15.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 58/159


P8_TA(2016)0130

In-Niġerja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar in-Niġerja (2016/2649(RSP))

(2018/C 058/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja,

wara li kkunsidra d-diskors tal-President Muhammadu Buhari lill-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja, inklużi dawk tad-9 ta' Frar 2015,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/tar-RGħ u tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Federali tan-Niġerja fis-sitt djalogu ministerjali bejn in-Niġerja u l-UE li sar fi Brussell fil-15 ta' Marzu 2016,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill li Boko Haram jiżdied mal-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet identifikati bħala terroristi li daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Mejju 2014,

wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou 2007-2013, irratifikat min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tal-1979,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża fil-Kapitolu IV tagħha – Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,

wara li kkunsidra l-eżitu tal-elezzjonijiet presidenzjali Niġerjani ta' Marzu 2015,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-vjolazzjonijiet u l-abbużi mwettqa minn Boko Haram u l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi milquta, tad-29 ta' Settembru 2015,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU adottati f'Settembru 2015,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, irratifikata min-Niġerja fis-16 ta' April 1991,

wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International “Nigeria: Still waiting for justice, still waiting for change. Government must prioritise accountability in the north-east”,

wara li kkunsidra r-rapport ta' Human Rights Watch ta' Jannar 2016 dwar in-Niġerja,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi bir-riżorsi estensivi tagħha n-Niġerja hija l-akbar ekonomija fl-Afrika u n-nazzjon l-aktar popolat u kulturalment divers tagħha; billi n-Niġerja għandha rwol ewlieni fil-politiki reġjonali u Afrikani u hija mutur għall-integrazzjoni reġjonali permezz tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS); billi, madankollu, hija fost il-pajjiżi fejn hemm l-akbar inugwaljanzi fid-dinja, b'korruzzjoni mifruxa li tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għad-differenzi ekonomiċi u soċjali, u bis-sigurtà tagħha mhedda mill-grupp estremist vjolenti Boko Haram;

B.

billi snin ta' dittatorjat militari, korruzzjoni, instabilità politika u governanza fqira wasslu għal investiment insuffiċjenti fl-infrastruttura, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali tal-pajjiż, u billi dan qed ikompli jimmina d-drittijiet soċjali u ekonomiċi fin-Niġerja;

C.

billi aktar minn sitta minn kull għaxar Niġerjani jgħixu fuq anqas minn USD 2 kuljum; billi dan il-faqar estrem huwa saħansitra aktar akut fl-istati tat-Tramuntana, li huma l-inqas żviluppati fil-pajjiż; billi dan il-faqar jikkontribwixxi direttament għal qasma soċjali, ostilità reliġjuża u diviżjoni reġjonali; billi l-indiċi Gini tan-Niġerja żdied drammatikament u laħaq 48,8 fl-2010;

D.

billi l-organizzazzjoni Transparency International ikklassifikat lin-Niġerja fil-136 post minn 175 pajjiż fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tal-2015 tagħha; billi, skont ċerti stimi, bejn USD 3 biljun u 8 biljun f'żejt Niġerjan jinsterqu annwalment;

E.

billi, minkejja t-tranżizzjoni paċifika għall-poter tal-President Buhari f'Marzu 2015, il-paċi u l-istabilità fin-Niġerja ġew mhedda minn mewġa ta' attakki, qtil u ħtif mill-grupp estremista vjolenti Boko Haram, ekonomija li qed tbatti minħabba prezzijiet globalment baxxi taż-żejt, istituzzjonijiet politiċi dgħajfa, in-nuqqas li tiġi indirizzata l-korruzzjoni u kunflitti mhux solvuti fid-Delta tan-Niger u l-Middle Belt;

F.

whereas Boko Haram killed at least 8 200 civilians in 2014 and 2015; billi huwa stmat li aktar minn 2,6 miljun ruħ ġew spostati u iktar minn 14,8 miljun ġew affettwati minħabba r-rewwixta ta' Boko Haram;

G.

billi t-terroriżmu huwa theddida dinjija, iżda l-kapaċità tal-komunià dinjija li tikkoopera mal-awtoritajiet Niġerjani fil-ġlieda kontra Boko Haram tiddependi fuq il-miżura sħiħa ta' kredibilità, responsabilità u trasparenza tal-amministrazzjoni l-ġdida; billi l-inkapaċità tal-gvern li jeqred l-impunità għad-delitti tal-gwerra fl-ogħla livell tibqa' waħda mill-kwistjonijiet ewlenin f'dan il-pajjiż; billi l-President Buhari wiegħed li jagħti bidu għal investigazzjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet;

H.

billi l-għan ta' Boko Haram hu li jwaqqaf Stat Iżlamiku totali fin-Niġerja, inkluża l-implimentazzjoni tal-qrati kriminali tax-Sharia madwar il-pajjiż, u li jipprojbixxi l-edukazzjoni tal-Punent; billi Boko Haram ħataf nisa u bniet biex jużahom f'attakki suwiċidali; billi attakki suwiċidali bil-bombi riċenti, inklużi dawk tas-16 ta' Marzu, tal-11 ta' Frar u tal-31 ta' Jannar 2016 fil-Grigal tan-Niġerja rriżultaw f'għexieren ta' mwiet;

I.

billi l-vjolenza sesswali, il-vjolenza tal-ġeneru u l-vjolenza kontra persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) għadha qawwija fir-reġjuni tal-Grigal tan-Niġerja, fejn hemm l-inkwiet, u billi d-drittijiet fundamentali bħalma huma l-edukazzjoni għall-bniet u n-nisa, il-ġustizzja soċjali u t-tqassim ġust tad-dħul statali fis-soċjetà sejrin għall-agħar b'mod drammatiku, bħalma hija l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

J.

billi madwar 270 tifla tal-iskola nħatfu minn Boko Haram fl-14-15 ta' April 2014 minn skola f'Chibok, fil-Grigal tan-Niġerja, u billi l-maġġoranza tagħhom għadhom neqsin; billi d-destin eżatt tagħhom jibqa' misteru, għalkemm hemm il-biża' li ħafna ġew sfurzati jiżżewġu ribelli jew isiru ribelli huma stess, ġew suġġetti għal vjolenza sesswali jew mibjugħa għall-iskjavitù, u bniet mhux Musulmani ġew sfurzati jikkonvertu għall-Iżlam; billi Boko Haram ħataf aktar minn 2 000 mara u tifla mill-2009 sal-lum, inkluż madwar 400 minn Damasak fl-istat ta' Borno fl-24 ta' Novembru 2014;

K.

billi l-militar Niġerjan ħabbar fis-6 ta' April 2016 li mill-inqas 800 ġellied kien ċeda fit-tliet ġimgħat ta' qabel; billi t-truppi Niġerjani salvaw 11 595 ostaġġ waqt raids fuq territorju ta' Boko Haram fir-reġjun muntanjuż bejn in-Niġerja, iċ-Chad u l-Kamerun mis-26 ta' Frar 2016 sa issa;

L.

billi s-sitwazzjoni drammatika tal-bniet maħtufa esponiet problemi fuq firxa usa', inklużi attakki regolari fuq skejjel, nuqqas ta' għalliema u l-ħtieġa urġenti ta' finanzjament internazzjonali biex jissewwew u jerġgħu jinbnew binjiet imfarrka; billi n-nuqqas ta' opportunitajiet edukattivi jfisser li wħud mit-tfal ma attendewx skola għal bosta snin;

M.

billi l-estremiżmu vjolenti ta' Boko Haram ma jagħmilx diskriminazzjoni u jikkawża tbatija immensa lill-popli ta' kull twemmin u etniċità fil-mewġa ta' vjolenza tiegħu; billi matul l-aħħar snin ġiet irrappurtata żieda fl-għadd ta' Nsara maqtula fit-Tramuntana tan-Niġerja;

N.

billi r-reġjun tal-Middle Belt sofra snin ta' tensjoni ekonomika u politika bejn komunitajiet etniċi u reliġjużi, bi vjolenza reċenti kkawżata minn kompetizzjoni ħarxa għall-poter u l-aċċess għall-art bejn komunitajiet nomadi u agrikoli;

O.

billi s-setturi taż-żejt u tal-gass għadhom is-sorsi ewlenin ta' dħul fin-Niġerja, għalkemm it-tqassim tal-benefiċċji tal-ġid ekonomiku tal-pajjiż huwa inugwali ferm; billi l-livelli ta' faqar u qgħad fit-Tramuntana tan-Niġerja huma konsiderevolment ogħla minn dawk fin-Nofsinhar tal-pajjiż, fejn hemm ħafna żejt; billi, skont il-Bank Dinji, mill-1960 'l hawn in-Niġerja tilfet madwar USD 400 biljun fi dħul miż-żejt b'riżultat tal-korruzzjoni u USD 20 biljun fi flus miż-żejt sparixxew mit-Teżor tan-Niġerja fl-aħħar sentejn;

P.

billi nħoloq panel ta' investigazzjoni speċjali mill-uffiċċju tal-President biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi tas-sigurtà, inklużi, qtil, tortura u għajbien sfurzat;

Q.

billi leġiżlazzjoni proposta bħalissa qiegħda quddiem is-Senat Niġerjan u għandha l-għan li tikkastiga d-disseminazzjoni ta' “dikjarazzjonijiet abbużivi” permezz tal-media soċjali jew il-kritika lill-gvern jew lil persuni oħra permezz tal-media stampata u elettronika;

1.

Jilqa' t-tranżizzjoni paċifika tal-poter fin-Niġerja wara l-elezzjonijiet presidenzjali, u huwa inkoraġġut bl-aspettattivi għoljin rigward il-programm ta' riforma ambizzjuż tal-President Buhari u l-gvern tiegħu;

2.

Huwa preokkupat ħafna dwar l-isfidi soċjali, ekonomiċi, politiċi u tas-sigurtà sinifikanti li n-Niġerja qed tħabbat wiċċha magħhom, u jiddispjaċih għan-nuqqas ta' progress reali fl-indirizzar tal-korruzzjoni li farrket is-soċjetà Niġerjana għal għexieren ta' snin;

3.

Jagħraf il-fatt li n-Niġerja għandha l-potenzjal li tkun qawwa ekonomika u politika kbira ħafna fl-Afrika, iżda li l-iżvilupp tagħha nżamm lura minn governanza ekonomika batuta, istituzzjonijiet demokratiċi dgħajfin u inugwaljanza enormi; jitlob, barra minn hekk, lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jonoraw l-impenn tagħhom li jipprovdu firxa komprensiva ta' għajnuna politika u umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp biex jappoġġjaw programmi fil-livelli kollha tal-gvern li jindirizzaw il-faqar, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' emanċipazzjoni tan-nisa;

4.

Jemmen li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni trid titmexxa mill-awtoritajiet Niġerjani, u jemmen li n-nuqqas li jsir dan ikun ifisser aktar snin ta' faqar, inugwaljanza, ħsara għar-reputazzjoni, tnaqqis fl-investiment estern u mminar tal-opportunitajiet fil-ħajja għaż-żgħażagħ; joffri wkoll l-appoġġ tiegħu biex dan l-objettiv jintlaħaq u biex titkisser ir-rabta bejn il-prattiki korrotti u t-terroriżmu;

5.

Ifaħħar l-isforzi li saru mill-Gvern ta' Buhari biex isaħħaħ il-kredenzjali tiegħu kontra l-korruzzjoni kif ukoll il-fatt li ordna li t-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha tal-gvern jgħaddu minn kont bankarju uniku sabiex l-infiq jiġi mmonitorjat; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu miżuri konkreti biex irażżnu b'mod effikaċi l-flussi finanzjarji illeċiti u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, u jagħtu spinta lill-kooperazzjoni internazzjonali demokratika fi kwistjonijiet ta' taxxa;

6.

Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tan-Niġerja li qed ibati minħabba l-atti terroristiċi mwettqa minn Boko Haram, li wasslu għal eluf ta' mwiet u spostaw lil aktar minn żewġ miljun ruħ; iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura l-protezzjoni taċ-ċivili tiegħu skont l-obbligi reġjonali u internazzjonali tiegħu rigward id-drittijiet tal-bniedem, anke billi jagħti bidu għal investigazzjonijiet komprensivi, indipendenti u effikaċi dwar tali delitti;

7.

Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-attakki reċenti minn Boko Haram, u jistieden lill-Gvern Federali jipproteġi l-popolazzjoni tiegħu u jindirizza l-kawżi ewlenin tal-vjolenza billi jiżgura drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha, anke billi jindirizza l-kwistjonijiet tal-inugwaljanza, il-kontroll tal-artijiet agrikoli għammiela, il-qgħad u l-faqar; jirrifjuta kwalunkwe ritaljazzjoni vjolenti bi ksur tad-dritt umanitarju mwettqa mill-militar Niġerjan; jilqa', madankollu, il-programm “Safe Corridor” tal-Armata Niġerjana mfassal biex jirriabilita l-ġellieda ta' Boko Haram;

8.

Jiddeplora l-massakru ta' nisa, irġiel u tfal innoċenti, l-atti ta' stupru u tortura, u r-reklutaġġ ta' suldati tfal, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tan-Niġerja fid-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled kontra l-forom kollha ta' terroriżmu f'pajjiżu;

9.

Jistieden lill-Gvern Niġerjan jiżviluppa strateġija komprensiva li tindirizza l-kawżi ewlenin tat-terroriżmu fl-għeruq tagħhom, u jinvestiga, kif imwiegħed, evidenza li l-militar Niġerjan seta' wettaq vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' s-Summit ta' Abuja dwar is-Sigurtà, li għandu jsir f'Mejju 2016, u jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jidentifikaw soluzzjonijiet konkreti u vijabbli għall-ġlieda kontra t-terroriżmu mingħajr ma jiġu ssagrifikati r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jissottolinja wkoll l-importanza ta' kooperazzjoni reġjonali fl-indirizzar tat-theddida minn Boko Haram;

10.

Jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali, taħt l-awspiċji tan-NU, biex tiddetermina r-responsabbiltà ta' pajjiżi terzi fl-organizzazzjoni u l-finanzjament ta' gruppi terroristiċi fir-reġjun, bħal Boko Haram;

11.

Jemmen li t-tieni anniversarju tal-ħtif tal-bniet tal-iskola ta' Chibok fl-14 ta' April għandu jipprovdi impetu ġdid għall-Gvern Niġerjan u l-komunità internazzjonali biex jiżguraw il-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tagħhom, kif ukoll il-ħelsien tal-400 mara u tifel u tifla maħtufa mill-belt ta' Damasak f'Novembru 2014, u tan-nisa u t-tfal l-oħra kollha li nħatfu;

12.

Jappella lill-awtoritajiet biex jiżguraw faċilità ta' aċċess għall-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva għan-nisa u l-bniet;

13.

Jinnota bi tħassib l-attakki fuq l-iskejjel fit-Tramuntana tan-Niġerja, li qed iċaħħdu lit-tfal minn opportunitajiet edukattivi u li jistgħu jħarrxu r-radikalizzazzjoni li gruppi estremisti vjolenti bħal Boko Haram jiddependu fuqha;

14.

Jinnota li Boko Haram attakka lill-Musulmani, lill-Insara, lil segwaċi ta' reliġjonijiet oħra u lil nies ta' ebda fidi mingħajr distinzjoni, u jikkundanna ż-żieda qawwija fil-vjolenza, anke kontra istituzzjonijiet reliġjużi u fidili;

15.

Jikkundanna wkoll l-attakki fuq bdiewa u l-kunflitti interetniċi bejn rgħajja u bdiewa fiż-żona tal-Middle Belt, b'mod partikolari fl-istati ta' Plateau u Taraba, li kienu karatterizzati minn vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u wasslu biex mietu eluf ta' persuni mill-2014 'l hawn;

16.

Jistieden lill-Gvern Niġerjan u lis-sħab internazzjonali jżidu l-investiment fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' kunflitti interkomunali bejn rgħajja u bdiewa bl-appoġġ tal-kooperazzjoni permezz ta' inizjattivi kondiviżi ekonomiċi u ta' ġestjoni tar-riżorsi naturali;

17.

Jistieden lill-President Buhari jiżgura li l-gvern tiegħu jipproteġi d-dritt tan-Niġerjani li jqimu liberament, u d-drittijiet taċ-ċittadini kollha tagħha b'mod aktar wiesa', skont il-liġijiet u l-Kostituzzjoni tal-pajjiż, u jitlob lill-mexxejja reliġjużi tan-Niġerja jgħinu fil-ġlieda kontra l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni;

18.

Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jibqgħu impenjati favur l-isforzi diplomatiċi tagħhom fin-Niġerja, sabiex jinkisbu l-paċi, is-sigurtà, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġiġhom, b'mod partikolari, ikomplu d-djalogu politiku man-Niġerja skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim rivedut ta' Cotonou u biex, f'dak ir-rigward, jindirizzaw kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem universali, inklużi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon jew tat-twemmin, u n-nondiskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni, kif minquxa fi strumenti universali, reġjonali u nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

19.

Jitlob lill-awtoritajiet Niġerjani jirrifjutaw l-abbozz ta' liġi li jipprojbixxi l-petizzjonijiet frivoli u kwistjonijiet oħra marbuta magħhom, li bħalissa qiegħed quddiem is-Senat Niġerjan, billi jikkomprometti l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni fin-Niġerja;

20.

Jistieden lill-Gvern Niġerjan u lill-awtoritajiet reġjonali ma jibqgħux jikkriminalizzaw il-komunità LGBTI Niġerjana u jiggarantixxu d-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni;

21.

Jistieden lill-Gvern Niġerjan jieħu miżuri ta' emerġenza fid-Delta tan-Niger, inklużi azzjonijiet biex itemm l-attivitajiet illegali b'rabta maż-żejt;

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, lill-President tal-Unjoni Afrikana, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Parlament Pan-Afrikan u lir-rappreżentanti tal-ECOWAS.