27.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/140


P8_TA(2016)0464

Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: valutazzjoni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2016 dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: valutazzjoni (2016/2045(INI))

(2018/C 224/22)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 175 u 212(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Solidarjetà, implimentazzjoni u applikazzjoni (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (3),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2013)0522) (4),

wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni intitolat “Rapport Annwali tal-2014 tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea” (COM(2015)0502),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2002 dwar id-diżastri tal-għargħar fl-Ewropa (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (nirien u għargħar) li seħħew matul dak is-sajf fl-Ewropa (6),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolat “Il-Futur tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea” (COM(2011)0613),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta' Novembru 2013 – Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (7),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, kooperazzjoni f'materji ta' baġit u ġestjoni finanzjarja tajba (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0341/2016),

A.

billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) twaqqaf taħt ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 b'reazzjoni għall-għargħar diżastrużi fl-Ewropa Ċentrali fis-sajf tal-2002, bħala strument utli li jippermetti lill-UE tirrispondi għal diżastri naturali kbar, u diżastri reġjonali straordinarji, fl-Unjoni u fil-pajjiżi involuti fin-negozjati tal-adeżjoni, u turi solidarjetà ma' reġjuni u stati eliġibbli; billi dan jappoġġja biss operazzjonijiet ta' emerġenza u rkupru, imwettqa mill-gvernijiet wara diżastri naturali, li għandhom impatt dirett fuq ħajjet in-nies, l-ambjent naturali jew l-ekonomija f'reġjun partikolari (għalkemm wieħed għandu jinnota li fl-2005, il-Kummissjoni ppreżentat proposta li għandha l-għan li tespandi l-kamp ta' applikazzjoni oriġinali anki iktar);

B.

billi minn meta twaqqaf, il-FSUE kelli skop ferm utli, wara li mmobilizza, b'kollox, EUR 3,8 biljun b'rabta ma' aktar minn 70 diżastru f'24 stat u pajjiż tal-adeżjoni benefiċjarji, u ntuża b'reazzjoni għal firxa wiesgħa ta' fenomeni naturali bħal terremoti, għargħar, nirien fil-foresti, tempesti u, aktar reċenti, nixfiet; billi l-FSUE jibqa' wieħed mill-aktar simboli b'saħħithom ta' solidarjetà tal-UE fi żminijiet ta' bżonn;

C.

billi l-istrument reġa' ġie rivedut b'mod komprensiv fl-2014 bl-għan li: jtejjeb u jissimplifika l-proċeduri, u jiżgura rispons aktar rapidu fi żmien sitt ġimgħat wara l-applikazzjoni; jiddetermina mill-ġdid il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu; jistabbilixxi kriterji ċari għal diżastri reġjonali; u jsaħħaħ il-prevenzjoni tad-diżastri u l-istrateġiji ta' mmaniġġjar tar-riskju, biex b'hekk isaħħaħ l-effettività ta' finanzjament għall-emerġenza, f'konformità ma' bosta talbiet magħmulin matul is-snin mill-Parlament, kif ukoll mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; billi hija prevista reviżjoni ġdida ta' dan il-Fond fil-proposta għar-Regolament Omnibus (COM(2016)0605 – 2016/0282(COD)) propost mill-Kummissjoni fl-14 ta' Settembru 2016 bl-għan li jitjieb l-istat ta' tħejjija u l-effikaċja ta' finanzjament għall-emerġenza;

D.

billi l-Parlament appoġġja bis-sħiħ il-proposti ta' riforma, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu talbiet li diġà saru fir-riżoluzzjonijiet preċedenti;

E.

billi applikazzjonijiet li waslu qabel Ġunju 2014 (meta r-regolament rivedut daħal fis-seħħ) ġew ivvalutati skont ir-regolament oriġinali, filwaqt li l-applikazzjonijiet riċevuti wara dak iż-żmien ġew ivvalutati skont ir-regolament rivedut;

F.

billi l-investimenti fil-prevenzjoni ta' diżastri naturali huma tal-akbar importanza bħala reazzjoni għat-tibdil fil-klima; billi ammonti sinifikanti ta' finanzjament tal-UE ġew allokati għal investimenti fil-qasam tal-prevenzjoni tad-diżastri naturali, u fl-istrateġiji tal-immaniġġjar tar-riskju, b'mod partikolari taħt il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE);

G.

billi, b'mod eċċezzjonali, f'każ li ma jkunx hemm biżżejjed fondi disponibbli f'sena partikolari, jistgħu jintużaw il-fondi tas-sena ta' wara, filwaqt li jitqies il-limitu baġitarju annwali tal-fond kemm għas-sena ta' meta jkun seħħ id-diżastru kif ukoll għas-sena ta' wara;

1.

Ifakkar li, minn meta ġie stabbilit fl-2002, il-FSUE kien sors importanti ta' finanzjament għall-gvernijiet lokali u reġjonali, li taffa l-konsegwenzi tad-diżastri naturali li seħħew fil-kontinent Ewropew, li jvarjaw minn għargħar sa terremoti u nirien fil-foresti, u li serva bħala mezz li bih intweriet solidarjetà Ewropea mar-reġjuni milquta; jenfasizza li, skont l-opinjoni pubblika, il-FSUE huwa wieħed mill-aktar forom konkreti u tanġibbli ta' appoġġ li l-UE tista' tagħti lill-komunitajiet lokali;

2.

Jenfasizza li minn meta ġie stabbilit il-FSUE, id-diżastri naturali fl-Unjoni Ewropea żdiedu b'mod konsiderevoli fin-numru, fil-gravità u fl-intensità, bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima; jinsisti għalhekk fuq il-valur miżjud ta' strument solidu u flessibbli bħala mezz biex tintwera solidarjetà u tingħata assistenza xierqa u immedjata liċ-ċittadini milquta minn diżastri naturali maġġuri;

3.

Ifakkar li l-FSUE huwa ffinanzjat barra l-baġit tal-Unjoni Ewropea, b'ammont massimu ta' EUR 500 miljun (skont il-prezzijiet tal-2011), u li minkejja l-flessibbiltà interna (riport N+1), il-fondi sostanzjali jistgħu kull sena jibqgħu mhux użati; jinnota, f'dan il-kuntest, l-“ibbaġitjar” parzjali tal-allokazzjoni finanzjarja annwali prevista fir-Regolament Omnibus propost, bil-ħsieb li jaċċelera l-proċedura ta' mobilizzazzjoni u biex jipprovdi rispons aktar malajr u aktar effettiv liċ-ċittadini milquta minn diżastru;

4.

Jirrimarka li l-użu tal-limitu annwali juri li l-livell annwali ta' approprjazzjonijiet, wara l-perjodu ta' programmazzjoni tal-QFP l-ġdid, huwa adegwat;

5.

Jenfasizza l-importanza tar-reviżjoni tal-2014, li rnexxielha tegħleb l-istaġnar fil-Kunsill, u rrappreżentat ir-reazzjoni tardiva lejn it-talbiet ripetuti tal-Parlament biex jitjiebu r-reazzjoni u l-effikaċja tal-għajnuna, sabiex tiġi żgurata reazzjoni rapida u trasparenti b'appoġġ għal persuni affettwati minn diżastri naturali; barra minn hekk, jilqa' b'sodisfazzjon l-aħħar Proposta Omnibus, li tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda f'termini ta' simplifikazzjoni u ta' mobilizzazzjoni aħjar tal-finanzjament;

6.

Jisħaq fuq l-elementi prinċipali tar-riforma, bħal: l-introduzzjoni ta' pagamenti bil-quddiem, li bihom sa 10 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja antiċipata hija disponibbli fuq talba eżatt wara li titressaq applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond lill-Kummissjoni (limitat għal EUR 30 miljun); l-eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati mat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet ta' emerġenza u rkupru (talba importanti tal-Parlament); l-estensjoni tal-iskadenzi li fihom l-istati eliġibbli jridu jippreżentaw applikazzjonijiet (12-il ġimgħa wara l-ewwel ħsara) u jħejju l-proġett (18-il xahar); l-introduzzjoni ta' skadenza ta' sitt ġimgħat sa meta l-Kummissjoni għandha twieġeb għall-applikazzjonijiet; dispożizzjonijiet ġodda dwar il-prevenzjoni ta' diżastri naturali; u titjib fil-proċeduri li jirrigwardaw il-ġestjoni finanzjarja soda;

7.

Jenfasizza madankollu li, minkejja l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu upstream ta' ħlasijiet antiċipati tal-proċedura standard, il-benefiċjarji għadhom qegħdin jaffaċċjaw problemi minħabba t-tul tal-proċess kollu mill-fażi ta' applikazzjoni sal-ħlas tal-aħħar kontribuzzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li titressaq l-applikazzjoni kemm jista' jkun malajr wara diżastru, kif ukoll għal aktar titjib fil-fażi ta' valutazzjoni, u fil-fażijiet ulterjuri, sabiex tiġi faċilitata l-eżekuzzjoni ta' pagamenti; huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet Omnibus li għadhom kemm ġew proposti dwar il-FSUE jistgħu jikkontribwixxu għall-mobilizzazzjoni aktar mgħaġġla, sabiex il-ħtiġijiet reali fil-post ikunu jistgħu jiġu ssodisfati; jenfasizza li l-Istati Membri wkoll iridu jħarsu lejn il-proċeduri amministrattivi tagħhom stess bl-għan li titħaffef il-mobilizzazzjoni ta' għajnuna lejn reġjuni u stati milquta; jissuġġerixxi, barra minn hekk, bl-għan ta' titjib potenzjali f'riforma futura, l-introduzzjoni ta' talba għal pjanijiet nazzjonali obbligatorji aġġornati għall-ġestjoni tad-diżastri, kif ukoll ta' rekwiżit li jingħata tagħrif dwar il-preparazzjoni ta' ftehimiet dwar kuntratti ta' emerġenza;

8.

Jistieden lill-Istati Membri nfushom biex itejbu l-mezzi tagħhom ta' komunikazzjoni u kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kemm fl-evalwazzjoni tal-ħsara eliġibbli, li għaliha tintalab għajnuna finanzjarja mill-FSUE, u fit-tħejjija tal-applikazzjonijiet, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġetti li jindirizzaw l-effetti tad-diżastri naturali, biex b'hekk jiżguraw li l-assistenza tal-Unjoni tkun effettiva fil-prattika u li jitħeġġu soluzzjonijiet sostenibbli; iqis, barra minn hekk, li l-appoġġ tal-FSUE għandu jiġi kkomunikat lill-pubbliku b'mod ġenerali; jistieden lill-awtoritajiet ikkonċernati biex itejbu l-komunikazzjoni u biex jipprovdu informazzjoni dwar l-appoġġ mill-FSUE, mingħajr ma jinħolqu piżijiet amministrattivi addizzjonali;

9.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li proċeduri ta' akkwist pubbliku jkunu segwiti mill-Istati Membri bħala reazzjoni għad-diżastri naturali, bl-għan li jiġu identifikati u mxerrda l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda fir-rigward ta' kuntratti f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

10.

Jilqa' l-kjarifika mill-Kummissjoni tar-regoli dwar l-eliġibbiltà tad-diżastri naturali reġjonali, iżda jfakkar li l-ftehim finali bejn il-Parlament u l-Kunsill żamm il-limitu tal-eliġibbiltà għal 1,5 % tal-PDG reġjonali, f'konformità mal-proposta tal-Kummissjoni, minkejja l-isforzi tal-Parlament biex inaqqsu għal 1 %; jinnota li ġiet ikkunsidrata l-vulnerabbiltà tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, bil-limitu li tbaxxa għal 1 %;

11.

Jirrikonoxxi li l-Fond jipprovdi assistenza għall-ħsarat mhux assigurati u ma jikkumpensax it-telf privat; jenfasizza li miżuri fit-tul, bħal rikostruzzjoni sostenibbli, jew żvilupp ekonomiku u attivitajiet ta' prevenzjoni, huma eliġibbli għal finanzjament taħt strumenti oħrajn tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Fondi SIE);

12.

Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-finanzjament attwali tal-UE, b'mod partikolari mill-ħames Fondi SIE, għal investimenti biex jevitaw diżastri naturali milli jseħħu, u jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li jiġu żviluppati sinerġiji bejn id-diversi fondi u politiki tal-Unjoni bl-għan li jkun evitat l-impatt ta' diżastri naturali, u f'każijiet fejn tal-FSUE huwa attivat, sabiex tiġi garantita l-konsolidazzjoni, u l-iżvilupp sostenibbli fit-tul ta' proġetti ta' rikostruzzjoni; isostni li kull meta għandu jintuża l-FSUE, l-Istat Membru kkonċernat għandu formalment jimpenja ruħu biex iwettaq il-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni tad-diżastri u r-rikostruzzjoni sostenibbli taż-żoni milquta; jitlob, meta jitqiesu s-sinerġiji, għall-proċess li bih jintużaw il-fondi flimkien, biex jiġu ssimplifikati, sa fejn hu possibbli, f'termini amministrattivi;

13.

Jenfasizza, għalhekk, li għandhom jiżdiedu l-isforzi biex ikun hemm investiment fil-qasam tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, b'kont meħud ta' miżuri preventivi meta jiġu appoġġjati r-rikostruzzjoni u r-riforestazzjoni taħt il-FSUE; iqis li l-prevenzjoni għandha ssir ħidma orizzontali, u jissuġġerixxi li jittieħdu miżuri preventivi li jsegwu l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema meta jittaffew il-konsegwenzi ta' diżastru taħt il-FSUE; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu strateġiji ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni tar-riskji, filwaqt li jitqies ukoll li ħafna diżastri naturali llum huma konsegwenzi diretti ta' attività umana;

14.

Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata trasparenza massima fl-għoti, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-FSUE; iqis li huwa importanti li jiġi determinat jekk is-sussidji tal-FSUE ntużawx skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba, sabiex jiġu identifikati, żviluppati u kondiviżi l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu t-trasparenza u jiggarantixxu aċċess pubbliku għall-informazzjoni matul il-proċess kollu ta' mobilizzazzjoni tal-assistenza, wara t-tressiq ta' applikazzjoni għall-għeluq ta' proġett; jitlob ukoll għal rapport speċjali mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar il-funzjonament tal-FSUE, mhux l-inqas minħabba l-fatt li l-aħħar rapport disponibbli huwa minn qabel ir-reviżjoni tal-2014 tar-Regolament FSUE;

15.

Jinnota li fl-2014 kien hemm 13-il applikazzjoni ġdida, u jiġbed l-attenzjoni għaċ-ċirkostanzi speċjali ta' dik is-sena, li minnhom sitta minn dawn l-applikazzjonijiet ġew ivvalutati skont ir-regolament l-antik, filwaqt li s-seba' applikazzjonijiet l-oħra ġew ivvalutati skont ir-regolament rivedut;

16.

Ifakkar li żewġ applikazzjonijiet ġew miċħuda fl-2014 taħt ir-Regolament FSUE ta' qabel, minħabba li d-diżastri inkwistjoni ma setgħux jitqiesu bħala “straordinarji”, minkejja l-fatt li dawn ikkawżaw ħsara serja u kellhom riperkussjonijiet diretti fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni kkonċernati, u għaldaqstant jilqa' l-kjarifiki li saru f'dan ir-rigward tar-Regolament rivedut tal-FSUE; jissuġġerixxi, madankollu, fir-rigward ta' riformi futuri, u filwaqt li titqies il-possibbiltà ta' definizzjoni mill-ġdid ta' diżastri naturali reġjonali, li l-applikazzjonijiet individwali jkunu jistgħu jiġu ppreżentati b'mod konġunt minn diversi stati eliġibbli milquta minn diżastru naturali fil-livell transkonfinali, fejn il-kawża tad-diżastru hija l-istess u l-effetti jseħħu fl-istess ħin, u li d-danni indiretti għandhom jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' riformi futuri, biex tqis il-possibbiltà li żżid il-limitu tal-ħlasijiet bil-quddiem minn 10 % għal 15 %, kif ukoll li tqassar l-iskadenzi għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet minn sitta għal erba' ġimgħat; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tqis il-possibbiltà li tiffissa l-limitu ta' eliġibbiltà għal diżastri naturali reġjonali għal 1 % tal-PDG reġjonali, u li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-valutazzjoni tat-talbiet, il-livell ta' żvilupp soċjoekonomiku tar-reġjuni affettwati;

18.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitqies jekk jistgħux jintużaw indikaturi ġodda li jmorru lil hinn mill-PDG, bħall-Indiċi tal-Iżvilupp Uman u l-Indiċi tal-Progress Soċjali Reġjonali;

19.

Jilqa' l-fatt li seba' applikazzjonijiet għall-għajnuna rċevuti fil-qafas tar-regoli riveduti ġew aċċettati mill-Kummissjoni, inklużi erba' li ġew approvati fi tmiem l-2014, iżda li għalihom l-approprjazzjonijiet kellhom jiġu ttrasferiti għall-2015, kif ġie ddikjarat fir-Rapport Annwali 2015 tal-FSUE; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-2015 kienet l-ewwel sena sħiħa ta' implimentazzjoni taħt ir-regoli riveduti, u li l-analiżi turi li l-kjarifiki legali introdotti bir-riforma żguraw applikazzjonijiet ta' suċċess, li ma kienx il-każ għad-dispożizzjonijiet l-antiki, li skont dawn madwar żewġ terzi tat-talbiet għal għajnuna għad-diżastri reġjonali tqiesu ineliġibbli;

20.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proċeduri ta' evalwazzjoni tar-rapporti dwar l-implimentazzjoni u l-għeluq damu daqshekk taħt ir-regolament l-antik, u jistenna li, fid-dawl tar-regolament emendat, l-għeluq għandu jsir b'mod aktar effikaċi u trasparenti, filwaqt li jiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

21.

Jenfasizza, barra minn hekk, li l-Artikolu 11 tar-Regolament emendat jagħti lill-Kummissjoni u lill-QEA s-setgħa tal-awditjar u jippermetti lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) iwettaq investigazzjonijiet kull meta jkun meħtieġ;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-QEA jivvalutaw il-funzjonament tal-FSUE qabel it-tmiem tal-perjodu finanzjarju pluriennali attwali;

23.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali tagħhom.

(1)  ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(2)  ĠU C 440, 30.12.2015, p. 13.

(3)  ĠU L 189, 27.6.2014, p. 143.

(4)  ĠU C 170, 5.6.2014, p. 45.

(5)  ĠU C 272 E, 13.11.2003, p. 471.

(6)  ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 322.

(7)  ĠU C 114, 15.4.2014, p. 48.

(8)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.