27.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/78


P8_TA(2016)0444

Il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina (2016/2990(RSP))

(2018/C 224/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong (1), tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina (2) u tat-13 ta' Marzu 2014 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-25 Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-7 ta' Jannar 2016 tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-għajbien ta' individwi assoċjati mad-dar ta' pubblikazzjoni Mighty Current f'Hong Kong,

wara li kkunsidra t-18-il Rapport Annwali tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali (RAS) ta' Hong Kong ta' April 2016,

wara li kkunsidra d-djalogu UE-Ċina rigward id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u l-34 sessjoni li ġiet organizzata f'Beijing fit-30 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2015,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Frar 2016 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tas-SEAE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Elements for a new EU strategy on China” (Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina), tat-22 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (minn hawn 'il quddiem “il-Liġi Bażika”), b'mod partikolari l-artikoli dwar il-libertajiet personali u l-libertà tal-istampa, kif ukoll l-Ordinanza dwar id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet ta' Hong Kong (Hong Kong Bill of Rights Ordinance),

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-liġi ġdida dwar is-sigurtà nazzjonali mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Popolari Nazzjonali Ċiniż fl-1 ta' Lulju 2015, l-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar il-ġestjoni tal-NGOs barranin mill-Kungress Popolari Nazzjonali fit-28 ta' April 2016 u l-adozzjoni tal-liġi ġdida dwar iċ-ċibersigurtà fis-7 ta' Novembru 2016,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi Gui Minhai, pubblikatur tal-kotba u azzjonist tad-dar ta' pubblikazzjoni u ta' ħanut tal-kotba li jbigħ xogħlijiet letterarji li jikkritikaw lil Beijing, għeb f'Pattaya, it-Tajlandja, fis-17 ta' Ottubru 2015 mingħajr traċċa;

B.

billi bejn Ottubru u Diċembru 2015 erba' residenti oħra ta' Hong Kong (Lui Bo, Zhang Zhiping, Lam Wing-Kee u Lee Bo) li kienu jaħdmu fl-istess ħanut tal-kotba għebu wkoll;

C.

billi Gui Minhai huwa ċittadin Żvediż ta' oriġini Ċiniża u għalhekk ċittadin tal-UE;

D.

billi fis-17 ta' Jannar 2016 Gui Minhai deher f'xandira tat-televiżjoni Ċiniża u apparentement irrikonoxxa li kien irritorna volontarjament fiċ-Ċina kontinentali sabiex jiġi ġġudikat għal allegat reat li kien jinvolvi inċident bil-karozza fl-2003; billi hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li l-apparizzjoni tiegħu fuq it-televiżjoni kienet orkestrata u li kien ingħata dokument li kellu jaqra minnu;

E.

billi Gui Minhai ilu taħt arrest għal aktar minn sena, f'iżolament, u billi mhux magħruf fejn jinsab; billi Gui Minhai huwa l-uniku bejjiegħ tal-kotba tal-grupp li għadu l-ħabs;

F.

billi l-awtoritajiet Żvediżi talbu l-appoġġ sħiħ tal-awtoritajiet Ċiniżi biex jitħarsu d-drittijiet taċ-ċittadin tagħhom, kif ukoll tal-individwi l-oħra li “għebu”; billi la l-familja ta' Gui Minhai u lanqas il-Gvern Żvediż ma ġew infurmati b'xi akkuża formali miġjuba kontrih, jew dwar il-post formali tad-detenzjoni tiegħu;

G.

billi Lui Bo u Zhang Zhiping tħallew jirritornaw Hong Kong, rispettivament fl-4 ta' Marzu u fit-8 ta' Marzu 2016, wara li kienu detenuti fiċ-Ċina kontinentali; billi huma talbu lill-pulizija jwaqqgħu l-kawżi rispettivi tagħhom u marru lura fiċ-Ċina kontinentali fl-istess jum li kienu waslu; billi Lee Bo mar lura Hong Kong fl-24 ta' Marzu 2016 u jiċħad li kien inħataf; billi Lam Wing-Kee rritorna Hong Kong fis-16 ta' Ġunju 2016;

H.

billi f'Ġunju 2016, Lam Wing-Kee, wieħed mill-pubblikaturi, mar lura Hong Kong biex jagħlaq l-inkjesta dwar l-għajbien tiegħu, iżda minflok ma rritorna lejn il-kontinent qal lill-midja li kien inħataf mis-servizzi ta' sigurtà Ċiniżi, inżamm iżolat u ġie mġiegħel jistqarr li wettaq reati li ma kienx ikkommetta quddiem il-kameras tat-televiżjoni;

I.

billi Hong Kong jiddefendi u jipproteġi l-libertajiet tal-kelma, ta' espressjoni u ta' pubblikazzjoni; billi l-pubblikazzjoni ta' kwalunkwe materjal li jikkritika lill-mexxejja Ċiniżi hija legali f'Hong Kong, għalkemm hija pprojbita fiċ-Ċina kontinentali; billi l-prinċipju ta' “pajjiż wieħed, żewġ sistemi” jiggarantixxi l-awtonomija ta' Hong Kong minn Beijing fir-rigward ta' tali libertajiet li huma minquxa fl-Artikolu 27 tal-Liġi Bażika;

J.

billi fir-Rapport Annwali tal-2015 dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, is-SEAE u l-Kummissjoni jqisu l-każ tal-ħames pubblikaturi tal-kotba bħala l-aktar sfida serja għal-Liġi Bażika ta' Hong Kong u, l-prinċipju ta' “pajjiż wieħed, żewġ sistemi” minn meta Hong Kong reġgħet ingħaqdet mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ) fl-1997; billi l-aġenziji tal-infurzar legali biss f'Hong Kong għandhom l-awtorità legali biex jinfurzaw il-liġi f'Hong Kong;

K.

billi l-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura rrapporta t-tħassib serju tiegħu dwar rapporti konsistenti minn diversi sorsi dwar il-kontinwazzjoni ta' prattika ta' detenzjoni illegali f'postijiet ta' detenzjoni li la huma rikonoxxuti u lanqas huma uffiċjali, l-hekk imsejħa “ħabsijiet suwed”; billi huwa esprima wkoll it-tħassib serju tiegħu dwar rapporti konsistenti li jindikaw li l-prattika tat-tortura u tat-trattament ħażin għada integrata sew fis-sistema tal-ġustizzja kriminali, li hija dipendenti żżejjed fuq il-konfessjonijiet bħala bażi għall-kundanni;

L.

billi ċ-Ċina ffirmat iżda għadha ma rratifikatx il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), billi ċ-Ċina la ffirmat u lanqas ma rratifikat il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat;

M.

billi s-17-il Summit UE-Ċina tad-29 ta' Ġunju 2015 tella' r-relazzjonijiet bilaterali fuq livell ġdid, u billi l-UE, fil-qafas strateġiku tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, wiegħdet li se tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha; billi t-18-il Summit UE-Ċina tat-12-13 ta' Lulju 2016 ikkonkluda b'dikjarazzjoni li tgħid li se jkun hemm ċiklu ieħor ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina qabel tmiem l-2016;

1.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' għarfien dwar fejn jinsab Gui Minhai; jappella għall-pubblikazzjoni immedjata ta' informazzjoni dettaljata dwar fejn jinsab Gui Minhai u jitlob li dan jinħeles minnufih b'mod sikur u li jingħata d-dritt li jikkomunika;

2.

Jinnota bi tħassib l-allegazzjonijiet li l-aġenziji tal-infurzar taċ-Ċina kontinentali qegħdin joperaw f'Hong Kong; ifakkar lill-awtoritajiet Ċiniżi li kwalunkwe operazzjoni tal-aġenziji tagħhom tal-infurzar tal-liġi f'Hong Kong tkun inkonsistenti mal-prinċipju ta' “pajjiż wieħed, żewġ sistemi”;

3.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti fit-Tajlandja, iċ-Ċina u Hong Kong biex jiċċaraw iċ-ċirkostanzi tal-għajbien f'konformità mal-istat tad-dritt;

4.

Jikkundanna bil-qawwa l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-arresti arbitrarji, il-konsenji, il-konfessjonijiet sfurzati, id-detenzjoni sigrieta, id-detenzjoni f'iżolament u l-vjolazzjonijiet tal-libertà ta' pubblikazzjoni u ta' espressjoni; ifakkar li l-indipendenza tal-edituri tal-kotba, tal-ġurnalisti u tal-bloggers trid tiġi ssalvagwardata; jitlob it-tmiem immedjat tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-intimidazzjoni politika;

5.

Jikkundanna r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' espressjoni u l-kriminalizzazzjoni tagħha, u jiddeplora r-restrizzjonijiet aktar stretti fuq il-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-Gvern Ċiniż jieqaf joħnoq il-fluss liberu ta' informazzjoni, inkluż billi jirrestrinġi l-użu tal-internet;

6.

Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-liġi ġdida dwar iċ-ċibersigurtà, adottata fis-7 ta' Novembru 2016, li tinforza u tistituzzjonalizza l-prattiki ta' ċensura u monitoraġġ taċ-ċiberspazju, u rigward il-liġi dwar is-sigurtà nazzjonali li ġiet adottata u l-abbozz ta' liġi dwar l-antiterroriżmu; jinnota l-biżgħat tal-avukati riformisti u d-difensuri tad-drittijiet ċivili Ċiniżi li dawn il-liġijiet se jkomplu jirrestrinġu l-libertà ta' espressjoni u li l-awtoċensura se tikber;

7.

Jistieden liċ-Ċina biex teħles lil dawk kollha li jikkritikaw il-gvern b'mod paċifiku, lill-attivisti li jimmilitaw kontra l-korruzzjoni, kif ukoll lill-avukati u lill-ġurnalisti, u biex twaqqa' l-akkużi kollha kontrihom;

8.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-dħul fis-seħħ imminenti tal-Liġi ġdida dwar il-Ġestjoni tal-NGOs Barranin fl-1 ta' Jannar 2017, meta jitqies li din se xxekkel drastikament l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili Ċiniża u tirrestrinġi serjament il-libertajiet ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni fil-pajjiż, inkluż billi tipprojbixxi NGOs barranin li mhumiex reġistrati mal-Ministeru Ċiniż tas-Sigurtà Pubblika u billi timpedixxi li d-dipartimenti tas-sigurtà pubblika provinċjali jiffinanzjaw lil kwalunkwe individwu Ċiniż jew organizzazzjoni Ċiniża, u billi tipprojbixxi lil gruppi Ċiniżi milli jwettqu “attivitajiet” f'isem l-NGOs barranin li ma jkunux irreġistrati, inklużi dawk ibbażati f'Hong Kong u l-Macao, jew bl-awtorizzazzjoni ta' tali NGOs; jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jipprovdu ambjent sikur u ġust u proċessi trasparenti li jippermettu lill-NGOs joperaw b'mod ħieles u effettiv fiċ-Ċina;

9.

Jissottolinja l-impenn tal-Unjoni Ewropea għat-tisħiħ tad-demokrazija, inkluż l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, it-trasparenza, u l-libertà ta' informazzjoni u ta' espressjoni f'Hong Kong;

10.

Jitlob liċ-Ċina tirratifika l-ICCPR u tiffirma u tirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat mingħajr dewmien;

11.

Jenfasizza l-impenn tal-Unjoni Ewropea għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari t-trasparenza u l-libertà tal-kelma u ta' espressjoni, fil-pajjiżi kollha li magħhom għandha relazzjonijiet bilaterali; jemmen li jeħtieġ li jiġi stabbilit djalogu sinifikanti u miftuħ dwar id-drittijiet tal-bniedem, ibbażat fuq ir-rispett reċiproku; jemmen li relazzjonijiet b'saħħithom u kontinwi bejn l-UE u ċ-Ċina jridu jipprovdu pjattaforma effettiva għal djalogu matur, sinifikanti u miftuħ dwar id-drittijiet tal-bniedem abbażi tar-rispett reċiproku;

12.

Jinsisti li r-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi huma importanti biex tingħata spinta lill-benesseri rispettiv tagħna; ifakkar li tali relazzjonijiet jistgħu jevolvu biss bona fide u b'fiduċja reċiproka; jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u t-trasparenza huwa parti mill-ftehimiet kummerċjali moderni;

13.

Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE jaġixxu bil-ħeffa u jpoġġu l-każ ta' Gui Minhai fuq l-aġenda li jmiss tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Ċina;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lill-Kap Eżekuttiv u lill-Assemblea tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0045.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2015)0458.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2014)0252.