16.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 101/116


P8_TA(2016)0312

Preparazzjoni tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2016 dwar il-prijoritajiet strateġiċi għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2017 (2016/2773(RSP))

(2018/C 101/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku”, ppreżentati minn Jean-Claude Juncker fil-15 ta' Lulju 2014,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2015 bit-titolu ''Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 – Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess'' (COM(2015)0610) u l-Annessi 1 sa 6 tagħha,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016,

wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, li jipprovdi kontribut addizzjonali għal din ir-riżoluzzjoni mill-perspettiva tal-kumitati parlamentari u li l-Kummissjoni għandha tieħdu debitament inkunsiderazzjoni meta tkun qed tabbozza u tadotta l-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2017,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar id-deċiżjoni ta' ħruġ mill-UE bħala konsegwenza tar-referendum fir-Renju Unit (1),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-kontribut tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017,

wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea ġab il-paċi u kkontribwixxa għas-sigurtà u l-prosperità fl-Ewropa għal deċennji;

B.

billi l-Ewropa bħalissa qiegħda taffaċċja bosta sfidi globali u komuni, iżda wkoll frustrazzjoni u tħassib li kulma jmur qed jikbru min-naħa ta' ħafna ċittadini dwar prospetti inċerti tal-ħajja u nuqqas ta' opportunitajiet li ċ-ċittadini jistennew li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet iwieġbu għalihom; billi, jekk l-Unjoni Ewropea għandha tirnexxi, hija ma tistax tiġi ridotta għal proġett ekonomiku; billi huwa urġenti li jerġa' jinkiseb lura l-appoġġ tal-Ewropej favur il-proġett Ewropew, u li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

C.

billi l-kriżijiet sovraposti tal-UE jirrikjedu soluzzjonijiet Ewropej effettivi, li jkollhom għeruq b'saħħithom fi proċess aktar demokratiku permezz tal-metodu komunitarju, bl-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali, u f'konformità mal-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;

D.

billi l-UE hija d-dar komuni tagħna u jeħtieġ li toffri posta ta' sikurezza u ambjent ekonomiku stabbli għaċ-ċittadini tagħha; billi s-sostenibbiltà u t-tkabbir ekonomiku huma kompatibbli u jistgħu jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; billi huwa importanti li l-UE tinħareġ mill-kriżi ekonomika li ilha għaddejja billi jiżdiedu l-investimenti sostenibbli, jitnaqqsu d-diskrepanzi u jiġu implimentati l-politiki maqbula u jiġu żviluppati oħrajn aħjar, b'mod partikolari permezz tal-approfondiment tas-suq intern u t-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

E.

billi għażilna li jkollna futur komuni, bħala komunità bbażata fuq valuri komuni u li tgħożż ir-rikkezza u d-diversità tat-tradizzjonijiet u l-istorja tagħna; billi rridu li l-Ewropa taqdi r-rwol tagħha u tassumi r-responsabbiltà tagħha fix-xena internazzjonali, b'impenn favur is-solidarjetà, il-multilateraliżmu, is-sħubijiet esterni tagħna u l-promozzjoni tal-konverġenza lejn standards ogħla; billi rridu nipproteġu l-proġett komuni tagħna ta' paċi, prosperità u demokrazija kondiviżi, bil-ħsieb li jinħoloq futur attraenti għall-ġenerazzjonijiet kollha;

Intejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien taċ-ċittadini Ewropej

1.

Ifakkar li l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa kien modest u żbilanċjat, u li bosta reġjuni tal-Unjoni għadhom qed jesperjenzaw livelli inaċċettabbli ta' qgħad, faqar, inugwaljanza u nuqqas enormi ta' prospetti għal ġenerazzjonijiet żgħażagħ; għalhekk, l-UE jeħtieġ li taħdem lejn suq tax-xogħol dinamiku u inklużiv integrat fil-mudell Ewropew tal-ekonomija soċjali tas-suq, ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini u tippermetti mobilità ġusta; jinsab konvint li ċ-ċittadini kollha tal-UE jeħtieġ li jkollhom rashom mistrieħa minn kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi u aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità, għall-protezzjoni soċjali u għal servizzi essenzjali li jippermettu bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol u jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol modern fl-UE; jirrikonoxxi li fil-qalba ta’ ekonomija kompetittiva u inklużiva hemm il-kapaċità tagħha li timmobilizza t-talent tan-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni, għal dan l-għan, biex tibni fuq il-konsultazzjoni pubblika li għaddejja bħalissa u fuq ir-rapport imminenti tal-Parlament billi tressaq, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà u mal-objettivi tat-Trattat, proposta ambizzjuża dwar pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali, li għandu jissarraf f'inizjattivi konkreti, b'mod partikolari biex:

jiġu promossi l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-edukazzjoni bikrija, tal-indukrar tat-tfal u tal-kura tas-saħħa, li huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-ebda tifel jew tifla ma jibqgħu l-art; il-Kummissjoni għandha għalhekk tirrifletti dwar aktar azzjonijiet biex jiġi żviluppat l-investiment soċjali, u b’mod partikolari biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal;

titnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet u jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità għal kulħadd;

jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u jiġu promossi impjiegi ta' kwalità, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ u dawk li ilhom qiegħda, sabiex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku;

jiġu indirizzati l-isfidi għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u d-differenzi bejn is-sessi fil-pagi u l-pensjonijiet;

3.

Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha timmonitorja, tinkoraġġixxi u tappoġġa l-infiq effiċjenti u effikaċi ta' fondi mill-Istati Membri biex tingħata spinta lill-impjieg taż-żgħażagħ u lill-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, b'mod partikolari f'reġjuni b'livelli għoljin ta' qgħad, permezz ta' programmi għall-impjiegi u t-tkabbir, bħal dawk iffinanzjati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-Bank Ewropew tal-Investiment;

4.

Jenfasizza li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u mas-sħab soċjali, għandha ssaħħaħ ukoll id-djalogu soċjali Ewropew bl-għan li tirrikonċilja aħjar is-swieq tax-xogħol u l-ħtiġijiet tal-protezzjoni soċjali biex tindirizza l-inugwaljanzi soċjali u l-isfidi tal-kompetittività;

Insaħħu l-irkupru ekonomiku u l-kompetittività fit-tul bl-għan li jinħolqu l-impjiegi u tiġi ġġenerata l-prosperità

5.

Jinsab konvint li l-UE tista' tkun minn ta' quddiem fid-dinja billi tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-suq uniku tagħha u billi tippromwovi l-imprenditorija, il-kompetizzjoni ġusta u l-investiment fl-innovazzjoni;

6.

Huwa tal-fehma li l-UE jeħtieġ trawwem ambjent Ewropew tan-negozju li jkun b'saħħtu u diversifikat; jirrimarka li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE hija strumentali għall-funzjonament tal-ekonomija soċjali tas-suq tagħha; jenfasizza li, jekk trid tibqa' kompetittiva, adatta għall-iskop u reżistenti għall-futur, l-industrija Ewropea jeħtieġ issirsostenibbli u diġitali; jikkondividi l-filosofija tal-Kummissjoni li l-Ewropa jeħtieġ li tkun kbira fl-affarijiet il-kbar u żgħira fl-affarijiet iż-żgħar;

7.

Jappella għat-tnedija mill-ġdid tal-istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli, b'ambizzjoni reali għall-futur, b'mod partikolari biex jitjieb il-mudell ta' ekonomija soċjali tas-suq tagħna u jiġu implimentati riformi strutturali biex jiġu modernizzati l-ekonomiji tal-Istati Membri u jiġġeneraw prosperità kondiviża b'mod wiesa'; jinsab konvint li l-ispinta lill-impjiegi u l-produttività tibqa' l-prijorità prinċipali, u li l-UE teħtieġ investimenti mmirati biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali innovattiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi għar-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa u għar-rilokalizzazzjoni tal-impjiegi;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni tfassal strateġija industrijali ġdida u ambizzjuża li tibni fuq il-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari u tikkomplimentah; jirrimarka li jinħtieġu investimenti privati u pubbliċi addizzjonali għat-tranżizzjoni tal-enerġija, għall-SMEs innovattivi fil-qasam ekoloġiku, għar-riċerka u l-edukazzjoni;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi aktar miżuri li jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, id-diversità kulturali u l-kreattività bħala l-muturi prinċipali tal-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li żżomm f'moħħha li l-aċċess tal-kumpaniji, u b'mod partikolari tal-SMEs, għall-kapital huwa kruċjali biex jitħeġġu l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' prodotti u servizzi ġodda f'setturi tradizzjonali u f'dawk emerġenti, kif ukoll il-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

10.

Iqis li s-suq uniku jeħtieġ li jkompli jiġi integrat, b'mod partikolari fil-qasam diġitali, u b'hekk jinħoloq ambjent ekwu għall-konsumaturi u għall-SMEs u jitneħħew ostakli mhux ġustifikati; jinsab konvint ferm li suq uniku diġitali li jkun kompetittiv fuq livell dinji, innovattiv u orjentat lejn iċ-ċittadini jirrappreżenta soluzzjoni għall-isfidi tas-seklu 21;

11.

Jistenna li l-Kummissjoni tuża s-setgħat u l-kompetenzi kollha tagħha biex tippromwovi tranżizzjoni għal mudell aqwa ta' tkabbir konsistenti mal-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli li jinkludi d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu;

Nirreaġixxu għat-tibdil fil-klima u niżguraw is-sigurtà tal-enerġija

12.

Ifakkar li jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex tinkiseb l-Unjoni tal-Enerġija, li se tiggarantixxi s-sigurtà tal-enerġija u enerġija sostenibbli u bi prezz aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha;

13.

Jinnota l-konsegwenzi umani u ekonomiċi ta' diżastri klimatiċi fl-Ewropa; jenfasizza l-importanza li nkomplu nindirizzaw il-kawżi ewlenin tat-tibdil fil-klima, filwaqt li niżguraw il-kompetittività tal-industrija tagħna, bi strateġija ambizzjuża dwar il-klima, inkluża l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

14.

Jappella biex jiġu stabbiliti miri aktar ambizzjużi fil-livell tal-UE għat-tnaqqis tal-gassijiet serra u għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-perjodu wara l-2020, skont il-Ftehim COP 21 ta' Pariġi;

15.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komuni għad-diplomazija tal-enerġija u tal-klima li tindirizza dan it-tħassib globali;

16.

Jitlob lill-Kummissjoni tidentifika sforzi biex jitneħħew b'mod gradwali s-sussidji fuq il-fjuwils fossili, filwaqt li jittaffew l-impatti ekonomiċi u soċjali possibbli;

Niżguraw reazzjoni konsistenti għaż-żieda fl-influss ta' rifuġjati

17.

Huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ tfassal soluzzjonijiet konkreti biex tindirizza l-emerġenza tar-rifuġjati, b'mod partikolari billi jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tagħha, billi tissaħħaħ il-koperazzjoni mal-pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini tal-flussi migratorji u billi jintużaw il-politiki u l-istrumenti kollha disponibbli biex jiġu żgurati l-istabbilizzazzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi;

18.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tkompli bl-assistenza umanitarja meħtieġa u tiżgura kundizzjonijiet deċenti ta' għajxien fil-kampijiet tar-rifuġjati, flimkien ma' programmi ta' żvilupp fuq medda ta' żmien itwal, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni;

19.

Jirrimarka li l-politika tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni mhijiex adegwata u teħtieġ reviżjoni fundamentali, abbażi tal-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; isostni li l-ebda riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil ma għandha twassal għal tnaqqis fil-livell ta' protezzjoni attwali fil-liġi tal-UE dwar l-asil;

20.

Jappella biex jiġu organizzati programmi sistematiċi u infurzabbli għar-risistemazzjoni u rilokazzjoni diretti ta' applikanti għall-asil;

21.

Jappella biex jinħolqu kundizzjonijiet fl-UE għal akkoljenza ġestita sew ta' persuni li jfittxu asil li tiżgura s-sikurezza tagħhom u trattament uman, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli; jenfasizza li, fl-istess ħin, jeħtieġ li jiġu garantiti biżżejjed riżorsi biex tiġi żgurata l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati;

22.

Jitlob lill-Kummissjoni tfassal proposti għall-ħolqien ta' politika ta' migrazzjoni legali u ekonomika tal-Unjoni xierqa li tibni fuq l-istrumenti eżistenti għall-istudenti, ir-riċerkaturi u l-ħaddiema bi kwalifiki għoljin ħafna, u, fuq medda ta' żmien itwal, tistabbilixxi regoli aktar ġenerali li jirregolaw id-dħul u r-residenza għal dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed ifittxu impjieg fl-Unjoni bl-għan li jimlew in-nuqqasijiet identifikati fis-swieq tax-xogħol tal-UE;

23.

Jemmen li, peress li l-migrazzjoni internazzjonali hija fenomenu globali li qed jikber fl-ambitu, fil-kumplessità u fl-impatt, l-UE u l-bqija tal-komunità internazzjonali jeħtieġ li jassumu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom f'dan il-qasam;

Nindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini dwar is-sigurtà

24.

Jenfasizza li s-sigurtà interna u dik esterna huma kulma jmur dejjem aktar konnessi;

25.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex wara l-adozzjoni tal-proposta għal Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tiżgura bidu rapidu tagħha, u tallokalha l-kapaċitajiet loġistiċi u umani meħtieġa;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni, bl-għan li jiġu indirizzati t-theddid tat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, biex tissorvelja mill-qrib it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri kontra t-terroriżmu tal-UE, inkluża l-kooperazzjoni effikaċi tal-pulizija u dik ġudizzjarja, il-kondiviżjoni f'waqtha ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u permezz tal-Europol u l-Eurojust, u miżuri li jindirizzaw ix-xejriet emerġenti tal-finanzjament tat-terroriżmu;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza għarfien espert u riżorsi tekniċi u finanzjarji sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni u skambji tal-aħjar prattiki fil-livell tal-UE għall-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u l-propaganda terroristika, in-netwerks radikali u r-reklutaġġ minn organizzazzjonijiet terroristiċi permezz ta' mezzi offline u online, b'enfasi partikolari fuq strateġiji ta' prevenzjoni, integrazzjoni u ta' riintegrazzjoni;

28.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà li diġà ġiet adottata; itenni l-appell tiegħu għal evalwazzjoni dettaljata tal-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu, billi jiġu evalwati kemm l-applikazzjoni tal-miżuri adottati kif ukoll l-effikaċja tagħhom; jistenna li l-Kummissjoni taġġorna l-aġenda dwar is-sigurtà kif meħtieġ fid-dawl tat-theddida terroristika li qiegħda tevolvi;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti mħabbra tagħha għal bażi legali opportuna għaċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fi ħdan il-Europol, il-proposti għat-titjib u l-iżvilupp tas-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti, tindirizza l-lakuni ta' informazzjoni u timxi lejn l-interoperabbiltà, kif ukoll proposti għall-kondiviżjoni obbligatorja ta' informazzjoni fil-livell tal-UE, flimkien ma' salvagwardji neċessarji għall-ħarsien tal-informazzjoni;

L-applikazzjoni ta' aġenda ta' azzjoni esterna ambizzjuża: dwar il-viċinat u dwar is-sistema globali

30.

Jappella għal Strateġija Globali ambizzjuża tal-UE li tqiegħed lill-UE bħala attur ġeopolitiku f'dinja li qiegħda tinbidel b'rata mgħaġġla, u jistenna li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimmobilizza b'mod koerenti l-istrumenti ta' azzjoni esterna kollha tal-UE bl-għan li tinkiseb governanza globali mtejba, konverġenza wiesgħa dwar standards aħjar, sigurtà mtejba u rispett akbar għad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja; jenfasizza, għal dak l-għan, li l-elementi fundamentali li ġejjin għandhom ikunu prijorità tal-aġenda tal-UE għall-affarijiet esterni:

Il-promozzjoni tal-istabbiltà u l-prosperità fil-viċinat tal-UE, permezz ta' inizjattivi li jrawwmu l-iżvilupp, id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, billi jsaħħu l-miżuri ta' prevenzjoni u rikonċiljazzjoni ta' kunflitti ċivili, u attivitajiet fil-kuntest tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, inkluż bl-involviment xieraq tan-NATO, li, għal dawk l-Istati li huma membri taghha, tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tagħhom u l-forum għall-implimentazzjoni tagħha;

Tnedija mill-ġdid, bl-appoġġ tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, li ma tistax tibqa' l-element dgħajjef fil-proċess ta' integrazzjoni tal-UE; l-ambjent ta' sigurtà jirrikjedi li d-difiża Ewropea ssir politika vera u proprja li tipprovdi sigurtà ugwali għall-Istati Membri kollha, u turi l-istess attenzjoni għat-tħassib kruċjali tagħhom fil-qasam tas-sigurtà; l-istrutturi, il-mekkaniżmi jew l-għodod li diġà jeżistu għandhom isiru realtà operattiva;

Progress fil-proċess tan-negozjati għat-tkabbir bit-tisħiħ tal-istabbiltà soċjali, politika u ekonomika, u tad-demokrazija fil-pajjiżi kandidati, mingħajr konċessjonijiet dwar il-kriterji ta' adeżjoni ta' Copenhagen;

Sforzi biex il-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp issir aktar effikaċi u kkoordinata aħjar, u koerenti ma' strumenti oħra tal-azzjoni esterna tal-UE; jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza bejn il-politiki tal-iżvilupp u tas-sigurtà, peress li dawn huma interkonnessi u interdipendenti u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku;

Integrazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) fil-politiki esterni u interni tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrapporta dwar il-pjan tagħha għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, is-segwitu u l-inkorporazzjoni tal-Aġenda 2030 u tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

Il-promozzjoni tal-kummerċ bħala strument importanti biex jitrawwmu t-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività, u jiġu promossil-istandards tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli; l-istrumenti għad-difiża tan-negozju tal-Unjoni jeħtieġ li jiġu modernizzati u applikati b'mod rigoruż, u jintużaw fejn xieraq metodoloġiji mhux standardizzati;

L-adozzjoni ta' soluzzjonijiet biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu u tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll dik tas-sħab tal-UE, b'mod speċjali fil-viċinat tal-UE;

Politiki tat-tassazzjoni ġusti għal riżorsi adegwati

31.

Jenfasizza li qatt ma kien hemm ħtieġa aktar urġenti biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, li jirrappreżentaw dħul potenzjali għall-baġits nazzjonali li jilħaq madwar EUR 1 triljun; iqis li dawn ir-riżorsi setgħu ntefqu f'investiment fil-futur, b'hekk tingħata spinta lill-impjiegi u jitnaqqsu l-inugwaljanzi;

32.

Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tkompli taġixxi mingħajr dewmien biex tiżgura li l-profitti jiġu intaxxati fil-pajjiżi Ewropej fejn l-attività ekonomika effettivament iseħħ u jinħoloq il-valur; l-UE għandha taħdem lejn bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva, iżżid l-isforzi biex tinvestiga każijiet ta' ksur fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat b'rabta mat-taxxa, tapplika regoli komuni dwar l-użu u t-trasparenza tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u taħdem favur approċċ komuni li jkun determinat li jelimina r-rifuġji fiskali;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dimensjoni esterna fil-ġlieda tagħha kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, inkluż fir-rigward tal-profitti li joħorġu mill-UE mingħajr ma jiġu intaxxati;

Tisħiħ tal-baġit tal-UE u l-istrumenti finanzjarji

34.

Huwa tal-fehma li, sabiex taġixxi b'mod effikaċi, l-UE teħtieġ strateġija fiskali u finanzjarja ġdida; iqis li l-Kummissjoni għandha, għal dan il-għan, tipproponi miżuri bbażati fuq il-prinċipji u l-elementi li ġejjin:

mobilizzazzjoni rapida tar-riżorsi adegwati; huwa inevitabbli li ssir riforma tas-sistema ta' finanzjament tal-Unjoni billi jissaħħu r-riżorsi proprji ġenwini jew jiġu introdotti riżorsi ġodda bl-għan li l-baġit tal-Unjoni jsir aktar stabbli, aktar sostenibbli u aktar prevedibbli; fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi rispettat il-prinċipju ta' universalità u titjieb it-trasparenza;

għall-aħjar riżultati, l-istrumenti baġitarji tal-UE għandhom jiġu mmaniġġjati billi tingħata attenzjoni kbira lill-prestazzjoni u l-effikaċja fil-konfront tal-ispejjeż, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità u jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-UE;

l-UE għandha tieħu passi biex tgħaqqad flimkien ir-riżorsi għar-reazzjoni għall-isfidi tal-livelli għoljin tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u tal-qgħad fit-tul, u għad-dimensjonijiet interni u esterni tal-emerġenza tar-rifuġjati;

wara biss sentejn ta' implimentazzjoni, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) laħaq il-limiti tiegħu; barra minn hekk, mingħajr reviżjoni komprensiva ta' nofs il-perjodu tal-QFP, il-baġit tal-UE mhux se jkun jista' jindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali u l-prijoritajiet politiċi l-ġodda, u mhux se jkun jista' jevita l-qawmien mill-ġdid ta' kriżi ta' pagament; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rieżami tal-funzjonament tal-QFP qabel tmiem l-2016 u tieħu azzjoni deċiżiva biex tirrivedi 'il fuq il-limiti massimi tal-QFP u żżid il-flessibbiltà tagħha sabiex tirreaġixxi għaċ-ċirkostanzi mhux previsti fl-2013;

il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) għandu jiġi ġestit b'mod li jippermetti lill-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom għal livelli għolja ta' investiment strateġiku skont ir-Regolament dwar il-FEIS, u jiżgura li l-finanzjament għall-investiment jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija u soċjetà sostenibbli; il-proposta tal-Kummissjoni għall-fażi li jmiss tal-FEIS għandha tkun ibbażata fuq dawn l-objettivi;

l-implimentazzjoni effikaċi tal-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020 għandha tkun akkumpanjata minn tħejjijiet għall-fażi ta' wara l-2020, u dan filwaqt li tiġi rrispettata n-natura vera tagħha kif stabbilit fit-Trattati, l-importanza tagħha għall-iżvilupp ta' suq uniku u l-potenzjal tagħha bħala għodda aċċessibbli għar-reġjuni kollha fl-UE; is-sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-FEIS u strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE għandhom jissaħħu bl-għan li jitħaffef tkabbir intelliġenti, ekoloġiku u inklużiv, filwaqt li jiġi żviluppat bilanċ bejn l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji kredibbli u jiġi evitat kwalunkwe tnaqqis fil-baġit tal-politika ta’ koeżjoni;

il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti biex tnaqqas il-kumplessità burokratika tal-PAK għall-bdiewa; il-Kummissjoni għandha tkompli tiżviluppa strumenti mtejba biex tindirizza l-kriżijiet estremi fis-swieq agrikoli; jemmen li leġiżlazzjoni qafas fil-livell tal-UE hija meħtieġa biex jiġu indirizzati prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa u l-konsumaturi Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ġusti tax-xiri u tal-bejgħ;

Tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

35.

Jinsisti biex jiġu rispettati r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet demokratiċi fil-kuntest tal-governanza ekonomika Ewropea;

36.

Huwa tal-fehma li l-UE jeħtieġ li taħdem lejn konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq, f'konformità sħiħa mar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u mal-qafas ta' governanza tas-Semestru Ewropew;

37.

Iqis li l-Kummissjoni għandha ttejjeb b'mod konsistenti l-monitoraġġ tagħha tad-dejn, id-defiċits u l-iżbilanċi makroekonomiċi, b'mod li jirrispetta l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u jinkoraġġixxi t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi, b'attenzjoni akbar għall-pożizzjoni fiskali aggregata taż-żona tal-euro;

38.

Jemmen li l-UE jeħtiġilha ttejjeb il-kredibbiltà, il-konsistenza, is-sjieda nazzjonali u l-leġittimità demokratika tas-Semestru Ewropew sabiex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż permezz ta' riformi strutturali u investimenti mmirati lejn il-modernizzazzjoni tal-ekonomiji tagħhom u żżid il-kompetittività, issegwi r-responsabbiltà fiskali u tindirizza l-inugwaljanzi u l-iżbilanċi;

39.

Jappella għal koordinament aktar mill-qrib tal-politika ekonomika bl-għan li jiġu indirizzati l-lakuni fl-investiment fiż-żona tal-euro u jissaħħu l-isforzi ta' riforma sabiex tiżdied il-produttività u tiġi sostnuta d-domanda;

40.

Iqis li jeħtieġ li l-unjoni bankarja tiġi konkluża, u li l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskji jmorru id f'id mal-kondiviżjoni tar-riskji;

41.

Jinnota li l-eżiti tar-riflessjoni kontinwa dwar l-iżvilupp ta’ kapaċità fiskali fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja għandhom jiġu kkunsidrati;

42.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta sett ta' proposti ssostanzjati tajjeb u konsistenti dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja kif identifikat fir-Rapport tal-Ħames Presidenti;

It-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija

43.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-kriżijiet li għaddejjin mhux biss għamlu ħsara lill-koeżjoni tas-soċjetajiet Ewropej, iżda għamlu kienu ta' daqqa ta' ħarta għall-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fl-istituzzjonijiet demokratiċi tagħhom fil-livell tal-UE u, f'xi każijiet, fil-livell nazzjonali; jemmen, għaldaqstant, li t-titjib tal-leġittimità demokratika tal-UE u l-bini mill-ġdid tal-fiduċja fil-kapaċità tagħha li taqdi l-interessi taċ-ċittadini għandha tkun l-akbar prijorità tal-Ewropa;

44.

Ifakkar li ħafna mill-isfidi tal-lum, mit-tibdil fil-klima għall-asil u l-migrazzjoni, minn swieq finanzjarji għall-katini tal-provvista tal-korporazzjonijiet, u min-netwerks terroristiċi għall-Istati li fallew u dawk diżonesti, huma transnazzjonali u jirrikjedu soluzzjonijiet Ewropej definiti permezz tal-metodu Komunitarju, bl-involviment sħiħ tal-Kummissjoni u tal-Parlament;

45.

Ifakkar li l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, hija responsabbli għall-promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni (l-Artikolu 17 tat-TUE), jiġifieri l-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha (l-Artikolu 3 tat-TUE); jinnota li l-Parlament għandu wkoll responsabbiltà politika partikolari biex jgħin ħalli jingħelbu d-diviżjonijiet bejn l-Istati Membri, jiddefendi l-interess ġenerali tal-Ewropej u jiżgura l-leġittimità demokratika tad-deċiżjonijiet meħuda fil-livell Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-inizjattivi kollha, inklużi dawk tal-Kunsill Ewropew, ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati;

46.

Jitlob lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi bl-għan li jissaħħu l-istituzzjonijiet Ewropej u biex iċ-ċittadini tal-UE jitħeġġu jkunu aktar involuti fil-ħajja politika Ewropea; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jikkomunikaw aħjar mal-ġenerazzjonijiet iktar żagħżugħa u l-pjattaformi għad-dibattitu tagħhom; jemmen li azzjonijiet aktar b'saħħithom huma wkoll possibbli biex iċ-ċittadini tal-UE jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom, jiġi sfruttat il-potenzjal tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u jissaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman tal-UE;

47.

Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tressaq proposti dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li jitqies ir-rapport li jmiss tal-Parlament; jemmen li hija għandha tkompli wkoll tagħmel progress favur l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni u tindirizza l-isfidi ġuridiċi pendenti;

48.

Jitlob lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jaħdmu bla heda ħalli jintlaħqu l-ogħla standards possibbli tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità u biex jikkumbattu l-kunflitti ta' interess;

49.

Jinsab impenjat li juża l-għodod u r-riżorsi kollha tiegħu sabiex jaġixxi bħala forza mexxejja fi proċess demokratiku mġedded lejn ir-riforma tal-Unjoni Ewropea;

o

o o

50.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0294.