13.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 204/49


P8_TA(2016)0335

Nsaħħu l-kompetittività tal-SMEs

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-objettiv tematiku “nsaħħu l-kompetittività tal-SMEs” (Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni) (2015/2282(INI))

(2018/C 204/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-objettiv tematiku dwar it-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs,

wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 dwar strumenti finanzjarji sostnuti mill-Fondi SIE,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-15 ta' April 2014 dwar proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fi Programm ta' Riċerka u Żvilupp immexxi b'mod konġunt minn diversi Stati Membri, li għandu l-għan li jappoġġja lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar opportunitajiet ta' tkabbir ekoloġiku għall-SMEs (3),

wara li kkunsidra l-programm COSME għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju,

wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-SMEs, l-effiċjenza fir-riżorsi u s-swieq ekoloġiċi (Flash Eurobarometer 381), u l-Istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar ir-rwol ta' appoġġ pubbliku għall-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet (Flash Eurobarometer 394),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar il-passi favur it-titjib tal-ambjent għall-SMEs fl-Ewropea – l-Att dwar l-impriżi ż-Żgħar (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 bit-titolu “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”: “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (COM(2008)0394),

wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar, adottata mill-Kunsill Ewropew waqt il-laqgħa tiegħu f'Feira fid-19 u l-20 ta' Ġunju 2000,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-prattiċi rigward ir-reviżjoni tal-istrumenti tal-UE biex jappoġġjaw lill-SMEs fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss (5),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (SMEs): kompetittività u opportunitajiet kummerċjali (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar “Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni” (8),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) (9),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2014 intitolata “Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta' tkabbir imġedded” (COM(2014)0339),

wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2014 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bit-titlu, “Investment for jobs and growth”,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata “Pjan ta' Investiment għall-Ewropa” (COM(2014)0903),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2011, bit-titolu "Industrial Policy: Reinforcing competitiveness (“Il-Politika Industrijali: It-tisħiħ tal-kompetittività”) (COM(2011)0642),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2011 bit-titolu “Negozju Żgħir, Dinja Kbira – sħubija ġdida li tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet globali” (COM(2011)0702),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2011 bit-titolu “L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs – L-adattament tar-regolamentazzjoni tal-UE għall-bżonnijiet tal-intrapriżi mikro” (COM(2011)0803),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2011 bit-titolu “Reviżjoni tal-‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa” (COM(2011)0078),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 dwar “Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020” (COM(2010)0553),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej” (COM(2015)0639),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Mejju 2013 intitolata “L-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni” (10),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' Ottubru 2014 intitolata “Miżuri biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' ekosistemi ta' start ups tat-teknoloġija avvanzata” (11),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0162/2016),

A.

billi l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta għodda ewlenija għall-investiment fit-tkabbir u l-impjiegi fl-UE, b'baġit ta' aktar minn EUR 350 biljun sal-2020; billi r-riżultati tanġibbli tal-investiment tal-politika ta' koeżjoni jistgħu jgħinu fit-tfassil tat-tkabbir attwali u futur tar-reġjuni fi ħdan l-Istati Membri;

B.

billi, bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-livelli tal-faqar u l-esklużjoni soċjali żdiedu f'ħafna Stati Membri, kif ukoll il-qgħad fit-tul, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inugwaljanzi soċjali, u l-SMEs għalhekk jistgħu jkollhom rwol rilevanti u importanti għall-irkupru tal-Ewropa;

C.

billi t-23 miljun intrapriża żgħira u ta' daqs medju (SMEs) fl-UE, li jirrappreżentaw madwar 99 % tan-negozji kollha, jagħtu kontribut fundamentali għat-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi ta' livell għoli, u jipprovdu iktar minn 100 miljun impjieg li jiġġeneraw 2 minn kull 3 impjiegi fis-settur privat, u jżommu d-doppju tar-rata ta' tkabbir tal-impjiegi ta' intrapriżi pjuttost kbar; billi 13 % tal-SMEs Ewropej biss huma involuti f'attivitajiet kummerċjali u investimenti fis-swieq globali;

D.

billi l-SMEs Ewropej huma varjati ħafna u jinkludu għadd vast ta' mikrointrapriżi bbażati fil-livell lokali, li ta' spiss joperaw fis-setturi tradizzjonali, u għadd dejjem jikber ta’ start-ups ġodda u intrapriżi innovattivi li qed jikbru b'rata mgħaġla, kif ukoll intrapriżi tal-ekonomija soċjali ffokati fuq miri u gruppi speċifiċi; billi dawn il-mudelli kummerċjali għandhom problemi differenti u, għaldaqstant, ħtiġijiet differenti; billi s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea, nazzjonali u reġjonali hija kruċjali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kreditu għall-SMEs;

E.

billi l-SMEs huma estremament adattabbli għat-tibdil u kapaċi sew iżommu l-pass mal-progress teknoloġiku;

F.

billi l-mikrokreditu, intiż fil-parti l-kbira għal mikroimprendituri u persuni żvantaġġjati li jixtiequ jidħlu f'impjieg għal rashom, huwa kruċjali biex jingħelbu ostakli fl-aċċess għal servizzi bankarji tradizzjonali u billi JASMINE (Azzjoni Konġunta għas-Sostenn tal-Istituzzjonijiet Mikrofinanzjarji fl-Ewropa) u l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali ta’ EaSI jistgħu jipprovdu appoġġ validu biex jitjieb l-aċċess għall-finanzi, inkluż għall-intrapriżi soċjali;

G.

billi l-Politika ta' Koeżjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 ipprovdiet EUR 70 biljun ta' appoġġ għall-SMEs, u ħolqot aktar minn 263 000 impjieg tal-SME, u għenet lill-SMEs jiġu mmodernizzati permezz ta' aktar użu tal-ICT, ħiliet ta' aċċess, innovazzjoni jew l-immodernizzar ta’ prattiki tax-xogħol;

H.

billi l-Politika ta' Koeżjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ser tagħti appoġġ ulterjuri lill-SMEs billi tiġi rduppjata l-għajnuna 2007-2013 għal EUR 140 biljun;

I.

billi l-objettiv tematiku bl-isem “It-titjib tal-kompetittività tal-SMEs” (TO 3) huwa wieħed mill-objettivi tematiċi bl-ogħla persentaġġ ta' finanzjament globali (13,9 %) u huwa ta' importanza primarja sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020;

J.

billi l-SMEs li jkunu eliġibbli għal fondi SIE, li joperaw f'ambjent kompetittiv u jħabbtu wiċċhom ma' firxa wiesgħa ta' restrizzjonijiet, inklużi l-limitazzjonijiet tal-likwidità, qed ikunu partikolarment affettwati mill-komplessità u l-instabilità tar-regoli u minħabba l-burokrazija involuta, b'mod partikolari l-fatt li l-ispejjeż amministrattivi huma għalkollox sproporzjonati għall-fondi allokati, iż-żmien li jittieħed biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet ta' finanzjament u l-ħtieġa li jiġu avvanzati l-fondi;

K.

billi l-introduzzjoni ta' konċentrazzjoni tematika fil-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 ipprovdiet għodda effettiva għat-tfassil ta' programmi operattivi b'konċentrazzjoni aħjar fuq il-prijoritajiet ta' investiment, sabiex ikun hemm riżorsi suffiċjenti biex isiru impatti reali;

L.

billi l-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi previsti fl-Artikoli 14, 16 u 29 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni huma għodod strateġiċi li jiggwidaw l-investimenti fl-Istati Membri u fir-reġjuni;

M.

billi l-SMEs se jiżguraw li l-produzzjoni industrijali tirrappreżenta sehem ta' mill-inqas 20 % tal-PDG tal-Istati Membri sal-2020;

N.

billi perċentwal żgħir biss tal-SMEs Ewropej bħalissa huma kapaċi jidentifikaw u jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-kummerċ internazzjonali, il-ftehimiet kummerċjali u l-katini ta' valur globali, u 13 % biss tal-SMEs Ewropej kienu attivi fil-livell internazzjonali barra l-UE matul l-aħħar tliet snin;

O.

billi l-proċess ta' internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs għandu jserraħ fuq ir-responsabilità soċjali korporattiva, fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħaddiema u fuq l-ogħla livell possibbli ta' protezzjoni tal-ambjent, sabiex jiġu żgurati l-kompetizzjoni ġusta u żieda fl-impjiegi ta' kwalità;

1.

Jinnota li, permezz ta' konċentrazzjoni tematika, il-programmi operattivi ġew immirati aħjar lejn għadd limitat ta' objettivi strateġiċi, b'mod partikolari f'termini tat-tisħiħ tat-tkabbir u l-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja għall-SMEs, inklużi l-mikrointrapriżi; iqis li l-SMEs huma l-ixprun ewlieni tal-ekonomija Ewropea u huma kruċjali għas-suċċess tal-Politika ta' Koeżjoni, iżda li ta' spiss jiffaċċjaw sfidi multipli minħabba d-daqs tagħhom; jirrakkomanda, għalhekk, li jkompli jissaħħaħ l-appoġġ mill-Fondi SIE diretti lejn SMEs;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw il-valur miżjud ta' proġetti tal-SMEs għall-iżvilupp u l-innovazzjoni f'setturi tradizzjonali, peress li dan mhux biss jistimola l-ħolqien tal-impjiegi, iżda jżomm ukoll l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali tan-negozju, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà; jenfasizza l-ħtieġa li jitqies ukoll il-kuntest ta' setturi bħal dawn u biex ma jiġix disturbat il-bilanċ delikat bejn t-tekniki ta' produzzjoni bbażati fuq l-għarfien tradizzjonali u l-innovazzjoni; jirrimarka li xi SMEs għandhom rwol importanti fis-settur tas-servizzi, li bħalissa għaddej minn bidla sinifikanti bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni, u għalhekk iqis li n-nuqqas ta' kompetenzi fir-rigward ta' ħiliet tal-ICT għandu jiġi ttrattat billi ssir enfasi aktar qawwija fuq it-taħriġ u l-edukazzjoni elevanti;

3.

Jenfasizza li jeżisti bżonn ġenerali ta' mekkaniżmi li jgħinu biex jiġi ssimplifikat l-ambjent tan-negozju u jitħaffef il-proċess ta' twaqqif ta' negozji ġodda permezz ta' REFIT biex tiġi appoġġjata l-kompetittività tal-SMEs u l-assorbiment tal-Fondi SIE; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu sodisfatti l-kundizzjonalitajiet ex ante;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni tqis il-prinċipji tal-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari fl-implimentazzjoni ta' TO 3, sabiex jiġi promoss tkabbir ekonomiku aktar sostenibbli u jiġu ġġenerati impjiegi ġodda ta' kwalità għolja għall-SMEs, b'attenzjoni speċjali għall-promozzjoni ta' impjiegi ħodor; jemmen, f'dan ir-rigward, li huwa importanti li jitkomplew l-isforzi għall-promozzjoni tal-kompetittività ekoloġika tal-SMEs permezz tat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament, l-għoti ta' iżjed informazzjoni, is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, it-tnaqqis tal-burokrazija, il-promozzjoni tal-koeżjoni elettronika u t-tisħiħ ta' kultura ta' negozji ekoloġiċi; jinnota, barra minn hekk, li katina tal-valur iktar ekoloġika, li tinvolvi manifattura mill-ġdid, tiswija, manutenzjoni, riċiklaġġ u disinn ekoloġiku, tista' tipprovdi opportunitajiet kummerċjali konsiderevoli għal bosta SMEs, sakemm tibdil fl-imġiba ekonomika u l-ostakli leġiżlattivi, istituzzjonali u tekniċi jitneħħew jew jitnaqqsu;

5.

Jirrimarka li l-problemi li qed jaffaċċjaw l-SMEs huma parzjalment ikkawżati mill-fatt li l-politiki ta' awsterità implimentati mill-Istati Membri ħonqu d-domanda;

6.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jqisu l-użu tal-opportunitajiet tal-istrumenti finanzjarju; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza, ir-responsabilità u l-iskrutinju ta' strumenti finanzjarji bħal dawn u tal-programm ta' Inizjattiva tal-SMEs immirati biex jagħtu appoġġ finanzjarju lill-SMEs; jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji għandhom jintużaw dejjem b'mod konsistenti mal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, u li għandu jingħata appoġġ tekniku u amministrattiv xieraq;

7.

Jitlob li l-aċċess għall-kreditu jkun simplifikat u inqas regolat, billi jitqiesu l-karatteristiċi partikolari ta' mikrointrapriżi u start ups ġodda u tar-reġjuni fejn joperaw; jiddispjaċih li l-investituri u l-banek ħafna drabi jsibuha bi tqila li jiffinanzjaw negozji fil-fażijiet tal-bidu u tal-espansjoni bikrija tagħhom u li ħafna SMEs, speċjalment impriżi żgħar li għadhom jibdew, sabuha diffiċli biex jiksbu aċċess għal finanzjament estern; jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali, għalhekk, biex jagħtu attenzjoni partikulari għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għal mikrointrapriżi u negozji ġodda li jkunu jixtiequ javvanzaw; jirrimarka l-ħtieġa li r-rati tal-imgħax isiru ugwali għall-finanzjament tal-SMEs b'rati ta' mgħax għal kumpaniji akbar;

8.

Iqis li n-negozji ż-żgħar Ewropej għandhom it-tendenza li jistrieħu fuq sorsi ta' finanzjament bħall-banek, u mhumiex kompletament konxji mill-eżistenza ta' sorsi addizzjonali ta' finanzjament, jew tal-għażliet finanzjarji tagħhom; jinnota lil-Kummissjoni, fid-dawl tal-frammentazzjoni tas-swieq, ipproponiet sensiela ta' inizjattivi, bħalma huma l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li huma mmirati lejn id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' finanzjament, il-faċilitazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital u titjib fl-aċċess għall-finanzi, b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-SMEs;

9.

Jinnota n-nuqqas ta' evidenza dwar l-eżiti u r-riżultati miksuba permezz ta' strumenti finanzjarji u r-rabta deboli bejn dawn l-istrumenti finanzjarji u l-għanijiet u l-prijoritajiet globali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ttejjeb il-provvediment ta' għotjiet minflok primarjament il-promozzjoni tal-użu ta' strumenti finanzjarji;

10.

Jinnota li fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 bosta ostakli, bħalma huma l-effetti tal-kriżi ekonomika, il-ġestjoni kumplessa tal-fondi strutturali u l-piżijiet amministrattivi, kif ukoll l-aċċess limitat għall-finanzjament għall-SMEs u l-kumplessità tal-implimentazzjoni ta' skemi ta' appoġġ, wassal għal assorbiment insuffiċjenti ta' fondi bħal dawn mill-SMEs; iwissi li r-raġunijiet sottostanti għar-rata baxxa ta' assorbiment jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex tiġi evitata kull eventwalità li l-problemi jirrepetu ruħhom fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, u li l-burokrazija eċċessiva żammet lill-SMEs milli japplikaw għall-fondi disponibbli; jiddispjaċih dwar in-natura wisq ġenerali u inkompleta tal-istudji eżistenti dwar l-effiċjenza u l-impatt reali tal-Fondi SIE fuq l-SMEs u jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji rapidament evalwazzjoni ta' din il-kwistjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, u tressaqha quddiem il-Parlament; jenfasizza li kapaċità amministrattiva fqira tista' tfixkel implimentazzjoni b'suċċess u f'waqtha ta' TO 3;

11.

Jinnota l-fatt li l-Kummissjoni qed tagħti aktar attenzjoni lill-governanza tajba u servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja; ifakkar fl-importanza li l-SMEs ikollhom struttura tal-akkwist pubbliku trasparenti, konsistenti u innovattiva; iħeġġeġ, għalhekk, li l-ostakoli li jaffaċċjaw l-SMEs meta jitfgħu offerti għall-kuntratti jitneħħew sa fejn hu possibbli, billi jiġu eliminati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta' rekwiżiti addizzjonali fil-livell nazzjonali u bl-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv attwali bil-ħsieb li jiġu riżolti t-tilwimiet dwar l-akkwist pubbliku malajr kemm jista' jkun; jilqa' d-Direttiva 2014/24/UE u d-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (ESPD), li għandu jnaqqas b'mod konsiderevoli l-piż amministrattiv għall-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla l-applikazzjoni stretta ta' miżuri kontra l-iżbalji u kontra l-frodi mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv, u biex jiġu simplifikati l-proċeduri amministrattivi sabiex jiġu evitati l-iżbalji; jistieden lill-awtoritajiet aġġudikanti li jixtiequ jirraggruppaw kuntratti flimkien sabiex joqogħdu attenti li ma jeskludux lill-SMEs mill-proċess minħabba l-iskala enormi tal-lott finali, peress li l-kuntratti l-kbar jistgħu jinvolvu aktar kriterji ingombranti;

12.

Itenni t-talba tiegħu biex jitjiebu t-trasparenza u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kollha rilevanti, reġjonali u lokali, il-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili, l-intraprendituri u partijiet oħra interessati, speċjalment fil-proċess tad-definizzjoni tar-rekwiżiti f'sejħiet għal proposti ta' proġetti sabiex ikunu mmirati aħjar il-ħtiġiet tal-benefiċjarji finali; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa tal-applikazzjoni sħiħa u r-rispett tal-prinċipju ta' sħubija wkoll fl-istadji ta' tfassil, tħejjija u implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija u l-programmi operattivi, kif dettaljat fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni u l-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija; jinnota bi tħassib li ħafna organizzazzjonijiet tal-SMEs fl-Istati Membri mhumiex tassew involuti u ħafna drabi jiġu informati mingħajr ma jiġu kkonsultati kif xieraq; jinkoraġġixxi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw setturi tal-ekonomija orjentati lejn il-futur, sostenibbli u ekoinnovattivi li jinvolvi ruħhom fis-sħubija u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtuhom is-setgħa permezz tal-użu ta' assistenza teknika u bini ta' kapaċitajiet;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm aktar koordinazzjoni u konsistenza fost il-politiki ta' investiment kollha tal-UE mmirati lejn l-SMEs; jinnota li t-tisħiħ tas-sinerġija bejn il-Fondi SIE u politiki oħra u strumenti finanzjarji mmirati lejn l-SMEs se jimmassimizzaw l-impatt tal-investimenti; jilqa' l-pjan biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-Fondi SIE permezz tal-introduzzjoni ta' “siġill ta' eċċellenza” għal proġetti li ġew ivvalutati bħala “eċċellenti” iżda li mhumiex iffinanzjati permezz ta' Orizzont 2020; iħeġġeġ lill-Istati Membri, fi sħubija mal-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali rilevanti, sabiex joħolqu jew one-stop-shop fil-livell reġjonali, biex b'hekk jiġu promossi dawk diġà eżistenti, jew pjattaforma kkonsolidata għad-diversi strumenti ta' finanzjament tal-UE mmirati lejn l-SMEs, kif ukoll għal appoġġ amministrattiv għall-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti;

14.

Jenfasizza r-rwol li jista' jkollhom l-Investimenti Territorjali Integrati (ITI), l-Iżvilupp Lokali mmexxi mill-Komunità (CLLD), l-istrateġiji makroreġjonali u l-kooperazzjoni territorjali Ewropea b'mod ġenerali fl-implimentazzjoni b'suċċess tal-objettivi ta' TO 3, minħabba li xi proġetti jistgħu jinvolvu żoni transkonfinali, inklużi bosta reġjuni u pajjiżi, u huma kapaċi jiżviluppaw prattiki innovattivi bbażati fuq il-post;

15.

Jinnota li skont l-ewwel evalwazzjoni rilaxxata mill-Kummissjoni l-ammonti allokati għall-appoġġ għall-SMEs żdiedu sostanzjalment meta mqabbel ma' perjodi ta' programmazzjoni preċedenti; jenfasizza li l-Fondi SIE, u b'mod partikolari programmi operattivi li għandhom l-għan li jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp, jistgħu jgħinu lill-SMEs iżidu l-kapaċità tagħhom li jippreżentaw applikazzjonijiet għall-privattivi fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, billi jipprovdu skemi ta' finanzjament vijabbli u faċli għall-utent;

16.

Jiddispjaċih dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni matul il-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jenfasizza n-natura urġenti ta' aċċess għal finanzi minn SMEs u li, għalkemm il-programmi operattivi kollha issa ġew approvati, l-implimentazzjoni nnifisha għadha fi stadju bikri ħafna; jinnota li d-dewmien joħloq lakuni fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa miżuri biex taċċelera t-tneħħija ta' tali dewmien;

17.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timmonitorja u tinkoraġġixxi l-aċċelerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari t-twaqqif ta' proġetti bi tkabbir sostenibbli u l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità, filwaqt li tiffoka wkoll fuq proġetti mnedija f'żoni rurali sabiex jinħolqu servizzi ġodda u tiġi evitata d-depopolazzjoni rurali; jistieden lill-Kummissjoni, fid-determinazzjoni tal-kriterji tal-eliġibilità, biex tqis il-valur miżjud f'termini ekonomiċi u soċjali u l-impatt ambjentali tal-proġetti;

18.

Jenfasizza r-rwol tal-Parlament fis-superviżjoni ta' implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni orjentata lejn ir-riżultati; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tnaqqas, fl-aktar stadju bikri possibbli, l-ostakoli li jipprevjenu l-użu effiċjenti ta' fondi għall-SMEs u l-istart ups, sabiex tidentifika sinerġiji potenzjali bejn il-Fondi SIE, u bejn il-Fondi SIE u fondi oħra rilevanti għall-SMEs, u tipprovdi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal azzjoni u gwida mmirati lejn aktar simplifikazzjoni, monitoraġġ u valutazzjoni tal-użu ta' tali strumenti finanzjarji; jinnota li hemm diffikultajiet akbar f'dan il-qasam, speċjalment fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u f'dawk l-oqsma fejn il-kwalità fqira tal-infrastruttura ewlenija twassal għal ammonti baxxi ta' investiment privat;

19.

Jenfasizza l-ħtieġa tad-djalogu strutturat bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment biex jittejjeb u jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għal sorsi ta' finanzjament diversifikati;

20.

Jenfasizza li l-ostakli ewlenin li qed jipprevjenu l-SMEs milli jkollhom aċċess fuq skala wiesgħa għall-Fondi SIE jinkludu l-piż amministrattiv, numru kbir ta' skemi ta' għajnuna, il-kumplessità tar-regoli u l-proċeduri, id-dewmien fl-introduzzjoni ta' atti eżekuttivi u r-riskju ta' regolamentazzjoni żejda; jitlob lill-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Simplifikazzjoni, għalhekk, iwassal proposti konkreti, b'kunsiderazzjoni wkoll tal-Istrateġija għal Regolamentazzjoni Aħjar, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġu ssimplifikati l-proċeduri fil-ġestjoni tal-Fondi SIE mill-SMEs, b'enfasi speċjali fuq ir-rekwiżiti relatati mal-awditu, il-flessibilità tal-ġestjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-valutazzjoni intermedjarja, is-sistema ta' kontroll u l-koerenza mar-regoli tal-kompetizzjoni u politiki oħra tal-UE; jitlob li tali miżuri ta' simplifikazzjoni jirrispettaw ir-regoli tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA) ta' “darba biss” u ta' “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, u jiġu maħsuba u implimentat f'livelli differenti b'kooperazzjoni ma' rappreżentanti ta' kategoriji differenti ta' SMEs; jistieden lill-Grupp ta’ Livell Għoli (HLG) biex jikkomunika r-riżultati tal-attivitajiet tiegħu lill-Kumitat tal-Parlament għall-Iżvilupp Reġjonali fuq bażi kontinwa u jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta r-rappreżentanti tal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet li jiġu ttrattati mill-HLG;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet għall-għajnuna mill-Istat fil-livell nazzjonali u reġjonali li m'għandhomx jiddiskriminaw kontra l-SMEs u li għandhom ikunu f'konformità mal-appoġġ tal-Politika ta' Koeżjoni għall-intrapriżi, u biex jagħmlu użu sħiħ tal-iskemi ta' għajnuna bbażati fuq Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, sabiex jonqos il-piż amministrattiv għall-amministrazzjonijiet u l-benefiċjarji u jiżdied l-assorbiment tal-fondi SIE, filwaqt li tiġi ċarata r-rabta bejn ir-regoli dwar il-Fondi SIE għall-SMEs u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

22.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jiskambjaw dejta, għarfien u l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward, filwaqt li jiżguraw rappurtar xieraq u timmotivahom biex jappoġġjaw proġetti b'potenzjal għoli tal-ħolqien tal-impjiegi;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsibu soluzzjoni dejjiema b'mod urġenti għall-pagamenti pendenti relatati mal-politika reġjonali u biex japplikaw b'mod xieraq id-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard, sabiex jiġi żgurat li l-SMEs, bħala sħab fil-proġett, ma jiġux skoraġġiti milli jipparteċipaw fi programmi ta' appoġġ u proġetti matul il-perjodu attwali ta' programmazzjoni minħabba dewmien fil-ħlas; jinnota wkoll li konformità akbar ma' din id-Direttiva tirrikjedi, inter alia, li l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu pagamenti fi żmien 30 ġurnata għall-oġġetti u s-servizzi li jakkwistaw, tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-istabilizzazzjoni u t-tkabbir tal-SMEs;

24.

Jenfasizza li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, għalkemm mhux formalment meħtieġa bħala kundizzjonalitajiet ex ante f'TO 3, huma għodda kruċjali fil-garanzija tal-innovazzjoni u l-adattabilità ta' objettivi tematiċi, u jenfasizza, fl-istess ħin, li dawn l-istrateġiji għandhom jimmiraw mhux biss lejn ix-xjenza u l-innovazzjoni immexxija mit-teknoloġija iżda wkoll bażi l-innovazzjoni mhux ibbażata fuq ix-xjenza; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar ir-riżultati ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti ddedikati lill-SMEs fil-livell nazzjonali u/jew reġjonali; jenfasizza l-koerenza tal-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti adottati minn kull reġjun bl-ekonomija territorjali relatata, u l-isfida tal-implimentazzjoni tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti f'żoni mhux urbani li jista' ma jkolljomx biżżejjed infrastruttura ta' appoġġ; jilqa' il-kundizzjonalità ex ante relatata mal-SBA f'TO 3 u jistieden lill-Istati Membri jwettqu l-azzjoni meħtieġa u jħaffu l-kisba tal-miri stabbiliti fl-SBA; jappoġġja l-Premju Reġjun Intraprenditorjali Ewropew (EER), bl-għan li jiġu identifikati u ppremjati r-reġjuni tal-UE li għandhom strateġiji intraprenditorjali straordinarji u orjentati lejn il-ġejjieni bl-applikazzjoni ta' għaxar prinċipji tal-SBA;

25.

Jitlob lill-awtoritajiet ta' ġestjoni biex jikkunsidraw il-karatteristiċi u l-kompetenzi speċifiċi ta' territorji individwali, b'enfasi fuq dawk li jbatu minn nuqqas ta' żvilupp, id-depopolazzjoni u rati għoljin ta' qgħad, biex jiġu promossi kemm is-setturi ekonomiċi tradizzjonali kif ukoll dawk innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni tfassal programmi speċifiċi li jinkorporaw l-elementi rilevanti kollha ta' tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv għall-SMEs; ifakkar fl-eżistenza tad-disparità bejn is-sessi, kif identifikata fl-SBA, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-parteċipazzjoni baxxa kontinwa tan-nisa biex jibdew u jmexxu negozju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta' strateġiji speċifiċi biex jappoġġjaw l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u nisa fil-kuntest tat-tkabbir ekoloġiku, bħala mod kif jiġu rrikonċiljati t-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-professjonaliżmu mas-sostenibilità ambjentali;

26.

Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma parteċipattiva fi ħdan il-baġits eżistenti għad-disseminazzjoni ta' riżultati ta' proġetti tal-SMEs, inklużi eżempji ta' prattika tajba wkoll imwettqa fil-qafas tal-FEŻR matul l-perjodi ta' programmazzjoni 2000-2006 u 2007-2013;

27.

Jinnota li s-“Smart Guide to innovation services” imfassla mill-Kummissjoni tenfasizza l-importanza ta' strateġiji ta' appoġġ pubbliku, żviluppata b'konsultazzjoni ma' atturi soċjali u ekonomiċi fil-livell reġjonali, billi tipprovdi lill-SMEs b'ambjent favorevoli u tgħinhom iżommu pożizzjoni kompetittiva f'katini ta' valur mondjali;

28.

Jenfasizza l-isfidi u l-opportunitajiet li jaffaċċjaw l-SMEs biex jadattaw u jkunu konformi ma' deċiżjonijiet reċenti meħuda fil-konferenza COP21;

29.

Iqis li l-appoġġ u l-inċentivi xierqa għall-azzjoni ta' SMEs jistgħu iwasslu għal-opportunitajiet innovattivi għall-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti;

30.

Jenfasizza li peress li l-SMEs huma s-sors ewlieni ta' impjiegi fl-UE, it-twaqqif ta' intrapriżi għandu jiġi ffaċilitat permezz tal-promozzjoni ta' ħiliet intraprenditorjali u l-introduzzjoni ta' intraprenditorija fil-kurrikuli tal-iskejjel, kif identifikati fl-SBA, u li, speċjalment fi skemi ta' mikrokreditu, taħriġ adegwat u appoġġ kummerċjali huma kruċjali u taħriġ speċjali huwa meħtieġ biex iħejji liż-żgħażagħ għal ekonomija ekoloġika;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-awtoritajiet ta' ġestjoni, jistimulaw il-ħolqien ta' ekosistema magħmula minn universitajiet, ċentri tar-riċerka, atturi ekonomiċi u soċjali u istituzzjonijiet pubbliċi biex jiżviluppaw ħiliet intraprenditorjali, filwaqt li jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet ta' ġestjoni biex jimpenjaw il-fondi disponibbli għal assistenza teknika, inklużi l-użi innovattivi tal-ICT mill-SMEs; jinnota wkoll, f'dan ir-rigward, li l-assistenza teknika prevista fl-objettiv tematiku 11 għandha tibbenefika lis-sħab kollha msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni rigward is-Sħubija; jitlob, għalhekk, li jiġi żgurat aċċess mill-organizzazzjonijiet tal-SMEs territorjali għad-dispożizzjonijiet ta' TO 11 u l-miżuri tal-bini tal-kapaċitajiet;

32.

Jenfasizza li madwar 25 % biss tal-SMEs ibbażati fl-UE jwettqu attivitajiet ta' esportazzjoni fl-UE u li l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs hija proċess li jitlob appoġġ ukoll fil-livell lokali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tagħmel użu akbar tal-Fondi SIE biex tgħin lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet offruti, u tindirizza l-isfidi, mill-kummerċ internazzjonali, filwaqt li tappoġġjahom sabiex jindirizzaw l-ispejjeż tal-aġġustament u l-impatti negattivi ta' żieda fil-kompetizzjoni internazzjonali;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni, fit-tħejjija tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu wara l-2020, iżżid il-finanzjament għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs;

34.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  Testi adottati, P7_TA(2014)0364.

(2)  ĠU C 24, 22.1.2016, p. 2.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2015)0198.

(4)  ĠU C 21 E, 28.1.2010, p. 1.

(5)  ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 7.

(6)  ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 40.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2014)0002.

(8)  Testi adottati, P8_TA(2015)0308.

(9)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36

(10)  ĠU C 218, 30.7.2013, p. 12.

(11)  ĠU C 415, 20.11.2014, p. 5.