21.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 88/64


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat

(2017/C 088/13)

Relatur:

Is-Sinjura Anne Quart (DE/PSE) Segretarju tal-Istat għall-Ewropa u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Ministeru tal-Ġustizzja, l-Affarijiet Ewropej u l-Protezzjoni tal-Konsumatur tal-Land ta’ Brandenburg

Dokument ta’ referenza:

JOIN(2015) 50 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jemmen li l-promozzjoni tal-istabbiltà u tal-prosperità fil-viċinat tal-UE għandha tkun fost il-prijoritajiet ewlenin tal-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà tal-UE; jitlob li l-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jitqies fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-UE. Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jaqdi rwol sinifikanti għall-iżvilupp tal-fiduċja u l-kooperazzjoni internazzjonali fil-livell reġjonali u lokali;

2.

jinnota li l-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tista’ taġixxi b’mod sostenibbli biss meta ġġib benefiċċji konkreti lill-poplu tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi tal-PEV; jitlob li dan l-aspett jingħata rwol ċentrali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida;

3.

jinnota li l-PEV hija qabel kollox proġett tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-gvernijiet tal-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien. Jenfasizza li l-implimentazzjoni b’suċċess tal-programmi u l-proġetti għandha impatt sostanzjali fil-livell reġjonali u lokali, kemm fl-Istati Membri tal-UE, kif ukoll fil-pajjiżi terzi involuti. Jitlob qabel kollox għal kooperazzjoni fil-livell lokali u reġjonali u għat-tisħiħ tal-interazzjoni bejn is-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi abbażi tal-PEV u għall-provvediment ta’ riżorsi adegwati għal dan. L-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom għandhom jiġu integrati f’kull fażi ta’ implimentazzjoni tal-PEV – mill-ippjanar sal-kontroll demokratiku – u għandhom ikunu involuti fil-ħidma tal-Kumitati ta’ Assoċjazzjoni u l-Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni u għandhom jirċievu l-istatus ta’ osservatur permanenti;

4.

jitlob li jkun hemm proġetti iżjed konkreti għall-promozzjoni ta’ kuntatti interpersonali; jemmen li huwa kruċjali li jsiru disponibbli iżjed riżorsi għall-kooperazzjoni transkonfinali, sħubijiet bejn l-awtoritajiet lokali u skambji xjentifiċi, kulturali u taż-żgħażagħ; itenni t-talba tiegħu għall-involviment tal-imsieħba fil-programmi tal-Unjoni, pereżempju l-Erasmus; jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tagħti prijorità lill-kwistjoni tal-faċilitazzjoni tal-viża u li ressqet proposti konkreti għall-Ukrajna u l-Georgia; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-ħidma fuq kwistjonijiet tal-viża u tal-mobilità ma’ dawk l-imsieħba tal-PEV li huma lesti jagħmlu dan, inklużi l-liberalizzazzjoni tal-viża u d-djalogi dwar il-faċilitazzjoni;

5.

itenni l-proposti li jinsabu fl-Opinjoni tiegħu tad-9 ta’ Lulju 2015 dwar Politika Ewropea ġdida tal-Viċinat u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-SEAE jqisuhom fl-implimentazzjoni tal-istrateġija;

6.

josserva li l-kunflitti armati, l-użu tal-forza, il-ksur tas-sovranità territorjali, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju tad-drittijiet indaqs tal-popli, it-terroriżmu, u d-destabbilizzazzjoni serja f’bosta pajjiżi u reġjuni fil-viċinat tal-UE wasslu għal rati għolja ta’ telf ta’ ħajja umana, korrimenti, persuni spostati internament, u migrazzjoni sfurzata u jimpedixxu l-iżvilupp ta’ sħubijiet dewwiema. Jenfasizza l-importanza li wieħed imur lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet u x-xewqat ġeopolitiċi, filwaqt li jiġu stabbiliti miri realistiċi abbażi ta’ valutazzjoni realistika u tiġi organizzata l-kooperazzjoni bejn dawk l-imsieħba li għandhom interess reali lejn il-kooperazzjoni, kif ukoll dawk li għandhom il-kapaċità li jilħqu l-miri sostenibbli; isostni li minkejja d-differenzjazzjoni meħtieġa, għandu jinżamm ukoll bilanċ bejn il-viċinat tal-Lvant u l-viċinat tan-Nofsinhar;

7.

ifakkar li sħubija tista’ tkun sostenibbli biss jekk titfassal fuq il-bażi ta’ ugwaljanza u vantaġġ reċiproku u jilqa’ l-iffokar partikolari tal-Kummissjoni fuq din il-kwistjoni fir-rieżami tal-PEV; jitlob li l-kunċett tar-responsabbiltà reċiproka ugwali tiġi implimentata fil-prattika għas-sħubija tal-PEV;

8.

jenfasizza b’mod partikolari l-importanti li ma jiġux iddubitati l-osservanza konsistenti tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tal-liġi umanitarja internazzjonali. F’dan ir-rigward, jirrimarka kif il-kunflitti li qed jaħsdu ħafna mill-imsieħba tal-PEV joffru sfidi ġodda rigward il-protezzjoni tar-refuġjati, ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali u l-ħtieġa li jiġu adottati approċċi ġodda li jiggarantixxu l-integrazzjoni ta’ għodod ġodda u iktar effettivi biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tal-istandards Ewropej u internazzjonali dwar il-protezzjoni tar-refuġjati. Jenfasizza, barra minn hekk, li n-negozjati li ġejjin dwar il-patti globali dwar il-migrazzjoni ma’ bosta pajjiżi msieħba tal-PEV għandhom jinvolvu l-awtoritajiet lokali u jiżguraw li l-politika tal-migrazzjoni u l-politika tal-viċinat ikunu integrati iżjed mill-qrib sabiex jiġu evitati kontradizzjonijiet u diskrepanzi;

L-istabbiltà tal-UE u l-viċinat tagħha

9.

jenfasizza li l-akbar sors tal-influwenza tal-Ewropa fuq l-istabbiltà u l-prosperità fil-viċinat tagħha huwa l-attrazzjoni tal-mudell soċjoekonomiku tal-UE, l-unità u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE, l-iżvilupp sostenibbli, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet demokratiċi; jenfasizza li l-aktar kontribut importanti għall-istabbilizzazzjoni tal-viċinat hija l-istabbiltà tal-UE u l-konformità mal-valuri u l-prinċipji tagħha;

10.

jitlob li jiġi analizzat it-theddid għas-sigurtà fil-kumplessità tiegħu u li jiġi rikonoxxut fl-ipproċċessar tal-kawżi tal-instabbiltà; jenfasizza li l-kawżi soċjoekonomiċi tal-isfidi attwali rigward is-sigurtà u l-migrazzjoni għandhom jiġu indirizzati bħala prijorità; jilqa’ l-impenn tal-UE rigward il-ħidma konġunta mal-imsieħba tal-PEV fl-implimentazzjoni tal-miri għall-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali għall-promozzjoni tad-drittijiet soċjali, peress li l-ekonomija sostenibbli u l-iżvilupp soċjali huma essenzjali għal viċinat stabbli; jenfasizza li l-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol huwa l-punt deċiżiv għall-ġejjieni tal-maġġoranza tal-pajjiżi tal-viċinat; jilqa’ l-fatt li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-promozzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju; jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ f’diversi livelli – mil-livell nazzjonali sal-livell reġjonali u lokali – kif ukoll il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni reġjonali, sottoreġjonali u transkonfinali; jitlob li l-programmi dwar il-kooperazzjoni settorjali jitfasslu b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu implimentati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

11.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta għal Qafas ta’ Sħubija Ġdid ma’ pajjiżi terzi u għal Pjan ta’ Investiment Estern ġdid li għandu l-għan li jindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni billi jimmobilizza l-investiment, isaħħaħ l-għajnuna teknika u jappoġġja riformi ekonomiċi u strutturali sabiex jitjieb l-ambjent tan-negozju u dak usa’ tal-politika, u jappella biex l-awtoritajiet reġjonali u lokali Ewropej ikunu involuti mill-bidu nett ta’ dan il-proċess;

12.

jistenna li l-“Patti dwar il-Migrazzjoni” ġodda li l-UE qed tinnegozja mal-Ġordan u l-Libanu fil-qafas tal-Komunikazzjoni dwar “It-Twaqqif ta’ Qafas ta’ Sħubija Ġdid” tas-7 ta’ Ġunju 2016 jsibu bilanċ tajjeb bejn il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi ta’ dawn il-pajjiżi u l-aspettattivi tal-UE u l-Istati Membri tagħha filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tad-dispożizzjonijiet umanitarji stabbiliti mil-liġi internazzjonali;

13.

iġedded l-impenn tiegħu lill-poplu Tuneżin u jappella għal sħubija ġenwina profonda u komprensiva bejn l-UE u t-Tuneżija; jenfasizza li t-tkomplija tal-iżvilupp paċifiku u demokratiku tat-Tuneżija lejn stabbiltà ekonomika u sigurtà għandha tibgħat messaġġ pożittiv ħafna lill-pajjiżi kollha tal-PEV; jenfasizza l-ħtieġa għal żieda sostanzjali fl-għajnuna tal-UE lit-Tuneżija għall-appoġġ tal-konsolidazzjoni tat-tranżizzjoni demokratika u għat-tħeġġiġ tal-investiment u l-iżvilupp fis-setturi kollha tal-ekonomija u s-soċjetà, b’mod partikolari l-ħolqien tal-impjieg u ż-żamma ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità li huma aċċessibbli għal kulħadd; jinnota t-tnedija ta’ negozjati dwar ftehim ta’ kummerċ ħieles (DCFTA) ambizzjuż bejn l-UE u t-Tuneżija u jappella lill-Kummissjoni biex tieħu approċċ olistiku li jiżgura li dan il-ftehim ikun ta’ benefiċċju reċiproku filwaqt li jitqiesu sew id-differenzi ekonomiċi sinifikanti bejn iż-żewġ partijiet;

14.

jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kemm fl-UE kif fil-pajjiżi tal-PEV jingħataw appoġġ b’mod prijoritarju biex jipprovdu servizzi bażiċi adegwati lir-refuġjati minflok jesternalizzaw ir-refuġjati lejn pajjiżi terzi, kif ukoll, fuq medda twila ta’ żmien, kull sforz li jsir li jinvolvi lil dawn in-nies għall-kisba ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli għall-muniċipalitajiet u r-reġjuni ta’ oriġini; jiġbed l-attenzjoni li r-refuġjati, li jkunu ġew mill-pajjiżi tal-viċinat jistgħu, fil-ġejjieni, jirrappreżentaw pont bejn l-UE u l-ġirien tagħha;

15.

jirrakkomanda l-iżvilupp ta’ strateġiji u l-provvediment ta’ strumenti adegwati fid-dawl tar-radikalizzazzjoni reliġjuża, in-nazzjonaliżmu, l-estremiżmu u t-terroriżmu biex jitrawwem id-djalogu interkulturali fi ħdan l-UE u mas-soċjetajiet tal-ġirien tagħha; u jenfasizza r-responsabbiltà u l-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan il-qasam; neħtieġu dan id-djalogu bejn il-politiċi, iżda wkoll bejn is-soċjetà ċivili, u b’mod speċjali, bejn iċ-ċittadini;

16.

jirrimarka li relazzjonijiet tajba tal-viċinat mal-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew u l-ġirien tagħhom huma essenzjali għall-istabbiltà fl-Ewropa. Jinnota li l-kooperazzjoni ekonomika u d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa huma ta’ importanza partikolari; jenfasizza li n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi mar-Russja tiddependi mill-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta’ Minsk; ifakkar li fil-livell sottonazzjonali u bejn is-soċjetà ċivili u l-intrapriżi tkomplew il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn il-partijiet interessati u li dan il-potenzjal jista’ jintuża aħjar sabiex jingħelbu d-differenzi;

Differenzjazzjoni u kooperazzjoni reġjonali

17.

jinnota li l-kooperazzjoni mal-UE ma għandhiex twassal għal kompetizzjoni bejn il-pajjiżi tal-viċinat għall-aqwa relazzjonijiet mal-UE, iżda għandha twassal għal kooperazzjoni reġjonali u territorjali, u jenfasizza l-indispensabbiltà tad-dimensjoni multilaterali tal-PEV. L-isfidi kumplessi rigward l-istabbilizzazzjoni tal-viċinat jistgħu jiġu indirizzati biss, meta l-imsieħba kollha ta’ reġjun jikkooperaw flimkien b’mod sistematiku; jinnota li l-UE teħtieġ timpenja ruħha iżjed biex tħeġġeġ l-approċċ multilaterali tal-politika tal-viċinat u biex tagħti rwol ċentrali lill-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan il-proċess;

18.

jiġbed l-attenzjoni għall-impenn u l-potenzjal tal-Kumitat tar-Reġjuni b’rabta mal-kooperazzjoni reġjonali, b’mod partikolari l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM), il-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP), kif ukoll it-Task Force tal-Ukrajna; jistieden lill-Kummissjoni u lid-delegazzjonijiet tal-UE biex jagħmlu użu aħjar mill-kompetenza ta’ dawn it-tliet korpi;

19.

jirrimarka li l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, bi stennija ta’ benefiċċji fit-tul għall-iżvilupp demokratiku u ekonomiku tal-pajjiżi tagħhom, iddeċidew li jkollhom relazzjoni partikolarment mill-qrib mal-UE u ffirmaw ftehimiet ta’ assoċjazzjoni; huwa mħasseb dwar l-ispejjeż soċjali tal-proċessi ta’ riforma, li jistgħu jipperikolaw l-aċċettazzjoni tal-proċess ta’ konverġenza mill-popolazzjoni, u jistieden lill-UE biex tikkoopera saħansitra iżjed mill-qrib mal-pajjiżi kkonċernati sabiex jinstabu modi kif jingħelbu dawn l-isfidi; jenfasizza l-importanza tar-riformi ta’ deċentralizzazzjoni f’dawn il-pajjiżi għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet u jħeġġeġ li tingħata prijorità lill-promozzjoni tal-proċessi ta’ demokratizzazzjoni fil-livell lokali u reġjonali;

20.

jitlob li jkun hemm strateġiji biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-pajjiżi jkollhom jiddeċiedu bejn kooperazzjoni mill-qrib mal-UE jew ma’ msieħba oħrajn; jilqa’ l-modi ġodda esplorati fl-aħħar ftehimiet bejn l-UE u l-Armenja li jippermettu kooperazzjoni mill-qrib mal-UE, mingħajr ma jkunu kompromessi obbligi internazzjonali oħrajn; jemmen li din l-esperjenza għandha tintuża ukoll għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet mal-Belarussja u l-Ażerbajġan;

21.

jitlob li jkun hemm strateġiji sottoreġjonali, li jirriflettu d-diversi sfidi u realtajiet tal-viċinat tan-Nofsinhar, jiġifieri strateġija għaż-żona Adrijatika-Jonika, strateġija għall-Mediterran tal-Punent u strateġija għall-Mediterran tal-Lvant;

22.

iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni biex jippreżentaw strateġija konkreta għall-inklużjoni tal-pajjiżi tal-viċinat fil-pajjiżi tal-PEV, b’mod partikolari mal-Federazzjoni Russa, sabiex jitwettaq dan l-approċċ;

23.

jinnota li s-sħubijiet jibdew fir-reġjuni tal-fruntiera u jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol tagħha u tappoġġja l-kooperazzjoni transkonfinali dejjem tikber bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-viċinat u b’hekk tipprovdi eżempju għal pajjiżi oħra tal-PEV; jitlob li jiġi żviluppat pjan komprensiv fuq perjodu itwal ta’ żmien li jmur lil hinn mill-qafas finanzjarju attwali; f’dan ir-rigward jitlob għall-implimentazzjoni tal-użu tar-REKT bejn l-UE u r-reġjuni tal-viċinat, kif ukoll għal ftehim mill-iżjed fis dwar l-użu armonizzat tal-fondi tal-UE bejn Interreg Europe u l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat li għandu jitwaqqaf għall-iżvilupp tar-reġjuni kollha tal-UE li jinsabu mal-fruntiera tal-pajjiżi tal-PEV;

Responsabbiltà u enfasi fuq iċ-ċittadini

24.

jenfasizza li r-responsabbiltà lokali u reġjonali hija essenzjali għall-PEV li tkun suċċess u li l-politiki u l-miżuri tal-UE, kif ukoll il-finanzjament għandhom jiġu ddeterminati billi jitqiesu l-ħtiġijiet reġjonali. Għandu jiġi adottat approċċ komprensiv li permezz tiegħu jibbenefikaw is-setturi kollha tas-soċjetà u li jappoġġja l-iżvilupp reġjonali. Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pjani ta’ azzjoni bilaterali għandu jissaħħaħ, l-iżjed dawk mal-fruntieri, u dan jeħtieġ tisħiħ tad-drittijiet u tar-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll il-forniment ta’ fondi adegwati li jistgħu jinkisbu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

25.

jirrimarka li l-għarfien dwar l-UE u l-ftehimiet tal-pajjiżi tal-PEV mal-UE fil-livell sottonazzjonali u fis-soċjetà ċivili huma inqas żviluppati; jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mad-delegazzjonijiet tal-UE sabiex iżżid b’mod sinifikanti l-viżibbiltà tal-programmi ta’ kooperazzjoni fil-livell lokali, sabiex tiżgura li l-atturi lokali u reġjonali jkunu infurmati u mħarrġa aħjar, b’mod partikolari permezz ta’ programmi ta’ taħriġ għall-għalliema u l-iskambju ta’ materjal pedagoġiku, u sabiex issaħħaħ l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fil-livell sottonazzjonali għall-użu tal-programmi tal-PEV;

26.

iqis essenzjali t-tisħiħ tal-impenn taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni tan-nisa bħala fatturi ewlenin għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-viċinat;

27.

jitlob li jkun hemm aktar proġetti lokali konkreti b’riżultati tanġibbli u effetti pożittivi fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini;

Governanza tajba, stat tad-dritt, u rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċiviċi

28.

jenfasizza li governanza tajba, l-istat tad-dritt, id-demokrazija, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet demokratiċi huma fundamentali għall-istabbiltà; jinnota li s-soċjetajiet tal-viċinat tal-UE għandhom esperjenzi u kundizzjonijiet storiċi differenti, u li l-istandards demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem la jistgħu jiġu imposti minn barra u lanqas jiġu imposti minn fuq, imma jeħtieġ li jiżviluppaw mil-livell lokali ‘l fuq; jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-twettiq tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fis-soċjetà; jenfasizza li dawn il-valuri bażiċi huma s-sisien tal-PEV, u ma jistgħu jiġu kompromessi; jenfasizza l-bżonn li fil-ftehimiet ta’ sħubija jiġu inklużi mekkaniżmi istituzzjonali iżjed effettivi li jistgħu jissorveljaw il-konformità min-naħa tal-imsieħba ma’ dawn il-prinċipji;

29.

jirrimarka li l-maġġoranza tal-pajjiżi tal-viċinat għandhom kapaċitajiet amministrattivi fil-livell sottonazzjonali li jridu jitjiebu; jafferma mill-ġdid ir-rieda tal-KtR u tal-membri tiegħu u tal-awtoritajiet involuti, kif ukoll tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tagħhom, biex jipparteċipaw fi programmi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet amministrattivi fil-pajjiżi tal-viċinat; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-kundizzjonijiet amministrattivi u finanzjarji meħtieġa għal dan; jitlob li jkun hemm appoġġ imsaħħaħ tar-riformi ta’ deċentralizzazzjoni fil-pajjiżi tal-viċinat; jipproponi li jintlaħaq qbil dwar proġetti pilota settorjali ma’ pajjiżi tal-viċinat, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-implimentazzjoni tagħhom, sabiex jiġu pprovduti esperjenzi bil-proċessi ta’ deċentralizzazzjoni;

30.

jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa proġetti għar-rappreżentanti lokali u reġjonali u l-amministrazzjonijiet lokali, li jistgħu jiġu organizzati fil-kuntest tal-iskambju tal-esperjenza tagħhom mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE; jitlob li jkun hemm appoġġ imsaħħaħ tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex ikun promoss l-iskambju ta’ esperjenza bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fi ħdan il-pajjiżi tal-PEV; jirrakkomanda żvilupp sinifikanti tal-programmi ta’ ġemellaġġ tal-bliet u tal-programm għall-Assistenza Teknika u Skambju ta’ Informazzjoni (TAIEX), kif ukoll tal-programm ta’ ġemellaġġ “Twinning”; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi mhux biss appoġġ politiku, iżda wkoll appoġġ finanzjarju adegwat għall-attivitajiet immexxija mill-KtR u żviluppati permezz tal-ARLEM, il-CORLEAP u t-Task Force tal-Ukrajna;

31.

itenni t-talba tiegħu li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jaħtar “punt ta’ kuntatt” fi ħdan kull waħda mis-16-il delegazzjoni tal-Kummissjoni fil-pajjiżi tal-PEV bħala miżura prattika;

Kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija

32.

iqis li l-kooperazzjoni mill-qrib dwar kwistjonijiet tal-enerġija hija parti sinifikanti mir-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha, meta wieħed iqis li ħafna minnhom huma fornituri sinifikanti tal-enerġija lill-Istati Membri tal-UE; jemmen li l-UE tista’ tnaqqas id-dipendenza tagħha minn fornituri u sorsi esterni billi ttejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-istadji kollha tal-katina tal-enerġija, filwaqt li timmassimizza l-użu tagħha ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u sorsi indiġeni oħra ta’ enerġija u tipprijoritizza l-fjuwils u t-teknoloġiji li huma ambjentalment sostenibbli. B’dan il-mod, se tikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu l-objettivi tal-COP 21 kif miftiehma f’Pariġi; jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-ġirien tagħha dwar kwistjonijiet tal-enerġija għandha tinkludi l-ewwel u qabel kollox proġetti dwar l-infrastruttura tal-enerġija u dwar l-effiċjenza fl-enerġija;

33.

ifakkar li l-Patt tas-Sindki dwar il-Klima u l-Enerġija jista’ jkun wieħed mill-pjattaformi għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam, f’dak il-kuntest joffri l-għarfien espert u l-esperjenza tal-Ambaxxaturi tal-Patt tas-Sindki tal-KtR biex jimplimentaw l-għanijiet tal-klima u tal-enerġija fil-pajjiżi tal-PEV;

34.

jagħraf id-dritt tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar il-provvista tal-enerġija tagħhom; jitlob li jitqies b’mod konsistenti t-tħassib tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u taċ-ċittadini u jirreferi għall-oppożizzjoni qawwija ta’ bosta muniċipalitajiet fl-UE kontra l-promozzjoni tal-gass naturali u taż-żejt mhux maħdum permezz tal-fratturazzjoni idrawlika u jitlob li l-kooperazzjoni dwar l-enerġija mal-pajjiżi tal-PEV jinkludi r-rispett tal-ogħla standards ambjentali tal-UE fir-rigward tal-gass u tat-tħaffir għaż-żejt u l-ipproċessar tiegħu;

35.

jitlob li l-interkonnettività tan-netwerks tal-enerġija mhux biss titjieb fi ħdan l-UE, iżda wkoll bejn l-UE u l-ġirien tagħha u b’mod reċiproku, mill-ġirien tagħhom;

36.

huwa mħasseb li l-prezzijiet tal-enerġija f’ċerti pajjiżi tal-PEV żdiedu b’mod qawwi, u jitlob li jkun hemm impenn mill-Kummissjoni biex tippromovi l-affordabbiltà tal-enerġija f’kunċetti konkreti dwar l-appoġġ tal-persuni affettwati mill-faqar enerġetiku fil-pajjiżi tal-PEV;

37.

jemmen bis-sħiħ li l-proġetti ġodda tal-enerġija għandhom jiffukaw fuq id-diversifikazzjoni tal-enerġija u m’għandhomx idgħajfu l-istatus tal-pajjiżi tal-PEV bħala pajjiżi ta’ tranżitu;

L-iżvilupp ta’ sinerġiji

38.

jirrakkomanda skambju aħjar tal-esperjenzi miksuba permezz tal-kooperazzjoni kemm mal-viċinat tal-Lvant kif ukoll mal-viċinat tan-Nofsinhar, u jilqa’ l-impenn tal-membri tal-ARLEM, il-CORLEAP u t-Task Force tal-Ukrajna f’dan ir-rigward;

39.

jitlob li jkun hemm koordinazzjoni iżjed mill-qrib bejn il-PEV u l-programmi mħejjija mill-UE dwar l-iffaċilitar tas-sitwazzjoni tar-refuġjati fil-pajjiżi tal-viċinat;

40.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Istrateġija Globali tal-Unjoni Ewropea għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tirrikonoxxi r-rwol tar-reġjuni bħala li jirrappreżentaw spazji kritiċi ta’ governanza f’dinja deċentrata u jimpenja ruħu li jippromovi u jappoġġja ordnijiet reġjonali ta’ kooperazzjoni madwar id-dinja; jappella lill-HR u lill-SEAE biex jikkunsidraw u jużaw l-esperjenza miksuba mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

Riżorsi finanzjarji

41.

jenfasizza li l-finanzjament ipprovdut permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat mhux proporzjonat mal-ambizzjonijiet politiċi u l-isfidi fil-viċinat tal-UE, u jiddispjaċih li r-rieżami tal-PEV ma wassalx għal rakkomandazzjoni biex jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji;

42.

jinnota li attwalment l-UE qiegħda tiffaċċja aktar kriżijiet minn qatt qabel, b’mod partikolari l-kriżi tar-refuġjati, id-diżastri naturali u l-kunflitti armati, li poġġew fir-riskju valuri essenzjali. Dawn il-kriżijiet ma kinux għadhom previsti fiż-żmien tal-ikkompletar tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal reviżjoni tal-QFP fir-rigward ta’ żieda tal-limiti massimi taħt din l-intestatura 4 kif ukoll l-intestatura 3, sabiex b’hekk ir-riżorsi tal-PEV jiżdiedu b’mod sostanzjali, fost affarijiet oħra biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-refuġjati u sabiex tiġi żgurata l-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma primarjament responsabbli għalihom. Il-QFP il-ġdid jipprovdi opportunità biex jiżdiedu r-riżorsi allokati għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni wkoll fid-dimensjoni esterna tagħha;

43.

jitlob li titnaqqas b’mod gradwali l-prattika li l-prijorità tar-riżorsi finanzjarji tal-PEV tiffoka fuq il-kooperazzjoni mal-livell nazzjonali u jitlob li jiġu stabbiliti perċentwali li jkunu adatti kemm jista’ jkun għall-kundizzjonijiet ta’ kull pajjiż għall-finanzjament tal-proġetti fil-livell sottonazzjonali. Jeħtieġ li r-riżorsi finanzjarji tal-UE jiġu adattati b’mod li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-partijiet interessati reġjonali u lokali, inkluż permezz tal-appoġġ lil proġetti żgħar u t-tfassil flessibbli tal-kofinanzjament. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-possibbiltà li tintroduċi mill-ġdid il-Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali (LAF) li tintuża mill-pajjiżi ta’ adeżjoni u b’hekk jitwessa’ l-ambitu li fih tintuża għall-pajjiżi tal-PEV b’regoli aktar stretti tar-rimborż, li jitolbu proġetti iżjed konkreti u sostenibbli. Għandu jkun hemm monitoraġġ bir-reqqa tal-użu tar-riżorsi finanzjarji, anke mis-soċjetà ċivili.

Brussell, il-11 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA