9.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 185/75


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Rieżami tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema

(2017/C 185/10)

Relatur:

Is-Sinjura RENSTRÖM (SE/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Ovanåker

Dokument ta’ referenza:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi

COM(2016) 128 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Proposta għal Direttiva

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Kważi għoxrin sena wara l-adozzjoni tagħha, huwa meħtieġ li jiġi evalwat jekk id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema għadhiex tilħaq bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li tiġi promossal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-ħtieġa li jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati.

Kważi għoxrin sena wara l-adozzjoni tagħha, huwa meħtieġ li jiġi evalwat jekk id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema għadhiex tilħaq bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li tiġi promossal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-ħtieġa li jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati. L-istazzjonar ma jista’ taħt l-ebda ċirkostanza jqiegħed lill-ħaddiema stazzjonati f’sitwazzjoni inqas favorevoli.

Emenda 2

Proposta għal Direttiva

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Minħabba l-perjodu twil ta’ ċerti ingaġġi ta’ stazzjonar, jenħtieġ li jkun previst li, fil-każ ta’ stazzjonament li jdum għal perijodi ta’ aktar minn 24 xahar, l-Istat Membru ospitanti jitqies bħala l-pajjiż li fih jitwettaq ix-xogħol . Għaldaqstant, f’konformità mal-prinċipju tar-Regolament Ruma I, i l-liġi tal-Istat Membru ospitanti tapplika għall-kuntratt ta’ impjieg ta’ ħaddiema stazzjonati bħal dawn jekk ma tkun saret l-ebda għażla tal-liġi oħra mill-partijiet. Fil-każ li tkun saret għażla differenti, madankollu, din ma tistax twassal biex l-impjegat jiċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim skont il-liġi tal-Istat Membru ospitanti. Dan għandu japplika mill-bidu tal-assenjament tal-istazzjonar kull meta jkun maħsub għal aktar minn 24 xahar u mill-ewwel jum wara l- 24 xahar meta dan effettivament jeċċedi dan it-tul ta’ żmien. Din ir-regola ma taffettwax id-dritt tal-impriżi li jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li jinvokaw il-libertà li jipprovdu servizzi anki f’ċirkustanzi fejn l-istazzjonar jaqbeż l-24 xahar. L-għan huwa biss li tinħoloq ċertezza ġuridika fl-applikazzjoni tar-Regolament Ruma I għal sitwazzjoni speċifika, mingħajr ma dan ir-Regolament jiġi emendat bl-ebda mod. L-impjegat għandu, b’mod partikolari, igawdi l-protezzjoni u l-benefiċċji skont ir-Regolament Ruma I.

Minħabba l-perjodu twil ta’ ċerti ingaġġi ta’ stazzjonar, jenħtieġ li jkun previst li, fil-każ ta’ stazzjonament li jdum għal perijodi ta’ aktar minn 12-il xahar, il-liġi ta l-Istat Membru ospitanti tapplika għar-relazzjoni tal-impjieg . Għaldaqstant, f’konformità mal-prinċipju tar-Regolament Ruma I,  dan għandu jkun il-każ jekk ma tkun saret l-ebda għażla tal-liġi oħra mill-partijiet. Fil-każ li tkun saret għażla differenti, madankollu, din ma tistax twassal biex l-impjegat jiċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim skont il-liġi tal-Istat Membru ospitanti. Dan għandu japplika mill-bidu tal-assenjament tal-istazzjonar kull meta jkun maħsub għal aktar minn 12-il xahar u mill-ewwel jum wara l- 12-il xahar meta dan effettivament jeċċedi dan it-tul ta’ żmien. Din ir-regola ma taffettwax id-dritt tal-impriżi li jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li jinvokaw il-libertà li jipprovdu servizzi anki f’ċirkustanzi fejn l-istazzjonar jaqbeż it-12-il xahar.

Raġuni

Il-limitu ta’ żmien stabbilit fil-proposta tal-Kummissjoni li lil hinn minnu għandha tapplika bis-sħiħ il-liġi tal-pajjiż ospitanti għandu japplika bis-sħiħ għar-relazzjonijiet tal-impjieg f’sitwazzjonijiet marbutin mal-istazzjonar stipulati fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali. Dan l-istess artikolu jipprevedi li l-liġi tal-pajjiż ospitanti għandha tapplika jekk impjegat huwa mistenni jkun stazzjonat għal perjodu ta’ 24 xahar.

L-għan ewlieni tar-Regolament Nru 883/2004 huwa l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għall-benefiċċji taħt kull sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri. L-għan tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema huwa li tipproteġi l-ħaddiema stazzjonati u li tiffaċilita l-moviment liberu tas-servizzi. Fil-fehma tal-Kumitat, ma hemm l-ebda raġuni oġġettiva biex jiġu kkoordinati l-limiti ta’ żmien stabbiliti minn dawn iż-żewġ strumenti legali sempliċement abbażi tal-fatt li t-tnejn li huma jirregolaw sitwazzjonijiet fejn iċ-ċittadini tal-UE qed jgħixu u jaħdmu b’mod temporanju fi Stat Membru partikolari.

Fil-fehma tal-Kumitat, għandu jitnaqqas il-limitu ta’ żmien li lil hinn minnu l-liġi tal-pajjiż ospitanti tapplika bis-sħiħ għar-relazzjonijiet tal-impjieg b’rabta ma’ sitwazzjonijiet tal-istazzjonar. Huwa tal-fehma li stazzjonar antiċipat jew effettiv ta’ tnax-il xahar għal impjegat partikolari huwa limitu ta’ żmien adegwat li lil hinn minnu ħaddiem stazzjonat għandu jiġi kkunsidrat bħala li għandu konnessjoni mal-pajjiż tal-istazzjonar b’mod li l-leġislazzjoni tiegħu għandha tapplika bis-sħiħ għar-relazzjoni tal-impjieg.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-kwistjoni ta’ liema pajjiż għandu japplika l-liġi tiegħu għall-ħaddiema stazzjonati għandha tiġi regolata fl-intier tagħha fid-Direttiva dwar il-Ħaddiema Stazzjonati, u mhux permezz tal-applikazzjoni tar-Regolament Ruma I.

Proposta għal Emenda 3

Proposta għal Direttiva

Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Huwa f il-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu regoli dwar ir-remunerazzjoni f’konformità mal-liġi u l-prassi tagħhom. Madankollu, i r-regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni applikati għall-ħaddiema stazzjonati għandhom ikunu ġustifikati mill-ħtieġa li l-ħaddiema stazzjonati jiġu protetti u ma għandhomx jirrestrinġu b’mod sproporzjonat il-provvediment transkonfinali ta’ servizzi.

Din id-direttiva ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu regoli dwar ir-remunerazzjoni f’konformità mal-liġi u l-prassi tagħhom. Madankollu, l-applikazzjoni ta r-regoli nazzjonali dwar ir-remunerazzjoni għall-ħaddiema stazzjonati għandha tkun ġustifikata mill-ħtieġa li l-ħaddiema stazzjonati jiġu protetti u ma għandhomx jirrestrinġu b’mod sproporzjonat il-provvediment transkonfinali ta’ servizzi.

Raġuni

Fiha nnifisha, id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema ma taffettwax il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ remunerazzjoni. Huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddetermina – skont il-mudell tas-suq tax-xogħol applikat –liema remunerazzjoni tapplika fil-livell nazzjonali. Id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema sempliċement tgħid li livell partikolari ta’ remunerazzjoni – li jiġi stabbilit fil-pajjiż tal-istazzjonar – għandu japplika wkoll għall-ħaddiema stazzjonati f’dak il-pajjiż.

Il-Premessa 12 tal-proposta tal-Kummissjoni tista’ tiġi interpretata bħala li tfisser li r-regoli dwar ir-remunerazzjoni adottati fil-livell nazzjonali jistgħu huma stess ikunu soġġetti għal rieżami taħt id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u r-regoli fit-Trattati dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għandu jiġi ċċarat li hija l-applikazzjoni għall-ħaddiema stazzjonati tar-regoli dwar ir-remunerazzjoni stabbiliti fil-livell nazzjonali li għandha tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa li l-ħaddiema stazzjonati jiġu protetti u li m’għandhiex b’mod sproporzjonat tirrestrinġi l-provvediment transkonfinali ta’ servizzi.

Emenda 4

Proposta għal Direttiva

Artikolu 1(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Jiżdied l-Artikolu 2a li ġej:

Jiżdied l-Artikolu 2a li ġej:

Artikolu 2a

Artikolu 2a

Stazzjonar li jaqbeż l-24 xahar

Stazzjonar li jaqbeż it-12-il xahar

1.   Meta t-tul antiċipat jew effettiv tal-istazzjonar jaqbeż l-24 xahar, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem għandu jitqies bħala l-pajjiż li fih xogħlu/xogħolha jitwettaq abitwalment .

1.   Meta t-tul antiċipat jew effettiv tal-istazzjonar jaqbeż it-12-il xahar, il-kuntratt tax-xogħol għall-perjodu tal-istazzjonar għandu jkun kollu kemm hu soġġett għal-liġi ta l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem sakemm min iħaddem u l-impjegat ma jkunux qablu dwar liġi applikabbli oħra .

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, fil-każ ta’ bdil ta’ ħaddiema stazzjonati li jwettqu l-istess kompitu fl-istess post, għandu jitqies it-tul kumulattiv tal-perjodi ta’ stazzjonar tal-ħaddiema inkwistjoni, fir-rigward ta’ ħaddiema li jiġu stazzjonati għal tul ta’ żmien ta’ mill-inqas sitt xhur.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, fil-każ ta’ bdil ta’ ħaddiema stazzjonati li jwettqu l-istess kompitu fl-istess post, għandu jitqies it-tul kumulattiv tal-perjodi ta’ stazzjonar tal-ħaddiema inkwistjoni, fir-rigward ta’ ħaddiema li jiġu stazzjonati għal tul ta’ żmien ta’ mill-inqas sitt xhur.

 

3.     Ftehim dwar liġi applikabbli oħra ma jistax iwassal biex l-impjegat jiġi mċaħħad mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi applikabbli f’punt 1.

 

4.     L-applikazzjoni tal-punt 1 ma għandhiex twassal biex il-ħaddiem stazzjonat jitqiegħed f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla mal-applikazzjoni ta’ liġi oħra ta’ pajjiż għall-kuntratt tax-xogħol b’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I).

Raġuni

Il-limitu ta’ żmien stabbilit fil-proposta tal-Kummissjoni li lil hinn minnu għandha tapplika bis-sħiħ il-liġi tal-pajjiż ospitanti għandu japplika bis-sħiħ għar-relazzjonijiet tal-impjieg f’sitwazzjonijiet marbutin mal-istazzjonar stipulati fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali. Dan l-istess artikolu jipprevedi li l-liġi tal-pajjiż ospitanti għandha tapplika jekk impjegat huwa mistenni jkun stazzjonat għal perjodu ta’ 24 xahar.

L-għan ewlieni tar-Regolament Nru 883/2004 huwa l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għall-benefiċċji taħt kull sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri. L-għan tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema huwa li tipproteġi l-ħaddiema stazzjonati u li tiffaċilita l-moviment liberu tas-servizzi. Fil-fehma tal-Kumitat, ma hemm l-ebda raġuni oġġettiva biex jiġu kkoordinati l-limiti ta’ żmien stabbiliti minn dawn iż-żewġ strumenti legali sempliċement abbażi tal-fatt li t-tnejn li huma jirregolaw sitwazzjonijiet fejn iċ-ċittadini tal-UE qed jgħixu u jaħdmu b’mod temporanju fi Stat Membru partikolari.

Fil-fehma tal-Kumitat, għandu jitnaqqas il-limitu ta’ żmien li lil hinn minnu l-liġi tal-pajjiż ospitanti tapplika bis-sħiħ għar-relazzjonijiet tal-impjieg b’rabta ma’ sitwazzjonijiet tal-istazzjonar. Huwa tal-fehma li stazzjonar antiċipat jew effettiv ta’ tnax-il xahar għal impjegat partikolari huwa limitu ta’ żmien adegwat li lil hinn minnu ħaddiem stazzjonat għandu jiġi kkunsidrat bħala li għandu konnessjoni mal-pajjiż tal-istazzjonar b’mod li l-leġislazzjoni tiegħu għandha tapplika bis-sħiħ għar-relazzjoni tal-impjieg.

Il-forma tal-proposta tal-Kummissjoni – b’dispożizzjoni li tidentifika l-liġi tal-pajjiż ospitanti li hija applikabbli għar-relazzjoni tal-impjieg biss b’mod indirett u permezz tal-applikazzjoni tar-Regolament Ruma I – tqajjem għadd ta’ preokkupazzjonijiet. B’konformità mal-Premessa 8 tal-proposta tal-Kummissjoni, it-test tad-Direttiva għandu jagħmilha ċara li għadu possibbli li jkun hemm qbil li tiġi applikata l-liġi ta’ pajjiż għajr dak ospitanti taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I. Għandu jiġi żgurat ukoll li l-applikazzjoni tal-liġi tal-pajjiż ospitanti għar-relazzjoni tal-impjieg ma tpoġġix lill-impjegat f’sitwazzjoni inqas favorevoli, pereżempju peress li tipprovdi inqas protezzjoni jew termini u kundizzjonijiet inqas favorevoli għall-impjegati.

Iċ-ċirkustanzi li fihom il-liġi tal-pajjiż ospitanti hija applikabbli għandhom, fil-fehma tal-Kumitat, jiġu stipulati direttament fid-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema. Din l-emenda hija marbuta mal-emenda għall-Premessa 8.

Rakkomandazzjoni għall-emenda 5

Proposta għal Direttiva

Artikolu 1(2)(a)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

“[…] Għall-fini ta’ din id-Direttiva, ir-remunerazzjoni tfisser l-elementi kollha tar-remunerazzjoni magħmula obbligatorji b’ liġi, regolament jew disposizzjoni amministrattiva, ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ nazzjonali li kienu ddikjarati universalment applikabbli u/jew, fl-assenza ta’ sistema biex tiddikjara ftehim kollettiv jew sentenzi ta’ arbitraġġ bħala universalment applikabbli, ftehimiet kollettivi jew sentenzi ta’ arbitraġġ oħra fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 8, fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem huwa stazzjonat.

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw fis-sit web nazzjonali uffiċjali uniku msemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/67/UE l-elementi kostitwenti ta’ remunerazzjoni f’konformità mal-punt (c).”

Fil-kuntest ta’ din id-Direttiva, ir-remunerazzjoni u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għandhom ikunu definiti skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem huwa stazzjonat.

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw fis-sit web nazzjonali uffiċjali uniku msemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/67/UE l-elementi kostitwenti ta’ remunerazzjoni f’konformità mal-punt (c).”

Raġuni

Huwa importanti li jiġi stabbilit li r-remunerazzjoni hija kwistjoni ta’ kompetenza nazzjonali, b’tali mod illi d-direttiva ma tkunx tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tista’ teżamina d-dispożizzjonijiet nazzjonali marbuta mal-pagi.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI.

Valutazzjoni tal-Kumitat

1.

josserva li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi transkonfinali fi ħdan l-UE hija garantita mill-Artikoli 56 sa 62 tat-TFUE. Suq uniku tas-servizzi li jaħdem kif imiss mhux biss iġib miegħu benefiċċji diretti għall-fornituri tas-servizzi u l-konsumaturi fi ħdan l-UE iżda huwa wkoll kundizzjoni importanti għat-tkabbir ekonomiku, li huwa mistenni li jibbenefika liċ-ċittadini kollha tal-UE fil-forma ta’ aktar prosperità u livell ogħla ta’ protezzjoni soċjali;

2.

huwa tal-fehma li suq uniku għas-servizzi li jaħdem kif imiss huwa partikolarment importanti għall-fornituri tas-servizzi f’reġjuni li għandhom fruntiera diretta ma’ Stati Membri oħra;

3.

josserva li wieħed mill-punti tat-tluq importanti għall-moviment liberu tas-servizzi huwa li l-fornituri tas-servizzi għandhom ikunu jistgħu jipprovdu servizzi fi Stati Membri oħra taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk fil-pajjiż ta’ stabbiliment tagħhom. Fl-istess ħin, wieħed mill-prerekwiżiti għal suq uniku li jaħdem kif imiss huwa li l-kompetizzjoni – inkluża l-kompetizzjoni transkonfinali – ma tkunx l-ewwel u qabel kollox imsejsa fuq il-kostijiet lavorattivi iżda fuq fatturi bħalma huma l-kwalità tas-servizz u l-effiċjenza ta’ ħidmet il-fornitur tas-servizzi;

4.

josserva li d-differenzi bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari mil-lat tal-ispejjeż tas-salarji, ifissru li l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tas-servizzi wisq probabbli jagħmel pressjoni biex titnaqqas ir-remunerazzjoni fil-pajjiż li fih ikunu stazzjonati l-ħaddiema. Meta l-kompetizzjoni fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tkun inġusta, hemm il-periklu li dan iwassal għal dumping soċjali fil-pajjiż ospitanti. Dan id-dumping soċjali jagħmel pressjoni ‘l isfel fuq il-prezzijiet, li jipperikola l-intrapriżi li ma jużawx l-istazzjonar;

5.

huwa tal-fehma li huwa importanti li jkun hemm bilanċ raġonevoli bejn il-moviment liberu tas-servizzi, minn naħa waħda, u l-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati u kontra d-dumping tal-pagi u dak soċjali, min-naħa l-oħra, sabiex ikun hemm aċċettazzjoni pubblika għal-funzjonament tas-suq intern, b’mod partikolari fost persuni li jaħdmu fis-setturi tas-servizzi fejn l-istazzjonar jinsab u fejn jista’ jkun mistenni li jsir prattika komuni. Jenfasizza, madankollu, li sabiex id-dumping soċjali jiġi miġġieled b’mod effettiv, hemm bżonn ta’ miżuri li jipproteġu wkoll dawk li jaħdmu għal rashom kif ukoll dawk li jagħmlu xogħol intermedjat minn pjattaformi diġitali;

6.

huwa tal-fehma wkoll li bilanċ raġonevoli bejn l-interessi li d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema għandha l-għan li taqdi huwa prerekwiżit għal kompetizzjoni soda u ġusta fi ħdan is-settur tas-servizzi f’sitwazzjonijiet transkonfinali;

7.

f’dan il-kuntest, jista’, bħala punt tat-tluq, jappoġġja l-prinċipju li fuqu tissejjes il-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri li l-istess xogħol fl-istess post għandu jitħallas bl-istess mod;

8.

iqis li n-nuqqas ta’ għarfien tar-rekwiżiti amministrattivi relatati mar-reklutaġġ tal-ħaddiema meħtieġa fl-Istati Membri ta’ akkoljenza, u d-diffikultà li xi kumpaniji (speċjalment l-SMEs) jsibu sabiex jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti jistgħu jostakolaw il-prestazzjoni ħielsa ta’ servizzi transkonfinali fi ħdan l-UE u jpoġġu f’riskju l-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati. L-introduzzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, ta’ mekkaniżmi ċari u faċilment aċċessibbli ta’ informazzjoni u konsulenza dwar dawn il-kwistjonijiet tista’ ttaffi dawn id-diffikultajiet;

9.

huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li għandu jkun hemm limitu ta’ żmien li lil hinn minnu l-liġi tal-pajjiż ospitanti tapplika bis-sħiħ għal ħaddiem stazzjonat. Madankollu, ma jara l-ebda raġuni oġġettiva għala r-regoli fir-Regolament Nru 883/2004 għandhom jintużaw bħala l-bażi biex jiġi stabbilit il-limitu ta’ żmien li lil hinn minnu l-liġi tal-pajjiż ospitanti tapplika bis-sħiħ għar-relazzjonijiet f’sitwazzjonijiet ta’ stazzjonar. Fil-fehma tal-Kumitat, il-limitu ta’ żmien fid-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema għandu jkun ta’ 12-il xahar;

10.

huwa tal-fehma wkoll li ċ-ċirkustanzi li fihom il-liġi tapplika bis-sħiħ għar-relazzjoni tal-impjieg ma jimplikawx li l-ħaddiem stazzjonat hu fil-prattika f’sitwazzjoni inqas favorevoli;

11.

josserva li l-proposta tal-Kummissjoni biex tissostitwixxi l-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” b’“remunerazzjoni” tista’ titqies bħala konformi sew mad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, pereżempju fil-kawża Sähköalojen ammattiliitto ry (C-396/13) u l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rati minimi ta’ ħlas” f’din is-sentenza;

12.

josserva li anke jekk jistgħu jintużaw u fil-fatt jintużaw biss l-elementi obbligatorji tar-remunerazzjoni u l-bażijiet ta’ stima fil-pajjiż ospitanti meta tiġi kkalkulata l-paga fit-tifsira ta’ din id-Direttiva fl-Istat Membru rispettiv, xorta waħda mhux se jkun possibbli li l-pajjiż ospitanti jesiġi li min iħaddem għandu jħallas lill-ħaddiema stazzjonati dak li jista’ jitqies bħala “normali” jew ir-remunerazzjoni medja għal xogħol simili fil-pajjiż ospitanti;

13.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li l-elementi kostitwenti tar-remunerazzjoni li japplikaw għall-ħaddiema stazzjonati fil-pajjiż ospitanti għandhom ikunu ppubblikati fis-sit web nazzjonali uffiċjali li jkun ħoloq kull Stat Membru b’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Infurzar sabiex jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni qabel l-istazzjonar;

14.

huwa tal-fehma li, b’mod ġenerali, il-proposta tal-Kummissjoni li jintuża l-kunċett ta’ “remunerazzjoni” minflok “rati minimi ta’ ħlas” u tibdil ieħor propost f’din il-biċċa tat-test ifissru li d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema ser tasal għal bilanċ raġonevoli bejn li tiżgura li l-fornituri tas-servizzi jistgħu jipprovdu servizzi transkonfinali fi ħdan l-UE mingħajr ostakli mhux ġustifikati, minn naħa, u l-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati u l-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni inġusta, min-naħa l-oħra;

15.

huwa tal-fehma, madankollu, li jeħtieġ li jiġi ċċarat li d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema nnifisha ma taffettwa bl-ebda mod il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri rigward id-dritt li joħorġu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-paga fil-qafas tal-mudelli rispettivi tagħhom tas-suq tax-xogħol;

16.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-obbligu li japplikaw il-kundizzjonijiet tal-pajjiż ospitanti fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema fl-industrija tal-kostruzzjoni għandu japplika bl-istess mod irrispettivament minn jekk ir-remunerazzjoni hijiex iffissata mil-liġi, fi ftehim kollettiv iddikjarat bħala ta’ applikazzjoni ġenerali jew fi ftehim kollettiv ieħor kif hemm referenza għalihom fl-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 3(8);

17.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar sitwazzjonijiet ta’ stazzjonar fil-qafas ta’ prattiki ta’ sottokuntrattar konsekuttiv, li jwasslu għat-tnaqqis fir-responsabbiltà ta’ min iħaddem u xi daqqiet iwasslu sabiex il-ħaddiema stazzjonati jiġu abbandunati mingħajr l-ebda assistenza u għajnuna. Fond Ewropew ta’ appoġġ jista’ jippermetti intervent rapidu sabiex jiġi żgurat ir-ritorn fl-aħjar kundizzjonijiet ta’ dawn l-impjegati fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Barra minn hekk, jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ reġistru Ewropew li jobbliga lill-impriżi kollha fl-Istati Membri li jistazzjonaw il-ħaddiema biex jiddikjaraw il-ħaddiem stazzjonat mhux aktar tard minn meta tibda l-provvista tas-servizzi;

18.

jinnota li l-ħiliet tal-ħaddiema stazzjonati spiss jiġu sottovalutati apposta minn min iħaddem biex jiġġustifikaw livell ta’ pagi iktar baxx. Din il-prattika tista’ tkompli bħala mod kif jiġi evitat l-obbligu ta’ trattament indaqs fir-rigward tar-remunerazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-ħolqien ta’ reġistru Ewropew tal-professjonijiet u l-ħiliet professjonali biex tiġi rimedjata tali sitwazzjoni, u biex jiġu protetti l-interessi tal-impjegati mingħajr diploma jew ċertifikat;

19.

josserva li d-data tal-għeluq tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (2008/104/KE) dwar Xogħol Temporanju permezz ta’ Aġenzija kienet il-5 ta’ Diċembru 2011. Wieħed mill-għanijiet ta’ din id-Direttiva huwa li tipproteġi l-ħaddiema temporanji u dan, fost affarijiet oħra jinvolvi l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ta’ paga, liv u ħinijiet tax-xogħol (Artikolu 5);

20.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali tad-Direttiva dwar Xogħol Temporanju għandha tkun obbligatorja wkoll f’sitwazzjonijiet fejn l-aġenzija tax-xogħol temporanju tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor u x-xogħol ikun każ ta’ stazzjonar fit-tifsira tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema;

Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

21.

josserva li erbatax-il Parlament/kamra nazzjonali fi ħdax-il Stat Membru (il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Kroazja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija) ressqu opinjonijiet motivati fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tas-sussidjarjetà, li wasslu biex il-proposta tirċievi l-hekk imsejħa “karta safra” (mekkaniżmu ta’ kontroll tas-sussidjarjetà);

22.

jinnota li d-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema tirregola liema huma t-termini u kundizzjonijiet tal-impjieg tal-pajjiż ospitanti li fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor huwa obbligat japplikahom għall-ħaddiema stazzjonati f’dak il-pajjiż ospitanti. La d-Direttiva attwali u lanqas id-Direttiva emendatorja ma għandha l-għan li tarmonizza l-kundizzjonijiet fl-Istati Membri;

23.

josserva li l-emendi għad-Direttiva jistgħu jsiru biss fil-livell tal-UE. Mhuwiex possibbli, taħt ir-regoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn il-fruntieri fi ħdan l-UE u r-Regolament Ruma I, li jiġi regolat fil-livell tal-Istati Membri liema kundizzjonijiet fil-qasam tal-liġi tax-xogħol japplikaw f’sitwazzjoni ta’ stazzjonar;

24.

josserva li d-Direttiva dwar l-Infurzar, li kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri fil-liġi nazzjonali sat-18 ta’ Ġunju 2016, tinkludi għodod li jgħinu lill-Istati Membri biex irażżnu l-abbuż u d-dumping soċjali li joriġinaw mill-istazzjonar (jiġifieri l-frodi, iċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri). Il-Kumitat jieħu nota tal-fatt li d-Direttiva riveduta dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u d-Direttiva dwar l-Infurzar huma fil-biċċa l-kbira tagħhom strumenti legali li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u għaldaqstant jistenna bil-ħerqa valutazzjoni sħiħa dwar l-effetti u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva dwar l-Infurzar;

25.

jenfasizza wkoll li għad hemm il-problemi f’li tiġi żgurata l-konsistenza fl-implimentazzjoni tal-kontrolli tal-ħaddiema stazzjonati fl-Istati Membri differenti, peress li d-Direttiva dwar l-Infurzar tipprevedi biss kooperazzjoni bilaterali bejn l-Istati Membri; jaqbel għalhekk li l-għan tar-rieżami propost tad-Direttiva, jiġifieri definizzjoni komuni tar-regoli applikabbli għall-istazzjonar tal-ħaddiema, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-UE;

26.

huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġi promoss l-iskambju tad-data bejn il-korpi aar-rappurtar jew l-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-Istat Membru emittenti kif ukoll f’dak ospitanti, u li jiġi introdott l-obbligu ta’ rappurtar għall-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri ospitanti, sabiex jiġu implimentati miżuri effettivi kontra l-istazzjonar falz tal-ħaddiema u l-istabbiliment ta’ kumpaniji bl-iskop ta’ stazzjonar falz, kif ukoll kontra kompetizzjoni inġusta abbażi ta’ kontribuzzjonijiet aktar baxxi tas-sigurtà soċjali. F’każ li jkun hemm it-tendenza li l-kumpaniji jiġu stabbiliti bl-iskop ta’ stazzjonar falz, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġi esiġit perjodu minimu tal-impjieg ta’ ħaddiem fl-Istat Membru emittenti qabel ma l-ħaddiem inkwistjoni jkun jista’ jiġi stazzjonat.

Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA