9.3.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 91/6 |
P8_TA(2016)0291
Segwitu tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar is-segwitu tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) (2015/2281(INI))
(2018/C 091/02)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), |
— |
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha, |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET2020”) (1), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni tal-2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020) – “L-Edukazzjoni u t-Taħriġ f'Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklussiva” (2), |
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tas-26 ta' Awwissu 2015 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Abbozz tar-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (ET2020) – Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ” (COM(2015)0408), |
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020) – “Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ” (3), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 u tad-29 ta' Novembru 2011 dwar punt ta' riferiment għall-mobbiltà għat-tagħlim (4), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2010 dwar l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli (5), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2014 dwar “l-Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ – reazzjoni għar-Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013” (6), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema (7), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ (8), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ (9), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni primarja fit-trawwim tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenza diġitali (10), |
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel u l-promozzjoni tas-suċċess fl-iskola (11), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar” (COM(2012)0669), |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (12), |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim ta' matul il-ħajja (13), |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-laqgħa informali tal-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta' Marzu 2015 dwar il-promozzjoni tal-edukazzjoni fiċ-ċittadinanza u fil-valuri komuni tal-libertà, tat-tolleranza u tan-nondiskriminazzjoni (id-“Dikjarazzjoni ta' Pariġi”) (14), |
— |
wara li kkunsidra l-“Konklużjonijiet ta' Riga”, adottati fit-22 ta' Ġunju 2015 mill-Ministri responsabbli mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (15), |
— |
wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-3 ta' Lulju 2008 bit-titolu "Migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta' edukazzjoni tal-UE (COM(2008)0423), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport mfassal fi Frar 2010 għall-Kummissjoni mill-Grupp ta' Esperti dwar Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda bl-isem ta' “New Skills for New Jobs: Action Now” (Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: Azzjoni Issa) (16), |
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta' edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà (17), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tas-Sitt Forum bejn l-Universitajiet u l-Impriżi ta' Marzu 2015 (18), |
— |
wara li kkunsidra l-previżjoni ta' ħiliet tas-CEDEFOP għall-2012, “Future skills supply and demand in Europe” (Offerta u domanda ta' ħiliet futuri fl-Ewropa) (19), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ (20) u tat-28 ta' April 2015 dwar is-segwitu għall-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja (21), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla (22), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar il-programm Erasmus+ u strumenti oħra sabiex titrawwem il-mobilità fl-ETV – approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja (23), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0176/2016), |
A. |
billi r-riferimenti kollha għall-“edukazzjoni u taħriġ” għandhom jitqiesu li jħaddnu l-forom formali, mhux formali u informali, minħabba n-natura komplementari tagħhom fit-tranżizzjoni lejn soċjetà ta' tagħlim u r-rwol tagħhom fl-indirizzar tal-gruppi fil-mira speċifiċi, u b'hekk jiffaċilitaw l-inklużjoni tal-persuni b'inqas opportunitajiet edukattivi; |
B. |
billi l-edukazzjoni u t-taħriġ ma għandhomx jiġu mmirati biss lejn il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, iżda għandhom jikkostitwixxu valur fihom infushom, peress li l-edukazzjoni għandha rwol daqstant importanti fl-iżvilupp ta' virtujiet etiċi u ċiviċi i tal-valuri umanistiċi intiżi b'mod wiesa', kif minqux fit-Trattati, u biex jissaħħu l-prinċipji demokratiċi li fuqhom hi msejsa l-Ewropa; |
C. |
billi l-edukazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp personali, għar-rispett reċiproku u għat-tkabbir taż-żgħażagħ, biex isiru ċittadini proattivi, responsabbli u konxji, b'kompetenzi ċiviċi, soċjali, interkulturali trasversali, kif ukoll professjonisti kwalifikati; |
D. |
billi l-edukazzjoni għandha titqies bħala dritt fundamentali tal-bniedem u beni pubbliku li għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd; |
E. |
billi l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol importanti x'jiżvolġu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u billi t-twessigħ tal-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja jista' jiftaħ possibilitajiet ġodda għall-persuni bi ftit kwalifiki, għal min hu qiegħed, għall-persuni bi bżonnijiet speċjali, għall-anzjani u għall-migranti; |
F. |
billi l-edukazzjoni u t-taħriġ inklużivi u ta' kwalità għolja huma essenzjali għall-iżvilupp kulturali, ekonomiku u soċjali tal-Ewropa; |
G. |
billi l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa għandhom jikkontribwixxu għal strateġiji u inizjattivi tal-UE, fosthom l-istrateġija Ewropa 2020, l-inizjattiva tas-Suq Uniku Diġitali, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa; |
H. |
billi mhux l-Istati Membri kollha jħabbtu wiċċhom mal-istess tip u livell ta' sfidi, u dan ifisser li kwalunkwe rakkomandazzjoni proposta fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tkun flessibbli u tqis il-fatturi ekonomiċi, soċjali, demografiċi, kulturali u ta' tip ieħor f'livell nazzjonali u reġjonali, filwaqt li jimmiraw ukoll li jtejbu s-sitwazzjoni globali tal-UE fl-intier tagħha; |
I. |
billi l-kooperazzjoni ET2020, filwaqt li tirrispetta l-kompetenza tal-Istati Membri, għandha tikkomplementa azzjonijiet nazzjonali u tappoġġa l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ; |
J. |
billi l-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali għandhom jitqiegħdu fuq livell ugwali permezz ta' taħlita ta' politiki mmirata li tikseb distribuzzjoni aktar ġusta ta' għarfien fost il-popolazzjoni biex jiġi indirizzat id-distakk ikbar fl-introjtu li jidher li hu effett sekondarju tat-tkabbir teknoloġiku bbażat fuq il-ħiliet; |
K. |
billi investiment effikaċi f'edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità huwa sors ta' tkabbir sostenibbli; |
L. |
billi l-livelli baxxi eżistenti ta' għarfien u ħiliet bażiċi huma inkwetanti u jeħtieġ li l-edukazzjoni primarja u sekondarja tipprovdi l-bażi meħtieġa għal tagħlim ulterjuri u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol; |
M. |
billi x-xejriet li jindikaw nuqqas ta' ħiliet bażiċi fost l-adulti joħolqu l-ħtieġa li jissaħħaħ it-tagħlim għall-adulti, li hija għodda għat-titjib fil-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid fil-ħiliet; |
N. |
billi fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2014 il-Kummissjoni hi tal-fehma li f'termini ta' nefqa, l-Istati Membri jeħtieġu li jsibu modi kif jipproteġu jew jippromwovu investiment fit-tul fl-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-enerġija u l-azzjoni klimatika u li huwa essenzjali li jsir investiment fil-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja; |
O. |
billi l-baġits pubbliċi għadhom taħt pressjoni qawwija, u diversi Stati Membri qaċċtu l-ispejjeż tagħhom fl-edukazzjoni u t-taħriġ u issa huwa neċessarju li l-investimenti ulterjuri f'dan il-qasam isiru aktar effiċjenti bħala fattur deċiżiv għall-produttività, il-kompetittività u t-tkabbir; |
P. |
billi, minkejja li tjiebu r-riżultati marbuta mal-ksib tal-objettivi ET2020 fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja jeżisti tħassib dwar l-effiċjenza tal-investimenti fl-edukazzjoni min-naħa tal-Istati Membri, l-attenzjoni prijoritarja għall-indikaturi kwantitattivi, il-kundizzjonijiet tat-tagħlim u l-kwalità tat-tagħlim, deklin tal-libertà akkademika u xettiċiżmu fil-konfront ta' ċerti aspetti tal-proċess ta' Bolonja u tal-implimentazzjoni tiegħu f'ċerti pajjiżi; |
Q. |
billi l-Monitor ET2020 juri li l-isfida ewlenija li qegħdin inħabbtu wiċċna magħha llum hija l-faqar tal-edukazzjoni u l-inklużjoni skarsa ta' dawk li jkunu ġejjin minn ambjenti soċjoekonomiċi żvantaġġati, u dan jeħtieġ attenzjoni soċjali akbar biex jinkisbu l-objettivi ET 2020, jitjieb il-livell ta' inklużjoni u l-kwalità tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ; |
Il-Qafas Strateġiku ET 2020
1. |
Jilqa' b'sodisfazzjon l-eżerċizju ta' valutazzjoni ET2020 u jissottolinja l-bżonn li jitqiesu l-konklużjonijiet tiegħu u li jiġu implimentati fil-pront, bil-għan li jiżdied il-valur miżjud u tkun ottimizzata l-effikaċja tal-qafas, tissaħħaħ l-importanza tal-karatteristiċi ta' kull pajjiżi individwali u t-tagħlim reċiproku; |
2. |
Jiddispjaċih bil-problemi kbar f'termini ta' kwalità, aċċessibilità u diskriminazzjoni soċjoekonomika li għadhom ma ġewx solvuti fl-edukazzjoni u taħriġ u jemmen li hija neċessarja azzjoni politika aktar ambizzjuża, koordinata u effikaċi fil-livell Ewropew u nazzjonali; |
3. |
Itenni l-importanza tad-Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni tal-edukazzjoni fiċ-ċittadinanza u fil-valuri komuni tal-libertà, tat-tolleranza u tan-nondiskriminazzjoni, adottata f'Pariġi f'Marzu 2015; |
4. |
Jilqa' favorevolment il-fatt li tnaqqas għal sitta n-numru tal-oqsma politiċi ET2020 li jelenkaw temi speċifiċi li minn fosthom l-Istati Membri jistgħu jagħżlu skont l-esiġenzi u l-kundizzjonijiet tagħhom, iżda josserva li jeħtieġ li jissaħħu l-effikaċja u l-aspett operattiv tal-ET2020 u jiġi adottat programm ta' ħidma; |
5. |
Jilqa' l-proposta għall-estensjoni taċ-ċiklu ta' ħidma minn tliet snin għal ħamsa, sabiex jiġu implimentati aħjar l-għanijiet strateġiċi fit-tul u jkun hemm ħidma fuq kwistjonijiet bħalma huma n-nuqqas ta' progress tal-istudenti f'ċerti oqsma ta' studju, ir-rati baxxi ta' parteċipazzjoni fit-tagħlim tal-adulti, it-tluq bikri mill-iskola, l-inklużjoni soċjali, l-involviment ċiviku, id-differenzi bejn is-sessi u r-rati tal-impjegabilità tal-gradwati; |
6. |
Jilqa' pożittivament il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' Gruppi ta' Ħidma ET2020, u jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-rappreżentanza tal-partijiet interessati differenti f'dawn il-gruppi, partikolarment bl-inklużjoni ta' aktar esperti fl-edukazzjoni, ħaddiema żgħażagħ, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, għalliema u membri tal-fakultajiet li l-esperjenza fil-prattika tagħhom hija essenzjali biex jinkisbu l-għanijiet ta' ET2020; jenfasizza l-bżonn ta' divulgazzjoni aħjar tal-konklużjonijiet tal-gruppi, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u f'dak tal-UE; |
7. |
Jilqa' t-tisħiħ tar-rwol ta' tmexxija tal-entitajiet informali fi ħdan l-ET2020, kif ukoll il-ħolqien ta' ċirkwiti ta' feedback li jlaqqgħu lill-Grupp ta' Livell Għoli, id-Direttur Ġenerali għar-raggruppamenti u l-Gruppi ta' Ħidma; jirrikonoxxi r-rwol li jiżvolġu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-involviment mal-partijiet interessati lokali, reġjonali u nazzjonali u ċ-ċittadini dwar kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u jitlob li dawn jirċievu appoġġ finanzjarju tagħhom fl-ambitu ta' Erasmus+ (KA3) u tal-Fond Soċjali Ewropew; |
8. |
Jitlob il-ħolqien ta' korp ta' koordinament informali li għandu jinkludi d-Direttur Ġenerali tad-DĠ Edukazzjoni u Kultura tal-Kummissjoni (DĠ EAC), id-Diretturi responsabbli mill-edukazzjoni f'DĠ oħrajn, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, tas-sħab soċjali u tal-Kumitat tal-Parlament għall-Kultura u l-Edukazzjoni, u li jorganizza laqgħat ta' livell għoli biex jiġu żgurati l-koordinament tal-ħidma, il-koerenza tal-politiki u s-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-korpi formali u informali tal-ET2020; jemmen li tali koordinament huwa neċessarju minħabba t-tħassib għan-nuqqas ta' djalogu veru bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-tqassim tal-kompetenzi ET 2020 fost bosta DĠ tal-Kummissjoni u l-Kummissarji; jitlob li l-konklużjonijiet ta' din il-ħidma jkunu kkomunikati b'mod xieraq, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali; |
9. |
Itenni li, minkejja li huwa importanti l-ksib tal-ħiliet f'termini ta' impjegabilità, jixraq li jkunu difiżi l-valur, il-kwalità u l-użu prattiku tal-għarfien u r-rigorożità akkademika; jenfasizza li, fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjoekonomika differenti u d-drawwiet edukattivi differenti tal-Istati Membri, jeħtieġ li jkunu evitati approċċi preskrittivi uniformi; jissottolinja li l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa li jmiss, hija u tikkonċentra bir-raġun fuq l-isfidi ekonomiċi u tal-impjiegi, għandha wkoll taffronta l-importanza tal-għarfien tas-suġġetti, tar-riżultati akkademiċi, tal-ħsieb kritiku u tal-kreattività; jistieden, fl-istess ħin, lill-Istati Membri jappoġġaw inizjattivi li fihom l-istudenti jkunu jistgħu juru ħiliethom quddiem il-pubbliku u l-impjegaturi potenzjali; |
10. |
Jirrimarka dwar ir-riskji marbutin mar-radikalizzazzjoni li qed tikber, il-vjolenza, il-bullying u l-problemi tal-mġiba li jkunu diġà bdew fil-livell primarju; jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka fil-livell tal-UE u tippreżenta ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha, u tindika r-reazzjoni tagħhom għal dawn ix-xejriet u jekk Istati Membri inkludewx u kif inkludew l-edukazzjoni etika, personali u soċjali fil-kurrikuli tagħhom bħala strument li s'issa rnexxa f'ħafna skejjel, inkluż l-appoġġ għall-għalliema fir-rigward tal-ħiliet orizzontali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki f'dan il-qasam; |
11. |
Jindika l-valur ta' approċċ ibbażat fuq il-komunità għall-edukazzjoni formali, mhux formali u informali u ta' rabtiet b'saħħithom bejn l-ambjenti ta' tagħlim u l-familji; |
12. |
Jappella għal parteċipazzjoni akbar tal-atturi rilevanti kollha fil-ħidma tal-ET2020; |
13. |
Huwa tal-fehma li l-istudenti nfushom għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw b'mod attiv fil-governanza tal-istrutturi tat-tagħlim tagħhom, f'kull età u f'kull tip ta' tagħlim; |
14. |
Jinkoraġġixxi lill-Istati membri jsaħħu r-rabtiet bejn l-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV), l-istituti ta' riċerka u s-settur ekonomiku, u jiggarantixxu l-involviment tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili; josserva li din is-sħubija se ssaħħaħ l-impatt tal-ET2020 u r-rilevanza tas-sistemi ta' tagħlim biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' innovazzjoni tal-Ewropa; |
15. |
Jenfasizza li l-istrateġiji ta' komunikazzjoni skola-ġenituri u l-programmi għall-iżvilupp tal-karattru u programmi oħra ta' żvilupp personali, implimentati f'kuntesti ta' tagħlim f'kooperazzjoni mal-familji u ma' sħab soċjali rilevanti oħrajn, jistgħu jikkontribwixxu biex tissaħħaħ il-konverġenza soċjali, tkun promossa ċ-ċittadinanza attiva u l-valuri Ewropej minquxa fit-Trattati kif ukoll tkun evitata r-radikalizzazzjoni; jissottolinja li ambjent domestiku favorevoli huwa kruċjali fit-tiswir tal-profiċjenza fil-ħiliet bażiċi tat-tfal u jindika l-valur tal-korsijiet għall-ġenituri li jistgħu jkunu effikaċi fil-ġlieda kontra l-faqar fl-edukazzjoni; |
16. |
Jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki fi ħdan il-qafas tal-ET2020; |
17. |
Jenfasizza li l-kooperazzjoni permezz tal-ET2020 fundamentalment tikkomplementa miżuri nazzjonali, bħalma huma t-tagħlim reċiproku, il-ġbir ta' data, il-gruppi ta' ħidma u l-ikambji tal-aħjar prattiki nazzjonali, li se jissaħħu permezz ta' titjib fit-trasparenza u fil-koordinament tagħhom u fit-tixrid tar-riżultati tagħhom; |
18. |
Jissottolinja l-importanza tal-parteċipazzjoni ta' assoċjazzjonijiet esterni u NGOs fi ħdan l-iskejjel biex jagħtu lit-tfal aktar ħiliet u kompetenzi soċjali, bħall-arti jew l-attivitajiet manwali, u b'hekk jgħinu l-integrazzjoni, il-fehim aħjar tal-ambjent, is-solidarjetà fit-tagħlim u fil-ħajja u jiffaċilitaw il-kompetenzi ta' tagħlim tal-klassijiet sħaħ; |
19. |
Jinsab imħasseb li l-kwalità tat-tagħlim u tat-taħriġ tal-għalliema f'ċerti Stati Membri tal-UE qiegħda taqa' lura f'termini ta' firxa u kumplessità, fir-rigward tal-kompetenzi neċessarji biex dak li jkun jgħallem illum il-ġurnata, eż. meta jkollu x'jaqsam ma diversità dejjem akbar ta' studenti, l-użu ta' pedagoġiji innovattivi u l-għodda tal-ICT; |
20. |
Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jadattaw il-programmi inizjali tagħhom ta' taħriġ u ta' żvilupp permanenti tal-għalliema f'attività, jisfruttaw bl-aħjar mod l-attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri u jippromwovu l-kooperazzjoni u s-sħubijiet bejn l-istituti ta' taħriġ tal-għalliema u l-iskejjel; |
21. |
Jilqa' favorevolment il-prijorità l-ġdida tal-ET2020 li tipprevedi t-titjib tas-sostenn għall-għalliema u li jissaħħaħ l-istatus tagħhom, li huwa essenzjali sabiex ikunu jistgħu jiksbu r-rispett meħtieġ, u b'hekk il-professjoni tagħhom issir aktar attraenti; huwa tal-fehma li, biex dan l-objettiv jinkiseb ikunu jinħtieġu preparazzjoni u taħriġ aħjar tal-għalliema u titjib tal-kundizzjonijiet ta' xogħol tagħhom, inkluż iż-żieda fis-salarji f'ċerti Stati Membri, billi l-għalliema ġeneralment jaqalgħu inqas mill-paga medja li jaqalgħu l-gradwati; |
22. |
Josserva bi tħassib li fi wħud mill-Istati Membri, speċjalment fil-pajjiżi f'diffikultà, il-preparazzjoni tal-għalliema u l-kwalità tal-edukazzjoni marru għall-agħar minħabba n-nuqqas ta' persunal u tat-tqaċċit fl-edukazzjoni; |
23. |
Jirrimarka li l-għoti ta' edukazzjoni u taħriġ miftuħin u innovattivi huwa qasam prijoritarju fl-ET2020; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati u promossi l-innovazzjoni u l-flessibilità fil-metodi ta' tagħlim u t-trasferiment tal-għarfien, li fihom l-individwi huma parteċipanti attivi; |
24. |
Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal li joffru d-diġitalizzazzjoni, l-ICTs u t-teknoloġiji l-ġodda, inkluż l-użu ta' pjattaformi open data u ta' korsijiet online miftuħin (MOOCs), biex jitjiebu l-kwalità u l-aċċessibilità tat-tagħlim; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-kompetenzi diġitali u tal-ICTs, anke permezz tal-organizzazzjoni ta' taħriġ speċifiku għall-użu ta' dawn l-istrumenti maħsuba għall-għalliema u għall-istudenti fil-livell ta' skejjel u universitajiet; jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-kooperazzjoni transkonfinali msaħħa f'dan il-qasam; |
25. |
Ifaħħar l-attenzjoni mogħtija mill-Kummissjoni lill-importanza tal-ħiliet diġitali; jissottolinja li għat-tħejjija taż-żgħażagħ għas-seklu XXI dawn il-ħiliet huma essenzjali; |
26. |
Jissottolinja li għandha tingħata attenzjoni akbar lit-titjib tar-riżultati tat-tagħlim relattivament għar-riżorsi disponibbli fi ħdan il-qafas tal-ET2020, b'mod partikolari fir-rigward tat-tagħlim għall-adulti; |
27. |
Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrevedu r-regoli eżistenti fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ finanzjati mill-istrumenti finanzjarji Ewropej, b'enfasi aktar b'saħħitha fuq il-valutazzjoni tal-impatt ibbażata fuq il-kwalità u r-riżultati tagħhom meta mqabbla mal-prijoritajiet ET2020 li jkunu ġew rispettati; |
28. |
Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw, permezz ta' boroż ta' studju u ta' self, dawk il-perkorsi edukattivi u ta' studju li l-istruttura tagħhom tgħinhom biex jonqos id-distakk bejn l-edukazzjoni u l-ħtiġijiet prattiċi; |
29. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-isforzi jiġu kkonċentrati b'mod aħjar fil-qasam tal-edukazzjoni u taħriġ permezz tat-tagħqid u tas-semplifikazzjoni ta' programmi u inizjattivi eżistenti; |
30. |
Jistieden lill-Kummissjoni, meta jkun xieraq, tittratta l-gruppi minoritarji b'mod separat u diskret sabiex tirreaġixxi aħjar għall-problemi rispettivi li jħabbat wiċċu magħhom kull grupp; |
31. |
Jemmen bis-sħiħ li l-investiment fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC), imfassla b'mod xieraq għal-livell ta' sensittività u ta' maturità ta' kull pubbliku destinatarju, iġib riżultati aħjar mill-investiment fi kwalunkwe fażi oħra tal-edukazzjoni; jirrimarka li ntwera bil-provi li l-investiment fis-snin bikrin tal-edukazzjoni jnaqqas l-ispejjeż aktar tard; |
32. |
Jemmen ukoll li s-suċċess tal-edukazzjoni fil-livelli kollha jiddependi minn għalliema mħarrġa sew, u mit-taħriġ professjonali tagħhom li jkun javvanza kontinwament, u għaldaqstant ikun jeħtieġ investiment suffiċjenti fit-taħriġ tal-għalliema; |
Kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ
33. |
Jitlob li tingħata attenzjoni akbar lill-kwalità tal-edukazzjoni li tibda mill-kindergarten u tibqa' għaddejja tul il-ħajja; |
34. |
Jagħmel appell għall-iżvilupp ta' prattiki tajba fil-valutazzjoni tal-progress kwalitattiv u tal-investimenti fl-użu ta' data ta' kwalità mal-partijiet interessati f'livell lokali, reġjonali u nazzjonali, minkejja l-importanza tal-indikaturi u tal-parametri ta' riferiment użati fil-qafas ET2020; |
35. |
Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tal-ħiliet bażiċi ġenerali bħall-ICTs, il-matematika, il-ħsieb kritiku, il-lingwi barranin, il-mobilità, eċċ., li jippermettu liż-żgħażagħ jadattaw faċilment għall-ambjent soċjali u ekonomiku li qed jinbidel; |
36. |
Josserva n-numru bla preċedent tal-istudenti involuti fl-edukazzjoni formali; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-livell ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE għadu għoli u r-rata ta' impjieg tal-gradwati naqset; |
37. |
Jenfasizza li l-miri tal-punti ta' riferiment dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020, inkluż, b'mod partikolari, it-tnaqqis fir-rata ta' tluq bikri mill-iskola għal inqas minn 10 % u l-kisba ta' ċifra ta' 40 % tal-ġenerazzjoni żagħżugħa b'lawrja terzjarja, m'għandhomx jintlaħqu għad-detriment tal-kwalità fl-edukazzjoni, iżda pjuttost għandhom jiġu sodisfatti billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ewwel mira ET 2020 ta' “ħiliet u kompetenzi rilevanti u ta' kwalità għolja”; jinnota li mod wieħed kif dan jista' jinkiseb huwa permezz tal-iżvilupp ta' proġetti ta' edukazzjoni doppja; |
38. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-testijiet standardizzati u l-approċċi kwantitattivi għall-rendikont edukattiv l-aktar l-aktar ikejlu firxa limitata ta' kompetenzi tradizzjonali, u jista' jkollhom il-konsegwenza li l-iskejjel ikollhom jadattaw is-sillabi tat-tagħlim għall-materjal tat-test, u b'hekk jittraskuraw il-valuri intrinsiċi tal-edukazzjoni; jindika li l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol importanti fl-iżvilupp ta' kwalitajiet etiċi u ċivili u sens ta' umanità, filwaqt li x-xogħol tal-għalliema u l-kisbiet tal-istudenti f'dan il-qasam huma injorati mir-riżultati tat-testijiet; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa ta' flessibilità, innovazzjoni u kreattività f'xenarji edukattivi li jistgħu jagħtu spinta lill-kwalità u l-kisbiet edukattivi; |
39. |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati ħiliet bażiċi biex tinkiseb edukazzjoni ta' kwalità; |
40. |
Jenfasizza l-importanza li tingħata edukazzjoni bikrija ta' kwalità għolja u tal-modernizzazzjoni f'waqtha tagħha; jenfasizza r-rwol kruċjali ta' approċċ ċentrat fuq l-individwu fis-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ li jkun ta' benefiċċju għall-iżvilupp tal-kreattività u l-ħsieb kritiku, filwaqt li ssir enfasi fuq l-interessi personali, il-bżonnijiet u l-kapaċitajiet tal-istudenti; |
41. |
Jistieden lill-Istati Membri jidderieġu l-investimenti fl-edukazzjoni inklużiva, li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà sabiex jiġu żgurati aċċess indaqs u opportunitajiet għal kulħadd; jenfasizza li l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità, inklużi l-opportunitajiet u programmi ta' tagħlim tul il-ħajja li jindirizzaw kull forma ta' diskriminazzjoni, inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali u l-kawżi tal-esklużjoni huma essenzjali biex jittejbu l-koeżjoni soċjali u l-ħajja ta' żgħażagħ li jbatu minn żvantaġġi mil-lat soċjali u ekonomiku, kif ukoll il-persuni minn gruppi minoritarji, u jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi kontinwi biex titnaqqas ir-rata tagħhom ta' tluq bikri mill-iskola; |
42. |
Jitlob inklużjoni akbar fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex tieħu ħsieb il-persuni b'diżabilità jew bi bżonnijiet speċjali, u fl-istess ħin iħeġġeġ li t-taħriġ tal-għalliema jiġi mtejjeb sabiex l-għalliema jingħataw il-ħiliet biex ikunu kapaċi jinkludu, jintegraw u jassistu lill-istudenti b'diżabilitajiet; |
43. |
Jenfasizza li l-effetti indiretti tal-proċess ta' Bolonja u l-mobilità tal-istudenti għandhom jiġu eżaminati u vvalutati; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu sforz akbar biex jilħqu l-objettivi u jiżguraw l-implimentazzjoni tar-riformi miftiehma fil-qafas tal-proċess ta' Bolonja u l-programmi ta' mobilità, u biex jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu flimkien b'mod aktar effettiv biex jikkoreġu n-nuqqasijiet tagħhom bil-għan li jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tal-istudenti u tal-komunità akkademika kollha kemm hi, u jistimulaw u jappoġġaw titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni ogħla; |
44. |
Jiffavorixxi involviment usa' tal-komunità universitarja fiċ-ċiklu ta' ħidma tal-ET2020; |
45. |
Jinnota li l-proċess ta' Bolonja kien il-forza li wasslet għal kisbiet sinifikanti u hu tal-fehma li l-istituti edukattivi għandhom japplikaw il-flessibilità meta jużaw moduli u tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS); |
46. |
Jilqa' l-isforzi biex tiżdied ir-reġistrazzjoni għal dixxiplini STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika), imma mhux askapitu tal-istudji umanistiċi li huma indispensabbli biex isir użu tajjeb tal-opportunitajiet ippreżentati mid-dixxiplini STEM; |
47. |
Jenfasizza li l-kisba ta' riżultati finanzjarji ma għandhiex tkun prerekwiżit għall-attivitajiet akkademiċi kollha u f'dan ir-rigward jitlob li jsiru sforzi biex jiġi żgurat li l-istudji umanistiċi ma jirriskjawx li jiġu kkanċellati mix-xenarju tar-riċerka; |
48. |
Jiffavorixxi approċċ aktar olistiku li jenfasizza l-importanza ta' varjetà ta' dixxiplini fl-edukazzjoni u r-riċerka; |
49. |
Jappoġġa bidla lejn approċċ fejn il-programmi ta' mobilità jiġu maħsuba f'termini ta' riżultati kwalitattivi li jirrispondu għall-prijoritajiet u jservu objettivi ta' tagħlim u taħriġ stabbilti; jitlob implimentazzjoni xierqa tal-proposti tal-Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobilità u użu aħjar tal-għodod kollha disponibbli biex jippreparaw lill-istudenti għat-tip l-aktar xieraq ta' mobilità li jkollhom bżonn; iħeġġeġ lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ta' internazzjonalizzazzjoni f'pajjiżhom biex l-istudenti li jippreferu li ma jipparteċipawx f'mobilità barra jingħataw dimensjoni internazzjonali matul l-istudji tagħhom; |
50. |
Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi żgurata aċċessibilità ta' opportunitajiet ta' mobilità fit-taħriġ vokazzjonali, għal żgħażagħ żvantaġġati u persuni vittmi ta' forom differenti ta' diskriminazzjoni; jenfasizza r-rwol importanti tal-programmi ta' mobilità bħal Erasmus+ fl-istimolu tal-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi trasversali fost iż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li l-Aġenda Ewropea Mġedda għat-tagħlim tal-adulti tissaħħaħ; |
51. |
Jenfasizza l-importanza ta' qafas globali ta' rikonoxximent ta' kwalifiki u diplomi bħala essenzjali biex tiġi żgurata mobilità edukattiva u mobilità tax-xogħol fuq skala transkonfinali; |
52. |
Jitlob li jkun hemm aktar sforzi fil-validazzjoni ta' tagħlim formali u informali, inklużi s-servizzi volontarji, u għall-iżvilupp ta' strumenti ta' rikonoxximent tal-għarfien u l-kompetenzi miksuba b'mod diġitali; |
53. |
Jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu ssimplifikati u rrazzjonalizzati l-istrumenti eżistenti tal-UE dwar il-ħiliet u l-kwalifiki li huma diretti lejn il-pubbliku inġenerali, biex b'hekk dan ikun jista' jintlaħaq iżjed, f'konformità mar-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni li sar fl-2014 bit-titolu “European Area of Skills and Qualification” (“Żona Ewropea ta' Ħiliet u l-Kwalifiki”); |
Migrazzjoni u edukazzjoni
54. |
Jenfasizza li l-isfidi għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jġibu magħhom il-migrazzjoni intra-Ewropea u extra-Ewropea u l-kriżi attwali tar-rifuġjati u l-kriżi umanitarja għandhom jiġu indirizzati fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali; |
55. |
Jenfasizza li n-nuqqas li l-migranti, ir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil jingħataw edukazzjoni u taħriġ se jinfluwenza b'mod negattiv l-impjegabilità futura tagħhom, l-iżvilupp tagħhom ta' għarfien tal-valuri kulturali u soċjali tal-pajjiż ospitanti tagħhom, u, finalment, l-integrazzjoni u l-kontribut tagħhom lis-soċjetà; |
56. |
Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali sabiex jinstab l-aħjar approċċ biex ir-rifuġjati u l-migranti jiġu integrati rapidament, bis-sħiħ u b'mod sostenibbli fis-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ; |
57. |
Jilqa' d-deċiżjoni tal-integrazzjoni tal-edukazzjoni tal-migranti fix-xogħol tal-Gruppi ta' Ħidma tal-ET2020 u biex jiġu organizzati attivitajiet ta' tagħlim rispettivi bejn il-pari fil-ħajja inizjali tagħhom; |
58. |
Jenfasizza l-ħtieġa li l-ministeri tal-edukazzjoni tal-Istati Membri u d-DĠ EAC tal-Kummissjoni jikkooperaw sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, b'mod partikolari billi jilħqu l-aktar persuni żvantaġġati u persuni bi sfondi differenti, inklużi l-migranti li jkunu għadhom kif jaslu, u billi jintegrawhom f'ambjent pożittiv għat-tagħlim; |
59. |
Jitlob miżuri Ewropej biex jiġu integrati tfal migranti, rifuġjati jew li jfittxu asil ġewwa u barra l-Ewropa f'sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ u biex jiġu megħjuna jadattaw għall-kurrikuli u l-istandards tat-tagħlim tal-Istat Membru ospitanti billi jappoġġaw metodi innovattivi ta' tagħlim u jipprovdu lit-tfal b'assistenza fil-lingwa, u jekk meħtieġ, assistenza soċjali, kif ukoll jgħinuhom isiru midħla tal-kultura u l-valuri tal-pajjiż ospitanti filwaqt li jippreżervaw il-wirt kulturali tagħhom stess; |
60. |
Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkunsidraw il-possibilitajiet li jintegraw l-għalliema u l-akkademiċi migranti fis-sistemi edukattivi Ewropej u li jużaw il-ħiliet u l-esperjenzi tal-lingwa u t-tagħlim tagħhom bi skop pożittiv; |
61. |
Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-awtoritajiet edukattivi joffru pariri u appoġġ lit-tfal migranti, rifuġjati u li jfittxu asil li jippruvaw jiksbu aċċess għas-servizzi tal-edukazzjoni permezz tal-għoti ta' informazzjoni ċara u punti ta' kuntatt viżibbli; |
62. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li nofs il-ħarrieġa tal-għalliema fil-pajjiżi tal-OECD jħossu li s-sistemi ta' taħriġ tal-għalliema ma jħejjuhomx biżżejjed biex jimmaniġġjaw id-diversità tagħhom b'mod effettiv, u jħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jiggarantixxu appoġġ professjonali kontinwu għall-għalliema f'dan il-qasam, billi jingħataw il-kompetenzi pedagoġiċi meħtieġa dwar temi ta' migrazzjoni u akkulturazzjoni u jippermettulhom jużaw id-diversità bħala riżorsa għanja għat-tagħlim fil-klassijiet; huwa favur użu aħjar tal-potenzjal ta' attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri; |
63. |
Jappoġġa l-idea li jinħolqu uffiċċji ta' assistenza u linji gwida għall-għalliema li joffrulhom appoġġ f'waqtu fil-ġestjoni ta' tipi varji ta' diversità b'mod pożittiv u li jippromwovu d-djalogu interkulturali fil-klassi, kif ukoll gwida meta kkonfrontati bi studenti fir-riskju li jiġu radikalizzati; |
64. |
Jitlob il-ħolqien ta' sinerġiji differenzjati bejn il-Gruppi ta' Ħidma ET2020 u n-netwerks bħall-Grupp ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN); |
65. |
Jitlob it-twaqqif ta' Grupp ta' Esperti rilevanti kif previst fil-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2016-2018; |
66. |
Jenfasizza l-bżonn ta' aktar programmi ta' tagħlim ibbażati fuq il-lingwa; |
67. |
Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu sforzi sabiex jiżviluppaw malajr u jimplimentaw mekkaniżmi biex itejbu l-fehim u l-identifikazzjoni tal-kwalifiki tal-migranti, ir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil, billi ħafna li jidħlu fl-UE jiġu mingħajr ebda prova tal-kwalifiki formali tagħhom; |
68. |
Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw kif forom eżistenti ta' rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali jistgħu jiġu żviluppati, inklużi verifiki xierqa tal-isfond edukattiv; |
69. |
Jemmen li t-tagħlim mhux formali u informali għandu l-potenzjal li jkun għodda effettiva biex tirnexxi l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà; |
70. |
Jenfasizza r-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll tal-parteċipazzjoni f'attivitajiet sportivi u ta' volontarjat, fl-istimolazzjoni tal-iżvilupp tal-kompetenzi ċiviċi, soċjali u interkulturali; jenfasizza l-fatt li xi pajjiżi għamlu progress sinifikanti fl-iżvilupp ta' oqfsa ġuridiċi rilevanti, filwaqt li oħrajn għandhom diffikultajiet biex joħolqu strateġiji komprensivi ta' validazzjoni; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji komprensivi biex il-validazzjoni ssir possibbli; |
71. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw miżuri għal migranti, rifuġjati u studenti li qed ifittxu asil li jinkitbu f'istituzzjonijiet ta' livell universitarju, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali u l-kompetenzi dwar l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ; jilqa' l-inizjattivi adottati f'dan ir-rigward minn numru ta' universitajiet Ewropej, u jħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prassi f'dan il-qasam; |
72. |
Jitlob il-ħolqien ta' “kurituri ta' edukazzjoni” li jagħmluha possibbli għall-istudenti li huma rifuġjati jew li ġejjin minn żoni ta' kunflitt jinkitbu f'universitajiet Ewropej, inkluż għat-tagħlim mill-bogħod; |
73. |
Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni tal-istudenti migranti fil-livelli kollha tal-edukazzjoni; |
74. |
Iqis li l-programm Science4Refugees għandu jiġi evalwat u, jekk ikun meħtieġ, żviluppat ulterjorment; jiffavorixxi appoġġ fil-livell tal-UE u nazzjonali għal istituzzjonijiet mingħajr skop ta' lukru li jipprovdu assistenza lill-akkademiċi migranti, rifuġjati u li qed ifittxu asil fix-xjenza u f'oqsma professjonali oħra; |
75. |
Jinnota li l-“eżodu tal-imħuħ” joħloq riskji għal dawk l-Istati Membri, speċjalment fl-Ewropa Ċentrali/tal-Lvant u tan-Nofsinhar, fejn numru dejjem akbar ta' żgħażagħ gradwati qed ikollhom jemigraw; jesprimi tħassib dwar il-fatt li Gruppi ta' Ħidma tal-ET2020 mhux qed jirnexxilhom jindirizzaw b'mod adegwat il-kunċett ta' mobilità żbilanċjata, u jisħaq fuq il-bżonn li tiġi indirizzata l-problema fil-livell nazzjonali u tal-UE; |
76. |
Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati d-differenzi bejn is-sessi u li jiġu rikonoxxuti l-bżonnijiet partikolari tan-nisa żgħażagħ billi l-perspettiva tas-sessi tiġi inkluża fl-ET2020; jenfasizza li, peress li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija waħda mill-valuri li fuqha ġiet ibbażata l-UE, hemm il-ħtieġa li l-istituzzjonijiet edukattivi kollha japprovaw u jimplimentaw dan il-prinċipju fost l-istudenti tagħhom, bl-għan li jrawmu t-tolleranza, in-nondiskriminazzjoni, iċ-ċittadinanza attiva, il-koeżjoni soċjali u djalogu interkulturali; |
o
o o
77. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(3) ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25.
(4) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 31.
(5) ĠU C 327, 4.12.2010, p. 11.
(7) ĠU C 183, 14.6.2014, p. 22.
(8) ĠU C 183, 14.6.2014, p. 30.
(10) ĠU C 172, 27.5.2015, p. 17.
(11) ĠU C 417, 15.12.2015, p. 36.
(12) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(13) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(14) http://ec.europa.eu/education/news/2015/documents/citizenship-education-declaration_en.pdf
(15) http://ec.europa.eu/education/policy/vocational-policy/doc/2015-riga-conclusions_en.pdf
(16) http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/125en.pdf
(17) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 5.
(18) http://ec.europa.eu/education/tools/docs/university-business-forum-brussels_en.pdf
(19) http://www.cedefop.europa.eu/files/3052_en.pdf
(20) Testi adottati, P8_TA(2015)0292.
(21) Testi adottati, P8_TA(2015)0107.
(22) Testi adottati, P8_TA(2015)0418.
(23) Testi adottati, P8_TA(2016)0107.