27.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 224/29


P8_TA(2016)0436

Nisfruttaw il-Potenzjal tat-Trasport tal-Passiġġieri fuq l-Ilma

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-isfruttament tal-potenzjal tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma (2015/2350(INI))

(2018/C 224/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS) tal-1974, kif emendata,

wara li kkunsidra l-Protokoll tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tal-1978 dwar il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri tal-1973,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006,

wara li kkunsidra l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li se sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta' Marzu 2011 bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti” (COM(2011)0144),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Jannar 2009 bit-titolu “L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018” (COM(2009)0008),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-objettivi strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tal-UE tat-trasport marittimu sal-2018 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (5),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta' Mejju 2016 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (COM(2016)0274),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2013 bit-titlu “Lejn il-kwalità fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni NAIADES II” (COM(2013)0623),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (7),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1090/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jemenda d-Direttiva 2009/42/KE dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta' merkanzija u passiġġieri bil-baħar (8),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE tat-18 ta' Ġunju 1998 dwar ir-reġistrazzjoni ta' persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (9),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3051/95 tat-8 ta' Diċembru 1995 dwar l-amministrazzjoni tas-sigurtà tal-bastimenti tal-passiġġieri roll-on/roll-off (il-bastimenti ro-ro) (10),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE fir-rigward tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu (11),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “REFIT Aġġustament tar-Rotta: Verifika tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni dwar is-Sikurezza tal-Vapuri tal-Passiġġieri fl-UE” (COM(2015)0508),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2016 bit-titolu “Evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva 2000/59/KE dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija” (COM(2016)0168),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0306/2016),

A.

billi l-ġeografija tal-Ewropa, bil-kosti twal u d-diversi gżejjer u xmajjar tagħha, toffri opportunitajiet straordinarji għal trasport sostenibbli tal-passiġġieri fuq l-ilma;

B.

billi t-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma fl-oqsma tat-tbaħħir kostali (fuq distanzi qosra), il-laneċ interni u marittimi, il-mobbiltà urbana u periferika, il-kruċieri u t-turiżmu joffri potenzjal kbir għall-użu ta' kapaċità eċċessiva disponibbli f'termini tal-infrastruttura kif ukoll tal-bastimenti, u għandu rwol kruċjali fir-rabta bejn ir-reġjuni differenti tal-Unjoni Ewropea, li jagħmlu fattur importanti fit-tisħiħ tal-koeżjoni; billi barra minn hekk, l-attività tal-kruċieri u l-laneċ tistimola t-turiżmu kostali, li jikkostitwixxi waħda mill-attivitajiet marittimi ewlenin fl-Ewropa;

C.

billi f'dawn l-aħħar snin kien hemm tendenza lejn l-iżvilupp intensiv tal-bastimenti għal żoni differenti ta' navigazzjoni, pereżempju l-bastimenti li jinnavigaw mix-xmajjar għall-ibħra, li jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar il-bastimenti tal-baħar u li jistgħu wkoll jinnavigaw ilmijiet baxxi;

D.

billi, għal darb'oħra, bis-saħħa tal-iżviluppi teknoloġiċi, it-trasport fuq l-ilma kkostitwixxa alternattiva għat-toroq ta' aċċess għaċ-ċentri tal-bliet ikkonġestjonati;

E.

billi t-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma u t-trasport tal-merkanzija fuq l-ilma qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi differenti u għandhom ħtiġijiet differenti f'dak li jikkonċerna l-infrastruttura, l-isfidi ambjentali, il-kwistjonijiet operazzjonali, is-sigurtà u r-relazzjonijiet bejn il-portijiet u l-bliet, filwaqt li ż-żewġ segmenti tas-suq huma trattati minn awtorità tal-port waħda;

F.

billi l-integrazzjoni ta' ċentri ta' passiġġieri fuq l-ilma fil-politika Ewropea dwar l-infrastruttura interkonnessa, kif diġà implimentata permezz tar-Regolamenti (UE) Nru 1315/2013 u (UE) Nru 1316/2013 dwar in-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), rispettivament, se tipprovdi aktar valur miżjud Ewropew;

G.

billi l-possibbiltajiet għal self u garanziji għal proġetti tat-trasport fuq l-ilma huma disponibbli wkoll fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) bħala strument komplementari għall-għotjiet tradizzjonali;

H.

billi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni ġie rrikonoxxut bħala mezz tat-trasport li jirrispetta l-ambjent, li jeħtieġ attenzjoni u appoġġ speċjali, u billi l-White Paper tirrakkomanda l-promozzjoni tat-trasport marittimu u t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni, biex b'hekk ikun hemm proporzjon akbar ta' tbaħħir mal-kosta u f'passaġġi tal-ilma interni u tittejjeb is-sikurezza tat-trasport;

I.

billi l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tan-NU u l-proposta għall-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà jipprovdu gwida soda mhux biss għall-implimentazzjoni, u jekk jitlob il-każ, għar-reviżjoni futura tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010, iżda wkoll għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri f'kuntest intermodali, peress li tali leġiżlazzjoni għandha tinkludi aċċessibbiltà mingħajr ostakli għall-passiġġieri b'diżabbiltà jew b'mobbiltà mnaqqsa;

J.

billi, filwaqt li t-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma huwa meqjus bħala mezz ta' trasport sikur, fil-passat kien hemm diversi aċċidenti traġiċi fis-settur tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma, inkluż dawk li involvew l-Estonia, il-Herald of Free Enterprise, il-Costa Concordia, in-Norman Atlantic u l-UND Adryatik;

K.

billi fl-istrateġija tagħha dwar il-politika tat-trasport marittimu għall-2018 l-UE tistabbilixxi l-mira tagħha li ssir il-mexxej dinji fir-riċerka u l-innovazzjoni marittima, kif ukoll il-bini tal-bastimenti, bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza fl-enerġija u l-intelligence fil-vapuri, tnaqqas l-impatt ambjentali tagħhom, tnaqqas ir-riskju ta' aċċidenti u tipprovdi kwalità aħjar tal-ħajja fuq il-baħar;

L.

billi t-turiżmu tal-kruċieri fuq ix-xmajjar u t-trasport tal-passiġġieri fuq ix-xmajjar, il-kanali u passaġġi tal-ilma interni oħrajn qed jikber f'ħafna sezzjonijiet ta' xmajjar Ewropej u n-nodi urbani tul dawn ix-xmajjar;

M.

billi l-UE adottat għadd ta' makrostrateġiji bbażati fuq l-użu tal-passaġġi fuq l-ilma, inklużi l-istrateġiji għad-Danubju, r-reġjun Adrijatiku-Joniku u l-Baltiku;

1.

Huwa tal-fehma li t-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma (WPT) għandu jingħata aktar prijorità fl-aġenda dwar il-politika tat-trasport tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; iqis, għalhekk, li huma għandhom jaħdmu lejn “żona unika għat-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma”, pereżempju billi jissimplifikaw il-piż amministrattiv li jirriżulta mit-tbaħħir transkonfinali tal-passiġġieri;

Kompetittività

2.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-Kummissjoni biex iqisu d-WPT, u speċjalment biex itejbu l-infrastruttura assoċjata, kemm fin-netwerks ewlenin kif ukoll komprensivi, fit-TEN-T u s-CEF billi jsaħħu l-interkonnessjoni tagħha ma', fost oħrajn, l-infrastruttura interna tal-ferroviji, inkluża l-provvista tal-infrastruttura u l-informazzjoni sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-vjaġġaturi kollha;

3.

Iħeġġeġ l-iżvilupp ta' awtostradi tal-baħar anki f'pajjiżi terzi, li jippromwovu trasport multimodali effiċjenti, jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta' dan il-mezz ma' netwerks u mezzi ta' trasport oħra, jeliminaw l-konġestjonijiet fl-infrastrutturi tan-netwerks ewlenin u jiżguraw il-kontinwità u l-integrazzjoni territorjali;

4.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu eliminati l-punti ta' konġestjoni fil-konnessjonijiet bejn is-sistema ta' passaġġi tal-ilma interni fl-Ewropa tal-Punent u s-sistema eżistenti fl-Ewropa tal-Lvant, li ġarrbet degradazzjoni konsiderevoli u, f'xi nħawi, degradazzjoni totali;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika sinteżi annwali tal-proġetti tad-WPT kofinanzjati mill-UE fil-qafas tal-fondi ta' koeżjoni, strutturali, reġjonali, Interreg, Orizzont 2020, CEF u TEN-T u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport ta' sinteżi dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji tal-UE fil-qasam tad-WPT;

7.

Jenfasizza r-rilevanza ewlenija tad-data statistika Ewropea għat-tfassil ta' pjanijiet u politiki għas-settur tat-trasport fuq l-ilma, b'mod partikolari fir-rigward tal-għadd ta' servizzi marittimi transkonfinali u tal-passaġġi fuq l-ilma interni pprovduti mil-laneċ kif ukoll mill-vapuri tal-kruċieri, fid-dawl tal-fatt li jeżistu żoni fejn it-trasport bejn lokalitajiet differenti jista' jsir biss fuq l-ilma; jitlob lill-Eurostat biex fid-data statistika tagħhom dwar il-passiġġieri tal-kruċieri marittimi jinkludu “ż-żjarat tal-passiġġieri fil-port ta' waqfa”, b'mod partikolari l-għadd ta' passiġġieri li jimbarkaw u jiżbarkaw f'kull port ta' tranżitu, u mhux biss il-passiġġieri tal-kruċiera li jimbarkaw għal btala kull sena (“turnover”); l-inklużjoni ta' dawn in-numri jagħtu stampa aktar realistika tal-valur miżjud fis-settur tal-kruċieri u tad-WPT b'mod ġenerali;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema ta' ġbir ta' statistika armonizzata dwar l-aċċidenti u l-inċidenti għall-bastimenti li jgħaddu minn passaġġi fuq l-ilma interni, inkluż it-traffiku transkonfinali;

9.

Jemmen li l-integrazzjoni tad-WPT fin-netwerks tat-trasport pubbliku urban u reġjonali tista' ttejjeb b'mod konsiderevoli l-effiċjenza fil-mobbiltà, il-prestazzjoni ambjentali, il-kwalità tal-ħajja, l-affordabbiltà, it-taffija mill-konġestjoni tan-netwerks tat-trasport fuq l-art, u l-kumdità fl-ibliet; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja b'mod sħiħ l-investiment f'infrastruttura interna ta' kwalità, li tista' tikkontribwixxi fit-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku lokali u tiżgura li n-nies lokali ma jiġux affettwati b'mod negattiv; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi listi ta' eżempji tal-aħjar prattika f'dan il-qasam;

10.

Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw inizjattivi lokali mmirati biex jattivaw it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni bħala mezz biex jitwasslu l-fornimenti għall-agglomerazzjonijiet, fosthom billi jiġu żviluppati ċentri ta' distribuzzjoni f'portijiet tax-xmajjar u billi jiġi żviluppat trasport għall-passiġġieri, primarjament biex iż-żoni kkonċernati jiġbdu aktar lit-turisti;

11.

Jenfasizza li d-WPT għandu jkun integrat b'mod aħjar fis-sistemi ta' informazzjoni, tal-ibbukkjar u tal-biljetti sabiex itejjeb il-kwalità tas-servizzi pubbliċi u jkompli jiżviluppa s-settur tat-turiżmu, b'mod partikolari f'żoni remoti u iżolati; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-operaturi tad-WPT jitqiesu fil-ħidma fuq is-sistema integrata Ewropea ta' bejgħ tal-biljetti;

12.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffinanzja proġetti organizzati aħjar u aktar effiċjenti għal servizzi ta' trasport integrati, li jwasslu għal: tnaqqis progressiv fil-konsum tal-enerġija; riorganizzazzjoni tal-iskedi ta' diversi operaturi pubbliċi u privati ta' trasport bl-ajru, bil-baħar u fuq l-art bil-għan li jkun hemm ġestjoni intermodali u effiċjenti tat-trasport tal-passiġġieri; konsolidazzjoni tal-biljetti maħruġa minn operaturi pubbliċi u privati disponibbli permezz ta' applikazzjoni diġitali;

13.

Jinnota li, fejn possibbli, il-prattiki li permezz tagħhom il-bastimenti għall-ġarr joffru wkoll servizzi lill-passiġġieri u viċi versa, pereżempju fil-każ tal-laneċ, għandhom jiġu promossi, peress li joffru potenzjal għall-vapuri biex jiksbu rati ta' okkupanza aħjar u effiċjenza finanzjarja ikbar, u barra minn hekk għandha titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq;

14.

Jilqa' l-isforzi tas-settur tad-WPT biex jaqleb għal vapuri aktar nodfa, aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija b'emissjonijiet aktar baxxi, żviluppati bħala parti minn qafas Ewropew bil-għan li t-trasport fuq l-ilma jsir aktar ekoloġiku; jemmen li dan se jwassal għal soluzzjonijiet irħas li huma sostenibbli, aktar attraenti u b'hekk ekonomikament aktar kompetittivi, li jagħmlu s-settur “irħis, aktar nadif, u aktar ekoloġiku” b'mod ġenerali;

15.

Jinnota li l-isfidi differenti taż-żoni kostali ewlenin fl-UE jeħtieġu azzjonijiet differenti (aktar servizzi tal-laneċ fil-Baħar tat-Tramuntana, it-titjib u l-użu tekniku tal-laneċ fil-Mediterran, eċċ.);

16.

Huwa konvint li l-industrija tal-bini tal-bastimenti għall-passiġġieri tal-UE għandha tibqa' attur kompetittiv ewlieni, li jeħtieġ tiġi mħeġġa b'mod aktar attiv filwaqt li titnaqqas il-marka ambjentali tagħha billi tingħata spinta lill-attività ta' riċerka u innovazzjoni fi ħdan l-industrija;

Sostenibbiltà ambjentali

17.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra d-WPT fl-istrateġija tagħha u biex tieħu passi sabiex tnaqqas l-emissjonijiet CO2 f'konformità mal-ftehimiet COP 21 u b'hekk tnaqqas l-ispejjeż esterni;

18.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-istandards ambjentali bil-għan li jitnaqqas it-tniġġis tal-arja, skont l-istandards tal-Baħar Baltiku għal-limiti tal-emissjonijiet tal-kubrit, il-kwalità tal-fjuwil u magni li jaħdmu bil-fjuwil aktar effiċjenti;

19.

Jenfasizza li d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport qed teħtieġ sforzi u progress sinifikanti fejn jidħlu r-riċerka u l-innovazzjoni; jappoġġja lill-Kummissjoni fil-promozzjoni tagħha ta' sistemi LNG, ibridi, elettriċi u ta' fjuwils alternattivi mhux fossili bbażati fuq sorsi rinnovabbli, u l-enerġija solari u mir-riħ għall-bastimenti marittimi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tadatta r-riċerka u l-innovazzjoni b'fokus partikolari fuq il-prattikabbiltà għas-settur tad-WPT;

20.

Ifakkar li, minbarra d-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi, jeħtieġ li l-portijiet marittimi tan-netwerk ewlieni TEN-T jipprovdu faċilitajiet ta' riforniment tal-LNG għal bastimenti u vapuri li jbaħħru qabel l-2025 u għall-portijiet interni jeħtieġ li jagħmlu dan qabel l-2030;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-awtosuffiċjenza tal-enerġija bl-użu ta' pannelli solari fuq il-bini tat-terminals tal-portijiet u permezz tal-ħażna tal-enerġija prodotta matul il-jum biex tintuża aktar tard billejl;

22.

Jissottolinja li s-settur tal-laneċ huwa komponent importanti għas-suq tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra (SSS) u għaldaqstant huwa kruċjali li jinżamm id-dinamiżmu u l-kompetittività tiegħu, u fl-istess ħin tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali u l-effiċjenza tiegħu fl-użu tal-enerġija;

23.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni REFIT għall-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-portijiet bħala opportunità biex id-direttiva attwali tiġi allinjata mal-iżviluppi internazzjonali, u l-għajnuniet internazzjonali, u jħeġġeġ il-pjanijiet tagħha għal leġiżlazzjoni ġdida skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jindika li dan m'għandux iżomm lill-Istati Membri milli jagħtu bidu għal inizjattivi aktar sostenibbli, inklużi sistema ta' informazzjoni u monitoraġġ tajba dwar l-iskart, kemm fuq il-vapuri kif ukoll fil-portijiet;

Sikurezza u sigurtà

24.

Jenfasizza li l-prevenzjoni tat-tniġġis u l-aċċidenti hija kruċjali għar-rwol tal-Aġenzija tas-Sikurezza Marittima Ewropea fit-titjib tas-sikurezza tal-laneċ u l-kruċieri marittimi transkonfinali, kif ukoll fl-iżgurar tal-protezzjoni tal-konsumatur;

25.

Ifakkar li l-persunal tal-laneċ u l-bastimenti tal-kruċieri jeħtieġ li jkun imħarreġ sabiex jassisti lill-passiġġieri b'mod effikaċi f'każ ta' emerġenza;

26.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna li tistabbilixxi standards armonizzati għall-kwalifiki tal-membri tal-ekwipaġġ u l-kaptani sabiex tittejjeb il-mobbiltà tal-ħaddiema fin-navigazzjoni interna;

27.

Jenfasizza li, fir-rigward tal-iżvilupp ulterjuri ta' sistemi ta' informazzjoni bħal radar konvenzjonali, SafeSeaNet, Galielo u s-Servizzi ta' Informazzjoni dwar ix-Xmajjar (RIS), il-fokus għandu jkun fuq it-titjib tas-sikurezza, is-sigurtà u l-interoperabbiltà, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex l-użu mis-Servizz ta' Informazzjoni dwar ix-Xmajjar ikun obbligatorju;

28.

Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jipproponu qafas ċar li jalloka r-responsabbiltajiet u l-ispejjeż, bil-ħsieb li tittejjeb is-sigurtà, u li jiġu indirizzati iktar taħriġ, istruzzjoni u gwida għall-persunal, speċjalment il-kwistjoni tal-aċċettazzjoni ta' taħriġ li juża simulaturi approvati bħala parti mill-programm ta' taħriġ fil-qafas tar-regoli tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); iqis li l-kwalità u s-sikurezza tas-servizzi jistgħu jittejbu bl-aqwa mod b'persunal kwalifikat;

29.

Jilqa' l-proposti leġiżlattivi l-ġodda tal-Kummissjoni biex jiġu ssimplifikati u mtejba r-regoli komuni dwar is-sikurezza tal-bastimenti li jġorru passiġġieri fl-ilmijiet tal-UE, bil-ħsieb li jittejbu s-sikurezza u l-kompetizzjoni, billi r-regoli jsiru aktar ċari, u sempliċi u jiġu konformi mal-iżviluppi legali u teknoloġiċi;

30.

Jirrikonoxxi li peress li s-sigurtà hija raġuni ta' tħassib li dejjem qiegħda tiżdied, jista' jkun hemm bżonn ta' miżuri addizzjonali, li jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tat-traffiku tal-bastimenti u l-operazzjonijiet fil-port sabiex jiġi żgurat l-operat bla xkiel tal-konnessjonijiet bil-laneċ li jsiru ta' kuljum;

31.

Jinnota li numru sinifikanti ta' xmajjar jikkostitwixxu fruntieri u jħeġġeġ lill-awtoritajiet responsabbli biex jiżguraw kooperazzjoni u sikurezza integrata sew u effiċjenti, sistemi ta' sigurtà u ta' emerġenza li joperaw miż-żewġ naħat tal-fruntiera;

32.

Jirrimarka li hemm numru ta' ibħra magħluqa, pereżempju l-Baltiku u l-Atlantiku, li huma mdawra minn diversi Stati Membri kif ukoll minn pajjiżi li mhumiex parti mill-UE, u għaldaqstant jitlob lill-awtoritajiet responsabbli biex jipprevedu sistema effikaċi ta' sikurezza, sigurtà u, b'mod partikolari, sistema ta' emerġenza;

33.

Jenfasizza li, meta l-laneċ marittimi internazzjonali jkunu qegħdin joperaw fl-ilmijiet territorjali tal-UE għandha tapplika l-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri;

Il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizz

34.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra l-prinċipji tar-Regolament (UE) Nru 1177/2010 fil-proposta tagħha dwar id-drittijiet tal-passiġġieri intermodali, inklużi l-aspetti tal-aċċessibbiltà mingħajr ostakli għal nies b'diżabilità jew b'mobbiltà mnaqqsa, u jħeġġiġha wkoll biex fil-proposta tagħha tqis ukoll il-ħtiġijiet speċjali tal-anzjani u l-familji li jivvjaġġaw bit-tfal; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta data statistika annwali dwar l-evoluzzjoni tal-għadd ta' passiġġieri b'diżabbiltajiet jew b'mobbiltà mnaqqsa;

35.

Jenfasizza l-importanza tas-settur tad-WPT fl-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli u biex tingħeleb l-istaġonalità, b'mod partikolari fir-reġjuni remoti u periferiċi tal-Unjoni bħar-reġjuni kostali, il-ġżejjer, ix-xmajjar u r-reġjuni rurali; iqis, barra minn hekk, li l-SMEs għandhom ikunu l-punt fokali għall-promozzjoni tas-servizzi tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE għall-SMEs, inklużi sussidji għall-komunitaijet lokali fir-reġjuni mbiegħda msemmija qabel;

36.

Jinnota l-potenzjal kbir li jeżisti fil-ħolqien ta' konnessjonijiet konvenjenti bejn il-passaġġi fuq l-ilma interni u n-netwerk Ewropew tar-rotot ċiklistiċi biex tiżdied l-attraenza ta' bosta reġjuni tal-UE għat-turisti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittieħed kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jivvjaġġaw bir-roti u li jużaw it-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma;

37.

Iqis li t-turiżmu fir-reġjuni kostali u l-gżejjer mhuwiex żviluppat biżżejjed minħabba n-nuqqas ta' interkonnettività; iqis li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra li f'dawn iż-żoni teżisti domanda akbar għal servizzi ta' trasport ta' kwalità;

38.

Hu tal-fehma li s-settur tad-WPT huwa importanti anki f'żoni fejn attwalment dan mhuwiex ekonomikament vijabbli, bħal gżejjer remoti fejn il-popolazzjoni hija aktar skarsa;

39.

Ifakkar li xi konnessjonijiet bil-laneċ huma għajnuna kruċjali għall-koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika fil-veru sens tal-kelma li tikkollega r-reġjuni ultraperiferiċi mal-kontinent u żoni ta' tkabbir ekonomiku u industrijali, u b'hekk jikkontribwixxu għall-koeżjoni u l-integrazzjoni Ewropea;

40.

Jissottolinja li l-qafas għall-provvista tal-konnessjonijiet mal-gżejjer, ir-reġjuni tal-gżejjer u ż-żoni remoti għandu jiġi promoss, b'miżuri li jiffaċilitaw laneċ ta' kwalità aħjar u terminals adegwati;

41.

Jenfasizza l-potenzjal u x-xewqa li d-WPT jiġi integrat f'qafas ta' mobbiltà multimodali, filwaqt li jitqies it-trasport pubbliku f'agglomerazzjonijiet kbar, kemm għall-vjaġġaturi kif ukoll għat-turisti; iqis f'dan il-kuntest li hemm bżonn ta' aktar titjib sabiex tiġi żviluppata skema ta' mobilità bħala servizz billi jiġu faċilitati sistemi ta' biljetti integrati sabiex titjieb l-affidabbiltà, il-kumdità, il-puntwalità u l-frekwenza, biex tittaffa l-pressjoni minn fuq il-ktajjen tal-loġistika u sabiex jinkisbu ħinijiet tat-tlugħ abbord aktar mgħaġġlin sabiex jiġu attirati l-passiġġieri;

42.

Jenfasizza li, sabiex jinżamm livell għoli tal-kwalità tas-servizzi, kif ukoll fl-interess tas-sikurezza marittima, huwa essenzjali li jiġu żviluppati l-għarfien u l-kapaċità fis-settur marittimu fl-UE;

o

o o

43.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.

(3)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 10.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2015)0310.

(5)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1.

(6)  ĠU L 389, 30.12.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1.

(8)  ĠU L 325, 9.12.2010, p. 1.

(9)  ĠU L 188, 2.7.1998, p. 35.

(10)  ĠU L 320, 30.12.1995, p. 14.

(11)  ĠU L 327, 27.11.2012, p. 1.