6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 238/117


P8_TA(2016)0507

Oqbra tal-massa fl-Iraq

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-oqbra tal-massa fl-Iraq (2016/3028(RSP))

(2018/C 238/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul (1), tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq (2), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja, u l-offensiva tal-IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi (3), tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS (4), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani (5), u tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa 'ISIS/Da'esh' (6),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da'esh, tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar l-Iraq, tas-16 ta' Marzu 2015 dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIS/Da'esh, tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi tal-ISIS/Da'esh fis-Sirja u fl-Iraq, tal-14 ta' April 2014 u tat-12 ta' Ottubru 2015 dwar is-Sirja, u tal-15 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU għall-Iraq (UNAMI) bit-titolu “A Call for Accountability and Protection: Yezidi Survivors of Atrocities Committed by ISIL” (Talba għal Responsabbiltà u Protezzjoni: Superstiti Yazidi ta' Atroċitajiet Imwettqa mill-ISIL) ta' Awwissu 2016,

wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tal-1998 u d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-ġurisdizzjoni fir-rigward tad-delitt ta' ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u d-delitt ta' aggressjoni,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Iraq,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2253 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2016 lill-attivisti Yazidi Iraqin u li kienu miżmuma priġunieri mill-ISIS/Da'esh, Nadia Murad u Lamiya Aji Bashar,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi f'Awwissu 2014 l-ISIS/Da'esh attakka lil komunitajiet Yazidi madwar il-belt ta' Sinjar fil-provinċja ta' Nineveh fl-Iraq, fejn kien irrappurtat li nqatlu eluf ta' nies; billi nstabu diversi oqbra tal-massa wara li forzi Kurdi ħadu lura żoni fit-Tramuntana tal-Muntanja Sinjar f'Diċembru 2014; billi, meta l-forzi Kurdi ħadu lura l-belt ta' Sinjar f'nofs Novembru 2015, instabu aktar siti ta' qtil u oqbra tal-massa evidenti;

B.

billi l-atroċitajiet imwettqa mill-ISIS/Da'esh b'mod sistematiku u mifrux kellhom fil-mira, u ppruvaw jeqirdu, lill-poplu Yazidi; billi, skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari b'konformità mal-Artikolu II tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, tali atroċitajiet jikkostitwixxu ġenoċidju;

C.

billi mal-Parlament, li fl-4 ta' Frar 2016 irrikonoxxa li l-ISIS/Da'esh qed iwettaq ġenoċidju kontra l-Insara u l-Yazidi u persuni oħra li jappartjenu għal minoranzi reliġjużi u etniċi, issieħbu l-Kunsill tal-Ewropa, id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, il-Kungress tal-Istati Uniti, il-Parlament tar-Renju Unit, il-Parlament Awstraljan u istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali oħra fir-rikonoxximent li l-atroċitajiet imwettqa mill-ISIS/Da'esh kontra minoranzi reliġjużi u etniċi fl-Iraq jinkludu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

D.

billi l-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar, kif ukoll ir-reġjun usa', ilhom art twelid l-antenati ta' gruppi Nsara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani), Yazidi, Għarab Sunniti u Xiiti, Kurdi, Shabak, Turkmeni, Kaka'i, Sabejani-Mandjani u oħrajn, fejn huma għexu għal sekli sħaħ fi spirtu ta' pluraliżmu ġenerali, stabilità u kooperazzjoni komunali, minkejja perjodi ta' vjolenza u persekuzzjoni esterni, sal-bidu ta' dan is-seklu u l-okkupazzjoni ta' parti kbira tar-reġjun mill-ISIS/Da'esh fl-2014;

E.

billi mis-27 ta' Ottubru 2016 l-ISIS/Da'esh beda jieħu lin-nisa maħtufa, inklużi in-nisa Yazidi, lejn il-bliet ta' Mosul u Tel Afar; billi ġie rrappurtat li wħud minn dawn in-nisa kienu “mqassma” lil ġellieda tal-ISIS/Da'esh, filwaqt li oħrajn ġew infurmati li se jintużaw biex jakkumpanjaw il-konvojs tal-ISIS/Da'esh;

F.

billi l-protezzjoni, il-preservazzjoni u l-analiżi tal-oqbra kollha tal-massa fl-Iraq, kif ukoll fis-Sirja, huma essenzjali għall-preservazzjoni u l-ġbir ta' evidenza ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju mwettqa mill-ISIS/Da'esh u sabiex l-awturi tad-delitti jwieġbu għal għemilhom; billi jenħtieġ li l-qraba tal-vittmi jingħataw appoġġ psikoloġiku u loġistiku;

G.

billi diversi organizzazzjonijiet lokali qed jiddokumentaw id-delitti tal-ISIS/Da'esh kontra l-komunità Yazidi, iżda għandhom biss kapaċità limitata; billi, skont organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħal Human Rights Watch, l-ebda espert forensiku internazzjonali ma wettaq ħidma fiż-żona, minkejja l-appoġġ politiku għal tali missjoni minn għadd ta' pajjiżi, inklużi l-Istati Uniti u l-Ġermanja;

H.

billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjara, fil-11 ta' Novembru 2016 li, “Billi s-sitwazzjoni fl-Iraq tinġieb quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali; billi l-qrati Iraqin jingħataw ġurisdizzjoni fuq id-delitti internazzjonali; billi tiġi riformata s-sistema tal-ġustizzja kriminali u billi tissaħħaħ il-kapaċità tal-uffiċjali ġudizzjarji li jiddokumentaw, jinvestigaw u jipproċedu kontra ksur, il-Gvern tal-Iraq jista' jiżgura l-ġustizzja u jassigura l-pedamenti għal paċi dejjiema għall-pajjiż. In-nuqqas li dan isir jista' jipperikola serjament il-paċi u s-sigurtà fit-tul li ħaqqu l-poplu tal-Iraq”;

I.

billi l-armata Iraqija, bl-appoġġ tal-koalizzjoni dinjija kontra l-ISIS/Da'esh u l-forzi Peshmerga tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan (KRG), tat bidu għal operazzjoni biex tillibera lil Mosul, it-tieni l-akbar belt tal-Iraq, u lill-bqija tat-territorju Iraqi li għadu taħt l-okkupazzjoni tal-ISIS/Da'esh;

1.

Jikkundanna mingħajr riżerva l-atroċitajiet u l-ksur flagranti kontinwi tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-ISIS/Da'esh; jinnota b'dispjaċir kbir ħafna l-iskoperti kontinwi ta' oqbra tal-massa ġodda fl-Iraq u s-Sirja, li huma evidenza tal-atti ta' terrur imwettqa mill-ISIS/Da'esh; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lil dawk kollha fl-Iraq li tilfu lil qrabathom b'riżultat tad-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra mwettqa mill-ISIS/Da'esh u l-affiljati tiegħu;

2.

Jappella b'mod qawwi lill-komunità internazzjonali, b'mod partikolari lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex tikkunsidra l-oqbra tal-massa rrappurtati fl-Iraq bħala evidenza ulterjuri ta' ġenoċidju u biex tibda proċedimenti kontra l-ISIS/Da'esh quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);

3.

Jistieden lill-awtoritajiet Iraqin, inkluż il-KRG, jieħdu passi urġenti biex jipproteġu l-oqbra madwar il-Muntanja Sinjar li saru aċċessibbli wara li ż-żona reġgħet ittieħdet mill-ISIS/Da'esh, u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippreservaw l-evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa mill-ISIS/Da'esh, sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà;

4.

Jistieden lill-awtoritajiet Iraqin jistiednu lil esperti forensiċi internazzjonali, fosthom dawk b'esperjenza ta' ħidma quddiem tribunali kriminali, jimmappjaw l-oqbra tal-massa kollha u jgħinu fil-preservazzjoni u l-analiżi tal-evidenza misjuba f'oqbra tal-massa li saru aċċessibbli, peress li l-eżumazzjonijiet mingħajr esperti forensi jistgħu jeqirdu evidenza kritika u jikkomplikaw bil-kbir l-identifikazzjoni tal-iġsma;

5.

Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lil donaturi internazzjonali potenzjali oħra jiffaċilitaw u jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-Gvern tal-Iraq biex jistabbilixxi r-riżorsi umani u l-infrastruttura meħtieġa għall-preservazzjoni u l-analiżi ta' evidenza li tista' tkun vitali għal proċessi ta' responsabbiltà nazzjonali u internazzjonali fil-futur bl-għan li jindirizzaw delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

6.

Huwa partikolarment allarmat dwar is-sitwazzjoni tan-nisa u tat-tfal fil-kunflitt, b'mod partikolari tan-nisa u t-tfal Yazidi li huma vittmi ta' persekuzzjoni, eżekuzzjonijiet, tortura, sfruttament sesswali u atroċitajiet oħra; jinsisti li għandha ssir disponibbli firxa sħiħa ta' servizzi mediċi, b'mod partikolari għall-vittmi ta' stupru; jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu mill-qrib mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u jappoġġjawha għal dan l-għan; jitlob li jinħelsu minnufih in-nisa u t-tfal kollha li għadhom qed jinżammu priġunieri mill-ISIS/Da'esh;

7.

Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-armata Iraqija, lill-armati tal-koalizzjoni dinjija kontra l-ISIS/Da'esh, lill-forzi Peshmerga tal-KRG u lill-alleati tagħhom fl-isforzi tagħhom biex jilliberaw lil Mosul u lil partijiet oħra tal-pajjiż mill-preżenza tal-ISIS/Da'esh, u jtenni wkoll l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Iraq;

8.

Ifakkar li l-awtoritajiet Iraqin iridu jieħdu passi konkreti sabiex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili matul il-kampanja, anke billi jieħdu l-prekawzjonijiet fattibbli kollha biex jiġi evitat li jkun hemm vittmi ċivili u ksur tad-drittijiet tal-bniedem matul l-attakk; jenfasizza li l-forzi fil-post iridu josservaw id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem matul l-operazzjonijiet tagħhom;

9.

Jesprimi l-appoġġ tiegħu lir-Repubblika tal-Iraq u lill-poplu ta' dan il-pajjiż fir-rikonoxximent ta' provinċja politikament, soċjalment u ekonomikament vijabbli u sostenibbli fir-reġjuni tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar, bi qbil mal-espressjonijiet legali ta' awtonomija reġjonali, kif iggarantita mill-kostituzzjoni tal-Iraq;

10.

Jenfasizza li d-dritt tal-popli indiġeni spostati tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar – li ħafna minnhom huma spostati fl-Iraq – li jmorru lura lejn art l-antenati tagħhom għandu jkun prijorità politika tal-Gvern tal-Iraq, appoġġat mill-UE, inklużi l-Istati Membri tagħha, u l-komunità internazzjonali; jenfasizza li, bl-appoġġ tal-Gvern tal-Iraq u tal-KRG, dawn il-popli għandu jkollhom id-drittijiet tal-bniedem tagħhom, inkluża l-ugwaljanza politika, iggarantiti bis-sħiħ, kif ukoll id-drittijiet ta' proprjetà tagħhom, li għandhom jieħdu prijorità fuq kwalunkwe pretensjoni ta' drittijiet għall-proprjetà minn oħrajn;

11.

Iħeġġeġ lill-Iraq isir membru tal-QKI sabiex ikun possibbli li jinbdew proċedimenti kontra l-ISIS/Da'esh għal delitti tal-gwerra, ġenoċidju u delitti kontra l-umanità;

12.

Jistieden lill-komunità internazzjonali, inklużi l-Istati Membri tal-UE, biex jibdew proċedimenti kontra membri tal-ISIS/Da'esh fil-ġurisdizzjoni tagħhom, anke billi japplikaw il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq u lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0422.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2014)0171.

(3)  ĠU C 234, 28.6.2016, p. 25.

(4)  ĠU C 310, 25.8.2016, p. 35.

(5)  ĠU C 316, 30.8.2016, p. 113.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2016)0051.