27.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/101


P8_TA(2016)0452

L-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2015 (2016/2150(INI))

(2018/C 224/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2015,

wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (1),

wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Kondotta Amministrattiva Tajba kif adottat mill-Parlament Ewropew fis-6 ta' Settembru 2001 (2),

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni li ġie konkluż bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

wara li kkunsidra l-prinċipji ta' trasparenza u integrità fl-attivitajiet tal-illobbjar ippubblikati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 220(2), it-tieni u t-tielet sentenzi, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0331/2016),

A.

billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2015 tressaq formalment lill-President tal-Parlament fit-3 ta' Mejju 2016, u l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fl-20 ta' Ġunju 2016;

B.

billi l-Artikolu 15 tat-TFUE jiddikjara li sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta' l-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ;

C.

billi l-Artikolu 24 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju li kull ċittadin tal-Unjoni jista' jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skont l-Artikolu 228 tat-TFUE;

D.

billi l-Artikolu 228 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li tilqa' l-ilmenti li jinvolvu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha;

E.

billi l-Artikolu 258 tat-TFUE jistabbilixxi r-rwol tal-Kummissjoni bħala l-gwardjana tat-Trattati; billi n-nuqqas jew it-tħollija barra tal-eżerċizzju ta' din ir-responsabilità tista' titqies bħala każ ta' amministrazzjoni ħażina;

F.

billi, skont l-Artikolu 298 tat-TFUE “l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti”, u billi l-istess artikolu jipprevedi l-adozzjoni, għal dak il-għan, ta' leġiżlazzjoni sekondarja speċifika fil-forma ta' regolamenti applikabbli għall-oqsma kollha tal-amministrazzjoni tal-UE;

G.

billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiddikjara li “Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni”;

H.

billi l-Artikolu 43 tal-Karta jiddikjara li “Kull ċittadin ta' l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet ta' l-istituzzjonijiet, tal-korpi jew ta' l-aġenziji ta' l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha”;

I.

billi, fl-2015, l-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, stabbilit bit-Trattat ta' Maastricht, iċċelebra l-20 anniversarju tiegħu wara li ttratta 48 840 ilment mill-2005 'l hawn;

J.

billi skont l-Ewrobarometru Flash dwar id-Drittijiet ta' Ċittadinanza tal-UE ta' Ottubru 2015, 83 % taċ-ċittadini Ewropej huma konxji li ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jressaq ilment lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew jew lill-Ombudsman Ewropew;

K.

billi l-amministrazzjoni ħażina hija definita mill-Ombudsman Ewropew bħala amministrazzjoni li ma saritx kif suppost jew li saret b'mod mhux ġust, li sseħħ jekk istituzzjoni jew korp pubbliku jonqsu milli jaġixxu b'mod konformi mal-liġi jew ma' xi regola jew prinċipju vinkolanti għalihom, jonqsu milli jirrispettaw il-prinċipji ta' amminstrazzjoni tajba, jew jiksru d-drittijiet tal-bniedem;

L.

billi l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba hija mmirata biex tipprevjeni li sseħħ amministrazzjoni ħażina; billi l-utilità ta' din l-għodda hija limitata minħabba n-natura mhux vinkolanti tagħha;

M.

billi huwa kruċjali li jkun hemm trasparenza kbira sabiex jinkisbu l-leġittimità u l-fiduċja li d-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq l-interess pubbliku ġenerali;

N.

billi l-opaċità f'dak li jikkonċerna fajls li jimplikaw impatt kbir fuq il-mudell soċjoekonomiku tal-UE, li wkoll spiss għandhom implikazzjonijiet maġġuri fil-qasam tas-saħħa pubblika u l-ambjent, għandha t-tendenza li tiġġenera nuqqas ta' fiduċja fost iċ-ċittadini u fl-opinjoni pubblika b'mod ġenerali;

O.

billi l-informaturi jaqdu rwol kruċjali meta jiżvelaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina u anke ta' korruzzjoni politika f'xi każijiet; billi dawn il-każijiet jimminaw severament il-kwalità tad-demokrazija tagħna; billi l-informaturi spiss iħabbtu wiċċhom ma' inkwiet sever bħala konsegwenza u spiss wisq jiġu esposti għal konsegwenzi personali negattivi f'ħafna livelli, mhux biss professjonalment iżda anke kriminalment; billi fin-nuqqas ta' salvagwardji ulterjuri dawn l-esperjenzi magħrufa tal-passat jista' jkollhom it-tendenza li jiddiswadu lill-individwi milli fil-ġejjieni jsegwu t-triq etika tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta;

P.

billi l-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew kiseb rata ta' konformità ta' 90 % bid-deċiżjonijiet u/jew ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-2014, rata li hija 10 punti perċentwali ogħla miċ-ċifra tal-2013;

Q.

billi, fir-rigward tal-inkjesti mibdija mill-Ombudsman fl-2015, jistgħu jiġu identifikati t-temi ewlenin li ġejjin: it-trasparenza fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonjiet tal-UE, ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni, u d-drittijiet fundamentali;

R.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jikkostitwixxi membru attiv tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; billi, bħala tali, il-Kumitat irċieva 42 ilment mill-Ombudsman Ewropew immarkati għal aktar trattament bħala petizzjonijiet;

1.

Japprova r-rapport annwali għall-2015 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew;

2.

Jifraħ lil Emily O'Reilly għall-ħidma eċċellenti tagħha u għall-isforzi kontinwi tagħha biex ittejjeb il-kwalità tas-servizz offrut liċ-ċittadini mill-amministrazzjonijiet Ewropej; jirrikonoxxi l-importanza tat-trasparenza bħala element fundamentali tal-ksib tal-fiduċja u tal-amministrazzjoni tajba, ħaġa li hija sottolinjata wkoll mill-perċentwal għoli ta' lmenti dwar it-trasparenza (22,4 %), u li tagħti lil dan is-suġġett l-ogħla klassifika minnhom kollha; jirrikonoxxi r-rwol tal-inkjesti strateġiċi fl-iżgurar ta' amministrazzjoni tajba u jappoġġja lil dawk li twettqu s'issa mill-Uffiċċju tal-Ombudsman f'dan il-qasam;

3.

Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Ombudsman Ewropew biex iżżid it-trasparenza fin-negozjati tat-TTIP permezz ta' proposti lill-Kummissjoni; ifaħħar il-pubblikazzjoni li rriżultat minnhom, min-naħa tal-Kummissjoni, ta' għadd ta' dokumenti tat-TTIP, li b'hekk tħeġġet it-trasparenza bħala wieħed mit-tliet pilastri tal-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-Kummissjoni; jenfasizza mill-ġdid il-ħtieġa ta' trasparenza msaħħa fi ftehimiet internazzjonali bħalma huma t-TTIP, is-CETA u oħrajn, kif mitlub minn ħafna ċittadini mħassba li indirizzaw lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jitlob li jsiru sforzi aktar b'saħħithom u aktar wiesgħa f'dan ir-rigward, bil-għan li tiġi salvagwardjata l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej;

4.

Jistieden lill-Ombudsman Ewropew tinvestiga sa liema punt l-istabbiliment tal-kmamar għall-qari sikuri huwa konformi mad-dritt tal-aċċess għad-dokumenti u mal-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba;

5.

Ifakkar li r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jibni fuq il-prinċipju ta' “l-akbar aċċess possibbli”; jenfasizza, għalhekk, li t-trasparenza u l-aċċess sħiħ għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ikunu r-regola sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw b'mod sħiħ id-drittijiet demokratiċi tagħhom; jenfasizza li, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-eċċezzjonijiet għal dik ir-regola għandhom jiġu interpretati kif jixraq, filwaqt li jitqies l-interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar u fil-ħtiġijiet tad-demokrazija, l-involviment aktar mill-qrib taċ-ċittadini fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet, il-leġittimità tal-governanza, l-effiċjenza u l-obbligu ta' rendikont lejn iċ-ċittadini;

6.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew billi jagħtuha l-kapaċità li toħroġ dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mid-diversi istituzzjonijiet tal-UE, bil-kundizzjoni li dawn id-dokumenti ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament; jappoġġja l-idea li l-Ombudsman għandu jkollha s-setgħa li tieħu deċiżjoni dwar ir-rilaxx tad-dokumenti rilevanti, wara investigazzjoni dwar in-nuqqas ta' konformità;

7.

Jiddispjaċih li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tinsab wieqfa; jemmen li għandu jsir progress mingħajr aktar dewmien, peress li r-Regolament m'għadux jirrifletti s-sitwazzjoni ġuridika jew il-prattiki istituzzjonali attwali;

8.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' trasparenza fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u jappoġġja l-investigazzjoni mill-Ombudsman Ewropew dwar negozjati informali bejn it-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE (“it-trilogi”), u l-varar ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-kwistjoni; jappoġġja l-pubblikazzjoni tad-dokumenti tat-trilogu, b'kunsiderazzjoni dovuta għall-Artikoli 4 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

9.

Jiddispjaċih li l-Kumitat Parlamentari ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (EMIS) ġie fornut mill-Kummissjoni b'dokumentazzjoni parzjali biss, imfassla b'tali mod li ċerta informazzjoni meqjusa mill-Kummissjoni bħala irrelevanti kienet nieqsa; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-ogħla preċiżjoni fil-ħidma tagħha u trasparenza sħiħa fir-rigward tad-dokumentazzjoni fornuta, b'konformità sħiħa mal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera, sabiex tiggarantixxi li l-Kumitat EMIS ikun jista' jeżerċita s-setgħat ta' investigazzjoni tiegħu b'mod sħiħ u effettiv;

10.

Jappoġġja d-determinazzjoni tal-Ombudsman Ewropew li tagħmel il-ħidma tal-Bank Ċentrali Ewropew aktar trasparenti u konformi ma' standard għoli ta' governanza, speċjalment bħala membru tat-Trojka/Kwadriga li tissorvelja l-programmi ta' konsolidazzjoni fiskali fil-pajjiżi tal-UE; jilqa' d-deċiżjoni tal-BĊE li jippubblika listi tal-laqgħat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tiegħu; jappoġġja l-prinċipji ta' gwida ġodda għall-impenji ta' għoti ta' diskorsi u l-istabbiliment ta' “perijodu kalm” fir-rigward ta' informazzjoni sensittiva għas-suq qabel ma jsiru l-laqgħat tal-Kunsill Governattiv.

11.

Jinnota l-istatus tal-BĊE kemm bħala awtorità monetarja u kemm bħala membru konsultattiv tat-Trojka/Kwadriga, u jappella lill-Ombudsman Ewropew biex issalvagwardja l-interessi tal-amministrazzjoni tajba ta' waħda mill-awtoritajiet finanzjarji l-aktar importanti;

12.

Jappella għal trasparenza akbar fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro, lil hinn mill-passi li diġà ttieħdu mill-President tiegħu wara intervent mill-Ombudsman Ewropew;

13.

Japprova l-investigazzjoni tal-Ombudsman dwar l-għamla u t-trasparenza tal-ħidma tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni; jinnota l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiftaħ dawn il-gruppi għall-pubbliku, u jenfasizza li hemm il-ħtieġa ta' aktar azzjonijiet biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa; itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill, inklużi l-korpi preparatorji tiegħu, biex jissieħbu fir-Reġistru tar-Rappreżentanti ta' Gruppi ta' Interess malajr kemm jista' jkun u jtejbu t-trasparenza tal-ħidma tagħhom;

14.

Jagħti l-appoġġ tiegħu għall-isforzi li qed tagħmel l-Ombudsman biex trendi l-illobbjar aktar trasparenti; jiddispjaċih minħabba n-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-Kummissjoni li tippubblika informazzjoni dettaljata dwar il-laqgħat mal-lobbisti tat-tabakk; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel l-operazzjonijiet tagħha kompletament trasparenti ħalli l-pubbliku jikseb fiduċja akbar fil-ħidma tagħha;

15.

jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-informazzjoni kollha dwar l-influwenza tal-lobbisti disponibbli mingħajr ħlas, u b'mod li l-pubbliku jkun jista' jifhimha għalkollox u jkollu aċċess faċli għaliha, permezz ta' bażi tad-data onlajn ċentralizzata unika;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, sa tmiem is-sena 2017, proposta għal Reġistru tar-Rappreżentanti ta' Gruppi ta' Interess liema reġistru jkun mandatarju bis-sħiħ u ġuridikament vinkolanti mmirat biex jagħlaq il-lakuni kollha u jikseb reġistru mandatorju għalkollox tal-lobbisti kollha;

17.

Jappoġġja l-isforzi biex jiġu implimentati linji gwida dwar it-trasparenza tal-illobbjar li jkunu japplikaw mhux biss għall-istituzzjonijiet tal-UE iżda għall-amministrazzjonijiet nazzjonali wkoll;

18.

Jiġbed l-attenzjoni lejn it-tħassib taċ-ċittadini fir-rigward ta' kif il-Kummissjoni tittratta l-proċeduri ta' ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u n-nuqqas ta' trasparenza fl-istadji rilevanti tal-proċess; jenfasizza li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif imnaqqax fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jinkludi l-obbligu li jingħata raġunament suffiċjenti fil-każijiet fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tiftaħx proċedura ta' ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; jilqa' l-inkjesta strateġika min-naħa tal-Ombudsman Ewropew dwar il-kwistjonijiet sistemiċi misjuba fl-EU Pilot;

19.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ tal-inkjesta tal-Ombudsman (Kawża OI/5/2016/AB) dwar it-trattament min-naħa tal-Kummissjoni ta' lmenti ta' ksur taħt il-proċeduri tal-EU Pilot fir-rwol tagħha bħala l-gwardjana tat-Trattati; ifakkar fit-talbiet preċedenti li għamel il-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar li jiġi żgurat aċċess għad-dokumenti proċedurali tal-EU Pilot u għal dawk ta' ksur, peress li spiss il-petizzjonijiet iwasslu għall-ftuħ ta' proċeduri bħal dawn;

20.

Jilqa' t-tkomplija tal-investigazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew f'każijiet tat-tip “bibien iduru” fil-Kummissjoni; jirrikonoxxi l-fatt li b'riżultat ta' dawn l-investigazzjonijiet il-Kummissjoni tat informazzjoni aqwa rigward l-ismijiet tal-uffiċjali għolja li telqu minn magħha biex jaħdmu fis-settur privat; iħeġġeġ li l-ismijiet u data oħra ta' persuni bħal dawn jiġu ppubblikati aktar spiss; jesprimi t-tama tiegħu li istituzzjonijiet u aġenziji Ewropej oħra se jagħmlu l-istess; jilqa' r-rieda min-naħa tal-Kummissjoni li tippubblika informazzjoni dwar l-impjiegi ta' wara tmiem il-mandat ta' dawk li kienu Kummissarji; jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li l-ex-President tal-Kummissjoni Barroso inħatar bħala konsulent u President mhux eżekuttiv ta' Goldman Sachs International; jistieden lill-Ombudsman tagħti bidu għal inkjesta strateġika dwar il-mod kif il-Kummissjoni ttrattat il-każ “revolving door” ta' Barroso, inkluża l-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jiġi rriformat il-kodiċi ta' kondotta f'konformità mal-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba u r-rekwiżiti tat-Trattat li jinsabu fl-Artikolu 245 tat-TFUE;

21.

Ifakkar li l-kunflitt ta' interess għandu ambitu usa' mill-każijiet tat-tip 'bieb idur'; jenfasizza li l-indirizzar determinat u b'mod effettiv tal-għejun kollha ta' kunflitt ta' interess huwa kruċjali sabiex tinkiseb amministrazzjoni tajba u tiġi żgurata l-kredibilità tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u tekniċi; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari fil-livell tal-UE, abbażi ta' standards għolja u miżuri konkreti li ma jħallu l-ebda dubju rigward xi kunflitt ta' interess, fil-ħatra tal-kandidati għall-pożizzjonijiet fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni;

22.

Jilqa' l-fatt li fl-2015 l-istituzzjonijiet kollha tal-UE introduċew regoli interni għall-protezzjoni tal-informaturi, skont l-Artikolu 22(a) sa (c) tar-Regolamenti tal-Persunal, u b'hekk ħeġġew l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ta' tip regolat; jinnota li l-protezzjoni tal-informaturi kontra r-ritaljazzjoni tista' tkun aktar effettiva; għal dan il-għan, iħeġġeġ l-adozzjoni ta' regoli komuni għall-inkoraġġiment tal-iżvelar ta' informazzjoni protetta u l-introduzzjoni ta' garanziji minimi u salvagwardji għall-informaturi.

23.

Jitlob li jkun hemm direttiva dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta liema direttiva tistabbilixxi kanali u proċeduri xierqa għad-denunzjar tal-forom kollha ta' għemil ħażin, kif ukoll garanziji minimi adegwati u salvagwardji ġuridiċi għall-informaturi kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat;

24.

Jilqa' l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' lmenti għall-ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali fil-Frontex, wara investigazzjoni mill-Ombudsman li għadha għaddejja dwar il-prattiki użati mill-Frontex u mill-Istati Membri fir-ritorni furzati konġunti ta' migranti irregolari; ifaħħar l-inklużjoni ta' tali mekkaniżmu fir-regolament il-ġdid tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;

25.

Ifaħħar lill-Ombudsman Ewropew talli investigat jekk l-Istati Membri humiex jirrispettaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta jkunu qed jimplimentaw azzjonijiet iffinanzjati mill-fondi tal-UE, bħalma huma proġetti li jistituzzjonalizzaw lill-persuni b'diżabilità u mhux jintegrawhom fis-soċjetà; Iħeġġeġ lill-Ombudsman Ewropew tkompli b'tali investigazzjonijiet, bil-għan li tiżgura t-trasparenza u l-valur miżjud tal-proġetti;

26.

Jilqa' l-kooperazzjoni ta' bejn l-Ombudsman u l-Parlament Ewropew fil-Qafas tal-UE għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, b'mod partikulari billi talbet l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni fil-livell tal-UE u li jiġu allokati għal dan riżorsi suffiċjenti; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromulgaw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni fil-livell tal-UE;

27.

Jappoġġja l-isforzi tal-Ombudsman fit-trattament tal-każijiet ta' diskriminazzjoni, id-drittijiet tal-gruppi ta' minoritarji, u d-drittijiet tal-anzjani fis-seminar tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen dwar “L-Ombudsmen kontra d-Diskriminazzjoni”;

28.

Jappoġġja l-isforzi tal-Ombudsman biex tiżgura l-imparzjalità fit-teħid tad-deċiżjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta' kompetizzjoni;

29.

Jirrikonoxxi li d-dritt taċ-ċittadini li jkollhom vuċi fit-tfassil tal-politika tal-UE issa huwa aktar importanti minn qatt qabel; jilqa' l-linji gwida proposti mill-Ombudsman biex jittejjeb il-funzjonament tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, speċjalment fejn jidħol ir-raġunament solidu min-naħa tal-Kummissjoni fir-rifjut ta' inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej; jirrikonoxxi, madankollu, li hemm nuqqasijiet sinifikanti li jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod determinat u solvuti bil-għan li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ssir aktar effettiva; jafferma li l-inklużjoni akbar taċ-ċittadini fid-determinazzjoni tal-politiki tal-UE se żżid il-kredibilità tal-istituzzjonijiet Ewropej;

30.

Jinnota b'mod pożittiv id-djalogu kontinwu u r-relazzjonijiet mill-qrib li għandha l-Ombudsman ma' firxa wiesgħa ta' istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-Parlament Ewropew, kif ukoll korpi oħra, bil-għan li tiżgura kooperazzjoni u l-koeżjoni amministrattivi; ifaħħar ukoll l-isforzi tal-Ombudsman biex tiżgura l-komunikazzjoni kontinwa u miftuħa mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

31.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-aġenziji tal-UE jirrispettaw l-istess standards għoljin ta' trasparenza, responsabbiltà, u etika bħall-istituzzjonijiet l-oħra kollha; jinnota b'apprezzament il-ħidma importanti mwettqa mill-Ombudsman Ewropew f'diversi aġenziji madwar l-UE; jappoġġja l-proposta mressqa quddiem l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li r-reġistranti għandhom juru li huma ppruvaw minn kollox biex jevitaw l-ittestjar tal-annimali u biex jipprovdu informazzjoni dwar kif jiġi evitat l-ittestjar tal-annimali;

32.

Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman li jgħidu li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għandha tirrevedi r-regoli u l-proċeduri tagħha dwar il-kunflitt ta' interess sabiex tiżgura konsultazzjoni u parteċipazzjoni pubblika xierqa;

33.

Ifakkar li l-Ombudsman għandha wkoll il-kapaċità, u għaldaqstant id-dmir, li tiskrutinja l-ħidma tal-Parlament bil-għan li taħdem lejn l-għan li tiżgura l-amministrazzjoni tajba għaċ-ċittadini tal-UE;

34.

Jitlob li l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba jiġi aġġornat b'mod effettiv billi matul dan il-mandat leġiżlattiv jiġi adottat regolament vinkolanti dwar il-kwistjoni;

35.

Jistieden lill-Ombudsman Ewropew biex mar-rapporti annwali futuri żżid kategorizzazzjoni ta' lmenti li jaqgħu barra l-mandat tal-uffiċċju tal-Ombudsman, peress li dan ikun jippermetti lill-Membri tal-Parlament Ewropew li jkollhom ħarsa ġenerali tal-problemi li jolqtu liċ-ċittadini tal-UE;

36.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-ombudsmen tal-Istati Membri jew lill-entitajiet kompetenti simili.

(1)  ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.

(2)  ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 331.