12.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/105


P8_TA(2016)0021

Attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2016 dwar ir-Rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2014 (2014/2218(INI))

(2018/C 011/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-importanza tad-dritt ta' petizzjoni u l-utilità li l-Parlament ikun immedjatament informat bit-tħassib speċifiku taċ-ċittadini u r-residenti Ewropej, kif previst fl-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-proċedura ta' ksur, partikolarment l-Artikoli 258 u 260,

wara li kkunsidra l-Artikoli 52, 215, 216(8), 217 u 218 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0361/2015),

A.

billi fl-2014 tressqu 2 714-il petizzjoni, li jirrappreżenta tnaqqis ta' madwar 6 % fir-rigward tal-2013, li fiha l-Parlament irċieva 2 885 petizzjoni; billi 790 petizzjoni ġew ikkunsidrati ammissibbli u ngħataw segwitu; billi 1 070 petizzjoni ġew ikkunsidrati inammissibbli; billi 817-il petizzjoni kienu ammissibbli u ngħalqu; billi 37 petizzjoni kellhom rakkomandazzjoni li ġiet ikkontestata; billi dawn iċ-ċifri jammontaw għal kważi d-doppju tal-petizzjonijiet li waslu fl-2009; billi ma kien hemm ebda żieda proporzjonata fl-għadd ta' impjegati taċ-ċivil li għandhom il-kompitu li jipproċessaw dawn il-petizzjonijiet;

B.

billi l-għan tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet hu li jippreżenta analiżi tal-petizzjonijiet li waslu fl-2014 kif ukoll li jiddiskuti l-possibilità ta' titjib fil-proċeduri u fir-relazzjonijiet ma' istituzzjonijiet oħra;

C.

billi l-għadd ta' petizzjonijiet irċevuti huwa modest fir-rigward tal-popolazzjoni totali tal-Unjoni Ewropea, u dan jindika li l-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE għadhom ma jafux dwar id-dritt ta' petizzjoni jew dwar l-utilità possibbli tiegħu bħala mezz biex tinġibed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri għall-kwistjonijiet li huma ta' tħassib għalihom u li jaffettwahom; billi, minkejja li xi ċittadini tal-UE huma konxji mill-proċess tal-petizzjoni, għad hemm konfużjoni kbira dwar il-qasam tal-attivitajiet tal-UE, kif muri min-numru għoli ta' petizzjonijiet inammissibbli li tressqu (39,4 %);

D.

billi trattament xieraq ta' petizzjonijiet matul il-proċess kollu huwa kruċjali biex jiġi żgurat rikonoxximent li d-dritt ta' petizzjoni jiġi rrispettat; billi l-petizzjonanti għandhom it-tendenza li jkunu ċittadini impenjati għat-titjib, u għall-benesseri ġejjieni, tas-soċjetajiet tagħna; billi l-esperjenza ta' dawn iċ-ċittadini fir-rigward ta' kif jiġu ttrattati l-petizzjonijiet tagħhom tista' tiddetermina l-opinjoni futura tagħhom dwar il-proġett Ewropew;

E.

billi 1 887 petizzjoni, li minnhom 1 070 kienu inammissibbli, ingħalqu fl-2014; billi huma biss 29,1 % tal-petizzjonijiet li ġew dikjarati ammissibbli u segwiti, 39,4 % li ġew dikjarati inammissibbli, u 30,1 % li ġew dikjarati ammissibbli u magħluqa b'mod dirett;

F.

billi ċ-ċittadini tal-Unjoni huma direttament rappreżentati mill-Parlament Ewropew, l-unika istituzzjoni tal-Unjoni eletta minnhom stess; billi d-dritt ta' petizzjoni joffrilhom il-mezzi biex jiġbdu l-attenzjoni tar-rappreżentanti eletti minnhom;

G.

billi ċ-ċittadini tal-UE, u l-kultura ta' servizz f'isimhom, għandhom dejjem ikollhom prijorità fil-ħidma tal-Parlament u, b'mod partikulari, tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, qabel kull kunsiderazzjoni oħra jew kriterji ta' effiċjenza; billi l-livell attwali tar-riżorsi umani disponibbli fi ħdan l-unità għall-petizzjonijiet ipoġġi f'riskju l-ksib ta' dawn il-prinċipji fundamentali;

H.

billi, jekk jiġi għalkollox irrispettat fl-essenza tiegħu, id-dritt ta' petizzjoni jista' jsaħħaħ ir-reazzjoni tal-Parlament għaċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, jekk ikun hemm mekkaniżmu miftuħ, demokratiku, inklużiv u trasparenti fl-istadji kollha tal-proċedura tal-petizzjonijiet, bl-għan li jiġu solvuti problemi relatati primarjament mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

I.

billi d-dritt ta' petizzjoni huwa element kruċjali għad-demokrazija parteċipattiva;

J.

billi d-dritt li titressaq petizzjoni għandu l-għan, flimkien mal-Ombudsman Ewropew, li jittratta l-amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE jew l-istituzzjonijiet nazzjonali fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE;

K.

billi l-petizzjonijiet jipprovdu indikazzjonijiet prezzjużi lil-leġiżlaturi u lill-korpi eżekuttivi kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak nazzjonali, b'mod partikolari dwar il-lakuni possibbli fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE; billi l-petizzjonijiet jistgħu jkunu twissija bikrija għall-Istati Membri li għadhom lura fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE;

L.

billi l-petizzjonijiet li ġew indirizzati lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet kienu spiss utli immens u b'kontributi diretti għal kumitati responsabbli oħra tal-Parlament fix-xogħlijiet leġiżlattivi fl-oqsma rispettivi tagħhom;

M.

billi l-iżgurar tar-rispett għad-dritt fundamentali għal petizzjoni mhuwiex biss ir-responsabilità tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, iżda pjuttost għandu jkun sforz komuni tal-kumitati kollha tal-Parlament, kif ukoll tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE; billi ebda petizzjoni m'għandha tingħalaq sakemm ikunu għadhom mistennija l-kummenti mill-kumitati parlamentari l-oħrajn;

N.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu jistinka biex jagħmel użu akbar tal-prerogattivi tiegħu, u tal-għodod ġenerali u speċifiċi tiegħu bħala kumitat, bħal mistoqsijiet orali u riżoluzzjonijiet qosra, sabiex tingħata viżibilità, fuq il-bażi tal-petizzjonijiet li jkunu waslu, lil kwistjonijiet differenti ta' tħassib għaċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, billi jinġiebu quddiem il-plenarja ta' dan il-Parlament;

O.

Billi kull petizzjoni trid tiġi evalwata u trattata bir-reqqa, b'mod effiċjenti, fil-pront, b'mod trasparenti u individwalment, b'mod li jippreserva d-drittijiet parteċipattivi tal-Membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; billi kull petizzjonant għandu jirċievi tweġiba, f'perjodu qasir ta' żmien, fejn jiġu indikati jew ir-raġunijiet għall-għeluq tal-petizzjoni jew il-miżuri ta' segwitu, eżekuzzjoni u monitoraġġ meħuda; billi koordinazzjoni istituzzjonali aħjar mal-istituzzjonijiet tal-UE, nazzjonali u reġjonali hija essenzjali biex il-kwistjonijiet imqajma mill-petizzjonijiet jiġu indirizzati fil-pront;

P.

billi l-ipproċessar effiċjenti u rapidu tal-petizzjonijiet irid ikun iggarantit anki waqt it-tranżizzjoni bejn leġiżlaturi differenti u t-tibdil fil-persunal li dawn iġibu magħhom;

Q.

billi huwa primarjament fl-interess ta' petizzjonijiet ammissibbli u fondati li l-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet ma tittaqqalx b'ipproċessar imtawwal inutilment ta' petizzjonijiet inammissibbli jew infondati.

R.

billi petizzjonant għandu jiġi infurmat kif xieraq dwar ir-raġunijiet għaliex petizzjoni tiġi ddikjarata inammissibbli;

S.

billi l-petizzjonijiet huma diskussi f'laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u li l-petizzjonanti jistgħu jipparteċipaw f'dawn id-diskussjonijiet, u għandhom id-dritt li jressqu l-petizzjonijiet tagħhom flimkien ma' aktar informazzjoni dettaljata u jistgħu jikkontribwixxu b'mod attiv għax-xogħol tal-kumitat, bl-għoti ta' informazzjoni addizzjonali lill-membri tiegħu, lill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jistgħu jkunu preżenti; billi fl-2014 attendew 127 petizzjonant għad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat u kienu involuti fihom; billi dan il-proporzjon ta' parteċipazzjoni diretta għadu relattivament baxx u jista' jibbenefika minn żieda, inkluż bl-użu tal-mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod u permezz ta' ppjanar li jippermetti li l-petizzjonanti jorganizzaw aħjar il-wasla tagħhom fil-kumitat;

T.

billi f'ħafna okkażjonijiet wara d-dibattitu pubbliku fil-laqgħat tal-kumitat, il-petizzjonijiet jinżammu miftuħin, ikun imbassar segwitu ulterjuri u jkun mistenni aktar feedback, jiġifieri mistoqsijiet addizzjonali mill-Kummissjoni jew mill-kumitati parlamentari jew skambju konkret mal-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali kkonċernati;

U.

billi huwa meħtieġ aktar ħin għal-laqgħat sabiex tkun tista' tiġi diskussa firxa wiesgħa ta' suġġetti u tiġi żgurata l-kwalità ta' kull dibattitu; billi laqgħat tal-koordinaturi tal-gruppi politiċi huma kruċjali biex jiġu żgurati l-ippjanar u t-tmexxija bla xkiel tal-ħidma tal-Kumitat, u għalhekk għandhom jingħataw biżżejjed żmien biex jippermettu teħid tad-deċiżjonijiet demokratiku;

V.

billi l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet huma bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta bil-miktub mill-petizzjonanti u l-kontributi orali u awdjoviżivi tagħhom fil-laqgħat, supplementati b'kompetenza esperta pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Istati Membri, mill-Ombudsman u minn korpi politiċi rappreżentattivi oħra;

W.

billi t-tħassib tal-petizzjonanti għandu jiġi indirizzat bir-reqqa matul il-proċess tal-petizzjoni; billi dan il-proċess jista' jeħtieġ stadji differenti, inklużi bosta sessjonijiet ta' feedback mill-petizzjonant u mill-istituzzjonijiet Ewropej u awtoritajiet nazzjonali kkonċernati;

X.

billi l-kriterji stabbiliti għall-ammissibilità tal-petizzjonijiet, skont it-Trattat u r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, jeħtieġu li l-petizzjonijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissibbiltà formali (l-Artikolu 215 tar-Regoli ta' Proċedura), jiġifieri li petizzjoni għandha tikkonċerna kwistjoni li taqa' taħt l-oqsma tal-attività tal-Unjoni u li taffettwa b'mod dirett lill-petizzjonant, li għandu jkun ċittadin jew resident tal-Unjoni; billi, b'riżultat ta' dan, numru ta' petizzjonijiet riċevuti jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba li ma jikkorrispondux għal dawn il-kriterji formali; billi d-deċiżjoni dwar l-ammissibilità tikkorrispondi ma' dawn il-kriterji legali u tekniċi, u m'għandhiex tiġi ddeterminata minn deċiżjonijiet politiċi; billi l-portal tal-Internet tal-petizzjonijiet għandu jkun għodda effettiva fl-għoti tal-informazzjoni u l-gwida meħtieġa lill-petizzjonanti fir-rigward tal-kriterji ta' ammissibbiltà;

Y.

billi issa ġie adottat mod ta' trattament speċifiku fir-rigward tal-petizzjonijiet li jikkonċernaw it-tfal, billi ġie rikonoxxut li kull dewmien f'dawn il-fajls ifisser dannu partikolarment profond għall-persuni kkonċernati;

Z.

billi permezz tal-użu ta' petizzjonijiet, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jissorveljaw it-tfassil u l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE; billi dan jippermetti li ċ-ċittadini tal-UE jaġixxu bħala sors utli ta' informazzjoni dwar talbiet fir-rigward ta', u l-ksur tad-dritt tal-UE, billi dan tal-aħħar huwa ta' rilevanza partikolari għal kwistjonijiet li jikkonċernaw l-ambjent, is-suq intern, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, il-protezzjoni tal-konsumatur u s-settur tas-servizzi finanzjarji;

AA.

billi s-sottomissjoni ta' petizzjoni spiss issir fl-istess ħin mal-preżentazzjoni ta' lment lill-Kummissjoni Ewropea li tista' tipprova tibda proċedura ta' ksur jew azzjoni għal nuqqas ta' aġir; billi l-istatistiċi (ara t-23 Rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (COM(2006)0416)) juru li kwart, jew saħansitra terz, tal-petizzjonijiet u l-ilmenti pproċessati kienu marbutin ma' proċeduri ta' ksur jew wasslu għal tali proċeduri; billi l-involviment tal-Parlament f'dawn il-proċeduri ta' petizzjoni jippermetti skrutinju akbar fuq il-ħidma investigattiva tal-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE; billi l-ebda petizzjoni mgħandha tingħalaq filwaqt li tkun qed tiġi investigata mill-Kummissjoni;

AB.

billi l-kwistjonijiet ewlenin ta' tħassib imqajma fil-petizzjonijiet għandhom x'jaqsmu ma' firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, bħal pereżempju leġiżlazzjoni ambjentali (b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-ilma u l-iskart, it-tiftix u l-estrazzjoni tal-idrokarburi, u proġetti tal-infrastruttura u l-iżvilupp), id-drittijiet fundamentali (b'mod partikolari d-drittijiet tat-tfal u tal-persuni b'diżabilità, ta' rilevanza partikolari peress li sa kwart tal-elettorat tal-UE ibati minn xi livell ta' diffikultà jew diżabilità), il-moviment liberu ta' persuni, id-diskriminazzjoni, l-immigrazzjoni, l-impjiegi, in-negozjati dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), il-benesseri tal-annimali, l-applikazzjoni tal-ġustizzja, u l-inklużjoni soċjali ta' persuni b'diżabilità;

AC.

billi l-portal tal-Internet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tnieda fid-19 ta' Novembru 2014, b'dewmien ta' sena, biex tiġi sostitwita l-pjattaforma elettronika għat-tressiq tal-petizzjonijiet li qabel kienet disponibbli fuq il-portal Europarl, u kien maħsub biex jippromwovi d-dritt ta' petizzjoni u jtejjeb il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-ħajja tal-UE; billi dan il-portal, li għadu mhuwiex kompletament operattiv, ġie mfassal biex jipprovdi soluzzjoni integrata li tkopri l-ħtiġijiet speċifiċi tal-proċess tal-petizzjoni, biex iċ-ċittadini tal-UE li jixtiequ jressqu petizzjoni jkollhom għodda fuq l-internet aktar adattata għall-ħtiġijiet tagħhom, b'segwitu f'ħin reali tal-istadji varji tal-petizzjonijiet tagħhom; billi bosta nuqqasijiet ġew identifikati, speċjalment fir-rigward tal-funzjoni ta' tiftix, li jipperikolaw ir-rwol tal-portal bħala reġistru pubbliku ta' petizzjonijiet, u billi t-tieni fażi, immirata li ssolvi l-lakuni eżistenti kollha, kellha tkun diġà ġiet konkluża; billi dan jista' jikkontribwixxi sabiex jitjiebu s-servizz u l-viżibilità lejn iċ-ċittadini u l-membri tal-Kumitat, u se jservi bħala reġistru elettroniku (previst fl-Artikolu 216(4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament) li permezz tiegħu ċ-ċittadini jistgħu jressqu u jibqgħu aġġornati dwar petizzjonijiet, u jżidu l-firma elettronika tagħhom mal-petizzjonijiet tagħhom stess; billi dan il-portal il-ġdid huwa maħsub sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-interattività tal-proċedura ta' petizzjoni filwaqt li tiġi żgurata effiċjenza amministrattiva aħjar, fl-interess tal-petizzjonanti, tal-membri u tal-pubbliku ġenerali; billi l-portal tal-internet għandu jkun l-għodda li permezz tagħha tista' tiżdied it-trasparenza fil-proċess ta' petizzjoni, jittejjeb l-aċċess tal-petizzjonanti għal informazzjoni u biex iċ-ċittadini jiġu sensitizzati b'rabta mal-kapaċità u l-possibilitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex ikunu jistgħu jiksbu kumpens għas-sitwazzjoni tagħhom; jenfasizza li l-użu ta' teknoloġija ġdida tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għandu jiżdied u jiġi stimulat aktar sabiex il-ħidma tal-Kumitat tinġieb eqreb taċ-ċittadini;

AD.

billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) hija għodda importanti li tippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw fil-proċessi politiċi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, u l-potenzjal tagħha għandha tiġi sfruttata bis-sħiħ; billi, sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati f'termini tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, dan l-istrument għandu jiġi mtejjeb aktar, il-livelli tiegħu ta' rappreżentanza — u l-aspetti prattiċi tiegħu — imsaħħa, u għandu jkun rispettat bis-sħiħ u implementat mill-istituzzjonijiet Ewropej (b'mod partikolari l-Kummissjoni);

AE.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikompli jinteressa ruħu mill-qrib fl-applikazzjoni tar-regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, u li dan huwa konxju mill-bżonn għal regolament ġdid biex jinqerdu l-bosta nuqqasijiet, ostakli u dgħufijiet tiegħu, u n-natura daqshekk oneruża tal-qafas ġuridiku eżistenti u l-mekkaniżmi meħtieġa biex jitnedew u jiġu segwiti l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, b'mod partikolari f'termini tal-ġbir attwali tal-firem;

AF.

billi, tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, fl-1 ta' April 2012, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet iqis li huwa neċessarju li tiġi evalwata l-implimentazzjoni tiegħu sabiex jinstabu lakuni possibbli u jiġu proposti soluzzjonijiet sostenibbli għar-reviżjoni rapida tiegħu sabiex titjieb l-implimentazzjoni tiegħu;

AG.

billi l-organizzazzjoni tas-seduti pubbliċi għall-inizjattivi li rnexxew kienu suċċess u billi l-implikazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bħala kumitat assoċjat fis-seduti tal-ECI ġew apprezzati ħafna mill-Membri kif ukoll mis-soċjetà ċivili; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jappoġġja dan il-proċess u jqiegħed l-esperjenza twila tiegħu maċ-ċittadini biex dan l-objettiv jintlaħaq; billi għandu jkun mistenni segwitu konkret mill-Kummissjoni għal kwalunkwe ECI ta' suċċess;

AH.

billi wieħed għandu jinnota li minħabba l-piż tax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-ħtieġa li jissaħħu r-riżorsi umani tas-Segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, ma saret l-ebda missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni għall-petizzjonijiet li għalihom saret investigazzjoni fl-2014; billi missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni flimkien ma' petizzjonijiet xierqa ser jitwettqu fil-futur;

AI.

billi l-ammont normali ta' missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni għandu jitkompla fl-2016, peress li dawn huma prerogattiva speċifika tal-Kumitat u parti fundamentali mill-ħidma tiegħu, li tinkludi l-interazzjoni maċ-ċittadini u mal-awtoritajiet fl-Istati Membri kkonċernati; billi l-membri ta' dawn id-delegazzjonijiet jieħdu sehem fl-attivitajiet kollha relatati tiegħu, inkluż ir-rappurtar, b'importanza ndaqs;

AJ.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu responsabilitajiet fir-rigward tal-Ombudsman Ewropew, li hu responsabbli mill-investigazzjoni ta' lmenti minn ċittadini tal-Unjoni dwar il-possibilità ta' amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, u li dwarhom joħroġ ukoll rapport annwali, ibbażat fuq ir-Rapport Annwali proprju tal-Ombudsman Ewropew; billi fl-2014, il-Kumitat ipparteċipa b'mod attiv u dirett fl-organizzazzjoni tal-elezzjoni tal-Ombudsman Ewropew fir-rigward tal-Artikolu 204 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament; billi Emily O'Reilly reġgħet ġiet eletta bħala Ombudsman għal mandat ta' ħames snin b'elezzjoni f'Diċembru 2014 li kienet twettqet b'mod effiċjenti u trasparenti;

AK.

billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi wkoll xi kumitati għall-petizzjonijiet ta' parlamenti nazzjonali, fejn dawn jeżistu, u billi jidher li għandu jiġi enfasizzat li huwa importanti li l-parlamenti tal-Istati Membri jaħtru kumitati għall-petizzjonijiet, isaħħuhom fejn jeżistu diġà, u li titjieb il-kooperazzjoni ta' bejniethom;

1.

Jenfasizza l-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li tippermetti ċerta parteċipazzjoni miċ-ċittadini u r-residenti tal-UE fid-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tagħhom u fil-kontroll tal-applikazzjoni korretta tar-regolamenti tal-Unjoni billi bil-petizzjonijiet tagħhom jista' jsir magħruf it-tħassib taċ-ċittadini għat-tfittxija ta' soluzzjonijiet għall-ilmenti leġittimi tagħhom fi żmien raġonevoli; jindika li petizzjonijiet ammissibbli għandhom jiġu diskussi mill-Kumitat minn disa' xhur wara li petizzjoni tiġi ppreżentata; itenni li koordinazzjoni istituzzjonali aħjar mal-istituzzjonijiet tal-UE, nazzjonali u reġjonali, kif ukoll ma' korpi oħrajn, hija essenzjali biex jiġu indirizzati fil-pront il-kwistjonijiet li jitqajmu fil-petizzjonijiet;

2.

Jenfasizza li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (bħala punt ta' kuntatt għaċ-ċittadini), l-Ombudsman Ewropew u l-ECI flimkien jikkostitwixxu ġabra ta' għodod bażiċi għal involviment politiku akbar għaċ-ċittadini, li għalihom irid jiġi żgurat aċċess trasparenti u xieraq kif ukoll tmexxija mingħajr xkiel; jenfasizza li r-responsabilità li għandhom fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea u t-tisħiħ tal-viżibilità u l-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu iktar inkonsiderazzjoni l-ħidma tal-Ombudsman Ewropew; jappella għal mekkaniżmi addizzjonali biex jiġi żgurat l-involviment dirett taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet Ewropej;

3.

Jenfasizza li l-kooperazzjoni msaħħa mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar kwistjonijiet marbutin mal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE hija indispensabbli fl-għan ta' ħidma għat-taqrib lejn iċ-ċittadini u r-rinfurzar tal-leġittimità demokratika u r-responsabilità fil-proċess tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew; jinnota li l-kooperazzjoni hija mtejba mill-iskambju proattiv tal-informazzjoni fil-livelli istituzzjonali kollha u li dan huwa ċentrali sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li tqajmu mill-petizzjonanti; jiddispjaċih li f'ċerti każijiet, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali ma jirreaġixxux għat-talbiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

4.

Iwissi dwar l-akkumulazzjoni persistenti fl-ipproċessar tal-petizzjonijiet, li huwa dovut għar-restrizzjoni f'termini ta' riżorsi umani disponibbli fi ħdan is-Segretarjat tal-Kumitat, li min-naħa tagħha għandha impatt ċar fuq iż-żmien disponibbli għall-ipproċessar tal-petizzjonijiet, kif ukoll, b'mod partikolari, biex tiġi determinata l-ammissibilità tagħhom; iqis li dan id-dewmien mhuwiex aċċettabbli jekk hemm l-għan tal-eċċellenza fis-servizz, u li mhux biss ifixkel id-dritt effettiv għall-petizzjoni, iżda jagħmel ħsara lill-kredibilità tal-istituzzjonijiet Ewropej f'għajnejn iċ-ċittadini kkonċernati; iħeġġeġ lill-istanzi politiċi u amministrattivi responsabbli tal-Parlament, f'kooperazzjoni mal-Kumitat għall-Baġits, biex isibu soluzzjoni xierqa sabiex jiġi żgurat li l-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tkun tista' żżomm mal-ispirtu tat-Trattati;

5.

Jenfasizza in-neċessità li fil-konfront tal-petizzjonant trid tkun ġustifikata bir-reqqa l-inammissibilità jew l-għeluq tal-petizzjoni minħabba infondatezza;

6.

Jistieden lill-Kummitat għall-Petizzjonijiet u, jekk hemm bżonn, lill-kumitati tal-Parlament li huma kompetenti biex jemendaw ir-Regoli ta' Proċedura, sabiex jistrutturaw b'iktar ċarezza d-distinzjoni bejn il-kriterji ta' ammissibilità u ta' determinazzjoni tal-fondatezza, u r-regoli għad-determinazzjoni ta' ammissibilità, kif ukoll bejn iż-żamma miftuħa u l-għeluq ta' petizzjoni, u jagħmlu din l-istruttura viżibbli lil petizzjonanti potenzjali;

7.

Jenfasizza r-rwol sinifikanti tal-Kummissjoni fl-għajnuna għal każijiet li tqajmu mill-petizzjonanti, u jistedinha tissorvelja, b'mod proattiv u fil-ħin, ċerti proġetti rrappurtati mill-petizzjonanti fejn il-liġi tal-UE tkun ġiet, jew tista' fil-futur tiġi miksura, permezz tal-implimentazzjoni ta' ppjanar uffiċjali; jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, sabiex tirrimedja tali każijiet ta' traspożizzjoni mhux korretta, jew in-nuqqas tagħha, tad-dritt tal-Unjoni ddenunzjata minn bosta petizzjonijiet ippreżentati lill-Parlament; jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex f'dan ir-rigward tagħmel użu, b'mod iktar assertiv, mill-introduzzjoni ta' proċeduri ta' ksur; jenfasizza li trid tkun miġġielda l-perċezzjoni li Stati Membri kbar jittieħdu iktar inkunsiderazzjoni fl-introduzzjoni tal-proċeduri ta' ksur; jitlob lill-Kummissjoni tinforma fuq bażi regolari lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar l-iżvilupp u r-riżultati konkreti tal-proċeduri ta' ksur marbuta direttament ma' petizzjoni partikolari;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha bis-sħiħ fil-proċess tal-petizzjonijiet, billi tmexxi inkjesti bir-reqqa fil-każijiet ammissibbli mressqa lill-istanzi tagħha, u biex fl-aħħar tipprovdi tweġibiet bil-miktub preċiżi u aġġornati lill-petizzjonanti fil-ħin; jistenna li dawn it-tweġibiet jiġu żviluppati aktar fid-dibattiti orali dwar dawn il-kwistjonijiet fil-laqgħat pubbliċi tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; iqis li għall-iskop tal-kredibilità istituzzjonali, il-Kummissjoni għandha tkun rappreżentata f'dawn id-dibattiti minn uffiċjal ta' grad xieraq; iqis li, bħala gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni għandha tittratta b'mod aktar sħiħ is-sustanza tal-każijiet, waqt li tqis l-ispirtu aħħari tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;

9.

Jitlob li, f'isem it-trasparenza u fl-ispirtu tal-kooperazzjoni ġusta bejn l-istituzzjonijiet differenti tal-UE, il-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għad-dokumenti bl-informazzjoni rilevanti kollha relatata mal-proċeduri Pilota tal-UE, b'mod partikolari fil-każijiet relatati mal-petizzjonijiet riċevuti, inklużi l-iskambji ta' mistoqsijiet u tweġibiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati, tal-inqas meta tkun ġiet konkluża l-proċedura;

10.

Jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ proattiv u azzjoni korrettiva preventiva fil-ħin mill-Kummissjoni meta jkun hemm evidenza sostanzjata li ċerti proġetti ppjanati u ppubblikati setgħu kisru l-leġiżlazzjoni tal-UE; huwa mħasseb mix-xejra attwali fi ħdan il-Kummissjoni li timpedixxi l-inkjesti fis-sustanza ta' ħafna petizzjonijiet abbażi ta' raġunijiet proċedurali; ma jaqbilx mas-suġġerimenti rikorrenti li jingħalqu ħafna fajls relatati ma' petizzjonijiet speċifiċi mingħajr ma jiġu mistennija r-riżultati tal-investigazzjonijiet tal-kwistjonijiet imqajma, u jemmen li dan mhux konformi mal-ispirtu tar-rwol aħħari tal-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati; jitlob attenzjoni aktar skrupluża u azzjoni konsegwenti, b'mod partikolari fil-każijiet ippreżentati mill-petizzjonanti li jinvolvu ksur possibbli tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Kummissjoni nnifisha, pereżempju fil-qasam tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti, kif iggarantit mill-Konvenzjoni ta' Aarhus;

11.

Jinnota l-importanza li l-Kummissjoni Ewropea tiżgura rispons b'mod dettaljat u proattiv għall-petizzjonijiet kollha mill-iktar fis possibbli;

12.

Jitlob li, minħabba n-natura speċjali ta' dan il-Kumitat u l-ammont importanti ta' xogħol assoċjat mal-kuntatt ma' eluf ta' ċittadini u residenti li jirreġistraw petizzjonijiet kull sena, jiżdiedu r-riżorsi umani disponibbli għas-Segretarjat;

13.

Jenfasizza l-bżonn li tittejjeb il-korrispondenza maċ-ċittadini bl-għan li jiġu pproċessati t-talbiet tagħhom;

14.

Iqis essenzjali t-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali, mal-kumitati rilevanti tagħhom u mal-gvernijiet tal-Istati Membri, u li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiġu mħeġġa jittrasponu u japplikaw id-dritt tal-UE bi trasparenza sħiħa; jenfasizza l-importanza ta' kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri bl-għan li jiddefendu d-drittijiet taċ-ċittadini b'mod aktar effikaċi u aktar trasparenti, u jħeġġeġ il-preżenza tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħat; jindika l-ħtieġa li rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-ogħla livell possibbli jkunu preżenti għal-laqgħat u s-seduti tal-Kumitat meta l-kontenut tal-kwistjonijiet diskussi jkun jeħtieġ l-involviment tal-istituzzjonijiet imsemmija; itenni t-talba tar-riżoluzzjoni tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet fl-2013 (1) għat-tnedija ta' djalogu strutturat imtejjeb mal-Istati Membri, partikolarment billi jsiru laqgħat regolari ma' membri minn kumitati nazzjonali għall-petizzjonijiet jew awtoritajiet kompetenti oħra;

15.

Jistieden lill-Istati Membri jistandardizzaw fil-liġi l-obbligu tal-ħolqien ta' kumitati għall-petizzjonijiet fil-parlamenti nazzjonali li jkunu jiffunzjonaw tajjeb, peress li dan iżid b'mod sinifikanti l-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-parlamenti nazzjonali;

16.

Iqis li huwa essenzjali li l-Kumitat isaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-kumitati l-oħra tal-Parlament billi tintalab l-opinjoni tagħhom dwar il-petizzjonijiet, billi jiġu mistiedna l-membri tagħhom għad-dibattiti fl-oqsma tal-kompetenza rispettivi tagħhom, u billi jipparteċipaw aktar fix-xogħol tagħhom bħala kumitat għall-opinjoni dwar ċerti rapporti, u b'mod partikolari rapporti dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tajba tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri; jitlob li l-kumitati kompetenti jagħtu lill-petizzjonijiet mibgħuta lilhom kunsiderazzjoni xierqa u li dawn jipprovdu l-feedback meħtieġ għat-trattament korrett tal-petizzjonijiet;

17.

Jissottolinja l-importanza dejjem tikber tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet bħala kumitat ta' skrutinju li għandu jkun punt ta' referenza għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-livell amministrattiv fl-Istati Membri; itenni t-talba għal aktar dibattiti politiċi waqt is-sessjonijiet plenarji, u għal komunikazzjoni aktar qawwija dwar il-petizzjonijiet taċ-ċittadini Ewropej, espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2013;

18.

Jiddispjaċih li ma jistax ikun hemm aktar petizzjonanti li jippreżentaw il-każijiet tagħhom lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet direttament, parzjalment minħabba nuqqas ta' ħin għal-laqgħat u nuqqas ta' riżorsi umani fis-Segretarjat tal-Kumitat; jitlob li jitqassru l-perjodi li waqthom il-petizzjonanti jiġu infurmati bl-ipproċessar tal-petizzjonijiet tagħhom, u biex jittejjeb it-trattament ta' tali petizzjonijiet mill-kumitat; jappoġġja ż-żieda fl-użu tal-vidjokonferenzi jew kull mezz ieħor li jippermetti lill-petizzjonanti jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet anke jekk dawn ma jkunux jistgħu jkunu preżenti fiżikament;

19.

Jitlob l-istabbiliment immedjat ta' netwerk informali għall-petizzjonijiet fi ħdan il-Parlament, bil-parteċipazzjoni tal-Membri li jirrappreżentaw kull kumitat tal-Parlament sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni bla xkiel u effikaċi tal-ħidma relatata mal-petizzjonijiet, li se ttejjeb l-eżerċizzju tad-dritt ta' petizzjoni;

20.

Jindika r-rwol importanti li għandhom kumitati oħra tal-Parlament, inkluż il-mod kif waqt il-laqgħat jittrattaw kwistjonijiet imsemmija fil-petizzjonijiet li jikkonċernaw l-oqsma ta' responsabilità rispettivi tagħhom, u, meta jkun rilevanti, l-użu tagħhom ta' petizzjonijiet riċevuti bħala sors ta' informazzjoni għal proċessi leġiżlattivi;

21.

Jiddeplora l-fatt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma ġietx adottata fl-Istati Membri kollha u li ħafna nies qiesu li l-implimentazzjoni tagħha ma kenitx ċara u sa ċertu punt kienet ta' diżappunt; jiddeplora wkoll il-fatt li l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għadha ma ġietx adottata mill-UE skont l-Artikolu 6(2) tat-TUE u li ċ-ċittadini Ewropej m'għandhomx aċċess għal biżżejjed informazzjoni dwar il-proċeduri stabbiliti f'dan ir-rigward; jiddeplora l-interpretazzjoni stretta magħmula mill-Kummissjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li jistipula li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji u għall-aġenziji tal-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni; ifakkar li l-Kummissjoni sikwit iddikjarat l-impossibilità ta' aġir tagħha stess fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, meta l-Kumitat ikun għamel din it-talba, abbażi tal-Artikolu 51 tal-Karta; jenfasizza l-fatt li l-aspettattivi taċ-ċittadini sikwit imorru lil hinn minn dak li huwa permess mid-dispożizzjonijiet strettament legali tal-Karta; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tieħu aktar azzjoni biex tilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini u ssib approċċ ġdid għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 51;

22.

Jindika l-ħidma importanti mwettqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jieħu nota kif jixraq, f'dan ir-rigward, tal-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea (2); jenfasizza li l-Qafas tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu riżorsi adegwati, skont ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-kapaċità tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u s-Segretarjat tiegħu jkunu msaħħa, biex dan jippermetti lill-Kumitat jissodisfa r-rwol ta' protezzjoni tiegħu korrettament; jitlob il-ħatra ta' uffiċjal responsabbli mill-ipproċessar ta' kwistjonijiet relatati mad-diżabilità; jenfasizza r-rieda tal-Kumitat li jaħdem mill-qrib ma' kumitati leġiżlattivi oħra involuti fin-netwerk tal-Parlament dwar id-diżabilità; jinnota l-ħtieġa għal sforzi u azzjoni ulterjuri f'isem il-Kumitat għall-protezzjoni tal-persuni b'diżabilità, bħal azzjonijiet immirati lejn il-promozzjoni tar-ratifika rapida tat-Trattat ta' Marrakexx;

23.

Jenfasizza t-tħassib taċ-ċittadini dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), li fihom qed tipparteċipa l-Kummissjoni, kif ġie enfasizzat f'ħafna mill-petizzjonijiet riċevuti matul l-2014; jindika li huwa importanti li l-Kummissjoni Ewropea timplimenta urġentement ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew f'dan ir-rigward;

24.

Jindika l-opinjoni maħruġa mill-Kumitat dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-negozjati għat-TTIP, li fiha, kif enfasizzat f'għadd kbir ta' petizzjonijiet li waslu, hija tiċħad l-istrument ta' arbitraġġ magħruf bħala r-Riżoluzzjoni tat-Tilwim bejn l-Investitur u l-Istat (ISDS) u jiddispjaċih li l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ECI) kontra t-TTIP ġiet miċħuda;

25.

Jiddispjaċih li xi Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u jistedinhom jiffirmawha u jirratifikawha malajr kemm jista' jkun;

26.

Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiffirmaw u jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;

27.

Jistieden lill-Istati Membri jiffirmaw u jirratifikaw it-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Ippubblikati minn Persuni b'Vista Batuta u Persuni b'Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat mingħajr dewmien ulterjuri;

28.

Jinnota l-attenzjoni partikolari mogħtija lil ċerti petizzjonijiet dwar il-proġett ta' esplorazzjoni u esplojtazzjoni ta' riservi possibbli taż-żejt fil-Gżejjer Kanarji; jirrikonoxxi li l-petizzjonanti li, għal raġunijiet ambjentali oġġezzjonaw għall-proġett, ikkontribwew b'mod sinifikanti sabiex jiċċaraw id-dibattitu; jirrikonoxxi li l-kwistjonijiet ambjentali jibqgħu prijorità għall-petizzjonanti, fatt li jenfasizza n-nuqqasijiet tal-Istati Membri f'dan il-qasam; jinnota li għadd ta' dawn il-petizzjonijiet jikkonċerna l-immaniġġjar tal-iskart, is-sikurezza tal-provvista tal-ilma, l-enerġija nukleari, il-fratturazzjoni idrawlika u l-protezzjoni tal-ispeċijiet tal-annimali;

29.

Jenfasizza l-għadd kbir ta' petizzjonijiet riċevuti li jiċħdu l-użu tat-teknika tal-fratturazzjoni idrawlika għall-estrazzjoni tal-gass u taż-żejt mis-sottoswol u li jindikaw il-konsegwenzi ambjentali, ekonomika u soċjali marbuta mal-użu ta' din it-teknika;

30.

Jiddenunzja b'mod partikolari l-prattika tat-“tqassim f'biċċiet” tal-fajls, użata ripetutament fir-rigward ta' proġetti infrastrutturali jew ta' tħaffir ewlenin, li hija l-bażi ta' ħafna petizzjonijiet dwar kwistjonijiet ambjentali;

31.

Jinnota t-tħassib tal-petizzjonanti dwar l-allegati każijiet ta' inġustizzja li seħħew waqt proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji ta' separazzjoni jew ta' divorzju tal-ġenituri fejn jiġu mqajma kwistjonijiet dwar il-kustodja tat-tfal żgħar u l-adozzjonijiet furzati; jinnota, f'dan il-kuntest, li f'xi Stati Membri u fil-każ ta' koppji binazzjonali, jista' jkun hemm diskriminazzjoni abbażi ta' nazzjonalità favur il-ġenitur li jkun joriġina mill-Istat Membru fejn ikunu qed jitmexxew il-proċedimenti u kontra l-ġenitur li ma jkunx ċittadin ta' dak l-istat, b'riperkussjonijiet severi u ħafna drabi drammatiċi fuq id-drittijiet tat-tfal; jenfasizza li ġie notifikat b'każijiet li jinvolvu diversi Stati Membri (il-Ġermanja (b'mod partikolari b'referenza għall-ħidma tal-Uffiċċju għall-Protezzjoni tat-Tfal u ż-Żgħażagħ), Franza, in-Netherlands, is-Slovakkja, id-Danimarka) u n-Norveġja, u jilqa', f'dan ir-rigward, ir-reviżjoni li se ssir fl-2016 tar-Regolament Brussell IIa; jenfasizza li fl-2015 grupp ta' ħidma ġdid, inkarigat li jipprovdi reazzjoni rapida u koerenti għal dan it-tħassib, inħoloq fi ħdan il-Kumitat għall-Petizzjonijiet, u wettaq missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Renju Unit sabiex jinvestiga ilmenti ta' din in-natura in situ;

32.

Jindika l-għadd kbir ta' petizzjonijiet riċevuti li jikkritikaw bl-aħrax u jwissu dwar il-konsegwenzi tal-politiki tal-migrazzjoni, kummerċjali u barranin tal-UE f'termini tal-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet li jiżguraw id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni migranti; jindika l-obbligu tal-aġenziji, il-korpi u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, inkluż il-Frontex, li f'kull waqt għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-kamp ta' applikazzjoni rispettiv tagħhom;

33.

Jilqa' d-djalogu soċjali “Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal” organizzat kull sena mill-2007 fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, li għandu l-għan li jappoġġja d-drittijiet tat-tfal fil-kuntest tal-miżuri interni u esterni tal-UE; jinnota li l-parteċipanti f'dan id-djalogu huma rappreżentanti tal-Istati Membri, rappreżentanti tad-drittijiet tat-tfal, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kunsill tal-Ewropa, l-UNICEF u numru ta' NGOs;

34.

Jenfasizza d-diversità tat-temi li jitqajmu fil-petizzjonijiet imressqa miċ-ċittadini, bħad-drittijiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ta' persuni b'diżabilità, is-suq intern, il-liġi ambjentali, ir-relazzjonijiet industrijali, il-politiki tal-migrazzjoni, il-ftehimiet kummerċjali, il-kwistjonijiet tas-saħħa pubblika, il-benesseri tat-tfal, it-trasport, id-drittijiet tal-annimali u d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet jispeċjalizza l-ħidma tiegħu ulterjorment dwar il-politiki ewlenin li l-petizzjonanti jirreferu għalihom; jitlob li, sabiex ikun possibbli għall-Kumitat li jittratta din il-firxa intensiva u estensiva ta' petizzjonijiet, jiġu allokati aktar riżorsi lis-Segretarjat tiegħu;

35.

Jemmen li l-organizzazzjoni ta' seduti pubbliċi hija għodda importanti biex jiġu eżaminati l-problemi mqajma mill-petizzjonanti; jixtieq jiġbed l-attenzjoni għas-seduti pubbliċi organizzati mal-Kumitat għall-Ambjent fil-qafas tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej dwar “L-ilma, dritt tal-bniedem” u mal-Kumitat għall-Affarijiet Legali fil-qafas tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej intitolata “Wieħed minna”; jemmen li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) hija strument li jippromwovi demokrazija transnazzjonali, parteċipattiva u rappreżentattiva u li, ladarba r-regolament il-ġdid jiġi approvat, ikun jista' jippermetti li ċ-ċittadini jiġu involuti b'mod aktar dirett fit-tfassil, it-tressiq u l-prijoritizzazzjoni ta' politiki tal-UE u kwistjonijiet ta' leġiżlazzjoni li jkun meħtieġ li jiġu indirizzati; itenni l-impenn tiegħu li jipparteċipa b'mod proattiv fl-organizzazzjoni ta' seduti pubbliċi għal inizjattivi ta' suċċess; jieħu l-impenn li jagħti, fil-livell istituzzjonali, il-prijorità lill-effikaċja ta' dan il-proċess ta' parteċipazzjoni u l-iżgurar tas-segwitu leġiżlattiv dovut meta jkun xieraq; jilqa' l-użu ta' karatteristiċi ta' aċċessibilità għal persuni b'diżabilità, bħal pereżempju skrin li jaqleb it-test f'diskors waqt is-seduti;

36.

Jiddeplora t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-ftit ECIs ta' suċċess u jiddispjaċih li ftit li xejn kien hemm segwitu għall-uniku strument ta' demokrazija transnazzjonali fl-UE;

37.

Jiġbed l-attenzjoni lejn diversi riżoluzzjonijiet adottati fl-2014, bħal pereżempju r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport tal-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, “Ċittadini tal-UE: id-drittijiet tiegħek, il-futur tiegħek” (3), li wasslet għal dibattiti dwar l-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni u dwar id-dritt taċ-ċittadini li jivvutaw u ta' kandidatura għal elezzjoni; jiġbed l-attenzjoni għar-rapport annwali tal-kumitat dwar l-attivitajiet tal-Kumitat 2013 (A7-0131/2014) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2013 (4), b'mod partikolari f'dak li hu relatat mal-ftehim TTIP;

38.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkompli l-attivitajiet li nbdew fl-2013 marbutin mas-“Sena Ewropea taċ-Ċittadini” fl-2014 billi tenfasizza aktar l-elezzjonijiet Ewropej (li saru mit-22 sal-25 ta' Mejju 2014); jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li tinforma liċ-ċittadini dwar l-għodod li huma disponibbli għalihom sabiex jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u li tipprovdi f'din l-okkażjoni informazzjoni u pariri liċ-ċittadini tal-UE rigward id-drittijiet tagħhom u dwar l-istrumenti demokratiċi disponibbli għalihom biex jasserixxu dawk id-drittijiet; jenfasizza li għandhom isiru sforzi ulterjuri sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-elezzjonijiet Ewropej, meta wieħed iqis li n-numru ta' votanti għall-elezzjonijiet tal-2014 kien ta' anqas minn 50 % f'ħafna Stati Membri;

39.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikollu portal tal-internet kompletament operattiv li permezz tiegħu il-petizzjonanti jkunu jistgħu jirreġistraw, jissottomettu l-petizzjoni tagħhom, itellgħu dokumenti ta' sostenn, isostnu petizzjonijiet ammissibbli u jirċievu informazzjoni dwar il-petizzjonijiet tagħhom, kif ukoll emails awtomatiċi dwar tibdil fl-istatus tal-petizzjonijiet tagħhom, u li permezz tiegħu jkunu jistgħu jagħmlu kuntatt dirett ma' uffiċjali tal-UE sabiex jiksbu informazzjoni ċara u diretta dwar il-progress dwar il-kwistjonijiet imqajma fil-petizzjonijiet tagħhom; jiddispjaċih li l-perjodu ta' żmien mistenni għall-implimentazzjoni ma ġiex issodisfat u li ħafna mill-karatteristiċi mistennija għadhom mhux kompluti; iħeġġeġ lill-korpi amministrattivi responsabbli jħaffu l-passi meħtieġa biex tiġi konkluża l-implimentazzjoni tal-fażijiet tal-proġett li għadhom pendenti, u jiġi kkoreġut kwalunkwe nuqqas eżistenti; jenfasizza li għandhom jittieħdu passi ulterjuri sabiex tittejjeb it-trasparenza tal-proċess tal-petizzjonijiet;

40.

Jitlob approċċ komuni mill-Parlament Ewropew, mill-parlamenti nazzjonali u mill-awtoritajiet f'livelli aktar baxxi fl-Istati Membri, ma' korpi ta' appell xierqa, sabiex ikun magħmul ċar liċ-ċittadini liema livell, u liema istanza, jistgħu jiġu indirizzati mill-petizzjonijiet tagħhom;

41.

Jitlob valutazzjoni effikaċi tal-persunal tas-Segretarjat għall-Petizzjonijiet iffukata fuq il-kisba tal-adegwatezza kwalitattiva u kwantitattiva f'rikonoxximent tal-akkumulazzjoni kbira tal-petizzjonijiet u d-dewmien kontinwu fl-ipproċessar tagħhom; jemmen li trattament u kunsiderazzjoni xierqa tal-petizzjonijiet approvati, flimkien ma' għoti ta' feedback ġust lill-petizzjonanti, huma punti prinċipali fit-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-soċjetà ċivili Ewropea u l-istituzzjonijiet Ewropej;

42.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata informazzjoni iżjed kostruttiva għaċ-ċittadini permezz tal-portal tal-internet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet billi jiġu organizzati seminars ta' taħriġ fl-Istati Membri.

43.

Jenfasizza r-rwol importanti tan-netwerk SOLVIT, li ta' sikwit iqajjem u jsolvi problemi marbuta mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittejjeb din l-għodda, tippermetti l-aċċess għall-informazzjoni kollha disponibbli permezz ta' SOLVIT lill-membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, u żżommhom infurmati fil-każijiet relatati mal-petizzjonijiet reġistrati;

44.

Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet mal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE u mal-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri; iqis li djalogu msaħħaħ u kooperazzjoni sistematika mal-Istati Membri, speċjalment mal-kumitati għall-petizzjonijiet tal-Parlamenti nazzjonali, huma essenzjali; jirrakkomanda li l-parlamenti tal-Istati Membri kollha li għadhom ma għamlux dan jiffurmaw kumitati għall-petizzjonijiet; iqis li ż-żjara fil-Kumitat tat-2 ta' Diċembru 2014 tminn delegazzjoni tal-kumitat għall-petizzjonijiet tal-Parlament Skoċċiż kienet eżempju ta' tali kooperazzjoni, u li tali sħubijiet se jippermettu li jiġu skambjati l-aħjar prattiki, li jiġu miġbura flimkien l-esperjenzi akkwistati u tiġi żviluppata proċedura effikaċi u sistematika ta' trażmissjoni tal-petizzjonijiet lill-korpi kompetenti;

45.

Jenfasizza li kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri hija essenzjali għall-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkollhom rwol proattiv fit-tweġibiet għal petizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni u l-infurzar tad-dritt tal-UE u jqis importanti ħafna l-preżenza u l-kooperazzjoni attiva tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jindika l-preżenza ta' rappreżentanti tal-Gvern Grieg fil-laqgħa tal-10 ta' Frar 2014, li fiha ġie ppreżentat rapport dwar il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fil-Greċja dwar l-immaniġġjar tal-iskart (18-20 ta' Settembru 2013);

46.

Ifakkar li l-missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni huma wieħed mill-aktar strumenti importanti ta' investigazzjoni li għandu l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, kif previst mir-regoli, għalkemm ma saret l-ebda waħda fl-2014; iqis li huwa essenzjali li s-segwitu ta' petizzjonijiet li qed jiġu investigati matul il-missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni ma jiqafx għal kollox, inkluż bejn l-elezzjonijiet Ewropej u r-rikostituzzjoni tal-Parlament, u jistieden lill-kumitati tal-Parlament jagħmlu l-arranġamenti xierqa; jenfasizza l-ħtieġa li aktar missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni jirriżultaw f'rakkomandazzjonijiet ċari ffukati fuq is-soluzzjoni tal-problemi tal-petizzjonanti; jistenna li mill-2016 titkompla l-attività regolari tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet f'termini ta' missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni;

47.

Jistieden lill-Greċja tieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport tal-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni, adottat mill-Kumitat fi Frar 2014, dwar il-ġbir tal-iskart u l-lokalizzazzjoni tal-miżbliet fil-Greċja; jitlob lill-Kummissjoni timmonitora b'attenzjoni l-użu li jsir mill-fondi allokati għall-ġbir tal-iskart; jitlob lill-Istati Membri jirrispettaw id-direttivi tal-UE dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart;

48.

Jagħti importanza kbira lill-preżenza u l-kooperazzjoni attiva tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jilqa' u jħeġġeġ il-preżenza ta' rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, il-parteċipazzjoni tagħhom u l-kooperazzjoni attiva tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċess tal-petizzjonijiet;

49.

Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni mal-Ombudsman Ewropew kif ukoll l-involviment tal-Parlament fin-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; ifaħħar ir-relazzjonijiet interistituzzjonali eċċellenti bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet; japprezza b'mod partikolari l-kontribut regolari tal-Ombudsman għax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena kollha;

50.

Jistenna bil-ħerqa li titjieb il-kooperazzjoni mal-kumitati għall-petizzjonijiet fil-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri differenti, fejn dawn ikunu jeżistu; jimpenja ruħu li joffri gwida fl-istabbiliment ta' tali kumitati fl-Istati Membri l-oħrajn li jixtiequ jagħmlu dan;

51.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom u lill-ombudsmen nazzjonali tagħhom jew lil korpi simili kompetenti.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2014)0204.

(2)  Adottat mill-Kumitat tan-NU, fl-erbatax-il sessjoni tiegħu (17 ta' Awwissu – 4 ta' Settembru 2015); see: http://tbinternet.ohchr.org/_layouts/treatybodyexternal/Download.aspx?symbolno=CRPD%2fC%2fEU%2fCO%2f1&Lang=en

(3)  Testi adottati, P7_TA(2014)0233.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2015)0009.