematiċi rilevanti tal-Aġenda Urbana għall-UE; jenfasizza li dan il-forum ikun iservi bħala sors ewlieni u msieħeb importanti fil-qafas tal-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali meħtieġa f’dan il-qasam; |
|
47. |
iħeġġeġ lil-livelli politiċi kollha biex jaħdmu fuq is-sitwazzjoni attwali mingħajr ma jintesal-fatt li l-isfida hija li titfassal l-ekonomija ta’ kondiviżjoni tal-futur. |
Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2016.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA
(1) Valutazzjoni tal-Impatt Urban, L-ekonomija kollaborattiva, Kummissjoni ECON, 30.6.2016.
(2) Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, Jannar 2016: The Cost of Non-Europe in the Sharing Economy
http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/558777/EPRS_STU%282016%29558777_EN.pdf.
(3) Opinjoni dwar “Id-dimensjoni lokali u reġjonali tal-ekonomija kollaborattiva”, COR-2015-02698-00-00-AC-TRA, Diċembru 2015.
(4) Ara l-kawża C-434/15, Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Mercantil no 3 de Barcelona (Spanja) fis-7 ta’ Awwissu 2015 (ĠU C 363, 3.11.2015, p. 21) — Asociación Profesional Elite Taxi vs Uber Systems Spain, S.L..