21.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 88/22


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Għajnuna mill-Istat u Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali

(2017/C 088/05)

Relatur:

Markus Töns (DE/PSE), Membru tal-Parlament tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jirreferi, b’din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja, għall-inizjattivi tal-Kummissjoni li ġejjin: (1) il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) TFUE (1); (2) il-proċedura ta’ konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ estensjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER) (2), skont liema ċerta għajnuna speċifika għall-investiment għall-portijiet u l-ajruporti għandha tkun eskluża minn valutazzjoni minn qabel dwar l-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni; (3) l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrevedi l-“pakkett Almunia” u r-reviżjoni tar-Regolament li se jiskadi dwar l-għajnuna de minimis għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ);

2.

itenni li r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali m’għandhomx ikunu bbażati biss fuq il-prinċipji tal-kompetizzjoni iżda għandhom jikkunsidraw bis-sħiħ is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija mit-Trattati lill-Istati Membri fid-determinazzjoni ta’ x’inhu SIEĠ, kif ukoll il-prinċipji tal-awtonomija lokali u reġjonali, ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll in-newtralità f’dak li jirrigwarda s-sistema tal-proprjetà fl-Istati Membri (Artikolu 3 tat-TUE, Artikolu 14, 106 u 345 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 26). Is-SIEĠ għandhom jirriflettu d-differenzi fil-ħtiġijiet, il-preferenzi tal-utent u l-akkwist pubbliku li jistgħu jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ġeografiċi, soċjali jew kulturali differenti u l-proċessi demokratiċi fl-Istati Membri. Il-KtR jfakkar li investigazzjoni dwar għajnuna mill-Istat tista’ titwettaq biss jekk ir-regolamentazzjoni jew il-finanzjament nazzjonali, reġjonali jew lokali ta’ SIEĠ ikollu effetti jew implikazzjonijiet transkonfinali għas-suq intern;

3.

jenfasizza r-rwol eċċezzjonali tas-SIEĠ għat-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll il-fatt li s-SIEĠ ħafna drabi huma meħtieġa bħala prerekwiżit għal aktar investiment pubbliku u privat. Għaldaqstant is-SIEĠ għandhom jitqiesu mill-aspett tal-aġenda tal-investimenti Ewropej kollha. F’dan il-kuntest, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 tal-Kummissjoni, jgħid li huwa essenzjali li l-Istati Membri jippromovu l-investiment soċjali b’mod aktar wiesa’, fosthom fil-kura tas-saħħa, l-indukrar tat-tfal, l-appoġġ fis-settur tal-abitazzjoni u fis-servizzi ta’ riabilitazzjoni biex isaħħu l-kapaċitajiet attwali u futuri tal-persuni biex jidħlu fis-suq tax-xogħol u biex jadattaw ruħhom […] u […] L-investiment soċjali joffri redditi soċjali u ekonomiċi maż-żmien, notevolment fir-rigward tal-possibilità ta’ impjieg, introjtu mill-impjieg u l-produttività, prevenzjoni tal-faqar u tisħiħ tal-koeżjoni soċjali;

4.

jitlob, għalhekk, għal aktar riflessjoni dwar appoġġ għas-SIEĠ permezz ta’ għajnuna tal-UE fi ħdan ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, pereżempju billi jiġi analizzat jekk l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat għandhiex tiġi ssemplifikata aktar, forsi permezz tal-introduzzjoni ta’ preżunzjoni — marbuta ma’ kriterji sempliċi bħal konsistenza ma’ programmi operattivi adottati — li l-finanzjament tal-FSIE huwa kompatibbli mal-għajnuna mill-Istat. Dan minħabba li t-trattament inugwali ta’ fondi tal-UE ġestiti b’mod dirett, bħall-EFSI, il-programm Orizzont 2020 u l-EFSI fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat mhux ġustifikat, iżid il-piż amministrattiv u ma jippermettix li jkun hemm sinerġiji bejn il-fondi, kif tixtieq il-Kummissjoni Ewropea;

5.

jinnota b’dispjaċir li l-Kummissjoni qed tkompli tirrifjuta, fil-qasam tas-SIEĠ, li tapplika l-Artikolu 14 tat-TFUE bħala bażi legali għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ, peress li jekk tagħmel dan tipprovdi proċedura leġislattiva ordinarja li żżid iċ-ċertezza legali u l-leġittimità demokratika;

6.

jinnota li, fid-dawl tas-sitwazzjoni kumplessa, l-interpretazzjoni tal-kunċetti f’kompetizzjoni bejniethom u l-adattamenti fit-tul, il-qafas regolatorju Ewropew tal-għajnuna mill-Istat għas-SIEĠ sar wisq estensiv, dettaljat u mhux ċar. Il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu l-għajnuniet u l-impriżi għandu jitnaqqas, u r-riżorsi tal-Kummissjoni għandhom jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna fil-każijiet bl-ikbar impatt fuq is-suq intern. Jenfasizza wkoll li r-regoli kumplessi jistgħu ma jinftehmux sew u għalhekk ma jintużawx il-possibilitajiet tal-iffaċilitar tas-SIEĠ. Għalhekk jappella lilll-Kummissjoni tal-UE biex tkun aktar stretta fir-rigward tal-ħafna liġijiet sekondarji u liġijiet mhux vinkolanti (soft law) fil-qasam tal-għajnuna (regolamenti, komunikazzjonijiet, linji gwida, eċċ.) u li fejn ikun possibbli tiġborhom flimkien;

7.

itenni l-oppożizzjoni ta’ prinċipju tiegħu għall-inklużjoni ta’ kunsiderazzjonijiet addizzjonali ta’ kwalità u effiċjenza fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà għall-finanzjament ta’ SIEĠ. Fil-prinċipju, il-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni abbażi tal-kapitolu dwar il-kompetizzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) ma jkoprux l-aspetti relatati mal-kwalità u l-effiċjenza li jirrestrinġu aktar is-setgħa diskrezzjonali tal-korpi lokali u reġjonali li jagħtu l-għajnuna. Id-deċiżjonijiet dwar il-kwalità u l-effiċjenza għandhom jitħallew f’idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali (3);

8.

jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE huma bla ħsara għad-dritt tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom li jirregolaw, jiggarantixxu u jappoġġjaw is-servizzi tagħhom. Jistenna li l-Kummissjoni, fil-kuntest tan-negozjati dwar it-TTIP tagħti garanziji wkoll għall kull negozjati oħra ta’ ftehimiet kummerċjali u li ma jiddgħajfux il-possibbiltajiet tal-Istati Membri, biex jadottaw jew iżommu regolamenti li jiżguraw il-kwalità għolja tas-servizzi u li jipproteġu l-objettivi importanti ta’ interess pubbliku, bħal pereżempju l-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà, jew l-ambjent, li ma jirrikjedux li l-gvernijiet jipprivatizzaw kwalunkwe servizz, jew jimpedixxu lill-gvernijiet milli jespandu l-firxa ta’ servizzi li jipprovdu lill-pubbliku, jew ma jwaqqfux lill-gvernijiet milli jipprovdu servizzi pubbliċi li preċedentement ikunu ġew ipprovduti minn fornituri privati (4);

9.

ifakkar, fid-dawl tar-rabtiet bejn l-investimenti pubbliċi u s-SIEĠ, fit-tħassib tiegħu minħabba li l-istandards kontabilistiċi l-ġodda tas-Sistema Ewropea tal-kontijiet Nazzjonali u Reġjonali (ESA 2010), tal-Eurostat, applikabbli minn Settembru 2014 ‘il quddiem, ma jagħmlux differenza bejn in-nefqa pubblika u l-investiment pubbliku. Barra minn hekk, f’ċerti Stati Membri, it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tfisser li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu obbligati li japplikaw limiti massimi ta’ investiment pubbliku għal kull sena u għal kull abitant. Dawn il-limiti jimblukkaw ukoll lil dawk l-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom mezzi finanzjarji fir-riżerva biex iniedu proġetti ta’ investiment sinifikanti marbuta mas-SIEĠ. Għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta rapport dwar id-dħul fis-seħħ tal-ESA 2010 (5);

Komunikazzjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat  (6)

10.

jinnota li l-klassifika ta’ attività bħala “servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali”, hija f’idejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali skont l-istrutturi politiċi u kulturali tagħhom u b’kunsiderazzjoni tal-ħtieġa għal żvilupp kontinwu ta’ tali attività, biex jiddeċiedu liema servizzi jikkunsidraw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, b’mod indipendenti;

11.

jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2016, sentejn wara l-proċess ta’ konsultazzjoni fl-ewwel nofs tal-2014, dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, li tispjega l-ambitu tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jirrikonoxxi l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffoka r-riżorsi tagħha fuq l-infurzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każijiet bl-akbar impatt fuq is-suq intern. Madanakollu, fl-istess ħin jirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni tillimita ruħha li tagħmel interpretazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fl-oqsma li diġà ingħataw sentenzi dwarhom mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk juri tħassib dwar jekk dan l-approċċ hux restrittiv wisq u kuntrarju għall-iżviluppi dinamiċi differenti fil-qasam tal-investiment pubbliku pereżempju fir-rigward ta’ kwistjonijiet marbuta mat-taxxa u l-iżvilupp ta’ servizzi soċjali ġodda;

12.

jilqa’ l-konferma, fl-Avviż, ta’ kunċett aktar restrittiv ta’ effetti negattivi fuq il-kummerċ fl-UE. Fil-fatt, abbażi ta’ 7 sentenzi ta’ każijiet individwali tad-29 ta’ April 2015 (7) u b’konformità mar-rakkomandazzjoni fl-abbozz ta’ Opinjoni oriġinali tal-KtR, l-għajnuna għall-infrastruttura jew servizzi lokali li jkollha ftit li xejn impatt fuq Stati Membri oħra u li għandha effetti marġinali fuq l-investiment transkonfinali hija kkunsidrata li ma taqax fl-ambitu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE (8);

13.

jinnota l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-investimenti pubbliċi għall-kostruzzjoni jew modernizzazzjoni tal-infrastruttura ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat jekk l-infrastruttura kkonċernata mhix f’kompetizzjoni diretta ma’ infrastruttura oħra tal-istess tip. Waqt li ma jaqbilx mal-fehma semplistika tal-Kummissjoni li dan hu ġeneralment il-każ għall-infrastruttura tat-triq u ferrovjarja, il-kanali interni u n-netwerks tal-provvista tal-ilma u tad-drenaġġ, izda mhux il-każ f’oqsma bħall-enerġija, il-broadband, l-ajruporti u l-portijiet;

14.

jilqa’ l-kjarifika li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma japplikawx għall-appoġġ pubbliku għal ċerti attivitajiet kulturali ta’ natura mhux kummerċjali li jkunu disponibbli bla ħlas jew bi ħlas li jkopri 50 % tal-ispejjeż; din il-kjarifika tnaqqas sew il-piż tal-awditjar għoli li għandhom l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali, għalkemm l-awditjar każ b’każ jibqa’ meħtieġ, u żżid iċ-ċertezza legali fil-ġestjoni tal-appoġġ pubbliku għall-kultura;

15.

għalhekk jistenna bil-ħerqa kjarifika mill-Kummissjoni Ewropea li servizz lokali ma jaffettwax il-kummerċ u li l-oneru tal-provi huwa fuq dak li ressaq l-ilment jew il-Kummissjoni biex juru li l-kummerċ intra-UE qiegħed mhedded realment jew potenzjalment;

16.

jistenna li l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-futur ikunu jistgħu jiddeċiedu x’jistgħu jappoġġjaw mingħajr ma jmorru kontra r-regoli tal-għajnuna mill-Istat;

17.

jirrifjuta t-tnaqqis fl-eżenzjoni mill-VAT għas-SIEĠ fil-kuntest tal-pjan ta’ azzjoni ppreżentat f’April 2016 “Lejn Żona Unika tal-VAT fl-UE” li dwaru l-KtR fassal opinjoni speċifika;

Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER)

18.

jenfasizza l-utilità ta’ gwida għall-GBER attwali (9), li tiġbor fiha l-mistoqsijiet tal-awtoritajiet nazzjonali u t-tweġibiet tal-Kummissjoni Ewropea iżda josserva li dawn it-tweġibiet xi drabi ma jiċċarawx għalkollox id-dubji ta’ interpretazzjoni tal-Istati Membri;

19.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex twettaq konsultazzjoni preliminari, miftuħa sat-30 ta’ Mejju 2016, dwar ir-reviżjoni ulterjuri tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER) (10) għal skopijiet ta’ eżenzjoni għall-għajnuna mill-Istat għal infrastrutturi tal-portijiet u tal-ajruporti, billi l-piż amministrattiv għall-awtoritajiet pubbliċi u l-benefiċjarji finali jonqos aktar ma l-kamp ta’ applikazzjoni tal-GBER jikber;

20.

jinnota, madankollu, li fil-każ tal-portijiet ma hemm l-ebda bażi legali preċedenti li tirrigwarda l-kriterji ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna għall-investiment li setgħet tippermetti lill-Kummissjoni tiżviluppa każistika b’ċertezza legali akbar u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex telabora aktar dwar il-kwistjoni tal-preżenza jew l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat sew b’referenza għat-tipi ta’ investimenti kif ukoll id-daqs ta’ portijiet, u anke sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-organizzazzjoni tal-portijiet fl-Istati Membri differenti, fid-dawl tal-missjoni pubblika tagħhom;

21.

jinnota li fil-qasam ta’ portijiet interni, għadd ta’ miżuri adottati mill-Istati Membri jistgħu ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat għaliex il-benefiċjarju ma jwettaqx attività ekonomika jew għaliex m’hemm l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Taħt ċerti ċirkostanzi dan jista’ jkun il-każ ta’ miżuri ta’ għajnuna għall-infrastruttura ta’ portijiet interni li għandhom karattru purament lokali jew b’rabta ma’ infrastrutturi ta’ portijiet interni li, peress li m’għandhomx passaġġ dirett għall-baħar jippermettu skambji jew komunikazzjoni ma’ Stati Membri oħra permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma interni, u ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni;

22.

jitlob li l-GBER jinkludi eżenzjoni għall-għajnuna mill-Istat għal portijiet jew tal-inqas għal ċerti kategoriji ta’ portijiet, b’mod parallel ma’ dak li hu mitlub fil-każ ta’ ċerti ajruporti (ara l-punt 28);

23.

jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li, ladarba l-każijiet ta’ infrastruttura tal-portijiet jiddaħħlu fil-GBER, kull intervent pubbliku li jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, u ma jkunx jista jibbenefika mill-eżenzjoni, isir soġġett għal valutazzjoni estremament kumplessa b’inċertezzi tar-riżultat, meta wieħed iqis ukoll l-approvazzjoni diretta possibbli abbażi tat-Trattat, u għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta’ linji gwida speċifiċi għal dawn l-għajnuniet, jekk ikunu ogħla mil-limitu ta’ eżenzjoni;

24.

jappoġġja b’mod espliċitu, fit-trattament ta’ għajnuna għall-investiment lill-ajruporti reġjonali, l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea li t-twaqqif ta’ limitu ta’ notifika rigward l-ammont ta’ għajnuna mhuwiex xieraq, peress li l-impatt tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni jiddependi prinċipalment mid-daqs tal-ajruport u ma jiddependix mid-daqs tal-investiment;

25.

jistenna li l-Kummissjoni tindirizza allinjament mal-leġislazzjoni eżistenti tal-UE fid-“definizzjonijiet ta’ għajnuna għal ajruporti reġjonali”;

26.

itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu, jiġifieri li l-isforzi tal-Kummissjoni jridu jikkonċentraw fuq ajruporti kbar, u li l-interventi ta’ appoġġ għal ajruporti żgħar bi traffiku medju fis-sena ta’ inqas minn 300 000 passiġġier, jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għaliex ma jaffettwax b’mod sinifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri minħabba li dawn l-ajruporti għal raġunijiet strutturali ma jistgħux ikopri l-ispejjeż tal-kapital u tal-operat (11) l-istess bħall-appoġġ pubbliku għall-iżvilupp ta’ infrastruttura tat-trasport bl-ajru sigura u vijabbli f’reġjuni b’konnessjonijiet fqar (12); din id-dispożizzjoni għandha naturalment tkun akkumpanjata minn żieda sinifikanti fil-livell limitu għall-eżenzjoni tal-għajnuniet ta’ SIEĠ għall-ajruporti (attwalment 200 000 passiġġier fis-sena) sabiex jilħaq dak li diġà huwa fis-seħħ qabel l-adozzjoni tal-hekk imsejjaħ “pakkett Almunia” dwar is-SIEĠ, jew miljun passiġġier fis-sena. Il-prerekwiżit għal azzjoni bħal din għandha, madankollu, tkun dik li livell raġonevoli ta’ konnettività ma jistax jinkiseb b’mezzi oħra;

27.

jiddubita li ajruporti żgħar kapaċi jkopru l-minimu ta’ 25 % tal-għajnuna għall-investiment. Jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, biex tqis li, bħala regola, l-għajnuna m’għandhiex l-għan iżżid il-kapaċità iżda minflok tintuża għal ħtiġijiet infrastrutturali;

28.

isejjaħ biex il-GBER jinkludi wkoll eżenzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti, billi l-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (Linji gwida 2014, minn punt 112 ‘il quddiem) jipprovdu rekwiżiti ċari, pereżempju fir-rigward tal-kalkolu tad-defiċit finanzjarju inizjali, li jista’ jsir ukoll fil-kuntest ta’ eżenzjoni;

29.

iqis li huwa meħtieġ li jiġu adattati d-dispożizzjonijiet eżistenti relatati mal-portijiet u l-ajruporti għar-realtà tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, kemm fir-rigward ta’ għajnuna għall-investiment jew għall-għajnuniet operattivi, minħabba n-nuqqas kbir ta’ aċċessibbiltà li dawn ir-reġjuni jippreżentaw u d-dipendenza totali tagħhom mis-setturi marittimi u tal-ajru, li huma l-unika alternattiva valida tat-trasport f’dawn iż-żoni iżolati;

30.

jiffavorixxi żieda fil-livell limitu ta’ notifika għall-investiment u l-għajnuna mill-Istat għall-kultura u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali b’100 % minflok b’50 % kif propost fil-GBER rivedut (jiġifieri minn EUR 100 għal 150 miljun kull proġett għall-kultura u minn EUR 50 għal 75 miljun għall-konservazzjoni tal-wirt kulturali għal kull intrapriża kull sena), u jitlob iżjed allinjament tas-suġġett u l-kundizzjonijiet tal-GBER mat-test tal-Komunikazzjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ għajnuna, peress li l-Komunikazzjoni introduċiet ċerti kjarifiki fundamentali, li ntlaqgħu tajjeb mill-Istati Membri, iżda li ma għandhomx l-istess natura vinkolanti ta’ regolament li huwa applikabbli direttament bħal fil-każ tal-GBER;

31.

b’mod koerenti maż-żieda fil-limitu mitluba fil-punt preċedenti, fir-rigward tal-għajnuna għall-investiment u l-operat għall-kultura u l-ħarsien tal-wirt kulturali, qed tiġi mitluba wkoll żieda minn EUR 1 għal EUR 2 miljun fil-limitu li taħtu huwa possibbli li jiġi applikat il-metodu tal-kalkolu tal-għajnuna taħt l-Artikolu 53(8) tar-Regolament (UE) Nru 651/2014, jiġifieri l-applikazzjoni tal-intensità tal-għajnuna sa 80 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġett (alternattiva għall-metodu msemmi fl-Artikolu 53(6) u (7) tar-Regolament (UE) Nru 651/2014);

32.

jitlob ukoll lill-Kummissjoni li fir-reviżjoni tal-GBER tinkludi kjarfika dwar l-istatus tal-għajnuna mill-Istat għall-investiment f’miżuri infrastrutturali. Abbażi tad-deċiżjoni Propapier/Eisenhüttenstadt tal-1 ta’ Ottubru 2014 (13), għandu dejjem jiġi kkunsidrat fil-każ ta’ miżuri ġenerali ta’ infrastruttura, jekk l-effetti pożittivi tal-għajnuna mill-Istat għall-iżvilupp reġjonali humiex aqwa mill-impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni;

33.

jistenna li jkun hemm ugwaljanza bejn l-infrastrutturi għall-isport u għar-rikreazzjoni multifunzjonali fir-reviżjoni tal-GBER biex tippermetti li l-għajnuna operatorja għall-infrastrutturi għar-rikreazzjoni multifunzjonali tkun eżentata wkoll sa EUR 2 miljun għal kull infrastruttura fis-sena;

Is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali

34.

jappella għal estensjoni dinamika tat-terminu SIEĠ: is-servizzi soċjali ġodda, bħas-servizzi soċjali b’rabta mal-ewwel akkoljenza u l-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti jew l-infrastruttura diġitali f’reġjuni b’falliment tas-suq, pereżempju r-reġjuni li jiffaċċjaw l-isfidi tat-tibdil demografiku, jistgħu jitqiesu bħala parti mill-interess ġenerali minħabba l-ħtieġa ta’ kopertura universali taċ-ċittadini. L-iżviluppi ġodda fil-futur għandhom ukoll ikunu evalwati b’mod adegwat u regolari, u għandhom ukoll jiġu kkunsidrati bħala SIEĠ fil-livell tal-Istati Membri fejn ikun meħtieġ;

35.

jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni, permezz ta’ din il-Komunikazzjoni dwar is-SIEĠ, ippruvat twessa’ l-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha f’dak li jista’ jiġi definit bħala SIEĠ, b’referenza għall-“kundizzjonijiet normali tas-suq” (14). Dan mhux biss imur kontra l-prinċipji tal-awtonomija lokali u reġjonali iżda wkoll fil-prattika huwa diffiċli għall-awtoritajiet pubbliċi li juru l-konformità mal-kundizzjoni meħtieġa;

36.

jirrimarka li r-raba’ kriterju stabbilit mis-sentenza Altmark ħoloq biss inċentiv għall-Istati Membri biex jużaw id-dispożizzjonijiet għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minflok jużaw l-approċċ ibbażat fuq is-SIEĠ. Fil-fatt, l-awtoritajiet lokali u reġjonali qed jiffaċċjaw id-diffikultà li t-tieni alternattiva prevista mir-raba’ kriterju tal-Altmark, jiġifieri l-kriterju tal-impriża tipika, mmexxija tajjeb u b’riżorsi adegwati, m’għandha l-ebda riferiment f’każijiet fejn ma topera ebda impriża privata fis-settur partikolari involut. Għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida dettaljati konformi mar-raba’ kriterju tal-Altmark dwar x’inhi impriża tipika, immexxija tajjeb u b’riżorsi adegwati anke permezz ta’ studji tas-suq fejn jiġu individwati l-ispejjeż standard, b’mod li jiġi faċilitat il-kompitu tal-awtoritajiet pubbliċi biex jagħmlu eżenzjoni speċifika ta’ SIEĠ minn investigazzjoni dwar għajnuna mill-Istat;

37.

iqis li hija essenzjali reviżjoni tad-definizzjoni ta’ profitt raġonevoli ta’ SIEĠ, b’mod partikolari sabiex tirrifletti l-fatt li, permezz ta’ inċentivi jew b’żieda fil-perċentwal ta’ qligħ raġonevoli rikonoxxut, dan il-profitt spiss jiġi investit mill-ġdid fis-SIEĠ;

38.

jitlob mill-ġdid għal żieda fil-valur ta’ limitu tar-regoli de minimis għall-għajnuniet għas-SIEĠ. Il-valur ta’ limitu għal analiżi tal-ammissibbiltà għall-għajnuniet għas-SIEĠ għandu jkun ta’ EUR 1 miljun f’kull każ għal perjodu ta’ tliet snin fiskali. Jekk l-għajnuna tal-Istat tkun inqas minn dan il-valur ta’ limitu, ma jitqiesx li jiġu sodisfatti l-kriterji kollha biex jiġu kkunsidrati li hemm għajnuna mill-Istat, u fid-dawl tal-kuntest lokali, billi s-SIEĠ spiss huma lokali, ma jistax ikun hemm distorsjoni tal-kummerċ jew tal-kompetizzjoni, li tkun ta’ periklu għas-suq intern;

39.

jemmen li l-limitu ta’ dan ir-rekwiżit tan-notifika fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE f’forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku għall-kumpaniji mitluba jmexxu s-SIEĠ, għandu jiżdied minn mhux aktar minn EUR 15-il miljun fis-sena għal-limitu fis-seħħ qabel l-2011 ta’ EUR 30 miljun fis-sena;

40.

jitlob estensjoni għat-tul normali tal-atti ta’ inkarigu għal iktar minn għaxar snin sabiex jirrifletti aħjar l-ispejjeż tal-inkarigu u r-redditu fuq l-investiment minn dawk inkarigati mis-SIEĠ;

41.

jappella wkoll għal definizzjoni iktar wiesgħa tal-akkomodazzjoni soċjali fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011. L-Istati Membri għandhom jingħataw marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni għall-ippjanar, il-fornitura, il-finanzjament u l-organizzazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali u l-libertà ta’ għażla demokratika, ir-restrizzjoni tal-akkomodazzjoni soċjali “għal persuni żvantaġġati u għall-gruppi soċjalment inqas vantaġġati” għandha titneħħa. Id-dritt għal akkomodazzjoni aċċessibbli u adegwata għandu jkun ta’ prijorità akbar minħabba li n-nuqqas ta’ possibbiltà li s-suq tal-akkomodazzjoni jilħaq il-bżonnijiet ta’ kulħadd ma jaffettwax biss lil individwi li ma jkollhomx aċċess għal akkomodazzjoni, iżda wkoll dawk li jgħixu f’akkomodazzjoni li mhix tajba għas-saħħa, mhix adegwata jew b’wisq nies jgħixu fiha, u dawk li qed jonfqu l-parti l-kbira tad-dħul tagħhom fuq kera jew ħlas lura ta’ self b’ipoteka;

42.

jitlob għal bini tal-kapaċità bejn il-Kummissjoni tal-UE u l-Istati Membri sabiex itejbu l-għarfien dwar l-għajnuna għas-SIEĠ. Għandu jkun hemm djalogu dirett bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet lokali u reġjonali u jkun hemm għajnuna;

43.

iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni Ewropea sabiex jistabbilixxu proċeduri ta’ komunikazzjoni u koordinazzjoni xierqa u jiżviluppaw linji gwida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jissemplifikaw il-valutazzjoni kumplessa tal-għajnuna għas-SIEĠ. Jistenna li l-Istati Membri, meta jkunu qed ifasslu rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett Almunia, jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, biex jiżguraw valutazzjoni realistika tad-diffikultajiet u l-isfidi attwali għas-SIEĠ;

44.

jitlob għal ċertezza legali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, bit-twaqqif ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin mill-bidu tal-kumpens jew tal-investiment għal min jilmenta. L-iskadenza attwali biex jitnieda proċess li jwassal għall-irkupru ta’ għajnuna mill-Kummissjoni, ta’ għaxar snin mid-data li fiha l-għajnuna illegali saret disponibbli għall-benefiċjarju, li effettivament isservi bħala terminu ta’ preskrizzjoni għal ilmenti dwar l-għajnuna mill-Istat, huwa twil wisq. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll il-kumpaniji għandhom bżonn aktar ċertezza legali. It-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin li miegħu jrid jiżdied iż-żmien meħtieġ għall-proċeduri relatati, u li jista’ jwassal għall-irkupru ta’ għajnuna li ngħatat anke 20 jew 25 snin qabel, huwa sproporzjonat u jikkomprometti l-ħtiġijiet fundamentali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u n-negozji, li ta’ spiss ma jkunux jistgħu jħallsu għal pariri legali. Barra dan imur kontra wieħed mill-għanijiet ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat: l-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid sitwazzjoni ta’ kompetittivà ex ante;

45.

iqis li huwa neċessarju li appell jista’ jsir biss minn min jista’ jkun affettwat ekonomikament b’mod dirett. Il-firxa ta’ partijiet interessati s’issa, jiġifieri kwalunkwe Stat Membru jew persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħha hija affettwata mill-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ (Artikolu 20 flimkien mal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Proċedurali, għadha wiesgħa wisq.

Brussell, il-11 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Ara l-Avviż tad-19 ta’ Mejju 2016: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52016XC0719(05)&from=EN

(2)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-16-622_en.htm (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Ara l-punt 29 tal-Opinjoni tal-KtR tat-30 ta’ Novembru 2012 dwar Il-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-UE.

(4)  http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-15-4646_mt.htm

(5)  Ara l-punt 20 tal-Opinjoni tal-KtR tat-3 ta’ Diċembru 2014 dwar “Il-promozzjoni tal-kwalità tal-infiq pubbliku fi kwistjonijiet soġġetti għal azzjoni tal-UE” (BUGD-V-009).

(6)  http://ec.europa.eu/competition/consultations/2014_state_aid_notion/index_en.html

(7)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-4889_en.htm dwar l-isptarijiet pubbliċi f’Hradec Králové/CZ (SA.37432), iċ-ċentru mediku f’Durmersheim/de (SA.37904), Städtische Projektgesellschaft “Wirtschaftsbüro Gaarden” (Kiel)/DE (SA.33149), Landgrafen-Klinik/DE (SA.38035), għajnuna għall-investiment għall-port ta’ Lauwersoog/NL (SA.39403), Glenmore Lodge/UK (SA.37963), u r-Renju Unit/klabbijiet tal-golf li huma proprjetà tal-Membri (SA.38208).

(8)  Ara punt 196 u 197 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(9)  http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/practical_guide_gber_en.pdf

(10)  http://ec.europa.eu/competition/consultations/2016_gber_review/index_en.html

(11)  Opinjoni tal-KtR dwar “Linji gwida tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat lill-Ajruporti u lill-Kumpaniji tal-Ajru”, 28 ta’ Novembru 2013, COTER-V-043.

(12)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-Ajruport ta’ Angoulême (Franza), it-23 ta’ Lulju 2014: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-14-498_en.htm (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  Reġistru għall-Għajnuna mill-Istat, id-DĠ Kompetizzjoni Każ SA.23827.

(14)  Il-punt 48 jgħid li: “ma jkunx xieraq li torbot obbligi speċifiċi ta’ servizz pubbliku ma’ attività li diġà tkun ipprovduta jew li tista’ tkun ipprovduta b’mod sodisfaċenti u taħt kundizzjonijiet (il-prezz, il-karatteristiċi oġġettivi ta’ kwalità, il-kontinwità u l-aċċess għas-servizz) konsistenti mal-interess pubbliku, hekk kif definit mill-Istat, mill-impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq”.